Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0222

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Ottubru 2014.
    TDC A/S vs Erhvervsstyrelsen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Teleklagenævnet.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2022/22/KE – Artikolu 32 – Servizzi addizzjonali obbligatorji – Mekkaniżmu ta’ kumpens tal-ispejjeż marbuta mal-provvista ta’ dawn is-servizzi – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
    Kawża C‑222/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2265

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    9 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2022/22/KE — Artikolu 32 — Servizzi addizzjonali obbligatorji — Mekkaniżmu ta’ kumpens tal-ispejjeż marbuta mal-provvista ta’ dawn is-servizzi — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

    Fil-Kawża C‑222/13,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Teleklagenævnet (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2013, fil-proċedura

    TDC A/S

    vs

    Erhvervsstyrelsen,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, E. Jarašiūnas (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2014,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal TDC A/S, minn O. Spiermann, avukat,

    għall-Erhvervsstyrelsen, minn J. Pinborg, avukat,

    għall-Gvern Daniż, inizjalment minn V. Pasternak Jørgensen, sussegwentement minn C. Thorning, bħala aġenti, assistiti minn J. Pinborg u P. Biering, avukati,

    għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn M. Simonsen, sussegwentement minn L. Nicolae u G. Conte, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 11, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva ‘Servizz Universali”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TDC A/S (iktar ’il quddiem “TDC”) u l-Erhvervsstyrelsen (Uffiċċju Daniż tal-Impriżi), dwar iċ-ċaħda ta’ talba għal kumpens tal-ispejjeż marbuta mal-provvista ta’ servizzi addizzjonali obbligatorji.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva “Servizz Universali”, bit-titolu “Suġġett u ambitu”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1:

    “Fl-ambitu tal-qafas tad-Direttiva 2002/21/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)], din id-Direttiva tikkonċerna l-fornimet ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika lil utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-Komunità kollha ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ kwalità tajba permezz ta’ kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta ċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġijiet tal-utenti finali ma jkunux sodisfatti b’mod sodisfaċjenti mis-suq. Din id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tagħmir terminali fil-postijiet fejn joperaw l-konsumaturi. Din id-Direttiva tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar ċerti aspetti ta’ tagħmir ta’ terminal, inklużi dispożizzjonijiet maħsuba biex jiġi faċilitat aċċess għal utenti b’diżabbiltà.”

    4

    L-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”, bit-titolu “Servizzi addizzjonali obbligatorji”, jistabbilixxi:

    “L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu servizzi addizzjonali, barra minn servizzi fl-obbligi ta’ servizz universali kif definiti fil-Kapitolu II, pubblikament disponibbli fit-territorju tagħhom stess iżda, f’dawk iċ-ċirkostanzi, ebda mekkaniżmu ta’ kumpens li jinvolvi mpriżi speċifiċi ma jista’ jiġi mpost.”

    Id-dritt Daniż

    5

    Il-Liġi dwar il-kompetizzjoni u l-konsum fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet (Lov om konkurrence- og forbrugerforhold på telemarkedet), applikabbli għall-kawża prinċipali, ittrasponiet fid-dritt Daniż id-Direttiva “Servizz Universali”.

    6

    Skont it-Teleklagenævnet (Kummissjoni għar-rikorsi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet), l-Artikolu 16(2) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha kkodifikata bid-Digriet Nru 780, tat-28 ta’ Ġunji 2007, u emendata bil-Liġi Nru 1412, tas-27 ta’ Diċembru 2008 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2007”), kien jistabbilixxi li kellhom jiġu żgurati, billi jiġi nnominat operatur ta’ servizz universali wieħed jew iktar, is-servizzi segwenti: servizz ta’ telefon fiss, is-servizzi ta’ netwerk diġitali li jintegra s-servizzi (RNIS), linji mikrija, is-servizzi intiżi għal persuni b’diżabbiltà, servizzi li jipprovdu tagħrif telefoniku u s-servizzi ta’ sigurtà.

    7

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-Artikolu 20 tal-Liġi 2007 kien jinkludi regoli dwar il-kumpens ta’ defiċits fil-kuntest tal-provvista tas-servizz universali. Dawn ir-regoli ġew riprodotti bi kliem essenzjalment identiku għal dawk ta’ dan l-artikolu fil-Liġi Nru 169, dwar in-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (lov nr. 169 om elektroniske kommunikationsnet og -tjenester), tat-3 ta’ Marzu 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 169”).

    8

    Wara li r-Renju tad-Danimark irċieva notifika ta’ ittra ta’ intimazzjoni u ta’ opinjoni motivata mill-Kummissjoni Ewropea, il-Liġi Nru 169 ġiet emendata bil-Liġi Nru 250, tal-31 ta’ Marzu 2012, u issa tipprovdi l-possibbiltà, għall-impriża kkonċernata, li tkopri d-defiċits li rriżultaw wara l-1 ta’ April 2012 fil-kuntest tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ urġenza marittima, mingħajr tnaqqis tal-profitti magħmula skont is-servizzi l-oħra dwar l-obbligu ta’ servizzi universali ta’ din l-impriża.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    TDC, li kienet tappartjeni għall-Istat sal-privatizzazzjoni li seħħet fl-1997, hija, fid-Danimarka, l-operatur prinċipali fis-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

    10

    Mis-sena 1998, TDC hija responsabbli li tiżgura, fid-Danimarka u fil-Groenlandja, is-servizzi ta’ sigurtà u ta’ urġenza marittima li jippermettu lill-bastimenti jitolbu assistenza meta jkunu f’sitwazzjoni ta’ diffikultà. Barra minn hekk, TDC tiżgura, fid-Danimarka, servizzi li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali, fis-sens tal-Kapitolu II tad-Direttiva “Servizz Universali”, u b’mod partikolari, it-telefonija bażika.

    11

    Abbażi tal-Liġi tal-2007, TDC setgħet biss tirċievi mill-Istat kumpens tal-ispejjeż netti marbuta mal-imsemmija servizzi ta’ sigurtà u ta’ urġenza marittima jekk l-obbligi kollha ta’ servizz universali u ta’ servizzi addizzjonali obbligatorji kienu f’defiċit.

    12

    TDC, billi sostniet li din il-liġi ma kinitx konformi mal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”, ippreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni. Wara bosta skambji ta’ opinjonjiet mal-awtoritajiet Daniżi u TDC, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tad-Danimarka ittra ta’ intimazzjoni u opinjoni motivata, rispettivament fis-27 ta’ Jannar u fid-29 ta’ Settembru 2011.

    13

    Ir-Renju tad-Danimarka, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, iddeċieda li jemenda l-leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni, b’effett mill-1 ta’ April 2012. Minn din id-data, l-Istat għandu jsostni l-ispiża tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ urġenza marittima żgurata fid-Danimakra u fi Groenlandja. Għalhekk, il-Kummissjoni rrinunċjat li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru.

    14

    Sussegwentement għall-imsemmija emendi, il-leġiżlazzjoni Daniża tipprovdi għal kumpens, mill-Istat, tal-ispejjeż netti tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ urġenza marittima, irrispettivament mill-fatt li l-obbligi l-oħra ta’ servizz universali jwasslu għal profitt jew għal defiċit.

    15

    Fid-29 ta’ Lulju 2011, TDC talbet lill-Erhvervsstyrelsen il-kumpens tal-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ urġenza marittima għas-sena 2010. Fis-26 ta’ Settembru 2011, din l-impriża ppreżentat talba identika għas-snin 2007 sal-2009.

    16

    Fl-24 ta’ Novembru 2011, l-Erhvervsstyrelsen ċaħad dawn it-talbiet ta’ kumpens għaliex, b’mod partikolari, il-kreditu marbut mas-sena 2007 kien preskritt, it-terminu li fih tali talba setgħet titressaq għas-snin 2008 u 2009 kien skada u l-Liġi tal-2007, li dak iż-żmien kienet fis-seħħ, ma kinitx tippermetti li tintlaqa’ talba għal kumpens marbuta mas-sena 2010, mingħajr ma jitnaqqsu l-profitti li ġejjin mis-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali, fis-sens tal-Kapitolu II tad-Direttiva “Servizz Universali”.

    17

    TDC appellat id-deċiżjonijiet tal-Erhvervsstyrelsen li jiċħdu t-talbiet tagħha quddiem it-Teleklagenævnet, li kkonfermat, b’deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2012, id-deċiżjonijiet tal-Erhvervsstyrelsen dwar it-talbiet għal kumpens marbuta mas-snin 2007 sa 2009.

    18

    Fir-rigward tat-talba għal kumpens marbuta mas-sena 2010, it-Teleklagenævnet iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    Id-Direttiva [‘Servizz Universali’] u, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha jipprekludu lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li impriża ma għandhiex dritt għall-irkupru speċifiku mill-Istat Membru tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali li ma jaqax taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva, meta l-profitti magħmula mill-impriża għal servizzi oħrajn li jagħmlu parti mill-obbligi tagħha ta’ servizz universali fis-sens tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva jkunu ogħla mit-telf marbut mal-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali?

    2)

    Id-Direttiva Servizz Universali tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-impriżi għandhom dritt għall-irkupru mill-Istat Membru tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva biss jekk l-ispiża netta tikkostitwixxi oneru mhux ġustifikat għall-impriżi inkwistjoni?

    3)

    Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li l-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali li ma jaqax taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva [‘Servizz Universali’] ma tinvolvix oneru mhux ġustifikat meta l-impriża tkun għamlet, globalment, profitt fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi kollha li għalihom hija għandha obbligu ta’ servizz universali, u b’mod partikolari fil-provvista tas-servizzi li l-impriża kienet xorta tagħti kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali?

    4)

    Id-Direttiva Servizz Universali tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-ispiża netta sostnuta minn impriża inkarigata fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ servizz universali fis-sens tal-Kapitolu II tad-Direttiva hija kkalkolata abbażi tad-dħul u tal-ispejjeż kollha li huma marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, u b’mod partikolari tad-dħul u tal-ispejjeż li l-impriża kienet tagħmel xorta waħda kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali?

    5)

    Ir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domandi hija affettwata mill-fatt li l-ġestjoni ta’ servizz obbligatorju addizzjonali għandha tiġi pprovduta fil-Groenlandja li, skont l-Anness II tat-[Trattat FUE], huwa pajjiż jew territorju extra-Ewropew, meta din il-ġestjoni tiġi fdata minn awtoritajiet Daniżi lil impriża stabbilita fid-Danimarka u din l-impriża ma jkollhiex attivitajiet oħra fil-Groenlandja?

    6)

    X’inhuwa l-effett tal-Artikoli 107(1) [TFUE] u 108(3) TFUE, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni [2012/21/UE] tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) [TFUE] għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali [(ĠU L 2012, L 7, p. 3)] fuq ir-risposta għall-ewwel sal-ħames domandi?

    7)

    X’inhuwa l-effett tal-prinċipju ta’ distorsjoni minima fil-kompetizzjoni, imsemmi b’mod partikolari fl-Artikoli 1(2), 3(2) u fil-premessi 4, 18, 23 u 26, kif ukoll fil-Parti B tal-Anness IV, tad-Direttiva Servizz Universali fuq ir-risposta għall-ewwel sal-ħames domandi?

    8)

    Jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Servizz Universali jipprekludu s-sistemi legali nazzjonali msemmija fid-domandi 1, 2 u 4, dawn id-dispożizzjonijiet jew dawn ir-restrizzjonijiet għandhom effett dirett?”

    Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

    19

    In-natura tal-ġurisdizzjoni tat-Teleklagenævnet, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE tqiegħdet f’dubju mill-Kummissjoni fejn din tal-aħħar issostni li dan l-organu ma jissodisfax il-kriterji kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala qorti jew tribunal. Il-Kummissjoni tenfasizza, minn naħa, li t-tressiq ta’ kawża quddiem dan l-organu ma huwiex obbligatorju, peress li l-appelli mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Erhvervsstyrelsen jistgħu jiġu ppreżentati kemm quddiem it-Teleklagenævnet kif ukoll direttament quddiem il-qrati. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni Daniża ma tipprovdix garanziji partikolari fir-rigward tar-revoka tal-membri tat-Teleklagenævnet jew l-annullament tan-nomina ta’ dawn tal-aħħar u, għalhekk, hija ma hijiex ta’ natura li tipprekludi l-interventi jew il-pressjonijiet indebiti tas-setgħa tal-eżekuttiv fuq il-membri ta’ dan l-organu.

    20

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, it-Teleklagenævnet tqis li hija tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikklassifika organu ta’ Stat Membru bħala qorti jew tribunal, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    21

    Fl-ewwel lok, it-Teleklagenævnet tesponi li hija hi organu pubbliku permanenti li tiddeċiedi l-kawżi, stabbilita bil-Liġi Nru 169, u li l-modalitajiet tal-funzjonament tagħha huma ffissati bid-Digriet Nru 383, tal-21 ta’ April 2011.

    22

    Fit-tieni lok, hija tippreċiża li tiddeċiedi b’mod definittiv fil-qasam amministrattiv fuq ir-rikorsi mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Erhvervsstyrelsen u li d-deċiżjonijiet tagħha huma vinkolanti għall-partijiet, bla ħsara għall-eżerċitar ta’ rikors quddiem il-qrati ġudizzjarji, f’terminu ta’ tmien ġimgħat. Bħala regola ġenerali, l‑Erhvervsstyrelsen ma jistax jippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet tat-Teleklagenævnet, quddiem il-qrati ġudizzjarji.

    23

    Fit-tielet lok, it-Teleklagenævnet tindika li l-membri tagħha huma maħtura mill-Ministru tal-Intrapriżi u tat-Tkabbir għal tul ta’ erba’ snin, u t-tiġdid tal-mandat tagħhom huwa possibbli. Dan il-ministru jista’, fost dawn il-membri, jaħtar ġurista bħala viċi-president, li jista’ jissostitwixxi l-president fil-każ ta’ impediment jew ta’ rikuża ta’ dan tal-aħħar. L-imsemmija membri huma indipendenti mill-amministrazzjoni fuq il-pjan personali u fuq il-pjan professjonali u ma humiex suġġetta għall-awtorità tal-imsemmi ministru. It-Teleklagenævnet hija komposta minn president, li għandu jkun ġurista, u minn erba’ sa sitt membri oħra. Hija tiddeċiedi fuq bażi ta’ maġġoranza sempliċi u, fil-każ ta’ voti ugwali, il-vot tal-president huwa deċiżiv.

    24

    Fir-raba’ lok, it-Teleklagenævnet issemmi li l-proċedura segwita quddiemha hija purament bil-miktub, iżda hija għandha tiżgura li l-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet sabiex il-fatti kollha relevanti tal-kawża jkunu ċari, skont il-prinċipju ta’ kontradittorju.

    25

    Għaldaqstant, it-Teleklagenævnet għandha bażi legali, hija stabbilita b’mod permanenti, il-membri tagħha jipprovdu l-garanziji kollha ta’ indipendenza, id-deċiżjonijiet tagħha huma vinkolanti, u hija tapplika r‑regoli tad-dritt kif ukoll proċedura simili għal dik segwita fil-qrati ġudizzjarji, billi tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju.

    26

    Il-Gvern Daniż, fir-risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, isostni li t-Teleklagenævnet għandha tiġi kklassifikata bħala qorti jew tribunal fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Huwa jenfasizza li dan l-organu jissodisfa l-kriterji marbuta mal-bażi legali, mal-permanenza u mal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt. Barra minn hekk, huwa jindika li għalkemm ma hemmx dubju li l-kundizzjonijiet ta’ revoka tal-membri ta’ dan l-organu ma humiex iddefiniti b’mod partikolari mil-leġiżlazzjoni Daniża, dawn il-membri huma protetti mir-revoka arbitrarja u abbużiva, skont ir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali. Matul is-seduta, dan il-Gvern enfasizza li s-setgħa ta’ revoka tal-imsemmija membri tappartjeni lill-persuna li jkollha s-setgħa li tinnomina, jiġifieri l-Ministru tal-Intrapriżi u tat-Tkabbir.

    27

    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-organu tar-rinviju għandux in-natura ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ biss taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ elementi, bħall-bażi legali tal-organu, il-permanenza tiegħu, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex mandatorja, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-organu, tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Belov, C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 38, u d-Digriet Merck Canada, C‑555/13, EU:C:2014:92, punt 16).

    28

    Għandu fl-ewwel lok jiġi eżaminat il-kriterji dwar l-indipendenza tat-Teleklagenævnet.

    29

    Il-kunċett ta’ indipendenza, li huwa inerenti mal-inkarigu li tingħata deċiżjoni, jimplika qabelxejn li l-istanza kkonċernata jkollha l-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-awtorità li adottat id-deċiżjoni suġġetta għal rikors (sentenza RTL Belgium, C‑517/09, EU:C:2010:821, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Dan il-kunċett fih żewġ aspetti. L-ewwel aspett, estern, jippreżumi li l-istanza tkun protetta minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tad-deċiżjoni tal-membri tagħha fir-rigward tal-kawżi mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 51, kif ukoll Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 18).

    31

    It-tieni aspett, intern, jissieħeb mal-kunċett ta’ imparzjalità u jikkonċerna l-ekwidistanza fir-rigward tal-partijiet fil-kawża u tal-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett tagħha. Dan l-aspett jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fis-soluzzjoni tal-kawża lil hinn mill-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (sentenza Wilson, EU:C:2006:587, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    Tali garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità jeħtieġu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju raġonevoli, fil-moħħ tal-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi li tkun affrontata bihom (sentenza Wilson, EU:C:2006:587, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex il-kundizzjoni dwar l-indipendenza tal-organu ta’ rinviju titqies li hija sodisfatta, il-ġurisprudenza teżiġi, b’mod partikolari, li l-każijiet ta’ revoka tal-membri ta’ dan l-organu jkunu ddeterminati minn dispożizzjonijiet espressi tal-liġi (sentenza D. u A., C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 97, u d-Digriet Pilato, C‑109/07, EU:C:2008:274, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    F’din il-kawża, fir-rigward tar-regoli ta’ ħatra tal-membri tat-Teleklagenævnet, għandu jiġi rrilevat li mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Daniż jirriżulta b’mod partikolari li dawn huma maħtura mill-Ministru tal-Intrapriżi u tat-Tkabbir għal perijodu ta’ erba’ snin, u t-tiġdid tal-mandat tagħhom huwa possibbli.

    34

    Fir-rigward tal-kwistjoni tar-revoka tal-membri tat-Teleklagenævnet, il-Gvern Daniż ikkonferma matul is-seduta li dawn tal-aħħar setgħu jitneħħew mill-funzjonijiet tagħhom mill-imsemmi ministru, li għandu wkoll is-setgħa li jaħtarhom.

    35

    Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Daniż jirriżulta li, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Daniża tistabbilixxi proċedura partikolari fir-rigward tar-revoka tal-imħallfin tal-qrati ġudizzjarji, il-membri tat-Teleklagenævnet jistgħu jiġu rrevokati u li l-kundizzjonijiet tar-revoka tagħhom ma humiex is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni partikolari, peress li, fil-każ ta’ revoka abbużiva, japplikaw għalihom biss ir-regoli ġenerali tad-dritt amministrattiv u tad-dritt industrijali.

    36

    Għalhekk, ma jidhirx li r-revoka tal-membri tat-Teleklagenævnet hija suġġetta għal garanziji partikolari li jippermettu li jiġi eliminat kull dubju leġittimu dwar l-indipendenza ta’ dan l-organu (ara, b’analoġija, id-Digriet Pilato, EU:C:2008:274, punt 28).

    37

    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, rikors kontra deċiżjoni tat-Teleklagenævnet jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-qrati ġudizzjarji. Fil-każ ta’ preżentata ta’ tali rikors, it-Teleklagenævnet għandha l-kwalità ta’ konvenuta. Din il-parteċipazzjoni tat-Teleklagenævnet f’proċedura li tqiegħed inkwistjoni d-deċiżjoni tagħha stess timplika li, meta tadotta l-imsemmija deċiżjoni, it-Teleklagenævnet ma għandhiex il-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-interessi preżenti u ma għandhiex l-imparzjalità meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza RTL Belgium, EU:C:2010:821, punt 47). Din l-organizzazzjoni ta’ appell minn deċiżjoni tat-Teleklagenævnet għalhekk turi n-natura mhux ġudizzjarja tad-deċiżjonijiet mogħtija minn dan l-organu (ara, b’analoġija, id-Digriet MF 7, C‑49/13, EU:C:2013:767, punt 19).

    38

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk it-Teleklagenævnet tissodisfax il-kriterji l-oħra li jippermettu li jiġi evalwat jekk dan l-organu għandux in-natura ta’ qorti jew tribunal, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domandi magħmula.

    Fuq l-ispejjeż

    39

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domandi magħmula mit-Teleklagenævnet (id-Danimarka), fid-deċiżjoni tagħha tat-22 ta’ April 2013.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

    Top