Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0124

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Diċembru 2015.
    Il-Parlament Ewropew u Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament — Regolament (UE) Nru 1243/2012 — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 43(2) u (3) TFUE — Deċiżjoni politika — Pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz.
    Kawżi magħquda C-124/13 u C-125/13.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2015:790

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    1 ta’ Diċembru 2015 ( * )

    “Rikors għal annullament — Regolament (UE) Nru 1243/2012 — Għażla tal-bażi legali — Artikolu 43(2) u (3) TFUE — Deċiżjoni politika — Pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz”

    Fil-Kawżi magħquda C‑124/13 u C‑125/13,

    li għandhom bħala suġġett rikorsi għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentati fl-14 ta’ Marzu 2013,

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn I. Liukkonen, L. Knudsen u R. Kaškina, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C‑124/13),

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouquet, K. Banks u A. Szmytkowska, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C‑125/13),

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn E. Sitbon, A. de Gregorio Merino u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn A. Sampol Pucurull u N. Díaz Abad, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, D. Colas, R. Coesme u C. Candat, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Nowacki u A. Miłkowska, bħala aġenti,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano (Relatur), Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz, J. L. da Cruz Vilaça, A. Arabadjiev, u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits, J.‑C. Bonichot, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Wahl,

    Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Frar 2015,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Mejju 2015,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikorsi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea qegħdin jitolbu l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2012, tad-19 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet (ĠU L 352, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002

    2

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), tħassar bir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Diċembru 2013, dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, p. 22).

    3

    Il-premessi 6 u 7 tar-Regolament bażiku kienu fformulati kif ġej:

    “(6)

    L-għan ta’ sfruttar sostenibbli jinkiseb aktar effettivament permezz ta’ trattament fuq ħafna snin ta’ maniġġjar ta’ żoni tas-sajd, li jinvolvi pjanijiet ta’ tmexxija għal ħafna snin f’limiti bijoloġiċi bla periklu. Għal ħażniet lilhinn mil-limiti bijoloġiċi bla periklu, l-adozzjoni ta’ pjani ta’ rkupru fuq diversi snin hi ta’ prijorità assoluta. F’konformità ma’ pariri xjentifiċi, tnaqqis sostanzjali mill-isforz għas-sajd jista’ jkun meħtieġ għal dawn il-ħażniet.

    (7)

    Dawn il-pjanijiet fuq numru ta’ snin għandhom jistabbilixxu miri għall-isfruttar sostenibbli tal-ħażniet konċernati, joħolqu regoli dwar il-qbid li jippreskrivu l-mod kif il-limiti dwar l-isforzi għal qabdiet u/jew sajd għandhom jiġu kalkolati u jiddisponu għal miżuri oħra speċifiċi ta’ amministrazzjoni, waqt li jitqies ukoll l-effett fuq speċi oħra.”

    4

    L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament kien jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-politika komuni tas-sajd (PKS) b’dan il-mod:

    “1.   Il-[PKS] għandha tkopri l-konservazzjoni, l-amministrazzjoni u l-isfruttar tar-riżorsi akwatiċi ħajjin, ta’ l-akwakultura, u tal-proċessar u l-marketing ta’ prodotti tas-sajd u l-akwakultura meta dawn l-attivitajiet jitwettqu fuq it-territorju ta’ Stati Membri jew f’ilmijiet tal-Komunità jew minn bastimenti tas-sajd tal-Komunità jew, bla ħsara għar-responsabbiltà ewlenija ta’ l-Istat tal-bandiera, minn ċittadini ta’ Stati Membri.

    2.   Il-[PKS] għandha tiddisponi għal miżuri koerenti dwar:

    (a)

    konservazzjoni, amministrazzjoni u sfruttar ta’ riżorsi akwatiċi ħajjin,

    [...]”

    5

    L-għanijiet tal-PKS kienu ddefiniti fl-Artikolu 2(1) tal-istess regolament fit-termini segwenti:

    “Il-[PKS] għandha tiżgura l-isfruttar tar-riżorsi akwatiċi ħajjin li joħolqu kondizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali sostenibbli.

    Għal dan il-għan, il-Komunità għandha tapplika trattament kawt fit-teħid ta’ miżuri maħsuba biex iħarsu u jikkonservaw riżorsi akwatiċi ħajjin, biex jaħsbu għall-isfruttar sostenibbli tagħhom u biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-impatt ta’ l-attivitajiet tas-sajd fuq l-eko-sistemi tal-baħar. Għandha timmira lejn implimentazzjoni progressiva ta’ trattament bażat fuq eko-sistema fl-amministrazzjoni ta’ żoni tas-sajd. [...]”

    6

    L-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku, li kien jistabbilixxi t-tipi ta’ miżuri li kellhom jittieħdu sabiex jintlaħaq l-għan ta’ sostenibbiltà, kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

    “[...] Jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu miżuri għal kull ħażna jew grupp ta’ ħażniet biex ikunu limitati l-mortalità tas-sajd u l-impatt ambjentali ta’ attivitajiet tas-sajd billi:

    (a)

    jiġu adottati pjanijiet ta’ rkupru skond l-Artikolu 5;

    (b)

    jiġu adottati pjanijiet ta’ maniġġjar skond l-Artikolu 6;

    [...]”

    Ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008

    7

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008, tat-18 ta’ Diċembru 2008, li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawn l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 (ĠU L 348, p. 20, u rettifika fil-ĠU 2010 L 231, p. 6), kien ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament fuq il-bażi tal-Artikolu 37 tat-Trattat KE.

    8

    Il-premessi 7 u 9 ta’ dan ir-regolament huma fformulati hekk:

    “(7)

    Sabiex jiġi żgurat li l-miri ta’ mortalità mis-sajd jintlaħqu, u sabiex jiġi minimizzat ir-rimi, l-opportunitajiet tas-sajd fir-rigward tal-isforz tas-sajd għandhom ukoll ikunu stabbiliti f’livelli li jkunu konsistenti mal-istrateġija pluriennali. [...]

    [...]

    (9)

    L-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-limiti tal-qbid, l-iffissar tal-livelli minimi u ta’ prekawzjoni tal-istokkijiet u tal-livell tar-rati ta’ mortalità mis-sajd, kif ukoll l-isforz massimu permissibbli għal kull grupp ta’ sforz mill-Istat Membru u l-esklużjoni ta’ ċerti gruppi ta’ bastimenti mir-reġim tal-isforz stabbilit f’dan ir-Regolament huma miżuri ta’ importanza ewlenija fil-[PKS]. [...]”

    9

    L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jiddeskrivi l-għan tal-pjan ta’ rkupru tal-istokkijiet tal-merluzz, li huwa li jiżgura “l-isfruttament sostenibbli [ta’ dawn l-]istokkijiet [...] abbażi ta’ rendiment sostenibbli massimu”. Skont l-Artikolu 5(2) u (3) ta’ dan ir-regolament, dan l-għan għandu jintlaħaq billi tinżamm ċerta rata ta’ mortalità għall-merluzz.

    10

    Sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, l-istess regolament jipprevedi, fl-Artikoli 6 sa 10 tiegħu, regoli speċifiċi dwar l-iffissar annwali tal-qabdiet totali permissibbli (TAC) u, fl-Artikoli 11 sa 17 tiegħu, regoli dwar il-limitazzjoni tal-isforz tas-sajd.

    11

    B’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1342/2008, fil-verżjoni tiegħu li kienet fis-seħħ qabel ġie emendat bir-Regolament ikkontestat, kien jipprevedi, fl-Artikolu 9 tiegħu, regoli ddettaljati dwar l-iffissar tat-TAC fuq il-bażi ta’ data insuffiċjenti fil-każ li r-regoli dwar l-iffissar tat-TAC previsti fl-Artikoli 7 u 8 tiegħu ma kinux ikunu jistgħu jiġu applikati minħabba nuqqas ta’ informazzjoni suffiċjentement preċiża u rappreżentattiva. Fl-Artikolu 12 tiegħu, l-imsemmi regolament kien jiddefinixxi wkoll kif jiġi kkalkolat il-massimu permissibbli tal-isforz tas-sajd.

    Ir-regolament ikkontestat

    12

    Il-premessi 3 sa 5 tar-regolament ikkontestat huma fformulati hekk:

    “(3)

    L-evalwazzjoni xjentifika tal-prestazzjoni tal-Pjan għall-Merluzz imwettqa mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (is-STECF) żvelat li kien hemm għadd ta’ problemi marbutin mat-tfassil u l-funzjonament tal-Pjan għall-Merluzz. Mingħajr ma jitqajmu [qajjem] mistoqsijiet dwar l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz, l-STECF ikkonkluda li dawk l-objettivi x’aktarx ma jintlaħqux f’perijodu ta’ żmien li jkun konformi mal-konklużjonijiet tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar f’Johannesburg fl-2002 sakemm in-nuqqasijiet fit-tfassil tal-Pjan għall-Merluzz, li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, l-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 12 tiegħu, [ma] jiġu[x] korretti.

    (4)

    [...] Minkejja li l-applikazzjoni tat-tnaqqis awtomatiku ta’ 25 % tat-TAC fis-sena kienet maħsuba biex tapplika f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, mill-2009 sal-2012, din saret ir-regola. Konsegwentement, sa mid-dħul fis-seħħ tal-Pjan għall-Merluzz, it-TACs għaż-żoni kkonċernati tnaqqsu b’mod sinifikanti u aktar tnaqqis awtomatiku jwassal għall-għeluq effettiv tas-sajd tal-merluzz fiż-żoni kkonċernati. L-evalwazzjoni xjentifika mwettqa mis-STECF tissuġġerixxi li, għall-fini li jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz, ikun aktar adatt f’xi każijiet li tingħata aktar flessibbiltà biex tirrifletti l-parir xjentifiku fuq il-bażi ta’ każ b’każ. Bħala parti minn dik il-flessibbiltà, għaldaqstant huwa adatt li jiġi permess is-sospensjoni, taħt ċerti kondizzjonijiet, tat-tnaqqis annwali fit-TAC jew l-istabbiliment ta’ livell alternattiv tat-TAC, mingħajr ma jiġu pperikolati l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz.

    (5)

    [...] l-isforz tas-sajd permissibbli ġie mnaqqas b’25% kull sena mill-2009 sal-2012 fiż-żoni fejn applika l-Artikolu 9 u mnaqqas b’mod sinifikanti fiż-żoni fejn applika l-Artikolu 8. [...] It-tkomplija tal-applikazzjoni tat-tnaqqis awtomatiku annwali fl-isforz ma twassalx biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz, iżda jkollha impatt ekonomiku u soċjali sinifikanti fuq it-taqsimiet tal-flotta li jużaw l-istess tip ta’ rkaptu [tagħmir], iżda li jistadu prinċipalment għal speċijiet oħrajn u mhux għall-merluzz. Għalhekk, huwa adatt li jkun possibbli approċċ aktar flessibbli li jippermetti s-sospensjoni tat-tnaqqis annwali awtomatiku fl-isforz tas-sajd, mingħajr ma jiġu pperikolati l-objettivi tal-Pjan għall-Merluzz.”

    13

    Il-premessa 8 tar-regolament ikkontestat tindika r-raġunijiet għaliex dan ir-regolament, li emenda l-Artikoli 9 u 12 tar-Regolament Nru 1342/2008, ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) TFUE u mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

    14

    L-imsemmija premessa hija fformulata kif ġej:

    “L-emendi għall-Artikoli 9 u 12 jistabbilixxu regoli speċifiċ[i] dettaljati għall-fini tal-iffissar tal-opportunitajiet ta’ sajd espress permezz tat-TAC u tal-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd. Huma jadattaw ir-regoli applikabbli attwali għall-iffissar ta’ opportunitajiet ta’ sajd mingħajr ma jemendaw l-objettiv tal-Pjan għall-Merluzz. Konsegwentement, [dawn] huma miżuri għall-iffissar u l-allokazzjoni tat-TACs u l-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd u ma jistgħux jiġu kkunsidrati la bħala dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tas-sajd, u lanqas bħala dispożizzjonijiet oħra meħtieġa għall-insegwiment tal-objettivi tal-[PKS].”

    15

    Il-punt 1 tal-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament, li jissostitwixxi l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1342/2008, jipprevedi proċedura speċjali għall-iffissar tat-TAC fejn:

    “1.   F’każijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed tagħrif biex it-TACs jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 7, it-TACs għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Kattegat, fil-Punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż għandhom jiġu stabbiliti fil-livell indikat mill-parir xjentifiċu. Madankollu, jekk il-livell indikat mill-parir xjentifiċu jkun ogħla mit-TACs tas-sena ta’ qabel b’iktar minn 20 %, dawn għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jkun 20 % ogħla mit-TACs tas-sena ta’ qabel, jew jekk il-livell indikat fil-parir xjentifiċu jkun inqas mit-TACs tas-sena ta’ qabel b’iktar minn 20 %, dawn għandhom jiġu stabbiliti f’livell li jkun 20 % inqas mit-TACs tas-sena ta’ qabel.

    2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fejn il-parir xjentifiku jindika li m’għandu jkun hemm ebda sajd dirett u li:

    (a)

    il-qabda inċidentali għandha tiġi mminimizzata jew imnaqqsa għall-iktar livell baxx possibbli; u/jew

    (b)

    il-qabdiet ta’ merluzz għandhom jitnaqqsu għall-iktar livell baxx possibbli,

    il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li ma japplikax aġġustament annwali għat-TAC fis-sena sussegwenti jew fis-snin sussegwenti, bil-kondizzjoni li t-TAC stabbilit ikun biss għall-qabda inċidentali.

    3.   F’każijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed tagħrif biex it-TACs jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, it-TACs għall-istokkijiet tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak u fil-Kanal tal-Lvant għandhom jiġu stabbiliti billi jiġu applikati l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu mutatis mutandis, sakemm il-konsultazzjonijiet man-Norveġja ma jwasslux għal livell differenti tat-TAC.

    4.   Meta l-parir xjentifiku jindika li l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 8(1) sa (4) mhijiex adatta biex jintlaħqu l-objettivi tal-pjan, il-Kunsill jista’, minkejja d-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq, jiddeċiedi fuq livell alternattiv tat-TAC.”

    16

    Il-punt 2(a) tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat huwa fformulat kif ġej:

    “[L-Artikolu 12(4) tar-Reoglament Nru 1342/2008] huwa sostitwit b’dan li ġej:

    ‘4.   Għall-gruppi aggregati tal-isforz li l-perċentwal tal-qabda kumulattiva tagħhom, ikkalkulat skont il-paragrafu 3(d), huwa ta’ 20 % jew ta’ iktar minn hekk, għandhom japplikaw l-aġġustamenti annwali. L-isforz tas-sajd massimu permissibbli tal-gruppi kkonċernati għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

    (a)

    f’każijiet fejn japplikaw l-Artikoli 7 jew 8, billi jiġi applikat l-istess perċentwal ta’ aġġustament għall-valur ta’ referenza bħal dak stabbilit f’dawk l-Artikoli għall-mortalità mis-sajd;

    (b)

    f’każijiet fejn japplika l-Artikolu 9, billi jiġi applikat l-istess perċentwal ta’ aġġustament għall-isforz tas-sajd bħal dak applikat għat-TAC meta mqabbel ma’ tas-sena ta’ qabel.’”

    17

    Il-punt 2(b) tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, li jżid paragrafu, il-paragrafu 6, fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1342/2008, huwa fformulat hekk:

    “Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    ‘6.   B’deroga mill-paragrafu 4, meta l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jkun tnaqqas għal erba’ snin konsekuttivi, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li ma japplikax aġġustament annwali għall-isforz tas-sajd massimu permissibbli fis-sena ta’ wara jew fis-snin ta’ wara.’”

    Il-fatti li wasslu għall-kawżi

    18

    Fit-12 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ta’ regolament tal-Parlament u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 1342/2008 [COM(2012) 498 final] bil-għan li jittejbu u jiġu kkjarifikati d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

    19

    Din il-proposta ta’ regolament kienet ibbażata fuq l-Artikolu 43(2) TFUE u kienet intiża sabiex toffri soluzzjoni għal ċerti diffikultajiet marbuta mal-implementazzjoni tal-pjan għall-merluzz previst fir-Regolament Nru 1342/2008. Din il-proposta kienet tinkludi l-emendi segwenti:

    emenda tal-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, li tikkjarifika l-metodu li kellu jiġi segwit mill-Istati Membri sabiex jikkalkolaw il-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd;

    emenda tal-Artikolu 9 tal-istess regolament, dwar il-metodu għall-iffissar tat-TAC fil-każijiet fejn ir-regoli ta’ kalkolu normalment applikabbli, previsti fl-Artikoli 7 u 8, ma jkunux jistgħu jiġu applikati minħabba data insuffiċjenti;

    emenda tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1342/2008, dwar is-semplifikazzjoni tal-proċedura għall-esklużjoni ta’ bastimenti mill-applikazzjoni tar-reġim tal-isforz tas-sajd;

    emenda tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, dwar il-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd, immotivata bl-istess għan ta’ trattament flessibbli u individwalizzat bħall-għan segwit mill-emenda proposta tal-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament;

    emenda tal-Artikolu 12 tal-istess regolament, li tinkludi paragrafu ġdid f’dan l-artikolu, jiġifieri l-paragrafu 6, li jawtorizza lill-Kunsill jissospendi l-applikazzjoni ta’ tnaqqis supplimentari tal-massimu permissibbli tal-isforz tas-sajd wara li jkun sar tnaqqis ta’ dan il-massimu matul erba’ snin konsekuttivi;

    emenda tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1342/2008, intiża li telimina d-differenzi fl-interpretazzjoni bejn il-verżjonijiet lingwistiċi fir-rigward ta’ waħda mill-kundizzjonijiet li jippermettu l-allokazzjoni ta’ sforz tas-sajd supplimentari;

    emenda tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, intiża li ssaħħaħ l-obbligi tal-Istati Membri sabiex jirrimedjaw il-livelli għolja ta’ rimi u sabiex jiżguraw monitoraġġ u kontroll effikaċi tal-miżuri ta’ inkoraġġiment previsti fl-Artikoli 11 u 13 tal-imsemmi regolament, u

    emenda tal-Artikolu 32 tal-istess regolament, li tintroduċi artikolu dwar il-proċedura ta’ komitoloġija.

    20

    Fid-19 ta’ Diċembru 2012, mingħajr ma inkluda d-dispożizzjonijiet kollha tal-proposta ta’ regolament COM(2012) 498 final, il-Kunsill adotta, filwaqt li għażel bħala bażi legali l-Artikolu 43(3) TFUE, permezz tar-Regolament ikkontestat, l-emendi dwar l-Artikoli 9 u 12 tar-Regolament Nru 1342/2008 biss.

    21

    Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni ġiet inkluża fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill “Agrikoltura u sajd” li matula ġie adottat ir-regolament ikkontestat. Din id-dikjarazzjoni hija fformulata kif ġej:

    22

    Ir-Regolament ikkontestat ġie ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-21 ta’ Diċembru 2012 u daħal fis-seħħ fit-22 ta’ Diċembru 2012.

    23

    Peress li qiesu li l-imsemmi regolament kien adottat fuq bażi legali żbaljata u kien imissu ġie bbażat fuq l-Artikolu 43(2) TFUE, il-Parlament, fil-Kawża C‑124/13, u l-Kummissjoni, fil-Kawża C‑125/13, ippreżentaw ir-rikorsi ineżami.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    24

    Il-Parlament u l-Kummissjoni jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-regolament ikkontestat u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż. Il-Kummissjoni titlob wkoll li jinżammu fis-seħħ l-effetti ta’ dan ir-regolament matul perijodu raġonevoli wara l-għoti ta’ din is-sentenza jew matul mhux iktar minn sena sħiħa mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara l-għoti ta’ din is-sentenza.

    25

    Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikorsi u tikkundanna lill-Parlament u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-imsemmi regolament, il-Kunsill jitlob, skont l-Artikolu 264 TFUE, li jinżammu fis-seħħ l-effetti tiegħu.

    26

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ April 2013, il-Kawżi C‑124/13 u C‑125/13 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

    27

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2013, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

    Fuq ir-rikorsi

    28

    Fil-Kawża C‑124/13, il-Parlament jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-għażla tal-Artikolu 43(3) TFUE bħala bażi legali tar-Regolament ikkontestat.

    29

    Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, il-Parlament isostni li, bħala strument għall-konservazzjoni u għall-immaniġġjar tal-istokkijiet ta’ ħut, kull pjan pluriannwali, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi ineżami, jikkostitwixxi unità waħda li jinkludi biss dispożizzjonijiet intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ konservazzjoni tal-PKS u li, għaldaqstant, għandu jiġi adottat kollu kemm hu fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE. Permezz tat-tieni parti, il-Parlament isostni li l-proposta ta’ regolament COM(2012) 498 final kien imissha ġiet adottata kollha kemm hi fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE. Billi qasam din il-proposta u billi adotta, permezz tal-imsemmi regolament, uħud biss mill-emendi proposti mill-Kummissjoni, il-Kunsill għażel aġir proċedurali li ma josservax il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għażla tal-bażi legali ta’ att tal-Unjoni.

    30

    Fil-Kawża C‑125/13, il-Kummissjoni tqajjem tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi fir-rigward tal-għażla tal-Artikolu 43(3) TFUE bħala bażi legali tar-regolament ikkontestat. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi dwar il-proċedura segwita mill-Kunsill li eskludiet, b’mod żbaljat, kemm lill-Parlament u kemm lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew mill-adozzjoni ta’ dan ir-regolament. It-tielet motiv huwa bbażat fuq żnaturament tal-proposta ta’ regolament tal-Kummissjoni, bi ksur tad-dritt ta’ inizjattiva esklużiv ta’ din tal-aħħar.

    L-argumenti tal-partijiet

    31

    Permezz tal-ewwel parti tal-uniku motiv tal-Parlament u permezz tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni, dawn l-istituzzjonijiet isostnu li l-Kunsill wettaq żball ta’ liġi meta adotta r-regolament ikkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) TFUE u mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

    32

    Fil-fehma tagħhom, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 43(3) TFUE jikkostitwixxi deroga mill-applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 43(2) TFUE b’tali mod li l-Artikolu 43(3) TFUE għandu jiġi interpretat b’mod strett fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. B’hekk, skonthom, huma biss il-miżuri li jikkonċernaw espliċitament “l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd” li jistgħu jiġu adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) TFUE. Għall-kuntrarju, meta att isegwi għan tal-PKS li ma jkunx is-sempliċi allokazzjoni tal-kwoti tas-sajd, dan l-att ikollu jiġi adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

    33

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tidentifika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja bħala l-proċedura deċiżjonali abitwali għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, filwaqt li l-Artikolu 43(3) TFUE sempliċement jagħti lill-Kunsill setgħa speċifika limitata għall-adozzjoni tal-atti ta’ implementazzjoni sui generis mhux leġiżlattivi marbuta mal-iffissar tat-TAC.

    34

    Minħabba f’hekk, ir-rikorrenti jqisu li t-termini “miżuri dwar [...] l-iffissar u l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd”, li jinsabu fl-Artikolu 43(3) TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill ma jistax jadotta miżuri intiżi li jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS iżda jista’ jadotta biss regolamenti mhux leġiżlattivi jew atti ta’ implementazzjoni marbuta mal-iffissar u mal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(q) tar-Regolament bażiku, “‘opportunità ta’ sajd’ tfisser dritt legali kwantifikat għas-sajd, espress f’termini ta’ qabdiet u/jew sforz tas-sajd”.

    35

    Issa, skont ir-rikorrenti, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, b’mod partikolari mill-premessa 7 kif ukoll mill-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament bażiku u mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1342/2008 jirriżulta li l-pjanijiet pluriannwali, jiġifieri l-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ mmaniġġjar, isegwu l-għan tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u għalhekk jikkontribwixxu b’mod deċiżiv sabiex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-PKS, jiġifieri l-isfruttament sostenibbli ta’ dawn l-istokkijiet.

    36

    Għaldaqstant, peress li l-pjanijiet pluriannwali jikkostitwixxu strumenti li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, l-atti legali li jistabbilixxu jew li jemendaw dawn il-pjanijiet, bħalma huwa r-regolament ikkontestat, għandhom jitqiesu bħala “meħtieġa” sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, fis-sens tal-Artikolu 43(2) TFUE u, minħabba f’hekk, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista f’din id-dispożizzjoni.

    37

    Ir-rikorrenti jżidu li l-imsemmi regolament jemenda d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 37 KE li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kien jikkostitwixxi l-bażi legali ġenerali għall-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi fil-qasam tas-sajd. Issa, sa fejn din id-dispożizzjoni ġiet issostitwita permezz tal-Artikolu 43(2) TFUE, fid-dawl tan-natura parallela tal-proċeduri, kien imissha ntużat il-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni għall-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi kollha f’dan il-qasam. Bl-istess mod, sa fejn l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku ġie riprodott fl-Artikolu 43(3) TFUE, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi.

    38

    Il-Kunsill, sostnut mir-Renju ta’ Spanja, mir-Repubblika Franċiża u mir-Repubblika tal-Polonja, jirribatti l-argumenti tar-rikorrenti filwaqt li jsostni li r-regolament ikkontestat effettivament jikkostitwixxi miżura dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u li għalhekk huwa ġustament ibbażat fuq l-Artikolu 43(3) TFUE.

    39

    F’dan ir-rigward, il-Kunsill josserva qabel kollox li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 43(3) TFUE ma ssib ebda ġustifikazzjoni fit-Trattat FUE. Fil-fatt, l-Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 43(3) TFUE, li ġew introdotti permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, issostitwixxew dispożizzjoni waħda, jiġifieri l-Artikolu 37 KE, li kienet isservi bħala bażi legali għall-adozzjoni ta’ sensiela sħiħa ta’ atti legali fl-oqsma tal-agrikoltura u tas-sajd. Minħabba dan is-sempliċi fatt, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu li f’kull każ li fih kien jintuża l-Artikolu 37 KE qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona issa huwa meħtieġ li jintuża, b’mod awtomatiku, l-Artikolu 43(2) TFUE.

    40

    Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li, bl-użu intenzjonat, fl-Artikolu 43(3) TFUE, tal-kliem “miżuri dwar” l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, l-awturi tat-Trattat FUE xtaqu jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-miżuri li jmorru lil hinn mill-iffissar u mill-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, fis-sens strett tal-kelma. Issa, interpretazzjoni eċċessivament ristrettiva li twassal sabiex ċerti miżuri identifikati b’mod ċar fl-Artikolu 43(3) TFUE jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tippreġudika l-prerogattivi mogħtija lill-Kunsill minn din tal-aħħar u tonqos milli tosserva r-regoli fundamentali tal-bilanċ istituzzjonali stabbiliti fl-Artikolu 13(2) TUE, li jipprovdi li “[k]ull Istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mit-Trattati, u skond il-proċeduri, il-kondizzjonijiet u l-finijiet previsti minnhom [...]”.

    41

    B’hekk, il-Kunsill jirribatti l-argumenti tar-rikorrenti fis-sens li meta miżura tista’ titqies li hija meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS, din il-miżura għandha neċessarjament tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE. Fil-fatt, l-Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 43(3) TFUE jikkostitwixxu bażijiet legali awtonomi stabbiliti mid-dritt primarju b’tali mod li l-użu tal-Artikolu 43(3) TFUE ma jista’ jkun suġġett għal ebda kundizzjoni bħala ma hija l-adozzjoni minn qabel ta’ att fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

    42

    B’dan premess, il-Kunsill isostni li l-applikazzjoni tal-emendi tal-Artikoli 9 u 12(4) u (6) tar-Regolament Nru 1342/2008, introdotti permezz tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, taffettwa b’mod dirett, vinkolanti u awtomatiku l-operazzjoni tal-iffissar u tal-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd. Għaldaqstant, skont il-Kunsill, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li dawn l-emendi kellhom impatt fuq l-għan tal-pjan pluriannwali għall-merluzz, li għadu ddefinit fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1342/2008, li ma ġiex emendat. Għall-kuntrarju, l-imsemmija emendi, kif jirriżulta b’mod ċar minn analiżi tal-għanijiet u tal-kontenut tar-regolament ikkontestat, huma intiżi li jaġġustaw il-mezzi li jippermettu li jintlaħaq dan l-għan, jiġifieri r-regoli dwar l-iffissar tat-TAC u tal-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    43

    Permezz tal-ewwel parti tal-uniku motiv tal-Parlament u permezz tal-ewwel motiv tal-Kummissjoni, dawn l-istituzzjonijiet isostnu li l-Kunsill għażel bażi legali żbaljata meta bbaża r-regolament ikkontestat fuq l-Artikolu 43(3) TFUE u mhux fuq l-Artikolu 43(2) TFUE.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 43(2) TFUE, il-Parlament u l-Kunsill huma meħtieġa jadottaw, skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, id-“dispożizzjonijiet [...] meħtieġa għall-kisba ta’ l-objettivi tal-politika agrikola komuni u l-politika komuni tas-sajd”.

    45

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-imposti, l-għajnuna u l-limitazzjonijiet kwantitattivi, kif ukoll dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

    46

    Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-Artikolu 43(2) TFUE u tal-Artikolu 43(3) TFUE fis-sentenza Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400).

    47

    Fil-kawżi li wasslu għal dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tivverifika jekk il-Kunsill setax jadotta b’mod validu, fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, id-Deċiżjoni 2012/19/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2011, dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tad-Dikjarazzjoni dwar l-għoti ta’ opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE lil bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta tal-Gujana Franċiża (ĠU 2012, L 6, p. 8).

    48

    Għalkemm f’kuntest fattwali u ġuridiku differenti minn dak tal-kawżi ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari kkunsidrat, fil-punt 50 tal-imsemmija sentenza, li l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE teħtieġ b’mod obbligatorju li jiġi evalwat jekk dawn id-dispożizzjonijiet humiex “meħtieġa” sabiex jintlaħqu l-għanijiet marbuta mal-politiki komuni rregolati mit-Trattat FUE, b’tali mod li din l-adozzjoni timplika deċiżjoni politika li għandha tkun irriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-adozzjoni tal-miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, skont l-Artikolu 43(3) TFUE, ma teħtieġx tali evalwazzjoni peress li tali miżuri għandhom natura prinċipalment teknika u peress li huma meqjusa bħala meħuda fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

    49

    Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punti 78 sa 81 tal-istess sentenza, li l-Kunsill kien wettaq żball meta adotta d-Deċiżjoni 2012/19 fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) TFUE. Fil-fatt, sa fejn din id-deċiżjoni kienet tagħti lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Venezwela aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni u mhux biss sempliċi opportunitajiet tas-sajd, l-adozzjoni tagħha kienet timplika deċiżjoni politika li kienet teħtieġ l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 43(2) TFUE.

    50

    Mis-sentenza Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400) jirriżulta li miżuri li jimplikaw għażla politika rriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba li jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet marbuta mal-politiki komuni tal-agrikoltura u tas-sajd għandhom ikunu bbażati fuq l-Artikolu 43(2) TFUE.

    51

    B’dan premess, u għall-finijiet tal-kawża ineżami, għandu jiġi vverifikat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43(3) TFUE għandux ikun limitat għal dawk il-miżuri biss li jkollhom bħala għan l-iffissar jew l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

    52

    F’dan ir-rigward, kif isostni l-Kunsill, ma hemmx lok li jiġi evalwat, b’mod parallel, il-kontenut tal-prerogattivi li tgawdi din l-istituzzjoni taħt l-Artikolu 43(3) TFUE fir-rigward tal-kompetenzi mogħtija lilha, fil-qasam ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, taħt l-Artikolu 291 TFUE.

    53

    Fil-fatt, kif barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja osservat diversi drabi, is-setgħa li jiġu adottati tali atti ta’ implementazzjoni hija ġeneralment mogħtija lill-Kummissjoni u, skont l-Artikolu 291(2) TFUE, huwa biss b’mod eċċezzjonali li din is-setgħa tista’ tiġi rriżervata lill-Kunsill f’“każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq” kif ukoll fil-każijiet preċiżi espliċitament previsti f’din id-dispożizzjoni li jikkonċernaw biss il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑133/06, EU:C:2008:257, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑88/14, EU:C:2015:499, punt 30).

    54

    Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 43(3) TFUE jagħti lill-Kunsill is-setgħa li jadotta, b’mod partikolari, atti ta’ implementazzjoni fil-qasam ikkonċernat, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn l-atti ma humiex sempliċement l-istess bħal dawk previsti fl-Artikolu 291(2) TFUE.

    55

    Bl-istess mod, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti fir-rigward tal-użu, b’mod parallel bejn l-Artikolu 37 KE u l-Artikolu 43(2) TFUE, tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni fir-rigward tal-qasam kollu li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kien kopert mill-Artikolu 37 KE.

    56

    Dan l-aħħar artikolu, li, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kien iservi bħala bażi legali għall-adozzjoni ta’ sensiela sħiħa ta’ atti fl-oqsma tal-agrikoltura u tas-sajd, kien jawtorizza lill-Kunsill sabiex, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jadotta l-atti intiżi sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni b’mod partikolari tal-PKS, fuq proposta tal-Kummissjoni u wara sempliċi konsultazzjoni tal-Parlament.

    57

    Madankollu, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dan l-istess artikolu ġie ssotitwit bl-Artikolu 43(2) TFUE u bl-Artikolu 43(3) TFUE. Għaldaqstant, il-parallel magħmul mill-Kummissjoni bejn l-Artikolu 37 KE u l-Artikolu 43(2) TFUE għandu jiġi evalwat billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-relazzjoni bejn din id-dispożizzjoni tal-aħħar u l-Artikolu 43(3) TFUE.

    58

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 43(2) TFUE u l-Artikolu 43(3) TFUE għandhom għanijiet differenti u kull wieħed minnhom għandu kamp ta’ applikazzjoni speċifiku, b’tali mod li jistgħu jintużaw b’mod separat sabiex iservu bħala bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri partikolari fil-qasam tal-PKS, u dan bil-kundizzjoni li, meta jadotta atti fuq il-bażi tal-Artikolu 43(3) TFUE, il-Kunsill għandu jaġixxi b’osservanza tal-limiti tal-kompetenzi tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-kuntest ġuridiku diġà stabbilit skont l-Artikolu 43(2) TFUE.

    59

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43(3) TFUE jista’ jkopri miżuri li ma jkunux limitati għall-iffissar u għall-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd, bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jimplikawx għażla politika rriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba li jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet marbuta mal-politiki komuni tal-agrikoltura u tas-sajd.

    60

    Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk il-Kunsill setax jagħżel l-Artikolu 43(3) TFUE bħala bażi legali għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

    61

    F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-proposta ta’ regolament COM(2012) 498 final, l-għan tar-regolament ikkontestat huwa li jemenda r-Regolament Nru 1342/2008 sabiex jittejbu u jiġu kkjarifikati d-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar.

    62

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel ma jiġi eżaminat il-kontenut tal-emendi introdotti permezz tar-regolament ikkontestat, għandu jitfakkar il-kuntest ġuridiku li minnu jagħmel parti r-Regolament Nru 1342/2008.

    63

    Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan prinċipali tal-PKS huwa li tippermetti l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akwatiċi ħajjin filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod ibbilanċjat, aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

    64

    Għal dan il-għan, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ ta’ prekawzjoni billi tadotta, fil-kuntest ta’ pjanijiet pluriannwali, miżuri speċifiċi maħsuba sabiex jiġu protetti u kkonservati r-riżorsi akwatiċi ħajjin, sabiex ikun possibbli l-isfruttament sostenibbli tagħhom u sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi marini.

    65

    B’mod partikolari, minn naħa, l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, bi prijorità, pjanijiet pluriannwali ta’ rkupru għas-sajd li jisfrutta stokkijiet li l-volum tagħhom jinsab barra mil-limiti bijoloġiċi mingħajr perikolu sabiex dawn l-istokkijiet ikunu jistgħu jirkupraw u jilħqu livell li jinsab f’dawn il-limiti.

    66

    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6 tal-istess regolament jawtorizza lill-Kunsill jadotta pjanijiet pluriannwali ta’ mmaniġġjar għaż-żamma tal-volumi tal-istokkijiet f’limiti bijoloġiċi mingħajr perikolu meta dawn il-limiti jintlaħqu.

    67

    Ir-Regolament Nru 1342/2008 jagħmel parti minn dan il-kuntest ġuridiku. Adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 37 KE, huwa jipprevedi firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi sabiex jiġi sostnut l-immaniġġjar sostenibbli ta’ ċerti stokkijiet ta’ merluzz.

    68

    Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, l-għan tal-pjan ta’ rkupru previst fl-istess regolament huwa li jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-merluzz fuq il-bażi tar-rendiment sostenibbli massimu, filwaqt li tinżamm ċerta rata ta’ mortalità għall-ħut maqbud inkwistjoni.

    69

    Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Artikoli 6 sa 10 tar-Regolament Nru 1342/2008 jipprevedu regoli dwar il-metodu għall-iffissar annwali tat-TAC u l-Artikoli 11 sa 17 ta’ dan ir-regolament jipprevedu regoli dwar il-limitazzjoni tal-isforz tas-sajd annwali.

    70

    B’mod partikolari, u għall-finijiet tal-kawżi ineżami, minn naħa, l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi l-proċedura speċjali għall-iffissar tat-TAC fil-każ li r-regoli ġenerali dwar l-iffissar tat-TAC, previsti fl-Artikoli 7 u 8, ma jkunux jistgħu jiġu applikati minħabba l-assenza ta’ informazzjoni suffiċjentement preċiża u rappreżentattiva. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12 tal-istess regolament jipprevedi regoli ddettaljati dwar l-allokazzjoni tal-isforz tas-sajd għal kull Stat Membru.

    71

    Issa, kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-regolament ikkontestat, l-evalwazzjoni xjentifika tal-effikaċja tal-pjan għall-merluzz imwettqa mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd żvelat li kien hemm numru ta’ problemi marbutin mat-tfassil u mal-implementazzjoni ta’ dan il-pjan. Dan il-kumitat ikkonkluda li ftit kien realistiku li l-għanijiet tal-imsemmi pjan jintlaħqu f’perijodi ta’ żmien kompatibbli mal-konklużjonijiet tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (Johannesburg, 2002), sakemm ma jiġux ikkoreġuti n-nuqqasijiet fit-tfassil tal-istess pjan li jirrigwardaw, fost oħrajn, l-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 12 tar-Regolament Nru 1342/2008.

    72

    Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-imsemmi Artikolu 9, mill-premessa 4 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-applikazzjoni, bejn is-sena 2009 u s-sena 2012, tat-tnaqqis awtomatiku ta’ 25 % tat-TAC prevista f’dan l-istess artikolu kellha l-konsegwenza li, mid-dħul fis-seħħ tal-pjan għall-merluzz, it-TAC għaż-żoni kkonċernati tnaqqsu b’mod kunsiderevoli u li tnaqqis awtomatiku ġdid kien ser iwassal effettivament għall-għeluq tas-sajd għall-merluzz fl-imsemmija żoni.

    73

    Għaldaqstant, ir-regolament ikkontestat bidel b’mod sinjifikattiv il-proċedura speċjali għall-iffissar annwali tat-TAC għall-istokkijiet tal-merluzz, prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1342/2008, billi jippermetti, f’ċerti każijiet, kif tiddikjara l-premessa 4 tar-regolament ikkontestat, flessibbiltà ikbar fid-determinazzjoni u fl-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd b’tali mod li jittieħdu inkunsiderazzjonijiet l-opinjonijiet xjentifiċi każ b’każ. Dan il-mekkaniżmu jieħu post it-tnaqqis awtomatiku tat-TAC, li kien inizjalment previst fir-Regolament Nru 1342/2008 fil-każ li, minħabba assenza ta’ informazzjoni suffiċjentement preċiża u rappreżentattiva, ir-regoli ġenerali dwar l-iffissar tat-TAC ma jistgħux jiġu applikati.

    74

    Fir-rigward tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1342/2008, il-premessa 5 tar-regolament ikkontestat issemmi wkoll li kien hemm tnaqqis sinjifikattiv fl-isforz tas-sajd permissibbli bejn is-sena 2009 u s-sena 2012 fiż-żoni kkonċernati. Skont din il-premessa, it-tkomplija tal-applikazzjoni tat-tnaqqis annwali awtomatiku tal-isforz tas-sajd ma hijiex ser twassal sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan għall-merluzz iżda ser ikollha impatti ekonomiċi u soċjali kunsiderevoli fuq it-taqsimiet tal-flotta li jużaw it-tagħmir prinċipali tas-sajid maħsub għall-qbid tal-merluzz iżda li jistadu prinċipalment għal speċi oħrajn u mhux għall-merluzz.

    75

    Għaldaqstant, ir-regoli dwar il-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd kienu s-suġġett ta’ reviżjoni sostanzjali li tirriżulta b’mod partikolari mill-introduzzjoni ta’ proċedura li tidderoga minn dik dwar l-istabbiliment tal-isforz tas-sajd fuq bażi ta’ data insuffiċjenti, prevista fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament Nru 1342/2008.

    76

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1342/2008, kif issostitwit bil-punt 1 tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, kif ukoll l-Artikolu 12(6) tar-Regolament Nru 1342/2008, kif introdott permezz tal-punt 2(b) tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, jagħtu lill-Kunsill setgħa deċiżjonali sabiex jissospendi l-aġġustament annwali tat-TAC jew tal-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd fil-każijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet.

    77

    Issa, għalkemm huwa minnu li, kif osserva l-Kunsill fil-premessa 8 tar-regolament ikkontestat sabiex jiġġustifika l-użu tal-Artikolu 43(3) TFUE bħala bażi legali ta’ dan ir-regolament, l-emendi tal-Artikoli 9 u 12 tar-Regolament Nru 1342/2008 li jirriżultaw mill-Artikolu 1 tar-Regolament ikkontestat ma jaffettwawx l-għan tal-pjan pluriannwali ta’ rkupru tal-istokkijiet tal-merluzz previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1342/2008, dan il-fatt ma huwiex suffiċjenti, waħdu, sabiex jitqies li dawn l-emendi setgħu jiġu adottati b’mod validu fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE.

    78

    Fil-fatt, kif osservat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, għal dan il-għan huwa meħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat implikatx għażla politika rriżervata lil-leġiżlatur tal-Unjoni minħabba li l-emendi inkwistjoni kienu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet marbuta mal-PKS, f’liema każ kien ikun meħtieġ li din l-adozzjoni ssir fuq il-bażi tal-Artikolu 43(2) TFUE.

    79

    F’dan il-każ, l-emendi tal-Artikoli 9 u 12 tar-Regolament Nru 1342/2008, introdotti permezz tar-regolament ikkontestat u deskritti fil-punti 70 sa 76 ta’ din is-sentenza, ma humiex limitati, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Kunsill, sabiex jipprovdu sempliċement għall-iffissar u għall-allokazzjoni effettiva tal-opportunitajiet tas-sajd f’ċirkustanzi speċifiċi u fuq bażi annwali, iżda huma intiżi li jaġġustawx il-mekkaniżmu ġenerali għall-iffissar tat-TAC u tal-limitazzjonijiet tal-isforz tas-sajd sabiex jiġu eliminati n-nuqqasijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli preċedenti dwar it-tnaqqis awtomatiku u li kienu qegħdin jikkompromettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-pjan pluriannwali ta’ rkupru tal-istokkijiet tal-merluzz.

    80

    Għaldaqstant, l-imsemmija emendi jiddefinixxu l-kuntest ġuridiku li fih jiġu stabbiliti u allokati l-opportunitajiet tas-sajd. B’hekk, dawn l-emendi jirriżultaw minn għażla politika li għandha impatt dewwiemi fuq il-pjan pluriannwali ta’ rkupru tal-istokkijiet tal-merluzz.

    81

    Minn dan jirriżulta li l-emendi inkwistjoni jikkostitwixxu dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet marbuta mal-PKS. Għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi kien imissha ġiet irregolata permezz tal-proċedura leġiżlattiva prevista fl-Artikolu 43(2) TFUE.

    82

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandhom jintlaqgħu l-ewwel parti tal-motiv uniku tal-Parlament u l-ewwel motiv tal-Kummissjoni.

    83

    Għaldaqstant, ir-Regolament ikkontestat għandu jiġi annullat mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra invokati mill-Parlament u mill-Kummissjoni insostenn tar-rikorsi tagħhom.

    Fuq it-talba għaż-żamma ratione temporis tal-effetti tar-regolament ikkontestat

    84

    Il-Kunsill u l-Kummissjoni, sostnuti mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fil-każ li tannulla r-regolament ikkontestat, iżżomm l-effetti tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispeċifika li dawn l-effetti għandhom jinżammu għal żmien raġonevoli li ma għandux ikun ta’ iktar minn tnax-il xahar mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara d-data li fiha tingħata din is-sentenza.

    85

    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li dan huwa meħtieġ, tindika liema mill-effetti tal-att annullat għandhom jitqiesu li huma definittivi.

    86

    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl ta’ raġunijiet marbuta maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jikkawżaw konsegwenzi negattivi gravi għall-persuni kkonċernati u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu iżda minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali. Dawn ir-raġunijiet jinkludu, b’mod partikolari, l-iżball imwettaq fir-rigward tal-bażi legali tal-att ikkontestat (ara s-sentenza Il-Parlament u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑103/12 u C‑165/12, EU:C:2014:2400, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    87

    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat, dan tal-aħħar daħal fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li saret fil-21 ta’ Diċembru 2012.

    88

    Issa, sa fejn l-imsemmi regolament għandu l-għan li jiżgura l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-kuntest tal-PKS, l-annullament tiegħu b’effett immedjat jista’ jkollu konsegwenzi gravi għall-implementazzjoni ta’ din il-politika u għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

    89

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm raġunijiet importanti ta’ ċertezza legali li jiġġustifikaw li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-talba għaż-żamma tal-effetti tar-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li la l-Parlament u lanqas il-Kummissjoni ma kkontestaw il-legalità ta’ dan ir-regolament minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu, b’tali mod li f’dan ir-rigward ma hemmx ostakolu li jista’ jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tordna tali żamma.

    90

    Għaldaqstant, hemm lok li l-effetti tal-istess regolament jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax ikun ta’ iktar minn tnax-il xahar mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara d-data li fiha tingħata din is-sentenza, ta’ regolament ġdid li jkun ibbażat fuq il-bażi legali adegwata, jiġifieri l-Artikolu 43(2) TFUE.

    Fuq l-ispejjeż

    91

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament u mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja, li intervjenew f’dawn il-kawżi, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2012, tad-19 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, huwa annullat.

     

    2)

    L-effetti tar-Regolament Nru 1243/2012 qegħdin jinżammu sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax ikun ta’ iktar minn tnax-il xahar mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara d-data li fiha tingħata din is-sentenza, ta’ regolament ġdid li jkun ibbażat fuq il-bażi legali adegwata, jiġifieri l-Artikolu 43(2) TFUE.

     

    3)

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

     

    4)

    Ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Firem


    ( * )   Lingwa tal-kawżi: l-Ingliż.

    Top