EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CJ0098

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-6 ta’ Frar 2014.
Martin Blomqvist vs Rolex SA u Manufacture des Montres Rolex SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari imressqa mill-Højesteret.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KE) Nru 1383/2003 — Miżuri intiżi li jwaqqfu t-tqegħid fis-suq ta’ merkanzija falza jew ikkupjata — Artikolu 2 — Kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament — Bejgħ, minn Stat terz, minn fuq sit internet, ta’ arloġġ falz, għal finijiet privati lil individwu li jirrisjedi fi Stat Membru — Konfiska tal-arloġġ mill-awtoritajiet doganali mad-dħul tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru — Regolarità tal-konfiska — Kundizzjonijiet — Kundizzjonijiet relatati mal-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali — Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 4 — Distribuzzjoni lill-pubbliku — Direttiva 2008/95/KE — Artikolu 5 — Regolament (KE) Nru 207/2009– Artikolu 9 — Użu fil-kummerċ.
Kawża C‑98/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:55

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 — Miżuri intiżi li jwaqqfu t-tqegħid fis-suq ta’ merkanzija falza jew ikkupjata — Artikolu 2 — Kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament — Bejgħ, minn Stat terz, minn fuq sit internet, ta’ arloġġ falz, għal finijiet privati lil individwu li jirrisjedi fi Stat Membru — Konfiska tal-arloġġ mill-awtoritajiet doganali mad-dħul tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru — Regolarità tal-konfiska — Kundizzjonijiet — Kundizzjonijiet relatati ma’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali — Direttiva 2001/29/KE — Artikolu 4 — Distribuzzjoni lill-pubbliku — Direttiva 2008/95/KE — Artikolu 5 — Regolament (KE) Nru 207/2009 — Artikolu 9 — Użu fil-kummerċ”

Fil-Kawża C‑98/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Højesteret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2013, fil-proċedura

Martin Blomqvist

vs

Rolex SA,

Manufacture des Montres Rolex SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Blomqvist, minn J. Petersen, avukat,

għal Rolex SA u Manufacture des Montres Rolex SA, minn K. Dyekjær u T. Mølsgaard, avukati,

għall-Gvern Estonjan,, minn N. Grünberg u M. Linntam, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Clausen u F. W. Bulst, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 469, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Doganali”), tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230 iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur”), tal-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, p. 25, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar it-trade marks”), u tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar it-trade mark Komunitarja”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Blomqvist u Rolex SA u Manufacture des montres Rolex SA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Rolex”) dwar il-qerda ta’ arloġġ falz maqbud mill-awtoritajiet doganali li M. Blomqvist kien xtara permezz ta’ sit internet Ċiniż għall-bejgħ online.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Doganali

3

Il-premessi 2 u 8 tal-imsemmi Regolament Doganali jistabbilixxu:

“(2)

Il-marketing ta’ merkanzija falza u kkupjata, u ċertament l-merkanzija kollha li jksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ma tikkontemplax danni lill-manifatturi u negozjanti li jimxu mal-liġi u lid-detenturi tad-dritt, kif ukoll iqarraq u f’xi każi jipperikola s-saħħa u s-sigurezza tal-konsumaturi. Dawk l-oġġeti għandhom, sa fejn hu possibbli, ma jitħallewx jitqegħdu fis-suq u għandhom jiġu adottati miżuri biex effettivament jittrattaw din l-attività illegali mingħajr ma tiġi mfixxkla l-libertà tal-kummerċ leġittimu. Dan il-għan huwa konsistenti ma’ l-isfozi li qed isiru fil-lilvell internazzjonali.

[...]

(8)

Il-proċeduri mibdija biex jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali kienx ġie miksur taħt il-liġi nazzjonali għandu jitwettaq b’referenza għall-kriterji użati biex jiġi stabbilit jekk merkanzija prodotta f’dak l-Istat Membru jiksrux id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Dan ir-Regolament ma jaffettwax id-disposizzjonijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-kompetenza tal-qrati jew ta’ proċeduri ġudizzjarji.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jistipula l-kondizzjonijiet għall-azzjoni mill-awtoritajiet doganali fejn il-merkanzija tkun suspettata li tikser id-dritt ta’ proprjetà intellettwali fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

[...]

b)

fejn dawn jinstabu matul verifiki fuq merkanzija li tidħol jew tħalli t-territorju doganali tal-Komunità skond l-Artikoli 37 u 183 tar-Regolament [tal-Kunsill] (KEE) Nru 2913/92 [tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307], [...].

2.   Dan ir-Regolament jiffissa ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti fejn il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 tinstab li tkun tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.”

5

L-Artikolu 2(1)(a) u (b) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali’ tfisser:

a)

prodotti foloz, li huma:

i)

merkanzija, inkluż pakkeġġar, li ikun jġorru mingħajr awtorizzazzjoni trejdmark identika għal trejdmark validament reġistrata fir-rigward ta’ l-istess tip ta’ merkanzija, jew li ma tkunx tista’ tiġi distinta fl-aspetti essenzali tagħha minn dik il-trejdmark, u li b’hekk tikser id-drittijiet tad-detentur tal-trejdmark taħt il-liġi tal-Komunità, kif hemm provvidiment dwar dan fir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146)] jew il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-azzjoni issir mill-awtoritajiet doganali;

[...]

b)

‘merkanzija kkupjata’, jiġifieri merkanzija li tkun jew ikun fiha kopji magħmula mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt ta’ l-awtur, jew dritt relatat jew dritt ta’ disinn, irrispettivament jekk ikunx reġistrat fil-liġi nazzjonali, jew ta’ persuna awtorizzata mid-detentur tad-dritt fil-pajjiż ta’ produzzjoni fil-każi fejn it-tagħmil ta’ dawk il-kopji jikkostitwixxi ksur ta’ dak id-dritt taħt ir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar desinji tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142)] jew il-liġi ta’ l-Istat membru li fih issir l-applikazzjoni għall-azzjoni doganali”.

6

L-Artikolu 9(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“Fejn uffiċċju doganali [...] ikunu sodisfatt, [...] li merkanzija f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ikunu suspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali [...] huwa għandu jissospendi r-rilaxx tal-merkanzija u iżommha.”

7

Skont l-ewwel paragrafu, l-Artikolu 10 tar-Regolament Doganali jipprovdi:

“Il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija tkun mqegħda f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tgħodd meta jiġi deċiż jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser taħt il-liġi nazzjonali.”

8

Skont l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament:

“Mingħajr preġudizzju għal għal rimedji legali oħra miftuħa għad-detentur tad-dritt, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li:

a)

skont id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali, li jiddistruġġi l-merkanzija li tkun tinstab li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali jew jiddisponi minnha barra mill-mezzi normali tal-kummerċ b’dak il-mod li tiġi prekluża xi ħsara għad-detentur tad-dritt, mingħajr xi tip ta’ kumpens u, kemm-il darba ma [j]kunx mod ieħor speċifikat fil-leġislazzjoni nazzjonali, mingħajr xi nefqa għall-gvern;

[...]”

Id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur

9

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.”

Id-Direttiva dwar it-trade marks

10

Skont l-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva dwar it-trade marks:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)

kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark [...];

[...]

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

[...]

b)

li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

c)

l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti b’dak is-sinjal;

[...]”

Ir-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja

11

Skont l-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja:

“1.   It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)

kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark [...];

[...]

2.   Dawn li ġejjin, inter alia, huma projbiti taħt il-paragrafu 1:

[...]

b)

l-offerta ta’ prodotti, it-tqegħid fis-suq jew il-ħżin tagħhom għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

c)

l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti b’dak is-sinjal;

[...]”

Id-dritt Daniż

12

Skont l-Artikolu 2(1) u (3) tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur (ophavsretsloven), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-avviż legali Nru 202 (lovbekendtgørelse nr. 202), tas-27 ta’ Frar 2010, li ttraspona d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur:

“1.   Bla ħsara għal-limiti previsti minn din il-liġi, id-dritt tal-awtur jinkludi d-dritt esklużiv li wieħed jiddisponi mix-xogħol permezz tar-riproduzzjoni u tat-tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku, taħt forma oriġinali jew mibdula, jew tradotta jew jew ippreżentat f’forma oħra letterarja jew artistika jew b’teknika oħra.

[...]

3.   ix-xogħol isir pubbliku meta

1)

xi eżemplari tax-xogħol jitqiegħdu għall-bejgħ, għall-kiri jew għas-self jew għax-xandir lill-pubbliku b’mod ieħor;

2)

xi eżemplari tax-xogħol jintwerew lill-pubbliku, jew

3)

ix-xogħol jixxandar pubblikament.”

13

Skont l-Artikolu 4(1) u (3) tal-Liġi dwar it-trade marks (varemærkeloven), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-avviż legali Nru 109 (lovbekendtgørelse nr. 109), tal-24 ta’ Jannar 2012, li ttrasponiet id-Direttiva dwar it-trade marks:

“1.   Il-proprjetarju ta’ dritt ta’ trade mark huwa awtorizzat li jipprojbixxi lil ħaddieħor, fl-assenza tal-kunsens tiegħu, milli juża, fil-kummerċ, sinjal jekk:

1)

is-sinjal ikun identiku għat-trade mark u l-prodotti jew servizzi li għalihom ikun qed jintuża jkunu identiċi għall-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark tkun protetta, jew

2)

is-sinjal ikun identiku jew simili għat-trade mark u l-prodotti jew servizzi jkunu identiċi jew simili, meta teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni li tinkludi l-probabbiltà ta’ konfużjoni ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark,

[…]

3.   Għandu b’mod partikolari jitqies li huwa użu, fil-kummerċ:

1)

it-twaħħil ta’ sinjal mal-prodotti jew mal-imballaġġ tagħhom;

2)

l-offerta tal-prodotti jew it-tqegħid fis-suq jew il-ħżin tagħhom għal dawn l-għanijiet, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi taħt is-sinjal;

3)

l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti taħt is-sinjal; u

4)

l-użu ta’ sinjal f’gazzetta kummerċjali u fir-riklamar.”

14

Skont l-Artikolu 5 tal-avviż legali Nru 1047, li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-merkanzija li hija ssuspettata li tikser ċerti drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-merkanzija li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (lovbekendtgørelse nr. 1047 om anvendelse af Det Europæiske Fællesskabs forordning om toldmyndighedernes indgriben over for varer, der mistænkes for at krænke visse intellektuelle ejendomsrettigheder, og om de foranstaltninger, som skal træffes over for varer, der krænker sådanne rettigheder), tal-20 ta’ Ottubru 2005:

“[1.]   Fil-każ ta’ miżura meħuda skont l-Artikolu 9 tar-[Regolament Doganali], id-destinatarju ta’ merkanzija jista’ jitlob lit-tribunal jiddetermina jekk il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu għas-sospensjoni tar-rilaxx ikunux issodisfatti. It-tribunal jista’ jiddeċiedi għar-rilaxx tal-merkanzija.

2.   Id-destinatarju tal-merkanzija ma jistax jinvoka d-deċiżjoni tas-sospensjoni tar-rilaxx meħuda mill-amministrazzjoni doganali u tal-kontribuzzjonijiet quddiem awtorità amministrattiva superjuri.”

15

L-Artikolu 4 tal-avviż legali Nru 12 tad-9 ta’ Jannar 2006, li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-merkanzija li hija ssuspettata li tikser ċerti drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-merkanzija li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (bekendtgørelse nr. 12 om anvendelse af Det Europæiske Fællesskabs forordning om toldmyndighedernes indgriben over for varer, der mistænkes for at krænke visse intellektuelle ejendomsrettigheder, og om de foranstaltninger, som skal træffes over for varer, der krænker sådanne rettigheder), tad-9 ta’ Jannar 2006, jipprovdi dan li ġej:

“[1.]   Il-merkanzija meqjusa li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li taqa’ taħt id-definizzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-[Regolament Doganali] għandha tiġi kkonfiskata mit-Teżor sabiex tiġi meqruda. Il-qerda sseħħ skont il-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 17(1)(a) ta’ dan ir-regolament.

2.   Ma għandha tintlaqa’ ebda talba għal kumpens matul il-qerda tal-merkanzija skont il-paragrafu (1).”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

F’Jannar 2010, M. Blomqvist, li jirrisjedi fid-Danimarka, ordna, permezz ta’ sit internet Ċiniż għall-bejgħ online, arloġġ deskritt li huwa tat-trade mark Rolex. L-ordni ġiet ipproċessata u tħallset permezz tas-sit internet Ingliż ta’ dan il-bejjiegħ. Huwa bagħat l-arloġġ minn Hong Kong permezz ta’ pakkett postali.

17

Il-pakkett ġie kkontrollat mill-awtoritajiet doganali mal-wasla tiegħu fid-Danimarka. Huma ssospendew ir-rilaxx mid-dwana tal-arloġġ, għaliex issuspettaw falsifikazzjoni tal-arloġġ oriġinali tat-trade mark Rolex u ksur tad-drittijiet tal-awtur tal-mudell ikkonċernat. Fit-18 ta’ Marzu 2010, huma informaw lil Rolex u lil M. Blomqvist ta’ dan.

18

Skont il-proċedura prevista mir-Regolament Doganali, Rolex għaldaqstant talbet li s-sospensjoni ta’ rilaxx mid-dwana għandha tinżamm, wara li kkonstatat li kienet tassew falsifikazzjoni, u talbet lil M. Blomqvist jagħti l-kunsens tiegħu sabiex l-arloġġ jiġi meqrud mill-awtoritajiet doganali.

19

M. Blomqvist sostna li peress huwa kien xtara dan l-arloġġ legalment, oppona din il-qerda.

20

Għaldaqstant, Rolex ressqet kawża quddiem is-Sø- og Handelsretten (Qorti tal-Kummerċ) sabiex M. Blomqvist jiġi ordnat jaċċetta s-sospensjoni tar-rilaxx mid-dwana u l-qerda tal-arloġġ mingħajr kumpens. Din il-qorti laqgħet it-talba ta’ Rolex.

21

M. Blomqvist appella quddiem il-Højesteret. Din il-qorti għandha dubju kemm realment hemm ksur, f’sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, kundizzjoni neċessarja għall-implementazzjoni tar-Regolament Doganali, meta, għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, għandu jkun hemm, min-naħa, ksur tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt ta’ trade mark protetta fid-Danimarka, u, min-naħa l-oħra, il-ksur allegat għandu jkun seħħ fl-istess Stat Membru. Jekk jiġi stabbilit li M. Blomqvist xtara l-arloġġ tiegħu għall-użu personali tiegħu u li ma kisirx il-liġijiet Daniżi dwar id-drittijiet tal-awtur u dwar it-trade marks, tqum il-kwistjoni jiġifieri ta’ jekk, għall-qorti tar-rinviju, il-bejjiegħ kisirx id-drittijiet tal-awtur u d-dritt tat-trade marks fid-Danimarka. Konsegwentement, u fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C-324/09, Ġabra p. I-6011; tal-1 ta’ Diċembru 2011, Philips, C-446/09 u C-495/09, Ġabra p. I-12435, u tal-21 ta’ Ġunju 2012, Donner, C‑5/11), il-Højesteret tistaqsi jekk hijiex kwistjoni, f’dan il-każ, ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, fis-sens tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, u ta’ użu fil-kummerċ skont id-Direttiva dwar it-trade marks u tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Højesteret iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “distribuzzjoni lill-pubbliku” fi Stat Membru ta’ merkanzija protetta mid-drittijiet tal-awtur il-fatt li impriża tikkonkludi, permezz ta’ sit tal-internet li jinsab f’pajjiż terz, ta’ kuntratt ta’ bejgħ u kunsinna tal-merkanzija lil xerrej privat, li l-indirizz tiegħu huwa magħruf mill-bejjiegħ, fl-Istat Membru fejn il-merkanzija hija protetta mid-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur, tirċievi l-ħlas għall-merkanzija u tikkunsinna l-merkanzija lix-xerrej fl-indirizz miftiehem jew hija meħtieġa kundizzjoni supplimentari li, fi stadju preċedenti għall-bejgħ, il-merkanzija kienet is-suġġett ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ r[i]klamar indirizzati lill-konsumaturi tal-Istat Membru fejn il-merkanzija hija kkunsinnata jew ippreżentata fuq sit tal-internet indirizzat lill-konsumaturi ta’ dan l-Istat?

2)

L-Artikoli 5(1) u 5(3) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jitqies bħala użu ‘fl-eżerċizzju tal-kummerċ’ ta’ trade mark fi Stat Membru l-fatt li impriża tikkonkludi, permezz ta’ sit tal-internet li jinsab f’pajjiż terz, ta’ kuntratt ta’ bejgħ u kunsinna tal-merkanzija li jkollha fuqha din it-trade mark lil xerrej privat, li l-indirizz tiegħu huwa magħruf mill-bejjiegħ, fl-Istat Membru fejn it-trade mark hija rreġistrata, tirċievi l-ħlas għall-merkanzija u tikkunsinna l-merkanzija lix-xerrej fl-indirizz miftiehem jew f’din is-sitwazzjoni hija meħtieġa kundizzjoni supplimentari li, fi stadju preċedenti għall-bejgħ, il-merkanzija kienet is-suġġett ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ r[i]klamar indirizzati lill-konsumaturi tal-Istat Membru fejn il-merkanzija hija kkunsinnata jew ippreżentata fuq sit tal-internet indirizzat lill-konsumaturi ta’ dan l-Istat?

3)

L-Artikoli 9(1) u 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jitqies bħala użu ‘fil-kummerċ’ ta’ trade mark fi Stat Membru l-fatt li impriża tikkonkludi, permezz ta’ sit tal-internet li jinsab f’pajjiż terz, ta’ kuntratt ta’ bejgħ u kunsinna tal-merkanzija li jkollha fuqha t-trade mark Komunitarja lil xerrej privat, li l-indirizz tiegħu huwa magħruf mill-bejjiegħ, fi Stat Membru, tirċievi l-ħlas għall-merkanzija u tikkunsinna l-merkanzija lix-xerrej fl-indirizz miftiehem jew f’din is-sitwazzjoni hija meħtieġa kundizzjoni supplimentari li, fi stadju preċedenti għall-bejgħ, il-merkanzija kienet is-suġġett ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ r[i]klamar indirizzati lill-konsumaturi tal-Istat Membru fejn il-merkanzija hija kkunsinnata jew ippreżentata fuq sit tal-internet indirizzat lill-konsumaturi ta’ dan l-Istat?

4)

L-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni fi Stat Membru ta’ dispożizzjoniji dwar il-projbizzjoni li tiġi rrilaxxata fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u d-distruzzjoni ta’ ‘merkanzija kkupjata’ hija suġġetta għall-kundizzjoni li kien hemm ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’ f’dan l-Istat Membru skont l-istess kriterji bħal dawk indikati fir-risposta għall-ewwel domanda?

5)

L-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikazzjoni fi Stat Membru tad-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni li tiġi rrilaxxata fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa u d-distruzzjoni ta’ ‘merkanzija falza’ hija suġġetta għall-kundizzjoni li kien hemm użu “fil-kummerċ” f’dan l-Istat Membru skont l-istess kriterji bħal dawk indikati fir-risposta għat-tieni u għat-tielet domandi?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tipprova tiċċara l-kunċett ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, kif ukoll il-kunċett ta’ “użu fil-kummerċ” skont l-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva dwar it-trade marks, u tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, bil-għan li tiġi evalwata, fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

24

Skont id-definizzjoni tal-kliem “merkanzija falza” u “merkanzija kkupjata”, li jidhru fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Doganali, dawn il-kunċetti jirrigwardaw ksur ta’ trade mark, ta’ drittijiet tal-awtur jew dritt relatat jew ukoll ta’ disinn, li tapplika bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew bis-saħħa tad-dritt intern tal-Istat Membru li fih ikunu intervjenew l-awtoritajiet doganali. Minn dan isegwi li dawn jirrigwardaw biss ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif mogħtija bid-dritt tal-Unjoni u bid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri (ara s-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

25

Ir-Regolament Doganali, f’dan ir-rigward ma jistabbilixxi ebda kriterju ġdid li jippermetti l-verifika tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Montex Holdings, C-281/05, Ġabra p. I-10881, punt 40). Ksur bħal dan jista’, konsegwentement, jiġi invokat sabiex jiġġustifika l-intervent tal-awtoritajiet doganali skont dan ir-regolament biss jekk il-bejgħ tal-merkanzija kkonċernata tista’ taffettwa d-drittijiet mogħtija fil-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, id-Direttiva dwar it-trade marks, u r-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk jirriżultax mir-Regolament Doganali li, sabiex proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq merkanzija mibjugħa lil persuna li tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru permezz ta’ sit internet għall-bejgħ online li jinsab f’pajjiż terz jibbenefika mill-protezzjoni ggarantita lil dan il-proprjetarju mill-imsemmi regolament fil-mument li din il-merkanzija tidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, huwa meħtieġ li dan il-bejgħ jiġi kkunsidrat, fl-imsemmi Stat Membru, li huwa forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku jew użu fil-kummerċ. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk, qabel il-bejgħ, l-imsemmija merkanzija trid tkun kienet is-suġġett ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ riklamar indirizzati lill-konsumaturi tal-istess Stat.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’, abbażi tad-Direttiva dwar it-trade marks u tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, jipprojbixxi l-użu, mingħajr il-kunsens tiegħu, ta’ sinjal identiku għall-imsemmija trade mark minn terz meta dan l-użu jseħħ fil-kummerċ, isir għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun rreġistrata, u jkollu effett ħażin jew jista’ jkollu effett ħażin fuq il-funzjonijiet tat-trade mark (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C-236/08 sa C-238/08, Ġabra p. I-2417, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Min-naħa l-oħra, skont id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, dritt esklużiv jiġi mogħti lill-awturi sabiex jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, permezz tal-bejgħ jew b’mod ieħor, tal-oriġinali tax-xogħlijiet tagħhom jew ta’ kopji tagħhom. Id-distribuzzjoni lill-pubbliku hija kkaratterizzata minn serje ta’ attivitajiet li jmorru, minn tal-inqas, mill-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ sal-eżekuzzjoni tiegħu permezz tal-kunsinna lil membru tal-pubbliku. Għalhekk, negozjant huwa responsabbli għall-attivitajiet imwettqa minnu stess jew f’ismu li jirriżultaw f’“distribuzzjoni lill-pubbliku” fi Stat Membru fejn il-beni ddistribwiti huma protetti minn drittijiet tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Donner, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 u 27).

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li dan il-bejgħ għandu jitqies, fit-territorju ta’ Stat Membru, li huwa forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, skont id-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, jew li huwa użu fil-kummerċ, fis-sens tad-Direttiva dwar it-trade marks u tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja. L-eżistenza ta’ din id-distribuzzjoni lill-pubbliku għandha titqies li seħħet fil-każ ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ u ta’ dispaċċ.

30

Ma huwiex ikkontestat li, fil-kawża prinċipali, Rolex hija l-proprjetarja, fid-Danimarka, ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ trade mark li hija tinvoka u li l-arloġġ inkwistjoni f’din il-kawża jikkostitwixxi merkanzija falza u merkanzija kkupjata skont l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tar-Regolament Doganali. Lanqas ma huwa kkontestat li Rolex kienet tkun intitolata li tinvoka ksur tad-drittijiet tagħha fil-każ fejn din il-merkanzija tkun tqiegħdet għall-bejgħ minn negozjant stabbilit f’dan l-Istat Membru, peress li fil-każ ta’ dan il-bejgħ, li jkun seħħ fuq bażi kummerċjali, kien ikun għamel użu, f’distribuzzjoni lill-pubbliku, tad-drittijiet tiegħu fil-kummerċ. Għandu mbagħad jiġi vverifikat, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, jekk proprjetarju ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bħalma huwa Rolex, huwiex intitolat għall-istess protezzjoni tad-drittijiet tagħha fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-merkanzija inkwistjoni tkun inbiegħet permezz ta’ sit internet għall-bejgħ online li jinsab f’pajjiż terz li fit-territorju tiegħu din il-protezzjoni ma tistax tiġi applikata.

31

Huwa minnu li s-sempliċi aċċessibbiltà ta’ sit internet fit-territorju kopert minn din il-protezzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-offerti ta’ bejgħ murija fuq is-sit huma indirizzati lejn konsumaturi li jinsabu f’dan it-territorju (ara s-sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

32

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li jista’ jkun hemm ksur tad-drittijiet hekk protetti meta, anki qabel il-wasla tagħha fit-territorju kopert minn din il-protezzjoni, merkanzija li toriġina minn pajjiż terz, tkun is-suġġett ta’ att kummerċjali dirett lejn il-konsumaturi li jkunu jinsabu f’dan it-territorju, bħalma huwa bejgħ, offerta ta’ bejgħ jew riklamar (ara f’dan is-sens, is-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

B’hekk, il-merkanzija li toriġina minn Stat terz u li tikkostitwixxi imitazzjoni ta’ prodott protett fl-Unjoni minn dritt ta’ trade mark jew kopja ta’ prodott protett fl-Unjoni minn drittijiet tal-awtur, dritt relatat, jew ukoll minn disinn, tista’ tikser dawn id-drittijiet u għaldaqstant tikkwalifika bħala “merkanzija falza” jew “merkanzija kkupjata” jekk jiġi pprovat li hija intiża li titqiegħed għall-bejgħ fl-Unjoni, u din il-prova li tiġi prodotta, b’mod partikolari, meta jirriżulta li l-imsemmija merkanzija tkun inbiegħet lil klijent fl-Unjoni, tkun is-suġġett ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ riklamar indirizzati lill-konsumaturi fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

34

Issa, huwa stabbilit li, fil-kawża prinċipali, il-merkanzija inkwistjoni nbiegħet lil klijent fl-Unjoni, sitwazzjoni din li f’kull każ ma hija la paragunabbli għal dik tal-prodotti proposti fuq “suq online” u inqas u inqas għal dik ta’ prodotti mdaħħla fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt proċedura sospensiva Konsegwentement, is-sempliċi fatt li dan il-bejgħ sar minn sit internet tal-bejgħ online li jinsab f’pajjiż terz ma jistax ikollu l-effett li jċaħħad lill-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq il-merkanzija li tkun inbiegħet mill-protezzjoni li tirriżulta mir-Regolament Doganali, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi vverifikat jekk din il-merkanzija kinitx is-suġġett, barra minn hekk, ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ riklamar indirizzat lill-konsumaturi fl-Unjoni, qabel ma jseħħ dan il-bejgħ.

35

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li r-Regolament Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq merkanzija mibjugħa lil persuna li tkun tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru permezz ta’ sit internet tal-bejgħ online li jinsab f’pajjiż terz jibbenefika, fil-mument li din il-merkanzija tidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, mill-protezzjoni ggarantita lil dan il-proprjetarju minn dan ir-regolament bis-sempliċi fatt tax-xiri tal-imsemmija merkanzija. Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ barra dan li, qabel il-bejgħ, il-merkanzija inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ riklamar indirizzati lill-konsumaturi ta’ dan l-istess Stat.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 tat-22 ta’ Lulju 2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali fuq merkanzija mibjugħa lil persuna li tkun tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru permezz ta’ sit internet tal-bejgħ online li jinsab f’pajjiż terz jibbenefika, fil-mument li din il-merkanzija tidħol fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, mill-protezzjoni ggarantita lil dan il-proprjetarju minn dan ir-regolament bis-sempliċi fatt tax-xiri tal-imsemmija merkanzija. Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ barra dan li, qabel il-bejgħ, il-merkanzija inkwistjoni kienet is-suġġett ta’ offerta għal bejgħ jew ta’ riklamar indirizzati lill-konsumaturi ta’ dan l-istess Stat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.

Top