EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0647

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Mengozzi - 16 ta' Ottubru 2014.
Office national de l'emploi vs Marie-Rose Melchior.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour du travail de Bruxelles - il-Belġju.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sigurtà soċjali - Kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad fi Stat Membru - Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ xogħol li twettqu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilita f’dan l-Istat Membru - Assimilazzjoni tal-ġranet ta’ qgħad kkumpensati skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Komunitajiet Ewropej għal ġranet ta’ xogħol - Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.
Kawża C-647/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2301

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fis-16 ta’ Ottubru 2014 ( 1 )

Kawża C‑647/13

Office national de l’emploi

vs

Marie-Rose Melchior

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour du travail de Bruxelles (il-Belġju)]

“Aċċess għal allowance tal-qgħad fi Stat Membru — Teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodu ta’ xogħol imwettaq bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni — Assimilazzjoni tal-perijodu tal-qgħad fl-istituzzjonijiet Ewropej ma’ perijodu ta’ xogħol — Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali”

1. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett tal-kawża preżenti tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali u tal-Artikolu 34(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Din ġiet imressqa fil-kuntest ta’ tilwima bejn M. Melchior u l-Office national de l’emploi (iktar ’il quddiem l-“ONEM”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtiha l-benefiċċju tal-allowance tal-qgħad.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

2.

Skont l-Artikolu 96(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“KII”), l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt, li jsib ruħu bla impjieg wara li jkun waqaf jaħdem ma’ istituzzjoni tal-Unjoni, jibbenefika, taħt ċerta kundizzjonijiet, minn allowance tal-qgħad fix-xahar. It-tieni subparagrafu tal-istess paragrafu jistabbilixxi li, meta jkun intitolat għal allowance tal-qgħad skont l-iskema nazzjonali, l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt huwa marbut jiddikjara dan lil istituzzjoni li magħha kien jaħdem. F’dan il-każ, l-ammont ta’ din l-allowance jitnaqqas minn dik imħallsa mill-Unjoni.

3.

Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, sabiex jibbenefika mill-imsemmija allowance, l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt huwa marbut, fost oħrajn, li jirreġistra bħala persuna li qed tfittex impjieg mas-servizzi tal-impjieg fl-Istat Membru fejn jistabbilixxi r-residenza tiegħu u għandu jissodisfa l-obbligi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru li huma imposti fuq persuni li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni. Il-paragrafu 4 jispeċifika li l-allowance għandha titħallas mill-jum tal-waqfien mis-servizz, għal perijodu massimu ta’ 36 xahar u li fi kwalunkwe każ, ma għandhiex teċċedi t-terz taż-żmien effettiv tas-servizz imwettaq. Il-ħlas jista’ jiġi interrott jekk matul dan il-perijodu, l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt ma jkomplix jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 1 u 2. L-allowance tibda titħallas mill-ġdid jekk, qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt jerġa’ jibda jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet mingħajr ma jkun kiseb id-dritt għall-allowance tal-qgħad nazzjonali.

4.

Skont l-Artikolu 96(7), kull membru tal-persunal bil-kuntratt jikkontribwixxi għal terz tal-finanzjament tal-iskema tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad. Din il-kontribuzzjoni titnaqqas darba fix-xahar mis-salarju tal-persuna kkonċernata u titħallas, wara l-awment taż-żewġ terzi l-oħra mill-istituzzjoni, lill-Fond speċjali tal-qgħad li huwa komuni għall-istituzzjonijiet u ġestit mill-Kummissjoni Ewropea.

5.

Skont il-paragrafu 9 tal-istess artikolu, “[i]d-dipartimenti nazzjonali bir-responabbiltà għall-impieg u l-qgħad, li jaġixxu skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw flimkien b’manjiera effettiva biex jiżguraw li dan l-Artikolu ikun applikat sewwa”.

B – Id-dritt nazzjonali

6.

Id-digriet irjali tal-25 ta’ Novembru 1991, li jirregola l-qgħad (Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1991, p. 29888, iktar ’il quddiem id-“digriet Irjali”), fil-verżjoni tiegħu kif applikabbli fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi, fl-Artikolu 30 tiegħu, li, sabiex ikun intitolat għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad, ħaddiem full-time li jkollu iktar minn 50 sena għandu jwettaq perijodu ta’ prova li jinkludi 624 jum ta’ xogħol matul is-36 xahar ta’ qabel ma titressaq it-talba għall-allowances.

7.

Skont l-Artikolu 37(1) tad-digriet Irjali:

“[...] għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala xogħol imwettaq, ix-xogħol normali effettiv u s-servizzi supplimentari mingħajr mistrieħ kumpensatorju, imwettqa fi professjoni jew f’impriża li huma suġġetti għas-sigurtà soċjali, settur tal-qgħad, li għalihom simultanjament:

[…]

2

ġew miżmuma fuq ir-remunerazzjoni mħallsa, il-kontribuzzjonijiet regolatorji tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk tas-settur tal-qgħad.

[...]”

8.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(2) tad-digriet Irjali jipprovdi li:

“Ix-xogħol imwettaq barra mill-pajjiż jittieħed inkunsiderazzjoni jekk ikun sar fil-kuntest ta’ impjieg li jagħti lok, fil-Belġju, għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk tas-settur tal-qgħad.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 37(2) japplika biss madankollu jekk il-ħaddiem, wara x-xogħol li jkun wettaq barra mill-pajjiż, iwettaq perijodi ta’ xogħol bħala persuna impjegata skont il-leġiżlazzjoni Belġjana.”

Skont l-Artikolu 38(1)(1)(a) tad-digriet Irjali, huma assimilati għal ġranet ta’ xogħol, għall-applikazzjoni tal-Artikoli 30 et seq tal-imsemmi digriet, il-ġranet li taw lok għall-ħlas ta’ allowance b’applikazzjoni tal-liġi dwar l-assigurazzjoni tal-qgħad.

II – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li M. Melchior, li hija ta’ nazzjonalità Belġjana, kellha diversi xogħlijiet bħala impjegata fil-Belġju qabel ma bdiet taħdem mal-Kummissjoni fi Brussell, mill-1 ta’ Marzu 2005 sad-29 ta’ Frar 2008, bħala membru tal-persunal bil-kuntratt.

10.

Permezz tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2008, l-ONEM ċaħdilha l-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad, li hija kienet talbet fl-1 ta’ Marzu 2008, għar-raġuni li ma kinitx ippruvat li kienet wettqet 624 jum ta’ xogħol matul is-36 xahar ta’ qabel ma ressqet it-talba tagħha, peress li dan l-organu ma jiħux inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu l-persuna kkonċernata ħadmet mal-Kummissjoni. Huwa tawwal, madankollu, il-perijodu ta’ referenza saż-żmien ta’ dan il-perijodu.

11.

Wara li ħadet il-benefiċċju tal-allowance tal-qgħad stabbilita mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg għal perijodu ta’ 12-il xahar, mill-1 ta’ Marzu 2008 u kellha diversi impjiegi fil-Belġju bejn l-20 ta’ Awwissu 2008 u t-13 ta’ Lulju 2009, M. Melchior, fl-14 ta’ Lulju 2009, ressqet talba ġdida għall-allowances tal-qgħad li ġiet miċħuda mill-ONEM fis-26 ta’ Awwissu 2009, għall-istess raġuni li ma ppruvatx li wettqet 624 jum ta’ xogħol matul is-36 xahar ta’ qabel ma tressqet l-imsemmija talba, jiġifieri matul il-perijodu bejn l-14 ta’ Lulju 2006 u t-13 ta’ Lulju 2009. Fil-kalkolu tiegħu, l-ONEM irrifjuta, minn naħa, li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ attività fis-servizz tal-Kummissjoni u min-naħa l-oħra li jassimila, abbażi tal-Artikolu 38(1)(1)(a) tad-digriet Irjali, il-perijodu ta’ qgħad ikkumpensat skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ma’ perijodu ta’ xogħol.

12.

M. Melchior ikkontestat id-deċiżjoni tal-ONEM tas-26 ta’ Awwissu 2009 quddiem it-Tribunal du travail de Bruxelles, li, permezz tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, annulla l-imsemmija deċiżjoni, iddikjara l-persuna kkonċernata bħala ammissibbli għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad mill-14 ta’ Lulju 2009 u kkundanna lill-ONEM għall-ħlas tal-allowances tal-qgħad dovuti minn din id-data.

13.

L-ONEM ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem il-Cour du travail de Bruxelles, fejn talab li din tal-aħħar tiġi emendata u li tiġi mill-ġdid stabbilita d-deċiżjoni tas-26 ta’ Awwissu 2009. Peress li din il-qorti kellha d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tal-Artikoli 37 u s-sottoparagrafu 1(a) tal-Artikolu 38(1) tad-digriet Irjali, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u l-Artikolu 4(3) TUE, minn naħa, u l-Artikolu 34(1) tal-[Karta], min-naħa l-oħra, jipprekludu li, fir-rigward tal-eleġibbiltà għal allowances ta’ qgħad, Stat Membru jirrifjuta:

li jieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ xogħol li twettqu bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea stabbilita f’dan l-Istat Membru, b’mod partikolari meta, kemm qabel, kif ukoll wara l-perijodu ta’ xogħol bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, ix-xogħol ikun twettaq bħala ħaddiem impjegat skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru;

li jassimila l-granet ta’ qgħad ikkumpensati skont [il-Kondizzjonijiet tal-impjieg], ma’ ġranet ta’ xogħol filwaqt li l-ġranet ta’ qgħad ikkumpensati skont il-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat Membru, jibbenefikaw minn tali assimilazzjoni?”

III – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

14.

Jeħtieġ, preliminarjament, minn naħa, li jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti taqax fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju jew tal-leġiżlazzjoni sussidjarja fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema u, min-naħa l-oħra, li tittieħed pożizzjoni fuq l-argument magħmul mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, imsejjes fuq in-natura regolatorja tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-applikazzjoni diretta tagħhom għall-fatti fil-kawża prinċipali.

1. Dwar l-applikazzjoni tad-dritt primarju jew tal-leġiżlazzjoni sussidjarja fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali

15.

Skont ġurisprudenza stabbilita, uffiċjal tal-Unjoni Ewropea — li miegħu għandu jiġi assimilat membru tal-persunal bil-kuntratt li jaqa’ taħt il-Kondizzjonijiet tal-impjieg — għandu l-kwalità ta’ ħaddiem fis-sens tal-Artikolu 45(1) TFUE, kemm-il darba jkun għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu ( 2 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-perijodu ta’ attività f’servizz pubbliku internazzjonali, bħalma huwa dak tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi assimilat ma’ perijodu mwettaq fis-servizz pubbliku ta’ Stat Membru ieħor u ma jistax, għalhekk, joħloq, waħdu, rabta ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet koperti fl-imsemmija dispożizzjoni tat-Trattat ( 3 ).

16.

Huwa paċifiku fil-kawża preżenti li M. Melchior dejjem irrisjediet u ħadmet il-Belġju, l-ewwel għal impriżi privati, imbagħad għall-Kummissjoni u, fl-aħħar nett, mill-ġdid fis-settur privat. Hija qatt ma kisbet, kif tammetti hija stess, matul il-ħajja professjonali tagħha, il-kwalità ta’ ħaddiem migrant. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tagħha, li tibqa’ purament interna, ma taqax taħt l-Artikolu 45(1) TFUE ( 4 ).

17.

Barra minn hekk, u kif osservat b’mod korrett il-qorti tar-rinviju, is-sitwazzjoni ta’ M. Melchior, matul il-perijodu meta hija kienet impjegata mal-Kummissjoni, lanqas ma taqa’ taħt ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 ( 5 ), adottat abbażi tal-Artikolu 42 KE (li sar l-Artikolu 48 TFUE) bl-għan li jikkoordina l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għall-implementazzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li “l-uffiċjali [tal-Unjoni] ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala persuni impjegati fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 peress li, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, huma mhumiex suġġetti għal leġiżlazzjoni nazzjonali, kif jeżiġi l-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmi regolament li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ l-istess regolament” ( 6 ).

18.

Dan premess, jeħtieġ li tittieħed pożizzjoni fuq l-argumentazzjoni imressqa mill-Kummissjoni u msejsa fuq in-natura leġiżlattiva tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg tal-applikazzjoni diretta tagħhom għall-fatti fil-kawża prinċipali.

2. Dwar in-natura leġiżlattiva tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u tal-applikazzjoni diretta tagħhom għall-fatti fil-kawża prinċipali

19.

Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ġew adottati permezz ta’ regolament tal-Kunsill li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, għandu applikazzjoni ġenerali, jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti taqa’ taħt l-Artikolu 96 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jagħti d-dritt għall-allowance tal-qgħad lill-ex membri tal-persunal bil-kuntratt u jikkwalifika din l-allowance bħala waħda komplementari għal dik potenzjalment prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din in-natura komplementari, li timponi ruħha fuq l-awtoritajiet nazzjonali, bħalma huwa l-ONEM, tipprekludi li l-perijodi ta’ xogħol imwettqa fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni ma jittiħdux inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk ex membru tal-persunal bil-kuntratt jistax jibbenefika minn allowance tal-qgħad nazzjonali.

20.

Ċertament li mhux ikkontestat li r-Regolament (KEE) Nru 259/68 ( 7 ), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa, kif wara kollox, jistabbilixxi espressament l-Artikolu 11 tiegħu, “obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Kif iddikjarat bosta drabi il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi regolament jorbot lill-Istati Membri “kull meta l-kooperazzjoni tagħhom hija meħtieġa għall-implementazzjoni tiegħu” ( 8 ). Barra minn hekk, kif ġustament tfakkar il-Kummissjoni, fis-sentenza Kristiansen (EU:C:2003:652), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li l-allowance stabbilita fl-Artikolu 28a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li għandha l-istess portata tal-Artikolu 96, iżda tikkonċerna l-membri tal-persunal temporanju, hija ta’ natura komplementari għal dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u li din in-natura, inkwantu hija fondata fuq dispożizzjoni leġiżlattiva, timponi ruħha fuq l-Istati Membri u ma tistax titwarrab permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali ( 9 ).

21.

Madankollu, it-teżi tal-Kummissjoni, li l-obbligu tal-ONEM, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi li r-rikorrenti fil-kawża preżenti qattgħet mal-Kummissjoni, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk hijiex intitolata għall-allowances nazzjonali, jirriżulta min-natura komplementari tal-allowance tal-qgħad prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg u min-natura regolatorja ta’ dawn tal-aħħar, ma tikkonvinċinix u dan għal raġunijiet li ser jiġu esposti.

22.

Fl-ewwel lok, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jamministraw l-iskemi tagħhom tas-sigurtà soċjali. Għalkemm huwa minnu li, fl-eżerċizzji ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni ( 10 ), jibqa’ l-fatt li fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina, minn naħa, il-kundizzjonijiet tad-dritt jew tal-obbligu tas-sħubija fi skema ta’ sigurtà soċjali u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li jagħtu lok għal benefiċċji ( 11 ).

23.

Fit-tieni lok, huwa biss meta jkun intitolat għal allowance tal-qgħad skont skema nazzjonali li l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt huwa marbut li jressaq it-talba skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg u l-ammont ta’ din l-allowance jkun mnaqqas minn dak stabbilit fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu. Fi kliem ieħor, l-allowance tal-qgħad li għandha titħallas mill-Unjoni ma tistax tikseb natura komplementari ħlief jekk, u sa fejn, l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt għandu wkoll id-dritt għal allowance tal-qgħad nazzjonali.

24.

Fit-tielet lok, l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għandu d-dritt, taħt din id-dispożizzjoni, li jirċievi allowance tal-qgħad li l-eżistenza tagħha ma tiddependix fuq il-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk tali membru tal-persunal jaqax ukoll taħt skema nazzjonali ta’ assigurazzjoni għall-qgħad u jekk jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ allowances skont dik l-iskema. Isegwi minn dan li, għalkemm l-allowance tista’ tassumi natura komplementari, sa fejn tiżdied mal-benefiċċji potenzjali li tipprovdi l-iskema nazzjonali u tikkompletahom, l-allowance tal-qgħad prevista fl-Artikolu 96 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma hijiex fondata fuq l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji. Teżisti, għalhekk, awtonomija ta’ prinċipju bejn l-iskema tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg u dawk organizzati mill-Istati Membri.

25.

Fir-raba’ lok, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg fih dispożizzjoni speċjali li l-għan tagħha huwa li tirregola r-relazzjoni bejn il-benefiċċji tal-qgħad tar-Regolamenti tal-Persunal u dawk previsti fl-iskemi nazzjonali, meta l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt għandu dritt għat-tnejn li huma ( 12 ). Din id-dispożizzjoni għandha għan doppju. Minn naħa, hija sservi bħala regola antikumulu li tiffavorixxi lill-Unjoni, sa fejn tistabbilixxi li meta l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet sabiex jikseb l-allowances nazzjonali, dawn tal-aħħar jitnaqqsu mill-ammonti li għandhom jitħallsu mill-Unjoni u b’hekk jitnaqqas il-piż finanzjarju ta’ din tal-aħħar ( 13 ). Min-naħa l-oħra, hija taċċerta l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal bil-kuntratt li jaħdmu mal-istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri differenti, sabiex tiggarantilhom allowances tal-qgħad tal-istess ammont (minimu) indipendentament mil-leġiżlazzjonijiet dwar l-assigurazzjoni tal-qgħad li għalihom jistgħu jkunu suġġetti fil-livell nazzjonali ( 14 ).

26.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-iskop tiegħu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma għandux, fil-prinċipju, l-għan li jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni li minnu jibbenefikaw l-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lilhom, sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ intitolament għall-benefiċċji tal-iskemi tagħhom ta’ assigurazzjoni tal-qgħad. Ma jirrikjedix, fil-fatt, ħlief l-adattamenti ta’ dawn l-iskemi, li jkunu meħtieġa għall-osservanza tan-natura komplementari tal-allowance tar-Regolamenti tal-Persunal, meta din tal-aħħar tkun tikkonkorri mal-benefiċċji pprovduti mill-imsemmija skemi.

27.

Din il-konklużjoni ma hijiex f’kunflitt mal-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni sabiex issostni l-argumentazzjoni tagħha. Fil-fatt, kemm fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:1987:208) kif ukoll fil-kawża Kristiansen (EU:C:2003:652), in-natura obbligatorja tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxu n-natura komplementari tal-allowances Komunitarji mqabbla ma’ dawk tal-istess tip li għandhom jitħallsu mill-iskemi nazzjonali, ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li kienu qed ixejnu l-prinċipju stess ta’ din in-natura komplementari. Fl-ewwel każ, il-kwistjoni kienet tikkonċerna emenda leġiżlattiva introdotta mir-Renju tal-Belġju fl-1982, li kienet tipprevedi li l-ammont ta’ benefiċċji tal-familja jiġi mnaqqas sal-livell tal-ammont ta’ benefiċċji tal-istess natura dovut, fost oħrajn, skont ir-regoli applikabbli għal persunal ta’ istituzzjoni tad-dritt internazzjonali u dan anki jekk, skont dawn ir-regoli, l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji kien jikkwalifika bħala komplementari għall-benefiċċji nazzjonali tal-familja. Fit-tieni każ, min-naħa l-oħra, il-kwistjoni kienet waħda tal-applikazzjoni ta’ regola antikumulu li kienet tirregola l-għoti tal-allowances tal-qgħad Belġjani, u li kienet tistabbilixxi li dawn tal-aħħar ma kinux dovuti jekk il-ħaddiem kien jirċievi remunerazzjoni, kunċett li kien jiġbor fih, b’mod partikolari, l-allowances fit-tmiem ta’ relazzjoni ta’ impjieg u li seta’ jinkludi wkoll l-allowance tal-qgħad prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Huwa interessanti, barra minn hekk, li wieħed jinnota li fil-kawża prinċipali li tat lok għas-sentenza Kristiansen (EU:C:2003:652), l-awtoritajiet Belġjani kienu applikaw l-istess dispożizzjoni kkontestata fit-talba għal deċiżjoni preliminari li minnha oriġinat il-kawża preżenti, fejn kienu rrifjutaw li jikkalkolaw is-servizzi mwettqa minn M. Kristiansen bħala impjegata tal-Kummissjoni, sabiex tkun intitolata għall-allowances tal-qgħad nazzjonali ( 15 ). Għalkemm huwa minnu li l-kwistjoni preliminari kienet tikkonċerna biss l-applikazzjoni tar-regola antikumulu msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, la l-Qorti tal-Ġustizzja, la l-Avukat Ġenerali Alber ( 16 ) u lanqas il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, ma kkontestaw, jekk mhux b’mod inċidentali, il-kompatibbiltà tal-imsemmi rifjut mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28a(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jistabbilixxi n-natura komplementari tal-allowances tal-qgħad Komunitarji, imħallsa lill-ex membri tal-persunal temporanju, għalkemm in-natura obbligatorja tagħhom ġiet ikkonfermata b’mod inekwivoku għal kulħadd.

28.

Fil-kawżi preżenti, b’differenza mill-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:1987:208) u Kristiansen (EU:C:2003:652), ir-regola li teskludi l-perijodi ta’ impjieg ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mill-kalkolu tal-ġranet ta’ xogħol rikjesti għall-intitolament għall-allowances tal-qgħad nazzjonali, ma tqajjimx dubju dwar in-natura komplementari tal-allowance prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

29.

Ċertament li jista’ jiġi oġġezzjonat li n-natura komplementari tal-allowance skont ir-Regolamenti tal-Persunal ma tadattax ruħha tajjeb mal-applikazzjoni stretta tal-prinċipju kontributorju, kif stabbilit mill-Gvern Belġjan, peress li teskludi it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol li ma tawx lok għal kontribuzzjonijiet għas-sigurtà soċjali Belġjana. Esklużjoni bħal din tista’, fil-fatt, konkretament twassal sabiex ebda allowance nazzjonali ma titħallas lil ex membru tal-persunal bil-kuntratt, f’liema każ dan tal-aħħar ikun jaqa’ biss, għalhekk, taħt l-iskema tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, meta dan ir-riżultat ma jkunx ħlief il-konsegwenza tal-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet oġġettivi li għalihom huwa suġġett id-dritt għall-allowances tal-qgħad nazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi kkritikat bil-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, liema obbligi la jinkludu dak li tiġi stabbilita skema ta’ assigurazzjoni kontra l-qgħad u lanqas dak tal-amministrazzjoni ta’ din l-iskema b’mod li tħallas f’sitwazzjoni ta’ ex membru tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni.

30.

Fil-ħames lok, nirrileva li, anki jekk wieħed ma jagħtix każ il-kundizzjonijiet tal-intitolament għall-allowances tal-qgħad Belġjani u l-applikazzjoni tagħhom mill-ONEM, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif deskritta fid-digriet tar-rinviju, ma tagħtix lok għall-applikazzjoni konġunta tal-iskema taħt ir-Regolamenti tal-Persunal u dik nazzjonali tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad, tant li r-regola speċifika tal-antikumulu stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ma tistax, fi kwalunkwe każ, tapplika f’din il-kawża. Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li, wara li waqfet taħdem mal-Kummissjoni, M. Melchior irċeviet l-allowance tal-qgħad skont l-Artikolu 96 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għal perijodu ta’ tnax-il xahar li beda jiddekorri mill-1 ta’ Marzu 2008. Issa, skont l-Artikolu 96(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, din l-allowance għandha titħallas lil ex membru tal-persunal bil-kuntratt mid-data tat-tmiem tas-servizz għal perijodu massimu ta’ sitta u tletin xahar u fl-ebda każ ma jaqbeż terz tat-tul attwali tas-servizz li tlesta. Minn dan isegwi li, fil-mument meta hija ressqet, quddiem l-ONEM, it-talba tagħha għall-allowances nazzjonali, li fuqha hija msejsa l-kawża prinċipali, fl-14 ta’ Lulju 2009, M. Melchior, li ħadmet mal-Kummissjoni għall-perijodu ta’ tliet snin, kienet diġà bbenefikat mill-assigurazzjoni massima offruta taħt l-iskema tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ONEM ma jistax, fil-kawża preżenti, jiġi akkużat bin-nuqqas ta’ rikonoxximent tan-natura komplementari tal-allowance stabbilita fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

31.

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, fl-opinjoni tiegħi, l-obbligu eventwali impost fuq l-awtoritajiet Belġjani li jieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet impjegata mal-Kummissjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ġranet ta’ xogħol li huma meħtieġa għall-intitolament għall-allowances tal-qgħad nazzjonali, ma jistax jissejjes fuq l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 96(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

32.

Dan premess, tali obbligu jista’ jirriżulta minn prinċipji oħra applikabbli fir-rigward, li ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet.

B – Fuq id-domanda preliminari

1. Fuq il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali

33.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, l-ewwel nett, jekk il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali ( 17 ) jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta, għall-ammissibbiltà għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad nazzjonali, minn naħa, li jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ xogħol imwettqa bħala membru tal-persunal bil-kuntratt ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jassimila għal ġranet ta’ xogħol il-ġranet ta’ qgħad ikkumpensati fil-kuntest tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg, kif previst għal ġranet ta’ qgħad ikkumpensati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

34.

Din il-qorti tosserva li risposta fl-affermattiv tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-trasferibbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni ta’ ħaddiem li ħadem kemm fis-settur privat kif ukoll ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Hija tfakkar li f’iktar minn okkażjoni waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-leġiżlazzjoni Belġjana ma kinitx tiżgura b’mod suffiċjenti din it-trasferibbiltà, bil-ksur, fost oħrajn, tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri abbażi tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali. Hija tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju ( 18 ) u My ( 19 ).

35.

Fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-Renju tal-Belġju kien naqas mill-obbligi imposti fuqu abbażi tat-trattat, meta naqas li jistabbilixxi l-arranġamenti għat-trasferiment tad-drittijiet miksuba mill-iskema ta’ pensjoni Belġjana għall-iskema ta’ pensjoni Komunitarja, skont dak li kien ġie stabbilit fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ( 20 ). Fit-tieni sentenza, min-naħa l-oħra, adita b’talba preliminari mressqa mit-Tribunal du travail de Bruxelles, hija ddeċidiet li l-Artikolu 10 KE, moqri inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ xogħol imwettqa ma’ istituzzjoni Komunitarja, għall-intitolament għall-pensjoni tal-irtirar antiċipata skont l-iskema nazzjonali.

36.

L-ONEM, fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iqisu li din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għall-iskema tal-assigurazzjoni tal-qgħad. Il-Gvern Belġjan jenfasizza, b’mod partikolari, li r-rikorrent fil-kawża My (EU:C:2004:821) kien kiseb id-drittijiet għall-pensjoni kemm taħt is-sistema Belġjana kif ukoll taħt is-sistema tal-Unjoni, filwaqt li fil-kawża preżenti, M. Melchior qatt ma kisbet id-dritt għall-allowances tal-qgħad taħt l-iskema Belġjana. Huwa jisħaq, barra minn hekk, li f’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ssejjes ir-raġunament tagħha fuq dispożizzjoni speċifika, l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi espressament it-trasferiment tad-drittijiet eventwalment miksuba taħt l-iskema tal-Unjoni għall-iskema nazzjonali, filwaqt li l-ebda dispożizzjoni analoga ma hija prevista fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-qgħad.

37.

Dawn l-argumemtazzjonijiet, fl-opinjoni tiegħi, ma humiex konvinċenti.

38.

Minn naħa, għalkemm huwa minnu li fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:1981:237), l-Istat Membru inkwistjoni ġie kkritikat li għamilha impossibbli, minħabba l-ommissjoni tiegħu, li jkun hemm l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII ta’ dawn ir-regolamenti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, b’mod iktar ġenerali, li jonqos mill-obbligi imposti fuqu bis-saħħa tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, stabbilit, dak iż-żmien, fl-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, l-Istat Membru li jonqos milli jadotta, fil-livell nazzjonali, il-miżuri kollha rikjesti mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ( 21 ) jew li jimpedixxi t-twettiq tal-għanijiet li huma fil-mira ta’ dawn tal-aħħar ( 22 ).

39.

Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, il-Gvern Belġjan qiegħed, bħala punt ta’ tluq, jaqra b’mod żbaljat is-sentenza My (EU:C:2004:821).

40.

Fl-ewwel lok, u kuntrarjament għal dak pretiż minn dan il-gvern, il-kwistjoni ttrattata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza My (EU:C:2004:821) ma tiddistingwix ruħha sostanzjalment minn dik tal-kawża preżenti. Fil-fatt, kemm M. Melchior kif ukoll G. My kienu affiljati ma’ skema kontributorja tas-sigurtà soċjali Belġjana qabel ma ġew impjegati ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-istess bħal M. Melchior, G. My kien qed jipprova jikseb ir-rikonoxximent tal-perijodi ta’ xogħol imwettqa mal-Unjoni sabiex ikollu rikonoxxut id-dritt għal benefiċċji previsti fil-kuntest tal-iskema tas-sigurtà soċjali li magħha kien affiljat, f’dak il-każ, il-pensjoni tal-irtirar antiċipat. Fiż-żewġ każijiet, dan id-dritt kien jiddependi fuq jekk l-imsemmija perijodi kinux jidħlu jew le fil-kalkolu tal-ġranet jew tas-snin ta’ xogħol rikjesti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-intitolament għall-benefiċċju inkwistjoni. Iċ-ċirkustanza enfasizzata mill-Gvern Belġjan, li kuntrarjament għal M. Melchior, G. My kien kiseb drittijiet għal pensjoni taħt l-iskema Belġjana, hija għal kollox irrilevanti, sa fejn id-dritt għall-benefiċċju mitlub kien, bħal fil-każ ta’ M. Melchior, suġġett għal rekwiżiti li G. My ma kienx issodisfa, jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni s-snin li huwa qatta’ jaħdem il-Kunsill.

41.

Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jsostni il-Gvern Belġjan, is-sentenza My (EU:C:2004:821) ma kinitx imsejsa fuq xi dispożizzjoni partikolari tar-Regolamenti tal-Persunal, f’dan il-każ l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII ta’ dawn ir-regolamenti.

42.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-domanda preliminari li minnha oriġinat il-kawża li tat lok għas-sentenza My (EU:C:2004:821) kienet tinqasam fi tnejn. Minn naħa, it-Tribunal du travail de Bruxelles kellu d-dubji tiegħu kemm dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Belġjana kif ukoll dik tad-dispożizzjoni imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolamenti tal-Persunal, mal-prinċipji ta’ moviment liberu tal-ħaddiema u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll mad-drittijiet garantiti permezz tat-Trattat KE liċ-ċittadini tal-Unjoni, sa fejn din il-leġiżlazzjoni u din id-dispożizzjoni ma kinux jiggarantixxu t-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni mill-iskema Komunitarja għall-iskema nazzjonali. Min-naħa l-oħra, kellu l-istess dubji fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ma kinux jippermettu, għall-għoti ta’ pensjoni antiċipata, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività mwettqa fi ħdan istituzzjoni Komunitarja.

43.

Fil-punti 24 sa 26 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali qatt ma kien talab it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba taħt l-iskema Komunitarja, għall-iskema tal-pensjoni Belġjana, iżda kien biss talab il-benefiċċju tal-pensjoni nazzjonali tal-irtirar antiċipat u kien qiegħed jikkontesta, f’dan ir-rigward, ir-rifjut tal-Office national des pensions (ONP) li jieħu inkunsiderazzjoni 27 sena ta’ xogħol imwettqa bħala uffiċjal tal-Kunsill, għall-kalkolu tal-35 sena ċivili ta’ karriera rikjesti għall-intitolament għall-imsemmija pensjoni. Minn dan ikkonkludiet li l-kawża prinċipali ma kinitx tikkonċerna l-kwistjoni li jiġi stabbilit jekk id-dritt Komunitarju kienx jimponi, fuq l-awtoritajiet Belġjani, l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-perijodi ta’ attività mwettqa mir-rikorrent taħt l-iskema tal-pensjoni Belġjana kif ukoll dawk imwettqa taħt l-iskema Komunitarja u li, għalhekk, ma kienx hemm għalfejn tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari.

44.

Filwaqt li firdet il-kwistjoni tat-trasferiment tad-drittijiet miksuba taħt l-iskema Komunitarja għall-iskema nazzjonali minn dik tal-eżistenza tal-obbligu tal-awtoritajiet Belġjani li jieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ impjieg ma’ waħda mill-istituzzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja warrbet, fil-fatt, ir-rilevanza, għall-inqas diretta, tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, mis-soluzzjoni tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju ( 23 ). Għalkemm huwa minnu li, fil-punti 44 u 45 tal-motivi tas-sentenza ( 24 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li kienet ser terġa’ tiffoka fuq l-imsemmija dispożizzjoni, fir-realtà hija tillimita ruħha u terġa’ tirreferi għall-interpretazzjoni li hija kienet għamlet ta’ din l-istess dispożizzjoni fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, interpretazzjoni li hija tuża bħala punt tat-tluq għar-raġunament tagħha fis-sentenza My.

45.

Għalhekk, kuntrarjament għal dak pretiż mill-Gvern Belġjan, mhux fuq l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li dan ir-raġunament huwa msejjes, iżda iktar fuq ir-raġuni li fuqha huwa msejjes dan l-artikolu u li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni tiġġeneralizza u tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom kellha tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ ħaddiema li jaqgħu kemm taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru kif ukoll taħt dik stabbilita permezz tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan l-iżvolġiment jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi, b’mod ċar mill-artikulazzjoni bejn il-punti 44, 45 u 46 tas-sentenza My (EU:C:2004:821). Wara li fakkret, fil-punti 44 u 45 li, fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:1981:237), hija kienet iddeċidiet li l-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kellu l-għan li jiffaċilita li l-impjiegi nazzjonali, pubbliċi u privati, jgħaddu taħt l-amministrazzjoni Komunitarja u li jiggarantixxi, b’hekk, l-aħjar possibbiltajiet ta’ għażla ta’ persunal kwalifikat li diġà kellu esperjenza professjonali, b’tali mod li n-nuqqas ta’ rikonoxximent tiegħu seta’ “jagħmel ir-reklutaġġ, mill-Komunità, ta’ uffiċjali nazzjonali li jkollhom ċerta anzjanità aktar diffiċli”, il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi, fil-punt 46, li “[d]an ikun ukoll il-każ meta Stat Membru jirifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa taħt l-iskema ta’ pensjoni Komunitarja għall-finijiet ta’ l-eleġibbiltà għal dritt għall-pensjoni ta’ irtirar kmieni taħt l-iskema tiegħu”.

46.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq livell li jeċċedi il-kuntest tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iddefinixxiet il-kontenut ta’ obbligu awtonomu tal-Istati Membri, meta mqabbel ma’ dawk li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, li tiegħu tippreċiża l-parametri u l-portata billi torbtu, iktar ’il quddiem fis-sentenza, mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE. Għalhekk, fil-punt 47, wara li kkonstatat “li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tfixkel u, għaldaqstant, tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea”, hija tikkonkludi, fil-punt 48, li “[f]id-dawl tad-dmir ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza leali li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-Komunità, li huwa espress fl-obbligu, previst fl-Artikolu 10 KE, li jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità, ma jistgħux jiġu aċċettati konsegwenzi bħal dawn” ( 25 ).

47.

B’mod koerenti mal-linja ta’ raġunament segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożittiv tas-sentenza ma jirreferix għall-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda jistabbilixxi l-obbligu tal-awtoritajiet Belġjani li jieħdu inkunsiderazzjoni s-snin ta’ xogħol imwettqa mir-rikorrent mal-Kunsill, abbażi tal-Artikolu 10 KE “meħud flimkien mar-Regolamenti tal-Persunal”.

48.

Għalhekk, lil hinn mill-partikolaritajiet li taw lok għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:1981:237) u My (EU:C:2004:821), il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li taċċerta, b’mod konkret, il-prinċipju li jistabbilixxi li, jonqos mill-obbligu li jiffaċilita t-twettiq, mill-Unjoni, tal-missjoni tagħha, bi ksur tal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, meħud inkonnessjoni mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Istat Membru li jadotta leġiżlazzjoni li tista’ tiskoraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan istituzzjoni tal-Unjoni. Huwa meħtieġ barra minn hekk li wieħed jenfasizza li, fis-sentenza My (EU:C:2004:821), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet impliċitament li tali obbligu għandu l-kapaċità li jipproduċi effetti ġuridiċi diretti fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-partijiet tagħhom fil-kawża ( 26 ).

49.

Għalkemm sal-ġurnata ta’ llum qatt ma ġie stabbilit ħlief f’kawżi relatati mal-kamp tal-pensjonijiet ( 27 ), l-imsemmi prinċipju jista’ teoretikament japplika fi kwalunkwe sitwazzjoni fejn il-ħaddiem jiċċaħħad mill-benefiċċju ta’ drittijiet u ta’ vantaġġi soċjali, li għalihom jista’ jkun intitolat skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, minħabba r-raġuni unika li parti mill-karriera professjonali tiegħu twettqet fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 28 ). Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gysen, kont diġà, barra minn hekk, ikkunsidrajt il-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza My (EU:C:2004:821) f’oqsma oħra minbarra dak tal-pensjonijiet, b’mod partikolari fil-qasam tal-allowances tal-familja ( 29 ), kif bir-raġun tfakkar il-qorti tar-rinviju.

50.

F’dan l-istadju għalhekk għandu jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata u applikata mill-awtoritajiet Belġjani, sa fejn din teskludi, f’każ bħalma huwa dak tal-kawża preżenti, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi mwettqa fis-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għall-intitolament għall-allowances tal-qgħad taħt l-iskema nazzjonali, hijiex ta’ natura tali li tiskuraġġixxi l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi ħdan l-Unjoni, jew billi tiskuraġġixxi ċerti persuni milli jidħlu fis-servizz ta’ din tal-aħħar, jew billi jiġu inċitati jitilqu l-funzjonijiet li jeżerċitaw, u, konsegwentement, tagħmel iktar diffiċli r-reklutaġġ u/jew iż-żamma fis-servizz mill-Unjoni tal-persunal l-iktar ikkwalifikat. Dan huwa, fl-opinjoni tiegħi, il-każ.

51.

Il-membri tal-persunal bil-kuntratt jiġu impjegati mill-istituzzjonijiet, aġenziji jew organi oħra tal-Unjoni sabiex jeżegwixxu funzjonijiet speċifiċi jew jissostitwixxu uffiċjali jew membri tal-persunal temporanju ta’ istituzzjoni li temporanjament ma jkunux jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom (l-Artikoli 3a u 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg) ( 30 ). Dawn jiġu rreklutati abbażi ta’ kuntratti għal żmien speċifiku, konklużi għal perijodu minimu ta’ tliet xhur u massimu ta’ ħames snin (għall-kategorija ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt l-Artikolu 3a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg) jew ta’ tliet snin (għall-kategorija ta’ membri tal-persunal li jaqgħu taħt l-Artikolu 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg), li jistgħu jiġġeddu għal perijodu akkumulat ta’ massimu ta’ għaxar snin jew ta’ sitt snin rispettivament. Il-perspettiva tal-ħaddiema li jokkupaw dawn l-impjiegi, għal terminu qasir jew medju, hija għalhekk, fil-prinċipju, dik li jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol nazzjonali. Issa, leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata u applikata mill-ONEM, li ma ddaħħalx fil-kalkolu tal-ġranet tax-xogħol, għall-intitolament għall-allowances tal-qgħad, il-perijodi ta’ attività li l-ex membri tal-persunal bil-kuntratt qattgħu fis-servizz tal-Unjoni, timpedihom milli jakkwistaw id-drittijiet, f’termini ta’ aċċess għall-imsemmija allowances, li huma kienu jiksbu li kieku baqgħu impjegati fis-suq nazzjonali tax-xogħol. Tali effett, meta wieħed iqis in-natura temporanja tal-funzjonijiet li jokkupaw dawn il-membri tal-persunal, il-fatt li l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol nazzjonali mal-waqfien mill-funzjonijiet tagħhom, tikkostitwixxi, għalihom, l-iktar perkors verosimili, kif ukoll il-fatt li dawn is-swieq qed isiru dejjem iktar ikkaratterizzati mill-prekarjat u mill-interruzzjoni tax-xogħol, u dan jagħmel il-perspettiva ta’ perijodi ġodda ta’ inattività waħda realistika, ma jistax jitqies bħala wieħed wisq indirett u marġinali sabiex joħloq l-effett dissważiv (jew motivanti) eżaminat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq ( 31 ).

52.

Ċertament li huwa minnu li mal-waqfien tal-funzjonijiet tagħhom, il-membri tal-persunal bil-kuntratt għandhom, fil-prinċipju u fl-assenza ta’ ħlas minn skema nazzjonali, id-dritt għall-allowances previsti mill-iskema tal-assigurazzjoni tal-qgħad skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għal perijodu (massimu) ta’ tliet snin ( 32 ). Madankollu, minn naħa, din il-kopertura hija prevista biss meta l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt ikun wettaq perijodu ta’ servizz minimu ta’ sitt xhur [Artikolu 96(1)(c)] u hija limitata għal perijodu li ma jeċċedix terz tal-perijodu effettiv tas-servizz (Artikolu 96(4)), għalhekk hija konkretament limitata ħafna għall-uffiċjali li huma impjegati abbażi ta’ kuntratti għal żmien qasir u tista’ tkun għal kollox inapplikabbli meta dan iż-żmien ma jilħaqx is-sitt xhur. Minn naħa l-oħra, taħt leġiżlazzjoni bħalma hija dik fil-kawża prinċipali, kif interpretata u applikata mill-ONEM, l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt li jerġa’ jidħol fis-suq nazzjonali tax-xogħol jiġi mċaħħad, ladarba jintemm il-perijodu tal-kopertura stabbilita mil-Kondizzjonijiet tal-impjieg (jiġifieri l-perijodu massimu ta’ sitta u tletin xahar), minn kwalunkwe assigurazzjoni kontra r-riskju tal-qgħad, sakemm jilħaq in-numru ta’ ġranet ta’ xogħol rikjesti sabiex ikun intitolat għall-allowances nazzjonali ( 33 ). Minn din il-perspettiva, din il-leġiżlazzjoni tista’ tolqot b’mod iktar partikolari lil ex membri tal-persunal bil-kuntratt li wettqu perijodi twal ta’ xogħol fis-servizz tal-Unjoni.

53.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi, ir-rifjut, min-naħa tal-awtoritajiet Belġjani, f’każ bħalma huwa dak tal-kawża preżenti, li jingħaddu, sabiex wieħed ikun intitolat għall-allowances tal-qgħad taħt l-iskema nazzjonali, il-perijodi ta’ xogħol imwettqa fis-servizz tal-Unjoni, jista’ jrendi inqas attraenti l-perspettiva li jidħol fl-amministrazzjoni tal-Unjoni bħala membru tal-persunal bil-kuntratt u, għalhekk jindaħal fil-politika tar-reklutaġġ ta’ din tal-aħħar, għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kategorija kunsiderevoli tal-persunal tagħha. Dan ir-rifjut jikser l-obbligu li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 10 KE, moqri inkonnessjoni mal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jieħdu kull miżura meħtieġa u xierqa kemm sabiex jaċċertaw l-implementazzjoni sħiħa tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll sabiex jevitaw li jippreġudikaw l-interessi tal-Unjoni u li jikkompromettu t-twettiq tal-għanijiet tagħha. La n-natura kontributorja tal-iskema nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-qgħad, invokata mill-Gvern Belġjan, li tirrikjedi li huma biss il-ħaddiema li jkunu kkontribwixxew minn qabel f’din l-iskema li jistgħu jgawdu mill-benefiċċji soċjali li din toffri u lanqas il-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-intitolament għad-drittijiet tal-benefiċċji taħt l-iskemi tagħhom ta’ sigurtà soċjali ma jistgħu jpoġġu f’dubju tali obbligu, li għandu l-għan li jiżgura l-kontinwità tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema li jkunu ħadmu fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

54.

Għal dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ assimilazzjoni tal-ġranet ta’ qgħad, ikkumpensati skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg mal-ġranet ta’ xogħol, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ġranet ta’ prova rikjesti għall-intitolament għall-allowances tal-qgħad, mill-proċess ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk ix-xogħol imwettaq fis-servizz tal-Kummissjoni matul il-perijodu ta’ referenza, jiġifieri mill-14 ta’ Lulju 2006 sat-13 ta’ Lulju 2009, jittieħed inkunsiderazzjoni, ir-rikorrenti tkun tista’ tiġġustifika s-624 jum ta’ xogħol rikjesti mill-Artikolu tad-digriet Irjali mingħajr ma jkun meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu li matulu rċeviet l-allowance tal-qgħad prevista fl-Artikolu 96 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ( 34 ). Mhux meħtieġ għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tippronunċja ruħha f’dan ir-rigward.

55.

Jekk madankollu hija tqis li jkun opportun li tagħmel dan, jiena tal-opinjoni li għandu jkun hemm il-konklużjoni stabbilita fil-punt 53, għall-istess raġunijiet esposti iktar ’il fuq, għal dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ assimilazzjoni, f’każ bħalma huwa dak ta’ din il-kawża, ma’ ġranet ta’ xogħol ikkumpensati skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg. F’dan ir-rigward, it-tħassib li wriet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha u fit-tweġiba li tat għall-mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li tali assimilazzjoni tista’ tikser in-natura komplementari tal-allowance prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg jew tippermetti l-kumulu tal-allowance tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-allowances nazzjonali, ma jidhirlix li huwa fondat. Il-fatt li ex membru tal-persunal bil-kuntratt, li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-intitolament għall-allowances nazzjonali fil-mument meta jieqaf mill-funzjonijiet tiegħu, jista’ jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet sussegwentement, matul il-perijodu meta jkun qed jirċievi l-allowance tal-qgħad prevista mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg (jew anke wara li jispiċċa dan il-perijodu), u dan bis-saħħa tal-assimilazzjoni, stabbilita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tal-ġranet ikkumpensati matul dan il-perijodu ma’ ġranet ta’ xogħol, ma jidhirlix li fih innifsu jqajjem dubju dwar in-natura komplementari tal-allowance tar-Regolamenti tal-Persunal jew dwar l-effettività tar-regola antikumulu prevista fl-Artikolu 96 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Mingħajr dubju, sabiex tiġi osservata din in-natura komplementari, huwa l-kompitu ta’ dan l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt li jressaq talba ġdida għall-allowances nazzjonali peress li, fid-dawl tal-assimilazzjoni tal-ġranet tal-qgħad ikkumpensati skont il-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ma’ ġranet ta’ xogħol, huwa jikseb id-dritt għall-ħlas ta’ dawn l-allowances.

2. Fuq l-Artikolu 34 tal-Karta

56.

Fid-dawl tar-risposta li qed nipproponi li nagħti għad-domanda preliminari, sa fejn din tikkonċerna l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, huwa inutli li din il-kwistjoni tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tal-Artikolu 34(1) tal-Karta. Il-kunsiderazzjonijiet qosra sussegwenti għalhekk huma żviluppati għal raġunijiet ta’ kompletezza. Jippresupponu, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Karta tapplika b’mod retroattiv għall-fatti fil-kawża prinċipali ( 35 ).

57.

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom l-għan li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux lil hinn minn dawn is-sitwazzjonijiet ( 36 ). Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105), ma jistax ikun hemm każ li jkun għalhekk jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali. Għaldaqstant, l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta ( 37 ). Meta, min-naħa l-oħra, sitwazzjoni ġuridika ma taqax fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet tal-Karta eventwalment invokati, ma jistgħux waħedhom jiġġustifikaw din il-ġurisdizzjoni ( 38 ).

58.

Fil-każ preżenti, huwa paċifiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, fid-definizzjoni tal-kundizzjonijiet għall-intitolament għall-allowances Belġjani tal-qgħad, ma timplementax att tad-dritt sussidjarju tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitwazzjoni legali ta’ M. Melchior hija purament interna ( 39 ) u ma hijiex direttament koperta minn dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ( 40 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li s-sitwazzjoni ta’ uffiċjal ma taqax fil-qasam tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni unikament minħabba l-fatt tal-eżistenza ta’ rabta ta’ impjieg ma’ din tal-aħħar ( 41 ).

59.

Huwa biss għalhekk fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, kif qed nissuġġerixxi, kellha tqis l-Artikolu 10 KE, moqri inkonnessjoni mad-dispożizzjonijiet tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg, bħala wieħed applikabbli fil-kawża prinċipali, li s-sitwazzjoni ta’ M. Melchior tkun irregolata mid-dritt tal-Unjoni u fejn imbagħad tkun tapplika l-Karta ( 42 ).

60.

Skont l-Artikolu 34(1) tal-Karta, “[l]-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni […] fil-każ ta’ telf ta’ xogħol, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u prattiċi nazzjonali”. B’hekk kif jirriżulta mir-redazzjoni tiegħu u mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta ( 43 ) (iktar ’il quddiem l-“ispjegazzjonijiet”), din id-dispożizzjoni tistabbilixxi “prinċipju” ( 44 ) li huwa fondat fl-Artikoli 153 TFUE u 156 TFUE, kif ukoll fl-Artikolu 12 tal-Karta Soċjali Ewropea u fil-punt 10 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema ( 45 ). Skont l-Artikoli 51(2) u 52(5) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar li jistabbilixxu l-prinċipji, huma indirizzati lill-awtoritajiet pubbliċi u għandhom biss natura programmatika ( 46 ) (mhux natura preskrittiva bħal dawk li jistabbilixxu d-“drittijiet”) u jeħtieġu li jiġu “implimentati” ( 47 ). Fuq il-livell tal-infurzar tagħhom, ma joħolqux, għall-inqas fl-assenza ta’ “medjazzjoni normattiva”, drittijiet għal azzjoni pożittiva min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri ( 48 ) u ma jistgħux jiġu invokati f’kuntest ġudizzjarju ħlief bħala riferimenti interpretattivi jew bħala parametri tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti li jimplementawhom ( 49 ).

61.

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi l-konferma, fil-livell nazzjonali, tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ protezzjoni, espressi fil-livell tal-Unjoni fl-Artikolu 34(1) tal-Karta. L-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni f’sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni għandha ssir b’osservanza ta’ din id-dispożizzjoni tal-Karta. Issa, bl-esklużjoni, għall-finijiet tal-intitotalament għall-allowances tal-qgħad nazzjonali, tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ xogħol li fir-rigward tagħhom tħallsu l-kontribuzzjonijiet lill-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali u ta’ dawk li taw lok għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet fl-iskema stabbilita mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata u applikata mill-awtoritajiet Belġjani, twassal, f’sitwazzjoni bħalma hija dik fil-kawża preżenti, sabiex tinnega, fattwalment, id-dritt ta’ aċċess tal-ħaddiem għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali f’każ li jisfa bla xogħol, bi ksur tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 34(1) tal-Karta.

62.

Għar-raġunijiet preċedenti, inqis li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis il-Karta applikabbli ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali u tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif interpretata u applikata mill-awtoritajiet Belġjani, tikser l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 10 KE u moqri inkonnessjoni mar-Regolamenti tal-Persunal, din il-leġiżlazzjoni tikser ukoll l-Artikolu 34(1) tal-Karta.

IV – Konklużjoni

63.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta segwenti lill-Cour du travail de Bruxelles:

“L-Artikolu 10 KE, flimkien mal-Kondizzjononijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, jipprekludi, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi, għall-ammissibbiltà ta’ ħaddiem għall-benefiċċji tal-allowances tal-qgħad nazzjonali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi li matulhom dan il-ħaddiem kien impjegat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi Echternach u Moritz (389/87 u 390/87, EU:C:1989:130, punt 11); Schmid (C‑310/91, EU:C:1993:221, punt 20), u Ferlini (C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 42).

( 3 ) Ara s-sentenza My (C‑293/03, EU:C:2004:821, punt 42).

( 4 ) Is-sentenza Uecker u Jacquet (C-64/96 u C‑65/96, EU:C:1997:285, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Ir-Regolament Nru 1408/71 tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35). Dan ir-regolament ġie mħassar u ssostitwit permezz tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 6 ) Ara s-sentenzi Ferlini (EU:C:2000:530, punt 41) u My (EU:C:2004:821, punt 35) kif ukoll id-digriet Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420, punt 26).

( 7 ) Regolament tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vo2. 1, p. 5).

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (186/85, EU:C:1987:208, punt 21), u Kristiansen (C‑92/02, EU:C:2003:652, punt 32).

( 9 ) Punt 34. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunċjat ruħha f’dan l-istess sens, għal dak li għandu x’jaqsam mal-allowances tal-familja previsti fl-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:1987:208).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-255/09, EU:C:2011:695, punti 47 sa 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara, inter alia, is-sentenza Kristiansen (EU:C:2003:652, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara, b’analoġija, fil-qasam tal-allowances tal-familja, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (EU:C:1987:208, punt 22).

( 13 ) Ibidem, punt 23.

( 14 ) Ibidem.

( 15 ) Dawn l-awtoritajiet kienu qiesu madankollu li l-perijodu mwettaq minn Kristiansen fis-servizz tal-Kummissjoni kellu jiġi nnewtralizzat biex jiġi ddeterminat il-perijodu ta’ referenza.

( 16 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Kristiansen (EU:C:2002:141).

( 17 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll l-Artikolu 4(3) TUE. Madankollu, it-Trattat ta’ Lisbona kien għadu ma daħalx fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni kontenzjuża fil-kawża prinċipali, is-26 ta’ Awwissu 2009. Għal din ir-raġuni mhux ser nirreferi, iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, għal din id-dispożizzjoni, iżda għall-Artikolu 10 KE.

( 18 ) 137/80, EU:C:1981:237.

( 19 ) EU:C:2004:821.

( 20 ) L-istess nuqqas ġie ddikjarat fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑52/96, EU:C:1997:382).

( 21 ) Ara l-punt 9 u, fl-istess sens, Il-Kummissjoni vs Spanja (EU:C:1997:382, punt 9).

( 22 ) Fil-każ preżenti, l-ugwaljanza bejn l-uffiċjali tal-Unjoni, indipendentement mill-Istat tal-oriġini tagħhom u r-reklutaġġ tal-persunal l-iktar ikkwalifikat, ara l-punt 19 tas-sentenza.

( 23 ) Dan l-approċċ kien, barra minn hekk, impost, peress li l-obbligu eventwali tal-Istati Membri li jemendaw ir-regoli applikabbli għall-għoti tal-benefiċċji permezz tal-iskema tagħhom tas-sigurtà soċjali, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ xogħol imwettqa fis-servizz tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif lanqas ma jista’ jiġi dedott, kif intwera iktar ’il fuq, mill-Artikolu 69 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (ara l-punti 22 sa 29, iktar ’il fuq).

( 24 ) Qabel dawn il-punti wieħed isib it-titolu “Fuq l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 10 KE”.

( 25 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja tat raġunament analogu fis-sentenzi Bruce of Donington (208/80, EU:C:1981:194) u Hurd (44/84, EU:C:1986:2, punti 38 sa 45), fejn hija siltet, mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, li dak iż-żmien kien stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, rispettivament, il-projbizzjoni tat-tassazzjoni tal-kumpens mogħti lil membri tal-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni (li l-iskema ta’ remunerazzjoni tiegħu kienet, dak iż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, irregolata biss mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali), li kien jagħti lok għal ostakli finanzjarji għaċ-ċaqliq tagħhom, u l-projbizzjoni ta’ ġbir ta’ taxxi nazzjonali fuq is-suppliment Ewropew tal-għalliema ta’ skola Ewropea, peress li din it-taxxa setgħet tippreġudika s-sistema tal-finanzjament tal-Komunità u t-tqassim tal-piżijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri.

( 26 ) Fih innifsu, l-Artikolu 4(3) TUE (kif ukoll, preċedentement, l-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, l-Artikolu 5 tat-Trattat KE u l-Artikolu 10 KE) għandu formulazzjoni ħafna iktar ġenerali, sabiex ikun jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati nazzjonali (f’dan is-sens, ara, pereżempju, is-sentenza Hurd, EU:C:1986:2, fejn il-kwistjoni kienet waħda tal-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, li, permezz ta’ miżuri unilaterali, ma jinħoloqx preġudizzju għas-sistema ta’ finanzjament tal-Komunità u tat-tqassim tal-piżijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri, obbligu li r-Renju Unit kien kiser billi impona taxxi nazzjonali fuq is-suppliment Ewropew tal-għalliema ta’ skola Ewropea; ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Slynn fil-kawża Hurd, EU:C:1985:222, punt 30). Jidher madankollu li l-eżitu huwa differenti meta din id-dispożizzjoni tapplika konġuntivament ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, fejn huma stess japplikaw direttament (ara, pereżempju, is-sentenza Acereda Herrera, C‑466/04, EU:C:2006:405, punti 41 sa 45) jew meta din tinqara fil-kuntest ta’ regoli li joħorġu mis-sistema ġenerali tat-trattat jew ta’ att tal-Unjoni, kif huwa l-każ fis-sentenza My (EU:C:2004:821), u li jippermettu li wieħed jiddefinixxi b’mod pjuttost preċiż, il-kontenut tal-obbligu misjub fl-imsemmija dispożizzjoni sabiex tiġi stabbilita n-natura inkundizzjonata tiegħu (ara, ukoll, is-sentenza Bruce of Donington, EU:C:1981:194, punti 14 sa 20, fejn il-fatt tat-tassazzjoni tal-kumpens mogħti lil membri tal-Parlament Ewropew għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni, li s-sistema tar-remunerazzjoni tiegħu kienet, dak iż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, irregolata biss mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, tqies mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala wieħed li jfixkel il-funzjonament intern tal-Parlament billi joħloq ostakli finanzjarji għaċ-ċaqliq tal-membri tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 5 tat-Trattat KEE, b’konnessjoni b’mod partikolari mal-Artikolu 8 tal-Protokoll fuq il-Privileġġi u l-Immunitajiet).

( 27 ) Ġie kkonfermat, b’mod partikolari, fid-digriet Ricci u Pisaneschi (C‑286/09 u C‑287/09, EU:C:2010:420), fejn il-kwistjoni kienet tikkonċerna d-dritt għall-pensjoni tal-irtirar ordinarja. Ara wkoll ir-riferiment magħmul għall-Artikolu 4(3) TUE fis-sentenza Časta (C‑166/12, EU:C:2013:792, punti 36 u 37). Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li tidher li ssostni l-qorti tar-rinviju u kif ġustament jenfasizza, min-naħa l-oħra, il-Gvern Belġjan, fis-sentenzi Öberg (C‑185/04, EU:C:2006:107) u Rockler (C‑137/04, EU:C:2006:106), is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fejn l-awtoritajiet Svediżi kienu rrifjutaw, għall-finijiet tal-kalkolu tal-allowances parentali, l-aggregazzjoni, favur tagħhom, tal-perijodi li matulhom kienu jaqgħu taħt l-iskema komuni tal-assigurazzjoni għall-mard skont ir-Regolamenti tal-Persunal, ma ġietx analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema, bil-punt 47 tas-sentenza My (EU:C:2004:821) ikun biss ikkwotat sabiex jiġi stabbilit l-effett dissważiv għall-eżerċizzju tal-imsemmija libertà li tipproduċi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

( 28 ) Lil hinn mill-qasam tal-politika soċjali, ġie segwit raġunament analogu mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza mogħtija qabel is-sentenza My (EU:C:2004:821), fejn il-kwistjoni kienet waħda ta’ vantaġġ fiskali li minnu ma setgħux jibbenefikaw il-membri tal-persunal u l-uffiċjali Komunitarji. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet eskludiet li t-telf ta’ tali vantaġġ seta’ jkun dissważiv għad-dħul fis-servizz tal-istituzzjonijiet Komunitarji, jew għall-kontinwazzjoni f’dan tal-aħħar u li b’hekk seta’ jfixkel il-funzjonament tal-imsemmija istituzzjonijiet, ara s-sentenza Tither (C‑333/88, EU:C:1990:131, punt 16).

( 29 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi Gysen (C‑449/06, EU:C:2007:663, punti 54 sa 61). Fil-kawża prinċipali li tat lok għal din is-sentenza, il-kwistjoni kienet tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tal-likwidazzjoni mill-organu nazzjonali kompetenti għall-allowances tal-familja fir-rigward ta’ tfal dipendenti fuq ħaddiem indipendenti, il-wild ta’ dan il-ħaddiem li kien jibbenenefika mill-allowances tal-familja mħallsa skont ir-Regolamenti tal-Persunal ma tteħidx inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-rank tat-tfal l-oħra tal-istess ħaddiem, rank li, skont din il-leġiżlazzjoni, kellu impatt fuq l-ammont tal-allowances tal-familja li kellhom jiġu mħallsa lil dawn tal-aħħar.

( 30 ) Il-kategorija tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ġiet introdotta fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130).

( 31 ) Ippronunċjajt ruħi kuntrarjament fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gysen (EU:C:2007:663), dwar l-allowances tal-familja.

( 32 ) Infakkar li kuntrarjament għall-Artikolu 96(4) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-ħlas ta’ din l-allowance jiġi interrott fil-każ fejn l-ex membru tal-persunal bil-kuntratt jerġa’ jidħol fis-suq tax-xogħol, bl-allowance tibda titħallas mill-ġdid jekk, qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ tliet snin, jerġa’ jiġi qiegħed.

( 33 ) Barra minn hekk, ma jidhirx li d-digriet Irjali jew xi prattika stabbilita tal-ONEM, tippermetti li jiġu newtralizzati l-perijodi ta’ xogħol imwettaq fis-servizz tal-Unjoni, biex ikun jista’ jiġi stabbilit il-perijodu ta’ referenza ta’ tliet snin, għall-kalkolu tal-ġranet ta’ xogħol rikjesti għall-intitolament għall-allowances tal-qgħad. Jirriżulta, fil-fatt, mill-fajl, li l-ONEM ipproċediet għal din in-newtralizzazzjoni meta saret l-ewwel talba għall-allowances ta’ M. Melchior, iżda mhux meta saret it-tieni waħda.

( 34 ) Ara l-ispjegazzjoni li jagħti t-Tribunal du travail de Bruxelles fil-punt 4.1.4 tal-motivi tas-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, li minnha l-ONEM ippreżenta appell, fejn jirriżulta li r-rikorrenti tipprova li, matul il-perijodu ta’ referenza, wettqet 507 ġranet ta’ xogħol fis-servizz tal-Kummissjoni u 150 ġurnata ta’ xogħol bħala ħaddiem tranżitorju fis-servizz ta’ kumpanniji privati, għal total ta’ 657 ġurnata ta’ xogħol, li jeċċedu is-624 ġurnata rikjesti mill-Artikolu 30 tad-digriet Irjali. Ara wkoll l-avviż maħruġ mill-prosekutur pubbliku fit-13 ta’ Jannar 2012.

( 35 ) F’dan ir-rigward, nenfasizza biss li l-kawża preżenti tiddistingwi ruħha minn dik li tat lok għas-sentenzi DEB (C‑279/09, EU:C:2010:811) u Banif Plus Bank (C‑472/11, EU:C:2013:88), fejn kien ġie invokat prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li kien jeżisti qabel l-introduzzjoni tiegħu fl-Artikolu 47 tal-Karta.

( 36 ) Ara s-sentenza Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19). Ara wkoll is-sentenza Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 33).

( 37 ) Ara s-sentenzi Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105, punt 21) u Pfleger et (EU:C:2014:281, punt 34).

( 38 ) Ara s-sentenza Åkerberg Fransson (EU:C:2013:105, punt 22).

( 39 ) Ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq.

( 40 ) Ara l-punti 19 sa 31 iktar ’il fuq.

( 41 ) Ara s-sentenza Johannes (C‑430/97, EU:C:1999:293, punti 26 sa 29).

( 42 ) Nenfasizza, b’mod inċidentali, li l-Karta tkun applikabbli anke kieku kellu jiġi konkluż li l-Artikolu 10 KE, għalkemm applikabbli għal każ preżenti, ma jistax jiġi invokat fil-qrati minn M. Melchior. Din il-konklużjoni qed tiġi dedotta mis-sentenza Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punti 30 sa 41).

( 43 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.

( 44 ) Id-distinzjoni bejn “prinċipji” u “drittijiet” li tirrikonoxxi l-Karta, hija stabbilita fil-preambolu tagħha u spjegata, b’mod partikolari, fl-Artikolu 51(1) tagħha.

( 45 ) Ara l-ispjegazzjonijiet taħt l-Artikolu 34 tal-Karta.

( 46 ) Skont it-termini tal-Artikolu 51(1) id-drittijiet għandhom jiġu rrispettati, filwaqt li l-prinċipji għandhom biss jiġu “osservati” jew “promossi”.

( 47 ) Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta.

( 48 ) Dwar in-natura tan-nuqqas ta’ infurzabbiltà diretta tal-prinċipji soċjali stabbilit fil-Karta, ara, għal dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 27 ta’ din tal-aħħar, is-sentenza Association de médiation sociale (EU:C:2014:2, punti 42 sa 49). Din is-sentenza llimitat ukoll l-infurzabbiltà tal-imsemmija prinċipji f’sitwazzjonijiet orizzontali għall-invokabbiltà tal-interpretazzjoni biss.

( 49 ) Ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 52(5) tal-Karta.

Top