EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0449

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wahl - 11 ta' Settembru 2014.
CA Consumer Finance vs Ingrid Bakkaus et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal d'instance d'Orléans - Franza.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Kreditu għall-konsum - Direttiva 2008/48/KE - Obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali - Obbligu li tiġi vverifikata l-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef - Oneru tal-prova - Mezzi ta’ prova.
Kawża C-449/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2213

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑449/13

CA Consumer Finance SA

vs

Ingrid Bakkaus,

Charline Bonato, née Savary,

Florian Bonato

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal d’instance d’Orléans (Franza)]

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Kreditu għall-konsum — Obbligi prekuntrattwali li jorbtu lil min isellef professjonalment — Dmirijiet ta’ informazzjoni u ta’ evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumaturi — Modalitajiet u oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48/KE ( 2 ), dwar l-obbligi prekuntrattwali li jorbtu lil min isellef professjonalment. B’mod iktar speċifiku hemm inkwistjoni l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 (obbligu ta’ informazzjoni u spjegazzjoni) u 8 (evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur) ta’ dik id-direttiva.

2. 

Jidher li l-qorti tar-rinviju essenzjalment trid preċiżazzjonijiet dwar l-oneru u l-metodi ta’ prova ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Kif ser nispjega f’dawn il-konklużjonijiet, għalkemm il-kwistjoni ta’ min għandu, bħala prinċipju, jistabbilixxi li l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ verifika kuntrattwali previsti mid-Direttiva 2008/49 ġew eżegwiti b’mod korrett jidhirli li jirriżulta loġikament minn dik id-direttiva, il-modalitajiet ta’ prova ta’ dik l-eżekuzzjoni jidhirli li huma rregolati biżżejjed mill-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali. Għalhekk, id-domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom jiġu ttrattati b’ċertu prudenza sabiex jinstab bilanċ ġust bejn l-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur li trid tilħaq dik id-direttiva u l-ħtieġa li ma jiġix impost fuq min isellef proċess ta’ prova li ma jkunx realistiku.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48, bl-isem “Informazzjoni prekuntrattwali”, jipprovdi:

“1.   Fi żmien debitu qabel ma l-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe ftehim jew offerta ta’ kreditu, il-kreditur u, fejn applikabbli, l-intermedjarju tal-kreditu għandhom, abbażi tat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ kreditu offruti mill-kreditur u, jekk applikabbli, il-preferenzi espressi u l-informazzjoni fornuta mill-konsumatur, jipprovdu lill-konsumatur bl-informazzjoni meħtieġa biex iqabbel offerti differenti sabiex jieħu deċiżjoni informata dwar jekk jikkonkludix ftehim ta’ kreditu. Tali informazzjoni, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, għandha tiġi provduta permezz tal-formola ta’ ‘Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur’ pprovduta fl-Anness II. Il-kreditur għandu jiġi meqjus bħala li ssodisfa ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni f’dan il-paragrafu u fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2002/65/KE jekk forna l-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur.’ [...]

[...]

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri u, fejn applikabbli, l-intermedjarji ta’ kreditu, jipprovdu spjegazzjonijiet adegwati lill-konsumatur, sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jivvaluta jekk il-ftehim ta’ kreditu propost hux adattat għall-ħtiġijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, fejn ikun il-każ billi tiġi spjegata lilu l-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tiġi provduta skond il-paragrafu 1, il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti u l-effetti speċifiċi li dawn jista’ jkollhom fuq il-konsumatur, inklużi l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur. L-Istati Membri jistgħu jadattaw il-mod li bih u sa fejn trid tingħata tali assistenza, kif ukoll minn għandu jipprovdi tali assistenza, għaċ-cirkostanzi partikolari tas-sitwazzjoni li fiha jiġi offrut il-ftehim ta’ kreditu, il-persuna li lilha qed jiġi offrut u t-tip ta’ kreditu offrut.”

4.

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, bl-isem “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.”

5.

L-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, bl-isem “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jċedu d-drittijiet mogħtija lilhom bid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrespondi għal din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.”

6.

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, bl-isem “Penali”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

B – Id-dritt Franċiż

7.

Il-Liġi Nru 2010‑737, tal-1 ta’ Lulju 2010, dwar riforma fil-kreditu għall-konsum ( 3 ), li ttrasponiet id-Direttiva 2008/48 iddaħħlet fl-Artikoli L. 311‑1 et seq tal-Kodiċi tal-Konsum.

8.

L-Artikolu L. 311‑6 ta’ dak il-kodiċi, dwar l-obbligu li tintbagħat l-iskeda ta’ informazzjoni standard Ewropea, jipprovdi:

“I.

Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, min isellef jew l-intermedjarju tal-kreditu għandu jagħti lil min jissellef, bil-miktub jew permezz ta’ mezz durabbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-paragun tal-offerti differenti u li tippermetti li min jissellef, wara li jitqiesu x-xewqat tiegħu, jifhem b’mod ċar il-portata tal-impenn tiegħu. [...]

II.

Meta l-konsumatur jitlob il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu fil-post tal-bejgħ, min isellef għandu jara li l-iskeda ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu I tingħatalu fil-post tal-bejgħ.”

9.

L-Artikolu L. 311‑8 tal-Kodiċi tal-Konsum, li jirrigwarda d-dmir ta’ spjegazzjoni prekuntrattwali, jipprevedi:

“Min isellef jew l-intermedjarju tal-kreditu għandu jipprovdi lil min jissellef spjegazzjonijiet li jippermettulu jiddetermina jekk il-kuntratt ta’ kreditu propost huwiex adattat għall-bżonnijiet tiegħu u għas-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, partikolarment mill-informazzjoni li jkun hemm fl-iskeda msemmija fl-Artikolu L. 311‑6. Huwa għandu jiġbed l-attenzjoni ta’ min jissellef dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-kreditu jew tal-krediti proposti u fuq il-konsegwenzi li dawn il-krediti jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, inkluż jekk ikun hemm inadempjenza fil-ħlas. Din l-informazzjoni għandha tingħata, jekk ikun il-każ, fuq il-bażi tal-preferenzi li jesprimi min jissellef.

[...]”

10.

L-Artikolu L. 311‑9 tal-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, min isellef għandu jivverifika l-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef minn informazzjoni suffiċjenti, inkluża informazzjoni pprovduta minn dan tal-aħħar fuq talba ta’ min isellef. Min isellef għandu jikkonsulta l-iskeda prevista fl-Artikolu L. 333‑4, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-digriet imsemmija fl-Artikolu L. 333‑5.”

11.

It-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu L. 311‑48 tal-Kodiċi tal-Konsum jipprevedi:

“Meta min isellef ma jkunx osserva l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli L. 311‑8 u L. 311‑9, huwa jitlef id-dritt għall-interessi, kollha kemm huma jew fl-ammont li l-qorti tistabbilixxi. [...]

Min jissellef huwa obbligat biss għar-rimbors tal-kapital skont l-iskeda prevista, kif ukoll, jekk ikun l-każ, li jħallas l-interessi li min isellef ma jkunx iddekada minnhom. Is-somom irċevuti bħala interessi, li jipproduċi interessi bir-rata tal-interessi legali mill-jum tal-ħlas tagħhom, għandhom jitħallsu lura minn min isellef jew jiġu mpaċċija mal-kapital li jibqa’ dovut.”

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn CA Consumer Finance SA (iktar ’il quddiem “CA CF”), u I. Bakkaus minn naħa, u l-konjuġi Bonato min-naħa l-oħra fir-rigward tat-talbiet ta’ ħlas ta’ somom li għadhom dovuti fuq is-self li din il-kumpannija kienet tathom, miżjuda bl-interessi, għar-rigward tax-xiri ta’ vetturi bil-mutur.

13.

Adita b’dawn il-kawżi u billi ġie ppreċiżat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma dehrux waqt is-seduta, il-qorti tar-rinviju ssollevat ex officio ( 4 ), invista tal-possibbiltà tad-dekadenza mid-dritt għall-interessi kuntrattwali ta’ min isellef skont l-Artikolu L. 311‑48 tal-Kodiċi tal-Konsum, motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tal-kontenut tal-iskeda ta’ informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata lil min jissellef, it-tieni nett, fuq nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tat-twettiq tad-dmir ta’ spjegazzjoni u tan-nuqqas ta’ min isellef li, fil-kuntest tad-dmir ta’ spjegazzjoni, javża lil min jissellef u, it-tielet nett, fuq in-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-iskeda ta’ meta jsir ir-rimbors tal-krediti lill-individwi (FICP) fil-kuntest tal-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja. Barra minn hekk, fil-kawża bejn il-konjuġi Bonato kontra CA CF, dik il-qorti rrilevat ukoll in-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tat-twettiq tad-dmir ta’ verifika tal-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef.

14.

Billi kkunsidra li dawn il-kawżi jqajmu kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tribunal d’instance d’Orléans iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa min isellef li għandu jipproduċi l-prova tal-eżekuzzjoni korretta u sħiħa tal-eżekuzzjoni tal-obbligi li jkun ġie inkarigat minnhom matul il-formazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li jirriżulta mid-dritt nazzjonali li jittrasponi d-direttiva?

2)

Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, tipprekludi li l-prova tal-eżekuzzjoni korretta u sħiħa tal-obbligi imposti fuq min isellef tista’ tiġi prodotta esklużivament permezz ta’ klawżola standard li tinsab fil-ftehim ta’ kreditu, li biha jkun hemm rikonoxximent mill-konsumatur tal-eżekuzzjoni tal-obbligi, li ma humiex ikkorroborati mid-dokumenti maħruġa minn min isellef u mogħtija lil min jissellef?

3)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-verifika tas-solvibbiltà [evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja] tal-konsumatur li għandha ssir biss abbażi tal-informazzjoni ddikjarata mill-konsumatur, mingħajr ma jsir stħarriġ effettiv ta’ din l-informazzjoni permezz ta’ fatti oħra?

4)

L-Artikolu 5(6), tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li min isellef ma setax ta spjegazzjonijiet xierqa lill-konsumatur jekk ma jkunx ivverifika s-sitwazzjoni finanzjarja u l-bżonnijiet tiegħu minn qabel?

L-Artikolu 5(6), tad-Direttiva 2008/48/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-ispjegazzjonijiet xierqa pprovduti lill-konsumatur jirriżultaw biss minn informazzjoni kuntrattwali msemmija fil-ftehim ta’ kreditu, mingħajr ma jiġi redatt dokument speċifiku?”

15.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn CA CF, mill-Gvernijiet ta’ Franza, tal-Ġermanja u ta’ Spanja kif ukoll mill-Kummissjoni.

16.

Il-Gvern Franċiż u dak Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni nstemgħu fis-seduta li saret fl-10 ta’ Lulju 2014.

III – Analiżi

A – Kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-obbligi prekuntrattwali riżultanti mid-Direttiva 2008/48 u fuq is-sistema ta ’ prova tal-eżekuzzjoni ta ’ dawk l-obbligi

17.

Billi għandha bħala għan ewlieni li tiżgura lill-konsumaturi kollha livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni u li toħloq suq intern ġenwin ( 5 ), id-Direttiva 2008/48 timponi b’mod partikolari fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw miżuri xierqa sabiex jippromwovu prattiki msejħin “responsabbli” matul il-fażijiet kollha tar-relazzjoni ta’ self filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-suq ta’ kreditu tagħhom ( 6 ).

18.

Wieħed mill-pilastri tal-armonizzazzjoni li jirriżulta mid-Direttiva 2008/48 b’hekk jirrigwarda l-obbligi prekuntrattwali imposti fuq min isellef. Inġenerali dawn jistgħu jinqasmu, minn naħa, f’obbligu li tingħata ċerta informazzjoni u ċerti spjegazzjonijiet lill-konsumatur ( 7 ), sabiex dan tal-aħħar ikun f’pożizzjoni li jagħmel għażla ċara qabel ma jikkonkludi kuntratt ta’ kreditu, u, min-naħa l-oħra, fi ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, ħtieġa intiża li tirrisponsabbilizza kemm lil min jissellef kif ukoll lil min isellef fid-deċiżjoni li wieħed jidħol għal u li l-ieħor jagħti l-kreditu ( 8 ).

19.

F’dan il-każ, żewġ aspetti armonizzati mid-Direttiva 2008/48 huma kkontestati speċifikament permezz tal-motivi rrilevati ex officio u mqajma mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-obbligu li jiġu pprovduti informazzjoni u spjegazzjonijiet, previst fl-Artikolu 5(1) u (6) tad-Direttiva 2008/48. It-tieni wieħed jirrigwarda d-dmir ta’ verifika tal-affidabbiltà finanzjarja stabbilit fl-Artikolu 8 ta’ din l-istess direttiva. Fid-dritt Franċiż, in-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-obbligi, imposti fl-Artikoli L. 311‑6, L. 311‑8 u L. 311‑9 tal-Kodiċi tal-Konsum, iġib miegħu konsegwenzi kunsiderevoli għal min isellef li jonqos, għaliex dan jiġi ssanzjonat, skont l-Artikolu L. 311‑48 ta’ dan il-kodiċi, dispożizzjoni li tittrasponi l-Artikolu 23 ta’ dik id-direttiva, bid-dekadenza, bħala prinċipju sħiħa, tad-dritt ta’ min isellef għall-interessi ( 9 ).

20.

Għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ din id-direttiva ġew trasposti fid-dritt Franċiż bl-adozzjoni tal-liġi Lagarde tal-1 ta’ Lulju 2010 ( 10 ), u dan jippermetti, minkejja l-formulazzjoni tad-domandi preliminari, li titwarrab kull diskussjoni fuq effett dirett orizzontali eventwali li għandu jiġi rrikonoxxut lil dik id-direttiva.

21.

Għandu jiġi nnutat ukoll li l-qorti tar-rinviju ma hijiex qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà għaliha li tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt intern id-Direttiva 2008/48. Dan huwa spjegabbli ċertament kemm bil-fatt li din il-possibbiltà hija disponibbli għaliha fid-dritt nazzjonali (ara l-Artikolu L. 141‑4 tal-Kodiċi tal-Konsum) kif ukoll bl-approssimazzjoni li tista’ bla dubju mad-dutrina tas-sentenza Rampion u Godard ( 11 ), li rrikonoxxiet lill-qorti nazzjonali l-poter li tqajjem ex officio ċerti dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt intern dispożizzjonijiet tad-Direttiva 87/102 li ġiet qabel id-Direttiva 2008/48.

22.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, fuq l-oneru u l-modalitajiet ta’ prova tal-eżekuzzjoni tal-obbligi prekuntrattwali.

23.

Kif ser nispjega fl-argumenti li ġejjin, għalkemm il-kwistjoni ta’ min għandu l-obbligu li jipprova li dawk l-obbligi ġew eżegwiti b’mod korrett jidhirli li tirriżulta impliċitament mid-Direttiva 2008/48 u mill-għanijiet li trid tilħaq, peress li l-modalitajiet ta’ prova ammessi f’dan ir-rigward bħala prinċipju jaqgħu, skont il-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali, taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

24.

L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni ta’ min għandu l-obbligu li jistabbilixxi l-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi prekuntrattwali, bla dubju, kif ġustament osservat il-qorti tar-rinviju, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/48 ma fiha regoli ċari u preċiżi dwar l-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni tal-obbligi prekuntrattwali li għandu min isellef. Għalhekk, din id-direttiva fiha nnifisha ma tippreġudikax is-sistemi tal-prova tal-eżekuzzjoni jew tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi previsti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali.

25.

Jibqa’ l-fatt li mill-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 2008/48 jirriżulta b’mod loġiku ħafna li l-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni tal-obbligi prekuntrattwali ta’ informazzjoni u ta’ verifika għandu, bħala prinċipju, jaqa’ fuq min isellef professjonalment — se nerġa’ niġi għal dan fl-eżami tal-ewwel domanda preliminari. B’mod ġenerali, jidhirli li għandha tkun il-parti li għandha obbligu speċifiku ta’ informazzjoni u ta’ verifika, f’dan il-każ, min isellef professjonalment, li għandha tipprova l-eżekuzzjoni tiegħu.

26.

It-tieni nett, fir-rigward tal-modalitajiet tal-produzzjoni tal-prova tal-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, għandu jsir riferiment għad-dritt nazzjonali bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza. Fil-fatt, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-modalitajiet ta’ prova, fl-ewwel lok, ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna, u fit-tieni lok, ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li parti f’kawża teżerċità d-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 12 ).

27.

F’dan il-każ, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex ikkontestat.

28.

Fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività, jiena tal-fehma li ma tenħtieġx definizzjoni preċiża tal-metodi ta’ prova li jistgħu jiġu aċċettati sabiex tintwera l-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi ta’ min isellef riżultanti mill-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2008/48. Kif jidher li tammetti l-qorti tar-rinviju, is-sentenza Rampion u Godard (EU:C:2007:575) tirrigwarda l-ħtieġa, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ “intervent estern”, jiġifieri li jiġi sanċit il-poter tal-qorti adita biex tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva 87/102. Madankollu, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-intervent tal-qorti ma jistax jiggarantixxi l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni mingħajr regola dwar l-oneru u l-għan tal-prova. Hija tispjega li l-eżistenza ta’ nuqqasijiet eventwali ta’ spiss tiddependi mid-dokumenti prodotti fil-litigazzjoni.

29.

Ma jidhirlix li dan l-argument huwa konvinċenti għal kollox.

30.

L-ewwel nett, jidhirli li nkunu qed nagħmlu pass lil hinn milli nikkunsidraw li l-protezzjoni tal-konsumaturi teħtieġ “regola” dwar l-oneru u l-għan tal-prova tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/48. Jekk tiġi stabbilita regola bħal dik ikun hemm ir-riskju li tiġi sanċita sistema ta’ prova legali li twarrab kull prinċipju ta’ libertà probatorja li ma hijiex mingħajr perikoli mill-perspettiva tal-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja.

31.

Imbagħad, din il-kunsiderazzjoni tinjora l-fatt li l-qorti, mill-mument li tindaga dwar l-eżistenza ta’ nuqqasijiet eventwali ta’ twettiq tal-obbligi prekuntrattwali previsti mid-Direttiva 2008/48, qiegħda f’pożizzjoni li, anzi għandha, timplementa l-mezzi kollha proċedurali meħtieġa sabiex tistabbilixxi li dawk l-obbligi ġew eżegwiti b’mod korrett ( 13 ). Kif indikat diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-evalwazzjoni ex officio tan-natura abbużiva ta’ klawżola kontenuta f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u min issellef professjonalment u inkunsiderazzjoni tal-analoġija li tista’ issir, kif il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet fis-sentenza Rampion u Godard (EU:C:2007:575), mal-livell ta’ protezzjoni mogħti mid-diversi direttivi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-qorti għandha, jekk ikun il-każ, tieħu miżuri ta’ stħarriġ ex officio biex jiġi stabbilit jekk id-dmirijiet ta’ verifika u ta’ informazzjoni prekuntrattwali li għandu min isellef ġewx eżegwiti b’mod korrett.

32.

Huwa fid-dawl tal-kumpless ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser neżamina kull waħda mid-domandi preliminari.

B – Fuq l-ewwel domanda, dwar l-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi prekuntrattwali ta ’ min isellef sanċiti fid-Direttiva 2008/48

33.

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-Direttiva 2008/48 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li huwa min isellef li għandu jipproduċi l-prova tal-eżekuzzjoni korretta u kompleta tal-obbligi, riżultanti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu dik id-direttiva, li huwa għandu waqt il-formazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu.

34.

Jiena tal-fehma li l-effettività tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija bid-Direttiva 2008/48 ma tmurx kontra regola nazzjonali ( 14 ), bħal dik stabbilita fid-dritt Franċiż, li tpoġġi fuq min isellef l-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi ta’ informazzjoni prekuntrattwali.

35.

Għall-kuntrarju, b’estensjoni ta’ dak li semmejt preliminarjament, jista’ jiġi kkunsidrat li mill-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi mfittex mid-Direttiva 2008/48 jirriżulta b’mod loġiku ħafna li l-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni tal-obbligi prekuntrattwali ta’ informazzjoni u ta’ verifika stabbiliti minn din id-direttiva għandu, bħala prinċipju, jaqa’ fuq min isellef professjonalment. Min isellef jista’ jkun obbligat li jiġġustifika fil-qorti l-eżekuzzjoni tajba ta’ dawn l-obbligi prekuntrattwali, li jfisser, kif semma l-Gvern Franċiż, li min isellef juri ċerta diliġenza fil-ġabra u fiż-żamma tal-provi tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ spjegazzjoni li huwa għandu.

36.

Dan ifisser b’mod konkret li l-qorti nazzjonali li tkun ġiet adita bil-kwistjoni jekk l-eżekuzzjoni tad-diversi obbligi ta’ informazzjoni u ta’ verifika prekuntrattwali stabbiliti bid-Direttiva 2008/48 ġewx eżegwiti għal kollox u b’mod korrett, għandha, jekk tqis li d-dokumenti prodotti quddiemha huma insuffiċjenti, titlob lil min isellef professjonalment iressaq dawk l-elementi kkunsidrati neqsin.

37.

Dan premess, għalkemm min isellef, biex tiġi żgurata l-effettività tad-Direttiva 2008/48, għandu juri diliġenza biex jiġu kkostitwiti provi tal-eżekuzzjoni tal-obbligi prekuntrattwali tiegħu, huwa ma jistax jintalab li jipproduċi dokumenti li, minnhom stess, ikunu biss f’idejn min jissellef, bħall-informazzjoni li suppost ikun ikkomunika, bil-karti jew b’xi mod ieħor durabbli, lill-konsumatur skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48.

38.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li r-regola, stabbilita fid-dritt Franċiż, li tgħid li bħala prinċipju huwa min isellef li għandu l-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni tal-obbligi prekuntrattwali stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 8 tad-Direttiva 2008/48, mhux biss talli ma tidhirx li tikkomprometti l-protezzjoni tal-konsumaturi li tiggarantixxi din id-direttiva, iżda talli jidhirli li hija konformi għal kollox mal-effettività tagħha.

39.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li għandha tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari u li jiġi kkunsidrat li d-Direttiva 2008/48 għandha tiġi interpretata fis-sens li min isellef għandu l-obbligu li jipproduċi l-prova tal-eżekuzzjoni korretta u kompleta tal-obbligi li huwa għandu waqt il-formazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu.

C – Fuq it-tieni domanda, dwar il-prova tal-eżekuzzjoni tal-obbligi prekuntrattwali ta ’ min isellef bid-dħul ta ’ klawżola standard

40.

Bit-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dħul ta’ klawżola standard, li ma tkunx ikkorroborata b’dokumenti maħruġin minn min isellef u mogħtija lil min jissellef, huwiex biżżejjed biex tiġi ppruvata l-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi prekuntrattwali ta’ informazzjoni u ta’ verifika li għandu min isellef.

41.

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kuntratt ta’ kreditu li ssottoskriviet waħda mill-partijiet konvenuti fil-kawża prinċipali, jiġifieri I. Bakkaus, kien jinkludi klawżola standardizzata fejn din irrikonoxxiet li “rċeviet u ħadet konoxxenza tal-iskeda ta’ informazzjoni standard Ewropea”. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk klawżola bħal dik, minbarra li tistabbilixxi li min issellef ingħata l-iskeda ta’ informazzjoni prekuntrattwali, tistax tipprova wkoll li l-kontenut stess tal-informazzjoni prekuntrattwali mogħtija huwa konformi mal-eżiġenzi tad-Direttiva 2008/48. B’mod partiolari hija tirriferi għall-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48 li jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw li, minn naħa, il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jirrinunzjaw għad-drittijiet mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva u, min-naħa l-oħra, sabiex dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu evitati permezz tal-kliem użat fil-kuntratti.

42.

Jiena tal-fehma li din l-aħħar domanda għandha tingħata risposta bbilanċjata.

43.

Mingħajr dubju, mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li “l-kreditur għandu jiġi meqjus bħala li ssodisfa ir-rekwiżiti dwar l-informazzjoni f’dan il-paragrafu […] jekk forna l-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur” li tidher fl-Anness II. Id-dħul ta’ klawżola li tikkonferma li ġiet irċevuta l-iskeda ta’ informazzjoni standard Ewropea għalhekk jikkonferma t-twettiq ta’ att li, jekk u biss jekk jirriżulta konformi mar-rekwiżiti taħt l-Anness II ta’ dik id-direttiva, jikkonferma li min isellef issodisfa l-obbligi tiegħu ta’ informazzjoni prekuntrattwali.

44.

Iżda, jiena tal-fehma li l-klawżola inkwistjoni hawnhekk bl-ebda mod ma tista’ tiġi analizzata bħala klawżola li tfisser rikonoxximent, mill-konsumatur li jkun issellef, tal-eżekuzzjoni sħiħa u korretta tal-obbligi prekuntrattwali li għandu min isellef professjonalment u li, għaldaqstant, taqleb l-oneru tal-prova tal-eżekuzzjoni ta’ dawk l-obbligi b’mod li tiġi kompromessa l-effettività tad-drittijiet irrikonoxxuti mid-Direttiva 2008/48.

45.

Permezz ta’ din il-klawżola, min jissellef jikkonferma sempliċiment it-twettiq ta’ fatt (li ngħatatlu l-iskeda msejħa ta’ informazzjoni standard Ewropea) u mhux li obbligu jkun twettaq bis-sħiħ u b’mod korrett (jiġifieri skeda ta’ informazzjoni standard li tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/48). Fi kliem ieħor, u kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni fis-sentenza Rampion u Godard (EU:C:2007:575), id-dħul ta’ klawżola standard bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex bħala effett li tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet imperattivi ta’ traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva. Għalhekk jidhirli li klawżola bħal dik, bħala modalità ta’ prova tal-eżekuzzjoni ta’ obbligu, fiha nnifisha ma tmurx kontra l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/48, li trid tipprojbixxi l-użu ta’ klawżoli kuntrattwali li jevitaw l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva jew li jwasslu għal rinunzja tad-drittijiet li din id-direttiva tagħti direttament jew indirettament lill-konsumaturi.

46.

Jibqa’ l-fatt li r-rikonoxximent mill-konsumatur tal-fatt li huwa tabilħaqq irċieva dik l-iskeda jista’ jwassal għal preżunzjoni, fin-nuqqas ta’ kontestazzjonijiet jew ta’ elementi li jgħidu mod ieħor, li l-konsumatur kien ġie infurmat qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu. Madankollu, din hija preżunzjoni juris tantum li hija kompletament konformi mal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt il-konsumatur dejjem ikun f’pożizzjoni li jsostni li ma rċeviex id-dokument jew li dan ma kienx jissodisfa l-obbligi ta’ informazzjoni prekuntrattwali li għandu min isellef. Id-dħul ta’ klawżola standard, fil-fehma tiegħi, ma għandux jiġi pprojbit ħlief jekk jikkomprometti l-possibbiltà, kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-qorti, li tiġi kkontestata l-eżekuzzjoni korretta tal-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ verifika prekuntrattwali li għandu min isellef.

47.

Barra minn hekk, kif enfasizzat b’mod partikolari CA CF fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ħlief jekk jiġi rikjest l-intervent ta’ terz, fin-nuqqas ta’ klawżola li tikkonstata li l-iskeda ta’ informazzjoni prekuntrattwali tkun intbagħtet lill-konsumatur, jidher diffiċli għal min isellef li jipprova li huwa ssodisfa b’mod korrett id-dmir tiegħu ta’ informazzjoni u li effettivament ta lil min jissellef id-dokument ta’ informazzjoni u li jistabbilixxi l-kontenut tiegħu.

48.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjoni, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda tkun fis-sens li d-Direttiva 2008/49 ma tipprekludix id-dħul ta’ klawżola standard fejn min jissellef jirrikonoxxi li jkun irċieva l-iskeda ta’ informazzjoni standard Ewropea. Madankollu, klawżola bħal dik mhux neċessarjament tipprova l-eżekuzzjoni korretta u kompleta tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva.

D – Fuq it-tielet domanda, dwar il-portata tal-obbligu li min isellef għandu li jivverifika l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur

49.

It-tielet domanda preliminari tistaqsi sa fejn min isellef professjonalment huwa obbligat, fil-qafas tal-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu, li jikkontrolla l-veraċità tad-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-konsumatur.

50.

Fil-fehma tiegħi, anki din id-domanda għanda tingħata risposta bbilanċjata.

51.

L-ewwel nett, diffiċli tkun taf kemm CA CF ibbażat ruħha, kif tgħid hi, fuq dokumenti ta’ sostenn dwar id-dħul u l-kapaċità finanzjarja tal-konvenuti jew jekk illimitatx ruħha, biex tara x’inhi l-affidabbiltà finanzjarja tagħhom, għal sempliċi affermazzjonijiet mhux issostanzjati tagħhom ( 15 ).

52.

Barra minn dan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 26 tad-Direttiva 2008/48, l-għan tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 huwa l-għoti ta’ kuntratt ta’ kreditu b’mod responsabbli, li jfisser speċifikament li l-“kredituri għandhom iġorru ir-responsabbiltà li jivverifikaw individwalment is-solvibbiltà tal-konsumatur” ( 16 ). Dan l-għan jimplika li min isellef jiżgura ruħu dwar l-affidabbiltà finanzjarja tal-kandidat għall-kuntratt ta’ kreditu bil-metodu jew bil-metodi li huwa jqis li huma l-iktar adegwati. Din il-verifika tista’ ssir permezz ta’ dokumenti ta’ sostenn dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, bħal rendikonti tal-pagi, estratti u rekords ta’ kontijiet bankarji u kontijiet tat-taxxa, imma mhux dawn biss. Pereżempju, ma jistax jiġi eskluż li min isellef, li jkollu relazzjonijiet kummerċjali fit-tul ma’ ċerti klijenti, ikollu diġà għarfien minn qabel tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kandidat għal self.

53.

Min-naħa l-oħra, jidhirli li d-Direttiva 2008/48 ma timponix fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu l-obbligu li jikkontrollaw sistematikament is-sinċerità tal-informazzjoni, li tiddikjara d-dħul u l-ispejjeż tal-konsumatur, ipprovduta minn dan tal-aħħar. Kif jirriżulta b’mod ċar minn kliem l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, huwa meħtieġ biss li min isellef ikun ivverifika l-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef “abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti”. Kif, fil-fehma tiegħi, irrileva ġustament ħafna l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, din il-formulazzjoni tenfasizza l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lil min isellef biex jiġi deċiż jekk l-informazzjoni li għandu hijiex suffiċjenti biex tikkonferma l-affidabbiltà finanzjarja tal-kandidat għal self.

54.

Din l-analiżi għandha ċertu appoġġ fil-fatt li l-proposta ( 17 ) li kienet se timponi fuq min isellef l-obbligu li jiżgura l-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu “b’kull mezz għad-dispożizzjoni tiegħu” ( 18 ), fl-aħħar mill-aħħar, ma nżammitx, fid-Direttiva 2008/48.

55.

Bla ħsara għall-possibbiltà li l-Istati Membri jagħtu lil min isellef istruzzjonijiet u linji gwida (ara l-premessa 26 tad-Direttiva 2008/48), huwa għalhekk min isellef biss li għandu l-obbligu li jiżgura li għandu “informazzjoni suffiċjenti”. In-natura suffiċjenti ta’ din l-informazzjoni bilfors tvarja skont iċ-ċirkustanzi tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu jew l-ammont involut. Min-naħa l-oħra, huwa ma jistax jiġi kkritikat talli, wara li jkun ġabar informazzjoni suffiċjenti li tikkonferma l-affidabbiltà finanzjarja ta’ min jissellef, ma jkunx għamel kontroll tal-eżattezza jew tal-veraċità ta’ dik l-informazzjoni.

56.

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tikkostitwixxi garanzija kemm għall-konsumatur (billi din tipprekludih milli jidħol f’impenn li ma jkunx ċertament f’pożizzjoni li jonora) kif ukoll għal min isellef professjonalment (li jidħol fir-riskju li ma jiġux onorati r-rimborsi miftiehma).

57.

Din il-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja, li hija ta’ interess għaż-żewġ partijiet fil-kuntratt ta’ kreditu, tistrieħ fuq dmirijiet reċiproċi. Minn naħa, min jissellef għandu jiġbor informazzjoni suffiċjenti li tiżgura l-kapaċità ta’ kontribuzzjoni tal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, il-konsumatur għandu jikkollabora lealment u huwa preżunt fil-bona fide fl-għoti tad-dokumenti mitluba ( 19 ).

58.

Għalkemm min isellef, jekk jiddubita mis-sinċerità ta’ min jissellef, jista’ eventwalment jagħmel investigazzjonijiet kemxejn estensivi sabiex jiżgura ruħu mill-veraċità tad-dokumenti pprovduti minn min jitlob is-self, bl-ebda mod ma huwa obbligat li jagħmel dan fil-każijiet kollha. Huwa jista’ jillimita ruħu li jikkonstata li, fid-dawl tad-dokumentazzjoni li tkun ingħatatlu, il-konsumatur għandu jkun ikkunsidrat bħala affidabbli finanzjarjament.

59.

Kull approċċ ieħor jirriskja li jirrestrinġi kunsiderevolment il-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ self għall-konsum u, għaldaqstant, li jitpoġġa fid-dubju l-ħolqien ta’ suq komuni ta’ kreditu li, infakkar, id-Direttiva 2008/48 għandha wkoll bħala għan li toħloq ( 20 ).

60.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 jimponi fuq min isellef l-obbligu li jivverifika l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur billi jibbaża ruħu fuq informazzjoni suffiċjenti u billi ma jillimitax ruħu għas-sempliċi dikjarazzjonijiet mhux sostnuti tal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma torbotx lil min isellef professjonalment li jivverifika sistematikament kemm hija sinċiera l-informazzjoni pprovduta mill-konsumatur biex tiġi żgurata l-veraċità tagħha.

E – Fuq ir-raba ’ domanda, dwar il-portata tad-dmir ta ’ spjegazzjoni u ta ’ assistenza ta ’ min isellef fir-rigward tal-konsumatur skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48

61.

Din id-domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48, tinqasam f’żewġ fergħat.

62.

L-ewwel fergħa tad-domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk it-twettiq tal-obbligu li min isellef għandu li jagħti spjegazzjonijiet adegwati lill-konsumatur għandux jiġi ppreċedut minn verifika tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-konsumatur u tal-bżonnijiet tiegħu.

63.

Anki hawn, qari litterali flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 li jirreferi għall-ispjegazzjonijiet dwar il-kuntratt ta’ kreditu propost u l-adattament tiegħu għall-bżonnijiet tal-konsumatur, u dawk tal-Artikolu 8(1) ta’ din l-istess direttiva, li jirrigwarda l-verifika tal-affidabbiltà finanzjarja, iwassalni biex nirrispondi fin-negattiv.

64.

Kif jirriżulta mit-termini użati fil-premessa 27 tad-Direttiva 2008/48, l-obbligu ta’ għoti ta’ spjegazzjonijiet adegwati previst fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 għandu l-għan li jippermetti lill-konsumatur li jidħol b’konsapevolezza sħiħa għal xi tip ta’ kuntratt ta’ self. Fil-fatt, il-konsumatur għandu jiġi pprovdut b’“għajnuna addizzjonali biex jiddeċiedi liema ftehim ta’ kreditu, mill-firxa ta’ prodotti proposti, hu l-iktar adattat għall-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu”, u dan jista’ jeħtieġ li dawn “għandhom jiġu spjegati lill-konsumatur b’mod personalizzat sabiex il-konsumatur jista’ jifhem l-effetti li dawn jistgħu jkollhom fuq is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu”. L-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 ma jsemmix, fil-kuntest tad-dmir ta’ spjegazzjoni li għandu min isellef, xi obbligu tiegħu li jivverifika s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ min jissellef, u inqas u inqas, li jivverifika l-affidabbiltà finanzjarja ta’ dan tal-aħħar.

65.

F’dan l-istadju kif semmiet CA CF, din ma hijiex kwistjoni li ssir evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja, li d-Direttiva 2008/48 tittratta biss fl-Artikolu 8, billi huwa ppreċiżat li l-verifika tal-adattament tal-kreditu għall-bżonnijiet u għas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ min jissellef hija obbligu personali ta’ dan tal-aħħar (min isellef jipprovdi “spjegazzjonijiet adegwati lill-konsumatur, sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jivvaluta jekk il-ftehim ta’ kreditu propost hux adattat” ( 21 )), filwaqt li l-eżami tal-affidabbiltà finanzjarja huwa inizjattiva li għandu jieħu min isellef.

66.

Din l-interpretazzjoni jidhirli li hija, barra minn hekk, sostnuta mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tad-direttiva ( 22 ), li fir-rigward tal-informazzjoni minn qabel tal-konsumatur, tindika li “min isellef u, jekk ikun il-każ, l-intermedjarju tal-kreditu jistgħu jitolbu biss mill-konsumatur u mill-garanti informazzjoni li, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 95/46/KE, hija adegwata, rilevanti u ma hijiex eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih tinġabar u tiġi pproċessata. Il-konsumatur u l-garanti huma obbligati li jirrispondu bil-bona fide d-domandi preċiżi magħmula minn min isellef u, jekk ikun il-każ, mill-intermedjarju tal-kreditu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

67.

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil min isellef professjonalment li jivverifika, qabel ma jaqdi dmirijietu ta’ spjegazzjoni u ta’ assistenza, l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur.

68.

Fir-rigward tat-tieni fergħa tad-domanda, din tirrigwarda l-istadju meta l-informazzjoni prekuntrattwali għandha tiġi pprovduta u, jekk ikun il-każ, jekk kellhiex tiġi pprovduta f’dokument speċifiku.

69.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-istadju fejn għandhom jiġu pprovduti kemm l-informazzjoni kif ukoll l-ispjegazzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) u (6) tad-Direttiva 2008/48, jidhirli li huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw obbligi “prekuntrattwali”, li jfisser li l-konsumatur kien f’pożizzjoni li jsir jaf b’dik l-informazzjoni qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Jidhirli li dan ir-rekwiżit jista’ jiġi ssodisfatt bi dħul ta’ riferimenti fl-abbozz ta’ kuntratt ta’ kreditu nnifsu mill-mument meta l-konsumatur jingħatalu u jkun f’pożizzjoni li jkun jaf bih qabel ma jiffirmah.

70.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-modalitajiet tat-twettiq tal-obbligu ta’ spjegazzjonijiet adegwati li jirriżultaw mill-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48, din id-dispożizzjoni ma teżiġi l-ebda formaliżmu partikolari fl-għoti tal-ispjegazzjonijiet li min isellef professjonalment għandu jagħti lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu. Madankollu, għal darb’oħra skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, dan bl-ebda mod ma jippreġudika l-possibbiltà li l-Istati Membri jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ twettiq tad-dmir ta’ spjegazzjoni previst fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48.

71.

Minn dan jirriżulta li l-prova tal-eżekuzzjoni effettiva ta’ dawn l-obbligi, li għandha tiġi adattata għal kull każ (ara l-premessa 27 u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/48) ma teħtieġx neċessarjament li tiġi prodotta formola jew kitba speċifika.

72.

Dan huwa eżami każ b’każ, kif jirriżulta mill-premessa 27 tad-Direttiva 2008/48 li tħalli f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jiddeterminaw meta u sa fejn għandhom jiġu pprovduti l-ispjegazzjonijiet lill-“konsumatur b’kont meħud taċ-ċirkostanzi partikolari li fihom huwa offrut il-kreditu, il-ħtieġa ta’ assistenza lill-konsumatur u n-natura tal-prodotti ta’ kreditu individwali”.

73.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 ma jimponix fuq min isellef professjonalment l-obbligu li jistabbilixxi dokument speċifiku li jagħti rendikont tal-ispjegazzjonijiet li jkun ta qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.

74.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, qed jiġi propost li r-risposta għar-raba’ domanda tkun li l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, min isellef ma huwiex obbligat li jivverifika s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ min jissellef jew tal-bżonnijiet tiegħu qabel ma jagħtih spjegazzjonijiet adegwati u, min-naħa l-oħra, li l-ispjegazzjonijiet adegwati li min isellef għandu jipprovdi ma jistgħux jirriżultaw mill-informazzjoni kuntrattwali li tidher fil-kuntratt ta’ kreditu. Madankollu, min isellef ma huwiex obbligat li jibgħat lil min jissellef dokument bil-miktub separat mill-kuntratt ta’ kreditu biex jagħtih spjegazzjonijiet adegwati.

IV – Konklużjoni

75.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li jingħataw ir-risposti li ġejjin għad-domandi preliminari li saru mit-tribunal d’instance d’Orléans (Franza):

“1)

Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa min isellef li għandu l-obbligu li jipproduċi l-prova tal-eżekuzzjoni korretta u kompleta tal-obbligi li huwa għandu waqt il-formazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu.

2)

Id-Direttiva 2008/49 ma tipprekludix id-dħul ta’ klawżola standard fejn min jissellef jirrikonoxxi li jkun irċieva l-iskeda ta’ informazzjoni standard Ewropea. Madankollu, klawżola standard bħal dik mhux neċessarjament tipprova l-eżekuzzjoni korretta u kompleta tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva.

3)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48 jimponi fuq min isellef l-obbligu li jivverifika l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur billi jibbaża ruħu fuq informazzjoni suffiċjenti u billi ma jillimitax ruħu għas-sempliċi dikjarazzjonijiet mhux sostnuti tal-konsumatur. Min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma torbotx lil min isellef professjonalment li jivverifika sistematikament kemm hija sinċiera l-informazzjoni pprovduta mill-konsumatur biex tiġi żgurata l-veraċità tagħha.

4)

L-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jimponix fuq min isellef professjonalment l-obbligu li jivverifika, qabel ma jaqdi dmirijietu ta’ spjegazzjoni u ta’ assistenza, l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur.

L-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat li, minn naħa, min isellef ma huwiex obbligat li jivverifika s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ min jissellef jew tal-bżonnijiet tiegħu qabel ma jagħtih spjegazzjonijiet adegwati u, min-naħa l-oħra, li l-ispjegazzjonijiet adegwati li min isellef għandu jipprovdi ma jistgħux jirriżultaw mill-informazzjoni kuntrattwali li tidher fil-kuntratt ta’ kreditu. Madankollu, min isellef ma huwiex obbligat li jibgħat lil min jissellef dokument bil-miktub separat mill-kuntratt ta’ kreditu biex jagħtih spjegazzjonijiet adegwati.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66, u rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, u ĠU 2011, L 234, p. 46).

( 3 ) JORF tat-2 ta’ Lulju 2010, p. 12001.

( 4 ) Skont l-Artikolu L. 141‑4 tal-Kodiċi tal-Konsum, il-qorti tista’ tqajjem ex officio kwalunkwe dispożizzjoni ta’ dak il-kodiċi fil-kawżi li fihom japplika dak il-kodiċi.

( 5 ) Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2008/48, li tgħid li “[a]rmonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin”.

( 6 ) Ara l-premessa 26 tad-direttiva.

( 7 ) Artikoli 5 u 6 tal-imsemmija direttiva.

( 8 ) Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva.

( 9 ) Fis-sentenza LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190, punti 46 sa 54), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet preċiżazzjonijiet importanti biex tiddetermina sa fejn is-sistema nazzjonali kienet tikkonforma mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48.

( 10 ) Ara l-punti 7 sa 11 ta’ dawn il-Konkużjonijiet.

( 11 ) C‑429/05, EU:C:2007:575 (punt 69).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Arcor (C‑55/06, EU:C:2008:244, punt 191 u l-ġurisprudenza ċċitata), u Steffensen (C‑276/01, EU:C:2003:228, punti 62 u 63).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza VB Pénzügyi Lízing (C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 56).

( 14 ) Fil-fatt mill-Artikolu 1315 tal-Kodiċi Franċiż jirriżulta li min jallega li ħeles minn obbligu għandu jippruvah.

( 15 ) Għalkemm, fil-kawża li tirrigwarda I. Bakkaus, CA CF pproduċiet quddiem il-qorti nazzjonali fajl tad-dħul u tal-ispejjeż iffirmat minnha u akkumpanjat minn dokumenti ta’ sostenn, ma jidhirx li dan huwa l-każ fil-kawża li tirrigwarda l-konjuġi Bonato.

( 16 ) Il-korsiv miżjud minni.

( 17 ) Ara l-Artikolu 9 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji u amministrattivi tal-Istati Membri dwar kreditu lil konsumaturi [COM(2002) 443 finali] (ĠU 2002, C 331 E, p. 200).

( 18 ) Fuq dan il-punt, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/48, huma differenti sew minn dawk li ġew riċentement stabbiliti fid-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Frar 2014, dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, p. 34). Il-premessa 22 ta’ din l-aħħar direttiva tippreċiża f’dan ir-rigward: “id-dispożizzjonijiet dwar l-affidabbiltà kreditizja għandhom ikunu msaħħa fil-konfront tal-kreditu lill-konsumatur, informazzjoni aktar preċiża għandha tingħata mill-intermedjarji tal-kreditu dwar l-istatus tagħhom u r-relazzjoni mal-kredituri sabiex jiġu ddivulgati konflitti ta’ interess potenzjali, u l-atturi kollha involuti fl-organizzazzjoni tal-kuntratti ta’ kreditu marbutin ma’ proprjetà immobbli għandhom ikunu ammessi u sorveljati b’mod adatt”.

( 19 ) Dawn ir-rekwiżiti ta’ bona fide u ta’ prudenza jissemmew fil-proposta ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

( 20 ) Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2008/48 u, f’dan is-sens, is-sentenza Rampion u Godard (EU:C:2007:575, punt 59).

( 21 ) Il-korsiv miżjud minni.

( 22 ) Ara l-proposta ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

Top