Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CC0282

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Szpunar - 9 ta' Settembru 2014.
T-Mobile Austria GmbH vs Telekom-Control-Kommission.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi - Direttiva 2002/20/KE - Artikolu 5(6) - Drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u ta’ numri - Direttiva 2002/21/KE - Artikolu 4(1) - Dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali - Kunċett ta’ ‘impriża affettwati [affettwata] minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali’ - Artikolu 9b - Trasferiment tad-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju - Assenjazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju wara l-għaqda ta’ żewġ impriżi.
Kawża C-282/13.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2179

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2014 ( 1 )

Kawża C‑282/13

T-Mobile Austria GmbH

vs

Telekom-Control-Kommission

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija)]

“Komunikazzjonijiet elettroniċi — Protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni quddiem qorti nazzjonali — Dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali — Kunċett ta’ persuna “affettwata” minn deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali — Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/21/KE — Trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi — Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2002/20/KE”

I – Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tispeċifika l-portata tal-locus standi kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali regolatorji fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Hija toffri wkoll l-okkażjoni għal riflessjoni iktar ġenerali dwar sa fejn id‑dritt tal-Unjoni jista’ jintervjeni fid-dritt proċedurali tal-Istati Membri li jirregola l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jitressqu azzjonijiet legali kontra d-deċiżjonijiet amministrattivi.

2.

Il-Verwaltungsgerichtshof Awstrijaka (Qorti Suprema Amministrattiva) ressqet talba dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ persuna “affettwata” minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas” ( 2 )), fil-kuntest ta’ proċedura dwar it-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi, previst fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2002/20/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni” ( 3 )).

3.

Id-domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda d-definizzjoni taċ-ċirku ta’ persuni li għandhom dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjonijiet meħuda mill‑awtorità regolatorja fil-kuntest ta’ proċedura konkreta fir‑rigward tad-dritt tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Ir-risposta għal din id-domanda ser ikollha madankollu, sinjifikat iktar wiesa’, għaliex regoli analogi jinsabu wkoll f’atti ġuridiċi oħra tal-Unjoni li jirrigwardaw swieq irregolati ( 4 ).

II – Qafas ġuridiku

A – Dritt tal-Unjoni

4.

Id-dritt armonizzat tal-komunikazzjonijiet elettroniċi huwa bbażat fuq id-Direttiva Qafas kif ukoll fuq direttivi speċifiċi, fosthom id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

5.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mekkaniżmi effettivi fil-livell nazzjonali li bihom kull utent jew impriża li jipprovdu n-networks u/jew s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika u li jkunu affettwati minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja nazzjonali jkollhom id-dritt li jappellaw kontra d-deċiżjoni quddiem entità ta’ appell li tkun indipendenti mill-partijiet involuti. Din l-entità, li tista’ tkun qorti, għandu jkollha l-kompetenza xierqa biex tkun tista’ twettaq il‑funzjonijiet tagħha b’mod effettiv. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-merti tal-każ jitqiesu kif xieraq u li jkun hemm mekkaniżmu ta’ appell effettiv.”

6.

L-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jipprovdi:

“L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-frekwenzi tar-radju jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv skont l-Artikoli 8(2) u 9(2) tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Huma għandhom jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta mill-ebda trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju. Għal tali finijiet, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri adatti bħall-obbligu ta’ bejgħ jew kiri ta’ drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju.”

B – Dritt Awstrijak

7.

Skont l-Artikolu 8 tal-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz 1991 (Liġi ġenerali fuq il-proċedura amministrattiva tal-1991, BGBl. 51/1991), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fl-2004 (BGBl. I 10/2004) (iktar ’il quddiem l-“AVG”):

“Il-persuni li jinqdew b’attività tal-awtorità jew li lilhom tirrigwarda din l-attività huma persuni interessati; huma partijiet sa fejn għandhom dritt jew interess ġuridiku fir-rigward tas-suġġett ta’ din l-attività.”

8.

Il-proċedura għall-assenjazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju, prevista fl‑Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, hija rregolata mill-Artikoli 54 sa 57 tat-Telekommunikationsgesetz 2003 (Liġi dwar it-‑telekomunikazzjonijiet tal-2003, iktar ’il quddiem it-“TKG 2003”) (BGBl. I 70/2003).

9.

B’mod partikolari, l-Artikolu 56 tat-TKG 2003 jipprovdi:

“1.   It-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi li ġew assenjati mill-awtorità regolatorja jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ din tal-aħħar. L-awtorità regolatorja għandha tippubblika t-talba għall‑awtorizzazzjoni għat-trasferiment tad-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi kif ukoll id-deċiżjoni marbuta magħha. L-awtorità regolatorja għandha tieħu din id-deċiżjoni billi tevalwa, każ b’każ, l-impatt, b’mod partikolari tekniku, ta’ trasferiment fuq il-kompetizzjoni. L-awtorizzazzjoni tista’ tkun suġġetta għal obbligi, sa fejn dawn ikunu neċessarji sabiex jiġi evitat kull preġudizzju għall-kompetizzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha fi kwalunkwe każ tiġi rrifjutata meta, minkejja l-impożizzjoni ta’ obbligi, it-trasferiment jirriskja li jikkawża preġudizzju għall-kompetizzjoni.

[…]

2.   It-tibdil essenzjali fl-istruttura azzjonarja ta’ impriżi, li lilhom ġew assenjati drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 55, jeħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità regolatorja. It-tielet sal-aħħar sentenzi tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

III – Il-proċedura fil-kawża prinċipali

10.

Il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda r-rikors ippreżentat minn operatur ta’ netwerk tat-telefonija mobbli, il-kumpannija T-Mobile Austria GmbH (iktar ’il quddiem “T-Mobile”), kontra d-deċiżjoni meħuda mit-Telekom-Control-Kommission (Kummissjoni tal-Kontroll tat-Telekomunikazzjonijiet Awstrijaka, iktar ’il quddiem it-“TKK”). Permezz tal-imsemmija deċiżjoni, it-TKK ċaħdet ir-rikors ta’ T-Mobile sabiex din tal-aħħar tingħata l-istatus ta’ parti fi proċedura intiża għall-awtorizzazzjoni tat-trasferiment tad‑drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi bejn żewġ operaturi Awstrijaċi oħra ta’ netwerk tat-telefonija mobbli.

11.

Dan it-trasferiment ta’ frekwenzi seħħ fil-kuntest tal-akkwist tal‑kumpannija Orange Austria Telecommunication GmbH (iktar ’il quddiem “Orange”) mill-kumpanniji Hutchison 3G Austria Holdings GmbH u Hutchison 3G Austrita GmbH (li sussegwentement ingħaqdu biex jifformaw il-kumpannija Hutchison Drei Austria Holdings GmbH, iktar ’il quddiem “Hutchison”).

12.

Kif jirriżulta mill-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, in‑numru ta’ operaturi ta’ telefonija mobbli li għandhom drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi fl-Awstrija, wara l-konċentrazzjoni, naqas għal tlieta: Al Telekom Austria AG (iktar ’il quddiem “AI”), T-Mobile u Hutchison.

13.

Il-konċentrazzjoni u t-tranżazzjonijiet marbuta magħha huma s-suġġett ta’ proċeduri quddiem il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Awstrijaċi.

A – Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni

14.

Mill-proċess ta’ din il-kawża jirriżulta li, fis-7 ta’ Mejju 2012, Hutchison u Orange nnotifikaw lill-Kummissjoni bi proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 ( 5 ).

15.

Matul il-proċedura, il-Kummissjoni esprimiet dubji serji dwar il-konformità tal-proposta ta’ konċentrazzjoni mas-suq intern. Waqt li pproċediet bl-analiżi tas-suq, il-Kummissjoni kkonstatat li t-tneħħija ta’ Orange mis-suq kienet tqajjem problemi ta’ kompetizzjoni. Hija qieset li dan is-suq diġà kien ikkaratterizzat minn livell għoli ta’ konċentrazzjoni u, fil-prattika, mill-impossibbiltà tad-dħul fis-suq. Għalhekk Hutchison issottomettiet numru ta’ impenji, li jwassluha b’mod partikolari sabiex tassenja lil operatur potenzjali ġdid il-frekwenzi li hija kien ser ikollha wara l-konċentrazzjoni, kif ukoll sabiex tiżgura lil operaturi virtwali l-aċċess bl-ingrossa għan-netwerk tagħha, b’kundizzjonijiet stabbiliti.

16.

Il-Kummissjoni awtorizzat lil T-Mobile tipparteċipa fil-proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet fil-kwalità ta’ persuna interessata.

17.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2012 ( 6 ), il-Kummissjoni ddikjarat il-konċentrazzjoni konformi mas-suq intern bil-kundizzjoni li Hutchison tissodisfa b’mod sħiħ l-impenji stabbiliti.

18.

Madankollu mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma eżaminatx żewġ tranżazzjonijiet oħra li għalihom kienet suġġetta l-konċentrazzjoni u li kienu jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-bejgħ lil A1 ta’ sussidjarja ta’ Orange u, it-tieni nett, it-trasferiment lil A1 ta’ ċerti frekwenzi li kellha Orange qabel il-konċentrazzjoni. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li t-trasferiment ta’ frekwenzi kien suġġett b’mod partikolari għall-awtorizzazzjoni tat-TKK ( 7 ).

B – Il-proċedura quddiem it-TKK

19.

Abbażi tal-Artikolu 56(2) tat-TKG 2003, fit-23 ta’ Mejju 2012, Hutchison u Orange talbu lit-TKK l-awtorizzazzjoni sabiex ibiddlu l-istruttura azzjonarja wara l-konċentrazzjoni. Fid-9 ta’ Lulju 2012, flimkien ma’ A1, abbażi tal-Artikolu 56(1) tat-TKG 2003, huma talbu l‑awtorizzazzjoni li jittrasferixxu ċerti frekwenzi lil A1.

20.

T-Mobile ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lit-TKK, billi talbet li fuq il-kumpanniji parteċipanti fil-konċentrazzjoni jiġu imposti obbligi sabiex jiġi evitat li l-kompetizzjoni tkun distorta.

21.

Barra minn hekk, fl-10 ta’ Diċembru 2012, T-Mobile talbet lit‑TKK sabiex tingħata l-istatus ta’ parti fil-proċeduri intiżi sabiex jiġi awtorizzat it-tibdil tal-istruttura azzjonarja u t-trasferiment tal-frekwenzi.

22.

Permezz ta’ deċiżjoni, tat-13 ta’ Diċembru 2012, it-TKK awtorizzat it-tibdil tal-istruttura azzjonarja kif ukoll it-trasferiment lill-kumpannija A1 tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi. Mill-banda l-oħra, hija ċaħdet it-talba ta’ T-Mobile tal-10 ta’ Diċembru 2012 li tingħata l-istatus ta’ parti fil-proċedura amministrattiva.

23.

Fir-rigward tat-talba ta’ T-Mobile, it-TKK qieset li, fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi intiżi għall-awtorizzazzjoni tat-tibdil tal-istruttura azzjonarja kif ukoll tat-trasferiment ta’ frekwenzi, la l-liġi nazzjonali u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġ li tingħata l-istatus ta’ parti lil entitajiet kompetituri tal-operaturi ta’ netwerk tat-telefonija mobbli li jitolbu tali awtorizzazzjoni.

C – Il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju u d-domanda preliminari

24.

T-Mobile ppreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof kontra d-deċiżjoni tat-TKK tat-13 ta’ Diċembru 2012.

25.

Insostenn tar-rikors tagħha, T-Mobile argumentat li kienet kompetitriċi tal-partijiet fit-tranżazzjoni inkwistjoni u li kellha frekwenzi fuq l-istess suq. Hija għalhekk kellha titqies li hija impriża “affettwata” mid-deċiżjoni kkontestata tat-TKK fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas. Skont id-dritt nazzjonali, hija kellha wkoll tkun awtorizzata tipparteċipa fil-proċedura amministrattiva preċedenti għat-teħid ta’ tali deċiżjoni.

26.

Il-qorti tar-rinviju tqis li skont il-ġurisprudenza Awstrijaka, l‑għoti lil T-Mobile tal-istatus ta’ parti fil-proċedura amministrattiva abbażi tal-Artikolu 56 tat-TKG 2003 u tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jiddependi mill-punt dwar jekk id-deċiżjoni meħuda mit-TKK fil-kuntest ta’ din il-proċedura “taffettwax” lil T-Mobile fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas. Fid-dritt Awstrijak teżisti rabta mill-qrib bejn l-istatus ta’ parti fi proċedura amministrattiva u d-dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjonijiet li jistabbilixxi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

27.

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza Tele2 Telecommunication ( 8 ) ma tippermettix li tingħata risposta ċerta lill-kwistjoni mqajma.

28.

Minn naħa, hija tindika li hemm lok li jiġi kkunsidrat li, kif tiddikjara t-TKK, id-deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni tat-tibdil tal-istruttura azzjonarja u tat-trasferiment ta’ frekwenzi ma toħloqx direttament drittijiet favur terzi. Is-sitwazzjoni legali tagħhom ma tinbidilx, sa fejn huma jibqgħalhom il-frekwenzi assenjati lilhom.

29.

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l‑osservazzjonijiet ippreżentati minn T-Mobile, il-konċentrazzjoni bejn Orange u Hutchison għandha effett fuq is-sitwazzjoni tagħha, għaliex, b’mod partikolari, hija tibdel il-proporzjonijiet fil-kuntest tal-frekwenzi assenjati lid-diversi operaturi fis-suq. Id-deċiżjoni dwar it-trasferiment tal-frekwenzi għandha wkoll tali impatt, għaliex għandha l-effett li tikkumpensa l-effetti negattivi tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni.

30.

Huwa għalhekk li l-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja s‑segwenti domanda preliminari:

“L-Artikoli 4 u 9b tad-Direttiva [Qafas] u l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva [ta’ Awtorizzazzjoni] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirrikonoxxu lil kompetitur f’proċedura nazzjonali prevista mill-Artikolu 5(6) tad-Direttiva [ta’] Awtorizzazzjoni l-kwalità ta’ parti ‘affettwata’ fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ‘Qafas’?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja fl-24 ta’ Mejju 2013.

32.

Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Settembru 2013, il-President tal‑Qorti tal-Ġustizzja ċaħad it-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex il-kawża tkun suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura.

33.

T-Mobile, Hutchison, A1, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. It-TKK, li ma pparteċipatx fil‑proċedura bil-miktub, kif ukoll T-Mobile, talbu li tinżamm seduta.

34.

T-Mobile, it-TKK, Hutchison, A1 u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta li nżammet fil-15 ta’ Mejju 2014.

V – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

35.

Preliminarjament, nixtieq nirrileva li l-kawża li hija s-suġġett tal-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju ma tirrigwardax direttament id-dritt li titressaq azzjoni legali kontra deċiżjoni tal-awtorità regolatorja fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas. Fil-fatt, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, T-Mobile ma tikkontestax il-mertu tad-deċiżjoni fir-rigward tat-trasferiment tal-frekwenzi, iżda r-rifjut li tingħata l-istatus ta’ parti fil-proċedura quddiem l-awtorità regolatorja.

36.

L-importanza li għandha d-domanda preliminari sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kawża prinċipali tirriżulta mill-ġurisprudenza Awstrijaka, li tissuġġetta l-għoti tal-istatus ta’ parti fi proċedura amministrattiva għall-punt dwar jekk il-persuna inkwistjoni tibbenefikax, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, mid-dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-persuna li hija “affettwata” mid-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, għandha wkoll id-dritt li tkun parti fil-proċedura fis-sens tal-Artikolu 8 tal-AVG, għaliex huma preċiżament dawn il-partijiet li għandhom id-dritt li jressqu azzjoni legali kontra d-deċiżjoni inkwistjoni.

37.

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar‑rinviju, għandhom jiġu interpretati kemm l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva Qafas kif ukoll l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

38.

Qabel ma nanalizza l-imsemmija dispożizzjonijiet, ser neżamina l-iskop li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

B – L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas u l-portata tal‑awtonomija tad-dritt proċedurali nazzjonali

39.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tagħmilx riferiment biss għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, iżda wkoll għad‑dispożizzjonijiet u għall-ġurisprudenza nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-locus standi fi proċedura quddiem qorti amministrattiva.

40.

Għandu jiġi eżaminat jekk tali riferiment huwiex rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-persuni li għandhom locus standi fil-qasam irregolat mid-dritt tal-Unjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

41.

Infakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan ir-rigward, fil-prinċipju huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi s-sistema ta’ miżuri u ta’ proċeduri intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis‑saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Dawn il-miżuri huma stabbiliti b’mod awtonomu mid-dritt nazzjonali, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza ( 9 ).

42.

Jiena konvint li l-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ma jistax madankollu jinkludi l-possibbiltà nfisha li tittieħed azzjoni legali għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali jista’ jiġi invokat biss fl-istadju tal-istabbiliment tar-regoli u proċeduri partikolari fir-rigward tal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ a fortiori f’sitwazzjonijiet fejn, bħal f’din il-kawża, id-dritt tal-Unjoni jinkludi dispożizzjonijiet konkreti li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rimedju legali speċifiku.

43.

Fl-opinjoni tiegħi, il-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi tali premessa fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

44.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, kull impriża li tipprovdi netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll kull utent li jkun “affettwat” minn deċiżjoni tal-awtorità regolatorja, għandhom id-dritt għal azzjoni legali kontra l-imsemmija deċiżjoni.

45.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ persuna “affettwata” minn deċiżjoni fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li l-portata tiegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan li għandu jintlaħaq minn din id-dispożizzjoni ( 10 ). Skont l-imsemmija ġurisprudenza, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jimponi fuq il-qrati tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li jitnisslu mid-dritt tal-Unjoni ( 11 ).

46.

Fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni ma għandhiex biss l-iskop li tirrifletti l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li diġà huwa stabbilit minn regola ta’ livell superjuri, jiġifieri mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TFUE kif ukoll mill-Artikolu 47 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

47.

L-għan tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas huwa li jistabbilixxi portata uniformi għal-locus standi ta’ persuni privati fil‑qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

48.

Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tevita sitwazzjoni fejn persuna, f’ċirkustanzi fattwali identiċi, ikollha fi Stat Membru wieħed locus standi kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja sabiex tipproteġi d-drittijiet tagħha, iżda ma tibbenefikax minn dan l-istatus fi Stat ieħor. L-eżistenza ta’ tali differenzi għal dak li jirrigwarda l-aċċess għal rimedju legali jkollha l-konsegwenza li l-kontenut tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jkun ipperċepit b’mod differenti skont l-Istati Membri. Tali differenzi jistgħu wkoll iqiegħdu fid-dubju l-eżistenza stess ta’ dan it-tip ta’ drittijiet f’ċerti Stati Membri.

49.

Fl-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-iskop invokat fil-paragrafu preċedenti.

50.

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandha tkun preċiża biżżejjed sabiex tevita l-eżistenza ta’ differenzi sostanzjali f’dak li jirrigwarda l-locus standi fid-diversi Stati Membri differenti, għaliex, kif fakkart fil-paragrafu 48, dawn jikkompromettu l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod uniformi jekk ikun id-dritt nazzjonali li jiddetermina minn huma l-persuni li għandhom locus standi.

C – Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas

1. Is-sentenza Tele2 Telecommunication

51.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kawża Tele2 Telecommunication, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

52.

F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Madura u ddeċidiet li d-dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja jista’ jkun eżerċitat minn utenti jew impriżi li, għalkemm ma kinux id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, “[i]d-drittijiet tagħhom ikunu milquta b’mod sfavorevoli minnha”. Din l-interpretazzjoni tinkludi l-każ fejn l-utenti u l-impriżi kompetituri jgawdu drittijiet suġġettivi bis-saħħa tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari bis-saħħa tad-direttivi dwar it-telekomunikazzjonijiet, u dawn id-drittijiet jiġu affettwati b’riżultat ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja nazzjonali ( 12 ).

53.

Fir-rigward tal-proċedura amministrattiva li tat lok għall-kawża Tele2 Telecommunication — jiġifieri l-proċedura ta’ analiżi tas-suq prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas — il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li din tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ ċerti obbligi speċifiċi fuq impriża b’saħħitha fis-suq. Tali obbligi, u b’mod partikolari l-obbligu ta’ nondiskriminazzjoni u dak dwar l-aċċess tal-kompetituri għal faċilitajiet ta’ netwerks, jikkostitwixxu miżuri protettivi maħsuba fl-interess tal-kompetituri. Għalhekk dawn jistgħu jagħtuhom drittijiet individwali li jikkorrispondu għall-obbligi imposti fuq l-impriża b’saħħitha fis-suq ( 13 ).

54.

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat is-sentenza tagħha fuq il‑konstatazzjoni li l-obbligi imposti mid-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja fuq l-operatur b’saħħtu fis-suq jagħtu potenzjalment drittijiet lil terzi li jistgħu jkunu affettwati minn tali deċiżjoni.

55.

Huwa fuq interpretazzjoni simili li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat is-sentenza tagħha fil-kawża Arcor (C-55/06, EU:C:2008:244), li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387/KEE ( 14 ), li kien jinkludi leġiżlazzjoni simili għal dik tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

56.

F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tat-tariffi għall-aċċess għal netwerk lokali jibbenefikaw minnu mhux biss l-operatur tan-netwerk, iżda wkoll l-impriża li tgawdi aċċess diżassoċjat għan-netwerk u li kkonkludiet kuntratt f’dan is-sens mal-imsemmi operatur. Il-Qorti tal‑Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni kienet taffettwa d-drittijiet suġġettivi tar-rikorrent bħala parti fl-imsemmi kuntratt. Madankollu hija speċifikat li l-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali ma hijiex meħtieġa sabiex jiġi stabbilit locus standi biex jiġi ppreżentat rikors ( 15 ).

2. Id-diffikultajiet marbuta mal-applikazzjoni tas-sentenza Tele2 Telecommunication

57.

Kif diġà fakkart, skont is-sentenza Tele2 Telecommunication, l-impriżi li d-drittijiet suġġettivi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jistgħu jkunu affettwati minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja jibbenefikaw minn dritt għal azzjoni legali kontra l-imsemmija deċiżjoni.

58.

Għalkemm tali approċċ huwa mingħajr ebda dubju fondat ( 16 ), huwa ma jippermettix li jiġu stabbiliti kriterji preċiżi biżżejjed sabiex tkun żgurata interpretazzjoni uniformi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

59.

Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, li tikkostitwixxi t-tielet domanda preliminari li tqajjem il-problema tal-locus standi fil-qasam tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi, juru li s-sentenza Tele2 Telecommunication ma tneħħix id-dubji marbuta ma’ din il-kwistjoni.

60.

L-ewwel nett, din is-sentenza ma teskludix interpretazzjoni tal‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas li tipprovdi li l-locus standi hija suġġetta għall-kundizzjoni li r-rikorrent jistabbilixxi li jgawdi dritt suġġettiv konkret bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

61.

B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Awstrijak, il-kundizzjoni li r-rikorrent ikun “affettwat” mid-deċiżjoni tkun issodisfatta biss, skont il-ġurisprudenza Awstrijaka, jekk l-awtorità amministrattiva tiddeċiedi jew għandha l-obbligu li tiddeċiedi dwar id-drittijiet suġġettivi tal-imsemmi rikorrent ( 17 ). F’din il‑kawża, it-TKK kif ukoll il-Gvern Awstrijak jibbażaw ruħhom fuq din il-ġurisprudenza, billi jirrilevaw li l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jistabbilixxix drittijiet suġġettivi favur impriżi kompetituri, iżda jipprovdi biss il-possibbiltà li l-Istati Membri jieħdu “miżuri adatti” sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

62.

Tali interpretazzjoni tas-sentenza Tele2 Telecommunication — li jidhirli li hija żbaljata — tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jeżistu bejn id-dritt li titressaq proċedura u l-għan ta’ din il-proċedura. It-tressiq ta’ azzjoni ma tistax tkun ikkundizzjonata bl-eżitu tagħha, jiġifieri bil-konstatazzjoni ta’ drittijiet li minnhom jibbenefika r-rikorrent.

63.

It-tieni nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kunċett ta’ drittijiet suġġettivi jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet differenti skont il‑kuntest u li huwa jista’ jkollu wkoll tifsiriet differenti f’sistemi legali differenti.

64.

Madankollu s-sentenzi Tele2 Telecommunication u Arcor (C-55/06, EU:C:2008:244), ma jagħtux risposta ċara għall-kwistjoni dwar jekk il-kriterju tal-locus standi, li jippresupponi li d-deċiżjoni “taffettwa b’mod sfavorevoli d‑drittijiet” tar-rikorrent, jirrigwardax:

id-drittijiet suġġettivi tal-imsemmija parti fil-konfront tal-awtorità amministrattiva,

id-drittijiet tagħha li jikkorrispondu għall-obbligi regolatorji imposti fuq persuna privata oħra, jew

tip ieħor ta’ drittijiet, li jirriżultaw pereżempju minn kuntratt irregolat mid‑dritt privat.

65.

Pereżempju, fil-kawża Tele2 Telecommunication, il-Qorti tal‑Ġustizzja bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq l-ipoteżi li d-deċiżjoni kkontestata taffettwa d-drittijiet suġġettivi tal-kompetituri, li jikkorrispondu għall-obbligi imposti fuq l-impriża b’saħħitha fis-suq rilevanti ( 18 ). Mill-banda l-oħra, fil-kawża Arcor, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja taffettwa d-drittijiet tar‑rikorrent bħala parti f’kuntratt dwar l-aċċess għal-linji lokali ( 19 ). Ebda waħda minn dawn is-sentenzi ma tirrigwarda d-drittijiet suġġettivi pubbliċi tar-rikorrent.

66.

F’din il-kawża, fir-rigward tal-interpretazzjoni mogħtija fis-sentenza Tele2 Telecommunication, Hutchison, A1 u l-Gvern Awstrijak isostnu li l-għoti jew ir-rifjut tal-awtorizzazzjoni għat-trasferiment tal-frekwenzi ma jistabbilixxix obbligi li jistgħu jagħtu drittijiet lil terzi fil-konfront tal-partijiet fit-tranżazzjoni inkwistjoni. Fl-opinjoni tagħhom, din hija konsegwenza tan-natura tal-proċedura ta’ trasferiment tal-frekwenzi, li ma għandhiex l-iskop li timponi obbligi regolatorji għall-benefiċċju ta’ terzi, iżda li tiżgura kompetizzjoni effettiva fl-interess ġenerali.

67.

Madankollu, abbażi tas-sentenza Arcor (C-55/06, EU:C:2008:244),, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-deċiżjoni tal-awtorità regolatorja għal dak li jirrigwarda t-trasferiment tal-frekwenzi għandha effett fuq id-drittijiet tal-partijiet fit-tranżazzjoni kif ukoll fuq dawk ta’ akkwirenti potenzjali oħra ta’ frekwenzi. Min-naħa tagħha Hutchison issostni li T-Mobile qatt ma uriet l-intenzjoni li takkwista frekwenzi, u għalhekk ma hijiex akkwirent potenzjali.

68.

Id-dubji esposti jindikaw in-neċessità li jiġu speċifikati l-kriterji tal-locus standi bbażata fuq l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas.

3. Proposta ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas

69.

Il-kundizzjoni relatata mal-fatt li d-deċiżjoni “taffettwa” persuna fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandha, fl-opinjoni tiegħi, tinftiehem li tirreferi għall-effetti tad-deċiżjoni amministrattiva fuq l-interessi tal-imsemmija persuna li għandhom jingħataw l-protezzjoni ġudizzjarja ( 20 ).

70.

Mill-banda l-oħra, ir-rikonoxximent tal-locus standi ma jobbligax lir-rikorrent jipprova l-ksur tad-drittijiet suġġettivi konkreti tiegħu.

71.

Jekk wieħed jeżamina iktar mill-qrib is-sentenza Tele2 Telecommunication, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma interpretatx l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas fis-sens li tissuġġetta l-osservanza tal-kundizzjoni li l-persuna inkwistjoni tkun affettwata mid-deċiżjoni għall-ksur effettiv ta’ dritt suġġettiv. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju, qieset li d-deċiżjoni għandha taffettwa b’mod negattiv id-drittijiet li tagħhom ir-rikorrenti huwa l-“benefiċjarj[u] potenzjali” ( 21 ).

72.

Barra minn hekk, jiena konvint li d-dispożizzjoni interpretata ma għandhiex l-iskop esklużiv li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fir-rigward ta’ persuni privati oħra, kif sostnut fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet iċċitati iktar ’il fuq, iżda wkoll li tipproteġi d-drittijiet suġġettivi pubbliċi, li jfisser il-possibbiltà li jkun meħtieġ li l-awtorità regolatorja taġixxi b’mod konformi mad-dritt ( 22 ).

73.

Għalija ma hemm l-ebda dubju li kull deċiżjoni taffettwa l‑interess ġuridiku tad-destinatarju tagħha. Min-naħa l-oħra, il-punt dwar jekk din il-kundizzjoni hijiex issodisfatta minn terzi, li ma humiex destinatarji tad-deċiżjoni, teħtieġ analiżi iktar profonda.

74.

Infakkar li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas tirrigwarda żewġ kategoriji ta’ persuni: l-utenti kif ukoll l-impriżi li jipprovdu netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Fit-tieni kategorija, wieħed jista’ jidentifika wkoll kategorija tal-impriżi kompetituri tad‑destinatarju tad-deċiżjoni fis-swieq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

75.

Din l-aħħar kategorija għandha importanza partikolari fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Hawnhekk għandu jiġi enfasizzat li din il-leġiżlazzjoni hija intiża sabiex tippromwovi l-kompetizzjoni fil-provvista ta’ netwerks u ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

76.

B’mod partikolari, l-Artikolu 8(2)(b) tad-Direttiva Qafas jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu kull miżura raġonevoli intiża sabiex tippromwovi l-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, filwaqt li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u filwaqt li jneħħu l-ostakoli li baqa’ għall-provvista tal-imsemmija servizzi ( 23 ).

77.

Id-dritt tal-komunikazzjonijiet elettroniċi huwa bbażat fuq ir‑regolamentazzjoni ex ante tas-suq u jinkludi wkoll id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-kisba tal-awtorizzazzjonijiet tal-awtorità regolatorja għall-attivitajiet jew tranżazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal tibdil sostanzjali fis-suq rilevanti, billi l-kompetizzjoni tiġi distorta.

78.

F’dan ir-rigward, id-dritt tal-komunikazzjonijiet elettroniċi ma huwiex intiż biss għall-protezzjoni tal-istruttura ta’ kompetizzjoni tas-suq bħala tali, iżda wkoll sabiex jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-impriżi kompetituri.

79.

Hawnhekk għandu jiġi enfasizzat li l-għan tar-regoli tal‑kompetizzjoni ma huwiex biss u l-ewwel nett li jipproteġi l-interessi diretti tal-kompetituri, iżda l-istruttura tas-suq u, b’dan il-mod, il-kompetizzjoni bħala tali ( 24 ). L-interess pubbliku li jikkonsisti fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni jista’ madankollu jikkoinċidi mal‑interess individwali tal-impriżi kompetituri, li huwa li jkunu protetti kontra l-atti li jaffettwaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq.

80.

Id-deċiżjoni meħuda minn awtorità regolatorja fi proċedura intiża għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni għandha mingħajr dubju effett fuq l-interess individwali tal-impriżi li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tista’ tinbidel sostanzjalment b’konsegwenza tal-miżuri li huma s-suġġett tad‑deċiżjoni.

81.

Dan l-interess ma huwiex biss fattwali iżda wkoll, fid-dawl tal‑għanijiet tal-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq, ta’ natura legali. Is-sitwazzjoni tal-impriżi kompetituri ttieħdet inkunsiderazzjoni mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li jobbligaw lill-awtorità regolatorja tieħu l-miżuri sabiex timpedixxi tibdil sostanzjali fil-pożizzjoni tal-impriżi kompetituri fis-suq, li jista’ jwassal għal distorsjoni jew restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

82.

Fir-rigward tal-impriżi kompetituri tad-destinatarju tad-deċiżjoni, il-kundizzjoni dwar jekk id-deċiżjoni “taffettwax” persuna fis-sens tal‑Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas jidhirli li hija ssodisfatta jekk l-awtorità regolatorja tiddeċiedi fi proċedura prevista minn regola tal-Unjoni intiża għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni, u jekk id-deċiżjoni tirrigwarda attivitajiet jew tranżazzjonijiet li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-pożizzjoni tar-rikorrent fis-suq.

83.

Kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-locus standi tal-impriżi kompetituri tad-destinatarju ta’ deċiżjoni ġie ddefinit b’mod simili fid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal‑interpretazzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

84.

Fil-qasam tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-locus standi kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha tal‑għajnuna fuq il-mertu jew kontra deċiżjoni meħuda wara proċedura formali huwa rriżervat għall-impriżi kompetituri tal-benefiċjarju tal‑għajnuna, li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija affettwata b’mod sostanzjali mill-għajnuna mogħtija ( 25 ).

85.

Bl-istess mod, għandu locus standi kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-istħarriġ tal-konċentrazzjonijiet tal-impriżi min, għalkemm la kien parti fil-konċentrazzjoni u lanqas destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, jipprova, b’mod partikolari, li tal-inqas huwa kompetitur u li t-tranżazzjoni tista’ tibdel b’mod sinjifikattiv il-pożizzjoni tiegħu fis-swieq rilevanti ( 26 ).

86.

F’dawn l-eżempji meħuda mid-dritt proċedurali tal-Unjoni, il‑locus standi għalhekk ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni tal-ksur ta’ drittijiet suġġettivi. Hija biss l-awtorità li teżamina l-mertu tal-kawża li tiddeċiedi fuq l-eventwali ksur ta’ drittijiet suġġettivi.

87.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nqis li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha dritt għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja l‑impriża li hija attwalment jew potenzjalment kompetitriċi tad-destinatarju tad-deċiżjoni, jekk l-awtorità regolatorja tiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedura prevista mid-dritt tal-Unjoni intiża għall‑protezzjoni tal-kompetizzjoni u jekk id-deċiżjoni tirrigwarda attivitajiet jew tranżazzjoni li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-pożizzjoni fis-suq tar-rikorrent.

4. Applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni għall-Artikolu 5(6) tad‑Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni

88.

Għandu issa jiġi eżaminat jekk l-interpretazzjoni ta’ hawn fuq hijiex applikabbli għal deċiżjoni tal-awtorità regolatorja li tirrigwarda t-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi, prevista fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

89.

Il-frekwenzi huma riżorsa rara (limitata), li ma tissodisfax il‑bżonnijiet potenzjali tal-operaturi kollha, iżda huma madankollu neċessarji għall-eżerċizzju ta’ ċertu tip ta’ attività ekonomika fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari għall-provvista ta’ servizzi permezz tan-netwerk tat-telefonija mobbli tagħhom.

90.

Konċentrazzjoni eċċessiva tal-frekwenzi f’idejn impriża waħda tista’ twassal għal distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni applikabbli għal attività ekonomika li għaliha huwa indispensabbli li jkollha frekwenzi. L-awtorizzazzjoni ta’ użu ta’ beni pubbliċi li jikkostitwixxu riżorsa rara, toffri lill-operatur ekonomiku detentur tagħha vantaġġ meta mqabbel ma’ operaturi oħra li jixtiequ wkoll jagħmlu użu minn din ir-riżorsa ( 27 ).

91.

Ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttivi Qafas u ta’ Awtorizzazzjoni jieħdu din il-premessa inkunsiderazzjoni.

92.

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas jeħtieġ li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-frekwenzi jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati. L-Artikolu 9b(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi obbligu ta’ notifikazzjoni lill-awtorità regolatorja u ta’ pubblikazzjoni tal-intenzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi.

93.

Skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, l‑awtoritajiet regolatorji fl-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta minħabba trasferiment jew akkumulazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa bħall-obbligu ta’ bejgħ jew kiri ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju.

94.

Minkejja li fl-aħħar sentenza tad-dispożizzjoni ċċitata jintuża terminu li jikkorrispondi għal għażla — l-Istati Membri “jistgħu” jieħdu miżuri xierqa — fir-realtà mis-sentenza preċedenti ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, jekk l-Istat Membru jawtorizza t-trasferiment tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi bejn l-operaturi, huwa għandu wkoll l-obbligu li jistabbilixxi qafas legali xieraq bil-għan li jirregola dawn it-tranżazzjonijiet, sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ( 28 ).

95.

Jiena naqbel mal-argument imsemmi minn T-Mobile fl‑osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li huwa possibbli li tiġi stabbilita analoġija bejn l-ewwel assenjazzjoni ta’ frekwenzi u t-trasferiment ulterjuri ta’ drittijiet.

96.

Ma hemmx dubju li waqt l-ewwel assenjazzjoni ta’ frekwenzi, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għan-neċessità li jiżguraw l-istruttura tal-kompetizzjoni tas-suq. Dan l-obbligu ma jibqax effettiv jekk it-trasferiment ulterjuri ta’ drittijiet bejn impriżi kompetituri jippermetti li jiġi kkawżat preġudizzju lill-istruttura tal‑kompetizzjoni.

97.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-istħarriġ tat‑tranżazzjoni ta’ trasferiment tal-frekwenzi previst fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u għalhekk anki l-proċedura quddiem it-TKK li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, għandhom bħala għan prinċipali li jipproteġu l-istruttura tal-kompetizzjoni tas-suq.

98.

Fid-dawl tal-interpretazzjoni li jiena nipproponi għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas, il-kompetituri għandu jkollhom id-dritt li jressqu azzjoni legali kontra deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ tali proċedura, meta t-tranżazzjoni inkwistjoni tista’ taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni tagħhom fis-suq.

99.

Fir-rigward tal-effett tat-tranżazzjoni bejn Hutchison u A1 fuq il-pożizzjoni ta’ T-Mobile fis-suq, din hija kwistjoni li trid issolvi l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika r-regola tad-dritt tal-Unjoni, kif ġiet interpretata, għas-sitwazzjoni fattwali konkreta.

100.

Madankollu, nirrileva li mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija f’kompetizzjoni diretta mal-partijiet fit-tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ frekwenzi. Barra minn hekk, il-kompetituri jaġixxu f’suq oligopolistiku li huwa kkaratterizzat, b’mod partikolari, bl-eżistenza ta’ ostakoli sinjifikattivi għad-dħul.

101.

Dawn iċ-ċirkustanzi juru b’mod ċar li t-tranżazzjoni taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni tal-impriża kompetitriċi fis-suq ( 29 ).

102.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, kif jirriżulta mill‑osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, l-imsemmija ċirkustanzi ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex T-Mobile ngħatat l-istatus ta’ persuna interessata fil-proċedura ta’ stħarriġ tal‑konċentrazzjonijiet quddiem il-Kummissjoni, fir-rigward tal‑amalgamazzjoni bejn Hutchison u Orange.

103.

Barra minn hekk, kif ġustament tirrileva l-Kummissjoni, l-għanijiet tal-proċedura prevista fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni huma viċin ta’ dawk tal-istħarriġ tal‑konċentrazzjonijiet, iżda limitati għall-kwistjonijiet dwar it‑trasferiment ta’ frekwenzi wara amalgamazzjoni. L-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità regolatorja hija intiża sabiex timpedixxi sitwazzjoni li fiha t-trasferiment tad-drittijiet ta’ użu tal‑frekwenzi jwassal għall-konċentrazzjoni tal-imsemmija drittijiet jew għat-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ impriża b’mod li tinħoloq distorsjoni tal‑kompetizzjoni.

104.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li impriża f’kompetizzjoni mal-partijiet fi tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi, prevista fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, għandha dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja li tawtorizza tali tranżazzjoni, jekk din tal-aħħar tista’ taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni tagħha fis-suq.

VI – Konklużjoni

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għad-domanda magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija):

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impriża f’kompetizzjoni mal-partijiet fi tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi, prevista fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l‑awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandha dritt għal azzjoni legali kontra d-deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja li tawtorizza tali tranżazzjoni, jekk din tal-aħħar tista’ taffettwa b’mod sostanzjali l-pożizzjoni tagħha fis-suq.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l‑awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37).

( 4 ) Ara, fost oħrajn, l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71), kif emendata bid-Direttiva 2008/6/KE, tal-20 ta’ Frar 2008 (ĠU L 52, p. 3), l-Artikolu 37(17) tad‑Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU L 211, p. 55), kif ukoll l-Artikolu 41(17) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU L 211, p. 94).

Din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija s-suġġett tal-kawża E.ON Földgáz Trade (C‑510/13).

( 5 ) Regolament tal-Kunsill, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Diċembru 2012, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.6497 – Hutchison 3G Austria/Orange Austria) (sommarju ppubblikat fil-ĠU 2013, C 224, p. 12).

( 7 ) Ibidem, punti 7 sa 11.

( 8 ) Sentenza Tele2 Telecommunication, C‑426/05, EU:C:2008:103.

( 9 ) Ara s-sentenzi Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5; Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 102.

( 10 ) Sentenza Tele2 Telecommunication, EU:C:2008:103, punt 27.

( 11 ) Ibidem, punt 30.

( 12 ) Ibidem, punti 33 u 48.

( 13 ) Ibidem, punti 34, 36 u 39.

( 14 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz tal-implementazzjoni ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ (ĠU L 192, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 295, p. 23).

( 15 ) Sentenza Arcor, C-55/06, EU:C:2008:244, punti 175 sa 177.

( 16 ) Dan jirriżulta mill-premessa li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni; ara pereżempju, is-sentenza Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punti 37 u 38.

( 17 ) Sentenza tal-Verwaltungsgerichtshof tas-26 ta’ Marzu 2008, VwSlg 17.406 A/2008.

( 18 ) Sentenza Tele2 Telecommunication, EU:C:2008:103, punt 36.

( 19 ) Sentenza Arcor, EU:C:2008:244, punt 177.

( 20 ) Bl-istess mod, il-locus standi tal-persuni privati abbażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE ma huwiex marbut mal-prova tal-ksur ta’ dritt suġġettiv, iżda, fid-dawl ta’ wieħed mit-tliet ipoteżijiet imsemmija f’din id‑dispożizzjoni, mal-kundizzjoni li l-att inkwistjoni jaffettwa direttament u individwalment is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

( 21 ) Ara s-sentenza Tele2 Telecommunication, EU:C:2008:103, punt 36.

( 22 ) Ara, għal dak li jirrigwarda l-perċezzjonijiet differenti tad-dritt suġġettiv pubbliku, A. Wróbel, Prawo podmiotowe publiczne, System prawa administracyjnego, tome 1 – Instytucje prawa administracyjnego, Instytut Nauk Prawnych PAN, Varsovie, C.H.Beck 2010, p. 307 sa 344.

( 23 ) Ara s-sentenzi Centro Europa 7, C‑380/05, EU:C:2008:59, punt 81, u Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑227/07, EU:C:2008:620, punti 62 u 63.

( 24 ) Ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża British Airways vs Il‑Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2006:133), punt 68; is-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 63.

( 25 ) Ara s-sentenzi Cofaz et vs Il-Kummissjoni, 169/84, EU:C:1986:42, punti 22 sa 25; Il‑Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, EU:C:2005:761, punti 37, 70.

( 26 ) Ara s-sentenzi Air France vs Il‑Kummissjoni, T‑3/93, EU:T:1994:36, punt 82; Kaysersberg vs Il‑Kummissjoni, T‑290/94, EU:T:1997:186; ARD vs Il‑Kummissjoni, T‑158/00, EU:T:2003:246, punti 78 u 95; BaByliss vs Il-Kummissjoni, T‑114/02, EU:T:2003:100, punti 96 sa 100.

( 27 ) Ara, għal dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tat-tariffi għad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi, is-sentenza Belgacom et, C‑375/11, EU:C:2013:185, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 28 ) Ara P. Nihoul, P. Rodford, EU Electronic Communications Law, Oxford 2011, p. 101, 116.

( 29 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza BaByliss vs Il‑Kummissjoni, EU:T:2003:100, punt 100.

Top