Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0275

Kawża T-275/12: Rikors ippreżentat fil- 15 ta’ Ġunju 2012 — FC Dynamo-Minsk vs Il-Kunsill

ĠU C 250, 18.8.2012, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 250/17


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ġunju 2012 — FC Dynamo-Minsk vs Il-Kunsill

(Kawża T-275/12)

2012/C 250/32

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Football Club “Dynamo-Minsk” ZAO (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentanti: D. O’Keeffe, Solicitor u B. Evtimov, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 265/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja (ĠU L 87, p. 37) sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/171/PESK, tat-23 ta’ Marzu 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU L 87, p. 95), sa fejn tikkonċenra lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv fejn qed jiġi allegat li l-miżuri kkontestati huma vvizzjati minn żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni peress li l-Kunsill naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-isport u/jew id-dritt fundamentali għal diversità kulturali meta impona miżuri restrittivi fuq ir-rikorrenti li hija klabb tal-futbol professjonali Ewropew b’rwol sportiv u kulturali importanti.

(2)

It-tieni motiv fejn qed jiġi allegat li l-miżuri kkontestati jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-lista ta’ persuni u entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi.

(3)

It-tielet motiv fejn qed jiġi allegat li l-miżuri kkontestati jiksru d-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq peress li ma jagħtux il-possibbiltà lir-rikorrenti li effettivament teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, inkluż id-dritt għal smigħ. Fid-dawl tar-relazzjoni stretta bejn id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, id-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ġie miksur ukoll.

(4)

Ir-raba’ motiv fejn qed jiġi allegat li l-miżuri kkontestati jiksru d-dritt għal proprjetà peress li huma ekwivalenti għal interferenza mhux ġustifikata fl-abbiltà tar-rikorrenti li tiffunzjona bħala klabb tal-futbol professjonali Ewropew u li tissodisfa l-funzjonijiet soċjali, edukattivi u kulturali tagħha.

(5)

Il-ħames motiv fejn qed jiġi allegat li l-miżuri kkontestati jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari fir-rigward tad-dritt ta’ proprjetà tar-rikorrenti u d-dritt tagħha għal diversità kulturali, b’mod partikolari peress li ma jipprovdux protezzjoni sabiex jiġi żgurat li r-rikorrenti tista’ tkompli teżerċita l-funzjonijiet sportivi u kulturali tagħha bħala klabb tal-futbol professjonali Ewropew.


Top