EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0390

Kawża C-390/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängigen Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (l-Awstrija) fl- 20 ta’ Awwissu 2012 — Robert Pfleger et

ĠU C 343, 10.11.2012, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 343/6


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängigen Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich (l-Awstrija) fl-20 ta’ Awwissu 2012 — Robert Pfleger et

(Kawża C-390/12)

2012/C 343/07

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Robert Pfleger, Autoart a.s., Mladen Vucicevic, Maroxx Software GmbH, Hans-Jörg Zehetner.

Domandi preliminari

(1)

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE u mill-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet rilevanti fil-kawża prinċipali, li jinsabu fl-Artikoli 3 sa 5, 14 u 21 tal-Liġi dwar il-Logħob tal-Ażżard (Glücksspielgesetz, iktar ’il quddiem il-“GSpG”), li jussuġġettaw l-organizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz ta’ magni tal-logħob għall-kundizzjoni (suġġetta għal sanzjonijiet u miżuri ta’ qbid) tal-għoti minn qabel ta’ permess, liema awtorizzazzjonijiet huma disponibbli f’numru limitat, billi sa issa, l-Istat apparentement qatt ma wera fi proċeduri kriminali jew amministrattivi li l-kriminalità u/jew il-vizzju tal-logħob fil-fatt jikkostitwixxu problema sinjifikattiva li tista’ biss tiġi rrimedjata mhux permezz ta’ espansjoni kkontrollata tal-attivitajiet tal-logħob awtorizzati lil numru ta’ fornituri individwali, iżda biss mill-espansjoni kkontrollata tad-detentur ta’ monopolju (jew ta’ numru żgħir ħafna ta’ fornituri f’oligopolija), flimkien ma’ reklamar moderat?

(2)

Fil-każ fejn l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva: il-prinċipju ta’ proporzjonalità li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE u mill-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik li tirriżulta mill-Artikoli 52 sa 54 u 56a tal-GSpG u mill-Artikolu 168 tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“StGB”), li permezz ta’ kunċetti legali impreċiżi jwasslu sabiex ikun hemm responsabbiltà kriminali sħiħa, ukoll fir-rigward ta’ persuni (bħal sempliċi distributuri jew kerrejja ta’ magni tal-logħob) li jkunu involuti mill-bogħod ħafna (possibilment stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea)?

(3)

Fil-każ li t-tieni domanda tingħata wkoll risposta negattiva: ir-rekwiżiti ta’ demokrazija u ta’ Stat ta’ dritt, li fuqhom huwa manifestament ibbażat l-Artikolu 16 tal-Karta, u/jew ir-rekwiżiti ta’ ekwità u ta’ effiċjenza li jirriżultaw mill-Artikolu 47 tal-Karta, u/jew l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE, u/jew id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat taħt l-Artikolu 50 tal-Karta, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fl-Artikoli 52 sa 54 u 56a tal-GSpG u fl-Artikolu 168 tal-StGB, billi, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ċara, id-delimitazzjoni reċiproka bejn dawn id-dispożizzjonijiet hija diffiċilment prevedibbli u determinabbli ex ante għaċ-ċittadini u din tista’ biss tiġi ċċarata f’kull każ partikolari permezz ta’ proċess formali elaborat, u li differenzi estensivi fil-qasam tal-kompetenza (tal-awtorità amministrattiva jew qorti), ta’ prerogattivi għal intervent, tal-istigma li hija konnessa magħhom u mal-istatus proċedurali (pereżempju fir-rigward tal-inverżjoni tal-oneru tal-prova)?

(4)

Fil-każ li waħda minn dawn l-ewwel tliet domandi tingħata risposta affermattiva: l-Artikolu 56 TFUE u/jew l-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta u/jew l-Artikoli 50 tal-Karta, jipprekludu li jiġu ssanzjonati persuni li jkollhom rabta mill-qrib ma’ magna tal-logħob (imsemmija fl-Artikolu 2(1)(1) u fl-Artikolu 2(2) tal-GSpG) u/jew jipprekludu qbid jew konfiska ta’ dawn il-magni u/jew l-għeluq tal-impriża ta’ tali persuni?


Top