EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0145

Kawża C-145/12 P: Appell ippreżentat fis- 26 ta’ Marzu 2012 minn Neubrandenburger Wohnungsgesellschaft mbH kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tad- 9 ta’ Jannar 2012 fil-Kawża T-407/09, Neubrandenburger Wohnungsgesellschaft mbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 138, 12.5.2012, p. 9–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 138/9


Appell ippreżentat fis-26 ta’ Marzu 2012 minn Neubrandenburger Wohnungsgesellschaft mbH kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Jannar 2012 fil-Kawża T-407/09, Neubrandenburger Wohnungsgesellschaft mbH vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-145/12 P)

(2012/C 138/15)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Neubrandenburger Wohnungsgesellschaft mbH (rappreżentanti: M. Núñez-Müller, J. Dammann de Chapto, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Bavaria Immobilien Beteiligungsgesellschaft mbH & Co. Objekte Neubrandenburg KG, Bavaria Immobilien Trading GmbH & Co. Immobilien Leasing Objekt Neubrandenburg KG

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-digriet appellat;

tagħti deċiżjoni finali fil-kawża u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Lulju 2009 (D/53320) u, fi kwalunkwe każ, tagħti deċiżjoni finali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fil-kawża T-407/09,

sussidjarjament:

tiddikjara li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 108 TFUE u r-Regolament (KE) Nru 659/1999 peress li ma tatx bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE;

tordna lill-Kummissjoni u lill-intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni jbatu l-ispejjeż tal-appell u l-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza fil-Kawża T-407/09.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell ġie ppreżentat kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Jannar 2012, fil-Kawża T-407/09, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti (li issa hija l-appellanti) intiż (i) għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, allegatament inkluża f’ittra tad-29 ta’ Lulju 2009, fejn huwa sostnut li ċerti kuntratti konklużi mill-appellanti dwar il-bejgħ ta’ appartamenti fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ appartamenti pubbliċi f’Neubrandenburg ma kinux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, u (ii) għall-konstatazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni, skont l-Artikolu 232 KE, peress li ma tatx l-opinjoni tagħha dwar dawn il-kuntratti skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

L-appellanti essenzjalment tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel nett, id-digriet appellat jisker ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Lulju 2009 ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni kontestabbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-Qorti Ġenerali interpretat l-ittra sempliċement abbażi tal-kliem tagħha. Madankollu, skont il-prinċipji tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ittra, l-għan mixtieq mill-Kummissjoni permezz ta’ din l-ittra u l-kuntest li fiha tfasslet l-ittra.

It-tieni nett, id-digriet appellat jikser il-garanzija ta’ protezzjoni legali effettiva skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Lulju 2009 ma kinitx kontestabbli, prinċipalment peress li l-Kummissjoni kklassifikat l-evalwazzjoni tal-għajnuna inkluża fl-ittra tagħha bħala “provviżorja”. Kieku l-Kummissjoni tkun tista’ tibdel evalwazzjoni li ġiet legalment konkluża f’miżura mingħajr effetti legali sempliċement billi tikklassifika, verbalment, l-evalwazzjoni tagħha bħala “provviżorja”, hija tkun libera li tiddeċiedi meta tadotta deċiżjoni kontestabbli u meta tadotta deċiżjoni inkontestabbli. B’hekk, il-protezzjoni legali effettiva tad-drittijiet individwali ma tkunx iktar possibbli.

It-tielet nett, id-digriet appellat jikser l-Artikolu 265 TFUE, peress li l-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ikkonstatat li l-ittra tad-29 ta’ Lulju 2009 ma setgħetx tiġi kkontestata u, fit-tieni lok, ikkonstatat b’mod żbaljat li l-kundizzjonijiet sabiex jiġi ppreżentat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ma ġewx sodisfatti. Konsegwentement, l-appellanti ġiet miċħuda mid-drittijiet kollha tagħha għal protezzjoni legali.

Fl-aħħar nett, id-digriet jonqos diversi drabi milli jipprovdi raġunijiet xierqa u għalhekk jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali.


Top