EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0113

Kawża C-113/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fl- 1 ta’ Marzu 2012 — Donal Brady vs Environmental Protection Agency

ĠU C 151, 26.5.2012, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 151/18


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda) fl-1 ta’ Marzu 2012 — Donal Brady vs Environmental Protection Agency

(Kawża C-113/12)

2012/C 151/31

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Supreme Court, l-Irlanda

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Donal Brady

Konvenuta: Environmental Protection Agency

Domandi preliminari

Fin-nuqqas ta’ interpretazzjoni definittiva tat-tifsira ta’ “skart” għall-iskopijiet tal-liġi tal-Unjoni, jista’ Stat Membru taħt il-liġi nazzjonali jimponi l-obbligu fuq produttur tad-demel likwidu tal-ħnieżer li jistabbilixxi li dan id-demel ma huwiex skart, jew dak li huwa skart għandu jiġi ddeterminat b’referenza għal kriterji oġġettivi tat-tip kif jissemmew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:

(1)

Jekk dak li huwa skart għandu jiġi ddeterminat b’referenza għal kriterji oġġettivi tat-tip kif jissemmew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, x’livell ta’ ċertezza huwa neċessarju għall-użu mill-ġdid tad-demel likwidu tal-ħnieżer li l-liċenzjat jiġbor u jaħżen jew li jista’ jaħżen għal iktar minn 12-il xahar, sakemm jiġi ttrasferit lill-utenti?

(2)

Jekk id-demel likwidu tal-ħnieżer huwa skart, jew jiġi kkunsidrat li huwa skart skont l-applikazzjoni tal-kriterji xierqa, huwa legali għal Stat Membru li jimponi fuq il-produttur tiegħu — li dan ma jużahx fuq l-artijiet tiegħu, iżda jiddisponi minnu lejn sidien ta’ artijiet terzi għall-użu bħala fertilizzant fuq dawk l-istess artijiet ta’ partijiet terzi — responsabbiltà personali għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni minn dawk l-utenti rigward il-kontroll tal-iskart u/jew fertilizzanti, sabiex jiġi żgurat li l-użu tad-demel likwidu tal-ħnieżer permezz tat-tixrid fuq l-art minn partijiet terzi ma jwassalx għal riskju ta’ tniġġis ambjentali sinjifikattiv?

(3)

Id-demel likwidu tal-ħnieżer imsemmi qabel huwa eskluż mill-portata tad-definizzjoni ta’ “skart” permezz tal-Artikolu 2(1)(b)(iii) tad-Direttiva 75/442/KEE (1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156 (2), minħabba li huwa “diġà [kopert] b’liġijiet oħra”, u b’mod partikolari mid-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (3), f’ċirkustanzi fejn, meta nħarġet il-liċenzja, l-Irlanda ma kinitx ittrasponiet id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, ebda leġiżlazzjoni nazzjonali oħra ma kienet tikkontrolla t-tixrid fuq l-art tad-demel likwidu tal-ħnieżer bħala fertilizzant, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1774/2002 (4) ma kienx għadu ġie adottat dak iż-żmien?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, li temenda d-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68).

(4)  Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Ottubru 2002, li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 37, p. 92).


Top