Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0574(01)

An error occurred. Please try refreshing the page. If the error persists, please contact us.

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 2004/18/KE — Għoti tal-kuntratt mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti (għoti msejjaħ ‘in house’) — Persuna li tingħata l-kuntratt ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti — Ċentru ta’ provvista ta’ servizzi ta’ assistenza u ta’ sostenn fl-isptarijiet — Assoċjazzjoni ta’ utilità pubblika u mingħajr skop ta’ lukru — Maġġoranza tal-membri magħmula minn awtoritajiet kontraenti — Minoranza tal-membri magħmula minn entitajiet irregolati mid-dritt privat, assoċjazzjonijiet tal-karità mingħajr skop ta’ lukru — Attività mwettqa tal-inqas għal 80 % tad-dħul mill-bejgħ annwali favur il-membri”

Fil-Kawża C‑574/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

Centro Hospitalar de Setúbal EPE,

Serviço de Utilização Comum dos Hospitais (SUCH)

vs

Eurest (Portugal) – Sociedade Europeia de Restaurantes Lda,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għaċ-Centro Hospitalar de Setúbal EPE, minn M. Real Martins u S. Alves Ribeiro, avukati,

għas-Serviço de Utilização Comum dos Hospitais (SUCH), minn M. Claro, avukat,

għal Eurest (Portugal) – Sociedade Europeia de Restaurantes Lda, minn M. Lucas Rodrigues, avukat,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u A. Navegas, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso kif ukoll minn A. Tokár u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Frar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi permezz ta’ għoti msejjaħ “in house” mingħajr l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Centro Hospitalar de Setúbal EPE (sptar ta’ Setúbal, iktar ’il quddiem is-“CHS”) u s-Serviço de Utilização Comum dos Hospitais (servizz ta’ użu komuni minn sptarijiet, iktar ’il quddiem is-“SUCH”) u Eurest (Portugal) – Sociedade Europeia de Restaurantes Lda (iktar ’il quddiem “Eurest”) dwar ir-regolarità tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku mogħti direttament mis-CHS lis-SUCH.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/18

3

Id-Direttiva 2004/18 tistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv applikabbli għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti.

4

Il-premessa 4 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi:

“Stati Membri għandhom jassiguraw illi l-parteċipazzjoni ta’ korpi rregolati mill-liġi pubblika bħal dak li jagħmel l-offerta fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jikkawżax tgħawiġ ta’ kompetizzjoni in konnessjoni ma’ dawk li jagħmlu l-offerti privatament.”

5

L-Artikolu 1 tal-istess direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, fil-paragrafu 2(a) tiegħu jipprovdi:

““Kuntratti pubbliċi” huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

6

L-imsemmija direttiva, fl-Artikolu 1(8) tagħha tipprovdi:

“It-termini “kuntrattur”, “fornitur” u “min jipprovdi s-servizz” jfissru kull persuna naturali jew legali jew entità pubblika jew grupp ta’ dawk il-persuni u/jew korpi li joffru fuq is-suq, rispettivament, l-esekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xi xogħol, prodotti, jew servizzi.

It-terminu “operatur ekonomiku” se jkopri ugwalment il-kunċetti tal-kuntrattur, tal-fornitur u ta’ min jipprovdi s-servizz. Huwa wżat biss fl-interess tas-sempliċità.

[…]”

7

L-Artikolu 1(9) jiddefinixxi b’mod iddettaljat l-entitajiet li huma meqjusa bħala awtoritajiet kontraenti u li għandhom, matul il-konklużjoni ta’ kuntratt b’titolu oneruż ma’ operatur ekonomiku, jibdew proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt skont ir-regoli tad-Direttiva 2004/18.

8

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Limiti massimi għal kuntratti pubbliċi”, jistabbilixxi l-livelli tal-valuri meqjusa li minnhom, l-għoti ta’ kuntratt għandu jsir skont ir-regoli ta’ din id-direttiva. Dawn il-livelli jinbidlu b’intervalli regolari permezz ta’ regolamenti tal-Kummissjoni u jiġu aġġustati għaċ-ċirkustanzi ekonomiċi. Fid-data li fiha seħħew il-fatti prinċipali, il-livell li kien jikkonċerna l-kuntratti għal servizzi mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li ma humiex awtoritajiet governattivi ċentrali kien stabbilit għal EUR 193 000 permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1177/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 314, p. 64).

9

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2004/18, li jinsab fit-Titolu II tagħha, fil-Kapitolu III, intitolat “Arranġamenti għal kuntratti ta’ servizz pubbliku”, jipprovdi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II A għandhom jiġu mogħtija skond l-Artikoli 23 sa 55.”

10

Skont l-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva, li jagħmel parti mill-istess Kapitolu III tagħha:

“Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II B għandhom ikunu suġġetti biss għall-Artikolu 23 u l-Artikolu 35(4).”

11

Fl-Anness II B tad-Direttiva 2004/18, taħt il-kategorija 17, jinsabu s-“Servi[zz]i tal-lukandi u r-restoranti”.

L-għoti ta’ kuntratt mingħajr l-applikazzjoni tal-proċeduri stabbiliti bid-Direttiva 2004/18 – Għoti msejjaħ “in house”

12

Il-kundizzjonijiet ta’ tali għoti ġew stabbiliti u żviluppati bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qieset li s-sejħa għal offerti permezz ta’ proċedura skont id-Direttiva 2004/18 ma hijiex obbligatorja fl-ipoteżi fejn, fl-istess waqt, l-awtorità kontraenti teżerċita fuq persuna, ġuridikament distinta minnha, kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn din il-persuna twettaq l-essenzjal tal-attività tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teckal, C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 50).

13

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-parteċipazzjoni, għalkemm żgħira, ta’ impriża privata fil-kapital ta’ kumpannija li fiha tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti inkwistjoni teskludi, fi kwalunkwe każ, li din l-awtorità kontraenti tkun tista’ teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħa stess, peress li kull investiment ta’ kapital privat f’impriża jsegwi kunsiderazzjonijiet proprji għall-interessi privati u jħaddan għanijiet ta’ natura differenti minn dawk li huma ta’ interess pubbliku (ara s-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, C‑26/03, EU:C:2005:5, punti 49 u 50).

Id-dritt Portugiż

14

Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Portugiż permezz tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, approvat bid-Digriet Liġi Nru 18/2008, tad-29 ta’ Jannar 2008, kif emendat u ppubblikat mill-ġdid fl-Anness tad-Digriet Liġi Nru 287/2009, tat-2 ta’ Ottubru 2009 (Diário da República, l-ewwel serje, Nru 192, tat-2 ta’ Ottubru 2009, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi”).

15

B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif imfakkra fiż-żewġ punti 12 u 13 tas-sentenza preżenti, l-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi huwa fformulat kif ġej:

“Il-Parti II ta’ dan il-Kodiċi ma għandu japplika lanqas għall-għoti ta’ kuntratti, irrispettivament mis-suġġett tagħhom, mill-awtoritajiet kontraenti ma’ entità, jekk:

a)

l-awtorità kontraenti teżerċita fuq l-attività tagħha, individwalment jew flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha, u

b)

din l-entità twettaq l-essenzjal tal-attività tagħha favur awtorità jew awtoritajiet li jeżerċitaw fuqha l-kontroll analogu għal dak imsemmi fil-punt ta’ qabel dan.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fis-27 ta’ Lulju 2011, is-CHS, li huwa sptar pubbliku, ikkonkluda flimkien mas-SUCH kuntratt dwar il-provvista, minn dan tal-aħħar, ta’ ikliet lill-pazjenti u lill-persunal tas-CHS (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-2011”). Dan il-protokoll jikkonċerna kuntratt għal servizzi mogħti direttament lis-SUCH, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ għoti previsti bid-Direttiva 2004/18, b’teħid inkunsiderazzjoni, skont il-partijiet kontraenti, tar-relazzjoni “in house” eżistenti bejnu u l-isptarijiet pubbliċi, li huma fost il-membri tiegħu, u intiż li jissodisfa l-bżonnijiet ta’ dawn tal-aħħar permezz ta’ mezzi interni.

17

Il-Protokoll tal-2011 jirrigwarda l-perijodu ta’ mill-10 ta’ Awwissu 2011 sad-9 ta’ Awwissu 2016 u dan jiġġedded. L-ammont annwali tiegħu huwa ta’ EUR 1 295 289 fuq total ta’ EUR 6 476 445 għall-ħames snin tat-tul tal-kuntratt.

18

Kif jirriżulta mill-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-SUCH inħoloq permezz tad-Digriet Liġi Nru 46/668, tal-24 ta’ Novembru 1965. L-istatuti tiegħu ġew approvati f’Ottubru 2010 mis-Segretarju tal-Istat għas-Saħħa. Skont l-Artikolu 2 ta’ dawn l-istatuti, is-SUCH huwa assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li għandha l-għan li twettaq missjoni ta’ servizz pubbliku. Dan huwa strument li jippermetti li jissodisfa, b’mod intern, il-bżonnijiet tal-membri tiegħu u, għal dan l-għan, dan huwa obbligat li jieħu r-responsabbiltà tal-inizjattivi li jistgħu jtejbu l-kapaċità u l-effikaċja tal-funzjonament ta’ dawn tal-aħħar billi jippermetti l-ekonomija fil-kobor u, għaldaqstant, li jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-sistema finanzjarja tas-servizz nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

19

Skont l-Artikolu 7 tal-istatuti tas-SUCH, jistgħu jkunu membri ta’ dan tal-aħħar entitajiet li jaqgħu kemm taħt is-settur pubbliku kif ukoll taħt is-settur soċjali, jiġifieri istituzzjonijiet ta’ solidarjetà soċjali mingħajr skop ta’ lukru, inklużi d-dipartimenti u l-istituzzjonijiet tal-Ministeru għas-Saħħa kif ukoll ta’ ministeri oħra. Barra minn hekk, is-SUCH għandu jiżgura li l-maġġoranza tad-drittijiet tal‑vot fl-Assemblea Ġenerali jkunu jinsabu għand il-membri pubbliċi li huma suġġetti għas-setgħat ta’ direzzjoni, ta’ superviżjoni u ta’ tutela tal-membru tal-gvern inkarigat mill-qasam tas-saħħa.

20

L-Artikolu 5 tal-istatuti tas-SUCH barra minn hekk jipprevedi li dan tal-aħħar jista’ wkoll, fil-kuntest ta’ sistema ta’ kompetizzjoni u ta’ suq, jipprovdi servizzi lil entitajiet pubbliċi li ma humiex membri tiegħu jew lil entitajiet privati, nazzjonali jew barranin, peress li dan ma jikkawżax preġudizzju lill-interessi tal-membri tiegħu u huwa ta’ vantaġġ għal dawn tal-aħħar u għas-SUCH kemm fuq il-livell ekonomiku kif ukoll fil-qasam tal-valorizzazzjoni teknoloġika. Il-provvista ta’ tali servizzi għandha, madankollu, tkun ta’ natura anċillari fil-kuntest tal-attività tas-SUCH u ma għandhiex tirrappreżenta volum ta’ fatturat ta’ iktar minn 20 % tad-dħul mill-bejgħ annwali globali tagħha tas-sena preċedenti.

21

Fid-data tal-konklużjoni tal-Protokoll tal-2011, is-SUCH kellu 88 membru, fosthom 23 istituzzjoni privata ta’ solidarjetà soċjali, kollha mingħajr skop ta’ lukru, li minnhom 20 huma istituzzjonijiet tal-karità (“Misericórdias”).

22

Eurest, kumpannija attiva fis-settur tal-provvista ta’ servizzi bħal dawk li jirrigwarda l-Protokoll tal-2011, ippreżentat azzjoni intiża għall-annullament tiegħu quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Almada. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Jannar 2012, din il-qorti ddikjarat il-Protokoll tal-2011 null, minħabba l-fatt li, bejn is-CHS u s-SUCH ma teżisti ebda relazzjoni ta’ kontroll li tista’ tiġġustifika l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni permezz ta’ għoti dirett.

23

F’dan ir-rigward, din il-qorti bbażat ruħha fuq sentenza tat-Tribunal de Contas (Qorti tal-Awdituri), li ddeċidiet li, minkejja l-emendi fl-istatuti tas-SUCH, in-numru ta’ membri mhux pubbliċi ta’ dan tal-aħħar, l-awtonomija wiesgħa tiegħu u l-indipendenza tiegħu mill-awtoritajiet pubbliċi, id-dinamika konkreta tal-funzjonament tal-Bord tal-Amministrazzjoni tiegħu u l-fatt li dan huwa impriża ta’ daqs u ta’ kumplessità notevoli, ma kinux jippermettu li jitqies li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi kienu ssodisfatti. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata minn sentenza, f’seduta plenarja, tat-Tribunal de Contas tat-3 ta’ Lulju 2012.

24

Is-CHS u s-SUCH appellaw id-deċiżjoni tat-Tribunal Administrativo e Fiscal de Almada quddiem it-Tribunal Central Administrativo do Sul, li, permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ April 2012, ċaħad dan l-appell u kkonferma d-deċiżjoni kkontestata, billi bbaża ruħu fuq il-motivazzjoni segwita mit-Tribunal de Contas fis-sentenza tiegħu msemmija iktar ’il fuq. Wara din iċ-ċaħda, is-CHS u s-SUCH ippreżentaw rikors għal reviżjoni quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo, billi tennew l-argumentazzjoni tagħhom dwar l-eżistenza ta’ relazzjoni interna bejn is-SUCH u l-isptarijiet pubbliċi, li huma l-membri ta’ maġġoranza tiegħu.

25

Is-Supremo Tribunal Administrativo tirrileva li sptar pubbliku, bħalma huwa s-CHS, fil-kwalità tiegħu ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, hija awtorità kontraenti u li l-kuntratt konkluż b’titolu oneruż mas-SUCH, entità distinta mill-awtorità kontraenti, jikkostitwixxi kuntratt pubbliku għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2004/18. Għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk dan il-kuntratt setax jiġi mogħti b’mod dirett, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-“kontroll analogu”, meħtieġ għal dan l-għan mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jiġi eżerċitat fuq il-persuna li tingħata l-kuntratt flimkien ma’ diversi awtoritajiet kontraenti u li dan il-kontroll jinvolvi setgħa effettiva ta’ intervent tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kontraenti mhux biss fuq id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-persuna li tingħata l-kuntratt iżda wkoll fuq il-ġestjoni ordinarja tagħha.

26

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li n-natura ġuridika partikolari tas-SUCH, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan tal-aħħar jinkludi wkoll istituzzjonijiet privati ta’ solidarjetà soċjali fost il-membri tiegħu, tqajjem kwistjonijiet ġodda fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau (EU:C:2005:5). Għaldaqstant hija tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza tippresupponix li l-impriża privata li tipparteċipa fil-kapital ta’ kumpannija li fiha tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti għandha neċessarjament ikollha skop ta’ lukru.

27

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll, fid-dawl tal-kritiki fformulati mit-Tribunal de Contas, jekk il-kundizzjoni li tirrigwarda l-“kontroll analogu” hijiex issodisfatta f’dan il-każ b’teħid inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ membri mhux pubbliċi tas-SUCH, tan-natura tat-tutela eżerċitata fuq dan tal-aħħar mill-awtoritajiet kontraenti li huma membri tiegħu kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi, tad-daqs tiegħu u tal-kumplessità tal-funzjonament tiegħu, kif ukoll tal-possibbiltà eventwali li huwa għandu sabiex jaġixxi b’mod awtonomu fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi.

28

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri l-ħtieġa li l-entità inkwistjoni twettaq l-essenzjal tal-attività tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont din il-ġurisprudenza, il-persuna li tingħata l-kuntratt għandha taġixxi bħala operatur li jiddedika ruħu b’mod esklużiv, jew kważi b’mod esklużiv, għall-issodisfar tal-bżonnijiet tal-awtorità jew l-awtoritajiet kontraenti u li kull attività oħra għandha tkun marġinali. Għalhekk hija tistaqsi jekk il-kundizzjoni tkunx issodisfatta jekk entità bħalma huwa s-SUCH ikollha l-possibbiltà li tipprovdi servizzi, fil-kuntest ta’ sistema ta’ kompetizzjoni, lil entitajiet terzi sa 20 % tad-dħul mill-bejgħ annwali globali tagħha tas-sena preċedenti.

29

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li hija msejħa tagħti deċiżjoni fl-aħħar istanza, is-Supremo Tribunal Administrativo ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-fatt li sptar pubbliku jagħti, mingħajr ma jsegwi l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti prevista bil-liġi għall-kuntratt inkwistjoni, lil assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru li magħha dan huwa assoċjat u li l-għan tagħha huwa t-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku fil-qasam tas-saħħa sabiex titjieb l-effikaċja u l-effiċjenza tal-imsieħba [membri] tagħha, kuntratt għas-servizzi relattivi għall-ikel f’ambjent ta’ sptar li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha, u b’hekk jittrasferixxi lil dik l-assoċjazzjoni r-responsabbiltà tal-funzjonijiet tiegħu f’dan il-qasam, huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-qasam tal-għoti intern ta’ kuntratti jekk, skont l-istatuti, din l-assoċjazzjoni jista’ jkollha bħala msieħba mhux biss entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku, iżda wkoll għas-settur soċjali u fid-data tal-għoti tal-kuntratt, l-entitajiet tas-settur soċjali kienu rrappreżentati minn 23 istituzzjoni privata ta’ solidarjetà soċjali (IPSS), kollha kemm huma mingħajr skop ta’ lukru, fosthom istituzzjonijiet karitattivi, minn total ta’ 88 membru?

2)

Jista’ jitqies li, għad-deċiżjonijiet tiegħu, dak li ngħata l-kuntratt jinsab f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni meta mqabbel mal-imsieħba pubbliċi, sa fejn dawn tal-aħħar jeżerċitaw, b’mod iżolat jew b’mod konġunt, kontroll analogu għal dak li huma jeżerċitaw għad-dipartimenti tagħhom stess jekk, b’konformità mal-istatuti, dak li jingħata l-kuntratt għandu jiżgura li l-maġġoranza tad-drittijiet ta’ vot jappartjenu lill-imsieħba li jagħmlu parti u li huma soġġetti għas-setgħa ta’ direzzjoni, ta’ superviżjoni u ta’ tutela tal-membru tal-gvern inkarigat mill-qasam tas-saħħa u li l-Bord tal-Amministrazzjoni tiegħu ukoll ikun kompost, fil-maġġor parti tiegħu, minn imsieħba pubbliċi?

3)

Il-kundizzjoni dwar il-“kontroll analogu” tista’ titqies bħala sodisfatta fid-dawl tal-ġurisprudenza Komunitarja li tikkonċerna l-għoti intern ta’ kuntratti meta, b’konformità mal-istatuti, dak li jingħata l-kuntratt huwa suġġett għas-setgħat ta’ tutela tal-membru tal-gvern inkarigat mill-qasam tas-saħħa li għandu jinnomina l-President u l-Viċi President tal-Bord tal-Amministrazzjoni, japprova d-deliberazzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar is-self li jinvolvi dejn nett ta’ 75 % jew iktar tal-kapital tiegħu irreġistrat għas-sena preċedenti, japprova d-deliberazzjonijiet dwar l-emendi tal-istatuti, japprova d-deliberazzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali dwar ix-xoljiment ta’ dak li jingħata l-kuntratt, kif ukoll jiddetermina d-destinazzjoni tal-beni tiegħu f’każ ta’ xoljiment?

4)

Il-fatt li dak li jingħata l-kuntratt huwa organizzazzjoni ta’ daqs kbir u kumplessa, li taġixxi fit-territorju Portugiż kollu u li għandha bħala msieħba d-dipartimenti u l-istituzzjonjiet kollha tas-Serviço Nacional de Saúde, inklużi l-ikbar sptarijiet tal-pajjiż, li għandha dħul mill-bejgħ previst ta’ madwar EUR 90 miljun, li għandha attività li tkopri diversi oqsma ta’ attività kumplessi, li għandha indikaturi ta’ attivit[à] kbar ħafna, u li għandha iktar minn 3300 impjegat, li tipparteċipa f’żewġ gruppi addizzjonali ta’ impriżi u f’żewġ kumpanniji kummerċjali, jippermetti li tikklasifika r-relazzjoni bejnha u bejn l-imsieħba pubbliċi tagħha bħala għoti purament intern jew “in-house”?

5)

Il-fatt li dak li jingħata l-kuntratt jista’, b’konformità mal-istatuti, jipprovdi servizzi, fuq bażi kompetittiva, lil entitajiet pubbliċi li ma humiex imsieħba jew lil entitajiet privati, nazzjonali jew barranin (i) ladarba dan ma jikkawża ebda preġudizzju lill-imsieħba [u dan ikun ta’ vantaġġ għalihom u għall-entità li tingħata l-kuntratt], kemm fuq il-livell ekonomiku kif ukoll fil-qasam ta’ arrikkiment u ta’ valorizzazzjoni teknoloġika u ii) ladarba l-provvista ta’ dawn is-servizzi ma tirrappreżentax volum ta’ ħruġ ta’ fatturi ta’ iktar minn 20 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha annwali globali tas-sena preċedenti, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-kundizzjoni dwar l-għoti intern, b’mod partikolari l-kundizzjoni dwar l-“iskop essenzjali tal-attività” meħtieġa mill-Artikolu 5(2)(b) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi, hija sodisfatta?

6)

Jekk ir-risposta għal kwalunkwe waħda minn dawn id-domandi ta’ hawn fuq ma hijiex, fiha nnifisha, biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi humiex sodisfatti jew le fid-dawl tal-ġurisprudenza Komunitarja dwar l-għoti intern ta’ kuntratti, l-evalwazzjoni konġunta ta’ dawn ir-risposti tippermetti li jiġi konkluż li jeżisti dan it-tip ta’ għoti?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjoni preliminari

30

Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, skont il-Kapitolu III tat-Titolu II tad-Direttiva 2004/18, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha tvarja skont il-kategorija ta’ servizzi inkwistjoni. Skont l-informazzjoni li tinsab fil-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li s-servizzi li l-Protokoll tal-2011 jirrigwarda jaqgħu taħt l-Anness II B ta’ din id-direttiva.

31

Tali evalwazzjoni taqa’, madankollu, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju abbażi tal-elementi fattwali tal-kawża li hija tinsab adita biha u, fi kwalunkwe każ, hija la tista’ tinfluwenza l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 bħala tali u lanqas ma tista’ tinfluwenza l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni li tikkonċerna t-tranżazzjonijiet “in house” meta l-kundizzjonijiet previsti f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu ssodisfatti.

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kundizzjoni li tirrigwarda l-“kontroll analogu”, stabbilita bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jkun jista’ jitqies bħala operazzjoni “in house” u sabiex dan ikun għalhekk jista’ jingħata b’mod dirett, mingħajr ma ssir applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, tiġix issodisfatta meta l-persuna li tingħata l-kuntratt tkun assoċjazzjoni ta’ utilità pubblika mingħajr skop ta’ lukru li, skont l-istatuti tagħha, jista’ jkollha bħala membri mhux biss entitajiet tas-settur pubbliku, iżda wkoll istituzzjonijiet privati ta’ solidarjetà soċjali li jeżerċitaw attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru u li, fid-data tal-għoti tas-suq, dawn tal-aħħar kienu jikkostitwixxu parti importanti, għalkemm minoranza, tan-numru ta’ membri tal-assoċjazzjoni li tingħata l-kuntratt.

33

F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jitfakkar li l-fatt li l-persuna li tingħata l-kuntratt tkun ikkostitwita fil-forma ġuridika ta’ assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat u li hija mingħajr skop ta’ lukru ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u, konsegwentement, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-operazzjonijiet “in house”. Fil-fatt, tali ċirkustanza ma teskludix li l-entità li tingħata l-kuntratt tkun tista’ teżerċita attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Sea, C‑573/07, EU:C:2009:532, punt 41, u CoNISMa, C‑305/08, EU:C:2009:807, punt 45).

34

Hemm lok li jiġi rrilevat, sussegwentement, li l-kwistjoni li tqum essenzjalment f’dan il-każ hija dik li wieħed isir jaf jekk il-ġurisprudenza li rriżultat mis-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau (EU:C:2005:5) tapplikax, peress li s-SUCH ma huwiex ikkostitwit fil-forma ta’ kumpannija u għaldaqstant ma għandux kapital azzjonarju u li l-membri ta’ dan tal-aħħar li jaqgħu taħt is-settur soċjali ma humiex impriżi skont il-kliem użat fl-imsemmija sentenza.

35

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-eċċezzjoni li tikkonċerna l-għoti “in house” hija bbażata fuq l-approċċ li, f’tali każijiet, l-awtorità pubblika kontraenti tista’ titqies bħala li tagħmel użu mill-mezzi tagħha stess sabiex twettaq il-kompiti tagħha ta’ interess pubbliku.

36

Waħda mir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-konklużjonijiet stabbiliti fis-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau (EU:C:2005:5) kienet ibbażata mhux fuq il-forma ġuridika tal-entitajiet privati li jagħmlu parti mill-entità li ngħatat il-kuntratt u lanqas fuq l-għan kummerċjali ta’ dawn tal-aħħar, iżda fuq il-fatt li dawn l-entitajiet privati jsegwu kunsiderazzjonijiet proprji għall-interessi privati tagħhom, li kienu ta’ natura differenti minn dik tal-għanijiet ta’ interess pubbliku segwiti mill-awtorità kontraenti. Għal din ir-raġuni, din tal-aħħar ma setgħetx teżerċita fuq dak li ngħata l-kuntratt kontroll analogu għal dak li hija kienet teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, EU:C:2005:5, punti 49 u 50).

37

Fid-dawl taċ-ċirkustanza, imqajma mill-qorti tar-rinviju, li s-SUCH hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru u l-membri privati, li kienu jagħmlu parti minn dik l-assoċjazzjoni fil-mument tal-għoti tal-kuntratt inwistjoni fil-kawża prinċipali, kienu istituzzjonijiet privati ta’ solidarjetà soċjali, kollha kemm huma wkoll mingħajr skop ta’ lukru, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Stadt Halle et RPL Lochau (EU:C:2005:5), għamlet riferiment għal kunċetti bħalma huma dawk ta’ “impriża” u ta’ “kapital azzjonarju” huwa dovut għaċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża li wasslet għal dik is-sentenza u ma jfissirx li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tillimita l-konklużjonijiet tagħha biss għall-każijiet tal-parteċipazzjoni, fl-entità li tingħata l-kuntratt, ta’ impriżi kummerċjali bi skop ta’ lukru.

38

Raġuni oħra li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-konklużjonijiet adottati fis-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau (EU:C:2005:5) hija li l-għoti dirett ta’ kuntratt jagħti lill-entità privata preżenti fi ħdan l-entità li tingħata l-kuntratt vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, EU:C:2005:5, punt 51).

39

Fil-kawża prinċipali, il-membri privati tas-SUCH għandhom interessi u għanijiet li, minkejja li jkunu pożittivi minn perspettiva soċjali, huma ta’ natura differenti minn dik tal-għanijiet ta’ interess pubbliku segwiti mill-awtoritajiet kontraenti li fl-istess waqt huma membri tas-SUCH.

40

Barra minn hekk, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma huwiex eskluż li l-membri privati tas-SUCH, minkejja l-istatus tagħhom ta’ istituzzjonijiet ta’ solidarjetà soċjali li jeżerċitaw attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru, jistgħu jeżerċitaw attività ekonomika f’kompetizzjoni ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn. Konsegwentement, l-għoti dirett ta’ kuntratt lis-SUCH ikun jista’ jagħti lill-membri privati ta’ dan tal-aħħar vantaġġ kompetittiv.

41

Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-adozzjoni tal-konklużjonijiet esposti fil-punti 36 u 38 tas-sentenza preżenti wkoll huma validi f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali.

42

Iċ-ċirkustanza li l-parteċipazzjoni ta’ membri privati fl-entità li ngħatat il-kuntratt hija biss waħda minoritarja ma tistax tikkontesta dawn il-konklużjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, EU:C:2005:5, punt 49).

43

Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat li l-fatt li, skont l-istatuti tiegħu, is-SUCH kellu biss il-fakultà li jilqa’ fost il-membri tiegħu lil entitajiet privati ma huwiex, bħala prinċipju, rilevanti. L-element rilevanti f’dan il-każ huwa li, matul l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-SUCH kien effettivament magħmul mhux biss minn membri pubbliċi, iżda wkoll minn entitajiet tas-settur privat.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, meta l-persuna li tingħata kuntratt pubbliku tkun assoċjazzjoni ta’ utilità pubblika mingħajr skop ta’ lukru li, waqt l-għoti ta’ dan il-kuntratt, kellha fost il-membri tagħha mhux biss entitajiet tas-settur pubbliku, iżda wkoll istituzzjonijiet privati ta’ solidarjetà soċjali li jeżerċitaw attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-“kontroll analogu”, stabbilita bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jkun jista’ jitqies bħala operazzjoni “in house”, ma tkunx issodisfatta, b’mod li d-Direttiva 2004/18 tkun applikabbli.

Fuq it-tieni sas-sitt domandi

45

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda preliminari, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Meta l-entità li tingħata kuntratt pubbliku tkun assoċjazzjoni ta’ utilità pubblika mingħajr skop ta’ lukru li, waqt l-għoti ta’ dan il-kuntratt, kellha fost il-membri tagħha mhux biss entitajiet tas-settur pubbliku, iżda wkoll istituzzjonijiet privati ta’ solidarjetà soċjali li jeżerċitaw attivitajiet mingħajr skop ta’ lukru, il-kundizzjoni li tirrigwarda l-“kontroll analogu”, stabbilita bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex l-għoti ta’ kuntratt pubbliku jkun jista’ jitqies bħala operazzjoni “in house”, ma tkunx issodisfatta, b’mod li d-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], tkun applikabbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top