EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0561

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Diċembru 2013.
Nordecon AS u Ramboll Eesti AS vs Rahandusministeerium.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus.
Kuntratti pubbliċi – Proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt – Possibbiltà, għall-awtorità kontraenti, li tinnegozja offerti li ma humiex konformi mar-rekwiżiti imperattivi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kuntratt.
Kawża C‑561/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:793

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

5 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi — Proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt — Possibbiltà, għall-awtorità kontraenti, li tinnegozja offerti li ma humiex konformi mar-rekwiżiti imperattivi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kuntratt”

Fil-Kawża C‑561/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

Nordecon AS,

Ramboll Eesti AS

vs

Rahandusministeerium,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský, A. Prechal u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nordecon AS, minn A. Ots,

għall-Gvern Estonjan,, minn M. Linntam u N. Grünberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u L. Naaber-Kivisoo, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Nordecon AS, aventi kawża ta’ Nordecon Infra AS (iktar ’il quddiem “Nordecon”), u Ramboll Eesti AS (iktar ’il quddiem “Ramboll Eesti”) kontra r-Rahandusministeerium (Ministeru tal-Finanzi), dwar l-annullament ta’ proċedura nnegozjata ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1(11)(d) tad-Direttiva 2004/18 jipprovdi:

“‘Proċeduri nnegozjati’ tfisser dawk il-proċeduri li bihom l-awtoritajiet kuntrattwali jikkonsultaw ma’ l-operaturi ekonomiċi ta’ l-għażla tagħhom u jinnegozjaw it-termini tal-kuntratt ma’ wieħed jew aktar minn dawn.

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ assenjar ta’ kuntratti”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet kuntrattwali se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”

5

L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, intitolat “Speċifikazzjonijiet Tekniċi”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   L-ipeċifikazzjonijiet Tekniċi kif definiti f’punt 1 ta’ l-Anness VI għandhom ikunu mniżżlin fid-dokumentazzjoni tal-kuntratt, bħal avviżi ta’ kuntratt, dokumenti ta’ kuntratt jew dokumenti addizzjonali [...]

2.   Speċifikazzjonijiet Tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali għal dawk li jixħtu l-offerti u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu ostakli mhux ġustifikati għal ftuħ ta’ disposizzjoni pubbliku għal kompetizzjoni.”

6

L-Artikolu 24 tal-istess direttiva, intitolat “Varjanti”, jipprovdi fil-paragrafi (1) sa (4) tiegħu:

“1.   Fejn il-kriterju għal għoti huwa dak ta’ l-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jawtorizzaw lil dawk li jixħtu l-offerti biex jissottomettu xi varjanti.

2.   Awtoritajiet kontrattwanti għandhom jindikaw fl-avviż tal-kuntratt jekk jawtorizzawx jew le xi varjanti: varjanti m’għandhomx ikunu awtorizzati mingħajr din l-indikazzjoni.

3.   Awtoritajiet kontrattwanti li jawtorizzaw xi varjanti għandhom issemmu fid-dokumenti tal-kuntratt il-ħtiġijiet minimi xierqa għall-varjanti u kull ħtiġijiet speċifiċi għall-preżentazzjoni tagħhom.

4.   Biss xi varjanti xierqa għal ħtiġijiet minimi mniżżlin minn dawn l-awtoritajiet kontrattwanti għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni.

[...]”

7

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Każi li jiġġustifikaw l-użu ta’ proċedura negozjata b’pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt”, jipprovdi fil-paragrafi (1) sa (3) tiegħu:

“1.   Awtoritajiet kontrattwanti jistgħu jagħtu l-kuntratti pubbliċi tagħhom bi proċedura negozjata, wara pubblikazzjoni ta’ avviz ta’ kuntratt, fil-każi li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ offerti irregolari jew is-sottomissjoni ta’ offerti li mhumiex aċċettabli taħt il-disposizzjonijiet nazzjonali kompatibbli ma’ l-Artikoli 4, 24, 25, 27 u Kapitolu VII, bi tweġiba għal proċedura miftuħa jew ristretta jew djalogu kompetittiv sakemm it-termini oriġinali tal-kuntratt ma jkunux mibdula sostanzjalment.

[...]

(b)

f’każi eċċezzjonali, meta in-natura tax-xogħlijiet, fornimenti, jew servizzi jew ir-riskji marbutin magħhom ma jippermettux ifissar ta’ prezzijiet kumplessiv minn qabel;

(ċ)

fil-każ ta’ servizzi, servizzi inter alia fil-kategorija 6 ta’ l-Anness II A, u servizzi intelletwali bħal servizzi, li jinvolvu d-disinn ta’ xogħlijiet, safejn in-natura tas-servizzi li għandhom jkunu provduti hija hekk li speċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jkunx jistgħu jiġu stabbiliti bi preċiżjoni biżżejjed biex jippermettu l-għoti tal-kuntratt bil-għażla ta’ l-aħjar offerta skond ir-regoli li jikkontrollaw proċeduri miftuħa jew ristretti;

[...]

2.   Fil-każi li sar riferiment għalihom f’paragrafu 1, awtoritajiet kontrattwanti għandhom jinnegozjaw ma’ min ikun xeħet l-offerta l-offerti sottomessi minnhom sabiex jadattawhom għal ħtiġijiet li huma jkunu niżżlu fl-avviż tal-kuntratt l-ispeċifikazzjonijiet u dokumenti addizzjonali, jekk ikun hemm, u li jfittxu l-aħjar offerta skond l-Artikolu 53(1).

3.   Matul in-negozjati, awtoritajiet kontrattwanti għandhom jiżguraw trattament ugwali ma’ dawk kollha li jkunu xeħtu l-offerta. Partikolarment, huma m’għandhomx jipprovdu informazzjoni b’mod diskriminatorju li jista’ jagħti lil x’uħud li jkunu xeħtu offerta vantaġġ fuq oħrajn.”

Id-dritt Estonjan

8

L-Artikolu 27(1) tal-Liġi dwar il-kuntratti pubbliċi (riigihangete seadus, iktar ’il quddiem ir-“RHS”) jipprovdi

“Proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt tfisser proċedura għall-għoti ta’ kuntratt li matulha kull persuna kkonċernata tista’ tippreżenta applikazzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura u l-awtorità kontraenti tagħmel proposta ta’ sottomissjoni ta’ offerta lil mill-inqas tliet applikanti, magħżula minnha skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, u tinnegozja l-offerti magħhom, sabiex l-offerti tagħhom jiġu adattati għar-rekwiżiti previsti mill-ispeċifikazzjonijiet u sabiex tintgħażel l-offerta li għandha tiġi aċċettata.”

9

L-Artikolu 31(5) tar-RHS jipprovdi:

“Meta l-awtorità kontraenti tagħti l-kuntratt lill-offerent li ppreżenta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament u meta l-avviż ta’ kuntratt jipprevedi l-possibbiltà li jiġu ppreżentati wkoll soluzzjonijiet alternattivi, minbarra s-soluzzjonijiet li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet kollha previsti mill-avviż ta’ kuntratt u mill-ispeċifikazzjonijiet, hija għandha tindika, fl-ispeċifikazzjonijiet, il-kundizzjonijiet relatati mas-soluzzjonijiet alternattivi u l-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni tagħhom”

10

L-Artikolu 52(1) tar-RHS jipprovdi:

“L-awtorità kontraenti għandha tevalwa s-soluzzjonijiet alternattivi meta hija tagħti l-kuntratt lill-offerenti li jkun ippreżenta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament u meta, fl-avviż ta’ kuntratt, hija tkun awtorizzat il-preżentazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi”

11

L-Artikolu 67(1) tar-RHS jipprovdi:

“L-awtorità kontraenti għandha tiftaħ l-offerti kollha, ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 65(4) ta’ din il-liġi, u għandha tinnegozja mal-offerenti l-offerti sottomessi minnhom sabiex tadattahom, jekk ikun hemm bżonn, għar-rekwiżiti li jinsabu fl-avviż ta’ kuntratt u fl-ispeċifikazzjonijiet u sabiex tagħżel l-offerta li għandha tiġi aċċettata’.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fil-25 ta’ Settembru 2008, il-Maanteeamet (Uffiċċju tat-Toroq) nieda proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt intitolat “Ippjanar u bini tal-parti tat-triq Aruvalla-Kose tal-E263)”.

13

Fil-punti 4.3.1 u 4.7.1 tal-Anness III tal-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien previst li s-centre strip ta’ din il-parti tat-triq kellha tkun 13.5-il metru wiesgħa mill-kilometru 26.6 sal-kilometru 32 u 6 metri wiesgħa mill-kilometru 32 sal-kilometru 40.

14

Fl-20 ta’ Jannar 2010, il-Maanteeamet iddikjara li l-erba’ offerti sottomessi, jiġifieri dawk tal-gruppi Lemminkäinen u Merko, l-offerta komuni ta’ Ehitusfirma Rand ja Tuulberg AS, ta’ Binders SIA u ta’ Insenierbuve SIA, kif ukoll dik tal-grupp Nordecon, kompost minn Nordecon Infra AS u minn Ramboll Eesti, kienu ammissibbli, minkejja l-fatt li l-offerta ta’ dan l-aħħar grupp kienet tipprevedi centre strip ta’ 6 metri wiesgħa għat-tul kollu ta’ din il-parti tat-triq.

15

Matul in-negozjati li segwew is-sottomissjoni ta’ dawn l-offerti, il-Maanteeamet, permezz ta’ ittra tas-26 ta’ April 2010, ippropona lill-offerenti ħlief lill-grupp Nordecon jemendaw il-wisa’ tas-centre strip indikata fl-offerti inizjali u jiffissawha għal 6 metri għat-tul kollu tal-parti tat-triq ikkonċernata, kif kien ippropona l-grupp Nordecon. Wara negozjati mal-offerenti kollha, dawn tal-aħħar, sas-27 ta’ Mejju 2010, data ffissata mill-awtorità kontraenti, issottomettew l-offerti tagħhom, wara li kkoreġew il-prezzijiet minħabba l-emenda mitluba.

16

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Ġunju 2010, il-Maanteeamet rispettivament iddikjara li l-offerti kollha kienu ammissibbli u għażel l-offerta komuni tal-grupp Lemminkäinen, li kienet dik li l-prezz tagħha kien l-iktar wieħed baxx.

17

Fil-21 ta’ Lulju 2010, wara kontestazzjoni minn Nordecon Infra AS, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ġew annullati mill-Kummissjoni tal-Kontestazzjonijiet tar‑Rahandusministeerium, li qieset li, fi proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, in-negozjati mibdija mill-awtorità kontraenti ma setgħux jikkonċernaw elementi li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti b’mod ċar u preċiż fid-dokumenti ta’ bażi tal-kuntratt, bħal dawk relatati mal-wisa’ taċ-ċentre strip. Fis-27 ta’ Settembru 2010, id-Direttur Ġenerali tal-Maanteeamet ċaħad l-offerta komuni tal-grupp Lemminkäinen u għażel dik tal-grupp Nordecon, peress li din l-offerta kienet tipproponi l-iktar prezz baxx, wara dik tal-ewwel wieħed minn dawn il-gruppi.

18

Wara talba għal annullament imressqa mill-grupp Merko, ir-Rahandusministeerium, permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2010, annulla l-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod partikolari minħabba li l-awtorità kontraenti kienet illegalment iddikjarat ammissibbli l-offerta tal-grupp Nordecon u kienet għażlitha, li kienet tinkludi soluzzjoni alternattiva li ma kinitx permessa mill-avviż ta’ kuntratt, u minħabba li n-negozjati mibdija mill-awtorità kontraenti ma setgħux jikkonċernaw elementi li kienu jikkorrispondu għar-rekwiżiti fformulati b’mod ċar u mhux ekwivoku fid-dokumenti ta’ bażi, bħala dawk relatati mal-wisa’ tas-centre strip tal-parti tat-triq ikkonċernata.

19

Nordecon, li, sa dak iż-żmien saret l-aventi kawża ta’ Nordecon Infra AS, u Ramboll Eesti ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tallina halduskohus (Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn), li, permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2011, ċaħdet dan ir-rikors. Skont din il-qorti, l-offerta tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien imissha ġiet iddikjarata inammissibbli, peress li, bi ksur tal-Artikoli 31(5) u 52 tar-RHS, l-avviż ta’ kuntratt ikkonċernat ma kienx ippreveda l-possibbiltà li jiġu ppreżentati soluzzjonijiet alternattivi u ma kienx ippreveda l-għoti tal-kuntratt lill-offerent li jippreżenta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, iżda li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prezz l-iktar baxx. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, in-negozjati jistgħu jikkonċernaw biss aspetti li ma humiex iddefiniti fil-mument tas-sottomissjoni tal-offerta jew li ma humiex inklużi fid-dokumenti tal-kuntratt.

20

Dawn iż-żewġ kumpanniji appellaw mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, quddiem it-Tallina ringkonnakohus (Qorti tal-Appell ta’ Tallinn). Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, din l-aħħar qorti kkonfermat din is-sentenza.

21

Fir-rigward tal-punt 8.1 tal-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu l-Maanteeamet kien awtorizza soluzzjonijiet alternattivi, ħlief għall-bini tal-bankina ta’ triq prinċipali (b’mod partikolari tar-rampi), it-Tallina ringkonnakohus kkonstatat li l-avviż ta’ kuntratt la kien ippreveda l-possibbiltà li jiġu ppreżentati soluzzjonijiet alternattivi u lanqas kien ippreveda l-għoti tal-kuntratt lill-offerent li jippreżenta l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Għaldaqstant, il-Maanteeamet kien awtorizza, bi ksur tal-Artikoli 31(5) u 52(1) tar-RHS, il-preżentazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi. Barra minn hekk, l-offerta inizjali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien imissha ġiet miċħuda.

22

Nordecon u Ramboll Eesti ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem ir-Riigikohus (Qorti Suprema), fejn talbu l-annullament tas-sentenza tat-Tallina ringkonnakohus, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida u l-konstatazzjoni tal-illegalità tad-deċiżjoni tar-Rahandusministeerium tas-26 ta’ Ottubru 2010.

23

Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li l-preżentazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi ma kinitx awtorizzata mill-avviż ta’ kuntratt u li l-evalwazzjoni tal-offerti ma kinitx ibbażata fuq il-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament

24

Filwaqt li tammetti li, fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt, jistgħu jiġu nnegozjati, għall-inqas parzjalment, kwistjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti tal-kuntratt huwa suġġett, mingħajr ma hemm lok li jiġi kkunsidrat l-użu ta’ soluzzjonijiet alternattivi, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità kontraenti tistax ukoll tibda negozjati fil-preżenza ta’ offerti mhux konformi mar-rekwiżiti imperattivi tal-ispeċifikazzjonijiet u jekk in-negozjati mibdija għandhomx, għall-inqas, iwasslu sabiex l-offerta magħżula tkun konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti imperattivi.

25

F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/18 iħalli miftuħa l-kwistjoni dwar jekk, waqt tali negozjati, l-offerti jistgħux ukoll jiġu adattati għar-rekwiżiti imperattivi tal-ispeċifikazzjonijet tekniċi. Jekk tali adattament huwa possibbli, hija tistaqsi jekk huwiex possibbli wkoll li jinbdew negozjati abbażi ta’ offerti li, fil-forma inizjali tagħha ma jissodisfawx kompletament dawn ir-rekwiżiti imperattivi. Skont il-qorti tar-rinviju, din id-direttiva ma tirrispondix b’mod ċar għad-domanda dwar jekk l-adattament li jirriżulta minn negożjati għandux iwassal għal konformità totali tal-offerti mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u jekk, sabiex titwettaq din il-konformità, tistax issir ukoll emenda tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mill-awtorità kontraenti.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva [2004/18/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità kontraenti tinnegozja mal-offerenti fir-rigward ta’ offerti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt?

2)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għa[ll-ewwel domanda], l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtorità kontraenti tibdel r-rekwiżiti imperattivi matul in-negozjati wara l-ftuħ tal-offerti, sakemm ma jiġix mibdul l-għan tal-kuntratt pubbliku u sakemm tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament lill-offerenti kollha??

3)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għa[t-tieni domanda], l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li, wara l-ftuħ tal-offerti, tostakola l-bdil tar-rekwiżiti imperattivi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi matul in-negozjati?

4)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għa[ll-ewwel domanda], l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/18 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-awtorità kontraenti tikkunsidra bħala l-aħjar offerta offerta li, wara n-negozjati, ma tkunx konformi mar-rekwiżiti imperattivi tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27

Nordecon, mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, tikkontesta r-rilevanza tad-domandi preliminari billi ssostni li s-soluzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali ma tiddipendix fuq ir-risposti eventwali mogħtija lil dawn id-domandi. B’mod partikolari, hija ssostni li d-domanda prinċipali magħmula mir-Riigikohus, jiġifieri l-ewwel waħda, li magħha huma rrelatati d-domandi l-oħra kollha, ma hijiex rilevanti, peress li n-negozjati ma nbdewx ma’ offerenti li ppreżentaw offerti irregolari. Għaldaqstant, dawn id-domandi huma bbażati fuq preżunzjonijiet żbaljati.

28

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew fuq il-validità ta’ test tal-Unjoni biss abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti tar-rinviju (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1978, Oehlschläger, 104/77, Ġabra p. 791, punt 4, tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, Ġabra. p. I-6845, punt 52, kif ukoll id-digriet tat-8 ta’ Novembru 2012, SKP, C‑433/11, punt 24).

29

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali. Bl-istess mod hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġuridizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jittrattaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata tiddeċiedi fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eckelkamp et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

30

Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq il-mertu fir-rigward ta’ domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma għandha ebda rilevanza mal-fatti attwali tal-kawża prinċipali jew mal-għan tagħha, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li sarulha (sentenza Eckelkamp et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

31

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni li l-awtorità kontraenti nnegozjat offerti mhux konformi mar-rekwiżiti imperattivi tal-ispeċifikazzjonijiet, fatt li ma għandux jiġi kkontestat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, f’dan il-każ, ma rriżultat ebda waħda mill-ipoteżijiet imfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza u li tirrendi possibbli r-rifjut li tingħata deċiżjoni fuq domanda preliminari.

32

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

33

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva jawtorizzax lill-awtorità kontraenti tinnegozja mal-offerenti offerti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt.

34

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/18 jippermetti, f’każijiet speċifiċi, l-użu tal-proċedura nnegozjata sabiex l-offerti sottomessi mill-offerenti jiġu adattati għar-rekwiżiti indikati fl-avviż ta’ kuntratt, fl-ispeċifikazzjonijiet u fid-dokumenti addizzjonali eventwali u sabiex tinstab l-aħjar offerta.

35

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi b’mod ugwali, b’mod mhux diskriminatorju u għandhom jaġixxu bi trasparenza.

36

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-obbligu ta’ trasparenza huwa essenzjalment intiż sabiex jiggarantixxi l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti (sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, punt 25).

37

Għaldaqstant, għalkemm l-awtorità kontraenti għandha setgħa ta’ negozzjazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura nnegozjata, hija xorta waħda meħtieġa tiżgura li r-rekwiżiti tal-kuntratt, li hija rrendiet imperattivi, huma osservati. Jekk dan ma kienx il-każ, il-prinċipju li skontu l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jaġixxu bi trasparenza jkun miksur u l-għan imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma jintlaħaqx.

38

Barra minn hekk, il-fatt li tiġi ammessa l-ammissibbiltà ta’ offerta mhux konformi ma’ kundizzjonijiet imperattivi bil-għan tan-negozzjazzjoni jirrendi totalment inutli l-iffissar ta’ kundizzjonijiet imperattivi fis-sejħa għal offerti u ma jippermettix lill-awtorità kontraenti tinnegozja mal-offerenti fuq bażi komuni għal dawn tal-aħħar, ikkostitwita minn dawn il-kundizzjonijiet, u, għaldaqstant, li tittratahom b’mod ugwali.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/18 ma jawtorizzax lill-awtorità kontraenti tinnegozja mal-offerenti offerti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt.

40

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta fir-rigward tat-tieni sar-raba’ domanda

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], ma jawtorizzax lill-awtorità kontraenti tinnegozja mal-offerenti offerti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.

Top