Välj vilka experimentfunktioner du vill testa

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 62012CJ0553

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-17 ta’ Lulju 2014.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI).
    Appell ‑ Kompetizzjoni ‑ Artikoli 82 KE u 86(1) KE ‑ Żamma tad-drittijiet privileġġati mogħtija mir-Repubblika Ellenika lil impriża pubblika għall-esplorazzjoni u għall-operat tad-depożiti ta’ linjite ‑ Eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ‑ Vantaġġ kompetittiv fis-swieq tal-provvista tal-linjite u tal-elettriku bl-ingrossa ‑ Żamma, estensjoni jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.
    Kawża C‑553/12 P.

    Rättsfallssamlingen – allmänna delen

    ECLI-nummer: ECLI:EU:C:2014:2083

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    17 ta’ Lulju 2014 ( *1 )

    “Appell — Kompetizzjoni — Artikoli 82 KE u 86(1) KE — Żamma tad-drittijiet privileġġati mogħtija mir-Repubblika Ellenika lil impriża pubblika għall-esplorazzjoni u għall-operat tad-depożiti ta’ linjite — Eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet — Vantaġġ kompetittiv fis-swieq tal-provvista tal-linjite u tal-elettriku bl-ingrossa — Żamma, estensjoni jew tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti”

    Fil-Kawża C‑553/12 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2012,

    Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou u A. Antoniadis, bħala aġenti, assistiti minn A. Oikonomou, dikigoros, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    appellanti,

    sostnuta minn

    Mytilinaios AE,

    Protergia AE,

    Alouminion AE,

    stabbiliti f’Amaroussion (il-Greċja), irrappreżentati minn N. Korogiannakis, I. Zarzoura, D. Diakopoulos u E. Chrisafis, dikigoroi,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI), stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn P. Anestis, dikigoros,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn M.-T. Marinos, P. Mylonopoulos u K. Boskovits, bħala aġenti,

    Energeiaki Thessalonikis AE, stabbilita f’Echedorso (il-Greċja),

    Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (HE & DSA), stabbilita f’Kifisia (il-Greċja),

    intervenjenti fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ottubru 2013,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea DEI vs Il‑Kummissjoni (T‑169/08, EU:T:2012:448, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti annullat id-Deċiżjoni C (2008) 824 finali tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Marzu 2008, dwar l-għoti jew iż-żamma mir-Repubblika Ellenika ta’ drittijiet lill-Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) għall-estrazzjoni ta’ linjite (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    2

    Id-DEI twaqqfet fl-1950 taħt il-forma ta’ impriża pubblika li hija l-proprjetà tal-Istat Grieg. Hija kienet tgawdi mid-dritt esklużiv li tipproduċi, tittrasporta u tipprovdi l-elettriku fil-Greċja. Fl-1996, il-Liġi Griega Nru 2414/1996 dwar l-immodernizzar tal-impriżi pubbliċi (FEK A’ 135) ippermettiet it-trasformazzjoni tar-rikorrenti f’kumpannija b’ishma, miżmuma mill-Istat bħala azzjonist uniku.

    3

    Fl-1 ta’ Jannar 2001, hija ġiet ittrasformata f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata skont, b’mod partikolari, il-Liġi Griega Nru 2773/1999, dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku (FEK A’ 286), li fost l-oħrajn ittrasponiet id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3). Skont l-Artikolu 43(3) ta’ din il-liġi, il-parteċipazzjoni tal-Istat fil-kapital tad-DEI ma tista’, fl-ebda każ, tkun inqas minn 51 % tal-ishma bi dritt għal vot, anki wara żieda fil-kapital. Ir-Repubblika Ellenika kellha, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, 51.12 % tal-ishma ta’ din l-impriża. Mit-12 ta’ Diċembru 2001, l-ishma tad-DEI huma kkwotati fil-Borsa ta’ Ateni (il-Greċja), kif ukoll fil-Borsa ta’ Londra (ir-Renju Unit).

    4

    L-impjanti kollha tal-elettriku Griegi li jaħdmu bil-linjite huma proprjetà tad-DEI. Skont l-Istitut Grieg għal riċerka ġeoloġika u tal-minjieri, ir-riżervi magħrufa tad-depożiti tal-linjite fil-Greċja kienu stmati fl-1 ta’ Jannar 2005, li huma 4 415 miljun tunnellata. Skont il-Kummissjoni, jeżistu 4590 miljun tunnellata oħra ta’ riżervi ta’ linjite fil-Greċja.

    5

    Ir-Repubblika Ellenika tat lid-DEI drittijiet li tesplora u li topera linjite għal minjieri li r-riżervi tagħhom kienu ta’ madwar 2 200 miljun tunnellata. 85 miljun tunnellata mir-riżervi huma proprjetà ta’ persuni privati. Fuq depożiti pubbliċi oħra, madwar 220 miljun tunnellata, drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operat ingħataw lil persuni privati oħra, u dawn id-depożiti kienu jipprovdu parzjalment lill-impjanti elettriċi tad-DEI. L-ebda dritt ieħor ta’ operat għadu ma ngħata għal madwar 2 000 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ linjite fil-Greċja.

    6

    Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/92, is-suq Grieg tal-elettriku nfetaħ għall-kompetizzjoni. F’Mejju 2005, inħoloq suq ta’ kuljum obbligatorju għall-bejjiegħa u x-xerrejja kollha tal-elettriku fin-netwerk interkonness Grieg, li jinkludi l-Greċja kontinentali u ċerti gżejjer Griegi. F’dan is-suq, il-produtturi u l-importaturi tal-elettriku jqiegħdu u jbigħu l-produzzjoni u l-importazzjonijiet tagħhom kuljum.

    7

    Matul is-sena 2003, il-Kummissjoni rċeviet l-ilment ta’ individwu li talab li l-identità tiegħu tibqa’ kunfidenzjali. Skont il-lanjant, id-deċiżjoni tal-Istat Grieg li tagħti lid-DEI, bis-saħħa tad-Digriet Leġiżlattiv Grieg Nru 4029/1959, tat-12 u tat-13 ta’ Novembru 1959 (FEK A’ 250), u tal-Liġi Griega Nru 134/1975, tat-23 u tad-29 ta’ Awwissu 1975 (FEK A’ 180), liċenzja esklużiva li tesplora u li topera linjite fil-Greċja, tmur kontra l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE. Wara diversi skambji mar-Repubblika Ellenika, li seħħew bejn 2003 u 2008, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

    8

    B’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet, fost l-oħrajn, ikkonstatat li l-għoti u ż-żamma ta’ dawn id-drittijiet kienu jmorru kontra l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE [li issa huma l-Artikoli 106(1) TFUE u 102 TFUE ], għaliex kienu joħolqu sitwazzjoni ta’ inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fl-aċċess għall-kombustibbli primarji għall-finijiet tal-produzzjoni tal-elettriku u kienu jippermettu lid-DEI żżomm jew issaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku tal-Greċja, billi teskludi kwalunkwe dħul ġdid fis-suq jew billi tostakolah.

    9

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li r-Repubblika Ellenika kienet taf, sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 96/92, li kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mid-19 ta’ Frar 2001, li s-suq tal-elettriku kellu jiġi lliberalizzat. Hija żżid li r-Repubblika Ellenika adottat miżuri Statali li kienu jirrigwardaw żewġ swieq distinti, l-ewwel wieħed dak tal-provvista ta’ linjite u t-tieni wieħed is-suq bl-ingrossa tal-elettriku, li jinkludi l-produzzjoni u l-provvista tal-elettriku f’impjanti, kif ukoll l-importazzjoni tal-elettriku permezz ta’ tagħmir ta’ interkonnessjoni.

    10

    Skont il-Kummissjoni, id-DEI kellha, f’dawn iż-żewġ swieq, pożizzjoni dominanti b’parti mis-suq ogħla minn 97 % u minn 85 %, rispettivament. Minbarra dan, ma kienx mistenni dħul ġdid li seta’ jnaqqas b’mod sinjifikattiv il-parti tad-DEI fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku, peress li l-importazzjonijiet, li jirrappreżentaw 7 % tal-konsum totali, ma kinux jikkostitwixxu restrizzjoni kompetittiva reali f’dan is-suq.

    11

    Fir-rigward tal-miżuri Statali inkwistjoni, il-Kummissjoni tindika li d-DEI ngħatat bis-saħħa tad-Digriet leġiżlattiv Grieg Nru 4029/1959 u tal-Liġi Nru 134/1975, drittijiet ta’ operat għal 91 % mid-depożiti pubbliċi tal-linjite li għalihom ingħataw drittijiet. Hija tispeċifika li, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, u dan minkejja l-possibbiltajiet offruti mil-liġi nazzjonali, ma ngħata l-ebda dritt ieħor fuq depożitu sinjifikattiv. Barra minn hekk, hija tindika li d-DEI kisbet mingħajr sejħa għal offerti drittijiet ta’ esplorazzjoni għal ċerti depożiti li setgħu jiġu operati, li għalihom ma kinux għadhom ingħataw drittijiet ta’ operat. Il-Kummissjoni żżid li l-impjanti li jaħdmu bil-linjite, li huma dawk li jinvolvu l-inqas spejjeż fil-Greċja, huma dawk li l-iktar jintużaw, għaliex jipproduċu 60 % mill-elettriku li jippermetti l-provvista tan-netwerk interkonness.

    12

    Permezz tal-għoti lid-DEI u taż-żamma favuriha tad-drittijiet kważi ta’ monopolju ta’ operat tal-linjite li jiżgurawlha aċċess privileġġat għall-kombustibbli l-iktar attraenti fil-Greċja għal finijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, ir-Repubblika Ellenika ħolqot b’dan il-mod inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku u b’hekk ħolqot distorsjoni fil-kompetizzjoni, u b’dan il-mod saħħet il-pożizzjoni dominanti tad-DEI u eskludiet kwalunkwe dħul ġdid fis-suq jew inkella ostakolatu, u dan minkejja l-liberalizzazzjoni tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

    13

    Bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni talbet, minbarra dan, lir-Repubblika Ellenika tinformaha, fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li hija kienet beħsiebha tadotta sabiex tikkoreġi l-effetti antikompetittivi tal-miżuri Statali inkwistjoni, filwaqt li indikat li dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati u implementati fi żmien tmien xhur li jibdew jgħoddu mid-deċiżjoni tagħha.

    Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    14

    B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Mejju 2008, id-DEI ppreżentat azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Tul il-proċeduri, ir-Repubblika Ellenika intervjeniet insostenn tad-DEI, filwaqt li Elliniki Energeia kai Anaptyxi AE (HE & DSA) u Energeiaki Thessalonikis AE, kumpanniji b’responsabbiltà limitata attivi fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika fil-Greċja, intervjenew insostenn tat-talba tal-Kummissjoni.

    15

    Insostenn tar-rikors tagħha, id-DEI invokat erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, kif ukoll fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni; it-tieni nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE; it-tielet nett, minn naħa, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ protezzjoni tal-proprjetà privata, u, min-naħa l-oħra, fuq l-eżistenza ta’ użu ħażin ta’ poter, u, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    16

    L-ewwel motiv kien maqsum f’ħames partijiet, u t-tieni u r-raba’ parti kienu jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ operat tal-linjite mogħtija lid-DEI kellu bħala effett li jestendi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-linjite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, bi ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE. Essenzjalment, skont il-Qorti Ġenerali, id-DEI qajmet żewġ argumenti kontra din il-konklużjoni tal-Kummissjoni. Permezz tal-ewwel argument tagħha, id-DEI invokat li, sabiex jiġi stabbilit ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet applikati flimkien, kien neċessarju li l-impriża kkonċernata tgawdi minn dritt esklużiv jew speċjali fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE, u dan fil-fatt ma kienx il-każ.

    17

    Permezz tat-tieni wieħed minn dawn l-argumenti, li l-Qorti Ġenerali eżaminat fl-ewwel lok, id-DEI kkritikat lill-Kummissjoni talli ma pprovatx l-eżistenza ta’ abbuż reali jew potenzjali tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq ikkonċernati, meta din il-prova kienet kundizzjoni preliminari sabiex jiġi applikat l-Artikolu 86(1) KE moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

    18

    Fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li n-nuqqas ta’ qbil, f’dan il-każ, kien iċċentralizzat prinċipalment fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tidentifika abbuż reali jew potenzjali tal-pożizzjoni dominati tad-DEI jew kienx suffiċjenti li hija tistabbilixxi li l-miżuri Statali inkwistjoni kienu joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni billi joħolqu favur id-DEI inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi.

    19

    Fir-rigward tas-suq tal-provvista tal-linjite, il-Qorti Ġenerali osservat fil-punti 87 sa 89 tas-sentenza appellata li, bil-miżuri Statali inkwistjoni, ir-Repubblika Ellenika kienet tat lid-DEI drittijiet ta’ operat tal-linjite għal minjieri li r-riżervi tagħhom kienu ta’ madwar 2 200 miljun tunnellata, li dawn il-miżuri, preċedenti għal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, inżammu u komplew jaffettwaw dan is-suq u li, minbarra dan, minkejja l-interess li l-kompetituri tad-DEI kienu wrew, l-ebda operatur ekonomiku ma seta’ jikseb mir-Repubblika Ellenika drittijiet ta’ operat fuq depożiti oħra tal-linjite, minkejja li l-Greċja kien għad fadlilha madwar 2 000 miljun tunnellata ta’ riżervi ta’ linjite li kienu għadhom mhux sfruttati.

    20

    Madankollu, hija qieset li l-impossibbiltà, għall-operaturi ekonomiċi l-oħra, li jkollhom aċċess għad-depożiti tal-linjite li kienu għadhom disponibbli ma setgħetx tiġi attribwita lid-DEI, għaliex l-għoti tal-liċenzji ta’ operat tal-linjite kien jiddependi esklużivament fuq il-volontà tar-Repubblika Ellenika. Il-Qorti Ġenerali żiedet li, fl-imsemmi suq, ir-rwol tad-DEI kien ġie limitat għall-operat tad-depożiti li fuqhom hija kellha drittijiet, peress li l-Kummissjoni ma kinitx sostniet li, f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal-linjite, id-DEI kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-provvista ta’ din il-materja prima.

    21

    Imbagħad il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 90 sa 93 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-impossibbiltà għall-kompetituri tad-DEI li jidħlu fis-suq tal-provvista tal-linjite kellha riperkussjonijiet fuq is-suq bl-ingrossa tal-elettriku. Il-Kummissjoni kienet sostniet f’dan ir-rigward li, peress li l-linjite kien il-kombustibbli l-iktar attraenti fil-Greċja, l-operat tiegħu kien jippermetti l-produzzjoni tal-elettriku bi spiża varjabbli baxxa u li jqiegħdu fis-suq ta’ kuljum obbligatorju b’marġni ta’ profitt iktar interessanti mill-elettriku prodott minn kombustibbli oħrajn. Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-DEI setgħet b’dan il-mod iżżomm jew isaħħaħ il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku billi teskludi kull dħul ġdid f’dan is-suq jew billi tostakolah.

    22

    Wara li fakkret fil-punt 91 tas-sentenza appellata li, wara l-liberalizzazzjoni tas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, inħoloq suq ta’ kuljum obbligatorju fil-Greċja, mekkaniżmu li r-regoli tal-funzjonament tiegħu ma ġewx ikkontestati permezz tad-deċiżjoni kkontestata u kellhom jiġu osservati kemm mid-DEI, kif ukoll mill-kompetituri tagħha, u li, minbarra dan, id-DEI kienet preżenti f’dan is-suq qabel il-liberalizzazzjoni tiegħu, il-Qorti Ġenerali osservat dan li ġej:

    “92

    Issa, il-Kummissjoni ma stabbilietx li l-aċċess privileġġjat għal-linjite seta’ joħloq sitwazzjoni li fiha, mill-eżerċizzju biss tad-drittijiet tagħha ta’ sfruttament, [id-DEI] setgħat twettaq abbużi ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku jew li setgħet titwassal li twettaq tali abbużi f’dan is-suq. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tikkritikax li[d-DEI] li estendiet, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, il-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-provvista ta’ linjite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

    93

    Meta tikkonstata sempliċement li [d-DEI], li kienet impriża monopolista, tkompli żżomm pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku grazzi għall-vantaġġ li jagħtiha l-aċċess privileġġjat għal-linjite u li din is-sitwazzjoni toħloq inugwaljanza fl-opportunitajiet f’dan is-suq bejn ir-rikorrenti u l-impriżi l-oħra, il-Kummissjoni la identifikat u lanqas ma stabbiliet b’mod suffiċjenti fid-dritt liema abbuż, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, il-miżura tal-Istat inkwistjoni wasslet jew setgħet twassal [lid-DEI].”

    23

    Imbagħad il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 94 sa 103 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza stabbilita msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti permezz tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE meta l-impriża inkwistjoni tkun imwassla, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi jew speċjali mogħtija lilha, li tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikollhom mnejn joħolqu sitwazzjoni fejn din l-impriża tkun imwassla twettaq tali abbużi. Wara eżami tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Raso et (C‑163/96, EU:C:1998:54), Höfner u Elser (C‑41/90, EU:C:1991:161), Merci convenzionali Porto di Genova (C‑179/90, EU:C:1991:464), Job Centre (C‑55/96, EU:C:1997:603), u MOTOE (C‑49/07, EU:C:2008:376), il-Qorti Ġenerali waslet għal din il-konklużjoni, fil-punt 103 tas-sentenza appellata:

    “Minn dawn is-sentenzi […] jirriżulta li l-abbuż tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża li tgawdi minn dritt esklużiv jew speċjali jista’ kemm jirriżulta mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt b’mod abużiv kif ukoll ikun konsegwenza diretta ta’ dan id-dritt. Madankollu, ma jirriżultax minn din il-ġurisprudenza li l-fatt biss li l-impriża inkwistjoni tinsab f’pożizzjoni vantaġġuża meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, minħabba miżura tal-Istat, jikkostitwixxi fih innifsu abbuż minn pożizzjoni dominanti.”

    24

    Fl-aħħar nett, fil-punti 104 sa 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrispondiet għall-aħħar argument tal-Kummissjoni fejn kienet issostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet konformi mal-ġurisprudenza li tipprovdi li sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta setgħet tkun iggarantita biss jekk tkun żgurata l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi. Il-Kummissjoni sostniet, f’dan ir-rigward, li, jekk l-inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi — u għaldaqstant id-distorsjoni tal-kompetizzjoni — kienet ir-riżultat ta’ miżura Statali, tali miżura kienet tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE`.

    25

    Fil-punt 105 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx jirriżulta mis-sentenzi li fuqhom kienet ibbażat ruħha l-Kummissjoni, jiġifieri s-sentenzi Franza vs Il-Kummissjoni (C‑202/88, EU:C:1991:120), GB-Inno-BM (C‑18/88, EU:C:1991:474), u Connect Austria (C‑462/99, EU:C:2003:297), li, sabiex jitqies li twettaq ksur tal-Artikolu 86(1) KE applikat flimkien mal-Artikolu 82 KE, kien biżżejjed li jiġi stabbilit li miżura Statali kienet toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi toħloq inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi identifikat abbuż mill-pożizzjoni dominanti tal-impriża.

    26

    Wara li eżaminat dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fil-punt 113 tas-sentenza appellata li, jekk kien minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja użat, fis-sentenzi tagħha, il-formulazzjonijiet invokati mill-Kummissjoni, din ma tistax tużahom b’mod separat mill-kuntest tagħhom. Fil-punti 114 sa 117, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li t-teżi tal-Kummissjoni lanqas ma kienet sostnuta permezz tas-sentenza Dusseldorp et (C‑203/96, EU:C:1998:316), li din kienet invokat waqt is-seduta.

    27

    Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li minn din il-ġurisprudenza ma kienx jidher li l-Kummissjoni “ma kinitx obbligata li tidentifika u li tistabbilixxi l-abbuż mill-pożizzjoni dominanti li l-miżura tal-Istat inkwistjoni jkun wassal jew li seta’ jwassal il[id-DEI]”.

    28

    Issa, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 87 sa 93 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni ma kinitx, fid-deċiżjoni kkontestata tagħha, stabbilixxiet tali abbuż tal-pożizzjoni dominanti, u għaldaqstant, fil-punt 119 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala fondat it-tieni argument imqajjem mid-DEI fil-kuntest tat-tieni u r-raba’ parti tal-ewwel motiv u annullat id-deċiżjoni kkontestata, “mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti, il-partijiet u l-motivi l-oħrajn ippreżentati”.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    29

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata;

    tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża;

    tikkundanna lid-DEI għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    30

    Id-DEI u r-Repubblika Ellenika jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell;

    sussidjarjament, tanalizza l-aggravji l-oħra ta’ annullament invokati fil-Kawża T‑169/08 u tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

    31

    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-25 ta’ Marzu 2013, Mytilinaios AE, Protergia AE, Alouminion AE, talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    32

    Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Lulju 2013, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

    Fuq l-appell

    33

    Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni invokat żewġ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE u, it-tieni wieħed, motivazzjoni b’lakuni, impreċiża, u insuffiċjenti.

    L-argumenti tal-partijiet

    34

    Bl-ewwel aggravju tagħha, li huwa dirett kontra l-punti 94 sa 118 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, meta ddikjarat li hija kellha tidentifika u tistabbilixxi l-aġir abbużiv li għalih wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali inkwistjoni lid-DEI.

    35

    Skont il-Kummissjoni, meta l-Artikolu 82 KE huwa applikat flimkien mal-Artikolu 86(1) KE għal sitwazzjonijiet fejn teżisti inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, u għaldaqstant distorsjoni għall-kompetizzjoni li tirriżulta minn miżura Statali, din il-miżura Statali tikkostitwixxi minnha nfisha ksur tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE. Għaldaqstant ikun biżżejjed li jiġi pprovat li din il-miżura effettivament ħolqot inugwaljanza ta’ opportunitajiet meta ffavorixxiet l-impriża pubblika (diġà) privileġġata u li b’dan il-mod affettwat l-istruttura tas-suq billi ppermettiet lil din tal-aħħar iżżomm, issaħħaħ jew testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha f’suq ieħor, ġar jew downstream, pereżempju billi tipprekludi d-dħul ta’ kompetituri ġodda f’dan is-suq.

    36

    Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-fatti inkwistjoni u li żnaturat il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li, bil-kontra ta’ dak li qieset il-Qorti Ġenerali, din id-deċiżjoni ma kinitx ibbażata fuq il-konstatazzjoni li kien jikkostitwixxi minnu nnifsu abbuż minn pożizzjoni dominanti s-sempliċi fatt għad-DEI li tinsab, minħabba l-miżuri Statali inkwistjoni, f’sitwazzjoni vantaġġuża meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Bil-kontra, l-imsemmija deċiżjoni speċifikat il-ksur billi esponiet li l-miżuri Statali inkwistjoni kienu ħolqu inugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-DEI u l-kompetituri tagħha u li, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet li hija kienet tat lid-DEI, din l-impriża setgħet testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq (upstream) tal-linjite għas-suq (downstream) bl-ingrossa tal-elettriku fil-Greċja. Din l-estensjoni għas-suq downstream kellha bħala effett li tillimita l-kompetizzjoni fih billi teskludi d-dħul ta’ kompetituri ġodda f’dan is-suq, anki wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, minkejja talbiet f’dan is-sens, l-ebda dritt fuq l-ebda depożitu sinjifikattiv tal-linjite ma ngħata lill-kompetituri tad-DEI.

    37

    Peress li d-deċiżjoni kkontestata spjegat kif, minn naħa, iż-żamma fis-seħħ tal-miżuri Statali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, is-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet privileġġati mogħtija lid-DEI, kif ukoll l-aġir ta’ din fis-suq downstream, wasslu għal riskju ta’ abbuż mill-pożizzjoni dominanti tagħha f’dan is-suq billi eskludew jew ostakolaw id-dħul ta’ kompetituri ġodda, il-Kummissjoni ssodisfat il-kriterji kollha stabbiliti permezz tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE.

    38

    Id-DEI u r-Repubblika Ellenika jqisu li dan l-aggravju huwa infondat. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex ikunu jistgħu jiġu applikati l-Artikolu 86(1) KE flimkien mal-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-aġir abbużiv li għalih wasslet jew setgħet twassal il-miżura Statali inkwistjoni lill-impriża kkonċernata. Il-fatt li l-miżura Statali inkwistjoni twassal għal sitwazzjoni ta’ inugwaljanza ta’ opportunitajiet jikkostitwixxi ċertament kundizzjoni meħtieġa, iżda mhux suffiċjenti għall-ġustifikazzjoni tal-applikazzjoni tal-imsemmija artikoli. Essenzjalment il-Kummissjoni qed tipprova tittrasforma l-Artikolu 86(1) KE f’dispożizzjoni awtonoma u ta’ livell superjuri. Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali applikat korrettament l-imsemmija ġurisprudenza għall-fatti tal-kawża.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    39

    Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 86(1) KE, f’każ ta’ impriżi pubbliċi u impriżi li jkunu tawhom drittijiet speċjali jew esklużivi, l-Istati Membri ma għandhomx la jagħmlu liġijiet u lanqas iżommu fis-seħħ kwalunkwe miżura kontra r-regoli tat-Trattat KE, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 82 KE.

    40

    Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprojbixxi, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jintlaqat, kull abbuż minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq komuni, jew fi ħdan parti sostanzjali tiegħu.

    41

    Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, Stat Membru jikser il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE, meta jieħu miżura leġiżlattiva, regolamentari jew amministrattiva li toħloq sitwazzjoni li fiha impriża pubblika jew impriża li jkun taha drittijiet speċjali jew esklużivi titwassal, bis-sempliċi eżerċizzju tad-drittijiet esklużivi mogħtija lilha, sabiex tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha b’mod abbużiv jew meta dawn id-drittijiet ikollhom mnejn joħoloqu sitwazzjoni li fiha din l-impriża tkun imwassla twettaq tali abbużi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Connect Austria, EU:C:2003:297, punt 80, u MOTOE, EU:C:2008:376, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li abbuż fil-fatt iseħħ (sentenzi GB-Inno-BM, EU:C:1991:474, punti 23 sa 25; Raso et, EU:C:1998:54, punt 31; u MOTOE, EU:C:2008:376, punt 49).

    42

    B’hekk, ikun hemm ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta miżura attribwibbli lil Stat Membru, toħloq riskju ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti (ara s-sentenza MOTOE, EU:C:2008:376, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    43

    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta fil-fatt li sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta, kif prevista permezz tat-Trattat tista’ tiġi ggarantita biss jekk l-ugwaljanza ta’ opportunitajiet bejn id-diversi operaturi ekonomiċi tkun żgurata (ara s-sentenzi GB-Inno-BM, EU:C:1991:474, punt 25; MOTOE, EU:C:2008:376, punt 51; u Connect Austria, EU:C:2003:297, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    44

    B’hekk jirriżulta li jekk l-inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, u għaldaqstant il-kompetizzjoni distorta, hija l-effett ta’ miżura tal-Istat, tali miżura tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE (ara s-sentenza Connect Austria, EU:C:2003:297, punt 84).

    45

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża f’dan ir-rigward li, jekk is-sempliċi fatt, għal Stat Membru, li joħloq pożizzjoni dominanti permezz tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi ma huwiex bħala tali inkompatibbli mal-Artikolu 82 KE, xorta jibqa’ l-fatt li t-Trattat jimponi fuq l-Istati Membri li ma jiħdux jew iżommu fis-seħħ miżuri li jkunu jistgħu jeliminaw l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 35; Corbeau, C‑320/91, EU:C:1993:198, punt 11; kif ukoll Deutsche Post, C‑147/97 u C‑148/97, EU:C:2000:74, punt 39).

    46

    Mill-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 41 sa 45 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’ jkun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE indipendentement minn kull abbuż reali. Huwa importanti biss li l-Kummissjoni tidentifika konsegwenza antikompetittiva, potenzjali jew reali, li tista’ tirriżulta minn miżura Statali inkwistjoni. Tali ksur jista’ b’hekk jiġi kkonstatat meta miżuri Statali inkwistjoni jaffettwaw l-istruttura tas-suq billi joħolqu kundizzjonijiet inugwali ta’ kompetizzjoni bejn l-impriżi, billi jippermettu lill-impriża pubblika jew lill-impriża li ngħatawlha drittijiet speċjali jew esklużivi li żżomm, pereżempju billi tfixkel dħul ġdid f’dan tal-aħħar, li ssaħħaħ jew li testendi l-pożizzjoni dominanti tagħha f’suq ieħor b’mod li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, u dan mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi pprovata l-eżistenza ta’ prattika abbużiva reali.

    47

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, isegwi li, kuntrarjament għall-eżami tal-Qorti Ġenerali fil-punti 105 u 118 tas-sentenza appellata, huwa suffiċjenti li jiġi stabbilit li din il-konsegwenza antikompetittiva, potenzjali jew reali, tista’ tirriżulta mill-miżura Statali inkwistjoni u ma huwiex neċessarju li jiġi identifikat abbuż minbarra dak li jirriżulta mis-sitwazzjoni maħluqa mill-miżura Statali inkwistjoni. B’hekk jirriżulta wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni, meta kkonstatat li r-rikorrenti, li kienet impriża monopolista, kienet qed tkompli żżomm pożizzjoni dominanti fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku permezz tal-vantaġġ li jagħtiha l-aċċess privileġġat għal-linjite u li din is-sitwazzjoni kienet qed toħloq inugwaljanza fl-opportunitajiet f’dan is-suq bejn l-imsemmija rikorrenti u l-impriżi l-oħra, u li hija la identifikat u lanqas ma stabbilixxiet b’mod suffiċjenti fid-dritt għal liema abbuż, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, il-miżura tal-Istat inkwistjoni wasslet jew setgħet twassal lid-DEI.

    48

    Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ l-ewwel aggravju u tiġi annullata s-sentenza appellata, mingħajr ma jkun neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li tanalizza t-tieni aggravju tal-appell, liema aggravju għandu natura strettament sussidjarja meta pparagunat mal-ewwel aggravju.

    Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

    49

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

    50

    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament dwar it-tieni u r-raba’ partijiet tal-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

    51

    Fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għandha tiġi eżaminata l-ewwel nett it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball tal-Kummissjoni sa fejn din tafferma li l-eżistenza ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali ma hijiex kundizzjoni neċessarja għall-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE, u r-raba’ parti tal-imsemmi motiv ibbażata fuq il-fatt li d-DEI ma estendietx il-pożizzjoni dominanti tagħha tas-suq għall-provvista ta’ linjite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku minħabba l-allegat aċċess privileġġat għal karburant primarju.

    52

    Il-Qorti Ġenerali, fl-istess punt, qieset li ma kien hemm ebda ħtieġa, f’dan l-istadju, li tiddeċiedi dwar il-fondatezza tad-definizzjoni ta’ swieq rilevanti adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li kienet l-għan tal-ewwel parti tal-ewwel motiv imqajjem mid-DEI, u telqet mill-premessa li l-imsemmija definizzjoni, kuntrarjament għal dak li d-DEI sostniet, ma kinitx ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    53

    F’dan il-każ, u fuq il-bażi ta’ din l-istess premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament dwar it-tieni u r-raba’ partijiet tal-ewwel motiv imqajjem mid-DEI.

    Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

    L-argumenti tal-partijiet

    54

    Id-DEI, sostnuta mir-Repubblika Ellenika, tgħid li huwa bi żball li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-klassifikazzjoni fid-dritt tad-DEI ta’ “kumpannija pubblika”, kienet suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE. Fil-fatt mill-ġurisprudenza jirriżulta li, biex tiġi applikata t-teorija li tipprovdi li l-impriża pubblika estendiet il-pożizzjoni dominanti tagħha ta’ suq lejn suq ieħor, ġar u distint, il-Kummissjoni għandha neċessarjament turi li l-miżura tagħti jew issaħħaħ drittijiet esklużivi jew speċjali. Issa, f’dan il-każ, id-DEI ma għandhiex drittijiet esklużivi, peress li hija ma għandhiex l-esklużività għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika inkwistjoni. Id-drittijiet ta’ esplorazzjoni u ta’ operat tad-DEI lanqas ma jistgħu jiġu kklassifikati bħala “drittijiet speċjali” fis-sens tal-Artikolu 86(1) KE, peress li dawn ingħataw lil numru limitat ta’ benefiċjarji.

    55

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, twieġeb, essenzjalment, minn naħa, li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE ma huwiex limitat biss għall-miżuri Statali li jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, tali drittijiet ingħataw lid-DEI.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    56

    Mill-kliem tal-Artikolu 86(1) KE jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija applikabbli, minn naħa għall-impriżi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, għall-impriżi li l-Istati Membri jkunu tawhom drittijiet speċjali jew esklużivi. Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li d-DEI hija impriża pubblika.

    57

    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza, jekk l-inugwaljanza fl-opportunitajiet bejn l-operaturi ekonomiċi, u għaldaqstant il-kompetizzjoni distorta, hija l-effett ta’ miżura tal-Istat, tali miżura, kemm jekk hija leġiżlattiva, regolamentari jew amministrattiva, tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 86(1) KE moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE.

    58

    Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li d-DEI tgħid li, biex tiġi applikata t-teorija li tipprovdi li l-impriża pubblika estendiet il-pożizzjoni dominanti tagħha ta’ suq lejn suq ieħor, ġar u distint, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li l-Kummissjoni għandha neċessarjament turi li l-miżura Statali tagħti jew issaħħaħ drittijiet speċjali jew esklużivi.

    59

    Fil-fatt, huwa suffiċjenti li l-miżura inkwistjoni toħloq sitwazzjoni li fiha impriża pubblika jew impriża li l-Istat ikun taha drittijiet speċjali jew esklużivi titwassal sabiex tabbuża mill-pożizzjoni dominanti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Connect Austria, EU:C:2003:297, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    60

    Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

    Fuq ir-raba’ parti tal-ewwel motiv

    L-argumenti tal-partijiet

    61

    Id-DEI tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ operat tal-linjite, li jappartjenu lilha, kellu bħala effett li jestendi l-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-provvista tal-linjite għas-suq bl-ingrossa tal-elettriku, bi ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE, peress li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-teorija tal-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. L-ewwel nett, fil-kawżi kollha li fihom il-qorti tal-Unjoni applikat din it-teorija, l-impriża kienet tgawdi minn monopolju ta’ dritt jew ta’ fatt fuq is-suq u l-miżura Statali inkwistjoni kienet tat drittijiet esklużivi jew speċjali fuq suq ġar u distint, fatt li ma huwiex il-każ f’dan il-każ. It-tieni nett, id-DEI ma għandhiex kompetenza regolatorja li tippermettilha li tiddetermina l-attività tal-kompetituri tagħha lanqas ma timponi spejjeż fuq il-kompetituri tagħha. It-tielet nett, il-Kummissjoni, fl-analiżi ta’ abbuż eventwali, kellha teżamina l-effett tal-allegat ksur fuq l-interessi tal-konsumaturi. Finalment, ir-raba’ nett, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-linjite bħala fattur ta’ produzzjoni assolutament neċessarju (“essential facility”), mingħajr ma wriet li l-linjite huwa assolutament neċessarju biex xi ħadd ikun jista’ jopera fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

    62

    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Kummissjoni ma ssemmi ebda tip ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa tad-DEI, eżistenti jew anki potenzjali. Issa, f’din il-kawża, l-eżistenza ta’ tali abbuż hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-finijiet tal-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 86(1) KE u tal-Artikolu 82 KE.

    63

    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, sostniet, l-ewwel nett, li l-miżuri Statali li jistgħu jiġu intiżi għall-Artikoli 86(1) KE u 82 KE ma jillimitawx ruħhom għad-drittijiet speċjali jew esklużivi. It-tieni nett, il-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tiddependix mill-eżerċizzju ta’ poteri u ta’ kompetenzi regolamentari. It-tielet nett, il-ġurisprudenza ma teħtieġx li jkun eżaminat l-preġudizzju potenzjali kkawżat lill-konsumaturi permezz tal-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Ir-raba’ nett, id-DEI tiżbalja meta tgħid li l-Kummissjoni, fil-premessi 132 u 238 tad-deċiżjoni kkontestata, qieset li l-aċċess għal-linjite kien fattur ta’ produzzjoni assolutament neċessarju (“essential facility”).

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    64

    Preliminarjament, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-Repubblika Ellenika, għar-raġunijiet esposti fil-punti 39 sa 46 ta’ din is-sentenza.

    65

    Barra minn hekk, għandhom jiġu skartati l-allegati “kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni” tat-teorija tal-estensjoni tal-pożizzjoni dominanti, miġbura fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li, skont id-DEI, jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    66

    Fil-fatt għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti intiżi għall-estensjoni, permezz ta’ kompetizzjoni distorta, ta’ din il-pożizzjoni għal suq ġar iżda distint jikkostitwixxu abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Connect Austria, EU:C:2003:297, punti 81 u 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    67

    Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li l-estensjoni ta’ sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, hija pprojbita “bħala tali” permezz tal-Artikolu 86(1) KE moqri flimkien mal-Artikolu 82 KE, meta din l-estensjoni hija r-riżultat ta’ miżura Statali. Il-kompetizzjoni ma tistax tiġi eliminata b’dan il-mod u lanqas ma tista’ tiġi distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Spanja et vs Il‑Kummissjoni, C‑271/90, C‑281/90 u C‑289/90, EU:C:1992:440, punt 36, u GB-Inno-BM, EU:C:1991:474, punti 21, 23 u 24).

    68

    Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju, kif tallega d-DEI, li l-Kummissjoni turi, f’kull każ, li l-impriża kkonċernata tgawdi minn monopolju jew li l-miżura Statali inkwistjoni tagħtiha drittijiet esklużivi jew speċjali fuq suq ġar u distint, jew ukoll li din għandha kwalunkwe kompetenza regolamentari. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 41 sa 44 ta’ din is-sentenza, għandu wkoll jiġi skartat l-allegat obbligu, għall-Kummissjoni, li turi l-effett tal-ksur tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 86(1) KE u 82 KE fuq l-interessi tal-konsumaturi, billi dan l-artikolu tal-aħħar jista’ barra minn hekk jipprevedi l-prattiki li joħolqu ħsara billi jkunu ta’ detriment għall-istruttura ta’ kompetizzjoni effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Europemballage u Continental Can vs Il‑Kummissjoni, 6/72, EU:C:1973:22, punt 26). Fl-aħħar nett, l-argument tad-DEI fis-sens li l-Kummissjoni tqis il-linjite bħala fattur ta’ produzzjoni assolutament neċessarju huwa bbażat fuq premessa żbaljata, peress li l-Kummissjoni rreferiet biss għas-sitwazzjoni ta’ “kważi monopolju” tad-DEI fis-suq bl-ingrossa tal-elettriku.

    69

    Għaldaqstant, hemm lok li r-raba’ parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda.

    70

    Fid-dawl tal-iżviluppi preċedenti, għandhom jiġu miċħuda t-tieni u r-raba’ partijiet tal-ewwel motiv imqajjem mid-DEI quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali biex din teżamina l-ewwel, it-tielet u l-ħames partijiet tal-ewwel motiv, kif ukoll il-motivi l-oħra invokati mid-DEI.

    Fuq l-ispejjeż

    71

    Peress li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea DEI vs Il‑Kummissjoni (T-169/08, EU:T:2012:448) hija annullata.

     

    2)

    Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi fuq il-motivi mressqa quddiemha li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tat l-ebda deċiżjoni.

     

    3)

    L-ispejjeż huma rriżervati.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Upp