Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0521

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Mejju 2014.
    T. C. Briels et vs Minister van Infrastructuur en Milieu.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 92/43/KEE — Artikolu 6(3) u (4) — Konservazzjoni tal-habitats naturali — Żoni speċjali ta’ konservazzjoni — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett — Awtorizzazzjoni għal pjan jew għal proġett fuq sit protett — Miżuri kumpensatorji — Sit Natura 2000 ʻVlijmens Ven, Moerputten & Bossche Broekʼ — Proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 ‘’s-Hertogenbosch-Eindhoven’.
    Kawża C‑521/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:330

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    15 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 92/43/KEE — Artikolu 6(3) u (4) — Konservazzjoni tal-habitats naturali — Żoni speċjali ta’konservazzjoni — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett — Awtorizzazzjoni għal pjan jew għal proġett fuq sit protett — Miżuri kumpensatorji — Sit Natura 2000 ‘Vlijmens Ven, Moerputten & Bossche Broek’ — Proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 ‘’s-Hertogenbosch-Eindhoven’”

    Fil-Kawża C‑521/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura

    T. C. Briels et,

    vs

    Minister van Infrastructuur en Milieu,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis (Relatur), J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Stichting Reinier van Arkel u Stichting Overlast A2 Vught e.o., minn L. Bier, avukat,

    għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer u M. K. Bulterman, bħala aġenti,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brighouse, bħala aġent, assistita minn E. Dixon, barrister,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u L. Banciella Rodríguez‑Miñón kif ukoll minn S. Petrova, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑27 ta’ Frar 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitats’”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn T. C. Briels et u l-Minister van Infrastructuur en Milieu (Ministru għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, iktar ’il quddiem il-“Minister”) dwar il-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 “'s-Hertogenbosch-Eindhoven” (iktar ’il quddiem il-“proġett tar-rotta tal-awtostrada A2”).

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi li:

    “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    […]

    (e)

    l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq l-habitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

    L-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jitqies ‘favorevoli’ meta:

    il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu,

    u

    l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli,

    […]

    (k)

    sit ta’ importanza għall-Komunità [iktar ’il quddiem is-‘SIK’] tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’mod sinifikanti fil-manteniment jew fir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

    […]

    (l)

    żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser [SIK] nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

    […]”

    4

    L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

    […]”

    5

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” jipprovdi:

    “1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

    3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

    4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

    Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

    Id-dritt Olandiż

    6

    L-Artikolu 19g tal-Liġi tal-1998 dwar il-protezzjoni tan-natura (Natuurbeschermingswet tal-1998), kif applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1998”), jipprovdi li:

    “1.   Għalkemm evalwazzjoni xierqa hija ppreveduta skont l-Artikolu 19f(1), l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 19d(1) ma tistax tingħata ħlief jekk il-gvernijiet provinċjali huma żgurati, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni xierqa, li l-integrità tas-sit mhux ser tkun affettwata.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fl-assenza ta’ alternattivi għal proġett, il-gvernijiet provinċjali ma jistgħux joħorġu, għas-siti Natura 2000 li ma jospitaw ebda tip ta’ habitat naturali jew speċi ta’ prijorità, l-awtorizzazzjoni msemmija fl‑Artikolu 19d(1), għat-twettiq tal-proġett inkwistjoni, ħlief għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħdu l-preċedenza, inklużi dawk ta’ natura soċjali jew ekonomika.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 1, fl-assenza ta’ alternattivi għal proġett jew inizjattiva oħra, il-gvernijiet provinċjali ma jistgħux joħorġu, għas-siti Natura 2000 li jospitaw tip ta’ habitat naturali jew speċi ta’ prijorità, awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 19d(1) għat-twettiq tal-proġett inkwistjoni, ħlief:

    a)

    fuq kunsiderazzjonijiet marbutin mas-saħħa tal-bniedem, mas-sigurtà pubblika jew ma’ konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew

    b)

    wara opinjoni tal-Kummissjoni, għal raġunijiet oħra imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħdu preċedenza.

    4.   L-opinjoni msemmija fil-paragrafu 3(b) hija mitluba mill-Minister.”

    7

    Skont l-Artikolu 19h tal-Liġi tal-1998:

    “1.   Jekk awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 19d(1) tingħata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħdu l-preċedenza, għat-twettiq ta’ proġetti li għalihom ma huwiex stabbilit b’ċertezza li ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ sit Natura 2000, il-gvernijiet provinċjali jagħmlu fi kwalunkwe każ din l-awtorizzazzjoni suġġetta għall-obbligu li jittieħdu miżuri kumpensatorji.

    2.   Il-gvernijiet provinċjali jagħtu fi żmien utli lill-awtur tal-proġett l-opportunità li jressaq minn qabel proposti ta’ miżuri kumpensatorji.

    3.   Il-proposti ta’ miżuri kumpensatorji msemmija fil-paragrafu 2 jindikaw f’kwalunkwe każ b’liema mod u f’liema terminu ser jittieħdu l-miżuri kumpensatorji.

    4.   Jekk xi miżuri kumpensatorji huma imposti għall-finijiet tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(2)(a) jew (b), ir-riżultat previst minn dawn il-miżuri għandu jintlaħaq fil-mument meta l-effetti sinjifikattivi msemmija fl-Artikolu 19f(1) jirriżultaw sakemm ma jkunx jista’ jintwera li din l-iskadenza ma hijiex neċessarja biex tiggarantixxi l-kontribuzzjoni tas-sit ikkonċernat lil Natura 2000.

    5.   B’konsultazzjoni mal-Ministri l-oħra, il-Ministru responsabbli jista’ jistabbilixxi permezz ta’ digriet ministerjali kundizzjonijiet supplimentari li għalihom jiġu sodisfatti mill-miżuri kumpensatorji.”

    8

    L-Artikolu 19j tal-Liġi tal-1998 jipprovdi:

    “1.   Meta jiddeċiedi li jadotta pjan li, fid-dawl tal-għan ta’ konservazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(3), għal sit Natura 2000, jista’ jiddeterjora l-kwalità ta’ habitats naturali u ta’ habitats ta’ speċi f’dan is-sit jew li jkollu effett sinjifikattiv ta’ tfixkil fuq l-ispeċi li għalihom dan is-sit ġie nnominat, irrispettivament mir-restrizzjonijiet imposti fil-kwistjoni mit-test legali li fuqu jibbaża, il-korp amministrattiv għandu jikkunsidra:

    a)

    effetti li l-pjan jista’ jkollu fuq is-sit, u

    b)

    l-pjan ta’ tmexxija adottat għal dan is-sit skont l-Artikolu 19a jew 19b sa fejn ittratta l-għan ta’ konservazzjoni bl-eċċezzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(3).

    2.   Għall-pjanijiet imsemmija fil-paragrafu 1, li ma humiex direttament marbutin lanqas neċessarji għat-tmexxija ta’ sit Natura 2000, iżda li, individwalment jew flimkien ma’ pjanijiet u proġetti oħra, jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq is-sit ikkonċernat, il-korp amministrattiv għandu jwettaq, qabel ma jadotta l-pjan, evalwazzjoni xierqa tal-effetti fuq is-sit filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għan ta’ konservazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(3), ta’ dan is-sit.

    3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 hija adottata biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 19g u 19h huma sodisfatti.

    4.   L-evalwazzjoni xierqa ta’ dawn il-pjanijiet tagħmel parti mill-istudji tal-effetti fuq l-ambjent ippreveduti għal dawn il-pjanijiet.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fis-6 ta’ Ġunju 2011, il-Minister adotta digriet dwar il-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2, li jipprevedi, b’mod partikolari, it-twessigħ tal-imsemmija awtostrada.

    10

    Dan il-proġett jaffettwa s-sit Natura 2000 imsejjaħ “Vlijmens Ven, Moerputten & Bossche Broek” (iktar ’il quddiem is-“sit Natura 2000 ikkonċernat”). Dan is-sit ġie nnominat mill-awtoritajiet Olandiżi bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni għal, b’mod partikolari, il-habitat tat-tip “mergħat tal-molinia”, li huwa tip ta’ habitat mhux prijoritarju.

    11

    Permezz ta’ digriet li jemenda l-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 tal-25 ta’ Jannar 2012, il-Minister adotta ċertu numru ta’ miżuri intiżi li jnaqqsu l-impatt fuq l-ambjent ta’ dan il-proġett.

    12

    L-ewwel “Test tat-tip A” twettaq sabiex jiġu evalwati l-effetti negattivi għall-ambjent tal-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 fuq is-sit Natura 2000 ikkonċernat. Dan it-test ikkonkluda li effetti sinjifikattivi negattivi għat-tipi ta’ habitats u ta’ speċi pprotetti ta’ dan is-sit, li jirriżultaw mid-depożizzjoni ta’ nitroġenu, ma humiex esklużi u li huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni xierqa fuq dan il-punt. Mit-tieni “Test tat-tip B” jirriżulta li l-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 għandu effetti negattivi fuq medda eżistenti ta’ habitat tat-tip “mergħat tal-molinia”. Fil-fatt, fiż-żona msemmija “Moerputten”, 6.7 ettari ta’ “mergħat tal-molinia” huma affettwati, minħabba t-tnixxif u l-aċidifikazzjoni tal-ħamrija. Barra minn hekk, dan it-test jirrileva li ma huwiex eskluż li l-“mergħat tal-molinia” jġarrbu effetti negattivi fiż-żona msemmija “Bossche Broek”, minħabba ż-żieda tad-depożizzjoni ta’ nitroġenu dovuta għat-twessigħ tat-triq ikkonċernat. Il-proġett tar-rotta tal-awtostrada jwassal ukoll għal żieda temporanja tad-depożizzjoni ta’ nitroġenu fiż-żona msemmija“Vlijmens Ven” li, madankollu, ma jfixkilx l-estensjoni tal-“mergħat tal-molinia” fi ħdan din iż-żona. Minn dan it-test jirriżulta li l-konservazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-mergħat tal-molinia jeħtieġu ir-ripristinar tas-sistema idroloġika.

    13

    F’dan ir-rigward, il-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 jipprevedi t-titjib tas-sitwazzjoni idroloġika fiż-żona msemmija l-“Vlijmens Ven”, liema fatt jippermetti li jiġu estiżi l-“mergħat tal-molinia” fuq dan is-sit. Skont il-Minister, b’dan il-mod, medda ikbar tal-“mergħat tal-molinia”, ta’ kwalità itjeb mill-medda eżistenti, ser tkun tista’ tiġi żviluppata. Għaldaqstant, l-għanijiet ta’ konservazzjoni għal dan it-tip ta’ habitat huma ppreżervati bl-iżvilupp tal-“mergħat tal-molinia” ġodda.

    14

    T. C. Briels et ippreżentaw rikors kontra ż-żewġ digrieti ministerjali quddiem il-qorti tar-rinviju. Huma qiesu li l-Minister ma setax jadotta l-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2, minħabba l-effetti negattivi tat-twessigħ tal-awtostrada A2 fuq is-sit Natura 2000 ikkonċernat.

    15

    F’dan ir-rigward, T. C. Briels et isostnu li l-iżvilupp ta’ “mergħat tal-molinia” ġodda fuq dan is-sit, kif previst mid-digrieti ministerjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk l-integrità tal-imsemmi sit kinitx affettwata. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tali miżura ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala miżura mitiganti, kunċett li, barra minn hekk, ma jidhirx fid-Direttiva “Habitats”.

    16

    Ir-Raad van State ssostni li jirriżulta mill-pożizzjoni tal-Minister li, meta proġett għandu effetti negattivi fuq medda eżistenti ta’ tip ta’ habitat protett f’sit Natura 2000, għandu, għall-finijiet li jiġi evalwat jekk l-integrità ta’ dan is-sit hijiex affettwata, tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li medda ta’ dan it-tip ta’ habitat, ta’ daqs identiku jew superjuri għal dik il-medda eżistenti, ser tkun żviluppata f’dan l-istess sit, f’post fejn l-imsemmi tip ta’ habitat mhux ser iġarrab l-effetti negattivi tal-proġett ikkonċernat. Madankollu, din il-qorti tikkunsidra li l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk l-integrità tas-sit hijiex affettwata la jirriżultaw mill-kliem tad-Direttiva “Habitats” u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    17

    Huwa f’dan il-kuntest li r-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-frażi “ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat” kif tidher fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva [‘Habitats’], għandha tiġi interpretata fis-sens li l-integrità tas-sit konċernat ma hijiex affettwata jekk, meta l-proġett għandu impatt fuq iż-żona eżistenti ta’ tip ta’ habitat protett fis-sit [Natura 2000], żona ta’ daqs identiku jew superjuri [għal dik il-medda eżistenti] tkun żviluppata fil-kuntest ta’ proġett fiż-żona konċernata?

    2)

    [F’każ ta’ risposta negattiva] l-iżvilupp ta’ żona ġdida ta’ tip ta’ habitat għandu jiġi kklassifikat bħala miżura kumpensatorji fis-sens tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva [‘Habitats’]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    18

    Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew neċessarju għat-tmexxija ta’ SIK, li għandu effetti negattivi fuq tip ta’ habitat naturali preżenti fuq dan tal-aħħar u li jipprevedi miżuri għall-iżvilupp ta’ medda ta’ daqs identiku jew superjuri ta’ dan it-tip ta’ habitat fuq dan is-sit, jaffettwa l-integrità tal-imsemmi sit u, jekk ikun il-każ, jekk tali miżuri jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri kumpensatorji”, fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu.

    19

    Fis-sentenza tagħha Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2013:220, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” għandhom jiġu interpretati bħala ħaġa waħda koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni mfittxija minn din id-direttiva. Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 6(2) u (3) huwa li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, filwaqt li l-Artikolu 6(4) jikkostitwixxi biss dispożizzjoni derogatorja għat-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 6(3).

    20

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta jkun hemm riskju li pjan jew proġett, li ma huwiex direttament marbut ma’ jew neċessarju għat-tmexxija ta’ sit, jikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu, dan għandu jiġi meqjus bħala li jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandu jsir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett (sentenza Sweetman et, EU:C:2013:220, punt 30).

    21

    Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li l-fatt li ma jkunx hemm effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit inkwantu habitat naturali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”, jippresupponi li dan jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li jimplika ż-żamma fit-tul tal-karatterisitiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preservazzjoni tiegħu ġġustifika li dan is-sit jitniżżel fil-lista tas-SIK, fis-sens ta’ din id-direttiva (sentenza Sweetman et, EU:C:2013:220, punt 39).

    22

    Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li s-sit Natura 2000 ikkonċernat ġie indikat mill-Kummissjoni bħala SIK, u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni, minħabba l-preżenza b’mod partikolari tat-tip ta’ habitat naturali “mergħat tal-molinia” li l-għan ta’ konservazzjoni tiegħu jikkonsisti f’espansjoni taż-żona ta’ dan l-habitat u titjib fil-kwalità tiegħu.

    23

    Barra minn hekk, mill-fajl trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 ser ikollu effetti sinjifikattivi negattivi għat-tipi ta’ habitats u ta’ speċi pprotetti fuq dan is-sit u, b’mod partikolari, fuq il-medda eżistenti kif ukoll fuq il-kwalità tal-habitat naturali protett tat-tip “mergħat tal-molinia”, minħabba t-tnixxif u l-aċidifikazzjoni tal-ħamrija kkawżati miż-żieda tad-depożizzjoni ta’ nitroġenu.

    24

    Tali proġett jirriskja li jikkomprometti ż-żamma fit-tul tal-karatteristiċi li jikkostitwixxu s-sit Natura 2000 ikkonċernat u, konsegwentement, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tagħha, jista’ jaffettwa l-integrità ta’ dan is-sit, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

    25

    F’dan ir-rigward, u bil-kuntrarju għall-pożizzjoni tal-Gvern Olandiż, sostnut mill-Gvern tar-Renju Unit, il-miżuri ta’ protezzjoni kkunsidrati mill-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 ma humiex ta’ natura li titqiegħed inkwistjoni tali evalwazzjoni.

    26

    Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, l-awtorità nazzjonali kompetenti li għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni tal-pjan jew tal-proġett ikkunsidrat meta jifdal inċertezza dwar l-assenza ta’ effetti ħżiena għall-integrità tas-sit, il-kriterju ta’ awtorizzazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” jinkorpora l-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li jiġu evitati, b’mod effettiv, l-effetti ħżiena fuq l-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu qed jiġu kkunsidrati. Kriterju ta’ awtorizzazzjoni inqas strett ma jistax jiggarantixxi b’mod daqstant effettiv it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-siti mfittex minn din id-dispożizzjoni (sentenzi Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 57 u 58, kif ukoll Sweetman et, EU:C:2013:220, punt 41).

    27

    L-evalwazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” ma tistax għaldaqstant tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fuq is-sit protett ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sweetman et, EU:C:2013:220, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” tirrikjedi mill-awtorità nazzjonali kompetenti li tevalwa l-implikazzjonijiet tal-proġett għas-sit Natura 2000 ikkonċernat fid-dawl tal-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ protezzjoni mdaħħla fl-imsemmi proġett, intiżi li jevitaw jew inaqqsu l-effetti ħżiena possibbli kkawżati direttament fuq dan tal-aħħar, sabiex jiġi żgurat li ma jaffettwax ħażin l-integrità tal-imsemmi sit.

    29

    Min-naħa l-oħra, xi miżuri ta’ protezzjoni previsti minn proġett intiżi li jikkumpensaw l-effetti negattivi tiegħu fuq sit Natura 2000 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-imsemmi proġett, previst fl-imsemmi Artikolu 6(3).

    30

    Issa, dan huwa l-każ tal-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, f’sitwazzjoni fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti kkonstatat effettivament li l-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2 jista’ jkollu effetti sinjifikattivi negattivi, possibbilment fit-tul, fuq it-tip ta’ habitat protett tas-sit Natura 2000 ikkonċernat, jipprevedu l-iżvilupp futur ta’ medda ġdida ta’ daqs identiku jew superjuri ta’ dan it-tip ta’ habitat f’parti oħra ta’ dan is-sit, li ma hijiex direttament affettwata minn dan il-proġett.

    31

    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-miżuri ma humiex intiżi la li jevitaw u lanqas li jnaqqsu l-effetti sinjifikattivi negattivi kkawżati direttament fuq dan it-tip ta’ habitat mill-proġett tar-rotta tal-awtostrada A2, iżda intiżi li jikkumpensaw sussegwentement dawn l-effetti. F’dan il-kuntest, huma ma jistgħux jiggarantixxu li l-proġett ma jaffettwax ħażin l-integrità tal-imsemmi sit, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats”.

    32

    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, b’regola ġenerali, l-effetti pożittivi possibbli tal-iżvilupp futur ta’ habitat ġdid, intiż li jikkumpensa t-telf ta’ superfiċje u tal-kwalità ta’ dan l-istess tip ta’ habitat fuq sit protett, minkejja li ta’ żona ikbar u ta’ kwalità itjeb, huma biss diffiċilment prevedibbli u, fi kwalunkwe każ, ser ikunu viżibbli biss fi ftit snin, kif dan jirriżulta mill-punt 87 tad-deċiżjoni tar-rinviju. Konsegwentement, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni.

    33

    It-tieni nett, kif tindika ġustament il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-effett utli tal-miżuri ta’ protezzjoni previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva “Habitats” intiż li jevita li, permezz ta’ miżuri msemmija “mitiganti”, iżda li jikkorrispondu fir-realtà għal miżuri kumpensatorji, l-awtorità nazzjonali kompetenti tevita l-proċeduri speċifiċi stabbiliti f’dan l-artikolu billi tawtorizza, skont il-paragrafu 3 tiegħu, proġetti li jaffettwaw ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat.

    34

    Issa, huwa biss meta, minkejja l-konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni li tkun twettqet skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jieħu preċedenza, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, u fejn ma tkun teżisti ebda soluzzjoni alternattiva, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kumpensatorji kollha meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000, fil-kuntest tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats” (ara s-sentenzi Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑304/05, EU:C:2007:532, punt 81); Solvay et, C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 72, kif ukoll Sweetman et, EU:C:2013:220, punt 34).

    35

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, bħala dispożizzjoni derogatorja għall-kriterju ta’ awtorizzazzjoni msemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3), għandu jiġi applikat biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett ikunu ġew analizzati skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 6(3) (sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑239/04, EU:C:2006:665, punt 35, kif ukoll Sweetman et, EU:C:2013:220, punt 35).

    36

    Fil-fatt, l-għarfien ta’ dawn l-effetti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jikkostitwixxi prerekwiżit indispensabbli għall-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 6(4) għaliex, fl-assenza ta’ dawn l-elementi, ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja ma tista’ tiġi evalwata. L-eżami ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku eventwali li jieħdu preċedenza u dik tal-eżistenza ta’ alternattivi li jikkawżaw inqas ħsara fil-fatt jeħtieġu bbilanċjar fir-rigward tal-effetti ħżiena kkawżati fuq is-sit mill-pjan jew proġett ikkunsidrat. Minbarra dan, sabiex jiġi ddeterminat it-tip ta’ miżuri kumpensatorji eventwali, l-effetti ħżiena fuq l-imsemmi sit għandhom ikunu identifikati bi preċiżjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 109).

    37

    L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, f’dan il-kuntest, jagħtu awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, sakemm il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jkunu sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sweetman et, EU:C:2013:220, punt 47).

    38

    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-fatt li l-miżuri previsti huma implementati fuq is-sit Natura 2000 ikkonċernat ma għandux effett fuq il-klassifikazzjoni possibbli tagħhom bħala miżuri “kumpensatorji”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, għar-raġunijiet indikati mill-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats” isemmi kull miżura kumpensatorja adatta sabiex tipproteġi l-koerenza globali tan-network Natura 2000 kemm jekk tiġi implementata fi ħdan is-sit affettwat jew f’sit ieħor ta’ dan in-network.

    39

    Konsegwentement, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “Habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut ma’ jew neċessarju għat-tmexxija ta’ SIK, li għandu effetti negattivi fuq tip ta’ habitat naturali preżenti fuq dan tal-aħħar u li jipprevedi miżuri għall-iżvilupp ta’ medda ta’ daqs identiku jew superjuri ta’ dan it-tip ta’ habitat fuq dan is-sit, jaffettwa l-integrità tal-imsemmi sit. Jekk ikun il-każ, tali miżuri ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri kumpensatorji”, fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, ħlief sa fejn ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

    Fuq l-ispejjeż

    40

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandu jiġi interpretat fis-sens li pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut jew neċessarju għat-tmexxija ta’ sit ta’ importanza Komunitarja, li għandu effetti negattivi fuq tip ta’ habitat naturali preżenti fuq dan tal-aħħar u li jipprevedi miżuri għall-iżvilupp ta’ medda ta’ daqs identiku jew superjuri ta’ dan it-tip ta’ habitat fuq dan is-sit, jaffettwa l-integrità tal-imsemmi sit. Jekk ikun il-każ, tali miżuri ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “miżuri kumpensatorji”, fis-sens tal-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, ħlief sa fejn ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top