Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0485

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-10 ta’ April 2014.
    Maatschap T. van Oosterom en A. van Oosterom-Boelhouwer vs Staatssecretaris van Economische Zaken, Landbouw en Innovatie.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven.
    Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Skemi ta’ għajnuna diretta — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna — Sistema għall-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli — Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna — Kontrolli amministrattivi — Kontrolli fuq il-post — Regolament (KE) Nru 796/2004 — Determinazzjoni ta’ żoni eliġibbli għall-għajnuna — Telerilevament — Spezzjoni fiżika tal-ħbula agrikoli.
    Kawża C‑485/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:250

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    10 ta’ April 2014 ( *1 )

    “Agrikoltura — Politika Agrikola Komuni — Skemi ta’ għajnuna diretta — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Sistema integrata ta’ ġestjoni u ta’ kontroll dwar ċerti skemi ta’ għajnuna — Sistema għall-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli — Kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna — Kontrolli amministrattivi — Kontrolli fuq il-post — Regolament (KE) Nru 796/2004 — Determinazzjoni ta’ żoni eliġibbli għall-għajnuna — Telerilevament — Spezzjoni fiżika tal-ħbula agrikoli”

    Fil-Kawża C‑485/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

    Maatschap T. van Oosterom en A. van Oosterom-Boelhouwer

    vs

    Staatssecretaris van Economische Zaken, Landbouw en Innovatie,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn I.-K. Chalkias u A.-E. Vasilopoulou, bħala aġenti,

    għall-Gvern Spanjol, minn N. Díaz Abad, bħala aġent,

    għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Schima u B. Burggraaf, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 [tad-29 ta’ Settembru 2003,] li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 972/2007, tal-20 ta’ Awwissu 2007 (ĠU L 216, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 796/2004”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Maatschap T. van Oosterom en A. van Oosterom-Boelhouwer (iktar ’il quddiem “Maatschap”) u Staatssecretaris van Economische Zaken, Landbouw en Innovatie (Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, għall-Agrikultura u għall-Innovazzjoni, iktar ’il quddiem, is-“Staatssecretaris”), dwar il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni taż-żona eliġibbli għall-għajnuna mogħtija skont l-iskema ta’ pagament uniku għas-sena 2009.

    Il-kuntest ġuridiku

    Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009

    3

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16):

    “Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jopera sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, (minn hawn ’il quddiem imsejħa is-“sistema integrata”).”

    4

    Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009:

    “Is-sistema integrata għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

    a)

    bażi tal-informazzjoni kkompjuterizzata;

    b)

    sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli;

    c)

    sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ drittijiet għal pagament;

    d)

    applikazzjonijiet għall-għajnuna;

    e)

    sistema integrata ta’ kontroll;

    f)

    sistema waħda biex tkun irreġistrata l-identità ta’ kull bidwi li jissottometti applikazzjoni għall-għajnuna.”

    5

    Skont l-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament:

    “Is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula agrikoli għandha tkun stabbilita abbażi ta’ mapep jew dokumenti ta’ reġistrar tal-artijiet jew referenzi kartografiċi oħra. It-teknika użata għandha sserraħ fuq sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata, li tinkludi preferibbilment kopertura bl-ortoimmaġni mill-ajru jew mill-ispazju, bi standards omoġenji li jiggarantixxu preċiżjoni tal-anqas ekwivalenti għall-kartografija bi skala ta’ 1:10000.”

    6

    L-Artikolu 20 tal-istess regolament jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna biex jivverifikaw il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna.

    2.   Il-kontrolli amministrattivi għandhom jiġu ssupplementati b’sistema ta’ kontrolli f[uq] il-post biex tkun ivverifikata l-eliġibbiltà għall-għajnuna. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom ifasslu pjan kampjun tal-azjendi agrikoli.

    L-Istati Membri jistgħu jużaw metodi tekniċi ta’ remote sensing [telerilevament] u s-Sistema ta’ Navigazzjoni Globali bis-Satellita (GNSS) bħala mezzi biex jitwettqu verifiki fil-post ta’ ħbula agrikoli.

    [...]”

    7

    L-Artikolu 29(3) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009:

    “Il-pagamenti taħt l-iskemi ta’ appoġġ imniżżla fl-Anness I ma għandhomx isiru qabel ma tiġi ffinalizzata l-verifika tal-kondizzjonijiet tal-eliġibbiltà, li għandha titwettaq mill-Istat Membru skont l-Artikolu 20.”

    8

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 146(2) tar-Regolament Nru 73/2009:

    “Riferenzi għar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 [f’atti oħrajn] għandhom jinftiehmu illi jirreferu għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw bi qbil mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness XVIII.”

    Ir-Regolament Nru 796/2004

    9

    Ir-Regolament Nru 796/2004, minkejja li ġie mħassar b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010, bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65), jibqa’ madankollu applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali. Il-premessi 11, 36 u 40 tiegħu jipprovdu:

    “(11)

    Sabiex tingħata kontribuzzjoni għall-interess finanzjarju tal-Komunità għandu jiġi prevedut li l-ħlasijiet taħt ir-[Regolament Nru 1782/2003] jistgħu jsiru biss malli jiġu finalizzati l-verifiki fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibilità.

    [...]

    (36)

    Il-verifika fuq il-post ta’ żoni, b’regola ġenerali, jikkonsistu f’żewġ partijiet, bl-ewwel waħda tkun tirrelata mal-verifikazzjonijiet u l-kejl tal-pakketti [ħbula] agrikoli dikjarati fuq il-bażi ta’ materjal grafiku, fotografija mill-ajru u simili. It-tieni parti tikkonsisti fi spezzjoni fiżika tal-pakketti biex jiġi verifikat id-daqs attwali tal-pakketti agrikoli dikjarati u, skond l-iskema ta’ għajnuna in kwistjoni, l-uċuh tar-raba dikjarati u l-kwalità tagħhom. Fejn meħtieġ kejl għandu jitwettaq. L-ispezzjoni fiżika fuq il-post tista’ titwettaq fuq il-bażi ta’ kampjun.

    [...]

    (40)

    Il-kondizzjonijiet għall-użu tar-remote sensing għal spezzjonijiet fuq il-post għandhom ikunu preskritti u għandha ssir dispożizzjoni għat-twettieq ta’ verifiki fiżiċi fil-każi fejn l-interpretazzjoni fotografika ma twassalx għal riżultati ċari.”

    10

    Skont l-Artikolu 2(22) u (26) tar-Regolament Nru 796/2004:

    “(22)

    ‘Żona stabbilita’: għandha tfisser iż-żona li dwarha jkunu tħarsu l-kondizzjonijiet kollha preskritti fir-regoli għall-għoti ta’ l-għajnuna; fil-każ ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni, iż-żona dikjarata tista’ titqies biss bħala li tkun stabbilita jekk tkun akkumpanjata b’numru li jikkorrispondi ta’ drittijiet għall-ħlas;

    [...]

    (26)

    ‘Pakkett [ħabel] ta’ referenza’: għandha tfisser żona ġeografikament delimitata li żżomm identifikazzjoni unika kif reġistrata fil-GIS fis-sistema ta’ identifikazzjoni ta’ l-Istat Membru kif imsemmija fl-Artikolu [15 tar-Regolament Nru 73/2009]”.

    11

    L-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi:

    “Il-verifiki amministrattivi u fuq il-post li hemm provvediment dwarhom f’dan ir-Regolament għandhom isiru b’dak il-mod li tiġi żgurata l-verifikazzjoni effettiva tal-konformità mat-termini li taħthom jingħataw l-għajnuniet u tal-ħtiġiet u l-istandards relevanti għall-konformità reċiproka.”

    12

    L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

    “1.   Il-kontrolli amministrattivi msemmija fl-Artikolu [20 tar-Regolament Nru 73/2009] għandhom jippermettu s-sejbien ta’ irregolaritajiet, partikolarment is-sejbien awtomatiku b’mezzi kompjuterizzati, fosthom il-kontroverifiki:

    [...]

    (ċ)

    bejn il-pakketti agrikoli [ħbula agrikoli] kif dikjarati fl-applikazzjoni waħdiena u l-pakketti ta’ referenza kif jinsabu fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-pakketti agrikoli biex tiġi verifikata l-eliġibilità għall-għajnuna taż-żoni bħala tali;

    [...]

    2.   L-indikazzjonijiet tal-irregolaritajiet li jirriżultaw minn kontroverifiki għandhom jiġi segwiti b’kull proċedura oħra amministrattiva xierqa, u fejn meħtieġ, b’verifika fuq il-post.

    [...]”

    13

    Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi:

    “1. In-numru ta’ verifiki mwettqa kull sena għandu tal-anqas ikopri 5 % tal-bdiewa kollha li jibgħatu applikazzjoni waħdiena.

    [...]”

    14

    Skont l-Artikolu 27(1) u (3) tar-Regolament Nru 796/2004:

    “1.   Il-kampjuni tal-kontroll għall-verifiki fuq il-post skont dan ir-Regolament għandhom jiġu jintgħażlu mill-awtorità kompetenti abbażi ta’ analiżi tar-riskju u tal-kwalità rappreżentattiva tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna ppreżentati. [...]

    [...]

    3.   L-awtorità kompetenti għandha żżomm reġistri tar-raġunijiet għall-għażla ta’ kull bidwi għal verifika fuq il-post. L-ispettur li jwettaq il-verifika fuq il-post għandu jiġi infurmat kif xieraq qabel il-bidu tal-verifika fuq il-post.”

    15

    L-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 796/2004, intitolat “Elementi ta’ verifiki fuq il-post”, jipprovdi fit-tieni paragrafu tiegħu:

    “L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mir-remote sensing [telerilevament] kif ukoll mit-teknika tas-Sistemi Globali għan-Navigazzjoni bis-Satelliti.”

    16

    Skont l-Artikolu 32(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà, prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 33, li jwettaq verifiki fuq il-post permezz ta’ remote sensing [telerilevament], huwa għandu:

    a)

    jinterpreta r-ritratti ta’ immaġini satellitali jew ritratti mill-ajru tal-ħbula agrikoli għal kull applikazzjoni li għandhom ikunu vverifikati bil-għan li jintgħarfu l-pjanti li jkopru l-art u titkejjel l-erja;

    b)

    jsiru kontrolli fiżikali fil-qasam tal-pakketti agrikolturali kollha li għalihom ma tistgħax tiġi verifikata, permezz ta’ interpretazzjoni ta’ ritratti l-eżattezza tad-dikjarazzjoni għas-sodisfazzjon ta’ l-awtorità kompetenti.”

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    17

    Fit-13 ta’ Mejju 2009, Maatschap, azjenda agrikola, talbet il-ħlas tad-drittijiet tagħha għall-pagament u, għal dan il-għan, iddikjarat erbatax-il ħabel art għal żona totali ta’ 30.72 ettaru.

    18

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2009, is-Staatssecretaris ikkunsidra ż-żona ta’ 30.72 ettaru b’hekk iddikjarata bħala “żona stabbilita” skont l-Artikolu 2(22) tar-Regolament Nru 796/2004 u stabbilixxa fl-ammont ta’ EUR 11 888.12 id-drittijiet għall-pagament li għandhom jitħallsu, bil-quddiem, għas-sena 2009.

    19

    Fl-istess deċiżjoni, ġie ippreċiżat li, wara l-osservazzjonijiet ifformulati mill-Kummissjoni Ewropea, ir-reġistru tal-ħbula kien qed jiġi aġġornat u li l-informazzjoni li tikkonċerna l-ħbula li jappartjenu lil Maatschap, b’mod partikolari dawk li fihom elementi tal-pajsaġġ bħalma huma s-sisien tal-ħaxix, il-gandotti jew il-mogħdijiet, setgħu jinbidlu.

    20

    It-talba ta’ pagament uniku imressqa minn Maatschap għas-sena 2009 kienet suġġetta għal evalwazzjoni ġdida. Konsegwentement, is-Staatssecretaris għamel evalwazzjoni mill-ġdid taż-żona totali tal-ħbula inkwistjoni għal 27.84 ettaru u, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010, l-ammont tal-pagament uniku mogħti lil Maatschap għas-sena 2009 ġie stabbilit għal EUR 8 643.02 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010”). Din id-deċiżjoni ppreċiżat li madankollu l-Maatschap ma kinitx obbligata tirrimborsa d-differenza bejn dan l-ammont u l-ħlas bil-quddiem li hija kienet diġà rċeviet.

    21

    Maatschap ikkontestat l-imsemmija deċiżjoni. Hija sostniet, b’mod partikolari, li ngħatat importanza kbira wisq liż-żoni li jmissu mal-gandotti u li, u sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett tad-dellijiet fir-ritratti mill-ajru, id-daqs tas-siġar ġie eżaġerat. Hija kkontestat ukoll il-ħolqien ta’ “ħbula żgħar” sussegwentement għall-esklużjoni tal-mogħdijiet. Hija kkritikat in-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-ritratti mill-ajru li fuqhom bbaża ruħu s-Staatssecretaris u talbet li jsir kejl fiżiku tal-ħbula fuq il-post.

    22

    Permezz ta deċiżjoni tas-27 ta’ Jannar 2011, wara li eżamina għal darba oħra l-elementi kollha, is-Staatssecretaris stabbilixxa ż-żona eliġibbli għall-għajnuna għal 28.14 ettaru.

    23

    Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Marzu 2011, Maatschap ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni. Quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven, hija sostniet li ż-żona ta’ dawn il-ħbula ma ġietx iddeterminata b’mod korrett. Hija bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq rapport ta’ kejl imfassal bl-għajnuna ta’ Sistema ta’ Navigazzjoni Globali bis-Satellita minn kumpannija privata u li minnu jirriżulta li ż-żona tal-ħbula li hija ddikjarat fit-talba tagħha hija ta’ 28.75 ettaru.

    24

    Skont is-Staatssecretaris, iż-żoni ddikjarati minn Maatschap fit-talba għall-għajnuna tagħha kienu ġew imqabbla mal-verżjoni aġġornata tas-sistema għall-identifikazzjoni ta’ ħbula agrikoli.

    25

    Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li t-talba għall-għajnuna mressqa minn Maatschap ġiet direttament imqabbla mar-ritratti mill-ajru magħmula wara t-tressiq ta’ din it-talba. Barra minn hekk, dawn l-istess ritratti kienu, ġew użati għall-istabbiliment tal-kartografija tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula aġġornati kull sena. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, id-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010 ġiet adottata biss abbażi ta’ dawn ir-ritratti u tal-informazzjoni tal-kejl li nġabru minnhom.

    26

    F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tikkunsidra li l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 796/2004, li huwa espressament applikabbli meta l-awtorità kompetenti tipproċedi għall-interpretazzjoni tar-ritratti mill-ajru fil-kuntest ta’ verifika fuq il-post, għandha tiġi applikata wkoll meta, bħal fil-kawża prinċipali, tali interpretazzjoni ssir fil-kuntest ta’ kontroll amministrattiv.

    27

    Issa, din l-istess qorti tikkunsidra li, bid-differenza ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra, il-verżjoni Olandiża tal-Artikolu 32(1)(b) tar-Regolament Nru 796/2004 għandha tiġi interpretata fis-sens li kontroll fiżiku fuq il-post huwa neċessarju fi kwalunkwe każ li fih ma jkunx possibbli, abbażi ta’ ritratti mill-ajru, li jiġi stabbilit li d-dikjarazzjoni tal-bidwi kkonċernat hija korretta.

    28

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 796/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha dejjem issir verifika [fiżika] fuq il-post, qabel ma jkun jista’ jiġi deċiż, fuq il-bażi ta’ rittratti mill-ajru li jkunu ttieħdu sabiex tiġi evalwata dikjarazzjoni, li dikjarazzjoni ppreżentata minn bidwi hija ineżatta?”

    Fuq id-domanda preliminari

    Fuq l-ammissibbiltà

    29

    Il-Gvern Olandiż isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ammissibbli minħabba li hija ma hijiex rilevanti sabiex tiġi riżolta l-kawża prinċipali u hija ta’ natura ipotetika. Dan il-gvern sostna li l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 796/2004 jirrigwarda l-kontrolli fuq il-post. Għaldaqstant, peress li, fil-kawża prinċipali, it-talba għall-għajnuna mressqa minn Maatschap għas-sena 2009 ma ġietx ikkunsidrata sabiex isir kontroll fuq il-post u li l-ebda spezzjoni fuq il-post ma twettqet fuq din l-impriża, l-imsemmija dispożizzjoni ma hijiex intiża li tapplika.

    30

    Il-Gvern Olandiż żied li, kuntrarjament għal dak li tindika l-qorti tar-rinviju, it-talba mressqa minn Maatschap fir-rigward tal-pagament uniku għas-sena 2009 ma kinitx imqabbla mar-ritratti mill-ajru, iżda mar-reġistru tal-ħbula, skont dak li hemm ipprovdut fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 796/2004.

    31

    Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolatorju u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara s-sentenza Odar, C‑152/11, EU:C:2101:772, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    32

    L-imsemmija preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkonfutata bis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tkun qiegħda tikkontesta ċerti fatti, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-imsemmija tilwima (sentenza, Amurta, C‑379/05, EU:C:2007:655, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    33

    Issa, il-kwistjoni jekk it-talba mressqa minn Maatschap fir-rigward tal-pagament uniku għas-sena 2009 kinitx direttament imqabbla mar-ritratti mill-ajru jew mar-reġistru tal-ħbula, tikkostitwixxi preċiżament kwistjoni li taqa’ fil-kuntest fattwali li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika.

    34

    Barra dan, is-sempliċi fatt li, skont il-Gvern Olandiż, il-ħbula ta’ Maatschap ma ntgħażlux sabiex isirilhom kontroll fuq il-post mill-awtoritajiet kompetenti ma huwiex ta’ natura li juri b’mod manifest li d-domanda tad-deċiżjoni preliminari hija ipotetika jew mingħajr konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża.

    35

    Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 796/2004 f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża quddiemha, jiġifieri meta t-talba ta’ bidwi ġiet imqabbla direttament ma’ ritratti mill-ajru miġbuda sussegwentement għat-tressiq ta’ din it-talba. Fil-fatt, hija tikkunsidra, li r-regola pprovduta fl-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 796/2004, li hija espressament applikabbli meta l-awtorità kompetenti tagħmel interpretazzjoni tar-ritratti mill-ajru fil-kuntest ta’ verifika fuq il-post, għandha wkoll tapplikah meta din l-interpretazzjoni ssir fil-kuntest ta’ kontroll ikklassifikat bħala “amministrattiv” mill-awtoritajiet kompetenti.

    36

    Għaldaqstant, l-argument tal-Gvern Olandiż skont liema s-Staatsecretaris, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, wettaq esklużivament kontroll amministrattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 796/2004 ma għandux in-natura li jrendi inammissibbli t-talba għal deċiżjoni preliminari.

    37

    Għaldaqstant it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    38

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 796/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta, fil-kuntest ta’ aġġornament tas-sistema għall-identifikazzjoni ta’ ħbula agrikoli, l-awtorità nazzjonali kompetenti tivverifika l-eliġibbiltà tal-għajnuna għall-ħbula ddikjarati fit-talba ta’ pagament uniku ta’ bidwi billi tibbaża fuq ritratti mill-ajru miġbuda sussegwentement għat-tressiq tat-talba, l-imsemmija awtorità għandha, skont dak ipprovdut fl-Artikolu 32(1) tal-imsemmi regolament, tagħmel spezzjoni fiżika fuq il-post meta tikkunsidra li d-dikjarazzjoni magħmula minn dan il-bidwi ma hijiex eżatta.

    39

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont dak ipprovdut fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 73/2009, l-Istati Membri għandhom jagħmlu kontroll amministrattiv tat-talbiet għal għajnuna mressqa mill-bdiewa, bil-għan li jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna.

    40

    Kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 24(1)(ċ) tar-Regolament Nru 796/2004, il-kontrolli amministrattivi għandhom bħala għan li jippermettu s-sejbien ta’ irregolaritajiet u, b’mod partikolari, li tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-għajnuna taż-żoni ddikjarati.

    41

    Għal dan il-għan, kif jirriżulta wkoll mill-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament Nru 73/2009, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jistabbilixxu sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula, li tippermetti t-tqabbil tal-ħbula ddikjarati fit-talba għal għajnuna mressqa mill-bidwi mal-ħbula ta’ riferiment inklużi f’din is-sistema.

    42

    Barra minn hekk, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi li l-imsemmijin kontrolli amministrattivi jitwettqu permezz ta’ sistema ta’ verifiki fuq il-post.

    43

    Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 796/2004, il-kontrolli fuq il-post isiru minn kampjun ta’ kontroll magħżul mill-awtorità kompetenti skont analiżi ta’ riskji u r-rappreżentattività tat-talbiet tal-għajnuna mressqa. L-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi, barra minn hekk, li kontroll fuq il-post jista’ jitwettaq meta l-kontroll amministrattiv ikun wera xi irregolaritajiet.

    44

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 796/2004, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà, bil-għan li jwettqu l-kontrolli fuq il-post, li jagħżlu t-telerilevament. L-Artikolu 32(1)(a) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li t-telerilevament isir permezz ta’ interpretazzjoni ta’ ritratti bis-satellita jew ritratti mill-ajru, filwaqt li l-imsemmi paragrafu (b) jipprovdi spezzjoni fiżika fuq l-art tal-ħbula agrikoli li għalihom l-interpretazzjoni ta’ ritratti ma tippermettix li jiġi konkluż, b’mod sodisfaċenti għall-awtorità kompetenti, li d-dikjarazzjoni tal-bidwi tkun preċiża.

    45

    F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 796/2004 huwa applikabbli għall-kawża pendenti quddiemha peress li s-Staatsecretaris qabbel il-ħbula agrikoli ddikjarati minn Maatschap fit-talba tagħha ma’ ritratti mill-ajru meħuda sussegwentement għat-tressiq ta’ din it-talba.

    46

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta, mingħajr dubju, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 796/2004, kif ukoll mill-istruttura ta’ dan ir-regolament, li dan l-artikolu huwa applikabbli għall-kontrolli fuq il-post.

    47

    Issa, fil-kawża prinċipali ma jidhirx, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li t-talba ta’ Maatschap kienet suġġetta għal tali kontroll.

    48

    Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax la li l-ħbula ta’ Maatschap kienu ntgħażlu, abbażi ta’ analiżi ta’ riskji, sabiex ikunu suġġetti għal kontroll fil-post skont l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 796/2004 u lanqas li l-awtorità kompetenti kkunsidrat xieraq, skont l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, li għandu jsir dan il-kontroll sussegwentement għall-irregolaritajiet li kienu ġew irrivelati minn kontroverifiki.

    49

    Għalhekk, is-Staatsecretaris ma jistax jiġi kkunsidrat a priori li aġixxa fil-kuntest tal-Artikolu 32(1)(a) tar-Regolament Nru 796/2004.

    50

    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-kontroll li wassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010 twettaq mir-ritratti mill-ajru meħuda, sussegwentement għat-tressiq tat-talba għall-għajnuna, fid-dawl tal-aġġornament tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli.

    51

    Fil-fatt, min-naħa l-waħda, mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 73/2009 jirriżulta li s-sistema għall-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli tinkludi, b’mod preferenzjali, kopertura bl-ortoimmaġni mill-ajru jew mill-ispazju, li l-interpretazzjoni tar-ritratti ta’ ritratti bis-satellita jew ritratti mill-ajru tista’ sservi wkoll sabiex tiġi ddeterminata ż-żona eliġibbli għal għajnuna fil-kuntest ta’ kontrolli amministrattivi.

    52

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li s-Staatsecretaris ikkontrolla l-ħbula ddikjarati minn Maatschap, mhux abbażi tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula, iżda mir-ritratti mill-ajru meħuda sussegwentement għat-tressiq tat-talba tal-għajnuna, ma jeskludix li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-kontroll hekk imwettaq jista’ jiġi kklassifikat bħala “amministrattiv”.

    53

    Ċertament, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi li s-sejbien ta’ irregolaritajiet isir, b’mod partikolari, b’mod awtomatiku b’mezzi kkompjuterizzati. Il-paragrafu 1(c) ta’ dan l-artikolu jippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-kontrolli amministrattivi jinkludu l-kontroverifiki mwettqa bejn il-ħbula agrikoli ddikjarati fit-talba unika u l-ħbula ta’ riferiment inklużi fis-sistema għall-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli bil-għan li tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tal-għajnuna għaż-żoni bħala tali.

    54

    Fid-dawl tal-kumplessità tas-sistema integrata, u inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-kontrolli amministrattivi, bid-differenza tal-kontrolli fuq il-post li jistgħu jitwettqu permezz ta’ teħid ta’ kampjuni, għandhom jikkonċernaw it-talbiet kollha għal għajnuna, huwa fil-fatt, indispensabbli li jintużaw mezzi tekniċi u metodi ta’ kontroll xierqa bil-għan li jiġu ttrattati b’mod effikaċi numru kbir ta’ talbiet.

    55

    Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nru 73/2009 u Nru 796/2004 ma tipprekludi li l-kontrolli amministrattivi intiżi sabiex jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-għajnuna taż-żoni ddikjarati minn bidwi fit-talba tiegħu jitwettqu parzjalment b’mod mhux awtomatiku u abbażi tar-ritratti mill-ajru li ma jiffurmawx parti integrali mis-sistema għall-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli, b’riżerva li dawn il-kontrolli jippermettu, skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 796/2004, li tiġi żgurata verifika effettiva tal-osservanza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna kif ukoll tar-rekwiżiti u tal-istandards applikabbli għall-kundizzjonalità.

    56

    Tali sitwazzjoni tista’, b’mod partikolari, isseħħ meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-kontrolli amministrattivi intiżi li jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-għajnuna għall-ħbula ddikjarati minn bidwi ma jkunux jistgħu jitwettqu kompletament abbażi tas-sistema għall-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli minħabba l-aġġornament simultanju tiegħu.

    57

    Is-sistema għall-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli tippermetti l-identifikazzjoni ta’ dawn il-ħbula kollha u li jiġu kkollokati ġeografikament bil-għan, b’mod partikolari, li l-awtorità kompetenti tkun tista’ tikkontrolla li l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għajnuna tal-imsemmija ħbula jkunu ssodisfatti. Għaldaqstant, bil-għan li l-kontrolli awtomatiċi jkunu jistgħu jsiru abbażi ta’ din is-sistema, huwa indispensabbli li l-informazzjoni li tirrigwarda l-ħbula kkonċernati tkun eżatta.

    58

    Fin-nuqqas ta’ dan, hija l-awtorità kompetenti li għandha tieħu l-miżuri neċessarji bil-għan li tiżgura, skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 796/2004, verifika effikaċi tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-għajnuna inkluż, jekk ikun il-każ, li ssir verifika tal-ħbula ddikjarati mill-bidwi meta mqabbla mar-ritratti mill-ajru reċenti li ma jiffurmawx parti integrali mis-sistema għall-identifikazzjoni tal-ħbula agrikoli.

    59

    L-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi li l-konstatazzjoni tal-ineżatezzi fid-dikjarazzjoni tal-bidwi għandha tkun segwita minn proċedura sħiħa amministrattiva adegwata u, jekk ikun il-każ, minn kontroll fuq il-post. Skont l-għan intiż fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 796/2004, għalhekk dan ukoll għandu jgħodd meta l-irregolaritajiet ikunu ntwerew sussegwentement għal tqabbil imwettaq bejn il-ħbula agrikoli ddikjarati fit-talba ta’ pagament uniku u r-ritratti reċenti mill-ajru intżi għall-aġġornament tas-sistema għall-identifikazzjoni ta’ ħbula agrikoli.

    60

    Kif jirriżulta wkoll mill-formulazzjoni tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 796/2004, madankollu, hija l-awtorità kompetenti li għandha tevalwa l-miżuri li għandhom jiġu adottati f’każ ta’ irregolarità kkonstatata.

    61

    Għaldaqstant, meta hija ma jkollha l-ebda dubju fir-rigward tal-informazzjoni ta’ kejl li hija tkun kisbet mir-ritratti mill-ajru għad-dispożizzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun obbligata li tipproċedi għal kejl in situ tal-ħbula inkwistjoni. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, il-marġni ta’ diskrezzjoni b’hekk irrikonoxxut mill-awtorità kompetenti jsir ineffettiv.

    62

    Barra minn hekk, tali interpretazzjoni hija konformi mal-istruttura tar-Regolament Nru 796/2004. L-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 796/2004, fil-fatt, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli fuq il-post permezz ta’ kampjuni u f’proporzjonijiet minimi. Issa, il-possibbiltà li jsiru biss numru mnaqqas ta’ kontrolli fuq il-post, miftuħa għall-Istati Membri għal raġunijiet evidenti marbuta mal-ispejjeż, tiġi pperikolata jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu obbligati li jagħmlu spezzjoni fuq il-post kull meta tiġi kkonstatata irregolarità.

    63

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 796/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kontroverifiki awtomatiċi intiżi li jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-għajnuna għall-ħbula iddikjarati fit-talba ta’ pagament uniku ta’ bidwi jiġu, minħabba l-aġġornament matul is-sistema għall-identifikazzjoni ta’ ħbula agrikoli, ikkompletati permezz ta’ verifika abbażi ta’ ritratti reċenti mill-ajru li jwasslu għall-konstatazzjoni ta’ ineżattezzi fid-dikjarazzjoni tal-istess bidwi, l-awtorità kompetenti ma hijiex obbligata tagħmel spezzjoni fuq il-post, iżda, skont l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sussegwentement. B’mod partikolari, l-imsemmija awtorità ma hijiex obbligata li tagħmel kejl fuq il-post tal-ħbula inkwistjoni meta hija ma jkollha ebda dubju dwar l-informazzjoni ta’ kejl li hija tkun ġabret mir-ritratti mill-ajru għad-dispożizzjoni tagħha.

    Fuq l-ispejjeż

    64

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 972/2007, tal-20 ta’ Awwissu 2007, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-kontroverifiki awtomatiċi intiżi li jivverifikaw l-eliġibbiltà tal-għajnuna għall-ħbula ddikjarati fit-talba ta’ pagament uniku ta’ bidwi jiġu, minħabba l-aġġornament matul is-sistema għall-identifikazzjoni ta’ ħbula agrikoli, ikkompletati permezz ta’ verifika abbażi ta’ ritratti reċenti mill-ajru li jwasslu għall-konstatazzjoni ta’ ineżattezzi fid-dikjarazzjoni tal-istess bidwi, l-awtorità kompetenti ma hijiex obbligata tagħmel spezzjoni fuq il-post, iżda, skont l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati konsegwentement. B’mod partikolari, l-imsemmija awtorità ma hijiex obbligata li tagħmel kejl fuq il-post tal-ħbula inkwistjoni meta hija ma jkollha ebda dubju dwar l-informazzjoni ta’ kejl li hija tkun ġabret mir-ritratti mill-ajru għad-dispożizzjoni tagħha.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top