Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0450

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013.
    HARK GmbH & Co KG Kamin- und Kachelofenbau vs Hauptzollamt Duisburg.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf.
    Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 7307 u 7321 — Settijiet ta’ pajpijiet għall-fuklari — Kunċetti ta’ ‘partijiet’ ta’ fuklari u ta’ ‘tgħamir relatati mal-pajpijiet’.
    Kawża C‑450/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:824

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

    12 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

    “Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 7307 u 7321 — Settijiet ta’ pajpijiet għall-fuklari — Kunċetti ta’ ‘partijiet’ ta’ fuklari u ta’ ‘tgħamir relatati mal-pajpijiet’”

    Fil-Kawża C‑450/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

    HARK GmbH & Co. KG Kamin- und Kachelofenbau

    vs

    Hauptzollamt Duisburg,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

    komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, A. Rosas u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal HARK GmbH & Co. KG Kamin- und Kachelofenbau, minn H.-D. Eich, Rechtsanwalt,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u L. Keppenne, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-intestaturi 7307 u 7321 tan-Nomenklatura Magħquda fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, p. 1), kif emendat mir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1031/2008, tat-19 ta’ Settembru 2008 (ĠU L 291, p.1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Hark GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Hark”) u Hauptzollamt Duisburg dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ sett ta’ pajpijiet għall-fuklar kif ukoll dazji u dazji antidumping fuq l-importazzjoni ta’ dan il-prodott li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

    Il-kuntest ġuridiku

    Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija

    3

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali li stabbiliet is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u l-Protokoll li jemendaha, tal-24 ta’ Ġunju 1986, (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), ġew approvati f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

    4

    Skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tariffarji u tal-istatistika tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żidiet u mingħajr bidliet, kif ukoll il-kodiċi numeriċi relatati magħhom u li ssegwi s-sekwenza numerika tas-SA. L-istess dispożizzjoni tobbliga wkoll lill-partijiet kontraenti sabiex japplikaw ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha ta’ taqsima, ta’ kapitolu u ta’ subintestatura tagħha u sabiex ma jemendawx il-portata tat-taqsimiet, kapitoli, intestaturi u subintestaturi tagħha.

    5

    Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950, japprova, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet dwar il-klassifikazzjoni adottati mill-Kumitat tas-SA, awtorità li l-organizzazzjoni tagħha hija rregolata mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar is-SA. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, il-funzjonijiet ta’ dan il-kumitat jinkludu li jipproponi emendi għaliha u li jipprepara noti ta’ spjega, opinjonijiet dwar il-klassifikazzjoni kif ukoll opinjonijiet oħra dwar l-interpretazzjoni tas-SA.

    6

    In-nota 2 tas-Sezzjoni VX tas-SA dwar il-“partijiet għal użu ġenerali” tipprovdi:

    “Matul in-nomenklatura, l-espresjoni ‘partijiet għal użu ġenerali’ tfisser:

    a)

    oġġetti ta’ titlu 7307, 7312, 7315, 7317 jew 7318 u oġġetti simili ta’ metall ieħor ta’ valur baxx;

    [...]

    F’kapitli 73 sa 76 u 78 sa 82 (iżda mhux f’titlu 7315), riferenzi għal partijiet ta’ oġġetti ma jinkludux riferenzi għal partijiet ta’ użu ġenerali kif definit hawn fuq.

    [...]”

    7

    In-nota ta’ spjega tas-SA dwar it-Taqsima XV, intitolata, “Partijiet”, taqra kif ġej:

    “[...] il-partijiet u provvisti ta’ użu ġenerali (ara n-nota 2 tat-taqsima), ippreżentati iżolati, ma humiex ikkunsidrati bħala partijiet, iżda jsegwu s-sistema proprja tagħhom. Dan japplika wkoll, pereżempju, għall-iskorfini maħsuba b’mod speċjali għar-radjaturi għat-tisħin ċentrali jew ta’ molol partikolari għall-vetturi. Tal-ewwel huma kklassifikati bħala skorfini taħt in-numru 7318 u mhux bħala parti minn radjaturi tant in-numru 7322, filwaqt li t-tieni jaqgħu taħt in-numru 7320 relatat mal-molol u mhux taħt in-numru 8708 li jikkonċerna l-partijiet u aċċessorji tal-vetturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    8

    Skont in-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 7307 tas-SA, din l-intestatura “tinkludi divrsi oġġetti tal-ferrobattuto, tal-ħadid jew tal-azzar, intiżi essenzjalment sabiex jgħaqqdu bejniethom żewġ pajpijiet jew katusi jew pajp ma’ dispożittiv ieħor, jew inkella sabiex jingħalqu pajpijiet, bl-esklużjoni ta’ ċerti oġġetti li, minkejja intiżi għall-muntaġġ ta’ pajpijiet u katusi (pereżempju sleeves li jittwaħħlu mal-ħitan sabiex isostnu l-pajpijiet, l-isleves li jservu sabiex jittwaħħlu l-pajpijiet rotob fuq elementi riġidi bħall-katusi, viti jew partijiet li jgħaqqsu, eċċ.), ma jagħmlux parti integrali minnhom (Nri 7325 jew 7326)”.

    9

    In-nota ta’ spjega dwar l-intestatura 7321 tas-SA, fir-rigward tal-“partijiet” tal-oġġetti li jaqgħu taħt din l-intestatura, tipprovdi:

    “Jaqgħu wkoll taħt din l-intestatura l-partijiet tat-tagħmir imsemmi iktar ’il fuq, tal-ferrobattuto, tal-ħadid jew tal-azzar, nettament rikonoxibbli bħala tali, pereżempju l-pjanċi tal-forn, pjanċi għas-sajran, ashtrays, fuklari, oġġetti li jaħarqu (bil-gass, bil-petrol, eċċ.), bibien, grillji, saqajn, vireg ta’ protezzjoni, vireg għas-srievetu apparat biex isaħħan il-platti”.

    In-NM

    10

    In-NM, stabbilita permezz tar-Regolament Nru 2658/87 u li hija bbażata fuq is-SA, hija intiża sabiex tissodisfa l-eżiġenzi tat-Tariffa Doganali Komuni kif ukoll tal-istatistiċi tal-kummerċ estern tal-Komunità Ewropea.

    11

    L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. Taħt it-Titolu I tan-NM, iddedikat għar-regoli ġenerali, is-Sezzjoni A tipprovdi regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, skont liema ssir il-klassifikazzjoni tal-merkanzija fin-NM. Għalhekk, huwa previst b’mod partikolari li l-klassifikazzjoni ssir legalment skont it-termini tal-intestaturi, u tan-noti ta’ taqsima jew ta’ kapitoli, il-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimiet, ta’ kapitoli jew ta’ sub-kapitoli peress li huwa kkunsidrat li għandhom biss valur indikattiv.

    12

    Il-klassifikazzjoni tal-prodotti mħallta jew oġġetti komposti ssir skont il-prinċipji stabbiliti, b’mod partikolari, fir-regola 3 tan-NM, li l-punt (b) tagħhom jipprovdi:

    “Taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.”

    13

    It-tieni parti tan-NM, tinkludi t-Taqsima XV, iddedikata għal metalli ta’ valur baxx u oġġetti minn metalli ta’ valur baxx. Din it-Taqsima, magħmula mill-Kapitoli 72 sa 83, tinkludi l-Kapitolu 73, intitolat “Oġġetti ta’ ħadid jew azzar”. Fost in-noti introduttivi tal-imsemmija taqsima, hemm in-nota 2 li tipprovdi:

    “Matul in-nomenklatura, l-espresjoni ‘partijiet għal użu ġenerali’ tfisser:

    a)

    oġġetti ta’ titlu 7307, 7312, 7315, 7317 jew 7318 u oġġetti simili ta’ metall ieħor ta’ valur baxx;

    [...]

    F’Kapitli 73 sa 76 u 78 sa 82 (iżda mhux f’titlu 7315), riferenzi għal partijiet ta’ oġġetti ma jinkludux riferenzi għal partijiet ta’ użu ġenerali kif definit hawn fuq.

    [...]”

    14

    L-intestatura 7307 tan-NM hija fformulata kif ġej:

    “Tagħmir [aċċessorji] ta’ tubi u pajpijiet (per eżempju, couplings, liwjiet minkeb, sleeves), ta’ ħadid jew azzar:

    [...]

    Oħrajn:

    7307 99 – – oħrajn:

    [...]

    7307 99 90 – – – oħrajn”.

    15

    L-intestatura 7321 tan-NM hija fformulata kif ġej:

    “Fuklari, stufi, gradilji, kukers (inklużi dawk b’kaldaruni sussidjarji għal tisħin ċentrali), barbikju, braċieri, ċrieki tal-gass, apparat għat tisħin tal-platti u tagħmir simili tad -dar mhux ta’ l-elettriku, u partijiet tagħom, ta’ ħadid jew azzar:

    [...]

    7321 90 00 – Partijiet”.

    16

    L-intestatura 7326 tan-NM hija fformulata kif ġej:

    “Oġġetti oħrajn ta’ ħadid jew azzar

    [...]”

    Ir-Regolament (KE) Nru 964/2003

    17

    Permezz tar-Regolament (KE) Nru 964/2003, tat-2 ta’ Ġunju 2003, li jimponi dazji definittivi ta’ kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti tubi jew pajpijiet aċċessorji, tal-ħadid u l-azzar, li joriġinaw mir-Repubbliċi tal-Popli taċ-Ċina u t-Tajlandja, u dawk ikkunsinnati mit-Tajwan, sewwa jekk le ddikjarati bħala oriġinarji mit-Tajwan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 275), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea stabbilixxa dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjoni ta’ ċerti aċċessorji ta’ pajpijiet tal-ħadid jew tal-azzar, li l-ikbar dijametru estern tagħhom ma jeċċedix 609.6 millimetri, tat-tip użat, fost l-oħrajn, għal saldaturi tarf ma’ tarf, li jaqgħu, fost l-oħrajn, taħt il-kodiċi NM ex 7307 99 90, li joriġinaw b’mod partikolari miċ-Ċina. Id-dazju antidumping fis-seħħ fid-data ta’ meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali għall-imsemmija prodotti importati miċ-Ċina kien ta’ 58.6 %.

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    18

    Hark importat fil-Ġermanja settijiet ta’ pajpijiet għall-fuklari tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina. Dawn is-settijiet, ippreżentati f’imballaġġ intiż għall-bejgħ bl-imnut, huma magħmulin minn pajp mgħawweġ f’anglu rett b’tapp sabiex ikun hemm għeluq li jippermetti tindif intern, parti oħra li tgħaqqad maċ-ċumnija u valv adegwat, fejn dawn il-partijiet kollha huma miksijin b’verniċ reżistenti għat-temperaturi għoljin.

    19

    Fit-28 ta’ Lulju 2009, Hark ippreżentat lill-Hauptzollamt Duisburg dikjarazzjoni ta’ importazzjoni tal-imsemmija settijiet ta’ pajpijiet għall-fuklari skont is-sub-intestatura 7321 90 00 tan-NM, li l-partijiet tal-“Fuklari, stufi, gradilji, kukers (inklużi dawk b’kaldaruni sussidjarji għal tisħin ċentrali), barbikju, braċieri, ċrieki tal-gass, apparat għat tisħin tal-platti u tagħmir simili tad -dar mhux ta’ l-elettriku, u partijiet tagħom, ta’ ħadid jew azzar” jaqgħu taħtha li għalihom id-dazju huwa ta’ 2.7 %. Is-settijiet ta’ pajpijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew irrilaxxati, kif ġie mitlub.

    20

    Wara kontroll imwettaq wara importazzjoni oħra minn Hark ta’ tali settijiet, il-Hauptzollamt Duisburg, billi qieset li l-oġġetti importati kienu fil-fatt jaqgħu taħt is-sub-intestatura 7307 99 90 tan-NM dwar “Tagħmir ta’ tubi u pajpijiet (per eżempju, couplings, liwjiet minkeb, sleeves), ta’ ħadid jew azzar”, oħra, ħarġet, fl-20 ta’ Mejju 2010, avviż ta’ tassazzjoni li permezz tiegħu talbet il-ħlas a posteriori ta’ dazju, iffissat għal 3.7 %, u, skont ir-Regolament Nru 964/2003, dazju antidumping, iffissat għal 58.6 % minħabba li dawn l-oġġetti joriġinaw miċ-Ċina.

    21

    Hark ressqet ilment kontra l-imsemmi avviż ta’ tassazzjoni, li ġie miċħud mill-Hauptzollamt Duisburg fl-10 ta’ Awwissu 2011.

    22

    Il-Hauptzollamt Duisburg ikkunsidrat li, skont in-noti ta’ spjega kemm tas-SA kif ukoll tan-NM, l-intestatura 7307 kienet tinkludi l-oġġetti intiżi essenzjalment sabiex jgħaqqdu jew jikkomunikaw bejniethom pajpijiet jew katusi ma’ parti oħra jew inkella sabiex jagħlqu ċerti pajpijiet. Barra minn hekk, il-Hauptzollamt Duisburg qieset li l-oġġetti li jaqgħu taħt l-intestatura 7307 huma, fis-sens tan-nota 2(a) tat-Taqsima XV tan-NM, partijiet ta’ użu ġenerali li ma għandhomx jissemmew fid-dettall fil-formulazzjoni tal-imsemmija intestatura. Hija żżid li l-oġġetti tal-intestatura 7307 tan-NM għandhom jiġu kkunsidrati bħala partijiet ta’ użu ġenerali, b’mod li għandhom jiġu kklassifikati skont il-karatteristiċi proprja tagħhom, anki meta jistgħu b’mod ċar jintużaw għal merkanzija prinċipali partikolari. Barra minn hekk, skont din l-awtorità, fin-noti ta’ spjega tas-SA, fl-ebda mument ma hemm riferiment għall-ebda norma skont liema l-imsemmija intestatura tapplika biss għall-pajpijiet u għall-aċċessorji intiżi għat-trasport ta’ fluwidi.

    23

    Hark ippreżentat rikors għall-annullament ta’ dan l-avviż ta’ tassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Quddiem din tal-aħħar sostniet, b’mod partikolari, li l-pajpijiet għad-duħħan, ikkonċepiti b’mod speċjali għall-evakwazzjoni ta’ gassijiet kombustibbli mill-fuklari, ma jistgħux jiġu kkunsidrati li huma ta’ użu ġenerali. Hija żiedet li l-oġġetti li hija timporta huma intiżi għall-montaġġ mhux ta’ pajpijiet u ta’ katusi, iżda ta’ fuklari, li għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati li jaqgħu taħt l-intestatura 7307 tan-NM moqrija fid-dawl tan-noti ta’ spjega tas-SA. Barra minn hekk, l-oġġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma oġġetti lesti li jistgħu jiġu mmontati faċilment, kuntrarjament għall-pajpijiet u għall-katusi li huma intiżi sabiex jinbidlu u għandhom jingħaqdu b’mezzi tekniċi.

    24

    Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, skont ir-regola ġenerali 3(b) tan-NM, fir-rigward ta’ merkanzija ppreżentata f’taħlita ta’ oġġetti li l-klassifikazzjoni tagħha ma tistax issir skont ir-regola ġenerali 3(2) tan-NM, din hija kklassifikata skont il-materjali jew l-element li jagħtiha n-natura essenzjali tagħha. Fil-kawża pendenti quddiemha, din il-qorti tqis li l-parti tal-pajp f’angolu rett tiddetermina n-natura essenzjali tas-settijiet ta’ pajpijiet għall-fuklari inkwistjoni. Hija tirrileva wkoll li dawn is-settijiet huma indispensabbli għall-funzjonament tal-fuklari. Fil-fatt, mingħajr il-parti li tgħaqqad li s-sett ta’ pajpijiet għall-fuklari jgħaqqad mal-katusa taċ-ċumnija, il-fuklar ma jkunx jista’ jintuża fil-kamra magħluqa għaliex kieku jħalli joħroġ gass kombustibbli, li jikkomprometti b’mod partikolari s-sigurtà tal-użu tal-fuklar. Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju tosserva li s-sett ta’ pajpijiet għall-fuklari huwa intiż esklużivament għall-fuklari. Barra minn hekk, hija tirrileva li, minħabba d-daqs tagħha, jiġifieri dijametru estern ta’ 154 mm u dimensjonijiet esterni ta’ 495 mm x 595 mm, din ma hijiex sempliċi tgħaqqid, iżda parti essenzjali li tgħaqqad mal-evakwazzjoni tal-gass kombustibbli tal-fuklar.

    25

    Peress li madankollu kellha dubji rigward il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ tali oġġetti bħala “tagħmir [aċċessorji] ta’ tubi u pajpijiet” taħt l-intestatura 7307 tan-NM jew bħala “partijiet”, tal-azzar, tal-Fuklari, stufi, gradilji, kukers” taħt l-intestatura 7321 tan-NM, il-Franzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1)

    L-intestatura 7321 tan-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-pajpijiet għall-fuklari, deskritti f’iktar dettall fit-talba, għandhom jitqiesu bħala partijiet minn fuklari, stufi, gradilji u kukers?

    2)

    Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, il-pajpijiet għall-fuklari jkunu jistgħu jiġu inklużi taħt l-intestatura 7307 [tan-NM]?”

    Fuq id-domandi preliminari

    26

    Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li sett ta’ pajpijiet għall-fuklari, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi pajp mgħawweġ f’angolu rett, tal-azzar b’dijametru estern ta’ 154 mm u b’dimensjonijiet esterni ta’ 495 mm x 595 mm, miksi b’verniċ reżistenzi għal temperaturi għolijin u magħluq b’tapp sabiex ikun hemm għeluq li jippermetti tindif intern, parti oħra li tgħaqqad maċ-ċumnija u valv adegwat jaqax taħt l-intestatura 7321 tan-NM, bħala parti, tal-azzar, minn fuklar, jew taħt l-intestatura 7307 tan-NM, bħala aċċessorju tal-pajpijiet.

    27

    Fir-rigward tas-settijiet tal-pajpijiet għall-fuklar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ippreżentati f’selezzjoni f’imballaġġ għall-bejgħ bl-imnut, ma huwiex ikkontestat quddiem il-qorti tar-rinviju li, fost it-tliet oġġetti li jikkomponuh, il-parti tal-pajp f’angolu rett tagħti lis-settijiet, fis-sens tar-regola ġenerali 3(b) tan-NM, in-natura essenzjali tagħhom, li tiddetermina b’hekk il-klassifikazzjoni tariffarja tat-tliet oġġetti inkwistjoni.

    28

    Hark issostni li din il-parti tal-pajp f’angolu rett tikkostitwixxi parti intiża esklużivament biex tgħaqqad il-fuklar mal-katusa taċ-ċumnija, u tippreċiża li, fin-nuqqas ta’ tali parti li tgħaqqad, ma jkunx hemm parti li twassal għall-arja li tippermetti l-evakwazzjoni tal-gass kombustibbli tal-fuklar fil-katusa taċ-ċumnija. Minn dan isegwi li n-nar kieku jintefa’ ftit wara li jkun ħa, minħabba l-gass kombustibbli li jkun għad fadal. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-ftuħ tal-bieba tal-fuklar jirriskja li jipprovoka splużjoni tal-gassijiet mhux maħruqa fil-fuklar. Konsegwentement, hija tqis li l-imsemmija parti tal-pajp f’angolu rett hija indispensabbli għall-funzjonament tal-fuklar u għandha, għalhekk, tiġi kklassifikata fl-intestatura 7321 tan-NM, bħala parti minn fuklar.

    29

    Il-Kummissjoni tqis, għall-kuntrarju, li din l-istess parti tal-pajp f’angolu rett, minħabba l-karatteristiċi tagħha u l-kwalitajiet oġġettivi tagħha, għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura 7307 tan-NM, bħala aċċessorju tal-pajpijiet. Skont din l-istituzzjoni, il-fatt li l-parti tal-pajp f’angolu rett hija intiża esklużivament għall-funzjonament tal-fuklar u li hija indispensabbli għal dan il-funzjonament ma humiex kriterji relevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ din il-parti f’intestatura jew oħra. Il-Kummissjoni ssostni, f’dan ir-rigward, li d-destinazzjoni ta’ prodott hija biss kriterju supplimentari għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tariffarja tiegħu u li, fir-rigward ta’ prodott li jaqa’ taħt “partijiet u fornituri ġenerali” fis-sens tan-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM, id-destinazzjoni ta’ tali prodott ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja tiegħu.

    30

    Skont ġurisprudenza stabbilita, sew fl-interess taċ-ċertezza legali kif ukoll għall-faċilità ta’ verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha, ġeneralment, titfittex fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u fit-taqsima jew noti tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe et, C‑336/11, punt 31).

    31

    Fil-fatt, mir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ merkanzija hija determinata legalment mill-formulazzjoni tal-intestaturi, is-sub-intestaturi kif ukoll in-noti ta’ taqsimiet u ta’ kapitoli tan-NM li huma vinkolanti fil-liġi (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, TNT Freight Management (Amsterdam), C‑291/11, punt 31).

    32

    Barra minn hekk, in-noti ta’ spjega mħejjija, f’dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Mondjali tad-Dwana, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma huma legalment vinkolanti (sentenza TNT Freight Management, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

    33

    Għandu jitfakkar ukoll li d-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn tkun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u kwalitajiet oġġettivi ta’ dan (sentenza TNT Freight Management, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Il-partijiet tal-pajp f’angolu rett, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huma inklużi speċifikament la fil-formulazzjoni tal-intestaturi 7321 jew 7307 tan-NM, la f’dik tan-noti ta’ taqsimiet jew ta’ kapitoli ta’ din tal-aħħar u lanqas fin-noti ta’ spjega tan-NM jew tas-SA.

    35

    Fir-rigward tal-intestatura 7321 tan-NM, mill-eżami ta’ din l-intestatura jirriżulta li din tinkludi b’mod partikolari “fuklari” kif ukoll il-“partijiet tagħhom, ta’ ħadid jew azzar”, filwaqt li s-sub-intestatura 7321 90 00 tan-NM tifferi speċifikament għall-“partijiet”.

    36

    In-NM ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “partijiet” fis-sens tal-intestatura 7321 tan-NM. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata fil-kuntest tal-Kapitoli 84, 85 tat-Taqsima XVI u tal-Kapitolu 90 tat-Taqsima XVIII tan-NM jirriżulta li l-kunċett ta’ “partijiet” jimplika l-preżenza ta’ ragruppament li għall-funzjonament tagħhom dawn huma indispensabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, Ġabra p. I-1559, punt 31; tas-16 ta’ Ġunju 2011 Unomedical, C-152/10, Ġabra p. I-5433, punt 29, kif ukoll Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex oġġett ikun jista’ jikkwalifika bħala “partijiet” fis-sens tal-imsemmija kapitoli, ma huwiex biżżejjed li jintwera li, mingħajr dan l-oġġett, il-magna jew apparat ma jkunx f’pożizzjoni li jirrispondi għall-bżonnijiet li huwa destinat għalihom. Għandu jiġi stabbilt li l-funzjonament mekkaniku jew elettriku tal-magna jew tal-apparat inkwistjoni hija kkundizzjonata mill-imsemmi oġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 2002, Turbon International, C-276/00, Ġabra p. I-1389, punt 30, kif ukoll Rohm & Haas Electronic Materials CMP Europe et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35). Barra minn hekk, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-nota 2(a) tat-Taqsima XV tan-NM li tippreċiża li “partijiet” bħal fl-intestatura 7321 ta’ din in-nomenklatura tkopri biss il-“partijiet u provvisti ta’ użu ġenerali”.

    37

    Fl-interess tal-applikazzjoni koerenti u uniformi tat-tariffa doganali komuni, il-kunċett ta’ “partijiet” fis-sens tal-intestatura 7321 tan-NM għandu jingħata l-istess definizzjoni bħal dik li tirriżulta mill-ġurisprudenza mogħtija fir-rigward ta’ kapitoli oħra tan-NM, kif imfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

    38

    F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-parti tal-pajp f’angolu rett fil-kawża prinċipali kif ukoll il-parti li tgħaqqad u l-valv huma intiżi esklużivament għall-fuklari. Barra minn hekk, l-imsemmija parti sservi biex tgħaqqad il-fuklar għall-katusa taċ-ċumnija. Fin-nuqqas ta’ tali tgħaqqid, il-fuklar ma jkunx jista’ jintuża għaliex joħroġ il-gass kombutistibbli.

    39

    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-parti tal-pajp f’angolu rett hija indispensabbli għall-funzjonament tal-fuklar. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, tali parti tal-pajp f’angolu rett hija għalhekk suxxettibbli li tiġi kkwalifikata bħala “parti” minn fuklar u, għaldaqstant, li tiġi kklassifikata fl-intestatura 7321 tan-NM.

    40

    Madankollu għandu jiġi eżaminat jekk il-parti tal-pajp f’angolu rett għandhiex tiġi kklassifikata fl-intestatura 7307 tan-NM, bħala “tagħmir [aċċessorji] tal-pajpijiet”, li jeskludi, skont in-nota 2 tat-Taqsima XV tan-NM, imfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni ta’ din il-parti bħala “parti” mill-fuklar” fis-sens tal-intestatura 7321 tan-NM.

    41

    L-intestatura 7307 tan-NM tinkludi l-aċċessorji tal-pajpijiet (per eżempju, couplings, liwjiet minkeb, sleeves), “ta’ ħadid jew azzar”. Skont in-nota ta’ spjega relatata ma’ din l-intestatura 7307 tas-SA, hija tinkludi diversi oġġetti “ta’ ħadid jew azzar”, intiżi essenzjalment sabiex jgħaqqdu jew jikkomunikaw bejniethom żewġ pajpijiet jew elementi tubulari jew pajp għal oġġett ieħor, jew inkella sabiex tagħlaq ċerti pajpijiet.

    42

    Fil-każ fil-kawża prinċipali, mill-konstatazzjonijiet fattwali tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li parti ta’ pajp mgħawġa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex intiża sabiex tgħaqqad żewġ pajpijiet jew katusi bejniethom jew inkella pajp ma’ element ieħor, iżda sabiex tgħaqqad fuklar mal-katusa taċ-ċumnija. Għaldaqstant, din il-parti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala parti ta’ użu ġenerali fis-sens tan-nota 2(a) tat-Taqsima XV tan-NM.

    43

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li oġġett bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kklassifikat taħt l-intestatua 7307 tan-NM u ma jaqax taħt “partijiet u provvisti ta’ użu ġenerali” fis-sens tan-nota 2(a) tat-Taqsima XV tan-NM. Dan għandu, min-naħa l-oħra, jiġi kklassifikat, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kwalitajiet oġġettivi tiegħu u tad-destinazzjoni inerenti għall-imsemmi oġġett, fl-intestaturi 7321 tan-NM, bħala “parti” tal-azzar tal-fuklar.

    44

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li sett ta’ pajpijiet għall-fuklar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi pajp mgħawweġ f’anoglu rett, tal-azzar, b’dijametru estern ta’ 154 mm u b’dimensjonijiet esterni ta’ 495 mm x 595 mm, miksi b’verniċ reżistenti għal temperaturi għoljin u magħluq b’tapp sabiex ikun hemm għeluq li jippermetti tindif intern għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 7321 tan-NM, bħala parti, tal-azzar, ta’ fuklar.

    Fuq l-ispejjeż

    45

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni Nru 1031/2008, tat-19 ta’ Settembru 2008, għandha tiġi interpretata fis-sens li sett ta’ pajpijiet għall-fuklar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi pajp mgħawweġ f’anoglu rett, tal-azzar, b’dijametru estern ta’ 154 mm u b’dimensjonijiet esterni ta’ 495 mm x 595 mm, miksi b’verniċ reżistenti għal temperaturi għoljin u magħluq b’tapp sabiex ikun hemm għeluq li jippermetti tindif intern għandu jiġi kklassifikat fl-intestatura 7321 tan-NM Magħquda, bħala parti, tal-azzar, ta’ fuklar.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top