This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0429
Judgment of the Court (Second Chamber), 16 January 2014.#Siegfried Pohl v ÖBB Infrastruktur AG.#Request for a preliminary ruling from the Oberlandesgericht Innsbruck.#Reference for a preliminary ruling — Equal treatment in employment and occupation — Article 21 of the Charter of Fundamental Rights of the European Union — Article 45 TFEU — Directive 2000/78/EC — Difference in treatment on grounds of age — Determination of the reference date for the purposes of advancement on the salary scale — Limitation period — Principle of effectiveness.#Case C‑429/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014.
Siegfried Pohl vs ÖBB Infrastruktur AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ‑ Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ‑ Artikolu 45 TFUE ‑ Direttiva 2000/78/KE ‑ Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ‑ Determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet ta’ avvanz fl-iskala tas-salarju ‑ Terminu ta’ preskrizzjoni ‑ Prinċipju ta’ effettività.
Kawża C‑429/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Jannar 2014.
Siegfried Pohl vs ÖBB Infrastruktur AG.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol ‑ Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ‑ Artikolu 45 TFUE ‑ Direttiva 2000/78/KE ‑ Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ‑ Determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet ta’ avvanz fl-iskala tas-salarju ‑ Terminu ta’ preskrizzjoni ‑ Prinċipju ta’ effettività.
Kawża C‑429/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:12
*A9* Oberlandesgericht Innsbruck, Beschluss vom 28/08/2012 (13 Ra 23/12y (2))
*P1* Oberlandesgericht Innsbruck, Urteil vom 19/02/2014 (13 Ra 23/12y (5))
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
16 ta’ Jannar 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol — Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 45 TFUE — Direttiva 2000/78/KE — Differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età — Determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet ta’ avvanz fl-iskala tas-salarju — Terminu ta’ preskrizzjoni — Prinċipju ta’ effettività”
Fil-Kawża C‑429/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Awwissu 2012 u tas-16 ta’ Awwissu 2013, li waslu rispettivament fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Settembru 2012 u fit-22 ta’ Awwissu 2013, fil-proċedura
Siegfried Pohl
vs
ÖBB - Infrastruktur AG,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal S. Pohl, minn C. Schöffthaler u U. Willi, Rechtsanwälte, |
— |
għal ÖBB - Infrastruktur AG, minn C. Wolf, Rechtsanwalt, |
— |
għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz, D. Martin u F. Schatz, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 45 TFUE u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Pohl u l-persuna li timpjega preċedenti tiegħu, ÖBB - Infrastruktur AG (iktar ’il quddiem “ÖBB”), dwar id-determinazzjoni, waqt ir-reklutaġġ tiegħu f’impjieg permanenti fl-1 ta’ Lulju 1977, tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-progres fl-iskala tas-salarju marbuta ma’ dan l-impjieg u l-konsegwenzi tal-istabbiliment tal-imsemmija data għall-klassifikazzjoni tiegħu fuq din l-iskala kif ukoll għall-kalkolu tas-salarju tiegħu u tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-“iskop [...] li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament”. |
4 |
L-Artikolu 2 tad-din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi: “1. Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġguni msemmija fl-Artikolu 1. 2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:
[...]” |
5 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċci, f’dak li jirrigwarda:
[...]
[...]” |
6 |
Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”: “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment ġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji. Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludu:
[...]” |
Id-dritt Awstrijak
7 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-1963 dwar ir-remunerazzjonijiet fi ħdan il-ferroviji [Bundesbahn‑Besoldungsordnung 1963 (BGBl. 170/1963), iktar ’il quddiem il-“BBO”], intitolat “Data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz”, jiddisponi: “(1) Id-data ta’ referenza tal-avvanz għandha tkun iddeterminata fis-sens li — ħlief għall-perijodi ta’ qabel l-egħluq tal-età ta’ 18-il sena u b’riżerva tad-dispożizzjonijiet restrittivi tas-subparagrafi 4 sa 7 — huma meqjusa li jippreċedu l-jum tal-impenn:
(2) Skont is-subparagrafu 1(a), għandhom jitqiesu li jippreċedi l-jum tal-impenn:
[...]” |
8 |
L-Artikolu 1480 tal-Kodiċi Ċivili Awstrijak (Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch) jiddisponi: “Id-dejn relatat ma’ servizzi annwali b’lura, fl-interess partikolari ta’ interessi [ ...] jiskadi fi tliet snin; id-dritt bħala tali huwa preskritt bin-nuqqas ta’ użu matul tletin sena”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
Fil-25 ta’ Novembru 1974 S. Pohl issieħeb mal-kumpannija li kienet il-predeċessur fid-dritt ta’ ÖBB. Huwa kien impjegat minn din il-kumpannija f’impjieg permanenti fl-1 ta’ Lulju 1977. F’din l-okkażjoni d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ta’ S. Pohl fl-iskala tas-salarju marbut mal-impjieg li kien jokkupa ġiet stabbilita, mill-imsemmija kumpannija, fit-12 ta’ Novembru 1971. Għal dan il-għan, il-perjodi ta’ servizz l-oħra mwettqa ma’ din il-kumpannija ġew ikkunsidrati li ppreċedew ir-reklutaġġ tiegħu fl-intier tagħhom. Il-perijodi l-oħra ta’ servizz mwettqa sa mill-età ta’ 18-il sena ma’ diversi impriżi li jinsabu fl-Awstrija ġew ikkunsidrati biss sa nofs it-tul tagħhom. Il-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena ma ġewx ikkunsidrati waqt id-determinazzjoni tad-data ta’ referenza. |
10 |
Wara li rtira b’mod temporanju fl-4 ta’ Marzu 2002, S. Pohl irtira b’mod permanenti fl-4 ta’ Marzu 2005. Fi tmiem l-aħħar avvanz tiegħu, li seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, S. Pohl kien ikklassifikat fl-iskala tas-salarju 15. |
11 |
B’azzjoni mibdija fit-2 ta’ Awwissu 2011 kontra ÖBB quddiem il-Landesgericht Innsbruck (qorti tal-ewwel istanza ta’ Innsbruck), S. Pohl talab li jiġi kkonstatat li kien laħaq fl-1 ta’ Jannar 2002 l-iskala tas-salarju 16. Huwa talab, sussidjarjament, li ÖBB tiġi kkundannata tħallsu, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-4 ta’ Marzu 2002, id-differenza fis-salarju bejn l-iskala 16 u l-iskala 15 u, mill-5 ta’ Marzu 2002, id-differenza bejn il-benefiċċji tal-irtirar li rċieva u dawk dovuti skont l-iskala 16. |
12 |
S. Pohl sostna, essenzjalment, li l-perijodi ta’ servizz li wettaq qabel l-età ta’ 18-il sena kif ukoll dawk imwettqa wara l-età ta’ 18-il sena u sal-24 ta’ Novembru 1974 kellhom jiġu kkunsidrati fit-totalità tagħhom meta tiġi stabbilita d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz tiegħu fl-iskala tas-salarju marbut mal-impjieg tiegħu fi ħdan ÖBB. Jekk dawn il-perijodi ta’ attività kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata din id-data ta’ referenza, kien jirriżulta minn dan, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament tal-1963 fuq ir-remunerazzjonijiet fi ħdan il-qasam tal-ferroviji, li S. Pohl ikun ġie kklassifikat fl-iskala tas-salarju 16 qabel ma rtira temporanjament fl-4 ta’ Marzu 2002. |
13 |
L-azzjoni ta’ S. Pohl ġie miċħuda fl-ewwel istanza mil-Landesgericht Innsbruck. |
14 |
S. Pahl ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
15 |
Rigward id-determinazzjoni tad-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ta’ S. Pohl fl-iskala tas-salarju, din il-qorti tqis li huwa xieraq li ssir distinzjoni bbażata fuq il-mument meta huwa laħaq l-età ta’ 18-il sena. L-esklużjoni tal-perijodi ta’ servizz qabel dik id-data għall-kalkolu tad-data ta’ referenza waqt ir-reklutaġġ tiegħu f’impjieg permanenti tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età. It-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi sa nofs it-tul tagħhom mill-età ta’ 18-il sena sal-24 ta’ Novembru 1974 jista’ jkun kuntrarju għall-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fit-trattament kif ukoll għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tinsab fl-Artikolu 45 TFUE. |
16 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju osservat li, skont it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli skont id-dritt nazzjonali, id-dritt ta’ S. Pohl li jitlob l-evalwazzjoni mill-ġdid tad-data ta’ referenza huwa preskritt. Hija tiddeduċi minn dan li, skont id-dritt nazzjonali, id-drittijiet li S. Pohl qed isostni f’din il-kawża sabiex jikseb ħlas ulterjuri ta’ remunerazzjoni u ta’ pensjoni huma wkoll preskritti. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Innsbruck iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
18 |
B’ittra tas-17 ta’ Lulju 2013, il-qorti tar-rinviju bagħtet lill-Qorti tal-Ġustizzja digriet tal-Oberster Gerichtshof tas-27 ta’ Ġunju 2013, li permezz tagħha din il-qorti ddeċidiet li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja diversi domandi preliminari li jirrigwardaw kwistjoni simili bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża. |
19 |
Wara l-wasla ta’ din l-ittra, il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti tar-rinviju li tindikalha jekk riditx timmodifika jew tirtira, parzjalment jew totalment, id-domandi preliminari magħmula skont id-digriet tagħha tat-28 ta’ Awissu 2012. |
20 |
Bi tweġiba għal din it-talba, il-qorti tar-rinviju rrinvjat, b’deċiżjoni li waslet fil-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Awwissu 2013, domanda preliminari addizzjonali, li hija fformulata kif ġej: “Id-dritt tal-Unjoni fis-seħħ attwalment, b’mod partikolari,
jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ oriġini leġiżlattiva, tas-27 ta’ Diċembru 2011 applikabbli retroattivament mill-1 ta’ Jannar 2004, li tneħħi d-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari fuq is-sentenza [Hütter, iċċitata iktar ’il fuq], li jittieħdu kont, mingħajr diskriminazzjoni minħabba l-età, tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena, kif ukoll tad-drittijiet għal remunerazzjoni li jirriżultaw, billi jkun estiż, sabiex tkun stabbilita data ġdida għall-finijiet tal-avvanz, fl-istess żmien ta’ sena t-terminu għall-aċċess għall-iskala ogħla f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ta’ paga?” |
Fuq it-tielet domanda preliminari
21 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tingħata risposta għaliha fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, li jibda jgħodd mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġiet stabbilita jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, id-dritt għal impjegat li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tal-perijodu ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din id-data ta’ referenza. |
22 |
Din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi aċċettat li dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mhux mill-konklużjoni tal-ftehim li fil-kuntest tiegħu d-data ta’ referenza ġiet stabbilita jew mill-klassifikazzjoni għal skala ta’ salarju żbaljata, iżda jibda jgħodd mid-dati meta ngħataw rispettivament is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Österreichischer Gewerkschaftsbund u Hütter. |
23 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li, meta f’qasam partikolari jkun jeżisti l-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jaħtar il-qrati kompetenti u li jistabbilixxi regoli proċedurali għal azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li l-individwi jinvokaw taħt id-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa waħda, tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju tal-ekwivalenza) u li ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C-89/10 u C-96/10, Ġabra p. I-7819, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprevedix regoli relatati mat-termini mogħtija sabiex isir rikors f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
25 |
Minn dan isegwi li huwa kull Stat Membru kkonċernat li għandu jirregola, fi ħdan l-ordinament ġuridiku tiegħu, tali modalità proċedurali, b’riżerva tal-osservanza tal-prinċipji tal-ekwivalenza u ta’ effettività. |
26 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan jeħtieġ li r-regoli kollha applikabbli għar-rikorsi japplikaw mingħajr distinzjoni għar-rikorsi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt nazzjonali (sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth, C-542/08, Ġabra p. I-3189, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
F’din il-kawża, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena previst mid-dritt nazzjonali japplika irrispettivament mill-fatt jekk il-ksur tad-dritt invokat jaqax taħt id-dritt tal-Unjoni jew taħt id-dritt nazzjonali. |
28 |
Għaldaqstant, tali regola ta’ preskrizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kuntrarja għall-prinċipju ta’ ekwivalenza. |
29 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini taħt piena ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali sa fejn tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Barth, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Rigward il-kwistjoni dwar jekk id-dati rispettivi tal-għoti tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Österreichischer Gewerkschaftsbund u Hütter għandhomx effett fuq il-bidu tad-dekorrenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit mid-dritt nazzjonali, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika, meta jkun neċessarju, is-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Fi kliem ieħor, deċiżjoni preliminari ma għandhiex valur kostituttiv, iżda purament dikjarattiv, bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Rigward il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jaqa’, bħala prinċipju, taħt id-dritt nazzjonali u li l-konstatazzjoni sussegwenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jkollhiex impatt fuq dan il-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Q-Beef u Bossschaert, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
Għaldaqstant, id-dati rispettivi tal-għoti tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Österreichischer Gewerkschaftsbund u Hütter huma mingħajr effett fuq il-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, huma irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-osservanza, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tal-prinċipju ta’ effettività. |
33 |
B’hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, skont id-dritt nazzjonali, dan il-bidu ta’ dekorrenza jikkorrispondi għad-data tal-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza tkun ġiet stabbilita jew tal-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, jiġifieri, fil-kawża prinċipali, il-25 ta’ Novembru 1974. Il-qorti tar-rinviju tosserva f’dan ir-rigward li, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, id-dritt għal S. Pohl li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tad-data ta’ referenza huwa preskritt mill-24 ta’ Novembru 2004, jiġifieri ħafna qabel l-introduzzjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali, fit-2 ta’ Awwissu 2011. |
34 |
Ma jistax jiġi kkontestat li tali terminu jikkostitwixxi terminu raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. |
35 |
Barra minn hekk, minħabba l-fatt li r-rikors ta’ S. Pohl jirrigwarda, essenzjalment, il-legalità tal-aħħar avvanz tiegħu fl-iskala tas-salarju, li seħħ fl-1 ta’ Jannar 2002, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-dritt nazzjonali, kien għad għandu kważi tliet snin sabiex jippreżenta r-rikors tiegħu mid-deċiżjoni fuq l-aħħar avvanz tiegħu fuq din l-iskala. |
36 |
Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li S. Pohl seta’ bbaża t-talba tiegħu fuq l-Artikolu 45 TFUE jew fuq id-Direttiva 2000/78, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, dan l-artikolu jista’ jiġi invokat quddiem il-qrati Awstrijaċi mill-1 ta’ Jannar 1995, id-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija mal-Unjoni, jiġfieri matul perijodu ta’ kważi għaxar snin qabel l-iskadenza tat-terminu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u min-naħa l-oħra, it-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 skada fit-3 ta’ Diċembru 2003, li jħalli perijodu ta’ kważi sena sabiex S. Pohl jippreżenta rikors sabiex jinforza d-drittijiet tiegħu quddiem l-imsemmija qrati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena previst mid-dritt nazzjonali, li beda jiddekorri mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza ġiet stabbilita jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, ma kienx tali li jrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li S.Pohl jieħu, jekk ikun il-każ, mid-dritt tal-Unjoni. |
37 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġiet stabbilita, jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, id-dritt għal impjegat li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din id-data ta’ referenza. |
38 |
Fid-dawl, minn naħa, tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda u, min-naħa l-oħra, tal-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li biha d-dritt ta’ S. Pohl li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid ta’ data ta’ referenza u, konsegwentement, ir-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni dwar l-aħħar avvanz fl-iskala tas-salarju tiegħu huma, skont it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena previst mid-dritt nazzjonali, preskritti mill-24 ta’ Novembru 2004, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula. |
Fuq l-ispejjeż
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena, li jibda jiddekorri mill-konklużjoni tal-ftehim li abbażi tiegħu d-data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz ġiet stabbilita, jew mill-klassifikazzjoni għal skala tas-salarju żbaljata, id-dritt għal impjegat li jitlob evalwazzjoni mill-ġdid tas-snin ta’ servizz li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment ta’ din id-data ta’ referenza. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.