Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0426

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-2 ta’ Ottubru 2014.
    X vs Voorzitter van het managementteam van het onderdeel Belastingdienst/Z van de rijksbelastingdienst.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Gerechtshof ’s-Hertogenbosch.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku – Artikolu 2(4)(b) – Prodotti ta’ enerġija b’użu doppju – Kunċett.
    Kawża C‑426/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2247

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’Awla)

    2 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/96/KE — Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku — Artikolu 2(4)(b) — Prodotti ta’ enerġija b’użu doppju — Kunċett”

    Fil-Kawża C‑426/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Gerechtshof ’s-Hertogenbosch (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2012, fil-proċedura

    X

    vs

    Voorzitter van het managementteam van het onderdeel Belastingdienst/Z van de rijksbelastingdienst,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur), J. Malenovský, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Diċembru 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal X, minn F. Suwandy u W. de Wit, belastingadviseurs,

    għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u W. Roels, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-22 ta’ Mejju 2014,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 16, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/96”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X, persuna ġuridika, u Voorzitter van het managementteam van het onderdeel Belastingdienst/Z van de rijksbelastingdienst (President tat-tim ta’ amministrazzjoni tad-Diviżjoni “Servizz ta’ taxxi/Z” tad-Dipartiment tat-taxxa tar-Renju, iktar ’il quddiem l-“Ispettur”), dwar ir-rimbors tat-taxxa fuq il-kombustibbli miġbura fuq il-faħam ipprovdut għall-ħtiġijiet ta’ produzzjoni ta’ zokkor ta’ X.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    3

    Skont il-premessi 3, 4, 6, 7 u 22 tad-Direttiva 2003/96:

    “(3)

    Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra [tal-Unjoni Ewropea] jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell [tal-Unjoni] għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

    (4)

    Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

    [...]

    (6)

    Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat, il-ħtiġijiet dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u implimentazzjoni ta’ politiki oħra [tal-Unjoni].

    (7)

    Bħala sieħba tal-konvenzjoni kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tibdil fil-klima, [iffirmata fi New-York fid-9 ta’ Mejju 1992] [l-Unjoni] irratifikat il-Protokoll ta’ Kyoto. It-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u, fejn xieraq, ta’ l-elettriku hija waħda mill-istrumenti disponibbli biex jinkisbu l-iskopijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.

    [...]

    (22)

    Prodotti ta’ enerġija essenzalment għandhom ikunu suġġett għall-qafas fi ħdan il-Komunità meta jkunu użati bħala karburant li jsaħħan [kombustibbli] jew karburant għall-karozzi [karburant]. Għal dan il-għan, hija fin-natura u l-loġika tas-sistema ta’ taxxa li teskludi mill-iskop ta’ dan il-qafas l-użu doppju u użu ta’ prodotti ta’ enerġija li mhux karburant kif ukoll ipproċessar tal-mineraloġija. Elettriku użata bl-istess manjiera għandha tiġi ttrattat l-istess.”

    4

    L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

    “1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminoloġija ‘prodotti ta’ enerġija’ għandha tapplika għall-prodotti:

    a)

    li huma deskritti taħt Kodiċi [...] 1507 sa 1518 [tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357, iktar ’il quddiem in-“NM”)], jekk dawn il-prodotti se jintużaw bħala karburant li jsaħħan [kombustibbli] u karburant tal-karozzi [karburant];

    b)

    li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715;

    [...]

    3.   Meta l-prodotti tal-enerġija, minbarra dawk li għalihom hemm livell ta’ tassazzjoni speċifikata f’din id-Direttiva, ikunu intenzjonati għal użu, għal bejgħ jew użati bħala karburant tal-karrozzi jew karburant li jsaħħan, dawn għandhom jiġu intaxxati skont l-użu, bl-istess rata tal-karburant li jsaħħan u l-karburant tal-karrozzi.

    Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull prodott li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat bħala karburant tal-karozzi, jew bħala addittiv jew sustanza miżjuda fil-karburanti tal-karozzi, għandu jiġi intaxxat bl-istess rata tal-karburant tal-karozzi.

    Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull idrokarbonju ieħor, minbarra l-pit, li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat biex isaħħan għandu jiġi intaxxat b’rata ekwivalenti ta’ prodott ta’ enerġija.

    4.   Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

    a)

    tassazzjoni tal-ħruġ [taxxa tal-output] tas-sħana u t-tassazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt Kodiċi NM 4401 sa 4402;

    b)

    l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:

    prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi [karburant] jew karburant biex isaħħan [kombustibbli],

    użu doppju ta’ prodotti ta’ enerġija [prodotti ta’ enerġija b’użu doppju.]

    Prodott ta’ l-enerġija għandu użu doppju meta jiġi użat kemm bħala karburant li jsaħħan u kif ukoll għal skopijiet oħra barra minn karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan. L-użu ta’ prodotti ta’ enerġija għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki għandhom jiġu kkonsidrati bħal użu doppju.

    elettriku meta huwa użat prinċipalment għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki.

    […]”

    Id-dritt Olandiż

    5

    L-Artikolu 20 tal-Liġi li introduċiet taxxi għall-protezzjoni tal-ambjent, (Wet houdende vaststelling van de Wet belastingen op milieugrondslag), tat-23 ta’ Diċembru 1994 (Stb. 1994, Nru 923), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, kif jirriżulta fl-aħħar lok mil-Liġi li temenda ċerti liġijiet dwar it-taxxa u ċerti liġijiet oħra (Wet houdende wijziging van enkele belastingwetten en enige andere wetten), tal-14 ta’ Diċembru 2006 (Stb. 2006, Nru 682, iktar ’il quddiem il-“Wbm”), kien jipprovdi:

    “Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu u tad-dispożizzjonijiet ibbażati fuqu, għandhom jingħataw id-definizzjonijiet segwenti:

    a)

    faħam: prodotti li jaqgħu taħt in-NM 2701, 2702 u 2704;

    [...]

    e)

    użu doppju: l-użu tal-faħam kemm bħala kombustibbli kif ukoll għal użu li ma huwiex bħala karburant jew kombustibbli;”

    6

    L-Artikolu 21 tal-Wbm kien redatt kif ġej:

    “1.   Taxxa msejħa ‘taxxa fuq il-kombustibbli’ għandha tinġabar fuq il-faħam.

    2.   It-taxxa tinġabar fl-okkażjoni tal-provvista jew tal-użu tal-faħam.

    [...]”

    7

    Skont l-Artikolu 26(3) tal-Wbm:

    “Eżenzjoni tat-taxxa tingħata fil-każ ta’ użu doppju tal-faħam.”

    8

    L-Artikolu 27 tal-Wbm kien jipprovdi:

    “1.   L-Ispettur jawtorizza rimbors tat-taxxa fuq talba tal-persuna li użat il-faħam, li ġie pprovdut lilha minn terz, għal użu li ma huwiex bħala kombustibbli jew għal użu doppju.

    [...]

    3.   L-Ispettur jiddeċiedi t-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 2 b’deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ lment:

    [...]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    9

    X tipproduċi zokkor u prodotti li jinkludu z-zokkor minn pitravi għas-swieq industrijali kif ukoll għal konsumaturi partikolari. Prodotti sekondarji, bħal pereżempju ikel għall-annimali u xkuma ta’ karbonizzazzjoni (fertilizzant tal-ġir), huma dderivati mill-proċess ta’ produzzjoni.

    10

    Matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, faħam ġie pprovdut lil X għall-finijiet tal-proċess ta’ produzzjoni ta’ zokkor.

    Il-proċess ta’ produzzjoni

    11

    Il-proċess ta’ produzzjoni taz-zokkor mill-pitravi jibda bl-estrazzjoni tal-meraq mhux misjur mill-pitravi. Imbagħad, il-meraq mhux misjur jiġi msoffi, u l-meraq msoffi miksub mill-proċess ta’ tisfija huwa suġġett għall-evaporazzjoni u l-kristallizzazzjoni li finalment twassal għal zokkor granulat. Dan il-proċess jagħti lok ukoll għal preċipitat, prodott sekondarju ta’ fertilizzant magħmul mill-ġir, li jintuża fl-industrija tal-agrikoltura biex jinżamm il-bilanċ pH tal-ħamrija. Il-preċipitat huwa magħruf bħala “xkuma ta’ karbonizzazzjoni” u jikkonsisti prinċipalment f’karbonat tal-kalċju.

    12

    Il-gass tal-kalkara tal-ġir huwa meħtieġ biex isaffi l-meraq mhux misjur estratt mill-pitravi. Sabiex jinkiseb dan il-gass, ġir u faħam u/jew l-antraċite jitħalltu u wara jiddaħħlu fil-kalkara tal-ġir fejn isseħħ reazzjoni kimika. Bħala riżultat ta’ din ir-reazzjoni kimika, jiġu l-ewwel nett prodotti, il-quicklime u d-diossidu tal-karbonju, fejn dan tal-aħħar huwa r-riżultat ta’ reazzjoni bejn il-faħam u/jew l-antraċite mal-ossiġnu, u wara mal-gass tal-kalkara tal-ġir. Il-gass tal-kalkara tal-ġir għandu madwar 40 % ta’ diossidu tal-karbonju. Il-gass għandu jkun ħieles minn impuritajiet. Il-kombustibbli l-oħra li ma humiex l-antraċite jew il-faħam ma humiex adegwati għall-produzzjoni tal-gass tal-kalkara tal-ġir “pur” meħtieġ għall-proċess ta’ tisfija.

    13

    Madwar 12 % tal-gass tal-kalkara tal-ġir prodott fil-kalkara tal-ġir jintilef fl-arja. Il-bqija (88 %) jintuża fil-karbonizzazzjoni. Wara li l-gass tal-kalkara jkun intuża fil-karbonizzazzjoni, parti minnu jintilef. Il-bqija tal-diossidu tal-karbonju prodott fil-kalkara tal-ġir, jiġifieri 66 %, huwa assorbit fl-ixkuma ta’ karbonizzazzjoni.

    14

    L-ixkuma ta’ karbonizzazzjoni miksuba mill-produzzjoni taz-zokkor tinbiegħ minn X lis-settur agrikoli bħala fertilizzant tal-ġir għat-tindif u għat-titjib tal-pH kif ukoll biex titjieb l-istruttura tal-artijiet agrikoli.

    It-talba għar-rimbors

    15

    Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Marzu 2008, X ressqet talba għar-rimbors tat-taxxa fuq il-kombustibbli, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 Diċembru 2007 inkluż, jiġifieri ammont ta’ EUR 97 114.23. Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ April 2008, l-Ispettur irrifjuta dan ir-rimbors. Huwa ċaħad ukoll l-ilment ippreżentat minn X kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut.

    16

    Peress li r-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ġie ddikjarat infondat mill-qorti tal-ewwel istanza, X ippreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    17

    X issostni li l-kunċett ta’ “użu doppju” msemmi fl-Artikolu 20(e) tal-Wbm għandu jiġi interpretat fl-istess sens bħal dak tal-istess kunċett li jinsab fl-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96. Skont din l-interpretazzjoni, l-użu tal-faħam fil-kuntest tal-proċess ta’ produzzjoni ta’ zokkor li X hija involuta fih jikkostitwixxi tali użu doppju. X tenfasizza wkoll li produtturi simili, stabbiliti b’mod partikolari fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza u fir-Renju Unit ma humiex suġġetti għat-taxxa prevista minn din id-direttiva.

    18

    Skont l-Ispettur, il-faħam huwa użat minn X biss bħala kombustibbli. L-iżvilupp ta’ prodott kombustibbli tal-faħam (id-diossidu tal-karbonju) ma jinvolvix użu doppju tal-faħam fih innifsu. Huwa jsostni wkoll li jekk għandu jiġi kkunsidrat li tali użu tal-faħam jikkorrispondi għal użu doppju tiegħu fis-sens tad-Direttiva 2003/96, dan ma huwiex il-każ fis-sens tal-Wbm. Il-leġiżlatur nazzjonali għalhekk għandu l-fakultà li jagħti lill-kunċett ta’ użu doppju li jinsab fl-Artikolu 20(e) tal-Wbm portata differenti, f’dan il-każ iktar restrittiva, minn dik li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti li dan l-istess kunċett fl-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96.

    19

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li jekk hija jkollha tapplika, fil-kuntest tal-kawża li biha hija tinsab adita, il-kunċett ta’ “użu doppju” fis-sens tad-Direttiva 2003/96, qari litterali tal-kliem introduttiv tal-Artikolu 2(4) tagħha jwassal madankollu għall-konsegwenza assurda li X ma tkunx tista’ tinvoka l-effett dirett ta’ din id-direttiva sabiex tiddefendi ruħha kontra l-argument tal-Ispettur li jsostni li, f’dan il-każ, ma hemmx użu doppju fis-sens tal-Artikolu 20(e) tal-Wbm.

    20

    Huwa f’dawn il-ċirkustanzi li l-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Hemm użu doppju fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b), tad-Direttiva [2003/96] fil-każ ta’ użu ta’ faħam (prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda 2701, 2702 u 2704) bħala kombustibbli f’kalkara tal-ġir meta d-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-faħam (u mill-ġir) f’din il-kalkara tal-ġir jintuża biex jiġi prodott il-gass tal-kalkara tal-ġir li mbagħad jintuża, u huwa meħtieġ, għat-tisfija tal-meraq mhux misjur miksub mill-pitravi?

    2)

    Hemm użu doppju fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b), tad-Direttiva [2003/96] fil-każ ta’ użu ta’ faħam (prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda 2701, 2702 u 2704) bħala kombustibbli f’kalkara tal-ġir meta 66 % tad-diossidu tal-karbonju, iġġenerat bit-tisħin u assorbit fil-gass tal-kalkara tal-ġir waqt it-tisfija sussegwenti msemmija hawn fuq, huwa assorbit fl-ixkuma ta’ karbonizzazzjoni li tinbiegħ bħala fertilizzant tal-ġir lis-settur agrikolu?

    3)

    Jekk jingħad li hemm użu doppju fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b), tad-Direttiva [2003/96]: id-Direttiva hija inapplikabbli fid-dawl ta’ kif huwa mqiegħed il-kliem introduttiv tal-Artikolu 2(4) tagħha, b’tali mod li l-persuna kkonċernata ma tistax tinvoka l-effett dirett tad-Direttiva (għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu doppju fid-dritt nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 20(e) tal-Wbm)?

    4)

    Jekk jingħad li hemm użu doppju fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b), tad-Direttiva u li din (għaldaqstant) ma hijiex applikabbli: id-dritt tal-Unjoni jipprekludi interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu doppju fid-dritt nazzjonali li hija iktar stretta mill-interpretazzjoni skont [l-imsemmija] Direttiva għall-finijiet tal-impożizzjoni ta’ taxxa bħal dik fuq il-kombustibbli inkwistjoni?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

    21

    Permezz tal-ewwel żewġ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk hemmx “użu doppju” ta’ prodott tal-enerġija, fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, meta il-faħam jintuża bħala kombustibbli fil-proċess ta’ produzzjoni taz-zokkor u d-diossidu tal-karbonju ġġenerat permezz tal-ħruq ta’ dan il-prodott tal-enerġija huwa sussegwentement użat għall-finijiet ta’ dan il-proċess ta’ produzzjoni u/jew sabiex jiġu prodotti fertilizzanti kimiċi.

    22

    Definizzjoni tal-prodotti tal-enerġija b’użu doppju tinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96. Prodott tal-enerġija għandu użu doppju meta huwa intiż biex jintuża kemm bħala kombustibbli kif ukoll għal skopijiet differenti minn dak bħala kombustibbli.

    23

    Il-kliem “prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi [kombustibbli]” jidher kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tal-imsemmija direttiva, b’mod li għandu jiġi interpretat bl-istess mod fiż-żewġ dispożizzjonijiet. Qari flimkien tal-ewwel żewġ inċiżi tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, flimkien mal-parti introduttiva ta’ din id-dispożizzjoni jissuġġerixxi li l-użu ta’ prodott tal-enerġija ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ħlief jekk l-imsemmi prodott, fil-funzjoni tiegħu bħala sors ta’ enerġija, jintuża huwa stess bħala kombustibbli jew bħala karburant.

    24

    Għalhekk, jista’ jkun hemm prodott tal-enerġija b’użu doppju li jkun is-suġġett ta’ ħruq fil-kuntest ta’ proċess ta’ produzzjoni sa fejn, bħal fil-każ tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-proċess jirnexxi biss jekk tiġi użata sustanza li hemm qbil dwarha li hija tista’ tiġi ġġenerata biss bil-ħruq tal-imsemmi prodott tal-enerġija.

    25

    Peress li l-prodott tal-enerġija inkwistjoni huwa użat bħala sors tal-enerġija f’dan il-proċess ta’ produzzjoni bil-għan li jinkiseb il-gass esklużivament iġġenerat mill-ħruq tal-imsemmi prodott tal-enerġija, huwa permess li jiġi kkunsidrat li din il-funzjoni ta’ sors ta’ enerġija hija tassew is-suġġett ta’ żewġ użi konkomitanti.

    26

    Min-naħa l-oħra, jekk, fil-fatti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, gass iġġenerat mill-ħruq ma huwiex il-prodott meħtieġ sabiex jintemm b’suċċess il-proċess ta’ produzzjoni, iżda huwa residwu ta’ dan il-proċess li sempliċement jiġi żviluppat, ma hemmx użu doppju tal-istess prodott tal-enerġija. Għalhekk, is-sempliċi fatt li l-gass iġġenerat jikkostitwixxi materja prima f’proċess ta’ produzzjoni distint, bħall-produzzjoni tal-fertilizzant agrikolu, ma huwiex biżżejjed biex jitqies li hemm użu doppju tal-prodott tal-enerġija li kien is-suġġett ta’ ħruq.

    27

    Fil-fatt, jekk għandu jiġi kkunsidrat li s-sempliċi żvilupp ta’ residwu li jirriżulta mill-ħruq ta’ prodott tal-enerġija jimplika li hemm “użu doppju” fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, il-kwistjoni dwar jekk tali prodott tal-enerġija jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tiddependi, f’din l-ipoteżi, fuq l-implementazzjoni jew le, minn produttur partikolari, tal-proċessi ta’ żvilupp tar-residwu tal-ħruq tal-prodott tal-enerġija kkonċernat.

    28

    Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li jintuża, minn naħa, il-faħam bħala kombustibbli fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ zokkor u, min-naħa l-oħra, id-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-ħruq ta’ dan il-prodott tal-enerġija sabiex jiġi prodott fertilizzant kimiku, ma jikkostitwixxix “użu doppju” tal-imsemmi prodott tal-enerġija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi tali “użu doppju” l-fatt li jintuża, minn naħa, il-faħam bħala kombustibbli fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ zokkor u, min-naħa l-oħra, id-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-ħruq ta’ dan il-prodott tal-enerġija għall-finijiet ta’ din l-istess produzzjoni jekk hemm qbil li l-proċess ta’ produzzjoni ta’ zokkor jirnexxi biss jekk jintuża d-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-ħruq tal-faħam.

    Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

    29

    Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tkun taf jekk Stat Membru għandux id-dritt li japplika, fid-dritt nazzjonali tiegħu, portata iktar restrittiva tal-kunċett ta’ “użu doppju” minn dik li huwa għandu skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, sabiex jimponi taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    30

    Fir-rigward tad-Direttiva 2003/96, mill-kliem stess tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tagħha jirriżulta li din ma tapplikax għall-prodotti tal-enerġija b’użu doppju. Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat fir-rigward tal-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni, l-esklużjoni tal-prodotti kkonċernati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tfisser li l-Istati Membri huma minn issa kompetenti biex jintaxxaw il-prodotti tal-enerġija inkwistjoni fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Fendt Italiana, C-145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411, punti 38 u 41).

    31

    Minn dan isegwi li Stat Membru għandu d-dritt li jimponi taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96 għaliex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “użu doppju”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) ta’ din id-direttiva.

    32

    F’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-leġiżlatur nazzjonali riedx iżomm definizzjoni differenti minn dik li tinsab fl-imsemmija direttiva hija kwistjoni purament tad-dritt nazzjonali u hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċidiha, qabel ma konsegwentement tapplika d-dritt nazzjonali tagħha.

    33

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi għandha tkun li Stat Membru għandu d-dritt li japplika, fid-dritt nazzjonali tiegħu, portata iktar restrittiva tal-kunċett ta’ “użu doppju” minn dik li huwa għandu skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 sabiex jimponi taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

    Fuq l-ispejjeż

    34

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE, tad-29 ta’ April 2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li jintuża, minn naħa, il-faħam bħala kombustibbli fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ zokkor u, min-naħa l-oħra, id-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-ħruq ta’ dan il-prodott tal-enerġija sabiex jiġi prodott fertilizzant kimiku, ma jikkostitwixxix “użu doppju” tal-imsemmi prodott tal-enerġija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    Min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi tali “użu doppju” l-fatt li jintuża, minn naħa, il-faħam bħala kombustibbli fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ zokkor u, min-naħa l-oħra, id-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-ħruq ta’ dan il-prodott tal-enerġija għall-finijiet ta’ din l-istess produzzjoni jekk hemm qbil li l-proċess ta’ produzzjoni ta’ zokkor jirnexxi biss jekk jintuża d-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-ħruq tal-faħam.

     

    2)

    Stat Membru għandu d-dritt li japplika, fid-dritt nazzjonali tiegħu, portata iktar restrittiva tal-kunċett ta’ “użu doppju” minn dik li huwa għandu skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, kif emendat bid-Direttiva 2004/74, sabiex jimponi taxxa fuq il-prodotti tal-enerġija li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top