Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0386

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-3 ta’ Ottubru 2013.
    Kawża mressqa minn Siegfried János Schneider.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski gradski sad.
    Ġurisdizzjoni tal-qrati, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kapaċità tal-persuni fiżiċi – Ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem – Portata – Proċedura mhux kontenzjuża dwar id-dritt ta’ persuna mqiegħda taħt l-awtorità tal-kuratur iddomiċiljata fi Stat Membru li tiddisponi mill-proprjetajiet immobbli tagħha li jinsabu fi Stat Membru ieħor.
    Kawża C‑386/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:633

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    3 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

    “Ġurisdizzjoni tal-qrati, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kapaċità tal-persuni fiżiċi — Ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem — Portata — Proċedura mhux kontenzjuża dwar id-dritt ta’ persuna mqiegħda taħt l-awtorità tal-kuratur iddomiċiljata fi Stat Membru li tiddisponi mill-proprjetajiet immobbli tagħha li jinsabu fi Stat Membru ieħor”

    Fil-Kawża C‑386/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski gradski sad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2012, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Awwissu 2012, fil-proċedura mressqa minn

    Siegfried János Schneider,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh, C. Toader (Relatur) u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó u Á. Szilágyi, bħala aġenti,

    għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,

    għall-Gvern tar-Renju Unit, minn A. Robinson, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Savov u M. Wilderspin, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontenzjuża ippreżentata minn S. J. Schneider, ċittadin Ungeriż imqiegħed taħt l-awtorità ta’ kuratur, bil-għan li jikseb l-awtorizzazzjoni li jbigħ is-sehem tiegħu fi proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Ir-Regolament Nru 44/2001

    3

    Il-premessa 7 tar-Regolament Nru 44/2001 tiddikjara:

    “L-iskop ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri il-materji prinċipali ċivili u kummerċjali apparti minn ċerti materji li jkunu ġew definiti.”

    4

    Il-premessa 19 tal-imsemmi regolament tipprovdi kif ġej:

    “Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel [Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l‑Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il‑“‘Konvenzjoni ta’ Brussell”] u dan ir‑regolament, u għandhom jintalbu [jiġu stabbiliti] għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Protokolli tal-1971 [dwar interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, kif irrevedut u emendat, ] għandhom jibqgħu japplikaw ukoll f’każijiet diġa pendenti meta dan ir‑Regolament jidħol fis-seħħ.”

    5

    Skont l‑Artikolu 1(1) u (2)(a) tar‑Regolament Nru 44/2001:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. M’għandux jestendi b’mod partikolari, għal introjtu minn taxxi, dwana jew materji amministrattivi.

    2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

    a)

    l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali, drittijiet ta’ propjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali, testmenti u suċċessjoni”.

    6

    L-Artikolu 22 tal-istess regolament, li jinsab fil-Kapitolu II, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, jipprovdi:

    “Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

    1)

    fi proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi propjetà immobbli jew kirjiet ta’ propjetà immobbli, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-propjetà.

    [...]”

    Id-dritt Bulgaru

    7

    Skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 168(2), 165(4) u 130(3) tal-Kodiċi tal-Familja (Semeen kodeks), l-atti ta’ dispożizzjoni ta’ proprjetajiet immobbli li jappartjenu għal persuni ddikjarati parzjalment inkapaċi jistgħu jsiru permezz tal-awtorizzazzjoni tar-Rayonen sad (tribunal reġjonali) li fih huma ddomiċiljati dawn il-persuni, jekk l-att ta’ trasferiment ma jmurx kontra l-interessi tagħhom.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    8

    Skont il-leġiżlazzjoni Ungeriża, qorti tal-Ungerija qiegħdet lil S. J. Schniedier taħt l-awtorità ta’ kuratur u f’dan is-sens ħatar lil rappreżentant legali u kuratur professjonist, li huwa wkoll ċittadin Ungeriż.

    9

    Wara l-mewt ta’ ommu, fis‑17 ta’ Ġunju 2009, S. J. Schneider wiret nofs appartament li jinsab fil-belt ta’ Lovech (il-Bulgarija), fejn in-nofs l-ieħor kien jappartjeni lil ħuħ.

    10

    S.J. Schneider, bi qbil mal-kuratur tiegħu, ippreżenta talba quddiem is-Sofiyski rayonen sad (tribunal reġjonali ta’ Sofija) bil-għan li jikteb l-awtorizzazzjoni li jbigħ is-sehem tal-imsemmija proprjetà immobbli li kienet tappartjeni lilu. Insostenn tat-talba tiegħu, huwa invoka l-vantaġġi li jirrappreżenta dan il-bejgħ biex ikun jista’ jkopri l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu fl-Ungerija, b’mod partikolari spejjeż ta’ kura medika kostanti u residenza fi stabbiliment ta’ kura.

    11

    Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Frar 2012, is-Sofiyski rayonen sad ċaħad din it-talba minħabba l-fatt li l-att ta’ trasferiment tal-beni kkonċernat ma kienx fl-interess tal-persuna ddikjarata parzjalment inkapaċi. B’hekk, din il-qorti ddeċidiet li kien kontra l-interessi ta’ S. J. Schneider, persuna adulta protetta taħt l-awtorità ta’ kuratur, li l-proprjetà immobbli tiegħu tinbiegħ u li l-flus miksub jitqiegħed f’fond, meta fl-istess waqt huwa kien jispiċċa mingħajr post fejn joqgħod fl-Ungerija.

    12

    S. J. Schneider appella mill-imsemmija deċiżjoni quddiem is-Sofiyski gradski sad (tribunal tal-belt ta’ Sofija).

    13

    Billi qies li ma kienx jirriżulta b’mod ċar mill-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-proċeduri mhux kontenzjużi bħal dik quddiemu, is-Sofiyski gradski sad iddeċieda li jwaqqaf il-proċedimenti quddiemu li li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “Il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-[Regolament Nru 44/2001], huwa applikabbli biss għall-proċeduri kontenzjużi dwar drittijiet reali [in rem] fuq proprjetà immobbli jew għandu japplika wkoll għall-proċeduri mhux kontenzjużi li bihom iċ-ċittadini ta’ Stat Membru, li ġew iddikjarati parzjalment inkapaċi legalment minn qorti ta’ dan l-Istat skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-aħħar Stat u li ġie appuntat kuratur (ukoll ċittadin ta’ dan l-Istat) għalihom, jitolbu sabiex jiddisponu minn proprjetà immobbli li huma proprjetarji tagħha u li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor?”

    Fuq id-domanda preliminari

    14

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal proċedura mhux kontenzjuża mibdija minn ċittadin ta’ Stat Membru, iddikjarat parzjalment inkapaċi wara t-tqegħid tiegħu taħt l-awtorità ta’ kuratur skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor bil-għan li jikseb l-awtorizzazzjoni jbigħ is-sehem tiegħu fi proprjetà immobbli, li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor.

    15

    L-Istati Membri kollha li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jqisu li din id-domanda teħtieġ risposta negattiva. Barra minn hekk, huma jqisu li proċedura mhux kontenzjuża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta mill-kapaċità tal-persuni fiżiċi fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001.

    16

    Konsegwentement, l-eżami tad-domanda preliminari jeħtieġ ukoll l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

    17

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, dan japplika, tkun liema tkun in-natura tal-qorti adita, “f’materji ċivili u kummerċjali”, iżda li “l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali” huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv ta’ dan ir-regolament.

    18

    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “meterji ċivili u kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu li għandu jiġi interpretat b’riferiment, minn naħa, għall-għanijiet u għas-sistema ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, għall-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mis-sistemi ta’ dritt nazzjonali kollha. Huwa għalhekk, b’mod partikolari, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament għandu jiġi ddeterminat essenzjalment skont l-elementi li jikkaratterizzaw in-natura tar-relazzjonijiet ġuridiċi bejn il-partijiet fil-kawża u l-għan tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 2006, ČEZ, C-343/04, Ġabra p. I-4557, punt 22, u tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C-420/07, Ġabra p. I-3571, punti 41 u 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    19

    Sabiex jiġi żgurat, sa fejn possibbli, l-ugwaljanza u l-uniformità tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 44/2001 għall-Istati Membri u l-persuni kkonċernati, l-interpretazzjoni tal-kunċett tal-“istatus jew [tal-]kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali”, fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan ir-regolament, għandu wkoll jiġi ddeterminat b’mod awtonomu.

    20

    Fir-rigward tal-qorti kompetenti fil-qasam tad-drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem, mill-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, jirriżulta li l-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli għandhom il-ġurisdizzjoni esklużiva f’dan ir-rigward.

    21

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-punt 1(a) tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li, skont il-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, ukoll għall-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-Istat kontraenti fejn tinsab il-proprjetà ma tiġborx fiha l-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw drittijiet fuq proprjetà immobbli in rem, iżda biss dawk bejniethom li, kollha f’daqqa, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija konvenzjoni u huma fost dawk li, minn naħa, jiddeterminaw il-portata, il-konsistenza, il-proprjetà, il-pussess ta’ proprjetà immobbli jew l-eżistenza ta’ drittijiet in rem oħra fuq dawn il-beni u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata lill-persuni li għandhom dawn id-drittijiet il-protezzjoni tal-prerogattivi li huma marbuta mat-titolu tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler, C-115/88, Ġabra p. I-27, punt 11, kif ukoll ČEZ, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

    22

    Issa, hekk kif huwa sostnut mill-Istati Membri kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub hekk kif għamlet il-Kummissjoni, talba bħal dik fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001.

    23

    Fil-fatt, il-proċedura mressqa fuq talba ta’ S. J. Schneider, ċittadin Ungeriż imqiegħed taħt l-awtorità ta’ kuratur, hija intiża sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni li jbigħ parti minn proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija u li tagħha huwa koproprjetarju.

    24

    Għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju, S. J. Schneider jitlob l-imsemmija awtorizzazzjoni peress li, bħala persuna mqiegħda taħt l-awtorità ta’ kuratur, huwa parzjalment nieqes mill-kapaċità li jeżerċita d-drittijiet tiegħu. Fil-fatt, huwa ma jista’ jittrasferixxi l-proprjetà immobbli tiegħu biss permezz ta’ persuna oħra li taġixxi f’ismu, bħala kuratur, u bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità ġudizzjarja.

    25

    Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta wkoll li, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-familja Bulgaru, l-imsemmija awtorizzazzjoni ġudizzjarja hija miżura ta’ protezzjoni għall-persuna mqiegħda taħt l-awtorità ta’ kuratur li hija meħtieġa mil-liġi minħabba l-fatt li din il-persuna ma tkunx qed tgawdi iżjed mis-setgħa li twettaq hija stess atti ta’ dispożizzjoni tal-proprjetà immobbli tagħha. Fil-fatt, hekk kif osservat il-qorti ta’ rinviju, tali awtorizzazzjoni tingħata biss fil-każ fejn it-trasferiment tal-proprjetà immobbli jsir fl-interess tal-persuna protetta.

    26

    Minn dan jirriżulta li t-talba ta’ persuna mqiegħda taħt l-awtorità ta’ kuratur, intiża sabiex tikseb l-awtorizzazzjoni li tiddisponi mill-proprjetà immobbli tagħha, bħal dik li hija s-suġġett tal-proċedura fil-kawża prinċipali, hija talba marbuta direttament mal-kapaċità tal-persuna fiżika kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, il-ħtieġa li tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja sabiex ikunu jistgħu jsiru atti ta’ dispożizzjoni ta’ proprjetajiet immobbli li jappartjenu għal persuni taħt l-awtorità ta’ kuratur hija konsegwenza diretta tal-inkapaċità ġuridika li biha huma milquta dawn il-persuni minħabba l-miżura ta’ protezzjoni li huma suġġetti għaliha għat-twettiq ta’ tali atti.

    27

    Tali interpretazzjoni hija kkorroborata bir-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1), li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu jikkoinċidi ma’ dak tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, mill-paġna 10 ta’ dan ir-rapport jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni hija limitata għall-kontestazzjonijiet u [għad-]deċiżjonijiet li għandhom bħala għan kull obbligi kuntrattwali jew extrakuntrattwali li ma jitrattawx jew l-istat jew il-kapaċità tal-persuni, jew il-qasam tas-suċċessjonijiet, testmenti u d-dritt matrimonjali, jew il-falliment, jew is-sigurtà soċjali, u li, f’dan ir-rigward, il-Konvenzjoni għandha tiġi interpretata fl-iktar sens wiesa’”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    28

    Fl-aħħar nett, fir-rigward taċ-ċirkustanza li, fil-kawża prinċipali, l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja ta’ bejgħ, mitluba mill-persuna mqiegħda taħt l-awtorità ta’ kuratur, tikkonċerna proprjetà immobbli li tagħha hija l-proprjetarja, għandu jiġi kkonstatat li dan l-aspett partikolari tal-proċedura fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala determinanti biex din tiġi kkwalifikata bħala proċedura li tikkonċerna drittijiet “in rem fi propjetà immobbli” fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, hekk kif isostnu ġustament il-gvern Ġermaniż, Ungeriż u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, tali proċedura ma hijiex intiża sabiex tiddetermina l-portata, il-konsistenza, il-proprjetà u l-pussess tal-proprjetà immobbli u lanqas, barra minn hekk, sabiex tiżgura lill-persuna taħt awtorità ta’ kuratur, bħala proprjetarja tal-imsemmi beni, il-protezzjoni tal-prerogattivi li huma marbuta mat-titolu tagħha ta’ proprjetà.

    29

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-paġni 34 u 35 tar-rapport ta’ P. Jenard imsemmi iktar ’il fuq, huwa indikat, fil-kummentarju tiegħu dwar l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, li r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-imsemmi punt 1(a) tal-Artikolu 16, li tikkorrispondi għal dik prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li “tibbaża ruħha fuq is-suġġett tat-talba”, hija intiża għall-“proċedimenti li jkollhom l-obbjettiv tagħhom in rem fi proprjetà immobbli”.

    30

    Issa, fil-kawża prinċipali, il-proċedura għandha bħala sempliċi għan li tiddetermina jekk huwiex fl-interess tal-persuna ddikjarata parzjalment inkapaċi li tiddisponi mill-proprjetà immobbli tagħha, mingħajr ma tqiegħed inkwistjoni d-dritt in rem bħala tali li din tal-aħħar iżżomm fuq dan il-beni.

    31

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li r-Regolament Nru 44/2001, u b’mod partikolari l-punt 1 tal‑Artikolu 22 tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal proċedura mhux kontenzjuża mressqa minn ċittadin ta’ Stat Membru, iddikjarat parzjalment inkapaċi wara li tqiegħed taħt l-awtorità ta’ kuratur skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor bil-għan li jikseb l-awtorizzazzjoni li jbigħ is-sehem tiegħu fi proprjetà immobbli, li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, peress li tali proċedura tirriżulta mill-“kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan ir-regolament, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    32

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, u b’mod partikolari l-punt 1 tal-Artikolu 22 tiegħu għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal proċedura mhux kontenzjuża mressqa minn ċittadin ta’ Stat Membru, iddikjarat parzjalment inkapaċi wara li tqiegħed taħt l-awtorità ta’ kuratur skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor bil-għan li jikseb l-awtorizzazzjoni li jbigħ is-sehem tiegħu fi proprjetà immobbli, li tinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, peress li tali proċedura tirriżulta mill-“kapaċità ġuridika ta’ persuni naturali” fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan ir-regolament, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tiegħu.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

    Top