Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0359

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Mejju 2014.
    Michael Timmel vs Aviso Zeta AG.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Handelsgericht Wien.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 2003/71/KE — Artikolu 14(2)(b) — Regolament (KE) Nru 809/2004 — Artikoli 22(2) u 29(1) — Prospett bażi — Supplimenti għall-prospett — Kundizzjonijiet finali — Data u metodu ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa — Kundizzjonijiet għal pubblikazzjoni f’forma elettronika.
    Kawża C‑359/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:325

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    15 ta’ Mejju 2014 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 2003/71/KE — Artikolu 14(2)(b) — Regolament (KE) Nru 809/2004 — Artikoli 22(2) u 29(1) — Prospett bażi — Supplimenti għall-prospett — Kundizzjonijiet finali — Data u metodu ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa — Kundizzjonijiet għal pubblikazzjoni f’forma elettronika”

    Fil-Kawża C‑359/12,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Handelsgericht Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

    Michael Timmel

    vs

    Aviso Zeta AG,

    fil-preżenza ta’:

    Lore Tinhofer,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

    Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Timmel, minn W. Haslinger u J. Motamedi de Silva, avukati,

    għal Aviso Zeta AG, minn A. Jank, avukat,

    għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u S. Šindelková, bħala aġenti,

    għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Ree, bħala aġenti,

    għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn A. Cunha u S. Borba, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u I. Rogalski kif ukoll minn R. Vasileva, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-26 ta’ Novembru 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(2)(b) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 356, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘prospett’”), kif ukoll tal-Artikoli 22(2) u 29(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jimplimenta d-Direttiva 2003/71 dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospetti u kif ukoll il-format, l-inkorporazzjoni b’referenza u l-pubblikazzjoni ta’ prospetti bħal dawn u d-disseminazzjoni tar-reklami (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 307, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ‘prospett’”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M. Timmel u Aviso Zeta AG (iktar ’il quddiem “Aviso Zeta”), dwar ir-rexissjoni ta’ kuntratt li permezz tiegħu M. Timmel issottoskriva 40000 sehem ta’ titolu msejjaħ “Dragon FG Garant”, offrut għall-bejgħ permezz ta’ Aviso Zeta.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt tal-Unjoni

    Id-Direttiva “prospett”

    3

    Il-premessa 4 tad-Direttiva “prospett” tispjega, b’mod partikolari, li din tal-aħħar hija intiża sabiex tiggarantixxi lill-impriżi “l-aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-investiment tal-kapital fuq bażi tul il-Komunità kollha [...] bil-konċessjoni ta’ ‘passaport waħdieni’ lil min joħroġhom”.

    4

    Skont il-premessa 10 ta’ din id-direttiva, l-istess direttiva u l-miżuri ta’ implementazzjoni tagħha għandhom l-għan li jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri u l-effikaċja tas-swieq, skont l-istandards regolatorji għolja adottati fil-fora internazzjonali rilevanti.

    5

    Il-premessa 31 tal-istess direttiva tesponi:

    “Sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti varji li jagħmlu l-prospett, għandu jiġi inkoraġġit l-użu tal-faċilitajiet tal-komunikazzjoni elettronika bħlma hu l-Internet. Il-prospett għandu dejjem jiġi kkunsinnat fil-għamla ta’ miktub fuq il-karta, mingħajr ħlas, fuq talba ta’ l-investituri.”

    6

    Skont il-premessa 34 tad-Direttiva “prospett”:

    “Kull materja ġdida li tista’ tinfluwenza l-istima ta’ l-investiment, li tinħoloq wara l-pubblikzzjoni tal-prospett imma qabel l-għeluq ta’ l-offerta jew il-bidu tal-kummerċ f’suq regolat, għandha tiġi vvalutata mill-investituri u għalhekk teħtieġ l-approvazzjoni u t-tixrid ta’ suppliment mal-prospett mal-prospett.”

    7

    L-Artikolu 2(1)(r) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-prospett bażi bħala li huwa “prospett li jkun fih it-tagħrif kollu rilevanti kif speċifikat fl-Artikoli 5, 7 u 16 fil-każ li jkun hemm suppliment, li jirrigwrda lil min joħroġ it-titoli u t-titoli li jkun sejrin jiġu offruti lill-pubbiku jew ammessi għll-kummerċ, u, bil-għażla ta’ min joħroġ l-offerti, il-kondizzonijiet finali ta’ l-offerta”.

    8

    L-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva jippreċiża:

    “Rigward it-tipi ta’ titoli li ġejjin, il-prospett jista’, bil-għażla ta’ min joħroġhom, min joffrihom jew il-persuna li titlob għall-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat, jikkonsisti fi propspett bażi li jkun fih it-tagħrif kollu rilevanti li jirrigwarda lil min joħroġ it-titoli u t-titoli offruti lill-pubbliku jew li jridu jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat:

    (a)

    it-titoli mingħajr ekwità, inklużi l-mandati f’kull għamla, maħruġa taħt programm ta’ offerti;

    (b)

    it-titoli mingħajr ekwità maħruġa b’manjiera ssoktata jew imtennija mill-istituzzjonijiet tal-kreditu, […]

    [...]

    It-tagħrif mogħti fil-prospett bażi għandu jiġi ssupplimentat, jekk meħtieġ, skont l-Artikolu 16, bit-tagħrif aġġornat dwar min joħroġ it-titoli u t-titoli li jridu jiġu offerti lill-pubbliku jew li jridu jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat.

    Jekk il-kondizzjonijiet finali tal-offerta ma jiġux inklużi jew fil-prospett bażi jew f’suppliment, il-kondizzjonijiet finali għandhom jiġu pprovduti lill-investituri u inkartati għand l-awtorità kompetenti meta kull offerta pubblika tintgħamel malajr kemm jista’ jkun prattikabbli u jekk possibbli bil-quddiem tal-bidu tal-offerta. Għandhom japplikaw, f’kull każ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1).”

    9

    L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva “prospett” huwa redatt kif ġej:

    “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi meta l-offerta finali u l-ammont tat-titoli li jridu jiġu offruti lill-pubbliku ma jistgħux jiġu inkużi fil-prospett:

    (a)

    il-kriterji, u/jew il-kondizzjonijiet li skond huma iridu jiġu stabbiliti l-elementi ta’ hawn fuq jew, fil-każ tal-prezz, il-prezz massimu, iridu jiġi żvelati fil-prospett; jew

    (b)

    l-aċċettazzjonijiet tax-xiri jew tas-sottoskrizzjoni tat-titoli jistgħu jiġu rtirati f’mhux inqas minn jumejn tax-xogħol wara l-prezz finali ta’ l-offerta u l-ammont tat-titoli li jridu jiġu offruti lill-pubbiku jkunu ġew inkartati.

    Il-prezz finali tal-offerta u l-ammont tat-titoli għandhom jiġu inkartati għand l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-post u ppubblikati skont l-arranġamenti pprovvduti fl-Artikolu 14(2).”

    10

    Skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, “[l]-ebda prospett ma għandu jiġi ppubblikat sakemm ikun ġie approvat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-post”.

    11

    L-Artikolu 14(2), (5), (7) u (8) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “2.   Il-prospett għandu jitqies disponibbli lill-pubbliku meta ppubblikat jew:

    [...]

    (b)

    f’għamla stampata li trid tintgħamel disponibbli lill pubbliku, mingħajr ħlas, fl-uffiċċji tas-suq li fih it-titoli jkun sejrin jiġu ammessi għall-kummerċ, jew fl-uffiċċju reġistrat ta’ min joħroġ it-titoli u fl-uffiċċji ta’ l-intermedjarji finanzjarji fejn jitqiegħdu jew jinbiegħu t-titoli, inklużi l-aġenti li jħallsu, jew

    (c)

    f’forma elettronika fuq il-website tal-emittent jew, jekk applikabbli, fuq il-website tal-intermedjarji finanzjarji li jkunu qed jassenjaw jew ibigħu t-titoli, inklużi l-aġenti tal-ħlas; jew

    (d)

    f’għamla elettronika fuq il-website tas-suq regolat fejn titfittex l-ammissjoni għall-kummerċ, jew

    (e)

    f’għamla elettronika fuq il-website ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-post jekk l-awtorità msemmija tkun iddeċidiet li toffri dan is-sevizz.

    [...]

    5.   Fil-każ ta’ prospett li jkun fih numru ta’ dokumenti u/jew li jinkorpora t-tagħrif bir-referenzi, id-dokumenti u t-tagħrif li jagħmlu l-prospett jistgħu jiġu ppubblikati u ċċirkolati separatament sakemm id-dokumenti msemmija jintgħamlu disposnibbli lill-pubbliku mingħajr ħlas, skont l-arranġamenti stabbiliti fil-paagadu 2. [...]

    [...]

    7.   Meta prospett jintgħamel disponibbli lill-pubbliku fil-għamla elettronika, kopja fuq il-karta trid madankollu tiġi kkunsinnata mingħajr ħlas lill-investitur, minn min joħroġ it-titoli, min joffrihom, mill-persuna li titlob li jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew mill-intermedjarji finanzjarji fejn jitqiegħdu jew jinbigħu t-titoli.

    8.   Sabiex jitqiesu l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tadotta, skont il-poċedura riferita fl-Artikolu 24(2), il-miżuri ta’ implimentazzjoni li jirrigwardaw il-paragrafi 1, 2, 3 u 4. L-ewwel sett tal-miżuri ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sa l-1 ta’ Lulju 2004.”

    12

    L-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

    “Kull fattur ġdid sinifikanti, kull żball jew ineżattezza materjali sinifikanti li jkollhom x’jaqsmu mat-tagħrif inkluż fil-prospett li jkun kapaċi jaffettwa l-istima tat-titoli u li jinħolqu jew jiġu nnotati bejn iż-żmien meta l-prospett jiġi approvat u l-għeluq finali tal-offerta lill-pubbliku jew, skont kif ikun il-każ, iż-żmien meta jibda l-kummerċ f’suq regolat, għandhom jissemmew f’suppliment mal-prospett. Dan is-suppliment għandu jiġi approvat fl-istess manjiera f’massimu ta’ sebat ijiem tax-xogħol u applikat skont mill-inqas l-istess arranġamenti li kienu applikati meta kien ippubblikat il-prospett oriġinali. Is-sommarju, u kull traduzzjoni tiegħu. għandhom ukoll jiġu ssupplimentati, jekk meħtieġa sabiex jitqies it-tagħrif il-ġdid inkluż fis-suppliment.”

    Ir-Regolament “prospett”

    13

    Il-premessa 21 tar-Regolament “prospett” tispeċifika:

    “Prospett bażi u t-termini finali tiegħu għandhu jkun fih l-istess informazzjoni bħal prospett. Il-prinċipji ġenerali applikabbli għall-prospett huma applikabbli wkoll għall-kundizzjonijiet finali. Minkejja dan, fejn it-termini finali ma humiex inklużi fil-prospett bażi, dawn ma jkollhomx bżonn li jkunu approvati mill-awtorità kompetenti.”

    14

    Skont il-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, il-flessibbiltà ikbar li l-artikulazzjoni tal-prospett bażi bil-kundizzjonijiet finali tiegħu għandha b’paragun ma’ prospett ippubblikat darba waħda ma għandhiex timpedixxi lill-investituri milli jaċċedu faċilment għall-informazzjoni importanti.

    15

    Il-premessa 26 ta’ dan ir-regolament tistipula li, “dwar il-prospetti bażi, għandu jkun iċċarat b’mod identifikabbli faċilment liema tip ta’ informazzjoni tkun trid tiġi nkluża bħala termini finali. Din il-ħtieġa għandha tkun tista’ tiġi ssodisfatta b’numru ta’ modi differenti, bħala eżempju, jekk il-prospett bażi jinkludi fih spazji vojta biex tiddaħħal kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiġi inkluża fil-kundizzjonijiet finali jew jekk il-prospett bażi jinkludi fih lista li tindika l-informazzjoni nieqsa.”

    16

    Skont l-Artikolu 22(1), (2), (4), (5) u (7) tal-istess regolament:

    “1.   Il-prospett bażi għandu jitħejja billi tintuża kombinazzjoni waħda jew aktar ta’ skedi u building blocks previsti fl-Artikli 4 sa 20 skond il-kombinazzjonijiet għat-tipi varji ta’ titoli stabbiliti fl-Anness XVIII.

    Il-prospett bażi għandu jkun fih il-punti ta’ informazzjoni mitluba fl-Annessi I sa XVII skond it-tip ta’ l-emittent jew titoli involuti, previsti fl-iskedi u building blocks stabbiliti fl-Artikli 4 sa 20. L-awtorità kompetenti m’għandhiex titlob li prospett ikun fih punti ta’ informazzjoni li m’humiex inklużi fl-Annessi I sa XVII.

    Sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligu msemmi fl-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva ‘prospett’], l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, meta tapprova prospett bażi skont l-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva, tista’ tirrikjedi, fuq bażi ta’ każ b’każ, li tiġi kompluta l-informazzjoni provduta mill-emittent, l-offerent jew il-persuna li qed titlob għall-ammissjoni għan-negozjar f’suq regolat, għal kull wieħed mill-punti tal-informazzjoni.

    2.   L-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f’kummerċ f’suq regolat jistgħu iħallu barra punti ta’ informazzjoni li ma jkunux magħrufa meta l-prospett bażi ikun approvat li jista’ jkun magħruf biss fil-ħin tal-ħruġ individwali.

    [...]

    4.   It-termini finali marbuta ma’ prospett bażi għandu jkun fihom il-punti ta’ informazzjoni mill-iskedi varji tan-nota tat-titoli li fuqhom jitħejja l-prospett.

    5.   Minbarra l-punti ta’ informazzjoni stabbiliti fl-iskedi u building blocks imsemmija fl-Artikli 4 sa 20 l-informazzjoni li ġejja għandha tkun inkluża fil-prospett bażi:

    1)

    indikazzjoni dwar l-informazzjoni li se tkun inkluża fit-termini finali;

    2)

    il-metodu tal-pubblikazzjoni tat-termini finali; jekk l-emittent m’huwiex f’pożizzjoni li jistabbilixxi, fil-ħin ta’ l-approvazzjoni tal-prospett, il-metodu tal-pubblikazzjoni tat-termini finali, indikazzjoni ta’ kif il-pubbliku se jkun informat dwar liema metodu se jintuża għall-pubblikazzjoni tat-termini finali;

    [...]

    7.   Fejn jiġri avveniment mistenni skond l-Artikolu 16(1) tad-[Direttiva ‘prospett’] bejn iż-żmien li l-prospett bażi kien approvat u l-egħluq finali ta’ l-offerta ta’ kull ħarġa tat-titoli taħt il-prospett bażi jew, skond kif ikun il-każ, iż-żmien li fih jibda l-kummerċ tat-titoli f’suq regolat, l-emittent, l-offerent jew il-persuna li titlob li tidħol f’kummerċ f’suq regolat għandhom jippubblikaw supplement qabel l-egħluq finali ta’ l-offerta jew id-dħul f’kummerċ ta’ dawn it-titoli.”

    17

    Skont l-Artikolu 26(5) tar-Regolament “prospett”, “[i]t-termini finali marbuta mal-prospett bażi għandhom ikunu ppreżentati fil-forma ta’ dokument separat li jkun fih biss it-termini finali jew bl-inklużjoni tat-termini finali fil-prospett bażi”.

    18

    L-Artikolu 29(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Il-pubblikazzjoni tal-prospett jew prospett bażi f’forma elettronika, jew skond il-punti (c) (d) u (e) ta’ l-Artikolu 14(2) tad-[Direttiva ‘prospett’], inkella bħala mezz addizzjonali ta’ disponibilità, għandha tkun skond il-ħtiġijiet li ġejjin:

    1)

    il-prospett jew prospett bażi għandhom ikunu aċċessibbli faċilment meta wieħed jidħol fil-websajt;

    [...]

    4)

    l-investituri għandu jkollhom il-possibilità li jniżżlu u jistampa l-prospett jew prospett bażi.

    [...]”

    Id-dritt Awstrijak

    19

    Skont l-Artikolu 5(1) tal-liġi dwar it-titoli (Kapitalmarktgesetz), tas-6 ta’ Diċembru 1991 (BGBl. 625/1991):

    “Jekk offerta suġġetta għall-formalitajiet ta’ prospett issir mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ prospett jew tal-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6, l-investituri, jiġifieri l-konsumaturi fis-sens tat-tieni punt tal-Artikolu 1(1) tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi [Konsumentenschutzgesetz], ikunu jistgħu jirrinunzjaw għall-offerta tagħhom jew għall-kuntratt.”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    20

    Fit-30 ta’ Ottubru 2006, M. Timmel, iddomiċiljat fi Vjenna (l-Awstrija), issottoskriva, għand Aviso Zeta, iddomiċiljata wkoll fi Vjenna, 40000 sehem tat-titolu “Dragon FX Garant”, li l-valur nominali unitarju tagħhom kien inqas minn EUR 50 000 u li l-emittenti tagħhom kienet Lehman Brothers Treasury Co. BV, bis-sede tagħha f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi).

    21

    Sussegwentement, M. Timmel iddikjara li ried jirrinunzja għal din is-sottoskrizzjoni, skont l-Artikolu 5 tal-liġi dwar it-titoli tas-6 ta’ Diċembru 1991, filwaqt li sostna li l-offerta kienet saret mingħajr pubblikazzjoni regolari tal-informazzjoni marbuta magħha. La l-kodiċi “International Securities Identification Number” (ISIN), la l-munita li fiha sar il-ħruġ tat-titoli, la informazzjoni dwar il-prestazzjonijiet passati u futuri tal-prodott inkwistjoni u lanqas il-metodu ta’ kalkolu tar-rendiment ma kienu ġew ippubblikati.

    22

    Skont M. Timmel, prospett bażi u tliet supplimenti ġew ippubblikati, rispettivament, fid-9 u d-29 ta’ Awwissu 2006 u fis-6 u s-26 ta’ Settembru tal-istess sena. Bl-istess mod, abbozz ta’ kundizzjonijiet finali ġie ppubblikat fid-19 ta’ Settembru 2006 u l-verżjoni finali tagħhom ġiet ippubblikata fl-4 ta’ Diċembru 2006.

    23

    Madankollu, l-ebda pubblikazzjoni regolari ma saret fis-sede tal-Borża, fis-sede tal-emittent jew f’dik tal-intermedjarju finanzjarju. Id-diversi dokumenti li jikkostitwixxu l-prospett kienu, fil-fatt, disponibbli biss fi Vjenna. Id-dokumenti marbuta mal-offerta ta’ bejgħ tat-titoli kienu, barra minn hekk, aċċessibbli għal ċertu ħin fuq is-sit tal-internet tal-Borża tal-Lussemburgu, iżda l-konsultazzjoni tagħhom kienet teħtieġ proċedura ta’ reġistrazzjoni kif ukoll il-ħlas ta’ spejjeż, b’mod partikolari għall-konsultazzjoni tas-suppliment obbligatorju għall-prospett dwar il-kundizzjonijiet finali tal-imsemmija offerta.

    24

    Huwa f’dan il-kuntest li M. Timmel adixxa lill-Handelsgericht Wien (qorti kummerċjali ta’ Vjenna). Din tal-aħħar tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi, b’mod partikolari, mill-kwistjoni ta’ jekk Aviso Zeta kinitx marbuta li tippubblika, skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament “prospett”, l-informazzjoni li bħala regola hija meħtieġa, li, għalkemm ma kinitx magħrufa fil-mument tal-approvazzjoni tal-prospett bażi, kienet madankollu magħrufa fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ suppliment.

    25

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikoli 14(2)(b) tad-Direttiva “prospett” fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk l-obbligu tat-tqegħid tal-prospett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandux jitwettaq, kumulattivament jew alternattivament, fis-sede tal-emittent u fl-uffiċċji tal-intermedjarji finanzjarji.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Handelsgericht Wien iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 22(2) tar-Regolament [‘prospett’] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tintwera f’suppliment għall-prospett l-informazzjoni li bħala prinċipju hija meħtieġa li ma kinitx magħrufa fil-mument tal-approvazzjoni tal-prospett bażi, iżda li kienet diġà magħrufa fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ dan is-suppliment li fih din l-informazzjoni ma tirriżultax?

    2)

    Id-deroga prevista fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament [‘prospett’], għandha tiġi applikata b’mod li jippermetti li l-punti ta’ informazzjoni fis-sens tat-tielet sentenza [subparagrafu] tal-Artikolu 22(1) ma jiġux inklużi, minkejja li dawn il-punti ta’ informazzjoni (meħtieġa) kienu magħrufa qabel id-data tal-ħruġ, għalkemm wara l-pubblikazzjoni tal-prospett bażi?

    3)

    Jista’ wieħed jitkellem fuq ‘pubblikazzjoni regolari’ meta jkun ġie ppubblikat biss prospett bażi li ma jinkludix il-punti ta’ informazzjoni meħtieġa b’mod konformi mat-tielet sentenza [subparagrafu] tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament [‘prospett’], u, b’mod partikolari, mal-Anness V tal-istess regolament (għat-titoli li għandhom valur nominali unitarju ta’ inqas minn EUR 50 000) u l-kundizzjonijiet definittivi [finali] ma jkunux ġew ippubblikati?

    4)

    Ir-rekwiżit li jipprovdi li l-prospett jew il-prospett bażi għandu jkun faċilment aċċessibbli fuq is-sit tal-internet fejn ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, previst fil-punt 1 tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament [‘prospett’] huwa sodisfatt:

    a)

    meta l-aċċess, id-downloading u kif ukoll l-ipprintjar jirrikjedu li wieħed jirreġistra fis-sit tal-internet fejn l-aċċess għandu sussegwentement isir, u r-reġistrazzjoni tippresupponi l-aċċettazzjoni ta’ klawżola ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà u l-komunikazzjoni ta’ indirizz tal-posta elettronika, jew

    b)

    meta huwa neċessarju, għal dan il-għan, li jsiru ħlasijiet, jew

    c)

    meta l-konsultazzjoni mingħajr ħlas ta’ aspetti mill-prospett hija limitata għal żewġ dokumenti fix-xahar, meta huwa meħtieġ li jsir downloading ta’ mill-inqas tliet dokumenti sabiex jinkisbu l-punti kollha tal-informazzjoni meħtieġa previsti fit-tielet sentenza tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament [‘prospett’]?

    5)

    L-Artikolu 14(2)(b) tad-Direttiva [‘prospett’] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prospett bażi għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fis-sede ta’ min joħroġ it-titoli u tal-intermedjarju finanzjarju?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

    27

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 22(2) tar-Regolament “prospett” għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi inkluża, f’suppliment għall-prospett, l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1) li, għalkemm ma kinitx magħrufa fil-mument tal-pubblikazzzjoni tal-prospett bażi, din kienet madankollu magħrufa fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ suppliment għal dan il-prospett, jew jekk, fejn applikabbli, din l-informazzjoni tistax titħalla barra.

    28

    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Artikolu 22 tar-Regolament “prospett” jirrigwarda l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-prospett bażi kif ukoll fil-kundizzjonijiet finali.

    29

    F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 26(5) tar-Regolament “prospett” jirriżulta li dan it-test huwa maħsub sabiex jagħti ċerta flessibbiltà lill-emittenti billi jippermetti pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet finali jew fil-prospett bażi jew altrimenti f’dokument separat.

    30

    Fil-fatt, hemm distinzjoni bejn, minn naħa, id-dettalji neċessarji għall-konklużjoni ta’ tranżazzjoni speċifika (bħall-prezz finali tat-titoli kkonċernati) u, min-naħa l-oħra, informazzjoni ta’ natura ġenerali li tippermetti lill-investituri jevalwaw xjentement ir-riskji li jista’ jkun hemm, qabel jiddeċiedu li jissottoskrivu.

    31

    Madankollu, l-Artikolu 22(5)(1) tar-Regolament “prospett” jobbliga lill-emittent jindika, fil-prospett bażi, l-informazzjoni li tkun ser tiġi inkluża fil-kundizzjonijiet finali. Għalhekk ġie kkunsidrat li, għalkemm l-informazzjoni inkluża fil-kundizzjonijiet finali setgħet ma tkunx inkluża fil-prospett bażi, l-eżistenza tagħha kellha madankollu tissemma f’dan tal-aħħar.

    32

    Barra minn hekk, l-Artikolu 22(7) tar-Regolament “prospett” jipprevedi li, meta fatt ġdid sinjifikattiv, żball jew ineżattezza sostanzjali dwar l-informazzjoni inkluża fil-prospett bażi, ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tat-titoli, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “prospett”, jirriżulta, b’mod partikolari, bejn l-approvazzjoni tal-prospett bażi u l-għeluq finali tal-offerta, l-emittent jew l-offerent għandu jippubblika suppliment għal dan il-prospett qabel l-imsemmi għeluq finali tal-offerta.

    33

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet premessi li għandu jiġi interpretat l-Artikolu 22(2) tar-Regolament “prospett”, li jippermetti, b’mod partikolari, lill-emittent jew lill-offerent ma jikkomunikax ċerta informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1), fil-każ fejn din tal-aħħar ma tkunx magħrufa fil-mument tal-approvazzjoni tal-prospett bażi u fil-każ li din tkun tista’ tiġi ddeterminata biss fil-mument tal-ħruġ.

    34

    F’dan ir-rigward, minn qari a contrario ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jirriżulta li, kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, meta l-emittent jew l-offerent ikun fil-fatt jaf, jew ikun f’pożizzjoni li jiddetermina fil-mument tal-approvazzjoni tal-prospett bażi, l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 22(1) tal-imsemmi regolament “prospett”, l-imsemmija informazzjoni għandha tiġi ppubblikata f’dan l-istess prospett.

    35

    Jekk l-informazzjoni meħtieġa li ma tkunx magħrufa fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-prospett bażi u li tkun tista’ tiġi ddeterminata biss fil-mument tal-ħruġ ma tikkostitwixxix, bħala tali, la fatt ġdid sinjifikattiv u lanqas żball jew ineżattezza sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “prospett”, din għandha, jekk ikun il-każ, tiġi ppubblikata fil-kundizzjonijiet finali.

    36

    Fil-fatt, mill-premessi 21 u 25 tar-Regolament “prospett” jirriżulta li prospett bażi kkompletat bil-kundizzjonijiet finali għandu jinkludi livell ta’ informazzjoni ekwivalenti għal dak ta’ prospett ippubblikat darba waħda. Dan iwassal, b’mod partikolari, sabiex l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament, li ma tkunx magħrufa fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-prospett bażi u li tkun tista’ tiġi ddeterminata biss fil-mument tal-ħruġ, tiġi kkomunikata fil-kundizzjonijiet finali.

    37

    Jekk, min-naħa l-oħra, din l-informazzjoni, fl-ewwel lok, tikkostitwixxi fatt ġdid sinjifikattiv, tikkoreġi żball jew ineżattezza sostanzjali u, fit-tieni lok, hija ta’ natura li tinfluwenza l-evalwazzjoni tat-titoli, din teħtieġ il-pubblikazzjoni ta’ suppliment, skont ma jipprevedu l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “prospett” u l-Artikolu 22(7) tar-Regolament “prospett”.

    38

    F’dan ir-rigward, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-informazzjoni inkwistjoni kellhiex influwenza fuq l-evalwazzjoni tat-titoli, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “prospett”.

    39

    Kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-risposta għal din id-domanda tippresupponi evalwazzjoni tal-provi marbuta man-natura tal-informazzjoni u mal-effett tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ investitur li jissottoskrivi titoli.

    40

    Għaldaqstant, għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 22(2) tar-Regolament “prospett”, għandu jiġi interpretat fis-sens li informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1) li, minkejja li ma kinitx magħrufa fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-prospett bażi, kienet madankollu magħrufa fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ suppliment għal dan il-prospett, għandha tiġi ppubblikata f’dan is-suppliment, jekk din l-informazzjoni tikkostitwixxi fatt ġdid sinjifikattiv, żball jew ineżattezza sostanzjali ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tat-titoli, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “prospett”, fatt li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa.

    Fuq it-tielet domanda

    41

    Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 22 tar-Regolament “prospett”, il-pubblikazzjoni ta’ prospett bażi li ma jinkludix l-informazzjoni meħtieġa skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1), b’mod partikolari dik imsemmija fl-Anness V ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jiġu ppubblikati l-kundizzjonijiet finali.

    42

    Mir-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi jirriżulta li, sabiex prospett jissodisfa r-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 22 tar-Regolament “prospett”, il-prospett bażi għandu, fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 22(1), jinkludi l-informazzjoni meħtieġa u magħrufa mill-emittent fil-mument tal-pubblikazzjoni tagħha.

    43

    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva “prospett” u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament “prospett”, il-prospett bażi għandu jiġi ppubblikat wara l-approvazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti.

    44

    Fit-tieni lok, l-informazzjoni meħtieġa, li l-emittent sar jaf biha wara l-pubblikazzjoni tal-prospett bażi, iżda qabel l-għeluq tal-offerta finali, għandha tiġi inkluża f’suppliment jekk din tikkostitwixxi fatt ġdid sinjifikattiv, żball jew ineżattezza sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva “prospett”.

    45

    Il-pubblikazzjoni regolari ta’ tali suppliment tippresupponi wkoll l-approvazzjoni minn qabel tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

    46

    Jekk din l-informazzjoni la tikkostitwixxi fatt ġdid sinjifikattiv u lanqas ma tikkostitwixxi żball jew ineżattezza sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva, din għandha tiġi ppubblikata fil-kundizzjonijiet finali, kemm-il darba l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament “prospett” huma ssodisfatti u din l-informazzjoni ma tibdel u ma tissostitwixxi ebda informazzjoni tal-prospett bażi.

    47

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 22(5) tar-Regolament “prospett”, il-prospett bażi għandu jindika l-informazzjoni li tkun ser tiġi inkluża f’dawn il-kundizzjonijiet finali.

    48

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif imsemmi fil-premessa 21 tar-Regolament “prospett”, il-pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet finali ma teħtieġx l-approvazzjoni minn qabel tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti. Fil-fatt, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva “prospett” jirriżulta li, jekk il-kundizzjonijiet finali tal-offerta ma jiġux inklużi fil-prospett bażi jew f’suppliment, dawn għandhom jiġu kkomunikati lill-investituri u ppreżentati quddiem l-awtorità kompetenti fl-iqsar żmien possibbli, possibbilment qabel il-bidu tal-offerta.

    49

    Għaldaqstant, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li l-pubblikazzjoni ta’ prospett bażi li ma jinkludix l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1), b’mod partikolari dik prevista fl-Anness V ta’ dan ir-regolament, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 22 tar-Regolament “prospett” jekk din il-pubblikazzjoni ma tiġix ikkompletata bil-pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet finali. Sabiex l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-prospett bażi, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament “prospett”, tkun tista’ tiġi inkluża fil-kundizzjonijiet finali, huwa neċessarju li l-prospett bażi jindika l-informazzjoni li tkun ser tiġi inkluża f’dawn il-kundizzjonijiet finali u li din l-informazzjoni tosserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament.

    Fuq ir-raba ’ domanda

    50

    Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament “prospett” għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li prospett għandu jkun faċilment aċċessibbli fuq is-sit tal-internet fejn ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jkun issodisfatt meta jkun hemm obbligu ta’ reġistrazzjoni fuq dan is-sit tal-internet, flimkien ma’ klawżola ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà u l-obbligu li jiġi kkomunikat indirizz ta’ posta elettronika, jew meta dan l-aċċess elettroniku jkun bi ħlas, jew ukoll, meta l-konsultazzjoni mingħajr ħlas tal-informazzjoni tal-prospett tkun limitata għal żewġ dokumenti fix-xahar.

    51

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni flimkien ma’ klawżola ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà u l-obbligu li jiġi kkomunikat indirizz elettroniku, għandu jiġi kkonstatat li tali kundizzjonijiet jillimitaw l-aċċess għall-prospett ippubblikat f’forma elettronika u ma humiex, bħala tali, kompatibbli mar-rekwiżit ta’ aċċess faċli stipulat fil-punt 1 tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament “prospett”.

    52

    Tali kundizzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, jiskoraġġixxu lil ċertu numru ta’ investituri potenzjali. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni ta’ klawżola ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà tikkostitwixxi kundizzjoni li toħloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn l-emittent jew l-intermedjarju li jista’ jkun hemm u l-investitur potenzjali, u tmur, b’dan il-mod, kontra l-għan imfittex mid-Direttiva “prospett”, imfakkar fil-premessa 10 tagħha, li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri.

    53

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura oneruża tal-provvista tal-prospett f’forma elettronika, il-punt 1 tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament “prospett” għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva “prospett”, li jipprevedi b’mod espliċitu li l-prospett, anki meta d-diversi elementi li jikkostitwixxuh huma ppubblikati separatament, għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ħlas.

    54

    Konsegwentement, il-pubblikazzjoni elettronika ta’ prospett permezz ta’ sit tal-internet fejn l-aċċess għaliha jsir bi ħlas, jew li tipprevedi konsultazzjoni mingħajr ħlas biss ta’ xi wħud mid-dokumenti li jikkostitwixxu dan il-prospett, għandha titqies li ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ aċċess faċli prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament “prospett”.

    55

    Finalment, għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 14(7) tad-Direttiva “prospett”, li jipprovdi li, fil-każ ta’ pubblikazzjoni f’forma elettronika, kopja stampata għandha tiġi pprovduta mingħajr ħlas lill-investitur fuq talba tiegħu, ma jistax ikollu effett f’dan ir-rigward.

    56

    Fil-fatt, ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni tad-Direttiva “prospett” jew tar-Regolament “prospett” jew mill-istruttura ġenerali ta’ dawn it-testi li l-kundizzjoni ta’ aċċessibbiltà tad-dokumenti li jikkostitwixxu prospett tista’ tiġi evalwata diversament skont il-metodu ta’ komunikazzjoni magħżul mill-emittent.

    57

    Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb jispeċifika, fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament “prospett”, li l-kundizzjonijiet għal pubblikazzjoni f’forma elettronika hemm stabbiliti għandhom ikunu ssodisfatti, kemm jekk il-pubblikazzjoni tiġi żgurata skont l-Artikolu 14(2)(c) sa (e) tad-Direttiva “prospett” kif ukoll jekk din il-pubblikazzjoni f’forma elettronika tkun biss mezz komplementarju tat-tqegħid tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    58

    Bl-istess mod, jirriżulta mill-premessa 31 tad-Direttiva “prospett” li dan il-leġiżlatur ried iħeġġeġ il-pubblikazzjoni tal-prospetti b’mezz elettroniku peress li dan il-mezz jiffaċilita l-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti. Issa, l-aċċettazzjoni ta’ inqas protezzjoni għall-investituri fil-każ ta’ pubblikazzjoni b’mezz elettronika tmur kontra tali għan.

    59

    Għaldaqstant, għar-raba’ domanda għandha tingħata r-risposta li l-punt 1 tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament “prospett” għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li prospett għandu jkun faċilment aċċessibbli fuq is-sit tal-internet fejn ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ma jkunx issodisfatt meta jkun hemm obbligu ta’ reġistrazzjoni fuq dan is-sit tal-internet, flimkien ma’ klawżola ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà u l-obbligu li jiġi kkomunikat indirizz ta’ posta elettronika, jew meta dan l-aċċess elettroniku jkun bi ħlas, jew ukoll meta l-konsultazzjoni mingħajr ħlas tal-informazzjoni tal-prospett tkun limitata għal żewġ dokumenti fix-xahar.

    Fuq il-ħames domanda

    60

    Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(2)(b) tad-Direttiva “prospett” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-prospett bażi għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kemm fis-sede tal-emittent kif ukoll fl-uffiċċji tal-intermedjarju finanzjarju.

    61

    Il-qorti tar-rinviju fil-fatt tirrileva li, skont il-verżjoni Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni, il-prospett bażi għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fis-sede tal-emittent jew tal-intermedjarju finanzjarju, filwaqt li, skont il-verżjonijiet Spanjola, Ingliża, u Franċiża ta’ dan it-test, dan il-prospett għandu jkun disponibbli fiż-żewġ sedi.

    62

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li test li, minħabba diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, ma jwassalx għal interpretazzjoni ċara u uniformi, għandu jiġi interpretat kemm skont l-għan tiegħu kif ukoll skont l-istruttura ġenerali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bouchereau, 30/77, EU:C:1977:172, punt 14, u Borgmann, C-1/02, EU:C:2004:202, punt 25).

    63

    Għaldaqstant għandu jiġi speċifikat li n-neċessità ta’ applikazzjoni u, għalhekk, ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ att tal-Unjoni teskludi li dan jitqies b’mod iżolat f’waħda mill-verżjonijiet tiegħu, iżda teżiġi li jiġi interpretat kemm skont l-intenzjoni reali tal-awtur tiegħu kif ukoll skont l-għan segwit minn dan tal-aħħar, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet stabbiliti bil-lingwi kollha (ara s-sentenza Internetportal und Marketing, C-569/08, EU:C:2010:311, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    64

    Fir-rigward tad-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta ċar mill-premessi 4 u 10 tad-Direttiva “prospett” li din tal-aħħar għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiżgura l-protezzjoni tal-investituri kif ukoll aċċess l-iktar wiesa’ possibbli għall-impriżi ta’ investimenti kapitali fl-Unjoni Ewropea kollha permezz ta’ passaport uniku intiż għall-emittenti ta’ titoli.

    65

    Kif tirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn l-għanijiet jistgħu jiġu kompromessi fil-każ li s-sede tal-emittent tkun tinsab fi Stat Membru differenti minn dik tal-intermedjarju finanzjarju, peress li prospett li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku biss f’forma stampata jkun għalhekk disponibbli biss f’waħda minn dawn iż-żewġ sedi.

    66

    Barra minn hekk, l-istruttura tad-Direttiva “prospett” twassal sabiex jitqies li l-prospett għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kemm fis-sede tal-emittent kif ukoll f’dik tal-intermedjarju finanzjarju.

    67

    Fil-fatt, sa fejn l-Artikolu 14(7) ta’ din id-direttiva jirrikjedi li, meta l-prospett jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’forma elettronika, kopja stampata għandha tiġi pprovduta lill-investitur, fuq talba tiegħu, mill-emittent jew mill-intermedjarji finanzjarji, huwa neċessarju li dawn tal-aħħar ikollhom kopja ta’ dan il-prospett sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw dan l-obbligu. Għalhekk, din il-konstatazzjoni timplika li dan il-prospett ikun disponibbli kemm fis-sede tal-emittent kif ukoll fl-uffiċċji tal-intermedjarji finanzjarji, kif tenfasizza l-Kummissjoni.

    68

    Għaldaqstant, għall-ħames domanda għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 14(2)(b) tad-Direttiva “prospett” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prospett bażi għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kemm fis-sede tal-emittent kif ukoll fl-uffiċċji tal-intermedjarji finanzjarji.

    Fuq l-ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 809/2004, tad-29 ta’ April 2004, li jimplimenta d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-informazzjoni inkluża fi prospetti, l-istruttura tal-prospetti, l-inklużjoni ta’ informazzjoni b’riferiment, il-pubblikazzjoni tal-prospetti u t-tixrid ta’ komunikazzjonijiet ta’ natura promozzjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1) li, minkejja li ma kinitx magħrufa fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-prospett bażi, kienet madankollu magħrufa fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ suppliment ta’ dan il-prospett, għandha tiġi ppubblikata f’dan is-suppliment, jekk din l-informazzjoni tikkostitwixxi fatt ġdid sinjifikattiv, żball jew ineżattezza sostanzjali ta’ natura li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni tat-titoli, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ, fatt li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa.

     

    2)

    Il-pubblikazzjoni ta’ prospett bażi li ma jinkludix l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 22(1), b’mod partikolari dik prevista fl-Anness V ta’ dan ir-regolament, ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 809/2004 jekk din il-pubblikazzjoni ma tiġix ikkompletata bil-pubblikazzjoni tal-kundizzjonijiet finali. Sabiex l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-prospett bażi, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 809/2004, tkun tista’ tiġi inkluża fil-kundizzjonijiet finali, huwa neċessarju li l-prospett bażi jindika l-informazzjoni li tkun ser tiġi inkluża f’dawn il-kundizzjonijiet finali u li din l-informazzjoni tosserva r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament.

     

    3)

    Il-punt 1 tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 809/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li prospett għandu jkun faċilment aċċessibbli fuq is-sit tal-internet fejn ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ma jkunx issodisfatt meta jkun hemm obbligu ta’ reġistrazzjoni fuq dan is-sit tal-internet, flimkien ma’ klawżola ta’ eżenzjoni mir-responsabbiltà u l-obbligu li jiġi kkomunikat indirizz ta’ posta elettronika, jew meta dan l-aċċess elettroniku jkun bi ħlas, jew ukoll meta l-konsultazzjoni mingħajr ħlas tal-informazzjoni tal-prospett tkun limitata għal żewġ dokumenti fix-xahar.

     

    4)

    L-Artikolu 14(2)(b) tad-Direttiva 2003/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prospett bażi għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kemm fis-sede tal-emittent kif ukoll fl-uffiċċji tal-intermedjarji finanzjarji.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top