This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CJ0285
Judgment of the Court (Fourth Chamber), 30 January 2014.#Aboubacar Diakité v Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides.#Request for a preliminary ruling from the Conseil d’État (Belgium).#Directive 2004/83/EC — Minimum standards for granting refugee status or subsidiary protection status — Person eligible for subsidiary protection — Article 15(c) — Serious and individual threat to a civilian’s life or person by reason of indiscriminate violence in situations of armed conflict — ‘Internal armed conflict’ — Interpretation independent of international humanitarian law — Criteria for assessment.#Case C‑285/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ Jannar 2014.
Aboubacar Diakité vs Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju).
Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 15(ċ) – Theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat – Kunċett ta’ ‘kunflitt armat intern’ – Interpretazzjoni awtonoma meta pparagunata mad-dritt internazzjonali umanitarju – Kriterji ta’ evalwazzjoni.
Kawża C‑285/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-30 ta’ Jannar 2014.
Aboubacar Diakité vs Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju).
Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 15(ċ) – Theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat – Kunċett ta’ ‘kunflitt armat intern’ – Interpretazzjoni awtonoma meta pparagunata mad-dritt internazzjonali umanitarju – Kriterji ta’ evalwazzjoni.
Kawża C‑285/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:39
*A9* Conseil d'État, section du contentieux administratif, 9e chambre, arrêt nº 219.376 du 16/05/2012 (A.200.613./XI-18.077)
- JURIFAST
*P1* Conseil d'État, section du contentieux administratif, 9e chambre, arrêt nº 228.760 du 14/10/2014 (A.200.613./XI-18.077)
- JURIFAST
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
30 ta’ Jannar 2014 ( *1 )
“Direttiva 2004/83/KE — Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Persuna li tista’ tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja — Artikolu 15(ċ) — Theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat — Kunċett ta’ ‘kunflitt armat intern’ — Interpretazzjoni awtonoma meta pparagunata mad-dritt internazzjonali umanitarju — Kriterji ta’ evalwazzjoni”
Fil-Kawża C-285/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, ippreżentata mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura
Aboubacar Diakité
vs
Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Mejju 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal A. Diakité, minn D. Caccamisi, avukat, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, N. Graf Vitzthum u B. Beutler, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie u A. Robertson, bħala aġenti, assistiti minn J. Simor, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, bħala aġent, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Diakité, ċittadin Gujaniż, u l-Kummissjoni Ġenerali għar-Refuġjati u Persuni mingħajr Stat (iktar ’il quddiem il-“Kummissarju Ġenerali”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li ma jagħtihx il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
L-Artikolu 3, komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève tat-12 ta’ Awwissu 1949, rispettivament, Konvenzjoni (I) għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Feruti u tal-Morda fil-Forzi Armati fuq il-Kamp; Konvenzjoni (II) għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Feruti, tal-Morda u tal-Membri Nawfragi tal-Forzi Armati fuq il-Baħar; Konvenzjoni (III) dwar it-Trattament tal-Priġunieri tal-Gwerra, u Konvenzjoni (IV) dwar il-Protezzjoni tal-Pajżana fi Żmien ta’ Gwerra (iktar ’il quddiem l-“erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève”, jistipula: “F’każ ta’ kunflitt armat li ma jkollux natura internazzjonali u li jinqala’ fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti Għolja, kull waħda mill-Partijiet għall-kunflitt hija obbligata tapplika mill-inqas id-dispożizzjonijiet li ġejjin:
[...]” |
4 |
L-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Genève, tat-12 ta’ Awwissu 1949, dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitti armati mhux internazzjonali (Protokoll II), tat-8 ta’ Ġunju 1977, jistipula: “1. Dan il-protokoll, li jiżviluppa u jikkompleta l-Artikolu 3 komuni għall-[erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève] mingħajr ma jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni attwali tiegħu, japplika għall-kunflitti armati kollha li ma humiex koperti mill-Artikolu 1 tal-Protokoll addizzjonali għall-[erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève] dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ kunflitti armati internazzjonali (Protokoll I), u li jsiru fit-territorju ta’ Parti Kontraenti Għolja bejn il-forzi armati tagħha u forzi armati dissidenti jew gruppi armati organizzati li, taħt it-tmexxija ta’ kmand responsabbli, jeżerċitaw fuq parti mit-territorju tagħha kontroll tali li permezz tiegħu jistgħu kemm iwettqu operazzjonijiet militari kontinwi u miftiehma kif ukoll japplikaw dan il-protokoll. 2. Dan il-protokoll ma huwiex applikabbli għal sitwazzjonijiet ta’ tensjonijiet interni, ta’ inkwiet intern, bħar-rewwixti, l-atti iżolati u sporadiċi ta’ vjolenza u atti oħrajn simili, li ma jitqiesux bħala kunflitti armati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt tal-Unjoni
5 |
Il-premessi 5, 6 u 24 tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:
[...]
|
6 |
Skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva, b’“persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” tfisser “ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tiegħu jew tagħha, jiffaċċja riskju veru li jsofri periklu serju kif definit fl-Artikolu 15 [...] ma japplikawx, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu jew ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż”. |
7 |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva jipprovdi taħt it-titolu “Periklu serju”: “Periklu serju [...]
|
Id-dritt Belġjan
8 |
L-Artikolu 48/4 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-aċċess għat-territorju, ir-residenza, l-istabbiliment u t-tkeċċija tal-barranin (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980”), jipprovdi: “§ 1. L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jingħata lil barrani li ma jistax jiġi kkunsidrat bħala refuġjat u li ma jistax jibbenefika mill-Artikolu 9b, u li dwaru ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li jekk jintbagħat lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, fil-pajjiż fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu, huwa jiffaċċja riskju veru li jġarrab il-periklu serju previst fil-paragrafu 2, u ma jistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż […]. § 2. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala periklu serju: [...]
|
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 |
Fil-21 ta’ Frar 2008, A. Diakité ressaq l-ewwel applikazzjoni għall-ażil fil-Belġju fejn invoka r-repressjoni u l-fatti ta’ vjolenza li allegatament ġarrab fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu f’manifestazzjonijiet ta’ protesta kontra l-awtoritajiet fis-setgħa. |
10 |
Il-Kummissarju Ġenerali rrifjuta li jirrikonoxxi lil A. Diakité l-kwalità ta’ refuġjat u li jagħtih il-protezzjoni sussidjarja. Din id-deċiżjoni doppja ġiet ikkonfermata mill-Conseil du Contentieux des Étrangers. |
11 |
Mingħajr ma fil-frattemp kien reġa’ lura fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fil-15 ta’ Lulju 2010, A. Diakité ressaq, quddiem l-awtoritajiet Belġjani, applikazzjoni oħra għall-ażil. |
12 |
Fit-22 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissarju Ġenerali ħa deċiżjoni ġdida ta’ rifjut ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat u ta’ għoti tal-protezzjoni sussidjarja. Ir-rifjut li jingħata l-protezzjoni sussidjarja kien immotivat mill-konstatazzjoni li fil-Gujana ma kinitx teżisti sitwazzjoni ta’ vjolenza mingħajr distinzjoni jew ta’ kunflitt armat fis-sens tal-Artikolu 48(2) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980. |
13 |
Din id-deċiżjoni doppja kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers, li kkonferma, permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Mejju 2011, ir-rifjut doppju tal-Kummissarju Ġenerali. |
14 |
Fl-appell ta’ kassazzjoni tiegħu, ippreżentat quddiem il-Conseil d’État, A. Diakité jikkritika s-sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers peress illi hija bbażata fuq id-definizzjoni tal-kunflitt armat applikata mill-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja sabiex tikkonstata li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt armat, meħtieġa mill-Artikolu 48/4(2) tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 19802, ma hijiex sodisfatta. |
15 |
F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État iqis li, fid-dawl tas-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C-465/07, Ġabra p. I-921), ma jistax jiġi eskluż li, bħal ma jsostni A. Diakité, il-kunċett “kunflitt armat” fis-sens tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, jista’ jiġi interpretat b’mod awtonomu u għandu tifsira differenti minn dik meqjusa fil-ġurisprudenza tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva [...], għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprovdi biss protezzjoni f’sitwazzjoni ta’ ‘kunflitt armat intern’ kif interpretat mil-liġi umanitarja internazzjonali, partikolarment b’referenza għall-Artikolu 3 komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra […]? Jekk il-kunċett ta’ ‘kunflitt armat intern’ imsemmi fl-Artikolu 15(ċ) tad-direttiva [...] għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu mill-Artikolu 3 komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra […], liema huma f’dan il-każ, il-kriterji għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali ‘kunflitt armat intern’?” |
Fuq id-domanda preliminari
17 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern għandux jiġi evalwat abbażi tal-kriterji stabbiliti mid-dritt internazzjonali umanitarju u, jekk dan ma huwiex il-każ, liema kriterji għandhom jiġu applikati sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali kunflitt, sabiex jiġi stabbilit jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat tistax tibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja. |
18 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-tliet tipi ta’ perikoli serji ddefiniti fl-Artikolu 15 tad-Direttiva jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex persuna tkun tista’ titqies li tista’ tibbenefika minn benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, meta, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva, jeżistu raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, tiltaqa’ ma’ riskju veru li ssofri perikolu serju (sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). |
19 |
Il-perikolu ddefinit fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva huwa kkostitwit minn theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali. |
20 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni uża l-espressjoni “konflitt armat interanzzjonali jew intern” li hija differenti mill-kunċetti li huma fil-bażi stess tad-dritt internazzjonali umanitarju, fejn dan tal-aħħar jagħmel distinzjoni, minn naħa, bejn il-“kunflitti armati internazzjonali” u min-naħa l-oħra l-“kunflitti armati li ma humiex ta’ natura internazzjonali”. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti l-protezzjoni sussidjarja lill-persuni kkonċernati mhux biss f’każ ta’ kunflitti armati internazzjonali u kunflitti armati li ma humiex ta’ natura internazzjonali, kif iddefiniti mid-dritt internazzjonali umanitarju, iżda, ukoll, f’każ ta’ kunflitti armati interni, bil-kundizzjoni li dawn il-kunflitti jkunu kkaratterizzati bl-użu ta’ vjolenza mingħajr distinzjoni. Ma huwiex neċessarju, f’dan ir-rigward, li jkunu preżenti l-kriterji kollha li għalihom jirreferi l-Artikolu 3 li huwa komuni għall-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Genève u l-Artikolu 1(1) tal-Protokoll Addizzjonali II tat-8 ta’ Ġunju 1977, li jiżviluppa u jikkompleta dan l-artikolu. |
22 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt internazzjonali umanitarju jirregola l-aġir tal-kunflitti armati internazzjonali u ma għandux natura internazzjonali, li jimplika li l-eżistenza ta’ tali kunflitt tikkostitwixxi l-kundizzjoni ta’ applikazzjoni tar-regoli li dan jistabbilixxi (sentenza tal-Awla tal-Appell tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-ex Jugoslavja tat-2 ta’ Ottubru 1995, Le Procureur vs Dusko Tadic alias “Dule”, Kawża Nru IT-94-1-AR-72, punt 67). |
23 |
Jekk id-dritt internazzjonali umanitarju huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jipprovdi, fiż-żona ta’ kunflitt, protezzjoni għall-popolazzjonijiet ċivili billi jillimita l-effetti tal-gwerra fuq il-persuni u l-proprjetà, dan ma jipprevedix, bid-differenza tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 15(c) tagħha, l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lil ċerti pajżani barra miż-żona ta’ kunflitt u tat-territorju tal-partijiet fil-kunflitt. Id-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ kunflitt armat ikkunsidrati fid-dritt internazzjonali umanitarju għalhekk ma humiex intiżi sabiex jidentifikaw is-sitwazzjonijiet li fihom tali protezzjoni hija neċessarja u għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. |
24 |
B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi enfasizzat li, bħal ma l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt internazzjonali umanitarju u s-sistema tal-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva jsegwu għanijiet differenti u jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ protezzjoni separati b’mod ċar. |
25 |
Barra minn hekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċertu ksur tad-dritt internazzjonali umanitarju jagħti lok għal responsabbiltà kriminali individwali. Minħabba dan il-fatt, id-dritt internazzjonali umanitarju għandu relazzjonijiet fil-qrib ħafna mad-dritt kriminali internazzjonali, filwaqt li tali relazzjoni ma hijiex relatata mal-mekkaniżmu tal-protezzjoni sussidjarja prevista mid-Direttiva. |
26 |
Għalhekk, ħlief sabiex ma jiġux osservati l-oqsma proprji għal kull waħda mis-sistemi ddefiniti, rispettivament, mid-dritt umanitarju internazzjonali u fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 15(ċ) tagħha, il-possibbiltà li jittieħed benefiċċju minn din l-aħħar sistema ma tistax tkun suġġetta għall-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-ewwel sistema huma sodisfatti. |
27 |
B’konswegwenza, fl-assenza ta’ kwalunkwe definizzjoni, fid-Direttiva, tal-kunċett ta’ kunflitt armat intern, id-determinazzjoni tat-tifsira u l-portata ta’ dawn it-termini għandha tiġi stabbilita, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont is-sens abitwali tagħhom fil-lingwa ta’ kuljum, billi jittieħed kunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jintużaw u għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jiffurmaw parti minnha (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C-549/07, Ġabra p. I-11061, punt 17, u tat-22 ta’ Novembru 2012, Probst, C‑119/12, punt 20). |
28 |
Fis-sens abitwali tiegħu fil-lingwa ta’ kuljum, il-kunċett ta’ kunflitt armat intern huwa intiż għal sitwazzjoni li fiha l-forzi regolari ta’ Stat jikkonfrontaw grupp wieħed jew iktar armati jew li fiha tnejn jew iktar gruppi armati jikkonfrontaw lil xulxin. |
29 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li, fil-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva [COM(2001) 510 finali], id-definizzjoni ta’ perikolu serju li tinsab fl-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva kienet tipprevedi li t-theddid kontra l-ħajja, is-sigurtà jew il-libertà tal-applikant setgħu iseħħu kemm f’kunflitt armat, kif ukoll fi ksur sistematiku jew ġeneralizzat tad-drittijiet tal-bniedem, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jikkunsidra biss l-ipoteżi ta’ theddid kontra l-ħajja jew il-persuna ta’ pajżan minħabba vjolenza mingħajr distinzjoni f’każ ta’ kunflitt armat intern jew internazzjonali. |
30 |
Minbarra dan, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern ma tistax twassal għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja ħlief sa fejn il-konfrontazzjonijiet bejn il-forzi regolari ta’ Stat u grupp wieħed jew iktar ta’ gruppi armati jew bejn tnejn jew iktar gruppi armati jkunu eċċezzjonalment ikkunsidrati bħala li joħolqu theddid serju u individwali kontra l-ħajja jew il-persuna tal-applikant għall-protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva, peress illi l-livell ta’ vjolenza mingħajr distinzjoni li tikkaratterizzahom tilħaq livell tant għoli li jeżistu raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li pajżan li jintbagħat lura fil-pajjiż ikkonċernat jew, jekk ikun il-każ, fir-reġjun ikkonċernat, mill-fatt biss tal-preżenza tiegħu fit-territorju tiegħu, jgħaddi mir-riskju reali li jissubixxi dan it-theddid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). |
31 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li iktar ma l-applikant ikun kapaċi juri li huwa speċifikament milqut minħabba elementi partikolari għas-sitwazzjoni personali tiegħu, inqas ser ikun għoli l-livell ta’ vjolenza mingħajr distinzjoni mitlub sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja (sentenza Elgafaji, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39). |
32 |
F’dan il-kuntest, ma huwiex neċessarju, waqt l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, li ssir evalwazzjoni speċifika tal-intensità ta’ dawn il-konfrontazzjonijiet sabiex jiġi stabbilit, indipendentement mill-evalwazzjoni tal-livell ta’ vjolenza li tirriżulta minn dan, jekk il-kundizzjoni intiża għall-eżistenza ta’ kunflitt armat hijiex sodisfatta. |
33 |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-premessi 5, 6 u 24 tad-Direttiva li l-kriterji minimi ta’ għoti tal-protezzjoni sussidjarja għandhom jippermettu li tiġi kkompletata l-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita mill-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, billi jiġu identifikati l-persuni li realment għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u li toffrilhom status xieraq. |
34 |
B’konsegwenza, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kunflitt armat ma għandhiex tkun suġġetta għal livell partikolari ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati fil-preżenza ta’ jew quddiem tul partikolari ta’ kunflitt, peress li dawn ikunu biżżejjed sabiex il-konfrontazzjonijiet li għalihom jidħlu dawn il-forzi armati joħolqu l-livell ta’ vjolenza msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, li jinħoloq għalhekk bżonn reali ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant li jgħaddi minn riskju reali li jissubixxi theddid serju u individwali kontra l-ħajja u l-persuna tiegħu. |
35 |
Isegwi li d-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern għandha tiġi aċċettata, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-forzi regolari ta’ Stat jikkonfrontaw grupp armat wieħed jew iktar jew meta tnejn jew diversi gruppi armati jikkonfrontaw lil xulxin, mingħajr ma jkun neċessarju li dan il-kunflitt jista’ jiġi kkwalifikat bħala kunflitt armat li ma jippreżentax natura internazzjonali fis-sens tad-dritt internazzjonali umanitarju u mingħajr ma l-intensità tal-konfrontazzjonijiet armati, il-livell ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati preżenti jew it-tul tal-kunflitt jiġi suġġett għal evalwazzjoni differenti minn dik tal-livell ta’ vjolenza preżenti fit-territorju kkonċernat. |
Fuq l-ispejjeż
36 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 15(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kunflitt armat intern għandha tiġi aċċettata, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-forzi regolari ta’ Stat jikkonfrontaw grupp armat wieħed jew iktar jew meta tnejn jew diversi gruppi armati jikkonfrontaw lil xulxin, mingħajr ma jkun neċessarju li dan il-kunflitt jista’ jiġi kkwalifikat bħala kunflitt armat li ma jippreżentax natura internazzjonali fis-sens tad-dritt internazzjonali umanitarju u mingħajr ma l-intensità tal-konfrontazzjonijiet armati, il-livell ta’ organizzazzjoni tal-forzi armati preżenti jew it-tul tal-kunflitt jiġi suġġett għal evalwazzjoni differenti minn dik tal-livell ta’ vjolenza preżenti fit-territorju kkonċernat. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.