Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0095

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Ottubru 2013.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi minoranza ta’ veto ta’ 20 % għat-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet mill-azzjonisti ta’ Volkswagen AG.
Kawża C‑95/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:676

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Ottubru 2013 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi minoranza ta’ veto ta’ 20 % għat-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet mill-azzjonisti ta’ Volkswagen AG”

Fil-Kawża C‑95/12,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 260(2) TFUE, ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2012,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Montaguti u G. Braun, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze, J. Schwarze u J. Möller kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen, E. Juhász, A. Borg Barthet, C. G. Fernlund, J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis, A. Arabadjiev (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑29 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri kollha li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-112/05, Ġabra p. I-8995), li tikkonċerna l-inkompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-trasferiment għas-settur privat ta’ partijiet mill-kumpannija b’responsabbiltà limitata Volkswagenwerk (Gesetz über die Überführung der Anteilsrechte an der Volkswagenwerk Gesellschaft mit beschränkter Haftung in private Hand), tal-21 ta’ Lulju 1960 (BGBl. 1960 I, Nru 39, p. 585, u BGBl. 1960 III, p. 641-1-1, iktar ’il quddiem il-“Liġi VW”), mad-dritt tal-Unjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 282 725.10 għal kull jum, għad-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, minn meta tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti sal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja;

tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni ta’ ammont ta’ EUR 31 114.72 għal kull jum bin-numru ta’ ġranet li fihom il-ksur ippersista, inkluż bejn l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, u dak tas-sentenza mogħtija fil-kawża preżenti jew id-data li fiha dan l-Istat Membru temm il-ksur, u

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja

2

Meta ġiet adottata l-Liġi VW, fl-1960, l-Istat Federali Ġermaniż u l-Land ta’ Niedersachsen kienu ż-żewġ azzjonisti prinċipali ta’ Volkswagenwerk GmbH (iktar ’il quddiem “Volkswagen”), u kull wieħed minnhom kellu 20 % tal-kapital. B’applikazzjoni ta’ din il-liġi, Volkswagen, kumpannija b’responsabbiltà limitata, saret kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata.

3

Sussegwentement, l-Istat Federali Ġermaniż issepara ruħu mill-holding tiegħu fil-kapital ta’ din il-kumpannija, filwaqt li l-Land ta’ Niedersachsen, min-naħa tiegħu, għad għandu holding ta’ 20 %.

4

L-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel l-għoti tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, kien jipprevedi li d-dritt ta’ vot ta’ azzjonist detentur ta’ azzjonijiet li l-ammont nominali tagħhom kien jaqbeż l-20 % tal-kapital azzjonarju kien limitat għan-numru ta’ voti li kien jagħti ammont ta’ azzjonijiet nominali ugwali għal 20 % tal-kapital azzjonarju.

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi, intitolat “Statuti tal-kumpannija”, fil-verżjoni tiegħu ta’ qabel l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, kien ifformulat kif ġej:

“1.   Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Land ta’ Niedersachsen huma awtorizzati, kull waħda minnhom, jagħżlu żewġ membri mill-Bord ta’ Sorveljanza sakemm dawn ikunu azzjonisti fil-kumpannija.

[…]

3.   Id-deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali li, taħt il-Liġi dwar il-Kumpanniji Pubbliċi b’Responsabbiltà Limitata jeħtieġu maġġoranza ta’ mill-inqas 75 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija rrappreżentat fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, jeħtieġu maġġoranza ta’ iktar minn 80 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija rrappreżentat fil-mument ta’ din l-adozzjoni.”

6

Fis-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 1 tad-dispożittiv tagħha ddikjarat u ddeċidiet:

“Billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 4(1) kif ukoll l-Artikolu 2(1) fid-dawl ta’ [flimkien ma’] l-Artikolu 4(3) tal-[Liġi VW], ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 56(1) KE.”

7

Wara din is-sentenza, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja adottat il-liġi li temenda l-liġi dwar it-trasferiment għas-settur privat ta’ partijiet mill-kumpannija b’responsabbiltà limitata Volkswagenwerk (Gesetz zur Änderung des Gesetzes über die Überführung der Anteilsrechte an der Volkswagenwerk Gesellschaft mit beschränkter Haftung in private Hand), tat-8 ta’ Diċembru 2008 (iktar ’il quddiem il-“Liġi li temenda l-Liġi VW”), liema liġi ġiet ippromulgata fil-Bundesgesetzblatt fl-10 ta’ Diċembru 2008 (BGBl 2008 I Nru 56, p. 2369), u daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Diċembru 2008.

8

Din il-liġi ħassret, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 u 4(1) tal-Liġi VW. Għall-kuntrarju, hija bl-ebda mod ma emendat l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW.

Il-proċedura prekontenzjuża

9

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tinformaha bil-miżuri li hija kienet ħadet jew li kellha l-intenzjoni tieħu sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

10

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2008, dan l-Istat Membru rrisponda li l-Ministeru Federali għall-Ġustizzja kien ipprepara abbozz ta’ liġi sabiex din is-sentenza tiġi eżegwita u li fir-rigward ta’ dan l-abbozz kien hemm konsultazzjonijiet bejn id-dipartimenti kkonċernati.

11

Fil-5 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni bagħtet lill-imsemmi Stat Membru ittra ta’ intimazzjoni, filwaqt li stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien xahrejn.

12

Fl-istess jum, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaddiet lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ liġi approvat mill-Kunsill tal-Ministri, iddestinat li jeżegwixxi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, filwaqt li indikat li l-proċedura leġiżlattiva kienet se tibda minnufih.

13

Fl-1 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opinjoni motivata fejn fiha hija stednitha tieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fi żmien xahrejn minn meta tiġi riċevuta din l-opinjoni.

14

Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li, minkejja li, ċertament, it-tħassir tal-Artikoli 2(1) u 4(1) tal-Liġi VW kien previst fl-abbozz ta’ liġi ddestinat li jeżegwixxi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, dan l-abbozz, għall-kuntrarju, kien iżomm fis-seħħ l-Artikolu 4(3) ta’ din il-liġi. Din l-istituzzjoni sostniet ukoll li ebda informazzjoni li tikkonċerna l-modifika ta’ siltiet mill-istatuti li jirriflettu d-dispożizzjonijiet ikkritikati tal-Liġi VW ma kienet ġiet ipprovduta lilha.

15

Fl-10 ta’ Diċembru 2008, il-Liġi li temenda l-Liġi VW, li l-kontenut tagħha baqa’ essenzjalment identiku għal dak ta’ dan l-abbozz, ġiet ippromulgata.

16

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għaddiet lill-Kummissjoni proposta fis-sens li titressaq talba konġunta lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 43 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

17

Billi l-Kummissjoni ma ħaditx azzjoni dwar din il-proposta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2009, irrispondiet għall-opinjoni motivata billi indikat li, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi li temenda l-Liġi VW, hija kienet tqis li eżegwixxiet b’mod sħiħ is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

18

Fil-21 ta’ Frar 2012, billi qieset li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ikkonformat ma’ din is-sentenza b’mod parzjali biss, il-Kummissjoni ppreżentat il-kawża preżenti.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ilment dwar l-istatuti ta’ Volkswagen

L-argumenti tal-partijiet

19

Il-Kummissjoni tqis li l-eżekuzzjoni kompluta tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, għandha tinkludi modifika mhux biss tal-Liġi VW, iżda wkoll tal-istatuti ta’ Volkswagen. Fil-fatt, il-verżjoni attwali tal-imsemmija statuti għad fiha, fl-Artikolu 25(2), klawżola dwar il-minoranza ta’ veto mnaqqsa, li essenzjalment hija analoga għal dik prevista fl-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW. Barra minn hekk, il-klawżola dwar il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-vot tneħħiet mill-imsemmija statuti biss matul ix-xahar ta’ Settembru 2009, jiġifieri disa’ xhur wara t-tħassir tad-dispożizzjoni korrispondenti tal-Liġi VW. Issa, fil-punt 26 tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżoli statutorji msemmija iktar ’il fuq għandhom jitqiesu, fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital, bħala miżura nazzjonali.

20

F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tfakkar li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li Stat Membru naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati, dan l-Istat ikun obbligat, skont l-Artikolu 260(1) TFUE, “jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimxi mas-sentenza [jeżegwixxi s-sentenza] tal-Qorti”. Għaldaqstant, billi l-awtoritajiet pubbliċi huma, permezz tal-Land ta’ Niedersachsen, azzjonisti ta’ Volkswagen, f’din il-kwalità huma għandhom mhux biss il-possibbiltà, iżda anki d-dmir li jipproponu l-modifiki meħtieġa fl-istatuti kollha ta’ din il-kumpannija.

21

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ modifika tal-istatuti ta’ Volkswagen huwa inammissibbli, u dan sa fejn dawn tal-aħħar ma kinux is-suġġett tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat biss ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi VW.

22

Fi kwalunkwe każ, billi Volkswagen hija kumpannija privata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tinżamm responsabbli għall-azzjonijiet u għall-omissjonijiet ta’ din il-kumpannija, u dan għaliex, skont l-Artikolu 119(1)(5) tal-Liġi tas-6 ta’ Settembru 1965 dwar il-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (Aktiengesetz) (BGBl. 1965 I, p. 1089), kif emendata bil-Liġi dwar il-kontroll u t-trasparenza fis-settur tal-impriżi (Gesetz zur Kontrolle und Transparenz im Unternehmensbereich), tas-27 ta’ April 1998 (BGBl. 1998 I, p. 786), l-azzjonisti ta’ tali kumpannija biss jistgħu jwettqu modifika fl-istatuti tagħha, u dan matul laqgħa ġenerali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23

Il-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE għandha tiġi kkunsidrata bħala proċedura ġudizzjarja speċjali għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fi kliem ieħor, bħala mezz ta’ eżekuzzjoni (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02,Ġabra p. I-6263, punt 92). Konsegwentement, fil-kuntest tagħha jistgħu biss jiġu ttrattati n-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istat Membru taħt it-Trattat li l-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, tkun qieset bħala fondati (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-457/07, Ġabra p. I-8091, punt 47).

24

Issa, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma eżaminat il-punt dwar jekk l-istatuti ta’ Volkswagen kinux is-sors ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja taħt it-Trattat FUE. Fil-fatt, is-suġġett tal-kawża li wassal għal din is-sentenza kien jirrigwarda esklużivament il-kompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi VW mal-imsemmi trattat.

25

Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, fil-punt 26 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja qieset mhux li l-istatuti ta’ Volkswagen fihom infushom kellhom jitqiesu bħala miżura nazzjonali, iżda li, “[l]i kieku kellu jitqies [...] li l-Liġi VW [tillimita ruħha li] tirriproduċi ftehim li għandu jiġi kkwalifikat bħala kuntratt taħt id-dritt privat, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-fatt li dan il-ftehim kien suġġett ta’ liġi huwa biżżejjed sabiex jitqies, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, li huwa miżura nazzjonali.”

26

Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ modifika tal-istatuti ta’ Volkswagen għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

Fuq l-ilment dwar il-Liġi VW

L-argumenti tal-partijiet

27

Skont il-Kummissjoni, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li t-tnaqqis tal-livell limitu tal-minoranza ta’ veto, li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW, jikkostitwixxi ksur awtonomu tal-Artikolu 63(1) TFUE. Għadd ta’ elementi ta’ din is-sentenza jikkonfermaw din il-konklużjoni, fosthom b’mod partikolari:

il-fatt, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet invokat tliet ilmenti distinti, fejn wieħed minnhom kien jirrigwarda t-tnaqqis tal-minoranza ta’ veto impost bl-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW u, min-naħa l-oħra, li ebda wieħed mill-ilmenti tagħha ma ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif jagħti xiehda tiegħu l-punt 81 tal-imsemmija sentenza;

il-kundanna tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex issostni l-ispejjeż kollha turi li l-Kummissjoni ngħatat ir-raġun għall-ilmenti kollha bbażati fuq ksur tal-Artikolu 63(1) TFUE. Il-konstatazzjoni, imniżżla fil-punt 83 tal-istess sentenza, li tgħid li dan l-Istat Membru “til[ef] [il-parti l-kbira tal-kawża]”, u li għalhekk ġie kkundannat għall-ispejjeż, hija pjuttost spjegata miċ-ċaħda tar-rikors sa fejn kien ibbażat ukoll fuq ksur tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE;

il-punti 48 u 50 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li t-tnaqqis tal-livell limitu tal-minoranza ta’ veto jagħti, huwa waħdu, lill-atturi pubbliċi azzjonisti ta’ Volkswagen il-possibbiltà li jeżerċitaw influwenza sostanzjali fuq din il-kumpannija mingħajr ma jwettqu l-investimenti meħtieġa mid-dritt komuni tal-kumpanniji;

il-punt 51 ta’ dik is-sentenza, fejn, billi indikat li l-limitazzjoni tad-drittijiet tal-vot “[t]fassal [jikkompleta]” l-qafas ġuridiku introdott permezz tat-tnaqqis tal-livell limitu tal-minoranza ta’ veto, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dan il-kuntest jippermetti, fih innifsu, lill-imsemmija atturi pubbliċi li, b’tali investiment imnaqqas, jeżerċitaw influwenza sostanzjali fuq id-deċiżjonijiet tal-imsemmija kumpannija, u

l-użu, fil-punt 54 tal-imsemmija sentenza, tal-kelma “restrizzjonijiet” fil-plural kif ukoll il-konġunzjoni “u” minflok “flimkien ma’” sabiex jgħaqqad l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW, li minnu l-Kummissjoni tiddeduċi li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkostitwixxu żewġ restrizzjonijiet indipendenti waħda mill-oħra.

28

Barra minn hekk, mill-qari tal-punti 40, 41, 51, 52 u 72 sa 81 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, kollha f’daqqa, jirriżulta li l-limitazzjoni tad-drittijiet tal-vot prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW, waħedha, tikkostitwixxi wkoll restrizzjoni inġustifikata għall-moviment liberu tal-kapital. Għaldaqstant, xejn f’din is-sentenza ma jippermetti li jiġi konkluż li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet tagħżel b’mod liberu liema waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet kellha titħassar għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

29

Fir-rigward tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tqis li dan għandu jinftiehem fid-dawl tal-motivi ta’ dik is-sentenza, u b’mod partikolari tal-elementi esposti iktar ’il fuq.

30

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li mill-punt 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza jirriżulta b’mod ċar li l-ksur tal-Artikolu 63(1) TFUE, ikkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, kien jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW “fid-dawl ta’ [flimkien ma’]” l-Artikolu 4(3) ta’ din il-liġi. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat f’din l-istess sentenza jirriżulta biss mill-interazzjoni bejn, minn naħa, id-dispożizzjoni dwar il-limitazzjoni tad-drittijiet tal-vot, jiġifieri l-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW, u, min-naħa l-oħra, dik li tirrigwarda l-minoranza ta’ veto mnaqqsa, jiġifieri l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW.

31

Din il-konklużjoni tinsab ikkonfermata, b’mod partikolari, bil-punti 30, 43, 51, 54, 56 u 78 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

32

Il-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet ikkundannata għall-ispejjeż ma huwiex rilevanti peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 83 ta’ dik is-sentenza, din il-kundanna hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li dan l-Istat Membru “til[ef] [il-parti l-kbira]” tal-kawża.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Skont l-Artikolu 260(1) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati, dak l-Istat Membru jkun marbut li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja.

34

Wara l-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, u fit-terminu stabbilit għal dan l-għan fl-opinjoni motivata maħruġa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ħassret l-Artikoli 2(1) u 4(1) tal-Liġi VW. Għall-kuntrarju, hija żammet fis-seħħ l-Artikolu 4(3) ta’ din il-liġi.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi stabbilit jekk dan l-Istat Membru kienx ukoll marbut, taħt l-Artikolu 260(1) TFUE, li jħassar jew li jemenda din l-aħħar dispożizzjoni tal-Liġi VW, sabiex issir eżekuzzjoni totali tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq.

36

Dan ikun il-każ li kieku, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta b’mod awtonomu mill-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW.

37

F’dan ir-rigward, għandu importanza partikolari d-dispożittiv tal-imsemmija sentenza, liema dispożittiv jiddeskrivi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-punt 1 tal-imsemmi dispożittiv, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li f’dan ir-rigward iddevjat mir-rikors tal-Kummissjoni, iddikjarat u ddeċidiet li “[b]illi żammet fis-seħħ l-Artikolu 4(1) kif ukoll l-Artikolu 2(1) fid-dawl ta’ [flimkien ma’] l-Artikolu 4(3) tal-Liġi [VW], ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu [63(1) TFUE]”.

38

Billi użat il-konġunzjoni “kif ukoll” u l-espressjoni “fid-dawl ta’ [flimkien ma’]”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet, minn naħa, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW minn dak li jirriżulta, min-naħa l-oħra, mill-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 2(1) u 4(3) ta’ dik il-liġi.

39

Għalhekk, b’differenza min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkonstatatx nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) ta’ dik il-liġi meħud waħdu, iżda kkonstatat tali nuqqas biss f’dak li jikkonċerna l-għaqda ta’ dik id-dispożizzjoni ma’ dik tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW.

40

Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, li fid-dawl tagħhom għandu jinftiehem id-dispożittiv tagħha (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1978, Bosch, 135/77, Ġabra p. 855, punt 4, u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-526/08, Ġabra p. I-6151, punt 29).

41

F’dak ir-rigward jirriżulta, l-ewwel nett, mill-punt 30 ta’ dik is-sentenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li teżamina b’mod konġunt l-ilmenti bbażati fuq l-inkompatibbiltà tal-Artikoli 2(1) u 4(3) tal-Liġi VW mal-Artikolu 63(1) TFUE, mhux biss minħabba l-argumenti tal-partijiet, iżda wkoll minħabba “l-effetti sħaħ li jagħtu lok żewġ dispożizzjonijiet [l-effetti kumulati li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkawżaw]”.

42

It-tieni nett, fil-punt 43 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li kien jaqbel li jiġu eżaminati l-effetti tal-limitazzjoni tad-drittijiet tal-vot prevista fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW “b’rabta mal-ħtieġa, skond l-Artikolu 4(3) [ta’ dik il-Liġi]”.

43

It-tielet nett, wara li fil-punt 50 tal-imsemmija sentenza kkonstatat li l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW joħloq strument li jippermetti lill-atturi pubbliċi jirriżervaw għalihom, b’investiment ridott iżjed milli huwa mitlub mid-dritt komuni tal-kumpanniji, minoranza ta’ veto li tippermettilhom jopponu deċiżjonijiet importanti, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 51 ta’ dik is-sentenza, li, billi jillimita d-drittijiet tal-vot fuq l-istess livell ta’ 20 %, l-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW “ifassal [jikkompleta] qafas ġuridiku li jagħti lill-imsemmija atturi pubbliċi l-possibbiltà li jeżerċitaw, permezz ta’ dan l-investiment iktar ridott, influwenza sostanzjali”.

44

Ir-raba’ nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 56 tal-istess sentenza, li “[l-għaqda ta]l-Artikoli 2(1) u 4(3) tal-Liġi VW [tikkostitwixxi] restrizzjoni għall-moviment tal-kapital skond l-Artikolu [63(1) TFUE].” Din il-konstatazzjoni tikkuntrasta ma’ dik imwettqa fil-punt 68 tal-imsemmija sentenza, liema konstatazzjoni tgħid li “l-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW jikkostitwixxi restrizzjoni għall-movimenti tal-kapital fis-sens ta’ l-Artikolu [63(1) TFUE]”.

45

Il-motivi tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, għaldaqstant jikkonfermaw il-konklużjoni mnissla mill-punt 1 tad-dispożittiv ta’ dik is-sentenza, li jgħid li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx jirriżulta mill-Artikolu 4(3) ta’ dik il-liġi meħud waħdu, iżda biss mill-għaqda ta’ dik id-dispożizzjoni ma’ dik tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW.

46

L-ebda element imressaq mill-Kummissjoni ma jista’ jqiegħed fid-dubju din il-konklużjoni.

47

L-ewwel nett, l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel tal-punti 48 u 50 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, tirriżulta minn qari parzjali ta’ dik is-sentenza, li la tieħu inkunsiderazzjoni r-rabtiet intrinsiċi bejn id-diversi siltiet ta’ din tal-aħħar u lanqas l-integralità u l-koerenza tal-motivi tagħha. Fil-fatt, billi rrilevat, fil-punt 50 ta’ dik is-sentenza, li l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW “joħloq [...] strument li jippermetti lill-atturi pubbliċi jirriżervaw għalihom, b’investiment iżjed ridott milli huwa mitlub mid-dritt komuni tal-kumpanniji, minoranza ta’ veto li jippermettilhom jopponu deċiżjonijiet importanti”, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma ħadet deċiżjoni dwar il-punt ta’ jekk din id-dispożizzjoni waħedha tiksirx jew le l-Artikolu 63(1) TFUE, kuntrarjament għal dak li jidher li qed tissuġġerixxi l-Kummissjoni. Barra minn hekk dan il-punt jaqa’ fi ħdan ir-raġunament li sar mill-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, fejn fil-punti 30 u 43 il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li kien jaqbel li l-Artikolu 2(1) tal-Liġi VW jiġi eżaminat “b’rabta mal-” Artikolu 4(3) ta’ dik il-liġi minħabba, b’mod partikolari, l-“effetti sħaħ [kumulati]” tagħhom. Fir-rigward tal-punt 48 tal-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni tagħmel riferiment għaliha wkoll, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan fih biss konstatazzjoni purament fattwali, li tgħid li “meta ġiet adottata l-Liġi VW, fl-1960, l-Istat Federali u l-Land tas-Sassonja t’Isfel [il-Land ta’ Niedersachsen] kienu ż-żewġ azzjonisti prinċipali ta’ Volkswagen, kumpannija li kienet għadha kif ġiet ipprivatizzata, fejn kull wieħed minnhom kellu 20 % tal-kapital”.

48

It-tieni nett, il-punt 51 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, għandu wkoll jinftiehem fid-dawl tal-kumplament tas-sentenza. Għalhekk, billi rrilevat li l-limitazzjoni tad-drittijiet ta’ vot “ifassal [jikkompleta]” qafas ġuridiku li jagħti lill-imsemmija atturi pubbliċi l-possibbiltà li jeżerċitaw, permezz ta’ dan l-investiment ridott, influwenza sostanzjali fuq id-deċiżjonijiet meħuda minn Volkswagen, il-Qorti tal-Ġustizzja insistiet fuq in-natura komplementari tal-Artikoli 2(1) u 4(3) tal-Liġi VW, u mhux fuq l-effetti awtonomi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni.

49

It-tielet nett, din l-istituzzjoni ma tistax tiddeduċi mis-sempliċi użu, fil-punt 54 tal-imsemmija sentenza, tal-kelma “restrizzjonijiet” fil-plural jew tal-konġunzjoni “u” li l-Artikoli 2(1) u 4(3) tal-Liġi VW jikkostitwixxu żewġ restrizzjonijiet indipendenti waħda mill-oħra għall-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, fl-istess punt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet joħolqu “strument” li jista’ jillimita l-possibbiltà tal-investituri diretti li jipparteċipaw fil-kumpannija bl-għan li jinħolqu jew jinżammu rabtiet ekonomiċi sostenibbli u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni tagħha jew fil-kontroll tagħha. Barra minn hekk, fil-punt 56 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “[l-għaqda ta] l-Artikoli 2(1) u 4(3) tal-Liġi VW [tikkostitwixxi] restrizzjoni għall-moviment tal-kapital skond l-Artikolu 56(1) KE.”

50

Ir-raba’ nett, minkejja li huwa minnu li fil-punt 81 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni u bbażati fuq ksur tal-Artikolu 63(1) TFUE, din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġi assimilata, f’nuqqas ta’ indikazzjoni espressa kuntrarja, ma’ konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-Artikolu 4(3) tal-Liġi VW jikkostitwixxi, huwa waħdu, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

51

Il-ħames nett, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkundannat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tbati l-ispejjeż kollha lanqas ma jista jappoġġja t-teżi mressqa mill-Kummissjoni. Din il-kundanna kienet iġġustifikata, hekk kif jirriżulta mill-punt 83 ta’ dik is-sentenza, mill-konstatazzjoni li tgħid li dan l-Istat Membru “til[ef] [il-parti l-kbira tal-kawża]”.

52

Konsegwentement, billi ħassret, minn naħa, l-Artikolu 4(1) tal-Liġi VW u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(1) ta’ dik il-liġi, u b’hekk temmet ir-rabta bejn din l-aħħar dispożizzjoni u l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija liġi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonformat, fit-termini stabbiliti, mal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

53

Għaldaqstant, hemm lok li dan l-ilment jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ir-rikors kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

54

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top