Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0063

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-19 ta’ Novembru 2013.
    Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament — Deċiżjoni 2011/866/UE — Aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal oħra tal-Unjoni Ewropea — Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal — Metodu ta’ aġġustament — Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Klawżola ta’ eċċezzjoni — Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali — Aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni — Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal — Deċiżjoni tal-Kunsill — Rifjut li tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni.
    Kawża C‑63/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:752

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    19 ta’ Novembru 2013 ( *1 )

    “Rikors għal annullament — Deċiżjoni 2011/866/UE — Aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal oħra tal-Unjoni Ewropea — Regolamenti tal-Persunal — Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal — Metodu ta’ aġġustament — Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Klawżola ta’ eċċezzjoni — Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal — Deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali — Aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni — Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal — Deċiżjoni tal-Kunsill — Rifjut li tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni”

    Fil-Kawża C‑63/12,

    li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2012,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall, D. Martin u J.‑P. Keppenne, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    sostnuta minn:

    Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn A. Neergaard u S. Seyr, bħala aġenti,

    intervenjent,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u J. Herrmann, bħala aġenti,

    konvenut,

    sostnut minn:

    Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, D. Hadroušek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn V. Pasternak Jørgensen u C. Thorning, bħala aġenti,

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

    Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti,

    Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson u J. Beeko, bħala aġenti, assistiti minn R. Palmer, barrister,

    intervenjenti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi President, A. Tizzano, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), E. Juhász, M. Safjan, C. G. Fernlund u J. L. da Cruz Vilaça, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, G. Arestis, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader u C. Vajda, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2013,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/866/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2011, li tikkonċerna l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom (ĠU L 341, p. 54, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), peress li din id-deċiżjoni tikser, b’mod partikolari, l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u li jwaqqaf miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1080/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU L 311, p. 1), fil-verżjoni li tirriżulta minn rettifika ppubblikata fil-5 ta’ Ġunju 2012 (ĠU L 144, p. 48, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), kif ukoll l-Artikoli 1, 3 u 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    L-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

    “Ir-remenerazzjoni ta’ uffiċjal espressa f’euro għandha,wara li ttnaqqis ta’ bilfors ippreżentati f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal jew kull regolament ta’ implementazzjoni jkunu saru, tkun peżata bir-rata ’l fuq min, taħt jew daqst [tkun affettwata b’koeffiċjent ta’ korrezzjoni b’rata superjuri, inferjuri jew ugwali għal] 100 %, skond il-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien fil-postijiet varji ta’ mpieg.

    Dawn il-peżati [koeffiċjenti] għandhom ikunu adottati mill-Kunsill, li jaġxxi fuq maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni kif provdut fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-[TUE].”

    3

    L-Artikolu 65 tar-Regolament tal-Persunal jipprovdi:

    “1.   Il-Kunsill għandu kull sena jirrevedi r-remunerazzjonijiet ta’ l-uffiċjali u mpjegati oħra tal-Unjoni. Din ir-reviżjoni għandha ssir f’Settembru minħabba r-rapport konġunt tal-Kummissjoni bbażat fuq indiċi konġunt ippreparat mill-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Unjoni bi ftehim ma’ l-uffiċċji ta’ l-Istatistika nazzjonali ta’ l-Istati Membri; l-indiċi għandu jirrifletti s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Lulju ta’ kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni.

    Matul dan l-eżami, il-Kunsill jistudja jekk huwiex xieraq, fil-kuntest tal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, li jsir adattament tar-remunerazzjonijiet. B’mod partikolari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ż-żieda eventwali tar-remunerazzjonijiet bażi pubbliċi u n-neċessitajiet tar-reklutaġġ.

    2.   Fil-każ ta’ bidla sostanzjali fl-għoli tal-ħajja, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fi żmien xahrejn, x’aġġustamenti għandhom isiru għall-peżati u jekk ikun il-każ japplikawhom b’lura.

    3.   Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni kif provdut fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-[TUE].”

    4

    Skont l-Artikolu 82(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta l-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar aġġustament tar-remunerazzjonijiet skont l-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istess aġġustament japplika għall-pensjonijiet miksuba.

    5

    Skont l-Artikolu 65a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 huma ddefiniti fl-Anness XI tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

    6

    L-Anness XI, intitolat “Regoli biex ikunu implimentati l-Artikolu 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal”, jinkludi diversi kapitoli, li l-ewwel wieħed fosthom huwa kompost mill-Artikoli 1 sa 3, intitolat “Reviżjoni ta’ kull sena tar-remunerazzjoni pprovduti fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal”, u mill-Kapitolu 4, intitolat “Ħolqien u rtirar tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni (Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal)”.

    7

    L-Artikolu I tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1 tal-ewwel kapitolu ta’ dan l-anness, jipprovdi li, għall-finijiet tal-eżami previst fl-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Eurostat għandu jistabbilixxi, kull sena qabel tmiem ix-xahar ta’ Ottubru, rapport dwar l-evoluzzjoni tal-għoli tal-ħajja fi Brussell (il-Belġju) (indiċi internazzjonali ta’ Brussell), dwar l-evoluzzjoni tal-għoli tal-ħajja barra minn Brussell (paritajiet ekonomiċi u indiċi impliċiti), kif ukoll l-evoluzzjoni tal-kapaċità tal-akkwist tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali nazzjonali tal-amministrazzjonijiet ċentrali fi tmien Stati Membri (indikaturi speċifiċi). L-imsemmi Artikolu 1 jinkludi wkoll informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Eurostat, b’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, sabiex jiġu kkalkolati l-evoluzzjonijiet.

    8

    Skont il-kliem tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinkludi s-sezzjoni 2 tal-ewwel kapitolu ta’ dan l-anness, intitolat “Arranġamenti għall-aġġustamenti ta’ kull sena tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet”:

    “1.   Taħt l-Artikolu 65(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi tal-kriterji ppreżentati fl-Ewwel Taqsima ta’ dan l-Anness, għandu jieħu deċiżjoni qabel l-aħħar ta’ kull sena, u jaġġusta r-remunerazzjoni u l-pensjonijiet, b’effett mill-1 ta’ Lulju.

    2.   L-ammont ta’ l-aġġustament għandu jinkiseb billi l-Indiċi Internazzjonali ta’ Brussel ikun immoltiplikat bl-indikatur speċifiku. L-aġġustament għandu jkun f’termini netti bħala persentaġġ uniformi fuqhom kollha.

    3.   L-ammont ta’ l-aġġustament stabbilit hekk, għandu jiddaħħal fit-tabelli ta-salarji bażiċi li jidhru fl-Artikolu 66 tar-Regolamenti tal-Persunal [...]

    [...]

    5.   L-ebda koeffiċjent tal-korrezzjoni m’huwa applikabbli fil-Belġju u fil-Lussemburgu. Il-koeffiċjenti tal-korrezzjoni applikabbli:

    a)

    għas-salarji ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni li jaħdmu fl-Istati Membri l-oħra u f’ċerti postijiet oħra ta’ mpjieg,

    b)

    [...] għall-pensjonijiet tal-Unjoni mħallsa fl-Istati Membri l-oħra għall-parti li tikkorrospondi mad-drittijiet akwistati qabel l-1 ta’ Mejju 2004,

    għandhom ikunu stabbiliti fuq il-bażi tal-proporzjon bejn il-paritajiet ekonomiċi li jikkorrospondu riferuti fl-Artikolu 1 ta’ dan l-Anness u r-rati tal-kambju speċifikati fl-Artikolu 63 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-pajjiżi relevanti.

    Il-proċeduri mniżżlin fl-Artikolu 8 ta’ dan l-Anness li jikkonċernaw l-applikazzjoni b’effett b’lura tal-koeffiċjenti tal-korrezzjoni f’postijiet ta’ mpjieg b’rata għolja ta’ inflazzjoni, għandhom japplikaw.

    [...]”

    9

    L-Artikolu 8 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tal-aġġustamenti annwali u intermedji tal-koeffiċjent ta’ korrezzjoni għall-postijiet b’żieda kbira fl-għoli tal-ħajja.

    10

    Il-Kapitolu 5 ta’ dan l-Anness huwa intitolat “Klawżola ta’ eċċezzjoni”. Huwa kompost mill-uniku Artikolu 10 li jipprovdi:

    “Jekk ikun hemm deterjorament serju u bla mistenni fis-sitwazzjoni ekonomka u soċjali ġewwa l-Komunità, eżaminata fuq bażi ta’ data oġġettiva pprovduta għl dan l-iskop mill-Kummissjoni, tal-aħħar għandha tibgħat proposti xierqa li fuqhom il-Kunsill jista’ jaġixxi skont il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 336 tat-Trattat tal-KE.”

    11

    Skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmi Anness, id-dispożizzjonijiet previsti f’tali Anness huma applikabbli għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    12

    F’Diċembru 2010, il-Kunsill ikkonstata li “l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti fl-[Unjoni] timplika aġġustamenti baġitarji sostanzjali kif ukoll żieda ta’ inċertezza f’termini ta’ xogħol f’diversi Stati Membri u toħloq deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ġewwa l-[Unjoni]”. Huwa talab lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll fid-dawl tad-data oġġettiva pprovduta mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward, tippreżenta, maż-żmien, proposti adatti sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jeżaminawhom u jadottawhom qabel tmiem is-sena 2011 (ara dokument tal-Kunsill Nru 17946/10 ADD 1 tas-17 ta’ Diċembru 2010).

    13

    Fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat rapport lill-Kunsill dwar il-klawżola ta’ eċċezzjoni (Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal) [COM(2011) 440 finali, iktar ’il quddiem ir-“rapport tat-13 ta’ Lulju 2011”]. Sabiex jiġi evalwat il-bżonn li, għas-sena 2011, isir użu mill-klawżola ta’ eċċezzjoni prevista fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ eċċezzjoni”), hija stabbilixxiet ħmistax-il indikatur, jiġifieri, iż-żieda fil-Prodott Gross Domestiku (PGD), id-domanda domestika, l-inventarji, l-esportazzjonijiet netti, il-konsum privat, il-konsum pubbliku, l-investiment totali u l-inflazzjoni fi ħdan l-Unjoni, il-bilanċ tal-gvern ġenerali u d-dejn pubbliku fi ħdan l-Unjoni, ir-rata tal-impjieg totali, ir-rata tal-qgħad u r-remunerazzjoni tal-impjegati fi ħdan l-Unjoni, l-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku u l-aspettattivi ta’ xogħol fi ħdan l-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-previżjonijiet ekonomiċi Ewropej ippubblikati mid-Direttorat Ġenerali “Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji” fit-13 ta’ Mejju 2011.

    14

    Skont ir-rapport tat-13 ta’ Lulju 2011, l-indikaturi kienu juru li l-irkupru ekonomiku fl-Unjoni kien qiegħed iseħħ b’mod gradwali. Dan ir-rapport ikkonkluda li ma kienx hemm deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni matul il-perijodu ta’ referenza mill-1 ta’ Lulju 2010, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-aħħar aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet, sa nofs Mejju 2011, id-data meta l-informazzjoni l-iktar reċenti saret disponibbli, u li ma kienx hemm lok li tiġi ppreżentata proposta skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    15

    L-eżami tar-rapport tat-13 ta’ Lulju 2011 ta lok għal diskussjonijiet sussegwenti fi ħdan il-Kunsill, li rriżultaw f’talba ġdida mill-Kunsill indirizzata lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10 u tal-preżentazzjoni ta’ proposta adatta ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet fi żmien xieraq sabiex il-Parlament u l-Kunsill ikunu jistgħu jeżaminawha u jadottawha qabel tmiem is-sena 2011 (ara d-Dokument tal-Kunsill Nru 1628/11 tal-31 ta’ Ottubru 2011).

    16

    B’risposta għal din it-talba, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni COM(2011) 829 finali, tal-24 ta’ Novembru 2011, li tipprovdi informazzjoni supplimentari għar-Rapport tat-13 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni supplimentari”), li hija b’mod partikolari bbażata fuq il-previżjonijiet ekonomiċi Ewropej trażmessi mid-Direttorat Ġenerali “Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji” tal-Kummissjoni fl-10 ta’ Novembru 2011. F’din l-informazzjoni supplimentari, il-Kummissjoni sostniet li dawn il-previżjonijiet “jindikaw xejriet li sejrin għall-agħar għall-2011 meta mqabbla mal-Previżjoni maħruġa fir-rebbiegħa kemm fir-rigward tal-indikaturi ekonomiċi u soċjali u tal-fatt li l-ekonomija Ewropea bħalissa għaddejja minn taqlib”. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl ta’ diversi elementi, l-Unjoni ma kinitx suġġetta għal sitwazzjoni straordinarja fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal li jiġġustifikaw it-teħid ta’ miżuri li jmorru lil hinn mit-telf tal-poter tal-akkwist li jirriżulta mill-metodu “normali” previst fl-Artikolu 3 ta’ dan l-Anness. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti lok għall-klawżola ta’ eċċezzjoni mingħajr ma tikser l-imsemmi Artikolu 10.

    17

    Fl-istess jum, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ta’ Regolament tal-Kunsill billi adottat, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom [COM(2011) 820 finali, iktar ’il quddiem il-“proposta ta’ regolament”], flimkien ma’ espożizzjoni tal-motivi. L-aġġustament tar-remunerazzjonijiet propost abbażi tal-metodu “normali” previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolament kien ta’ 1.7 %.

    18

    Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill iddeċieda “li jopponi l-adozzjoni tal-proposta [ta’ regolament]”, b’mod partikolari għall-motivi segwenti:

    “(6)

    Il-Kunsill iqis li ebda wieħed mid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni, jiġifieri r-'rapport’ u l-'informazzjoni supplimentari', ma jipprovdi riflessjoni preċiża u komprensiva tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali fl-Unjoni.

    (7)

    Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kunsill, il-Kummissjoni għamlet żball meta ddefinixxiet b’mod strett wisq it-tul ta’ żmien li għandu jiġi kopert bl-analiżi tagħha. Dak l-iżball impedixxa lill-Kummissjoni milli tagħmel valutazzjoni korretta tas-sitwazzjoni u għalhekk ikkawża anomaliji sinifikanti fil-konklużjonijiet derivati miż-żewġ dokumenti, jiġifieri li ma kienx hemm deterjorament ħesrem u serju ta’ sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni.

    (8)

    Il-Kunsill ma jikkondividix dawn il-konklużjonijiet. Il-Kunsill huwa konvint li l-kriżi finanzjarja u ekonomika li hemm bħalissa fl-Unjoni u li tirriżulta f’aġġustamenti fiskali sostanzjali, inter alia aġġustamenti fis-salarji ta’ uffiċjali nazzjonali, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tikkostitwixxi deterjorament serju u ħesrem tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni.

    [...]

    (10)

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika, it-tbassir għat-tkabbir fl-Unjoni tnaqqas sostanzjalment għas-sena 2012 minn +1,9 % għal +0,6 %. It-tkabbir trimestrali tal-UE niżel minn +0,7 % fl-ewwel trimestru tal-2011 għal +0,2 % fit-tieni u t-tielet trimestri ta’ dik is-sena. Fir-rigward tar-raba’ trimestru tal-2011 u l-ewwel trimestru tal-2012, mhu qed jiġi previst l-ebda tkabbir tal-PDG.

    (11)

    Waqt il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali, kella tingħata aktar attenzjoni lis-sitwazzjoni dwar is-swieq finanzjarji, b’mod partikolari għad-distorsjonijiet fir-rigward tal-għoti ta’ kreditu u għat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-assi, li huma fatturi determinanti ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku.

    (12)

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika, il-ħolqien tax-xogħol ma kienx biżżejjd biex jirrimedja riduzzjoni kbira prinċipali fir-rata tal-qgħad. Ir-rata tal-qgħad tal-Unjoni fl-2010 u l-2011 telgħet u niżlet sabiex tilħaq 9.8 % f’Ottubru 2011 u għandha tibqa’ għolja b’mod kostanti.

    (13)

    Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill jikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ deterjorament serju u ħesrem fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali u r-rifjut tagħha li tressaq proposta taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal hija bbażata fuq raġunijiet manifestament insuffiċjenti u żbaljati.

    (14)

    Ladarba l-Qorti [...] ddeċidiet fil-Kawża C-24/10 [li tat lok għas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-40/10, Ġabra p. I-12043)] li, għall-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tiegħu, tikkostitwixxi l-uniku mezz li bih jittieħed kont ta’ kriżi ekonomika fl-aġġustament tar-rimunerazzjoni, il-Kunsill kien dipendenti fuq proposta mill-Kummissjoni li tapplika dak l-Artikolu fi żmenijiet ta’ kriżi.

    (15)

    Il-Kunsill huwa konvint li fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni kienet obbligata tippreżenta proposta adatta lill-Kunsill. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u n-nuqqas tagħha li tippreżenta tali proposta jiksru għalhekk dak l-obbligu.

    (16)

    Ladarba l-Kunsill jista’ jaġixxi biss fuq proposta mill-Kummissjoni, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tasal għall-konklużjonijiet korretti mill-evidenza u li tippreżenta proposta taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal impedixxa lill-Kunsill milli jirreaġixxi korrettement għad-deterjorament serju u ħesrem fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali permezz ta’ att taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal”.

    It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19

    Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

    20

    Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

    sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    21

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-29 ta’ Marzu 2012, il-Parlament ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

    22

    Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 2012, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

    Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

    L-argumenti tal-partijiet

    23

    Il-Kunsill isostni li r-rikors huwa inammissibbli peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att li jipproduċi effetti legali awtonomi u għaldaqstant ma huwiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

    24

    Billi adotta din id-deċiżjoni, il-Kunsill la emenda u lanqas ċaħad definittivament il-proposta ta’ regolament, iżda llimita ruħu, għall-finijiet ta’ trasparenza, li jesponi r-raġunijiet li għalihom huwa ma setax jadottaha. Id-deċiżjoni kkontestata ma għandha ebda effett fuq in-natura ġuridika tal-proposta ta’ regolament.

    25

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Kunsill effettivament adotta “deċiżjoni” fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje L. Il-Kunsill kellu l-intenzjoni li jaġixxi fuq il-proposta ta’ regolament, peress li rrefera espressament għal din il-proposta fit-tielet kunsiderazzjoni u fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

    26

    Skont il-Kummissjoni, din id-deċiżjoni tipproduċi effetti legali awtonomi. Fil-fatt, din għandha bħala konsegwenza li tipprekludi l-aġġustament annwali previst fl-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u jidher b’mod ċar mill-motivazzjoni tagħha li l-pożizzjoni adottata mill-Kunsill hija definittiva, b’mod li r-rifjut li tiġi adottata l-proposta ta’ regolament huwa ekwiparabbli għal ċaħda ta’ din il-proposta.

    27

    Barra minn hekk, ir-rifjut ta’ istituzzjoni li tadotta deċiżjoni jikkostitwixxi att li jista’ jkun suġġett għal rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-att li l-istituzzjoni tirrifjuta li tadotta seta’ jiġi kkontestat abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-att li l-Kunsill jirrifjuta li jadotta, jiġifieri regolament huwa, bħala tali, att ikkontestat.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    28

    Skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġi kkontestati fis-sens tal-Artikolu 230 KE l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li huma intiżi jipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “AETR”, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42; tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C-521/06 P, Ġabra p. I-5829, punt 29; tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C-322/09 P, Ġabra p. I-11911, punt 45, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Planet, C‑314/11 P, punt 94).

    29

    Fil-każ ineżami, hawn inkwistjoni proċedura speċifika li permezz tagħha l-istituzzjonijiet għandhom obbligu li jieħdu deċiżjoni, kull sena, dwar l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet, billi jwettqu aġġustament “matematiku” skont metodu previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, jew inkella billi jidderogaw minn dan il-kalkolu matematiku skont l-Artikolu 10 ta’ dan l-anness.

    30

    F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura “normali” ta’ aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet prevista fl-Artikolu 3(1) tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni ppreżentat proposta ta’ regolament li abbażi tagħha l-Kunsill kellu jagħti d-deċiżjoni tiegħu qabel tmiem is-sena 2011.

    31

    Fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill madankollu rrileva li l-kriżi finanzjarja u ekonomika li kienet suġġetta għaliha l-Unjoni tikkostitwixxi deterjorament gravi u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni u li l-Kummissjoni kienet marbuta tippreżenta proposta adatta skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    32

    Minn dan jirriżulta li, bid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma aġġornax id-deċiżjoni tiegħu dwar il-proposta ta’ regolament ippreżentata abbażi tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. A contrario, huwa ċaħad din il-proposta, u għalhekk temm il-proċedura mibdija skont l-imsemmi Artikolu 3.

    33

    Minn dak li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija intiża li tipproduċi effetti legali vinkolanti.

    34

    Isegwi li r-rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni huwa ammissibbli.

    Fuq il-mertu

    35

    Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tqajjem żewġ ilmenti dwar, minn naħa, ir-rifjut tal-Kunsill li jadotta r-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet u, min-naħa l-oħra, ir-rifjut tal-Kunsill li jadotta koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jaffettwaw ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet skont il-postijiet differenti ta’ assenjazzjoni jew ta’ residenza.

    Fuq l-ewwel ilment, dwar ir-rifjut tal-Kunsill li jaġġusta r-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet

    L-argumenti tal-partijiet

    36

    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni prinċipalment issostni li l-Kunsill għamel użu ħażin mill-poter u kiser l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-Artikoli 3 u 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    37

    Fir-realtà, il-Kunsill applika l-Artikolu 10 billi ffriża, bid-deċiżjoni kkontestata, is-salarji tal-Unjoni, minkejja li l-Kummissjoni ma kinitx ippreżentat proposta bbażata fuq dan l-artikolu. Għalhekk, fl-assenza ta’ tali proposta, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10 ma kinux issodisfatti u l-Kunsill kien marbut jadotta l-proposta ta’ regolament ibbażata fuq l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, li ma kienet tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kunsill. Il-Kummissjoni biss hija awtorizzata tanalizza l-kriterji tal-Artikolu 10 ta’ dan l-anness u tiddetermina jekk hemmx lok jew le li jiġu proposti miżuri kif ukoll in-natura ta’ dawn il-miżuri.

    38

    Fl-istess ħin, il-Kunsill assuma l-poteri tal-Parlament billi kkonstata, waħdu, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal kienu ssodisfatti, minkejja li dan l-artikolu jirreferi għall-Artikolu 336 TFUE u għalhekk għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

    39

    L-uniku mezz għall-Kunsill li jikseb l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ eċċezzjoni kien ikun li jikkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba għall-implementazzjoni ta’ din il-klawżola jew in-nuqqas tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta adatta skont l-imsemmi Artikolu 10, u skont il-każ billi titlob simultanjament miżuri provviżorji għall-perijodu inkwistjoni sakemm tingħata deċiżjoni fuq il-mertu.

    40

    Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jitqies li l-Kunsill kien kompetenti li jadotta d-deċiżjoni kkontestata, huwa wettaq żball ta’ liġi meta kiser il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Hija tikkunsidra li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’motivazzjoni “insuffiċjenti u żbaljata”, peress li l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ma kinux issodisfatti fl-2011.

    41

    Filwaqt li fakkret li, skont il-ġurisprudenza, hija tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ekonomika u/jew soċjali hija neċessarja, il-Kummissjoni tiddikjara li hija adottat ħmistax-il indikatur li kienu jikkonċernaw kemm is-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll is-sitwazzjoni soċjali u li ma ġewx ikkritikati mill-Istati Membri matul id-diskussjoni tar-rapport tat-13 ta’ Lulju 2011 u tal-informazzjoni supplimentari. Il-motivi ppreżentati mill-Kunsill fil-premessi 7, 8 u 10 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkonfutawx il-konklużjoni li nsiltet mill-Kummissjoni f’dan ir-rapport u fl-informazzjoni supplimentari.

    42

    Il-Parlament huwa tal-istess fehma bħall-Kummissjoni u jżid jgħid li, jekk il-Kunsill, għal raġunijiet politiċi marbuta mal-kriżi finanzjarja, ried ibiddel il-metodu ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal, huwa kellu jsegwi l-proċedura leġiżlattiva ordinarja li permezz tagħha l-għażla politika titwettaq miż-żewġ koleġiżlaturi, il-Parlament u l-Kunsill.

    43

    Il-Kunsill isostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Fl-assenza ta’ proposta tal-Kummissjoni abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, huwa ma setax japplikaha u naqas milli jagħmel hekk.

    44

    Skont il-Kunsill, l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni kif ukoll il-konstatazzjoni ta’ deterjorament serju u għal għarrieda fis-sens tal-Artikolu 10 ma għandhiex esklużivament issir mill-Kummissjoni, iżda l-Kunsill u l-Parlament għandhom setgħa diskrezzjonali rispettiva f’dan ir-rigward. Skont l-imsemmi Artikolu 10 u l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE, il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni oġġettiva lill-Parlament u lill-Kunsill sabiex ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw l-evalwazzjoni tagħhom fir-rigward tas-sitwazzjoni.

    45

    Fil-każ li, fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali, il-Kunsill kien jasal, kuntrarjament għall-Kummissjoni, għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ eċċezzjoni kienu ssodisfatti, kien ikollu bħala unika għażla li ma jadottax il-proposta tal-Kummissjoni bbażata fuq il-metodu “normali” previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-istess ħin jippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li jiġi kkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni ma hijiex fondata. Fi kwalunkwe każ, anki jekk l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola ta’ eċċezzjoni kellha tkun esklużivament il-kompetenza tal-Kummissjoni, din tal-aħħar ma tistax tinvoka tali prerogattiva mingħajr ma tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Il-Kunsill ikollu jipproċedi b’dan il-mod meta jqis li l-analiżi tal-Kummissjoni tkun ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    46

    Dan huwa dak li ġara f’dan il-każ. Id-deċiżjoni kkontestata għandha biss bħala effett li tippreżerva l-pożizzjoni legali tal-Kunsill sakemm tingħata sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ eċċezzjoni kinux issodisfatti jew le, b’mod li l-Kummissjoni tkun obbligata tippreżenta proposta fuq din il-bażi. Talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-perijodu inkwistjoni sakemm tingħata deċiżjoni fuq il-mertu ma hijiex adatta f’din is-sitwazzjoni.

    47

    Barra minn hekk, il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni la hija insuffiċjenti, peress li s-16-il premessa tal-imsemmija deċiżjoni huma ta’ natura li jsostnu l-pożizzjoni tal-Kunsill, u lanqas manifestament żbaljata.

    48

    F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis li huwa stess għandu marġni diskrezzjonali fir-rigward tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali u li l-eżami ġurisdizzjonali tal-eżerċizzju ta’ dan il-poter għandu jkun suġġett għall-istess limiti bħal dak eżerċitat mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha turi li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    49

    Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ “deterjorament serju u bla mistenni [għal għarrieda] fis-sitwazzjoni ekonomka u soċjali” fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kunsill fil-prinċipju jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-kelma “deterjorament” tiddeskrivi aggravazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, li l-element “serju” għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-daqs kif ukoll tat-tul tal-impatt ekonomiku u soċjali kkonstatat, u li l-element “għal għarrieda” għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ħeffa u tal-prevedibbiltà tal-imsemmi impatt. Madankollu, il-Kummissjoni applikat dawn il-kriterji b’mod manifestament żbaljat u l-analiżi tagħha għandha diversi lakuni, żbalji ta’ metodoloġija u ta’ evalwazzjoni li vvizzjaw ir-riżultat tal-analiżi tagħha.

    50

    Ir-Repubblika Ċeka tqis li, fuq livell proċedurali, il-Kunsill ma kellux possibbiltà oħra li jaġixxi sabiex jasal għal verifika effikaċi tal-legalità, mill-Kummissjoni, tal-kompetenzi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, ir-regolarità ta’ din il-proċedura hija suġġetta għar-rekwiżit li l-Kunsill ikun evalwa b’mod korrett l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, liema evalwazzjoni tikkostitwixxi l-kwistjoni essenzjali.

    51

    Ir-Renju tad-Danimarka jinvoka fatturi dwar is-sitwazzjoni ekonomika fid-Danimarka u, b’mod partikolari, tnaqqis kunsiderevoli u għal għarrieda tal-evoluzzjoni tar-remunerazzjonijiet reali tal-uffiċjali Daniżi matul is-sena 2011 sabiex juri li, matul il-perijodu inkwistjoni, kien hemm tabilħaqq deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni.

    52

    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li l-konklużjonijiet li nsiltu mill-Kummissjoni fir-rapport tat-13 ta’ Lulju 2011 u fl-informazzjoni supplimentari huma żbaljati. Hija tevoka diversi fatturi li, fil-fehma tagħha, juru li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali aggravat għal għarrieda matul is-sena 2011, bħan-neċessità għal tliet Stati Membri li jirrikorru għal għajnuna finanzjarja, it-tnaqqis tal-PGD u tal-esportazzjonijiet fl-Unjoni fir-raba’ trimestru tal-2011. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jqis li l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar il-“prinċipju ta’ parelleliżmu”, bejn l-evoluzzjoni tal-poter ta’ akkwist tal-uffiċjali ta’ tmien Stati Membri ta’ referenza u dik tal-poter ta’ akkwist ta’ uffiċjali tal-Unjoni, hija irrilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-metodu “normali” ta’ aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet previst fir-Regolamenti tal-Persunal ma jirriflettix il-fatturi kollha li jinfluwenzaw il-poter ta’ akkwist tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali nazzjonali.

    53

    Ir-Renju ta’ Spanja jqis ukoll li, fil-mument li l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għal regolament, kien hemm biżżejjed informazzjoni li kienet tattesta l-eżistenza ta’ kriżi serja u eċċezzjonali li rrendiet indispensabbli l-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10, kif kien jirriżulta, b’mod partikolari, mill-previżjonijiet ekonomiċi tal-Kummissjoni tal-ħarifa tas-sena 2011, ippubblikati fl-10 ta’ Novembru 2011, u mill-miżuri dwar il-ħaddiema tas-settur pubbliku adottati fi Spanja matul is-snin 2010 u 2011.

    54

    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, minkejja li l-Kummissjoni tipprovdi l-informazzjoni oġġettiva relatata mas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali, hija ma għandhiex kompetenza esklużiva sabiex twettaq evalwazzjoni ta’ din is-sitwazzjoni. Fil-kuntest tal-klawżola ta’ eċċezzjoni, il-Kunsill għandu kompetenza diskrezzjonali sabiex jevalwa s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni. Dan l-Istat Membru jżid jgħid li l-President tal-Kummissjoni, J. M. Barroso, evoka, f’Novembru 2011, matul il-preżentazzjoni tal-eżami annwali taż-żieda għas-sena 2012, l-eżistenza ta’ kriżi attwali li teħtieġ miżuri ta’ urġenza bħala konsegwenza. Barra minn hekk, it-terminoloġija tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal ma tindikax li huwa biss deterjorament ekonomiku u soċjali kkawżat minn avvenimenti esterni li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ eċċezzjoni.

    55

    Skont ir-Renju Unit, fid-dawl tal-informazzjoni oġġettiva pprovduta mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jikkonstata li kien hemm detorjarament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali u, f’dan il-każ, jiddeċiedi li ma jaċċettax il-proposta tal-Kummissjoni ppreżentata skont l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 10 kienx applikabbli fuq il-premessa żbaljata taż-żamma tal-“prinċipju ta’ paralleliżmu” kif espress fl-imsemmi Artikolu 3. Madankollu, la l-kliem u lanqas l-għan tal-imsemmi Artikolu 10 ma jimplikaw li l-uniku mod rilevanti li jiġi stabbilit deterjorament ekonomiku jew soċjali huwa li jiġi vverifikat jekk seħħx avveniment li biddel il-poter ta’ akkwist tal-uffiċjali nazzjonali b’mod li ma setax jew li ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-metodu previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    56

    L-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq użu ħażin tal-poter mill-Kunsill u fuq ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fuq l-Artikoli 3 u 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, essenzjalment jikkonċerna t-tqassim tar-rwoli tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet.

    57

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 65, li jinsab fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 ta’ dan l-anness, li jiddefinixxi l-proċedura “normali” ta’ aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet, jistabbilixxi kemm kalkolu matematiku tal-aġġustament kif ukoll id-data tal-effett ta’ dan l-aġġustament u għaldaqstant, ma jħalli ebda marġni diskrezzjonali lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, dwar il-kontenut tal-proposta u tal-att li għandu jiġi adottat.

    58

    Fir-rigward tal-klawżola ta’ eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, din tagħti lill-istituzzjonijiet marġni diskrezzjonali wiesgħa dwar il-kontenut tal-miżuri li għandhom jittieħdu u tipprovdi li l-Parlament u l-Kunsill flimkien għandhom jiddeċiedu skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 336 TFUE, jiġifieri skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja li tinsab fl-Artikolu 294 TFUE.

    59

    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, matul l-applikazzjoni tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura prevista fl-Artikolu 10 ta’ dan l-anness tikkostitwixxi l-unika possibbiltà li tittieħed inkunsiderazzjoni kriżi ekonomika fil-kuntest tal-aġġustament tar-remunerazzjonijiet u li tiġi prekluża l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ta’ dan l-anness (sentenza tal-24 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata, punt 77).

    60

    Minn dan jirriżulta li l-istituzzjonijiet huma obbligati jiddeċiedu kull sena dwar l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet, billi jwettqu aġġustament “matematiku” skont il-metodu previst fl-imsemmi Artikolu 3, jew inkella billi jidderogaw minn dan il-kalkolu matematiku skont l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    61

    Barra minn hekk, minħabba d-differenzi fundamentali bejn l-iżvolġiment ta’ dawn iż-żewġ proċeduri, b’mod partikolari fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kontenut tad-deċiżjoni li għandha tittieħed kif ukoll tal-istituzzjonijiet implikati, proċedura li tkun inbdiet bi proposta tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal ma tistax tinbidel mill-Kunsill, abbażi ta’ din il-proposta, fi proċedura bbażata fuq l-Artikolu 10 ta’ dan l-Anness (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata, punt 83). Fid-dawl tal-fatt li proposta ppreżentata abbażi tal-Artikolu 3 ma hijiex suġġetta quddiem il-Parlament, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ ta’ proposta bbażata fuq l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, tali bidla ma tistax ssir anki jekk il-Parlament u l-Kunsill ikunu jaqblu fuq tali metodu.

    62

    L-impossibbiltà tal-Parlament u tal-Kunsill, li jbiddlu l-bażi legali li fuqha l-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta, tikkostitwixxi differenza essenzjali bejn, minn naħa, il-proċeduri ta’ aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet previsti fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, ir-regoli tat-Trattat FUE dwar l-attività leġiżlattiva tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, skont dawn ir-regoli tal-aħħar, il-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu flimkien għandhom, b’mod partikolari skont l-Artikolu 294(7)(a) u (13) TFUE, il-poter li jbiddlu, matul il-proċedura leġiżlattiva, il-bażi legali tal-Kummissjoni.

    63

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tqassim tar-rwoli tal-istituzzjonijiet fl-istadju tal-bidu tal-proċedura li tgħid li għandu jitwettaq l-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet, għandha tiġi evalwata skont il-fatturi speċifiċi li jirregolaw il-proċeduri previsti fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    64

    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “deterjorament serju u bla mistenni [għal għarrieda] fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ġewwa l-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi kunċett oġġettiv.

    65

    Minkejja li l-imsemmi Artikolu 10 jipprevedi diversi stadji tal-proċedura u jistabbilixxi espliċitament li hija biss il-Kummissjoni li għandha tipprovdi informazzjoni oġġettiva u tippreżenta proposti adatti lill-Parlament u lill-Kunsill sabiex jiddeċiedu fuq dawn il-proposti, tali artikolu ma jippreċiżax liema istituzzjoni jew istituzzjonijiet għandhom jevalwaw l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni sabiex jiġi kkonstatat jekk hemmx deterjorament fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari fil-każ li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill ikunu diverġenti.

    66

    Sabiex jiġi ddeterminat, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet kompetenti f’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-Artikolu 10 tal-Anness XI. Tali artikolu jinsab f’anness tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa intiż li jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal.

    67

    L-imsemmi Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li huwa l-Kunsill li għandu jwettaq, kull sena, eżami tal-livell tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali u ta’ membri oħra tal-persunal tal-Unjoni u jeżamina jekk huwiex xieraq, fil-kuntest tal-politika ekonomika u soċjali tal-Unjoni, li jsir aġġustament tar-remunerazzjonijiet. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din tikkonferixxi setgħa diskrezzjonali lill-Kunsill fil-kuntest tal-eżami annwali tal-livell ta’ remunerazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, 81/72, Ġabra p. 575, punti 7 u 11; tas-6 ta’ Ottubru 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 59/81, Ġabra p. 3329, punti 20 sa 22 u 32, kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata, punt 55).

    68

    Fid-dawl tal-imsemmi rwol mogħti lill-Kunsill mill-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istruttura tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal teżiġi interpretazzjoni fis-sens li, għall-finijiet tal-proċedura prevista fl-imsemmi artikolu, il-konstatazzjoni ta’ deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali skont dan l-Artikolu 10 taqa’, f’dan l-istadju tal-proċedura, f’idejn il-Kunsill.

    69

    Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatturi partikolari tal-proċeduri previsti fl-Artikoli 3 u 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, irrilevati fil-punti 60 sa 62 tas-sentenza preżenti, il-finalità tal-Artikolu 10, u b’mod partikolari l-osservanza tar-rwol li dan tal-aħħar jagħti lill-Parlament, teżiġi li l-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 10 tista’ wkoll tinbeda meta l-Kummissjoni u l-Kunsill ma jkunux jaqblu dwar l-eżistenza ta’ deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni u, għalhekk, dwar il-kwistjoni ta’ jekk huwiex meħtieġ li tiġi implementata l-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. F’tali sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ ftehim, huwa biss il-bidu ta’ tali proċedura li jista’ jinkludi l-Parlament fil-proċess deċiżjonali.

    70

    Il-bidu ta’ tali proċedura ma jkunx żgurat u l-effett utli tal-imsemmi Artikolu 10 jista’ jiddgħajjef kieku kienet biss il-Kummissjoni li kellha l-poter tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni.

    71

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, fid-dawl tal-kliem ċar tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax jitqies li l-eżerċizzju tal-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni minn dan l-artikolu sabiex tippreżenta proposti adatti jikkostitwixxi sempliċi għażla għal din l-istituzzjoni.

    72

    Għalhekk, huwa l-Kunsill li għandu jevalwa l-informazzjoni oġġettiva pprovduta mill-Kummissjoni, sabiex jikkonstata jekk jeżistix jew le tali deterjorament serju u għal għarrieda li jippermetti deroga mill-metodu “normali” ta’ aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet prevista fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u li jingħata bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 10 ta’ dan l-anness, sabiex il-Kunsill ikun jista’ jiddeċiedi flimkien mal-Parlament dwar il-miżuri adatti proposti mill-Kummissjoni f’tali sitwazzjoni ta’ kriżi.

    73

    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-Kummissjoni u l-Parlament, tali interpretazzjoni la taffettwa l-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali u lanqas it-tqassim tal-kompetenzi f’dan il-qasam bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmija konstatazzjoni tal-Kunsill tirrappreżenta sempliċement stadju intermedju tal-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    74

    Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-Kunsill jikkonstata, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva pprovduta mill-Kummissjoni, li jeżisti deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 10, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament u lill-Kunsill proposti adatti abbażi tal-imsemmi artikolu. F’din is-sitwazzjoni, hija għandha, madankollu, marġni diskrezzjonali fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn il-proposti, jiġifieri dwar il-kwistjoni ta’ liema miżuri jidhrulha jkunu xierqa, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali partikolari kif ukoll, skont il-każ, ta’ fatturi oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħal dawk li jaqgħu taħt ir-riżorsi umani u, b’mod partikolari, tan-neċessitajiet tar-reklutaġġ.

    75

    F’dan il-każ, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tipprovdilu informazzjoni oġġettiva sabiex iwettaq l-evalwazzjoni prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kummissjoni pprovdiet tali informazzjoni lill-Kunsill, flimkien mal-evalwazzjoni tagħha stess.

    76

    L-evalwazzjoni mwettqa rispettivament miż-żewġ istituzzjonijiet wasslet għal konklużjonijiet kuntrarji, mingħajr ma l-Kummissjoni ppreżentat proposti abbażi tal-evalwazzjoni tal-Kunsill li jagħtu l-possibbiltà lill-Parlament u lill-Kunsill jiddeċiedu, abbażi tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 294 TUFE, fuq il-miżuri adatti fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali eżistenti fl-Unjoni.

    77

    F’din is-sitwazzjoni, il-Kunsill ma kienx obbligat jadotta l-proposta ta’ regolament sottomessa abbażi tal-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri abbażi tal-metodu “normali” ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet, fid-dawl tal-fatt li, f’dan l-istadju tal-proċedura, huwa għandu jikkonstata l-eżistenza ta’ deterjorament serju u għal għarrieda fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ dan l-anness, li jippermetti li jingħata bidu għall-proċedura prevista f’dan l-artikolu.

    78

    Konsegwentement, billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma għamilx użu ħażin mill-poter u la kiser l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas l-Artikoli 3 u 10 tal-Anness XI tagħhom.

    79

    Fir-rigward tal-argument invokat sussidjarjament mill-Kummissjoni, li l-Kunsill kiser il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dawn ma kinux ġew osservati fl-2011, għandu jitfakkar li, b’dan l-argument, il-Kummissjoni ssostni li hija għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-oqsma fejn evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni ekonomika u/jew soċjali kumplessa hija neċessarja u li l-motivi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jikkonfutaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rapport tat-13 ta’ Lulju 2011 u fl-informazzjoni supplimentari.

    80

    Għalhekk, fid-dawl tal-konklużjoni inkluża fil-punt 77 tas-sentenza preżenti, li tipprovdi li, f’dan l-istadju tal-proċedura, huwa l-Kunsill li għandu jikkonstata l-eżistenza ta’ deterjorament fis-sens tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jingħata bidu għall-proċedura prevista f’dan l-artikolu, il-Kummissjoni ma tistax tinvoka setgħa diskrezzjonali fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni li għandha ssir mill-Kunsill.

    81

    Isegwi li l-argument sussidjarju tal-Kummissjoni ma huwiex rilevanti.

    82

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni lment, dwar ir-rifjut li jiġu aġġustati l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li jaffettwaw ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet skont il-postijiet ta’ assenjazzjoni jew ta’ residenza

    L-argumenti tal-partijiet

    83

    Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal billi rrifjuta li jadotta l-proposta ta’ regolament sa fejn din kienet tikkonċerna l-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli għar-remunerazzjonijiet u għall-pensjonijiet. L-Artikoli 1 u 3 huma wkoll vinkolanti għall-Kunsill fil-qasam tal-koeffiċjenti fir-rigward tal-aġġustament tas-salarji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest tal-ewwel ilment, filwaqt li ssostni wkoll li, skont il-kliem u l-istruttura tal-Artikoli 3 u 8 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, l-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għandu jseħħ qabel it-tmiem ta’ kull sena, bħall-aġġustament tal-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet.

    84

    Il-Kunsill kiser ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn l-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni huwa intiż li jżomm ugwaljanza fit-trattament sostanzjali bejn l-uffiċjali indipendentement mill-post ta’ assenjazzjoni tagħhom fl-Unjoni. Din l-ugwaljanza ekonomika bejn Brussell u postijiet ta’ assenjazzjoni oħra għandha tiġi żgurata indipendentement mill-aġġustament tal-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet.

    85

    Fl-aħħar nett, il-Kunsill kiser l-Artikolu 296(2) TFUE billi naqas milli jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata lanqas biss issemmi l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-proposta ta’ regolament dwar il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni hija separabbli minn dik dwar l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet. Fil-fatt, dawn il-koeffiċjenti huma intiżi li jimplementaw il-prinċipju ta’ t-ugwaljanza fit-trattament ugwali indipendentement mil-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet u għalhekk ma hijiex marbuta mal-evoluzzjoni ekonomika u soċjali ġenerali fl-Unjoni. Għalhekk, l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal ma setax jiġġustifika rifjut li jiġu adottati l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni proposti mill-Kummissjoni.

    86

    Skont il-Kunsill, it-tieni lment, bħall-ewwel ilment, huwa bbażat fuq is-sitwazzjoni żbaljata li huwa definittivament ċaħad il-proposta ta’ regolament. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, la l-Artikolu 64 tagħhom u lanqas dispożizzjoni oħra tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal ma kienu jipprevedu li l-Kunsill kellu l-obbligu jieħu deċiżjoni dwar l-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni qabel tmiem is-sena, anki jekk, għal raġunijiet prattiċi, dawn il-koeffiċjenti huma regolarment aġġustati meta jiġi aġġustat il-livell tar-remunerazzjonijiet. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirreferix għall-imsemmi Artikolu 64.

    87

    Fir-rigward tal-ksur allegat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Kunsill iqis li d-differenzi bejn il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli mill-1 ta’ Lulju 2012 u dawk proposti mill-Kummissjoni f’Novembru 2011 jibqgħu globalment f’marġni li tiżgura korrispondenza sostanzjali u raġonevoli tat-trattament fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, kuntrarjament għall-aġġustament tal-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet, l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix il-metodu matematiku vinkolanti li jista’ jiddetermina l-kontenut ta’ tali korrispondenza.

    88

    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, il-Kunsill itenni l-argument tiegħu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex “att legali” fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE u għalhekk, ma kienx suġġett għall-obbligu ta’ motivazzjoni previst f’dan l-artikolu. Fi kwalunkwe każ, l-għan prinċipali tad-deċiżjoni kkontestata kien l-aġġustament annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet u l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ eċċezzjoni għalih. Peress li l-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni jikkostitwixxi biss aspett sekondarju, b’mod partikolari minħabba l-impatt baġitarju tiegħu, huwa ma għandux ikun is-suġġett ta’ motivazzjoni speċifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-imsemmi Artikolu 296 TFUE.

    89

    Skont ir-Renju Unit, il-kwistjoni tan-natura adatta ta’ aġġustament kwalunkwe tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni tiddependi direttament mill-possibbiltà ta’ deċiżjoni dwar l-aġġustament annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet. Fl-assenza ta’ tali deċiżjoni, il-Kunsill ma kienx marbut jindika separatament il-motivi tad-deċiżjoni tiegħu li ma jadottax proposta ta’ regolament sa fejn kienet tikkonċerna l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    90

    Sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-tieni lment, għandu jiġi eżaminat jekk il-klawżola ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal hijiex applikabbli biss għall-aġġustament annwali tal-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet jew inkella jekk tkoprix ukoll l-aġġustament annwali tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

    91

    Għal dan il-għan, minn naħa, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem tal-imsemmi Artikolu 10, li huwa mfassal f’termini ġenerali mingħajr riferiment speċifiku għal ċerti dispożizzjonijiet partikolari tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-aġġustament tal-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet jew għall-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

    92

    Min-naħa l-oħra, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-istruttura tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal.

    93

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 ta’ dan l-anness huwa inkluż f’kapitolu awtonomu tiegħu, li jsegwi kapitoli oħra li jinkludu regoli dwar l-aġġustament annwali u intermedju tar-remunerazzjonijiet kif ukoll dwar il-kreazzjoni u l-irtirar tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

    94

    Barra minn hekk, billi jiddefinixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 64 u 65 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħmilx distinzjoni ċara bejn ir-regoli li jikkonċernaw, minn naħa, il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni u, min-naħa l-oħra, l-aġġustament tal-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet, jiġifieri l-modifikazzjoni tat-tabella tas-salarju bażiku. Min-naħa l-oħra, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal huma inklużi fil-Kapitolu 4 ta’ dan l-anness u jikkonċernaw il-kreazzjoni u l-irtirar tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni, filwaqt li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) tar-Regolamenti tal-Persunal huma inklużi fl-ewwel kapitolu tal-imsemmi anness u jikkonċernaw l-eżami annwali tal-livell tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet. Dan l-eżami tal-aħħar jinkludi, skont l-Artikolu 3 tal-istess anness, mhux biss l-aġġustament tal-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet, jiġifieri t-tabella tas-salarji bażiċi, iżda wkoll l-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5).

    95

    Isegwi li l-klawżola ta’ eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal tkopri l-aġġustament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet fl-intier tagħhom, inkluż dak tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikabbli.

    96

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal u tal-evalwazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-ewwel ilment invokat mill-Kummissjoni, il-Kunsill la kiser l-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas l-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal meta ddeċieda li ma jadottax il-proposta ta’ regolament ippreżentata abbażi tal-Artikolu 4, anki jekk din il-proposta kienet tikkonċerna l-aġġustament tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

    97

    Il-Kunsill lanqas ma kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, bir-rifjut tiegħu li jadotta l-proposta ta’ regolament, il-Kunsill wettaq l-għan ta’ implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 10 jistabbilixxi proċedura partikolari fil-każ ta’ deterjorament serju u għal għarrieda tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni, mingħajr ma jistabbilixxi r-riżultat ta’ din il-proċedura b’mod sostantiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa tabilħaqq possibbli, u saħansitra neċessarju, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar il-kontenut tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, mingħajr ma l-prinċipju jikkostitwixxi ostakolu għall-implementazzjoni tal-imsemmija proċedura.

    98

    Fir-rigward tal-ksur tal-Artikolu 296(2) TFUE invokat mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li l-motivazzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtorità Komunitarja, li tkun adottat l-att inkwistjoni, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li hija tispeċifika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 29; tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 133, kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il‑Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-380/03, Ġabra p. I-11573, punt 107).

    99

    L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu, barra minn hekk, jiġi evalwat mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li japplikaw fil-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, punt 29; Alliance for Natural Health et, punt 134, kif ukoll Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 108). B’mod partikolari, att jitqies li huwa motivat b’mod suffiċjenti meta jkun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jkun jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il-Kummissjoni, 125/80, Ġabra p. 2539, punt 13; tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C-42/01, Ġabra p. I-6079, punti 69 u 70, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, punt 54).

    100

    Fil-każ ineżami, il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-premessi 8, 15 u 16, juru b’mod ċar li din id-deċiżjoni hija bbażata fuq il-motiv li, skont evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni mill-Kunsill, il-kundizzjonijiet materjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal huma osservati u li, għalhekk, il-Kummissjoni kellha tippreżenta proposta abbażi ta’ dan l-artikolu minflok ma tippreżenta proposta skont l-Artikolu 3 ta’ dan l-anness.

    101

    Barra minn hekk, l-opinjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, li ppreċedew l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kienu jikkonċernaw il-kwistjoni ġenerali dwar jekk, għas-sena 2011, kienx hemm lok li jiġi applikat il-metodu “normali” previst fl-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal jew il-klawżola ta’ eċċezzjoni, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn il-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet u tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

    102

    Barra minn hekk, it-tieni kunsiderazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għall-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tiegħu.

    103

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tkopri l-proposta ta’ regolament fl-intier tagħha u, għaldaqstant, kemm l-aġġustament tal-livell ġenerali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet kif ukoll dik tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni.

    104

    Isegwi li l-Kunsill ma kisirx l-Artikolu 296(2) TFUE meta, fid-deċiżjoni kkontestata, ma spjegax b’mod separat il-motivi li għalihom huwa rrifjuta li jaġġusta l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni kif ipproponiet il-Kummissjoni.

    105

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni lment invokat mill-Kummissjoni, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    106

    Peress li ebda lment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha ma jista’ jintlaqa’, tali rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    Fuq l-ispejjeż

    107

    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill. Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjez rispettivi tagħhom.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud.

     

    2)

    Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

     

    3)

    Ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq kif ukoll il-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top