EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0012

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-18 ta’ April 2013.
Colloseum Holding AG vs Levi Strauss & Co.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Trade marks — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 15(1) — Kunċett ta’ ‘użu ġenwin’ — Trade mark użata biss bħala element ta’ trade mark kumplessa jew flimkien ma’ trade mark oħra.
Kawża C‑12/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:253

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ April 2013 ( *1 )

“Trade marks — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 15(1) — Kunċett ta’ ‘użu ġenwin’ — Trade mark użata biss bħala element ta’ trade mark kumplessa jew flimkien ma’ trade mark oħra”

Fil-Kawża C-12/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Jannar 2012, fil-proċedura

Colloseum Holding AG

vs

Levi Strauss & Co.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Novembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Colloseum Holding AG, minn M. Klette, avukat,

għal Levi Strauss & Co., minn H. Harte-Bavendamm u M. Goldmann, avukati,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn S. Ford, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), liema dispożizzjoni ġiet riprodotta mingħajr tibdil fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Colloseum Holding AG (iktar ’il quddiem “Colloseum”) u Levi Strauss & Co. (iktar ’il quddiem “Levi Strauss”) fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu ġenwin” li jidher fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94 meta trade mark irreġistrata tintuża biss mill-intermedjarju ta’ trade mark oħra kumplessa, li tagħha hija tikkostitwixxi waħda mill-elementi jew meta tintuża biss flimkien ma’ trade mark oħra u l-għaqda taż-żewġ trade marks tkun hi stess irreġistrata bħala trade mark.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Internazzjonali

3

Punti 1 u 2 tal-Artikolu 5(C) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali, iffirmata f’Pariġi fl-20 ta’ Marzu 1883, riveduta fl-aħħar lok fi Stokkolma fl-14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit-28 ta’ Settembru 1979 (Recueil des traités des Nations unies, Vol. 828, Nru 11851, p. 305), jipprovdu:

“(1)   Jekk, f’pajjiż, l-użu ta’ trade mark irreġistrata jkun obbligatorju, ir-reġistrazzjoni ma tistax tiġi annullata ħlief wara terminu raġonevoli u jekk il-persuna kkonċernata ma tiġġustifikax l-inattività tagħha.

(2)   L-użu ta’ trade mark jew ta’ marka tal-kummerċ mis-sid, f’forma li hija differenti, b’elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade mark fil-forma li fiha din ġiet irreġistrata f’wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni [maħluqa minn din il-konvenzjoni] ma jwassalx għall-invalidità tar-reġistrazzjoni u ma jnaqqasx il-protezzjoni mogħtija lit-trade mark.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

4

Id-disa’ premessa tar-Regolament Nru 40/94 tipprovdi:

“Billi m’hemm ebda ġustifikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trade marks Komunitarji jew, għall-protezzjoni favur trade mark li tkun ġiet irreġistrata qabel trade mark Komunitarja, ħlief fejn it-trade marks ikunu fil-fatt qed jintużaw”.

5

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[...]

b)

trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

ċ)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

d)

trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

[...]”

6

L-Artikolu 7(3) tal-istess regolament huwa redatt kif ġej:

“Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark.”

7

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 40/94 intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja” jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi [jipprekludi] lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

[...]

b)

kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

[...]”

8

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-użu ta’ trade marks Komunitarji” jipprovdi:

“1.   Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja taqa’ soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

2.   Dawn li ġejjin jikkostitwixxu użu kif inhu mifhum fil-paragrafu 1:

a)

l-użu ta’ trade mark Komunitarja f’forma li hija differenti imma biss fir-rigward ta’ ċerti elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tal-marka fil-forma kif hija giet reġistrata;

[...]”

9

L-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 40/94 jiddikjara fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta l-qorti tat-trade marks Komunitarji issib li l-konvenut għamel vjolazzjoni jew hedded li jagħmel vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja, hija għandha, sakemm ma jkollhiex raġunijiet speċjali biex tagħmel mod ieħor, toħroġ ordni sabiex twaqqaf lill-konvenut milli jissokta bl-atti li jkunu għamlu vjolazzjoni jew li jkunu heddu li jagħmlu vjolazzjoni tad-drittijiet fi trade mark Komunitarja. Għandha tieħu wkoll dawk il-miżuri skond il-liġi nazzjonali li huma mmirati biex jiżguraw li din li-projbizzjoni tiġi mħarsa.”

Id-dritt Ġermaniż

10

Il-punt 2 tal-Artikolu 14(2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tat-trade marks u sinjali distintivi oħra (Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen), BGBl. 1994 I, p. 3082), kif emendata bil-Liġi tas-7 ta’ Lulju 2008 (BGBl. 2008 I, p. 1191), dispożizzjoni li tikkorrispondi għall-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jipprovdi d-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark li jipprekludi l-użu:

“[...] ta’ kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebh mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebh mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark. [...]”

11

L-Artikolu 14(5) ta’ din il-liġi jiddisponi:

“Kull min juża sinjal bi ksur tal-paragrafi 2 sa 4 jista’ jiġi mħarrek mill-proprjetarju tat-trade mark fil-kuntest ta’ azzjoni għal inibizzjoni, fil-każ ta’ riskju ta’ ripetizzjoni. Id-dritt ta’ projbizzjoni jista’ jintalab anki meta t-theddida ta’ ksur tirriżulta għall-ewwel darba.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Levi Strauss hija proprjetarja ta’ diversi trade marks u, b’mod partikolari, tat-trade mark verbali Komunitarja LEVI’S, fost oħrajn, għal ħwejjeġ, u tat-trade mark verbali u figurattiva Ġermaniża Nru DD 641 687, irreġistrata fit-12 ta’ Jannar 1977, għal qliezet, qomos, blawsijiet, u ġgieget tal-irġiel, tan-nisa u tat-tfal (iktar ’il quddiem it-“trade mark Nru 3”). Din it-trade mark tal-aħħar, li tinkludi f’element rettangolari aħmar li jinsab fit-tarf tax-xellug tan-naħa ta’ fuq ta’ but l-element verbali “LEVI’S”, tippreżenta ruħha kif ġej:

Image

13

Levi Strauss hija wkoll proprjetarja tat-trade mark figurattiva Komunitarja Nru 2 292 373 bil-kuluri, jiġifieri aħmar u blu, irreġistrata fl-10 ta’ Frar 2005 għal qliezet (iktar ’il quddiem it-“trade mark Nru 6”). Skont id-deskrizzjoni tagħha fir-reġistru, hija tikkostitwixxi trade mark ta’ pożizzjoni u tikkonsisti f’tikketta rettangolari ħamra, tad-drapp, meħjuta fi u ħierġa mill-parti tan-naħa ta’ fuq tal-linja xellugija tal-but ta’ wara tal-qliezet, tax-xortsijiet jew tad-dbielet. Din tidher kif ġej:

Image

14

Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru tat-trademark Nru 6 tinkludi dikjarazzjoni ta’ rinunzja, li permezz tagħha din it-trade mark ma toħloq ebda dritt ta’ esklużività fir-rigward tal-forma u tal-kulur tal-but fih innifsu. It-trade mark Nru 6 ġiet irreġistrata fuq il-bażi ta’ karattru distintiv miksub minħabba l-użu, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

15

Colloseum topera negozju ta’ bejgħ bl-imnut tal-ħwejjeġ ta’ hawn fuq. Fil-kuntest ta’ din l-attività, hija qiegħdet fis-suq qliezet, jiġifieri jeans, tat-trade mark COLLOSEUM, S.MALIK u EURGIULIO. Dawn il-qliezet fihom, fil-livell tal-but ta’ wara tal-lemin, tikketti ħomor rettangolari, tad-drapp, li huma meħjuta fil-parti ta’ fuq tal-linja esterjuri tal-lemin tal-but u li fuqhom huma riprodotti t-trade marks ikkonċernati jew l-isem “SM JEANS”.

16

Levi Strauss ressqet quddiem il-qorti kompetenti tal-ewwel istanza azzjoni intiża b’mod partikolari sabiex Colloseum tiġi pprojbita milli toffri, tikkummerċjalizza jew li żżomm għal dawn il-finijiet dawn il-qliezet. Din tal-aħħar qajmet, inter alia, eċċezzjoni bbażat fuq l-użu insuffiċjenti tat-trade mark Nru 6.

17

Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet it-talba ta’ Levi Strauss u l-qorti tal-appell ċaħdet l-appell ippreżentat minn Colloseum kontra d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza.

18

Adita b’azzjoni ta’ “Reviżjoni” mressqa quddiemha minn Colloseum, il-qorti tar-rinviju annullat id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell u bagħtet lura l-kawża quddiemha. Peress li l-qorti tal-appell ċaħdet mill-ġdid l-appell ta’ Colloseum, din tal-aħħar ippreżentat mill-ġdid azzjoni ta’ “Reviżjoni” quddiem il-qorti tar-rinviju.

19

Din tal-aħħar tirrileva li l-eżitu tat-tieni azzjoni ta’ “Reviżjoni” jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, hija qieset probabbiltà ta’ konfużjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 bejn it-trade mark Nru 6 u l-mudelli ta’ qliezet ikkummerċjalizzati minn Colloseum, bil-kundizzjoni li t-trade mark Nru 6 tkun dejjem valida.

20

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li għalhekk hija għandha bżonn tkun taf jekk it-trade mark Nru 6 kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94. Hija tosserva li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tal-appell, li permezz tagħhom hija marbuta, skont id-dispożizzjonijiet proċedurali tad-dritt Ġermaniż, it-trade mark Nru 6 ġiet irreġistrata fl-10 ta’ Frar 2005. Għalhekk, il-proprjetarju tagħha jiġi mċaħħad mid-drittijiet tiegħu jekk l-imsemmija trade mark ma kinitx is-suġġett, qabel l-għeluq tas-seduta li saret quddiem il-qorti tal-appell fit-18 ta’ Frar 2010, ta’ użu ġenwin fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva mbagħad li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tal-appell, Levi Strauss użat it-trade mark Nru 6 biss taħt il-forma tat-trade mark Nru 3. L-eżitu tat-tilwima jiddependi għalhekk b’mod partikolari mill-kwistjoni ta’ jekk trade mark irreġistrata, li tikkostitwixxi waħda mill-elementi ta’ trade mark oħra, u li kisbet karattru distintiv bl-użu tat-trade mark l-oħra, skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, tistax ukoll tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, minħabba l-użu ta’ din it-trade mark l-oħra.

22

Il-qorti tar-rinviju tosserva li din il-kwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kwistjoni li diġà ġiet deċiża. Hija tenfasizza wkoll li t-trade marks Nru 3 u Nru 6 ma humiex differenti minn xulxin biss fir-rigward ta’ elementi li ma jbiddlux il-karattru distintiv tat-trade marks u li, konsegwentement, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament Nru 40/94 ma humiex sodisfatti f’dan il-każ, u dan jiddistingwi l-kawża prinċipali mill-fatti li wasslu għat-talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2012, Rintisch (C-553/11).

23

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, barra minn hekk, li huwa wkoll possibbli li l-użu tat-tikketta ħamra rettangolari minn Levi Strauss matul il-kummerċjalizzazzjoni tal-qliezet flimkien man-notazzjoni “LEVI’S” jimplika użu ġenwin kemm tat-trade mark Nru 6 u kif ukoll tat-trade mark verbali LEVI’S, peress li l-għaqda ta’ dawn iż-żewġ trade marks hija hi stess irreġistrata wkoll bħala trade mark Nru 3. Għalhekk hija tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk trade mark tistax tkun is-suġġett ta’ użu ġenwin, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94, minkejja li din tkun użata biss flimkien ma’ trade mark oħra, il-pubbliku jikkunsidra ż-żewġ trade marks bħala sinjali distintivi independenti u l-għaqda taż-żewġ trade marks tkun, barra minn hekk, hi stess irreġistrata bħala trade mark.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 għandu jiġi interpretat fis-sens:

1)

li trade mark, li hija parti minn trade mark kumplessa u li kisbet karattru distintiv bl-użu tat-trade mark kumplessa biss, tista’ tintuża b’mod li tiżgura ż-żamma tad-drittijiet marbuta magħha meta tintuża biss it-trade mark kumplessa;

2)

li trade mark tintuża b’mod li tiżgura ż-żamma tad-drittijiet marbuta magħha, meta tintuża flimkien ma’ trade mark oħra biss, meta l-pubbliku jikkunsidra ż-żewġ trade marks bħala sinjali distintivi indipendenti u, barra minn hekk, meta ż-żewġ trade marks jiġu rreġistrati flimkien bħala trade mark?”

Fuq id-domandi preliminari

25

B’dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kundizzjoni ta’ użu ġenwin ta’ trade mark, jiġifieri użu b’mod li jiżgura ż-żamma tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94, hijiex sodisfatta meta trade mark irreġistrata, li kisbet il-karattru distintiv tagħha wara l-użu ta’ trade mark oħra kumplessa, li tagħha hija tikkostitwixxi waħda mill-elementi, tintuża biss mill-intermedjarju ta’ din it-trade mark l-oħra kumplessa, jew meta tintuża biss flimkien ma’ trade mark oħra, meta l-għaqda taż-żewġ trade marks tkun, barra minn hekk, irreġistrata hi stess bħala trade mark.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94 juri li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li joriġina minn impriża partikolari u b’hekk tiddistingwi dan il-prodott minn dawk ta’ impriżi oħra (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C-311/11 P, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-funzjoni essenzjali tat-trade mark huwa li jiġi identifikat, fl-għajnejn il-konsumaturi, l-impriża li minnha joriġina l-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C-245/02, Ġabra p. I-10989, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għal dak li jikkonċerna l-kisba tal-karattru distintiv ta’ trade mark, bil-għan tar-reġistrazzjoni tagħha, permezz tal-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-Artikolu 3(3) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) din id-dispożizzjoni tal-aħħar tikkorrispondi, essenzjalment, għal din id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94, li l-ksib ta’ dan il-karattru jista’ jirriżulta kemm mill-użu, bħala parti minn trade mark irreġistrata, bħala element tagħha, kif ukoll mill-użu ta’ trade mark distinta magħquda flimkien ma’ trade mark irreġistrata. Fiż-żewġ każijiet, huwa suffiċjenti li, bħala konsegwenza ta’ dan l-użu, il-gruppi ta’ persuni kkonċernati jipperċepixxu effettivament il-prodott jew is-servizz, indikat biss mit-trade mark li għaliha qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni, bħala wieħed li joriġina minn intrapiża determinata (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, Nestlé, C-353/03, Ġabra p. I-6135, punt 30).

28

Konsegwentement, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-użu jikkonċernax sinjal bħala parti minn trade mark irreġistrata jew li jkun magħqud flimkien magħha, il-kundizzjoni essenzjali hija li, b’konsegwenza ta’ dan l-użu, is-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark jista’ jindika, f’moħħ il-gruppi ta’ persuni kkonċernati, il-prodotti li jirreferi għalihom bħala li joriġinaw minn intrapiża determinata.

29

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-konstatazzjoni li saret fil-punt 30 tas-sentenza Nestlé, iċċitata iktar ’il fuq, hija ta’ portata ġenerali u tapplika wkoll meta għandu jiġi stabbilit il-karattru distintiv partikolari ta’ trade mark preċedenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (ara s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, L & D vs UASI, C-488/06 P, Ġabra p. I-5725, punti 50 sa 52).

30

Fid-dawl tal-istruttura u l-għan tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll tal-kliem tal-Artikolu 15(1) ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tas-sentenza Nestlé, iċċitata iktar ’il fuq, għandha wkoll tinżamm fir-rigward tal-kunċett ta’ “użu ġenwin” fl-ambitu taż-żamma tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

31

Ċertament, l-użu li permezz tiegħu sinjal jikseb karattru distintiv skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 jikkonċerna l-perijodu ta’ qabel ir-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark, filwaqt li l-użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament jikkonċerna perijodu ta’ ħames snin wara r-reġistrazzjoni, b’mod li l-użu fis-sens ta’ dan l-Artikolu 7(3) bil-għan tar-reġistrazzjoni ma jistax jiġi invokat bħala tali sabiex jiġi stabbilit l-użu fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15(1), għall-finijiet taż-żamma tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark irreġistrata.

32

Madankollu, għandu jiġi irrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 27 sa 30 tas-sentenza Nestlé, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod ġenerali, il-kunċett ta’ “użu” ta’ trade mark jinkludi, mit-tifsira ta’ dan it-terminu, kemm l-użu indipendenti ta’ din it-trade mark kif ukoll l-użu tagħha bħala komponent ta’ trade mark oħra meħuda fl-intier tagħha jew magħquda flimkien magħha.

33

Kif osservaw b’mod rilevanti l-Gvern Ġermaniż u dak tar-Renju Unit waqt is-seduta li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju tal-użu, li huwa dejjem essenzjali, ma jistax jiġi ġġudikat fid-dawl ta’ elementi differenti skont id-determinazzjoni ta’ jekk dan il-kriterju jistax joħloq drittijiet li jikkonċernaw trade mark jew jekk dan il-kriterju jistax jiżgura ż-żamma ta’ dawn id-drittijiet. Fil-fatt, jekk huwa possibbli li tinkiseb il-protezzjoni bħala trade mark għal sinjal permezz ta’ ċertu użu li jsir minnu, din l-istess forma ta’ użu għandha tkun tista’ tiżgura ż-żamma ta’ din il-protezzjoni.

34

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-verifika tal-użu ġenwin ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94, huma analogi għal dawk li jikkonċernaw il-kisba tal-karattru distintiv ta’ sinjal permezz tal-użu bil-għan tar-reġistrazzjoni tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament.

35

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, kif irrilevawh il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea, trade mark irreġistrata li tintuża biss bħala parti minn trade mark kumplessa jew flimkien ma’ trade mark oħra għandha tkompli tiġi pperċepita bħala indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott inkwistjoni sabiex dan l-użu jissodisfa l-kunċett ta’ “użu ġenwin” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 15(1).

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li l-kundizzjoni ta’ użu ġenwin ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 40/94, tista’ tkun sodisfatta meta trade mark irreġistrata, li kisbet il-karattru distintiv tagħha wara l-użu ta’ trade mark oħra kumplessa, li tagħha hija tikkostitwixxi waħda mill-elementi, tintuża biss mill-intermedjarju ta’ din it-trade mark l-oħra kumplessa, jew meta din tintuża biss magħquda flimkien ma’ trade mark oħra, meta l-għaqda ta’ dawn iż-żewġ trade marks tkun, barra minn hekk, irreġistrata hi stess bħala trade mark.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kundizzjoni ta’ użu ġenwin ta’ trade mark, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, tista’ tkun sodisfatta meta trade mark irreġistrata, li kisbet il-karattru distintiv tagħha wara l-użu ta’ trade mark oħra kumplessa, li tagħha hija tikkostitwixxi waħda mill-elementi, tintuża biss mill-intermedjarju ta’ din it-trade mark l-oħra kumplessa, jew meta din tintuża biss magħquda flimkien ma’ trade mark oħra, meta l-għaqda ta’ dawn iż-żewġ trade marks tkun, barra minn hekk, irreġistrata hi stess bħala trade mark.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top