Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0604

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 7 ta' Novembru 2013.
    H. N. vs Minister for Justice, Equality and Law Reform et..
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Supreme Court - l-Irlanda.
    Direttiva 2004/83/KE - Livelli minimi dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja - Direttiva 2005/85/KE - Livelli minimi dwar il-proċedura għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri - Regola ta’ proċedura nazzjonali li tissuġġetta l-eżami tat-talba għall-protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda preċedenti tat-talba għall-istatus ta’ refuġjat - Ammissibbiltà - Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri - Prinċipju ta’ effettività - Dritt għal amministrazzjoni tajba - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 41 - Imparzjalità u veloċità tal-proċedura.
    Kawża C-604/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:714

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fis-7 ta’ Novembru 2013 ( 1 )

    Kawża C‑604/12

    H. N.

    vs

    Minister for Justice, Equality and Law Reform

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda)]

    “Sistema komuni Ewropea għall-ażil — Direttiva 2004/83/KE — Standards minimi relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja — Direttiva 2005/85/KE — Standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Regola ta’ proċedura nazzjonali li tissuġġetta l-eżami tat-talba għall-protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda minn qabel tat-talba għall-istatus ta’ refuġjat — Ammissibbiltà — Osservanza tad-dritt għal amministrazzjoni tajba — Veloċità u imparzjalità tal-proċedura ta’ eżami”

    1. 

    Dan ir-rinviju preliminari jqajjem, mill-ġdid, il-kwistjoni tal-organizzazzjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda u jidħol fil-linja tas-sentenzi M. ( 2 ) kif ukoll D. u A. ( 3 ).

    2. 

    B’mod partikolari, is-Supreme Court (l-Irlanda) qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk regola ta’ proċedura nazzjonali li tissuġġetta l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda minn qabel ta’ talba għall-istatus ta’ refuġjat, tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/83/KE ( 4 ) u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 5 ).

    3. 

    Il-protezzjoni sussidjarja hija protezzjoni internazzjonali li, skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83, hija maħsuba għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala refuġjati, iżda li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet serji u veri sabiex jitwemmen li jekk jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, jeżisti riskju reali li jsofru perikolu serju.

    4. 

    Fil-kuntest tas-sistema komuni Ewropea għall-ażil, il-protezzjoni sussidjarja tikkompleta ir-regoli dwar l-istatus ta’ refuġjat, stabbiliti permezz tal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati ( 6 ). Il-maġġoranza tal-Istati Membri, għaldaqstant, adottat proċedura komuni li permezz tagħha tiġi eżaminata t-talba għal ażil imressqa mill-persuna kkonċernata fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali. L-Irlanda, min-naħa tagħha, żammet sistema iktar maqsuma billi introduċiet żewġ proċeduri distinti. Konsegwentement, talba għal protezzjoni sussidjarja tista’ titressaq fl-Irlanda biss wara li tkun ġiet eżawrita l-proċedura intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat u kemm-il darba l-Minister for Justice, Equality and Law Reform ikun innotifika lill-persuna kkonċernata dwar l-intenzjoni tiegħu li jadotta, fir-rigward tiegħu, deċiżjoni għat-trasferiment tiegħu. Fil-kuntest ta’ din is-sistema — bħal fil-kuntest ta’ kwalunkwe sistema oħra, wara kollox —, individwu ma għandux il-possibbiltà li jressaq talba awtonoma intiża għas-sempliċi kisba tal-protezzjoni sussidjarja.

    5. 

    Huwa bis-saħħa ta’ din il-liġi li l-Minister for Justice, Equality and Law Reform ċaħad it-talba għall-protezzjoni sussidjarja, imressqa minn H. N.

    6. 

    Dan tal-aħħar huwa ċittadin Pakistani li ilu joqgħod l-Irlanda mis-sena 2003. H. N. kien, qabel kollox, ibbenefika minn visa ta’ student, qabel ma kiseb permess ta’ residenza li kien validu sal‑31 ta’ Diċembru 2005, peress li kien iżżewweġ ċittadina Irlandiża. Fit-23 ta’ Frar 2006, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform innotifika lill-H. N. dwar l-intenzjoni tiegħu li jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment lejn il-fruntiera peress li l-permess tiegħu ta’ residenza ma kienx ġie mġedded, fejn H. N. kien issepara minn ma’ martu. Madankollu dan tal-aħħar baqa’ fit-territorju Irlandiż bħala student u kiseb diploma fix-xjenzi ekonomiċi fl-2007. Barra minn hekk, huwa ressaq kawża kontra l-Minister for Justice, Equality and Law Reform u l-Istat Irlandiż, fejn sostna li l-leġiżlazzjoni dwar it-trasferiment lejn il-fruntiera kienet tmur parzjalment kontra l-Kostituzzjoni.

    7. 

    H. N. qatt ma ressaq talba għall-ażil fl-Irlanda. Huwa jispjega li ma jibżax li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-opinjonijiet politiċi tiegħu jew l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali u li, għaldaqstant, ma huwiex refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83. Minkejja dan, huwa jsostni li hemm riskju li jsofri preġudizzji serji kieku kellu jintbagħat lura l-Pakistan, minħabba, b’mod partikolari, il-vjolenza għamja li tirrenja fil-wied ta’ Swat, fejn toqgħod il-familja tiegħu.

    8. 

    Għalhekk, fis-16 ta’ Ġunju 2009, H. N. ressaq talba għal protezzjoni sussidjarja. Il-Minister for Justice, Equality and Law Reform ċaħad din it-talba għar-raġuni li huwa ma kienx, preċedentement, ressaq talba għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat. Wara ċ-ċaħda tar-rikors għal annullament li kien ippreżenta kontra din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (l-Irlanda), H. N. ippreżenta appell quddiem is-Supreme Court.

    9. 

    Peress li din ir-regola proċedurali tqajjem tħassib dwar l-effikaċja, l-imparzjalità kif ukoll it-tul tal-proċedura, is-Supreme Court iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

    “Id-Direttiva [...] 2004/83/KE, interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, kif ipprovdut fl-Artikolu 41 tal-Karta [...], tippermetti lil Stat Membru li jipprovdi fil-liġi tiegħu li applikazzjoni għall-istat ta’ protezzjoni sussidjarja tista’ titqies biss jekk l-applikant ikun applika għal u ġie rrifjutat l-istat ta’ refuġjat skont il-liġi nazzjonali?”

    10. 

    Fi kliem ieħor, fil-kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2004/83, l-osservanza tad-dritt għal amministrazzjoni tajba tobbliga lill-Istat Membru jintroduċi proċedura awtonoma, għall-finijiet tal-kisba tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja?

    11. 

    Għalkemm id-domanda li qed tagħmel il-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Irlandiża mad-dritt tal-Unjoni, hija tikkonċerna, fil-verità, regola proċedurali li wieħed jiltaqa’ magħha fl-Istati Membri kollha. Fil-fatt, tkun kif tkun strutturata l-proċedura ta’ eżami, kemm jekk din tkun ikkonċentrata fi proċedura unika kif ukoll jekk tkun proċedura bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-awtorità kompetenti nazzjonali dejjem teżamina jekk il-persuna kkonċernata hijiex eliġibbli għall-istatus ta’ refuġjat, qabel ma teżamina jekk tistax tibbenefika minn protezzjoni sussidjarja. Għalhekk, f’dan is-sens, il-proċedura Irlandiża mhux li tant tiddistingwi ruħha mill-proċeduri stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra. Barra minn hekk, l-ebda sistema ma tipprovdi, preżentement, l-introduzzjoni ta’ proċedura awtonoma għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja.

    12. 

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser jiġu esposti r-raġunijiet li għalihom inqis li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ talba għal ażil, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba għandu qabel kollox jiggarantixxi d-determinazzjoni korretta tal-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali, li teħtieġ evalwazzjoni komprensiva tat-talba fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali. Ser nispjega, għalhekk, għalfejn ninsab konvint li, billi tirrikjedi l-eżami minn qabel tat-talba mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet stabbiliti biex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, ir-regola proċedurali inkwistjoni tippermetti biex jiġi ggarantit lil min, b’mod leġittimu, qed ifittex il-protezzjoni internazzjonali, l-għoti ta’ status xieraq kif ukoll l-aċċess effettiv għad-drittijiet konċessi lilu permezz tad-Direttiva 2004/83, u dan abbażi ta’ eżami li huwa konformi mal-ispirtu u mat-testi li jirregolaw is-sistema ta’ ażil Ewropew komuni.

    I – Id-dritt Irlandiż

    13.

    Fl-Irlanda, il-proċedura ta’ eżami ta’ talba għal protezzjoni internazzjonali hija kkaratterizzata minn għadd ta’ stadji proċedurali.

    14.

    Ir-regoli proċedurali applikabbli għat-talbiet biex jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat ġew stabbiliti permezz tal-Liġi tal-1996 dwar ir-refuġjati (Refugee Act 1996 ( 7 )).

    15.

    Skont l-Artikolu 8 tal-liġi dwar ir-refuġjati, it-talba għal ażil għandha titressaq quddiem ir-Refugee Applications Commissioner. L-Artikolu 11 ta’ din il-liġi jistabbilixxi li dan il-membru tal-Office of the Refugee Applications Commissioner (dipartiment ta’ kummissarju inkarigat mit-talbiet għal ażil) għandu l-inkarigu li jiltaqa’ mal-applikant kif ukoll li jwettaq l-investigazzjonijiet u li jitlob l-informazzjoni meħtieġa. Sussegwentement, l-imsemmi membru jirrediġi rapport fejn jagħmel rakkomandazzjoni pożittiva jew negattiva dwar l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lill-applikant ikkonċernat u jikkomunika dan ir-rapport lill-Minister for Justice, Equality and Law Reform ( 8 ).

    16.

    Skont l-Artikolu 17(1) tal-liġi dwar ir-refuġjati, jekk ir-rakkomandazzjoni tar-Refugee Applications Commissioner tkun pożittiva, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform għandu l-obbligu li jagħti l-istatus ta’ refuġjat lill-applikant ikkonċernat. Fil-każ fejn ikun ġie rrakkomandat li l-applikant ma jingħatax l-istatus ta’ refuġjat, dan tal-aħħar jista’, skont l-Artikolu 16 ta’ din il-liġi, jappella r-rakkomandazzjoni quddiem ir-Refugee Appeals Tribunal (l-Irlanda). Fil-każ li dan tal-aħħar jagħti raġun lill-applikant għal ażil u jqis li r-rakkomandazzjoni għandha tkun pożittiva, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform għandu l-obbligu, skont l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija liġi, li jagħti l-istatus ta’ refuġjat. F’każ kuntrarju, jekk ir-Refugee Appeals Tribunal jikkonferma r-rakkomandazzjoni negattiva tar-Refugee Applications Commissioner, il-Ministru jkollu setgħa diskrezzjonali li tippermettilu li jiddeċiedi jekk jagħtix jew le dan l-istatus.

    17.

    Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina, l-applikanti għal ażil jistgħu jikkontestaw il-validità tar-rakkomandazzjonijiet tar-Refugee Applications Commissioner u tad-deċiżjonijiet tar-Refugee Appeals Tribunal quddiem il-High Court, suġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-kawżi li jikkonċernaw it-talbiet għal ażil. Skont din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-High Court quddiem is-Supreme Court biss jekk il-High Court innifisha tagħti sentenza li tawtorizza dan ir-rikors (“certificate of leave to appeal”).

    18.

    Meta t-talba għal ażil tkun ġiet definittivament miċħuda, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform jista’ jinnotifika lill-persuna kkonċernata dwar l-intenzjoni tiegħu li jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment lejn il-fruntiera (“proposal to deport”), skont l-Artikolu 3(3) tal-liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni.

    19.

    Huwa f’dan l-istadju tal-proċedura li japplikaw id-dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura li tirregola t-talbiet għal protezzjoni sussidjarja. Dawn jirriżultaw mir-Regolament tal-2006 relatat mal-Komunitajiet Ewropej (eliġibbiltà għal protezzjoni) [European Communities (Eligibility for Protection) Regulations 2006], adottat mill-Minister for Justice, Equality and Law Reform tad-9 ta’ Ottubru 2006, bl-għan, b’mod partikolari, tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/83 ( 9 ).

    20.

    Skont l-Artikolu 4(1) tar-regolament tal-2006, in-notifika tal-Minister for Justice, Equality and Law Reform, tinkludi avviż li jinforma lill-persuna kkonċernata li tista’ titlob l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja kif ukoll awtorizzazzjoni temporanja biex tibqa’ fit-territorju (“application for leave to remain”). Għal dan il-għan, jiġu mehmuża ma’ dik l-ittra avviż ta’ informazzjoni dwar il-protezzjoni sussidjarja kif ukoll il-formola li tippermetti li titressaq it-talba. Minbarra l-informazzjoni personali, l-applikant jiġi mistieden jikkomunika d-dokumenti supplimentari kollha u jagħti d-dettalji tar-raġunijiet relatati speċifikament maċ-ċirkustanzi invokati insostenn tat-talba tiegħu għall-protezzjoni sussidjarja, billi jippreċiża, b’mod partikolari, il-perikolu serju li jista’ jġarrab jekk imur lura fil-pajjiż tiegħu ta’ oriġini.

    21.

    Il-Minister for Justice, Equality and Law Reform jiddeċiedi dwar it-talba għal protezzjoni sussidjarja permezz ta’ deċiżjoni mmotivata. Din tal-aħħar tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

    22.

    Abbażi tal-Artikolu 4(2) tar-regolament tal-2006, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform ma għandux l-obbligu li jeżamina talba għal protezzjoni sussidjarja meta din tal-aħħar titressaq minn persuna li t-talba tagħha għal ażil ma ġietx miċħuda. Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Lulju 2010, Izevbeckhai et vs Minister for Justice, Equality and Law Reform ( 10 ), is-Supreme Court indikat li, b’mod konformi ma’ din id-deċiżjoni, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform jista’ jeżamina biss it-talbiet għal protezzjoni sussidjarja mressqa minn persuni li t-talba tagħhom għal ażil tkun ġiet preċedentement miċħuda.

    II – L-analiżi tiegħi

    23.

    Infakkar li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk regola proċedurali nazzjonali li tissuġġetta l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, għaċ-ċaħda minn qabel ta’ talba għall-istatus ta’ refuġjat tissodisfax ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/83 u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta.

    24.

    Fl-opinjoni tiegħi, huwa evidenti li din id-domanda jistħoqqilha risposta fil-pożittiva.

    A – L-osservazzjonijiet preliminari

    25.

    Qabel ma tiġi eżaminata d-domanda, nixtieq nagħmel żewġ osservazzjonijiet.

    26.

    L-ewwel nett, id-domanda li qed tagħmel il-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja titlob li jittieħdu inkunsiderazzjoni regoli oħra tad-dritt minbarra dawk speċifikament imsemmija mis-Supreme Court fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju ( 11 ). Jekk hija ssejjes id-domanda tagħha fuq id-drittijiet mogħtija lil applikant għal ażil permezz tad-Direttiva 2004/83 u permezz tal-Artikolu 41 tal-Karta, fl-opinjoni tiegħi jeħtieġ ukoll li jiġu evokati r-regoli tal-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, stabbiliti permezz tad-Direttiva 2005/85/KE ( 12 ).

    27.

    Fil-fatt, id-Direttiva 2004/83 ma hijiex intiża, permezz tal-kontenut u l-għan aħħari tagħha, li tippreskrivi regoli ta’ proċedura applikabbli għall-eżami ta’ talba għal protezzjoni internazzjonali u lanqas, għalhekk, li tiddetermina l-garanziji proċedurali li għandhom, f’dan is-sens, jingħataw lill-applikant għal ażil ( 13 ). Din id-direttiva għandha biss l-għan li tistabbilixxi kriterji komuni għall-Istati Membri kollha għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet sostantivi li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni internazzjonali ( 14 ) kif ukoll il-kontenut sostantiv ta’ din il-protezzjoni ( 15 ). Huwa f’dan il-kuntest li d-Direttiva 2004/83 tistabbilixxi, fl-Artikolu 2(ċ) u (e), il-persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ refuġjat mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, kif ukoll, fil-Kapitoli VII tagħha, id-drittijiet li huma inerenti għal kull wieħed minn dawn l-istatus.

    28.

    Ir-regoli proċedurali dwar l-eżami tat-talba għal protezzjoni internazzjonali huma stabbiliti fid-Direttiva 2005/85. Skont l-Artikolu 1 tagħha, din tal-aħħar għandha l-għan li tistabbilixxi standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat u tippreċiża, fil-Kapitoli II u III tagħha, id-drittijiet u l-obbligi proċedurali imposti fuq l-applikant u fuq l-Istat Membru għall-evalwazzjoni tat-talba għal protezzjoni internazzjonali.

    29.

    Għaldaqstant, il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tat-termini u tal-għan aħħari tad-Direttiva 2004/83, iżda wkoll billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2005/85.

    30.

    It-tieni net, id-domanda li tagħmel il-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja titlob li titqies l-awtonomija proċedurali li għandha l-Irlanda għal dak li għandu x’jaqsam mal-organizzazzjoni tat-trattament tat-talbiet għal protezzjoni internazzjonali. Fil-fatt, għandu jiġi ppreċiżat li, skont il-liġi eżistenti applikabbli għall-kawża preżenti, l-Unjoni Ewropea ma tirregolax il-modalitajiet proċedurali relatati mal-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja, meta dan l-eżami jaqa’ taħt proċedura distinta minn dik intiża għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat.

    31.

    L-istess bħad-Direttiva 2004/83, id-Direttiva 2005/85 hija intiża għall-armonizzazzjoni minima tar-regoli. Għalhekk, hija tirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet, u b’mod partikolari fl-organizzazzjoni tat-trattament tat-talbiet għal ażil ( 16 ). Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tapplika biss meta Stat Membru jeżamina talba għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat jew meta dan tal-aħħar ikun stabbilixxa proċedura unika li permezz tagħha jeżamina t-talba fid-dawl taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġifieri dik relatata mal-istatus ta’ refuġjat u dik relatata mal-protezzjoni sussidjarja.

    32.

    Id-Direttiva 2005/85 tagħti għalhekk il-libertà kollha lill-Istati Membri biex jorganizzaw il-proċedura ta’ eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, meta dawn tal-aħħar ikunu għażlu li jeżaminaw din it-talba fil-kuntest ta’ proċedura distinta minn dik li l-għan tagħha jkun li jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat, kif huwa l-każ fl-Irlanda.

    33.

    Għal din ir-raġuni, dan ir-riferiment għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri hija tradizzjonalment mittiefsa mill-obbligu tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 17 ) u mill-ħtieġa li tiġi ggarantita l-osservanza tad-drittijiet fundamentali.

    34.

    Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jirrikjedi li r-regoli proċedurali adottati f’dan il-kuntest mill-Istati Membri ma jkunux inqas favorevoli minn dawk previsti għal azzjoni simili msejsa fuq id-dritt nazzjonali. Fil-każ preżenti, din il-kwistjoni ma tqumx.

    35.

    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, dan jirrikjedi li dawn il-modalitajiet proċedurali ma jrendux impossibbli, fil-prattika, jew eċċessivament diffiċli, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni lill-persuna kkonċernata. Fil-kawża preżenti, huwa meħtieġ, għalhekk, li jiġi eżaminat jekk ir-regola proċedurali inkwistjoni tiggarantixxix aċċess effettiv lil persuni li jkunu qed jitolbu l-protezzjoni internazzjonali għad-drittijiet mogħtija lilhom permezz tad-Direttiva 2004/83.

    36.

    Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiggarantixxu l-osservanza tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni meta jadottaw deċiżjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa l-każ tad-deċiżjonijiet relatati mal-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja ( 18 ). Ma hemm l-ebda dubju għalhekk li l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jiżguraw l-osservanza tad-dritt għal amministrazzjoni tajba tal-persuni kkonċernati, mhux biss għaliex dan id-dritt jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 19 ), iżda wkoll għaliex dan huwa dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta. Għalkemm il-kliem tal-Artikolu 41(1) tal-Karta jirreferu għar-relazzjonijiet tal-partijiet fil-kawża mal-“istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni ( 20 )”, inqis, fil-fatt, li d-dritt għal amministrazzjoni jirriżulta bl-istess mod għall-Istati Membri meta dawn tal-aħħar jimplementaw id-dritt tal-Unjoni ( 21 ).

    37.

    Huwa abbażi ta’ dawn l-elementi li issa ser neżamina jekk ir-regola proċedurali inkwistjoni hijiex kompatibbli mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/83, billi jiġu sodisfatti l-prinċipji ta’ effettività u ta’ amministrazzjoni tajba.

    B – Dwar l-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività

    38.

    Inqis li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tiggarantixxi lill-applikant għal ażil aċċess effettiv għad-drittijiet mogħtija lilu permezz tad-Direttiva 2004/83, abbażi ta’ eżami li huwa konformi mal-ispirtu u mat-testi li jirregolaw is-sistema ta’ ażil Ewropew komuni.

    39.

    Qabel kollox, billi tirrikjedi eżami minn qabel tat-talba għal protezzjoni internazzjonali fid-dawl tal-kundizzjonijiet li jistabbilixxu l-istatus ta’ refuġjat, din ir-regola tiżgura bis-sħiħ l-osservanza tal-Artikolu 78 TFUE.

    40.

    Għandu jitfakkar li d-Direttivi 2004/83 u 2005/85 ġew adottati abbażi tal-ewwel punt tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE (l-Artikolu 78 TFUE l-ġdid), li jistabbilixxi li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kellu l-kompitu li jiddeċiedi miżuri dwar l-ażil abbażi tal-“applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ( 22 )”. Dawn iż-żewġ direttivi għalhekk jikkontribwixxu biex tiġi stabbilita sistema ta’ ażil Ewropew komuni li, b’mod konformi mal-Artikolu 78(1) TFUE, għandha tkun konformi ma’ din il-konvenzjoni.

    41.

    L-imsemmija konvenzjoni tikkostitwixxi trattat tad-dritt internazzjonali, li bħala tali, għandha saħħa vinkolanti fir-rigward tal-partijiet kontraenti kollha, fosthom l-Istati Membri tal-Unjoni. Kif jirrikonoxxi l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 3 tad-Direttiva 2004/83, hija tikkostitwixxi l-bażi tad-dritt internazzjonali tar-refuġjati, peress li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kunċett stess ta’ refuġjat kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi inerenti f’dan l-istatus. Huwa sabiex jikkumplimenta r-regoli stabbiliti fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Genève li l-leġiżlatur tal-Unjoni introduċa forom oħra ta’ protezzjoni internazzjonali, li fosthom wieħed isib il-protezzjoni sussidjarja. L-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE jippreċiża għalhekk li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-miżuri relatati ma’ sistema komuni Ewropea għall-ażil li tinkludi mhux biss “status uniformi ta’ ażil għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha”, iżda wkoll “status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu ażil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali ( 23 )”.

    42.

    L-użu tal-kelma “sussidjarja” kif ukoll il-kliem tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2004/83 jindikaw, mingħajr ambigwità, li l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja huwa indirizzat lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet rikjesti biex għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat ( 24 ). L-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/85 jżid, barra minn hekk, li huwa preżunt li kwalunkwe talba għal protezzjoni internazzjonali, imressqa abbażi tad-Direttiva 2004/83, hija talba għal ażil fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

    43.

    Konsegwentement, l-introduzzjoni ta’ forma sussidjarja ta’ protezzjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, ma tfissirx li l-leġiżlatur għandu l-intenzjoni li joffri l-possibbiltà ta’ għażla bejn forma jew oħra ta’ protezzjoni internazzjonali. L-għan tiegħu huwa li jiżgura l-“prevalenza” tal-Konvenzjoni ta’ Genève billi jiżgura li l-forom sussidjarji ta’ protezzjoni stabbiliti fl-Unjoni ma jnaqqsux mill-portata essenzjali ta’ din il-konvenzjoni. Dan l-għan aħħari jirriżulta b’mod ċar mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2004/83. Fil-proposta tagħha għad-direttiva ( 25 ), il-Kummissjoni Ewropea indikat li l-“eżami li għandu l-għan li jiddetermina jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja normalment isir biss meta jiġi stabbilit li dak l-applikant ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ( 26 )” [traduzzjoni mhux uffiċjali], bil-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-“applikazzjoni ġenerali u kompluta tal-Konvenzjoni ta’ Genève ( 27 )” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u l-ħtieġa biex ma tiddgħajjifx is-sistema stabbilita permezz ta’ din tal-aħħar.

    44.

    Bħala prinċipju, il-protezzjoni offruta mill-istatus ta’ refuġjat għandha għalhekk tiġi eżaminata fl-ewwel lok, peress li forom oħra ta’ protezzjoni li jikkwalifikaw bħala “sussidjarji”, “kumplimentari” jew anki “temporanji” ġew introdotti mil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jikkumplimentaw ir-regoli stabbiliti fil-kuntest ta’ din il-konvenzjoni ( 28 ).

    45.

    Għandu jiġi osservat li din l-interpretazzjoni għandha wkoll tingħata meta l-applikant ma jistax manifestament jitqies li huwa refuġjat fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, li huwa dak li qed jiġi invokat minn H. N. fil-kawża preżenti. Fil-fatt, f’tali ipoteżi, l-Artikolu 23(4)(b) tad-Direttiva 2005/85 jipprovdi espressament li l-Istat Membru jista’ jaċċellera l-eżami relatat mal-kundizzjonijiet rikjesti għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, iżda, fi kwalunkwe każ, il-leġiżlatur ma jeżentahx minn dan l-eżami minn qabel ( 29 ), u bir-raġun. Huwa biss l-imsemmi eżami li jippermetti li l-persuna kkonċernata tingħata “status xieraq”, skont l-Artikolu 78(1) TFUE. Fil-fatt, huwa jippermetti lil kull Stat Membru jipproċedi għal evalwazzjoni komprensiva tat-talba, biex tkun tista’ tiġi stabbilita konkretament il-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata. Dan jeħtieġ li l-awtorità nazzjonali determinanti tkun tista’, qabel l-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja, taċċerta ruħha li t-theddida li tagħha l-persuna kkonċernata tqis li hija vittma, ma taqax iktar fl-ambitu tal-“persekuzzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, u li ma hemmx il-ħtieġa li jingħatalha l-istatus ta’ refuġjat.

    46.

    F’dan ir-rigward, wieħed ma jridx jinsa li, taħt id-Direttiva 2004/83, l-istatus ta’ refuġjat joffri drittijiet u vantaġġi ekonomiċi u soċjali iktar estiżi minn dawk li jirriżultaw mill-għoti tal-protezzjoni sussidjarja ( 30 ). Konsegwentement, din l-evalwazzjoni minn qabel tippermetti wkoll li jiġi ggarantit il-massimu tad-drittijiet għall-benefiċċju tal-persuna kkonċernata. Kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha M., iċċitata iktar ’il fuq, in-natura tad-drittijiet inerenti għall-istatus ta’ refuġjat u dik tad-drittijiet inerenti għall-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja huma fil-fatt differenti ( 31 ). Fil-Kapitolu VII tagħha, intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, id-Direttiva 2004/83 tagħmel distinzjoni skont jekk il-persuna kkonċernata hijiex refuġjata jew tibbenefikax mill-protezzjoni sussidjarja ( 32 ). Fir-rigward tal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja, hija tawtorizza lill-Istati Membri jadottaw kundizzjonijiet iktar restrittivi għal dak li għandu x’jaqsam mal-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza jew dokumenti tal-ivvjaġġar ( 33 ). B’hekk, għalkemm l-Istati Membri huma marbuta li jagħtu lir-refuġjati permess ta’ residenza għal perijodu minimu ta’ tliet snin, huma jistgħu jillimitaw il-perijodu ta’ dan il-permess għal sena, kemm-il darba dan ikun qed jingħata lil individwu li jkun qed jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja. L-imsemmija direttiva tawtorizza wkoll lill-Istati Membri jillimitaw l-aċċess għal ċerti drittijiet ekonomiċi u soċjali bħalma huwa l-aċċess għas-suq tax-xogħol jew għall-protezzjoni soċjali ( 34 ). Għalhekk, għalkemm l-Istati Membri huma marbuta li jagħtu lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali l-istess assistenza soċjali meħtieġa, bħal dik prevista għaċ-ċittadini nazzjonali, huma jistgħu madankollu jillimitaw din l-assistenza għall-benefiċċji essenzjali, għal dak li għandu x’jaqsam mal-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja.

    47.

    Għandu jiġi kkonstatat li huwa fl-interess tal-istess applikant għal ażil, li t-talba tiegħu tiġi eżaminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet li jistabbilixxu l-istatus ta’ refuġjat. Għalhekk ma nifhimx ir-raġunijiet li wasslu għall-aġir ta’ H. N. f’din il-kawża.

    48.

    F’dan ir-rigward, naħseb li ma huwiex il-kompitu tal-applikant għal ażil li jiddetermina l-istatus li huwa l-iktar xieraq għas-sitwazzjoni tiegħu. Dan jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtorità nazzjonali determinanti li, abbażi tal-informazzjoni miġbura mingħand il-persuna kkonċernata u s-servizzi tagħha, tressaq it-talba abbażi tar-regoli stabbiliti fil-kuntest tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85.

    49.

    Wieħed irid iżomm f’moħħu li d-deċiżjoni li tintlaħaq hija ta’ importanza vitali għal dak li, b’mod leġittimu, qed ifittex li jikseb il-protezzjoni internazzjonali. Lanqas ma rridu ninsew li dan tal-aħħar ikun jinsab f’qagħda umana u materjali diffiċli ħafna u li l-proċedura li jistitwixxi quddiem l-awtoritajiet tal-Istat għandha tippermetti li tiżguralu l-preżervazzjoni tal-iktar drittijiet essenzjali tiegħu. Issa, ma hemmx wisq probabbiltà li l-persuna kkonċernata dejjem tkun f’qagħda li tiddetermina jekk is-sitwazzjoni li tinsab fiha tissodisfax il-kriterji stabbiliti biex ikun jista’ jinkiseb l-istatus ta’ refuġjat jew tissodisfax iktar il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja. Il-linja ta’ demarkazzjoni bejn iż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali tista’ tkun delikata ħafna, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet li jikkaratterizzaw irwieħhom minn vjolenza għamja fir-rigward ta’ ċerti gruppi, li, fil-verità, dejjem jitlob mingħand l-awtoritajiet nazzjonali determinanti, li jipproċedu għal eżami dettaljat u rigoruż tad-dikjarazzjonijiet u tal-provi prodotti mill-applikant. Wieħed irid iqis ukoll il-miżerja psikoloġika li x’aktarx jinsab fiha l-applikant għal ażil u d-diffikultajiet li jista’ jiltaqa’ magħhom, minħabba l-lingwa tiegħu pereżempju, mhux biss biex jifhem ir-regoli proċedurali, iżda wkoll biex jifhem id-drittijiet u l-obbligi li jaqgħu fuqu. F’dan ir-rigward, huma bosta dawk li ma għandhomx mexxi sabiex igawdu minn assistenza ġudizzjarja. Għal din ir-raġuni ma nistgħux nieħdu r-riskju li individwu li jkun qed ifittex ir-rifuġju, jonqos milli jressaq talba għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, għalkemm ikollu d-dritt li jagħmel dan.

    50.

    Fl-aħħar nett, ma rridux ninsew li din l-evalwazzjoni minn qabel tippermetti li tiġi eżawrita l-proċedura għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, biex b’hekk jiġi żgurat li l-ebda talba oħra ma titressaq fl-Unjoni u konsegwentement jiġu limitati l-movimenti sekondarji tal-applikanti għal ażil fit-territorju tal-Unjoni, fenomenu iktar magħruf bl-isem ta’ “asylum shopping ( 35 )”.

    51.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, huwa għalhekk diffiċli nikkondividi l-opinjonijiet espressi minn H. N. u mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħhom. Dawn tal-aħħar iqisu, fil-fatt, li, fid-dawl tat-testi applikabbli, l-Irlanda kellha tintroduċi proċedura awtonoma għall-finijiet tal-kisba tal-istatus mogħti permezz tal-proċedura sussidjarja.

    52.

    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, tali interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt, tista’, fl-opinjoni tiegħi tmur kontra l-ispirtu li fuqu hija msejsa s-sistema tal-ażil komuni Ewropea u, b’mod partikolari, l-għan aħħari u t-termini tal-Artikolu 78 TFUE u tad-Direttivi 2004/83 u 2005/85.

    53.

    Qabel kollox, hemm ir-riskju li tiġi ppreġudikata l-prevalenza tal-Konvenzjoni ta’ Genève, inkwantu l-forom sussidjarji ta’ protezzjoni jistgħu jwasslu biex idgħajfu l-portata essenzjali ta’ din il-konvenzjoni. Sussegwentement, tista’ tagħti lok għall-armonizzazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-ażil fil-mira tal-leġiżlatur tal-Unjoni ( 36 ), biex b’hekk jitħeġġu l-movimenti sekondarji tal-applikanti għal ażil, li kontrihom l-Unjoni impenjat ruħha li tissielet. Fil-fatt, kif josserva l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, ma nistgħux neskludu r-riskju li applikant għal ażil jitlob li jibbenefika mill-protezzjoni sussidjarja fi Stat Membru li ma huwiex dak responsabbli mill-proċedura ta’ ażil u li l-istess sitwazzjoni tiġi għalhekk eżaminata b’mod parallel f’żewġ Stati Membri, taħt żewġ sistemi ġuridiċi differenti.

    54.

    Barra minn hekk, u ċertament dan huwa l-iktar argument b’saħħtu, l-introduzzjoni ta’ proċedura awtonoma ma tippermettix li tiġi ggarantita l-evalwazzjoni komprensiva tat-talba għal protezzjoni internazzjonali, li madankollu hija l-garanzija tad-drittijiet mogħtija lill-applikant għal ażil fil-kuntest tad-Direttiva 2004/83. Fi kliem ieħor, ikun hemm ir-riskju li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-iżjed persuni vulnerabbli tiġi ppreġudikata serjament. Is-sistema li l-Kummissjoni tiddefendi fil-fatt tagħti lok li jiġi evitat stadju indispensabbli għall-garanzija tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati. Ċertament, il-Kummissjoni osservat waqt is-seduta li s-sitwazzjoni li fiha l-parti kkonċernata ma tippreżentax talba hija marġinali. Issa, dan huwa argument li nirrifjuta li nieħu inkunsiderazzjoni, ġaladarba evidentement ma jingħatax lok għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna minħabba l-fatt li biss numru żgħir ta’ persuni jkun vittma ta’ dan.

    55.

    Fl-aħħar nett, naħseb li lil hinn min-nuqqas ta’ bażi legali, ma jagħmilx sens li l-Irlanda tintalab tintroduċi proċedura awtonoma għall-finijiet ta’ kisba tal-istatus mogħti permezz tal-proċedura sussidjarja, minkejja li l-Istati Membri għandhom, preżentement, ikollhom “konċentrazzjoni tal-proċeduri”. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tagħna ma tkunx komprensiva jekk ma jingħad xejn dwar l-għanijiet li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tat-tieni fażi tas-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, u b’mod partikolari tad-Direttiva 2013/32 il-ġdida, anki jekk dan it-test ma huwiex applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali ( 37 ).

    56.

    Fil-fatt, b’mod konformi mal-premessa 11 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi proċedura unika biex tiggarantixxi l-evalwazzjoni komprensiva u effikaċi tal-ħtiġijiet għall-protezzjoni internazzjonali tal-applikanti għal ażil. L-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva tipprovdi, preżentement li, “[m]eta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja ( 38 )”. L-istabbiliment ta’ proċedura unika ma hijiex biss fakultà, kif kien il-każ taħt is-sistema tad-Direttiva 2005/85, iżda jikkostitwixxi, illum il-ġurnata, obbligu li jippermetti wkoll lil-leġiżlatur tal-Unjoni jissemplifika u jirrazzjonalizza l-proċeduri ta’ eżami għat-talbiet ta’ ażil kif ukoll inaqqas mill-piż amministrattiv tal-Istati Membri.

    57.

    Dawn l-elementi juru, jekk dan kien meħtieġ, li l-applikant għal ażil ma għandux għad-dispożizzjoni tiegħu — u ma għandux ikollu — il-possibbiltà li jagħżel bejn forma jew oħra ta’ protezzjoni internazzjonali. Bħal ma osserva, ġustament, il-Gvern Belġjan waqt is-seduta, l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali għaldaqstant ma għandux jiddependi minn evalwazzjoni suġġettiva tal-applikant u huwa ma għandux jingħata din il-possibbiltà fid-dawl ta’ interessi reali jew allegati. It-talba tiegħu għandha bilfors tiġi eżaminata fir-rigward tal-kriterji ta’ ammissjoni għall-istatus ta’ refuġjat u huwa biss fin-nuqqas tal-eliġibbiltà għal dan tal-aħħar li allura jkun jista’ jitlob li jibbenefika minn forma sussidjarja ta’ protezzjoni. Din l-evalwazzjoni timponi ruħha tkun xi tkun l-istruttura tal-proċedura adottata mill-Istat Membru, kemm jekk din tkun ikkonċentrata fi proċedura unika kif ukoll jekk tkun proċedura bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’dan ir-rigward dawn iż-żewġ proċeduri ftit li xejn jiddistingwu ruħhom.

    58.

    Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jien konvint li r-regola proċedurali inkwistjoni tiggarantixxi lill-applikant għal ażil aċċess effettiv għad-drittijiet mogħtija lilu permezz tad-Direttiva 2004/83, u dan f’konformità mal-prinċipju ta’ effettività.

    59.

    Jien ukoll tal-opinjoni li tali leġiżlazzjoni tiżgura l-amministrazzjoni tajba tat-talba għal protezzjoni internazzjonali, inkwantu tirrikjedi l-eżami minn qabel ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-kundizzjonijiet li jistabbilixxu l-istatus ta’ refuġjat.

    C – Dwar l-osservanza tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

    60.

    Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/83 u l-premessa 8 tad-Direttiva 2005/85, il-leġiżlatur tal-Unjoni ntrabat li jirrispetta d-drittijiet fundamentali fl-istabbiliment tar-regoli sostantivi u proċedurali marbuta mal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Dan tal-aħħar għalhekk ħares sabiex l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiggarantixxu lill-persuna kkonċernata d-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba, u dan isib it-twettiq tiegħu fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85, billi jgħaddilhom l-oneru ta’ ċerti obbligi proċedurali.

    61.

    Ċertament, kif rajna, l-Istati Membri ma humiex marbuta japplikaw dawn il-garanziji proċedurali għall-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, meta din it-talba taqa’ fl-ambitu ta’ proċedura amministrattiva distinta minn dik għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Dan jirriżulta mil-limiti tal-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/85. Madankollu nfakkar li jibqgħu marbuta li jiggarantixxu l-osservanza tad-dritt għal amministrazzjoni tajba tal-persuna kkonċernata inkwantu, minn naħa, l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u min-naħa l-oħra, id-dritt għal amministrazzjoni tajba mhux biss jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni iżda huwa wkoll dritt fundamentali.

    62.

    Il-portata ta’ dan id-dritt hija wiesgħa ħafna.

    63.

    Skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrikjedi li “dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli”. Skont l-Artikolu 41(2) tal-Karta, dan id-dritt “jinkludi” d-dritt li kull persuna tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament ( 39 ), id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju, kif ukoll l-obbligu għall-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Kif stqarret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha M., iċċitata iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni hija, kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, ta’ applikazzjoni ġenerali ( 40 ).

    64.

    Fil-kuntest tas-sistema ta’ ażil Ewropew komuni, id-dritt għal amministrazzjoni tajba huwa stabbilit fil-Kapitolu II tad-Direttiva 2005/85. Huwa jikkonkretizza ruħu permezz tar-rikonoxximent ta’ obbligi proċedurali imposti fuq l-awtorità amministrattiva u l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni stretta bejnha u l-applikant għal ażil. Id-dritt għal amministrazzjoni tajba għandu jippermetti għalhekk id-determinazzjoni konkreta tal-ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata. Għal dan il-għan l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2005/85 jirrikjedi mill-awtorità nazzjonali determinanti li teżamina individwalment, oġġettivament u imparzjalment, it-talba għal protezzjoni internazzjonali. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tal-imsemmija direttiva jirrikjedi, barra minn hekk, li din il-proċedura tiżvolġi malajr kemm jista’ jkun, abbażi ta’ eżami xieraq u komprensiv tal-elementi fattwali u ċirkustanzjali li fuqhom hija msejsa t-talba. Fl-aħħar nett, skont l-Artikoli 10 u 13 tad-Direttiva 2005/85, l-awtorità nazzjonali determinanti għandha tiżgura l-osservanza tad-dritt għal smigħ tal-persuna kkonċernata permezz ta’ laqgħat ippersonalizzati li matulhom din tal-aħħar għandu jkollha l-opportunità li tesponi s-sitwazzjoni personali tagħha b’mod kunfidenzjali u, jekk meħtieġ, bl-għajnuna ta’ interpretu. Għal darba oħra, it-totalità ta’ dawn l-obbligi proċedurali għandhom l-għan li jiggarantixxu lill-persuna kkonċernata l-għoti ta’ status xieraq skont il-kliem tal-Artikolu 78(1) TFUE kif ukoll l-aċċess effettiv għad-drittijiet mogħtija lilha permezz tad-Direttiva 2004/83.

    65.

    Issa, billi rrikjediet eżami minn qabel tat-talba mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, ġie kkonstatat li r-regola proċedurali inkwistjoni tissodisfa għal kollox dawn l-għanijiet.

    66.

    Madankollu, H. N. u l-Kummissjoni jisħqu li din ir-regola proċedurali ma tiggarantixxix l-imparzjalità u l-iżvolġiment ta’ malajr tal-eżami.

    67.

    Minn naħa, huma josservaw li minħabba l-effett ta’ din il-leġiżlazzjoni, l-applikant għal protezzjoni sussidjarja jħabbat wiċċu ma’ għadd ta’ stadji proċedurali li, b’mod inevitabbli, itawwlu ż-żmien diġà eċċessiv tal-proċeduri fl-Irlanda. Il-Kummissjoni tinnota, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija leġiżlazzjoni “timponi fuq l-applikant il-parteċipazzjoni tiegħu f’finzjoni ( 41 )” meta jintroduċi talba għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat jew inkella meta “[jiġi sfurzat] jgħaddi mill-formalità ta’ proċedura li hija ddestinata li tfalli ( 42 )”, li b’mod inevitabbli joħloq dewmien fl-evalwazzjoni tat-talba għal protezzjoni sussidjarja.

    68.

    Min-naħa l-oħra, H. N. u l-Kummissjoni jqisu li r-regola proċedurali ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ imparzjalità, inkwantu t-talba għal protezzjoni sussidjarja tiġi introdotta meta l-Minister for Justice, Equality and Law Reform mhux biss ikun ċaħad it-talba għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, iżda wkoll ikun wasal biex jadotta d-deċiżjoni ta’ trasferiment lejn il-fruntiera fil-konfront tiegħu. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, il-proċedura tkun “diġà orjentata li titwarrab [u l-Minister for Justice, Equality and Law Reform ikun] dispost fi ħsiebu li jiffavorixxi t-tkeċċija ( 43 )”, u dan imur kontra r-rekwiżiti ta’ ekwità u ta’ imparzjalità.

    69.

    Filwaqt li nikkondividi l-preokkupazzjonijiet għal dak li għandu x’jaqsam mat-tul tal-proċeduri għal eżami tat-talbiet għall-ażil fl-Irlanda ( 44 ), inqis madankollu li l-kriterji mqajma f’dan ir-rigward minn H. N. u mill-Kummissjoni iktar jikkonċernaw l-ekonomija tal-ġudizzju fit-totalità tagħha milli l-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Huwa minnu li din tal-aħħar iżżid stadju proċedurali, inkwantu l-awtorità nazzjonali determinanti hija marbuta teżamina t-talba għal protezzjoni internazzjonali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83 għall-finijiet ta’ kisba tal-istatus ta’ refuġjat u, eventwalment, fir-rigward ta’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva għall-finijiet tal-għoti tal-protezzjoni sussidjarja. Barra minn hekk nemmen li l-ħeffa tal-proċedura tikkontribwixxi mhux biss għaċ-ċertezza legali tal-applikant iżda wkoll għall-integrazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

    70.

    Għal din ir-raġuni, inqis li dan l-eżami jikkostitwixxi preliminari indispensabbli li ma jistax jiġi evitat mill-Istati Membri inkella jkunu qed iċaħħdu lill-persuna kkonċernata mid-drittijiet mogħtija lilha bid-Direttiva 2004/83 u li jiksru l-ispirtu li fuqu hija msejsa s-sistema ta’ ażil Ewropew komuni.

    71.

    Barra minn hekk, ma jidhirlix li dan l-eżami minn qabel huwa s-sors tad-dewmien eċċessiv fil-proċedura peress li, skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħi, id-dewmien iktar jimmaterjalizza ruħu fl-istadju tal-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja ( 45 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-imsemmi eżami minn qabel ma jwassalx għal dewmien eċċessiv fil-kuntest tal-proċeduri mibdija fl-Istati Membri l-oħra. Konsegwentement, ma nqisx li l-esklużjoni tal-eżami tat-talba mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet li jiffissaw l-istatus ta’ refuġjat hija ġustifikata għaliex jittieħed inqas żmien. Min-naħa l-oħra, hija neċessarja sabiex tiġi żgurata l-garanzija u l-kompletezza tad-drittijiet.

    72.

    Ser neżamina issa l-ħsibijiet espressi minn H. N. u mill-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-imparzjalità tal-proċedura.

    73.

    Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri żewġ aspetti, dak tal-imparzjalità suġġettiva u dak tal-imparzjalità oġġettiva. L-imparzjalità suġġettiva tirrikjedi li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata ma juri li jxaqleb lejn parti partikolari jew li għandu preġudizzju personali, fejn il-preżunzjoni ta’ imparzjalità personali tissussisti sakemm jiġi pprovat il-kuntrarju. Għal dak li jikkonċerna l-imparzjalità oġġettiva, din tirrikjedi li l-istituzzjoni toffri garanziji suffiċjenti biex teskludi, f’dan ir-rigward, kwalunkwe dubju leġittimu ( 46 ).

    74.

    Jeħtieġ li jingħad, qabel kollox, li ma jeżisti xejn fil-proċess li jista’ jqajjem kwistjonijiet dwar l-imparzjalità personali tal-Minister for Justice, Equality and Law Reform, peress li H. N. ma pproduċa l-ebda prova f’dan ir-rigward li tista’ tagħti lok għal din l-analiżi.

    75.

    Barra minn hekk, ma nikkondividix it-tħassib espress dwar l-imparzjalità oġġettiva tal-proċedura.

    76.

    Minn naħa, jeħtieġ jitfakkar li tkun xi tkun l-istruttura tal-proċedura, l-eżami tat-talba għal protezzjoni sussidjarja dejjem issir wara d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-istatus ta’ refuġjat.

    77.

    Min-naħa l-oħra, irid jingħad li meta l-Minister for Justice, Equality and Law Reform jibda jeżamina t-talba għal protezzjoni sussidjarja, dan tal-aħħar ma jkunx għadu adotta d-deċiżjoni ta’ trasferiment fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Skont l-Artikolu 3(3) tal-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni, il-Minister for Justice, Equality and Law Reform ikun biss innotifika l-intenzjoni tiegħu li jadotta tali deċiżjoni. Din in-notifika għandha sservi biex tispjega lil persuna kkonċernata li wara ċ-ċaħda tat-talba tagħha għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, din tal-aħħar ma għandhiex iktar għad-dispożizzjoni tagħha titolu leġittimu li jippermettilha tibqa’ fit-territorju, konsegwenza li wieħed jiltaqa’ magħha fl-Istati Membri kollha. Hija għandha wkoll tinformaha dwar id-drittijiet li għandha f’dan l-istadju tal-proċedura. B’mod partikolari u konformi mal-Artikolu 4(1) tar-regolament tal-2006, l-imsemmija notifika tinforma lill-persuna kkonċernata li tista’ titlob l-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja kif ukoll awtorizzazzjoni temporanja biex tibqa’ fit-territorju. Hija għalhekk għandha tinkludi nota dwar il-protezzjoni sussidjarja kif ukoll formola li tippermetti li titressaq it-talba. Minbarra l-informazzjoni personali, l-applikant jiġi mistieden jikkomunika d-dokumenti supplimentari kollha u jagħti d-dettalji tar-raġunijiet relatati speċifikament maċ-ċirkustanzi invokati insostenn tat-talba tiegħu għall-protezzjoni sussidjarja, billi jiġi ppreċiżat, b’mod partikolari, il-preġudizzju serju li jista’ jġarrab kemm-il darba jmur lura fil-pajjiż tiegħu ta’ oriġini. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa għalhekk diffiċli li wieħed jattribwixxi lill-Minister for Justice, Equality and Law Reform, “ħsibijiet li jiffavurixxi l-espulsjoni”, peress li l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja tippermetti lill-persuna kkonċernata tikseb permess ta’ residenza regolari fit-territorju.

    78.

    Fl-aħħar nett, ma nikkondividix l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li tali leġiżlazzjoni “timponi fuq l-applikant il-parteċipazzjoni tiegħu f’finzjoni” jew inkella “[tisfurzah] jgħaddi mill-formalità ta’ proċedura li hija ddestinata li tfalli”, li jippreġudika l-effikaċja tal-proċedura. Fil-fatt, wieħed ma jridx ineħħi minn quddiem għajnejh l-għan aħħari ta’ din il-proċedura. Ma aħniex fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva klassika li għandha l-għan, pereżempju li tagħti tnaqqis fiskali jew toħroġ permess għall-bini. Il-proċedura amministrattiva għandha l-għan li tagħti dritt fundamentali, jiġifieri d-dritt ta’ ażil u dan l-eżami minn qabel għandu jippermetti li tingħata deċiżjoni ta’ importanza vitali għal dak li, b’mod leġittimu, qed ifittex il-protezzjoni internazzjonali. Din ma hijiex kwistjoni għalhekk li jiġi “sfurzat” jagħti lok għal proċedura amministrattiva supplimentari, iżda pjuttost li jiġu aċċertati, fil-konfront tiegħu, l-evalwazzjoni komprensiva tat-talba tiegħu u l-garanzija tad-drittijiet l-iktar xierqa għas-sitwazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti. Lanqas għalhekk ma hija kwistjoni ta’ parteċipazzjoni f’finzjoni peress li, ikun xi jkun, kultant ikun diffiċli ħafna li jiġi ddeterminat b’ċertezza, fi stadju preliminari tal-fajl, jekk l-individwu jirriskjax, ladarba jirritorna lejn il-pajjiż tiegħu ta’ oriġini, li jiġi “[p]persegwitat”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2004/83, jew li jsofri “periklu serju”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, fejn barra minn hekk il-kontenzjuż tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa prova ċara ta’ dan.

    79.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi għalhekk, jien tal-opinjoni li r-regola proċedurali inkwistjoni, inkwantu tirrikjedi l-eżami minn qabel tat-talba għal protezzjoni internazzjonali, fid-dawl tal-kundizzjonijiet li jistabbilixxu l-istatus ta’ refuġjat, tissodisfa l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta.

    80.

    Xorta jibqa’ l-fatt li l-Irlanda tibqa’ marbuta torganizza l-proċedura tagħha b’mod li t-talbiet għal ażil jiġu eżaminati bl-iktar mod effikaċi possibbli, bl-għan tal-ħeffa segwit mid-Direttiva 2005/85. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/85, l-Istati Membri jistgħu jaċċelleraw il-proċedura ta’ eżami relatata mal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, meta l-applikant ma jistax manifestament jitqies bħala tali jew meta t-talba hija manifestament ftit konvinċenti minħabba dikjarazzjonijiet li ma tantx huma plawżibbli jew huma insuffiċjenti.

    81.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 2004/83, moqrija fid-dawl, minn naħa, tar-regoli u l-garanziji proċedurali stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva 2005/85 u min-naħa l-oħra tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix regola proċedurali nazzjonali li tissuġġetta l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja, għaċ-ċaħda minn qabel ta’ talba għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat.

    III – Konklużjoni

    82.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lis-Supreme Court:

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, moqrija fid-dawl, minn naħa, tar-regoli u l-garanziji proċedurali stabbiliti fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat, u, min-naħa l-oħra tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix regola proċedurali nazzjonali li tissuġġetta l-eżami ta’ talba għal protezzjoni sussidjarja għaċ-ċaħda minn qabel ta’ talba għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Sentenza tat- 22 ta’ Novembru 2012 (C‑277/11).

    ( 3 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013 (C‑175/11).

    ( 4 ) Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

    ( 5 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

    ( 6 ) Din il-konvenzjoni, li ġiet iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”)], daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ April 1954. Din il-konvenzjoni ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-istatus tar-refuġjati tal‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.

    ( 7 ) Il-liġi kif emendata permezz tal-Artikolu 11(1) tal-Liġi tal-1999 dwar l-immigrazzjoni (Immigration Act 1999), permezz tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal-2000 dwar l-immigrazzjoni klandestina [Illegal Immigrants (Trafficking) Act 2000], kif ukoll permezz tal-Artikolu 7 tal-Liġi tal-2003 dwar l-immigrazzjoni (Immigration Act 2003) (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar ir-refuġjati”).

    ( 8 ) Artikolu 13 tal-imsemmija liġi.

    ( 9 ) Iktar ’il quddiem ir-“regolament tal-2006”.

    ( 10 ) [2010] IESC 44.

    ( 11 ) Infakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża miġjuba quddiemu. Minn din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment fid-domandi preliminari tiegħu, inkwantu dawn ir-regoli jkunu meħtieġa għall-finijiet tal-eżami tal-kawża prinċipali [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria (C-157/10, Ġabra p. I-13023, punti 18 sa 20 u l-ġurisprudenza ċċitata)].

    ( 12 ) Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168).

    ( 13 ) Sentenza M., iċċitata iktar ’il fuq (punt 73).

    ( 14 ) Ara l-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

    ( 15 ) Ara l-punt 19 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza M., iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll is-sentenza M., iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).

    ( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 11 tad-Direttiva 2005/85 kif ukoll is-sentenza D. u A., iċċitata iktar ’il fuq (punti 62 sa 66).

    ( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2013, G. u R. (C‑383/13 PPU, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(3) TUE. Ara wkoll, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C-411/10 u C-493/10, Ġabra p. I-13905, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, punti 18 sa 21), kif ukoll G. u R., iċċitata iktar ’il fuq (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scatollon (C-108/10, Ġabra p. I-7491), kif ukoll il-punti 32 u 114 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza M., iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 19 ) Ara l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta tad-drittijiet fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), relatati mal-Artikolu 41 ta’ din tal-aħħar li “[l]-Artikolu 41 huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ l-Unjoni bħala komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt li l-karatteristiċi tiegħu kienu ġew żviluppati fil-każistika li għamlet, b’mod partikolari, l-amministrazzjoni tajba bħala prinċipju ġenerali tal-liġi (ara, inter alia, [is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Burban vs Il‑Parlament, C-255/90, Ġabra 1992, p. I-2253])”. Ara wkoll, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C-349/07, Ġabra p. I-10369, punti 33 u 38).

    ( 20 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala (C-482/10, Ġabra p. I-14139, punt 28).

    ( 21 ) Ara l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta, relatati mal-Artikolu 51(1) tagħha kif ukoll is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C-256/11, Ġabra p. I-11315, punt 72), kif ukoll M., iċċitata iktar ’il fuq (punti 82 sa 84).

    ( 22 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2004/83.

    ( 23 ) Il-korsiv miżjud minni.

    ( 24 ) Ara l-premessi 5 u 24 tad-Direttiva 2004/83.

    ( 25 ) Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat, għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, jew persuni li, għal raġunijiet oħra, għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali u dwar il-kontenut ta’ dawn l-istatus [COM(2001) 510 finali]. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    ( 26 ) Paġna 15.

    ( 27 ) Idem. Fl-opinjoni tagħha dwar “Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar standards minimi relatati mal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat, għall-kisba tal-istatus ta’ refuġjat, jew persuni li, għal raġunijiet oħra, għandhom bżonn protezzjoni internazzjonali u dwar il-kontenut ta’ dawn l-istatus” (ĠU 2002, C 221, p. 43), il-Kumitat ekonomiku u soċjali Ewropew, issolleva, barra minn hekk, ir-“regola ta’ prijorità imfakkra mill-Kummissjoni stess, jiġifieri li huwa dejjem l-istatus ta’ refuġjat li għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat fil-mument tal-eżami tat-talba, filwaqt li l-protezzjoni sussidjarja ma tistax tkun mezz kif tiddgħajef il-protezzjoni mogħtija permezz tal-istatus ta’ refuġjat” (punt 2.3.5). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    ( 28 ) Ara d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162).

    ( 29 ) Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

    “L-Istati Membri jistgħu [...] jistabbilixxu li tiġi prijoritizzata jew aċċelerata proċedura ta’ eżami konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II jekk:

    [...]

    b)

    l-applikant ma jikkwalifikax, b’mod ċar, bħala rifuġjat jew għall-istatus ta’ rifuġjat fi Stat Membru taħt id-Direttiva 2004/83/KE [...]”.

    ( 30 ) Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60), telimina d-differenzi eżistenti bejn il-livell tad-drittijiet mogħtija lir-refuġjati u lill-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja, li ma jistgħux jitqiesu iktar bħala ġġustifikati. L-emendi jikkonċernaw it-tul tal-permessi ta’ residenza u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, għall-kura tas-saħħa u għas-suq tax-xogħol.

    ( 31 ) Ara l-punt 92 ta’ din is-sentenza.

    ( 32 ) Dan il-kapitolu jagħti dettalji, b’mod partikolari, dwar il-kundizzjonijiet li taħthom il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jistgħu jiksbu l-permess ta’ residenza kif ukoll id-dokumenti għall-ivvjaġġar u jista’ jkollhom aċċess għax-xogħol, għall-edukazzjoni, għall-protezzjoni soċjali, għall-kura tas-saħħa kif ukoll għall-akkomodazzjoni.

    ( 33 ) Ara, rispettivament, l-Artikoli 24 u 25 ta’ din id-direttiva.

    ( 34 ) Ara, rispettivament, l-Artikoli 26 u 28 tad-Direttiva 2004/83.

    ( 35 ) Dan il-fenomenu jirriżulta mid-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri għal dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali. Huwa jiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-applikant għal ażil li, meta jidħol fi Stat Membru li huwa responsabbli mill-eżami tat-talba tiegħu għal protezzjoni internazzjonali, jiddeċiedi madankollu li jressaqha fi Stat Membru ieħor għaliex iktar ikun hemm possibbiltà li din it-talba tiġi aċċettata jew għax jidhirlu li l-kundizzjonijiet bħala pajjiż ospitanti jkunu iktar favorevoli.

    ( 36 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 6 u 7 tad-Direttiva 2004/83, il-premessi 3 sa 6 tad-Direttiva 2005/85, il-premessi 8 sa 10 kif ukoll 12 u 13 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9), kif ukoll il-premessa 13 tad-Direttiva 2013/32.

    ( 37 ) Id-Direttiva 2013/32 daħlet fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2013. Madankollu, kif tindika l-premessa 58 ta’ din id-direttiva, l-Irlanda ma hijiex marbuta b’din tal-aħħar, skont l-Artikoli 1, 2 u 4(a)(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattati UE u FUE.

    ( 38 ) Ara wkoll, il-premessa 22 tad-Direttiva 2013/32. Il-korsiv miżjud minni.

    ( 39 ) Sentenza M., iċċitata iktar ’il fuq (punt 82).

    ( 40 ) Ibidem (punt 84).

    ( 41 ) Punt 43 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

    ( 42 ) Punt 41 ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

    ( 43 ) Punt 42 tal-imsemmija osservazzjonijiet.

    ( 44 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 112 sa 115 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza M., iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 45 ) Fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza M., iċċitata iktar ’il fuq, ġie ddikjarat li l-eżami tat-talba tal-persuna kkonċernata għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat dam sitt xhur u nofs, u dak relatat mat-talba tagħha għal protezzjoni sussidjarja dam 21 xahar.

    ( 46 ) Ara d-digriet tal-15 ta’ Diċembru 2011, Altner vs Il‑Kummissjoni (C‑411/11 P, punt 15), kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top