Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0583

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Cruz Villalón - 28 ta' Jannar 2014.
    Sintax Trading OÜ vs Maksu- ja Tolliamet.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Riigikohus - l-Estonja.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (KE) Nru 1383/2003 - Miżuri intiżi li jwaqqfu t-tqegħid fis-suq ta’ merkanzija ffalsifikata jew pirata - Artikolu 13(1) - Kompetenza tal-awtoritajiet doganali li jikkonstataw il-ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.
    Kawża C-583/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:38

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    CRUZ VILLALÓN

    ippreżentati fit-28 ta’ Jannar 2014 ( 1 )

    Kawża C‑583/12

    Sintax Trading OÜ

    vs

    Maksu- ja Tolliameti

    [Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (l-Estonja)]

    “Azzjoni doganali kontra oġġetti suspettati li jiksru drittijiet ta’ proprjetà intellettwali — Regolament (KE) Nru 1383/2003 — Artikolu 13(1) — Awtorità kompetenti sabiex tmexxi proċedimenti intiżi għad-determinazzjoni ta’ jekk kienx hemm ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali — Kompetenza tal-awtoritajiet doganali sabiex jibdew proċedimenti sabiex jiġi determinat jekk kienx hemm ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali — Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

    1. 

    Din il-kawża tikkonċerna miżuri fil-fruntiera meħuda fl-Estonja fir-rigward ta’ merkanzija li allegatament tikser id-drittijiet ta’ disinn. Din toffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li għal darb’oħra tinterpreta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”) ( 2 ), b’mod partikolari fir-rigward tal-proċedimenti sabiex jiġi ddeterminat jekk inkisirx id-dritt ta’ proprjetà intellettwali msemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament.

    2. 

    Il-Qorti Suprema Estonjana (Riigikohus) għamlet żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-ewwel lok, tistaqsi jekk il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament jistgħux jitmexxew mill-awtoritajiet doganali stess u, fit-tieni lok, jekk l-imsemmija awtoritajiet jistgħux jibdew dawn il-proċedimenti.

    3. 

    Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ azzjoni mibdija minn Sintax Trading OÜ (iktar ’il quddiem “Sintax”) kontra l-Amministrazzjoni doganali u tat-taxxa Estonjana (Maksu-ja Tilliamet, iktar ’il quddiem il-“MTA”), li ċaħdet it-talba ta’ Sintax għar-rilaxx tal-merkanzija li hija kienet żammet minħabba li din tikser disinn industrijali rreġistrat f’isem il-kumpannija OÜ Acerra (iktar ’il quddiem “Acerra”).

    I – Il-kuntest ġuridiku

    A – Id-dritt tal-Unjoni

    4.

    Il-miżuri fil-fruntiera jikkostitwixxu element importanti mill-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament la huwa l-ewwel miżura leġiżlattiva meħuda mill-Unjoni f’dan il-qasam ( 3 ), u lanqas l-aħħar. Fil-fatt, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, dan ir-regolament ġie abrogat bir-Regolament Nru 608/2013 ( 4 ). Madankollu, fid-dawl tad-data ta’ meta ġraw il-fatti inkwistjoni, ir-Regolament japplika għal dan il-każ.

    5.

    Il-premessi 2 u 3 ta’ dan ir-regolament huma fformulati kif ġej:

    “(2)

    Il-marketing ta’ merkanzija falza u kkupjata, u ċertament l-merkanzija kollha li jksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ma tikkontemplax danni lill-manifatturi u negozjanti li jimxu mal-liġi u lid-detenturi tad-dritt, kif ukoll iqarraq u f’xi każi jipperikola s-saħħa u s-sigurezza tal-konsumaturi. Dawk l-oġġeti għandhom, sa fejn hu possibbli, ma jitħallewx jitqegħdu fis-suq u għandhom jiġu adottati miżuri biex effettivament jittrattaw din l-attività illegali mingħajr ma tiġi mfixxkla l-libertà tal-kummerċ leġittimu. Dan il-għan huwa konsistenti ma’ l-isfozi li qed isiru fil-lilvell internazzjonali.

    (3)

    Fil-każi fejn merkanzija ffalsifikata, merkanzija kkupjata u, b’mod aktar ġenerali, merkanzija li tikser id-dritt tal-proprjetà intellettwali li joriġinaw fi jew li ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi, l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju doganali tal-Komunità, inkluż it-trasbord tagħhom, ir-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità, it-tqegħid taħt proċedura sospensiva u tqegħid f’żona ħielsa jew maħżen, għandhom ikunu pprojbiti u għandha tiġi stabbilita proċedura li tkun tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jinfurzaw din il-projbizzjoni bl-aktar mod effettiv.”

    6.

    L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija tkun mqegħda f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tgħodd meta jiġi deċiż jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser taħt il-liġi nazzjonali.

    Dik il-liġi għandha ukoll tgħodd għan-notifikazzjoni minnufih tad-dipartiment doganali jew uffiċċju msemmi fl-Artikolu 9(1) li l-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 13 tkun inbdiet, kemm-il darba il-proċedura kienet inbdiet minn dak id-dipartiment jew uffiċċju.”

    7.

    Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament:

    “Jekk, fi żmien għaxart ijiem utli minn mindu tiġi riċevuta l-applikazzjoni [għ]as-sospensjoni tar-rilaxx jew id-detenzjoni l-uffiċċju doganali msemmi fl-Artikolu 9(1) ma ikunx ġie notifikat li ikunu inbdew proċedimenti biex jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali kienx inkiser taħt il-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 10 jew ma ikunx irċieva il-ftehim tad-detentur tad-dritt li hemm provvediment dwarhu fl-Artikolu 11(1) fejn japplika, ir-rilaxx tal-oġġeti għandu jingħata jew id-detenzjoni tagħhom għandha tintemm, kif xieraq, bla ħsara għat-tlestija tal-formalitajiet doganali.

    Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ għaxart ijiem utli f’każi xierqa.”

    8.

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1891/2004 ( 5 ) jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni tar-Regolament. Il-premessa 1 tiegħu tipprovdi:

    “Ir-Regolament (KE) Nru 1383/2003 introduċa regoli komuni bil-għan li jipprojbixxi d-dħul, ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, il-ħruġ, l-esportazzjoni, ir-riesportazzjoni jew id-dħul għal proċedura ta’ sospensjoni ta’ oġġetti foloz u b’kuntrabandu u l-indirizzar b’mod effettiv tal-kummerċjalizzazzjoni illegali ta’ tali oġġetti mingħajr ma tiġi mfixkla l-libertà tal-kummerċ leġittimu.”

    B – Id-dritt nazzjonali

    9.

    L-Estonian Tolliseadus (Kodiċi Doganali Estonjan, iktar ’il quddiem “TS”) fl-Artikolu 39(4) u (6) jipprovdi:

    “(4)   F’dak li jikkonċerna l-intervent tal-awtoritajiet doganali fir-rigward tal-merkanzija suspettata li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali [...] fis-sens tar-Regolament Nru 1383/2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet [...] id-detentur tad-dritt għandu jippreżenta evalwazzjoni bil-miktub abbażi ta’ eżami ta’ kampjuni f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol li jibda jgħodd mill-mument fejn ikun ġie infurmat biż-żamma tal-merkanzija. Dan ma għandu jirċievi l-ebda ħlas għall-provvista ta’ din l-evalwazzjoni. [...]

    (6)   L-awtoritajiet doganali għandhom jittrażmettu mingħajr dewmien kopja tal-evalwazzjoni tad-detentur lill-persuna kkonċernata, li għandha terminu ta’ għaxart ijiem minn meta tirċievi din il-kopja sabiex tressaq oġġezzjonijiet bil-miktub kontra din l-evalwazzjoni kif ukoll kull prova utli.”

    10.

    L-Artikolu 45(1) TS jipprovdi:

    “L-awtoritajiet doganali għandhom jikkonfiskaw il-merkanzija msemmija fl-Artikoli 53, 57 u 75 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju sabiex ibigħuhom, jeqirduhom taħt sorveljanza doganali jew iqassmuhom mingħajr ħlas skont il-proċedura ppreċiżata fl-Artikoli 97 u 98.”

    11.

    L-Artikolu 6 tal-Haldusmentluse seadus (Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, iktar ’il quddiem “HMS”) jipprovdi:

    “L-awtoritajiet doganali huma obbligati jiċċaraw iċ-ċirkustanzi li huma ta’ importanza kruċjali fil-kawża li hija s-suġġett tal-proċedimenti u li tiġbor ex officio l-provi kollha għal dan il-għan meta jkun neċessarju”.

    II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

    12.

    Acerra hija l-proprjetarja ta’ disinn industrijali ta’ flixkun Nru 01563, irreġistrat fil-15 ta’ Frar 2010 taħt l-isem “Pudel” (flixkun).

    13.

    Fis-6 ta’ Diċembru 2010 Acerra informat lil MTA li Sintax ipprovat tikkunsinna fl-Estonja prodott li jiġi fi fliexken tad-disinn irreġistrat.

    14.

    Fit-23 ta’ Diċembru 2010, l-MTA wettqet kontroll supplimentari fuq lott ta’ 63700 flixkun mibgħuta minn kumpannija Ukrajna lil Sintax. L-MTA sabet li l-fliexken kienu biżżejjed simili għad-disinn irreġistrat sabiex ikun hemm suspett ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Diċembru 2010, l-MTA żammet il-merkanzija suspetta f’maħżen tad-dwana.

    15.

    Fl-istess ġurnata l-MTA innotifikat lil Acerra u talbitha evalwazzjoni tal-merkanzija miżmuma. Fis-6 ta’ Jannar 2011, Acerra ppreżentat lill-MTA din l-evalwazzjoni, fejn sostniet li l-fliexken importati kien jiksru d-dritt tagħha ta’ proprjetà intellettwali.

    16.

    Sintax irreaġixxit b’żewġ modi. L-ewwel, fit-18 ta’ Jannar 2011 talbet lill-MTA sabiex tirrilaxxa l-merkanzija. Imbagħad, fis-7 ta’ Frar 2011, ressqet azzjoni kontra Acerra quddiem il-Harju Maakohus (qorti tal-ewwel istanza f’Harju) fejn ikkontestat il-validità tad-disinn industrijali ta’ Acerra.

    17.

    Fir-rigward tat-talba għar-rilaxx tal-merkanzija, l-MTA informat lil Sintax, b’ittra tal-11 ta’ Frar 2011, li Acerra kienet għamlet evalwazzjoni tal-fliexken introdotti fl-Estonja u kkunsidrat li dawn kienu identiċi għad-disinn irreġistrat tagħha. Skont ir-Regolament Nru 1383/2003, l-MTA ma setgħetx tirrilaxxa l-merkanzija peress li, skont din l-awtorità, kien inkiser dritt ta’ proprjetà intellettwali. L-MTA ma kinitx kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-validità ta’ dan id-dritt ta’ proprjetà intellettwali. Fl-istess ġurnata, Sintax reġgħet talbet mill-ġdid ir-rilaxx tal-merkanzija. Fis-17 ta’ Frar 2011, l-MTA reġgħet irrifjutat li tirrilaxxa l-merkanzija, għal motivi simili ( 6 ).

    18.

    Fl-10 ta’ Marzu 2011, Sintax ippreżentat rikors quddiem it-Tallinna Halduskohus (Qorti amministrattiva ta’ Tallinn) intiż għall-kisba tar-rilaxx tal-merkanzija. Fit-3 ta’ Ġunju 2011 din il-qorti ordnat lill-MTA tieħu deċiżjoni li tawtorizza r-rilaxx tal-merkanzija. L-MTA appellat quddiem it-Tallinna Ringkonnakohus (Qorti tal-Appell ta’ Tallinn), li ċaħdet l-appell permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Jannar 2012, iżda għal raġunijiet oħra. L-MTA ppreżentat appell fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

    19.

    L-azzjoni ta’ Sintax mibdija kontra l-validità tad-disinn industrijali ġiet miċħuda fil-21 ta’ Diċembru 2011, meta l-proċedura msemmija fil-punt preċedenti kienet għadha għaddejja. Din is-sentenza saret definittiva u r-reġistrazzjoni tad-disinn hija valida.

    III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    20.

    Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Diċembru 2012, ir-Riigikohus issospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet ta’ deċiżjoni preliminari:

    1.

    “Jis[t]għu l-‘proċedimenti biex jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali kienx inkiser’ imsemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1383/2003 isiru wkoll fl-uffiċċju doganali jew ‘l-awtorità kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-każ’, koperta fil-Kapitolu III tar-Regolament, għandha tkun distinta mill-awtoritajiet doganali?

    2.

    Il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1383/2003 issemmi bħala għan tar-Regolament il-protezzjoni tal-konsumaturi, u skont il-premessa 3 għandha tiġi introdotta proċedura xierqa sabiex tippermetti lill-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li jinfurzaw bil-mod l-iktar effettiv il-projbizzjoni ta’ introduzzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanzija li tikser dritt għal proprjetà intellettwali, mingħajr ma tostakola l-libertà tal-kummerċ leġittimu msemmija fil-premessa 2 ta’ dan ir-regolament u fil-premessa 1 tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 1891/2004.

    Ikun kompatibbli ma’ dawn l-għanijiet jekk il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1383/2003 jistgħu jiġu biss applikati fil-każ li d-detentur tad-dritt jibda l-proċedimenti sabiex jiġi stabbilit jekk inkisirx dritt ta’ proprjetà intellettwali, proċedimenti msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament, jew inkella, sabiex jintlaħqu bl-aħjar mod dawn l-għanijiet, l-awtoritajiet doganali għandhom ikollhom is-setgħa li jibdew il-proċeduri xierqa?”

    21.

    Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma ntalbet li ssir l-ebda seduta u l-ebda waħda ma saret.

    IV – Evalwazzjoni

    22.

    Id-domandi mibgħuta mill-qorti tar-rinviju jistgħu jinftiehmu biss fil-kuntest tas-sistema ta’ miżuri fil-fruntiera stabbiliti mir-Regolament kif ukoll tal-mod kif il-qrati Estonjani interpretaw il-fatt fir-rigward ta’ din is-sistema. Konsegwentement, se niddiskuti ż-żewġ punti suċċessivament, qabel ma ngħaddi għad-domandi nfushom.

    A – Is-suġġett tal-kawża u s-sistema stabbilita mir-Regolament

    23.

    Sabiex jiġu protetti d-detenturi ta’ drittijiet u n-negozjanti li josservaw il-liġijiet, kif ukoll il-konsumaturi ( 7 ), ir-Regolament jistabbilixxi, qabel xejn, sistema ta’ intervent tal-awtoritajiet doganali fir-rigward ta’ merkanzija suspetta li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali ( 8 ) iżda wkoll ċertu numri ta’ miżuri kontra oġġetti misjuba li jiksru dawn id-drittijiet.

    24.

    Fir-rigward ta’ merkanzija ( 9 ) suspetta li tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-miżuri fil-fruntiera jistgħu, fil-prinċipju, jittieħdu fuq applikazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ( 10 ) u huma mogħtija mill-awtoritajiet doganali ( 11 ). Dawn tal-aħħar jissospendu r-rilaxx jew ikomplu jżommu l-merkanzija suspetta li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert mid-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni, jekk ikun hemm bżonn wara konsultazzjoni ta’ min jagħmel l-applikazzjoni ( 12 ). Jekk ma tkun saret jew intlaqet l-ebda applikazzjoni, iżda l-awtoritajiet doganali jkollhom motivi biżżejjed sabiex jissuspettaw li tkun merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali, dawn għandhom ex officio jissospendu r-rilaxx jew iżommu l-merkanzija matul terminu ta’ tlett ijiem ta’ xogħol, sabiex id-detentur ikollu l-opportunità li jagħmel applikazzjoni ( 13 ).

    25.

    Madankollu, dawn il-miżuri huma ta’ natura temporanja. Mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament jirriżulta li, jekk, f’terminu ta’ għaxart ijiem ta’ xogħol mid-data tan-notifika tas-suspensjoni tar-rilaxx jew taż-żamma, l-awtoritajiet doganali ma jkunux ġew informati li tkun inbdiet proċedura intiża għad-determinazzjoni ta’ jekk kienx hemm jew le ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali fid-dawl tad-dritt nazzjonali ( 14 ) għandu jingħata ir-rilaxx jew għandha tiġi rtirata l-miżura ta’ żamma. Il-merkanzija li tiġi rikonoxxuta li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali hija suġġetta għall-miżuri elenkati fil-Kapitolu IV tar-Regolament, li fosthom hemm il-qirda tal-merkanzija ( 15 ).

    26.

    Ladarba l-merkanzija tiġi rikonoxxuta bħala merkanzija li tikser dritt tal-proprjetà intellettwali, il-miżuri msemmija fil-Kapitolu IV tar-Regolament japplikaw: il-merkanzija ma tistax titħalla tidħol fuq it-territorju doganali tal-Unjoni jew tkun suġġett ta’ waħda mill-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16 u l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-miżuri fl-Artikolu 17, inkluż il-qirda tal-merkanzija.

    27.

    Mill-fatt ma jidhirx ċar jekk il-proċedura prevista fir-Regolament ġietx segwita, b’mod partikolari jekk id-detentur ressaqx applikazzjoni għal intervent mill-awtoritajiet doganali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt.

    B – L-interpretazzjoni tal-fatti inkwistjoni mill-qrati nazzjonali fid-dawl tas-sistema stabbilita mir-Regolament ( 16 )

    28.

    Fil-kuntest tar-rikors li hija ppreżentat quddiem il-qorti amministrattiva ta’ Tallinn kontra ż-żamma tal-merkanzija, Sintax sostniet b’mod partikolari li l-proċedura intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, prevista fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament, ma kinitx inbdiet fit-terminu stabbilit għal dan il-għan. L-MTA, min-naħa tagħha, sostniet li kien ġie stabbilit li l-merkanzija kienet tikser dritt tal-proprjetà intellettwali.

    29.

    Il-qorti amministrattiva ta’ Tallinn iddeċidiet li n-notifika mibgħuta mill-MTA lil Acerra setgħet tiġi kkunsidrata bħala l-ewwel att ta’ MTA fi proċedura amministrattiva intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, li tista’ tinbeda taħt l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament. Għalhekk, jidher li din il-qorti qieset li l-MTA kienet bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament fis-27 ta’ Diċembru 2010. Madankollu, l-qorti amministrattiva kkunsidrat li l-MTA ma kienet ħadet l-ebda deċiżjoni sussegwentement. Din il-qorti ddeċidiet favur Sintax, minħabba li l-MTA ma kienet ħadet l-ebda deċiżjoni u fid-dawl tal-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 14 tar-Regolament.

    30.

    L-MTA appellat din id-deċiżjoni, billi sostniet li ma kinitx f’miżura li tadotta deċiżjoni dwar il-ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, peress li Sintax kienet qegħda tikkontesta l-validità ta’ dan id-dritt u li l-Artikolu 14 tar-Regolament ma kienx applikabbli mingħajr l-għoti ta’ garanzija.

    31.

    Il-qorti tal-appell ta’ Tallinn ikkonfermat id-deċiżjoni tal-qorti amministrattiva, minkejja li għal raġunijiet differenti. Skont l-interpretazzjoni tal-fatti li pprovdiet il-qorti tal-appell, il-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament ma kinitx inbdiet, peress li ma humiex l-awtoritajiet doganali, iżda qorti ċivili, li għandha tiddetermina jekk kienx hemm ksur jew le ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

    32.

    L-MTA appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza billi sostniet li l-kwistjoni tal-kompetenza tal-awtoritajiet doganali sabiex jiddeċiedu jekk kienx hemm ksur jew le kienet tqajmet għall-ewwel darba u li l-awtoritajiet doganali għandhom effettivament din il-kompetenza.

    33.

    Fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-qorti suprema Estonjana tiddikjara li huwa “fil-prinċipju possibbli” li d-dritt Estonjan ( 17 ) jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali għandhom il-kompetenza sabiex jiddeċiedu jekk il-merkanzija inkwistjoni hijiex pirata ( 18 ). Il-qorti tar-rinviju madankollu għandha d-dubji tagħha dwar jekk din l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u tikkunsidra li huwa neċessarju li tingħata risposta għaż-żewġ domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat il-kontenut tal-eventwali inġunzjoni li għandha tingħata lill-MTA.

    C – Id-domandi preliminari

    34.

    Kif diġà indikajt, il-Qorti Suprema Estonjana tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar żewġ punti: dak dwar jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux huma stess imexxu l-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (l-ewwel domanda) u dak jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux ukoll jibdew il-proċedimenti relevanti (it-tieni domanda).

    1. Fuq l-ewwel domanda

    35.

    Permezz tal-ewwel domanda l-Qorti Suprema Estonjana tistaqsi jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux huma stess imexxu l-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament. Madankollu, qabel ma nanalizza din id-dispożizzjoni, se nfakkar fil-qosor il-pożizzjonijiet tal-partijiet u tal-qorti tar-rinviju.

    a) Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

    36.

    Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-punt jekk ir-Regolament jippermettix lill-awtoritajiet doganali li jmexxu huma stess il-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament. It-Titolu tal-Kapitolu III tar-Regolament isemmi l-“awtortiajiet doganali u [...] l-awtorità kompetenti biex tiddeċiedi” u għalhekk jidher li jiddistingwi b’mod ċar bejniethom. Madankollu, hija tqis li l-ġurisprudenza dwar dan il-punt ma tippermettix li jiġi deċiż dan il-punt.

    37.

    Skont l-intervenjenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fl-affermattiv.

    38.

    Skont ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Regolament sempliċement jarmonizza l-miżuri fil-fruntiera. Mit-tmien premessa u mill-Artikolu 10 tar-Regolament jirriżulta b’mod ċar li l-proċedimenti intiżi għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 13(1) taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, u li, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw l-awtorità kompetenti. L-Estonja tqis li din it-teżi hija kkonfermata mill-Artikoli 49 u 55 tal-Ftehim TRIPS, fejn l-ewwel wieħed isemmi speċifikament il-proċedimenti amministrattivi. Skont din, it-titolu tal-Kapitolu III jindika biss li l-awtoritajiet imsemmija jistgħu jkunu differenti, iżda li mhux bilfors iridu jkunu differenti. Barra minn hekk, mill-Artikolu 10 tar-Regolament jirriżulta li l-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) jistgħu jinbdew minn dipartiment doganali u, peress li huwa rari li awtorità amministrattiva tibda proċeduri f’qorti sabiex tipproteġi l-interessi ta’ persuna privata, l-Artikolu 10 jeżiġi impliċitament li jkunu jeżistu proċedimenti amministrattivi. Proċedimenti amministrattivi jikkontribwixxu wkoll għat-twettiq tal-għanijiet tar-Regolament u, b’mod iktar preċiż, għall-protezzjoni kontra l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Hija tikkunsidra li l-pożizzjoni tagħha hija kkonfermata mill-ġurisprudenza.

    39.

    Ir-Repubblika Ċeka taqbel, essenzjalment, mal-argument tal-Estonja. Hija żżid li interpretazzjoni kuntrarja tkun possibbli biss jekk distinzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi fil-kuntest tal-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament ikollha għan dikjarat mill-imsemmi Regolament.

    40.

    Skont il-Kummissjoni, il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament huma proċedimenti li l-dritt nazzjonali jipprovdi sabiex jiġi ddeterminat, essenzjalment, jekk kienx hemm jew le ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Għandha ssir distinzjoni bejn dawn il-proċedimenti u l-proċedura li tirregola ż-żamma tal-merkanzija (azzjoni doganali). Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikoli 41 sa 49 tal-Ftehim TRIPS jipprovdu l-kundizzjonijiet għall-proċedura dwar il-mertu, iżda huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu, b’mod partikolari, jekk l-awtorità kompetenti għandhiex tkun ta’ natura amministrattiva jew ġudizzjarja, minkejja li d-deċiżjonijiet amministrattivi għandhom ikunu suġġetti għal appell skont l-Artikolu 41(4).

    b) Fuq il-punt dwar jekk l-awtoritajiet doganali jistgħux ikunu l-“awtorità kompetenti biex tiddeċiedi” fis-sens tal-Kapitolu III tar-Regolament

    41.

    Ma jistax jiġi kkontestat li awtorità amministrattiva tista’ wkoll tkun l-awtorità kompetenti sabiex tiddetermina jekk kienx hemm ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali skont id-dritt nazzjonali, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat meta semmiet “l-awtorità ġudizzjarja jew oħra, kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-mertu” dwar ksur ( 19 ). Il-formulazzjoni newtrali tar-Regolament stess, li tgħid “l-awtorità kompetenti biex tiddeċiedi” fit-titolu tal-Kapitolu III u li ma jippreċiżax fejn il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 13(1) għandhom jitmexxew, tikkonferma li dan l-att ġie redatt b’mod li jħalli lill-Istati Membri jiddeterminaw l-awtorità kompetenti ( 20 ).

    42.

    Issa, il-fatt li r-Regolament ma jeskludix li l-proċedura prevista fl-Artikolu 13(1) tista’ titmexxa minn awtorità amministrattiva, flimkien mal-fatt li l-awtoritajiet doganali huma bla ebda dubju awtoritajiet amministrattivi, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-awtoritajiet doganali jista’ jkollhom il-kompetenza sabiex imexxu l-proċedimenti relevanti.

    43.

    Fil-fatt, ċerti ċirkustanzi jitolbu attenzjoni partikolari qabel ma tinġibed din il-konklużjoni. Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li t-titolu tal-Kapitolu III jpoġġi ħdejn xulxin l-“awtoritajiet doganali” u l-“awtorità kompetenti biex tiddeċiedi”, jiġifieri l-awtorità li tiddetermina jekk kienx hemm ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, u jidher għalhekk li jagħmel distinzjoni bejn dawn l-awtoritajiet.

    44.

    Barra minn hekk, il-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament, li ser nerġa’ nirreferi għaliha iktar ’il quddiem fil-kuntest tat-tieni deċiżjoni, turi li din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li l-awtorità li tiddetermina jekk kienx hemm ksur jew le ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, u d-dipartiment jew l-uffiċċju doganali, li seta’ beda l-proċedimenti, huma entitajiet differenti ( 21 ).

    45.

    Il-kwistjoni issa hi jekk, f’dawn il-kundizzjonijiet u kif jidher li qed tindika l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tikkonstata li r-Regolament ma jipprekludix l-awtoritajiet milli jkunu kompetenti sabiex jiddeterminaw jekk kienx hemm ksur.

    46.

    Fil-fatt, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu liema awtorità hija kompetenti u sabiex tiddefinixxi d-dettalji tal-proċedimenti għad-determinazzjoni ta’ jekk kienx hemm jew le ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali. Madankollu, hija tosserva li d-dritt nazzjonali jrid ikun jipprovdi b’mod ċar liema awtorità hija kompetenti fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti. Hija tinsisti wkoll fuq il-fatt li l-proċedimenti dwar il-mertu tal-ksur ma jistgħux ikunu l-istess bħal dawk intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk għandux jingħata r-rilaxx u jekk il-merkanzija għandhiex tiġi miżmuma jew le meta jkun hemm suspett li din tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali. Madankollu għad irid jiġi evalwat jekk dawn il-garanziji humiex suffiċjenti.

    47.

    Ma naħsibx li dan huwa l-każ.

    48.

    Il-fatt li, skont id-dritt nazzjonali, awtorità amministrattiva għandha l-fakultà li tiddetermina jekk kienx hemm ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali fil-kuntest tal-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament ma jaffettwa la n-natura u lanqas il-kontenut tad-deċiżjoni li din l-awtorità għandha tieħu. Fil-kuntest ta’ tali proċedimenti, huwa ċar li l-awtorità amministrattiva tkun qegħda tiddeċiedi dwar id-drittijiet u interessi leġittimi ta’ individwi, jiġifieri, skont it-terminoloġija użata mir-Regolament, “id-dikjarant, id-detentur jew il-proprjetarju tal-merkanzija” ( 22 ). F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat, għal darb’oħra, li din id-deċiżjoni għandha l-konsegwenza li l-merkanzija tista’ tiġi suġġetta għall-miżuri previsti fil-Kapitolu IV tar-Regolament.

    49.

    Fil-kawża Sopropé, li kienet dwar deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali dwar id-dazji tad-dwana, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, “id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw l-interessi tagħhom b’mod notevoli għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jressqu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha” ( 23 ). Din l-analiżi evidentement għandha tapplika mutatis mutandis wara d-dħul fis-seħħ tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) flimkien mat-Trattat ta’ Lisbona ( 24 ).

    50.

    Ma hemm l-ebda dubju li l-istruttura tal-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament taqa’, b’mod ġenerali, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tagħhom ( 25 ), kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri f’dan ir-rigward “jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 26 ).

    51.

    Wara li dan ġie stabbilit, l-analiżi meħtieġa teħtieġ li jiġi determinat b’liema mod u, iktar speċifikament, f’liema dispożizzjonijiet, fil-kuntest post-Lisbona, jistgħu jinsabu l-garanziji proċedurali msemmija li huma protetti, fl-istess ħin, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

    52.

    Fl-opinjoni tiegħi, u dan huwa l-punt li jħassibni l-iktar, in-natura tal-funzjoni eżerċitata hija ikbar minn dik tal-awtorità pubblika li teżerċitaha. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li huwa bbażat fuqu l-Artikolu 47(2) tal-Karta ( 27 ), jikkonċerna, ġeneralment, il-proċeduri quddiem “qorti” u mhux il-proċedimenti amministrattivi ( 28 ). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-fatti tal-kawża huma partikolari. F’dan il-każ, awtorità amministrattiva li teżerċita funzjoni fejn l-istruttura u l-modalitajiet jidher li jikkorrispondu għal dawk ta’ organu ġudizzjarju. Huwa f’dan is-sens li għandhom jinftiehmu l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Philips meta nsostni li l-awtorità kompetenti hija “normalment” awtorità ġudizzjarja ( 29 ). F’din il-perspettiva, għandu jiġi kkonstatat li l-garanziji proċedurali msemmija iktar ’il fuq jinsabu fl-Artikolu 47 tal-Karta.

    53.

    Il-mod kif il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem interpretat l-Artikolu 6(1) KEDB jikkorrabora l-argument tiegħi. Skont din, il-kunċett ta’ “deċiżjoni tad-drittijiet ċivili” li jinsab fl-Artikolu 6(1) KEDB jinkludi l-kawżi dwar l-eżistenza u l-ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, tkun xi tkun in-natura tal-organu responsabbli għall-eżami tagħhom skont id-dritt nazzjonali ( 30 ). L-Artikolu 6 KEDB għalhekk jista’ jiġi invokat meta, bħal fil-każ inkwistjoni, tali kawża jkollha tiġi deċiża u li r-riżultat ta’ din il-kawża huwa determinanti għad-drittijiet inkwistjoni. Madankollu, f’każ bħal dan, l-Istati Membri ma għandhomx jissottomettu l-kawża quddiem qorti li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 6 KEDB fil-passi kollha tal-proċedimenti. “Obbligi ta’ flessibbiltà u ta’ effiċjenza [...] jistgħu jiġġustifikaw l-intervent preliminari tal-organi amministrattivi [...] li ma jkunux jissodisfaw dawn l-aspetti kollha minn kull perspettiva” ( 31 ). Dan ifisser li, bħala regola, il-kundizzjonijiet sostantivi previsti fl-Artikolu 6 KEDB japplikaw ukoll għal dawn il-proċedimenti amministrattivi, minkejja li mhux b’mod daqshekk strett. Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw għall-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta.

    54.

    Abbażi tal-analiżi li tippreċedi, ma huwiex diffiċli li jiġu identifikati l-garanziji proċedurali li għandhom jakkompanjaw il-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament.

    55.

    Għalhekk, kif indikat il-Kummissjoni, id-dritt nazzjonali għandu jikkonferixxi espressament lill-awtoritajiet doganali l-kompetenza sabiex jieħdu deċiżjonijiet relevanti. Ma hemmx għalfejn jingħad li, sabiex tiġi ddeterminata l-kompetenza tal-awtoritajiet doganali, ma huwiex biżżejjed li din tkun ibbażata fuq dak li jistgħu jissejħu l-kompetenzi “normali”. Bl-istess mod, l-awtoritajiet doganali li jistgħu jieħdu dawn id-deċiżjonijiet għandhom jaġixxu b’mod li jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom. Barra minn hekk, l-osservanza tad-drittijiet ta’ difiża teħtieġ li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikanti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jesprimu b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom fir-rigward tal-elementi li fuqhom l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni tibbaża d-deċiżjoni tagħha ( 32 ). Il-persuni kkonċernati għandhom għalhekk jibbenefikaw mid-dritt li jinstemgħu. Fuq kollox, huwa ċar li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet doganali għandha tkun tista’ tiġi appellata.

    56.

    Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix li l-Istati Membri jagħtu l-fakultà lill-awtoritajiet doganali li jmexxu l-proċedimenti msemmija minn din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjonijiet li din is-setgħa tkun speċifikament prevista mil-liġi nazzjonali, li l-awtoritajiet doganali jaġixxu b’mod li jiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, li d-dritt għal smigħ jiġi osservat u li jkun possibbli li jsir appell.

    2. It-tieni domanda

    57.

    Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Istati Membri jistgħux jipprovdu li l-awtoritajiet doganali jistgħu jiftħu l-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament.

    58.

    Il-partijiet intervenjenti kollha jsostnu li dan huwa l-każ. Huma jenfasizzaw li l-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament huma rregolati mid-dritt nazzjonali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10. L-Estonja u r-Repubblika Ċeka josservaw li l-Artikolu 14(2) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 jipprovdu li l-proċedura tista’ tinbeda minn persuna li ma tkunx id-detentur tad-dritt u, fil-fatt, mill-awtoritajiet doganali stess u li din l-interpretazzjoni hija kompatibbli mal-għan intiż mir-Regolament, jiġifieri l-ġlieda kontra l-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-merkanzija li tikser dawn id-drittijiet.

    59.

    Mill-qari tal-fatti ma jidhirx ċar jekk l-awtoritajiet nazzjonali bdewx jew le il-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan il-punt.

    60.

    Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Regolament jagħti rwol essenzjali lid-detentur tad-dritt: huwa dan tal-aħħar li għandu jressaq l-applikazzjoni għal azzjoni doganali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament u l-awtoritajiet doganali jistgħu jintervjenu ex officio skont l-Artikolu 4(1) biss, “sabiex id-detentur tad-dritt ikun jista’ jibgħat applikazzjoni għall-azzjoni skond l-Artikolu 5”. F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “il-kundanna definittiva ta’ tali prattiċi mill-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex tiddeċiedi l-mertu tal-kawża jippreżupponi li l-każ kien ġie mressaq quddiemha mid-detentur tad-dritt. Kieku l-każ ma kienx tressaq mid-detentur tad-dritt, il-miżura ta’ sospensjoni tar-rilaxx jew taż-żamma tal-merkanzija kienet fi ftit żmien issir mingħajr effett [...]” ( 33 ). Minkejja li din l-affermazzjoni tirreferi għar-Regolament Nru 3295/94, din tapplika wkoll għar-Regolament fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti f’dan il-każ.

    61.

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li telenka l-każijiet kollha fejn huwa possibbli li jinbdew il-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament, iżda li ssemmi, f’dan ir-rigward, l-ipoteżi l-iktar komuni.

    62.

    Fil-fatt, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament jirreferi espliċitament għal sitwazzjonijiet “[f]ejn il-proċeduri biex jiġi stabbilit jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser taħt il-liġi nazzjonali tkun inbdiet ħlief bl-inizjattiva tad-detentur ta’ dritt ta’ disinn”. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 jipprovdi li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat “[jgħoddu] għan-notifikazzjoni minnufih tad-dipartiment doganali jew uffiċċju msemmi fl-Artikolu 9(1) li l-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 13 tkun inbdiet, kemm-il darba il-proċedura kienet inbdiet minn dak id-dipartiment jew uffiċċju”. Din id-dispożizzjoni titlaq mill-prinċipju li l-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13 jistgħu jinbdew mid-dipartiment jew uffiċċju doganali msemmija fl-Artikolu 9(1). Dan huwa biżżejjed sabiex tingħata deċiżjoni. Ma huwiex neċessarju li jiġi determinat, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, sa fejn il-ftuħ tal-proċedimenti previsti fl-Artikolu 13(1) mill-awtoritajiet doganali huwa neċessarju jew utli għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

    63.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, li ċertament ma tantx huma ċari, huwa importanti li jitfakkar għal darb’oħra li skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament l-awtoritajiet doganali għandhom jirrilaxxaw il-merkanzija jew ineħħu l-miżura ta’ żamma jekk il-kundizzjonijiet previsti f’dan is-sens ikunu ssodisfatti. Dan l-obbligu jirriżulta mill-isforz tar-Regolament li ma jfixkilx il-libertà ta’ kummerċ leġittimu filwaqt li jrażżan it-tqegħid fis-suq ta’ merkanzija li tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, stabbiliti fit-tieni premessa tar-Regolament. B’hekk, jekk id-detentur tad-drittijiet jonqos milli jibda l-proċedimenti fit-terminu stabbilit, il-proċedimenti jkunu jistgħu jinfetħu biss mill-awtoritajiet doganali, bl-effett li jiġi mwaqqaf ir-rilaxx tal-merkanzija, bil-kundizzjoni li l-imsemmija awtoritajiet jkunu formalment ħadu d-deċiżjoni li jibdew il-proċedimenti. B’mod partikolari, ma huwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-detentur jikkunsidra li l-importazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni tikser id-drittijiet tiegħu ta’ proprjetà intellettwali sabiex jiġi rrifjutat ir-rilaxx tal-merkanzija. Evidentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa ċ-ċirkustanzi tal-każ.

    64.

    Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda tkun fis-sens li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix li l-Istati Membri jipprovdu li l-awtoritajiet doganali jistgħu wkoll jiftħu formalment il-proċedimenti msemmija f’din id-dispożizzjoni.

    V – Konklużjoni

    65.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mir-Riigikohus kif ġej:

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinstab li tkun kisret dawk id-drittijiet għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix li l-Istati Membri jagħtu l-fakultà lill-awtoritajiet doganali li jmexxu l-proċedimenti msemmija minn din id-dispożizzjoni, bil-kundizzjonijiet li din is-setgħa tkun speċifikament prevista mil-liġi nazzjonali, li l-awtoritajiet doganali jaġixxu b’mod li jiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, li d-dritt għal smigħ jiġi osservat u li jkun possibbli li jsir appell.

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1383/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeskludix li l-Istati Membri jipprovdu li l-awtoritajiet doganali jistgħu wkoll jiftħu formalment il-proċedimenti msemmija f’din id-dispożizzjoni.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinstab li tkun kisret dawk id-drittijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 469). Ir-Regolament ġie interpretat fis-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2009, Schenker, C-93/08, Ġabra p. I-903, tat-2 ta’ Lulju 2009, Zino Davidoff, C-302/08, Ġabra p. I-5671, u tal-1 ta’ Diċembru 2011, Philips, C-446/09 u C-495/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra. Il-leġiżlazzjoni preċedenti kienet is-suġġett ta’ ġurisprudenza usa’.

    ( 3 ) Huwa abroga (Artikolu 24) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi miżuri li jipprojbixxu ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid jew dħul għal proċedura sospensiva ta’ oġġetti falsifikati jew pirati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 5, p. 318), li min-naħa tiegħu abroga (Artikolu 16) ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2842/86, tal-1 ta’ Diċembru 1986, li jistabbilixxi miżuri intiżi għall-projbizzjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera tal-merkanzija falsifikata (ĠU L 357, p. 1).

    ( 4 ) Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2013, dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 ĠU L 181, p. 15. Ara l-Artikolu 38.

    ( 5 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1891/2004, tal-21 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija [merkanziji] suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjeta intelletwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanziji li jinsab li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU L 328, 30.10.2004, p. 16)

    ( 6 ) Skont ir-Repubblika tal-Estonja, l-MTA ddeċidiet, fid-dawl tal-proċeduri għaddejjin fir-rigward tal-validità tad-disinn, li ma tadottax deċiżjoni amministrattiva dwar jekk kienx hemm ksur tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament peress li tali deċiżjoni twassal essenzjalment għas-sekwestru u għal-qirda tal-merkanzija.

    ( 7 ) It-tieni premessa tar-Regolament.

    ( 8 ) Dan it-terminu huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament.

    ( 9 ) Il-merkanzija trid tkun suġġetta għal skema doganali relevanti. Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament.

    ( 10 ) Artikoli 5 u 6 tar-Regolament.

    ( 11 ) L-Artikolu 8 tar-Regolament. Ir-Regolament juża termini differenti għad-diversi awtoritajiet msemmija. L-awtorità li tirċievi u tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni hija “dipartiment doganali” (Artikoli 5(1) u 5(2)), filwaqt li l-awtorità li tirċievi l-applikazzjoni milqugħa u li taġixxi fuqha hija msejħa “uffiċċju doganali” (Artikolu 9(1)). “Awtoritajiet doganali” hija użata (pereżempju fl-Artikolu 1(1)) bħala t-terminu ġeneriku li jirreferi għal xi awtorità partikolari fl-organizzazzjoni tad-dwana. Jien ser nuża dan it-terminu iktar ’il quddiem.

    ( 12 ) Artikolu 9(1) tar-Regolament.

    ( 13 ) Artikolu 4 tar-Regolament.

    ( 14 ) Inkella, skont il-każ, l-imsejħa proċedura simplifikata stabbilita fl-Artikolu 11(1) tista’ tiġi użata. Ara wkoll is-sentenza Schenker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26.

    ( 15 ) Artikolu 17 tar-Regolament.

    ( 16 ) Id-deskrizzjoni hija bbażata fuq id-digriet tar-rinviju.

    ( 17 ) Artikoli 39(4), (6), 45(1) TS, Artikoli 6, 38 u 39 HMS moqrija flimkien mal-Artikolu 1(4) TS.

    ( 18 ) Skont ir-Repubblika tal-Estonja, id-detentur jista’ wkoll jibda proċeduri f’qorti ċivili, iżda l-proċedimenti amministrattivi jikkostitwixxu soluzzjoni alternattiva.

    ( 19 ) Sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69. Fil-punt 96 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt f’din il-kawża (“ma huwiex kompitu tal-awtoritajiet tad-dwana li jiddeċiedu definittivament jekk kienx hemm ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali”), ġbidt l-attenzjoni fuq id-differenza bejn il-proċedimenti applikabbli għall-merkanzija suspetta li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali u dawk applikabbli għall-merkanzija rikonoxxuta bħala merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali. Din id-dikjarazzjoni ma għandha fl-ebda każ tinqara fis-sens li teskludi l-possibbiltà li hija s-suġġett tal-analiżi preżenti.

    ( 20 ) Vrins, O. u Schneider, M., Enforcement of Intellectual Property Rights through Border Measures, Oxford:OUP (it-tieni edizzjoni. 2012), 5.495

    ( 21 ) Il-verżjonijiet Ġermaniża u Daniża tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament jidhru li jimplikaw li l-awtoritajiet doganali jistgħu jmexxu l-proċedimenti (“sofern dieses nicht von dieser Dienststelle oder Zollstelle durchgeführt wird”; “medmindre denne gennemføres af nævnte afdeling eller toldsted”). Il-verżjonijiet Ingliża, Olandiża u Taljana jagħmluha ċara, madankollu, li d-dispożizzjoni tirreferi għal dawn l-awtoritajiet jibdew il-proċedimenti (“unless the procedure was initiated by that department or office”, “tenzij dat kantoor of die dienst de procedure zelf heeft ingeleid”, “à moins que celle-ci n’ait été engage par ce service ou ce bureau”, “sempre che la medesima non sia stata avviata da tale servizio o ufficio doganale”).

    ( 22 ) Artikolu 11(1) tar-Regolament.

    ( 23 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé, C-349/07, Ġabra p. I-10369, punti 36 u 37.

    ( 24 ) Iktar reċentement, dan il-prinċipju ġenerali ġie applikat fis-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou, C‑276/12, li għadha ma ġietx applikata fil-Ġabra, fil-punt 38. Madankollu, din il-kawża kienet taqa’ fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet tat-taxxa.

    ( 25 ) Dwar il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, ara s-sentenza tal-11 ta’ Frar 1971, Norddeutsches Vieh- und Fleischkontor, 39/70, Ġabra p. 49, punt 4.

    ( 26 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C‑617/10, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 19; konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Sabou, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 sa 46.

    ( 27 ) Spjegazzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    ( 28 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott ippreżentati fil-kawża Sabou, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54; Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Mantovanelli vs Franza tat-18 ta’ Marzu 1997, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 1997‑II, paragrafu 33.

    ( 29 ) Konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41.

    ( 30 ) Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Kristiansen u Tyvik AS vs Norvège tat-2 ta’ Mejju 2013, Rikors Nru 25498/08, paragrafu 51; Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Vrábel u Ďurica vs Ir-Repubblika Ċeka tat-13 ta’ Settembru 2005, Rikors Nru 65291/01, paragrafu 5 u paragrafi 38 sa 40; ara wkoll Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza König vs Il-Ġermanja tat-28 ta’ Ġunju 1978, serje A Nru 27, paragrafu 88.

    ( 31 ) Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Le Compte, Van Leuven u De Meyere vs Il-Belġju tat-23 ta’ Ġunju 1981, serje A Nru 43, paragrafu 51; Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Janosevic vs L-Isvezja tat-23 ta’ Lulju 2002, Ġabra tas-sentenzi u deċiżjonijiet 2002-VII, paragrafu 81.

    ( 32 ) Sentenza Sopropé, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37.

    ( 33 ) Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Adidas, C-223/98, Ġabra p. I-7081, punt 26.

    Top