Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0426

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 22 ta' Mejju 2014.
    X vs Voorzitter van het managementteam van het onderdeel Belastingdienst/Z van de rijksbelastingdienst.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Gerechtshof 's-Hertogenbosch - il-Pajjizi l-Baxxi.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 2003/96/KE- Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku - Artikolu 2(4)(b) -Prodotti ta’ enerġija b’użu doppju - Kunċett.
    Kawża C-426/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:446

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SHARPSTON

    ippreżentati fi 22 ta’ Mejju 2014 ( 1 )

    Kawża C‑426/12

    X

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof ‘s‑Hertogenbosch (il‑Pajjiżi l-Baxxi)]

    “Id-Direttiva 2003/96/KE — Qafas Komunitarju dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku — Prodotti ta’ enerġija b’użu doppju”

    1. 

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE ( 2 ) introduċiet sistema li timponi livelli minimi armonizzati ta’ tassazzjoni fuq il-prodotti kollha tal-enerġija u tal-elettriku ( 3 ). Ċerti prodotti tal-enerġija, inklużi dawk ikklassifikati bħala li għandhom użu doppju, huma espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof ‘s-Hertogenbosch (Il-Qorti Reġjonali tal-Appell, ‘s-Hertogenbosch (Il-Pajjiżi l-Baxxi)), il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti gwida dwar it-tifsira tat-terminu ‘użu doppju’ għall-iskopijiet ta’ dik id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk il-leġiżlaturi nazzjonali humiex marbutin b’kunċett tal-UE dwar x’jikkostitwixxi użu doppju jekk jagħżlu li jintroduċu miżuri nazzjonali sabiex jintaxxaw tali prodotti ta’ enerġija.

    Il-leġiżlazzjoni

    Id-Direttiva 2003/96

    2.

    Il-premessi li ġejjin li jinsabu fil-preambolu għad-Direttiva 2003/96 huma rilevanti:

    “(2)

    L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li timponi rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

    (3)

    Il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern u s-seħħ ta’ għanijiet ta’ politiki oħra tal-Komunità jinħtieġu livelli minimi ta’ tassazzjoni li jkunu stabbiliti fuq livell Komunitarju għall-bosta mill-prodotti tal-enerġija, u jinkludu l-elettriku, gass naturali u faħam.

    (4)

    Differenzi sostanzjali dwar livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija minn Stati Membri tista’ tkun ta’ detriment għall-funzjonament kif suppost tas-suq intern.

    (5)

    L-istabbilament ta’ livelli minimi u approprijati ta’ tassazzjoni mill-Kommunità tista’ tnaqqas differenzi eżistenti ta’ tassazzjoni fil-livell nazzjonali.

    (6)

    Skont l-Artikolu 6 tat-Trattat, il-ħtiġijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent għandhom jiġu integrati fid-definizzjoni u implimentazzjoni ta’ politiki oħra tal-Komunità.

    (7)

    Bħala sieħba tal-konvenzjoni kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tibdil fil-klima, il-Komunità irratifikat il-Protokoll ta’ Kyoto. It-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u, fejn xieraq, tal-elettriku hija waħda mill-istrumenti disponibbli biex jinkisbu l-iskopijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.

    […]

    (22)

    Prodotti ta’ enerġija essenzalment għandhom ikunu suġġett għall-qafas fi ħdan il-Komunità meta jkunu użati bħala karburant li jsaħħan [kombustibbli] jew karburant għall-karozzi [karburant]. Għal dan il-għan, hija fin-natura u l-loġika tas-sistema ta’ taxxa li teskludi mill-iskop ta’ dan il-qafas l-użu doppju u użu ta’ prodotti ta’ enerġija li mhux karburant kif ukoll ipproċessar tal-mineraloġija. Elettriku użata bl-istess manjiera għandha tiġi ttrattat l-istess.”

    3.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jitlob l-Istati Membri jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skont id-dispożizzjonijiet tagħha.

    4.

    L-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva moqri flimkien mal-Artikolu 2(5) jistipula li għall-iskopijiet ta’ din id-direttiva, it-terminu “prodotti ta’ enerġija” japplika inter alia, għal prodotti li “huma deskritti taħt il-Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715” ( 4 ). Il-faħam jista’ jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi NM 2701, 2702 jew 2704.

    5.

    Ċertu użu ta’ prodotti ta’ enerġija jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ( 5 ). Dawn l-istanzi huma elenkati fl-Artikolu 2(4)(b) li jistipula:

    “Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

    […]

    l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:

    prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi [karburant] jew karburant biex isaħħan, [kombustibbli]

    użu doppju ta’ prodotti ta’ enerġija.

    Prodott tal-enerġija għandu użu doppju meta jiġi użat kemm bħala karburant biex isaħħan u kif ukoll għal skopijiet oħra barra minn karburant tal-karozzi [karburant]jew karburant biex isaħħan [kombustibbli]. L-użu ta’ prodotti ta’ enerġija għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki għandhom jiġu kkonsidrati bħal użu doppju.

    elettriku meta huwa użat prinċipalment għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki,

    elettriku, meta l-prezz ikun iktar minn 50 % tal-ispiża tal-prodott […]

    trattamenti mineraloġiki […]”

    6.

    L-Artikolu 4(1) jistipula li l-Istati Membri għandhom japplikaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif preskritti mid-Direttiva fuq prodotti ta’ enerġija bħal faħam, imniżżla fl-Artikolu 2.

    7.

    L-Artikolu 9(1) jistipula li l-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-karburanti li jsaħħnu [kombustibbli] għandhom jiġu ffissati skont it-Tabella Ċ tal-Anness I tad-Direttiva ( 6 ).

    8.

    L-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2003 u li japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2004 ( 7 ). Il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali għandhom jinkludu referenza għad-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom ( 8 ).

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    9.

    Il-Wet belastingen op milieugrondslag (il-Liġi li introduċiet taxxi għall-protezzjoni tal-ambjent, iktar ’il quddiem ’il-Wbm’) timponi ħlas ta’ taxxa fuq prodotti mill-faħam li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 użati għal skopijiet ta’ tisħin ( 9 ). It-taxxa tiġi imposta mal-konsenja tal-prodotti lill-kontribwent ikkonċernat. Hemm stipulat eżenzjoni mit-taxxa fejn hemm “użu doppju” ta’ dawn il-prodotti ( 10 ). L-użu doppju jkopri l-użu ta’ prodotti tal-faħam kemm bħala karburant biex isaħħan u għal skopijiet differenti minn karburant għall-karozzi [karburant] u karburant biex isaħħan [kombustibbli] ( 11 ). Eżenzjoni mit-taxxa tapplika fir-rigward tal-użu doppju tal-faħam; u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirrimborsaw it-taxxa mħallsa fejn il-faħam ma jiġix użat bħala karburant jew hemm użu doppju għall-prodotti tal-faħam inkwistjoni ( 12 ).

    10.

    Il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dokumenti parlamentari li jipprovdu dettalji dwar l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 20 tal-Wbm jindikaw li l-għan wara l-inklużjoni ta’ definizzjoni tat-terminu “użu doppju” fl-Artikolu 20(e) huwa li jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun konformi mad-Direttiva ( 13 ).

    11.

    Mix-xogħol preparatorju jirriżulta li:

    “Subinċiż ġdid tal-Artikolu 20 jinkludi d-definizzjoni ta’ użu doppju, li huwa konformi mad-definizzjoni fid-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija [ ( 14 ) ].Użu doppju jfisser l-użu ta’ faħam, meta l-faħam, minbarra l-funzjoni tiegħu bħala karburant, ikollu wkoll funzjoni oħra jew funzjonijiet oħrajn. L-użu ta’ faħam għat-tnaqqis ta’ kimiki u proċessi metallurġiċi jitqies bħala użu doppju. Sitwazzjonijiet fejn prodott wieħed biss tal-kombustjoni tal-faħam (per eżempju, CO2) jiġi applikat b’mod utli, u l-faħam innifsu jiġi użat bħala karburant, ma jitqiesx bħala li jikkostitwixxi użu doppju.” ( 15 )

    12.

    Barra minn hekk, id-dokumenti li jipprovdu dettalji tal-istorja leġiżlattiva tal-“Wijziging van de Wet belastingen op milieugrondslag en de Wet op de accijns (implementatie richtlijn Energiebelastingen)” (Emendi fil-Liġi li introduċiet taxxi għall-protezzjoni tal-ambjent u l-Liġi dwar Dazji tas-Sisa (implementazzjoni tad-Direttiva dwar Tassazzjoni tal-Enerġija)) jinkludu d-dikjarazzjoni:

    “Fl-użu ta’ faħam li ġie pproċessat f’faħam tal-kokk, meta jkunu inklużi funzjonijiet oħra minbarra l-funzjoni ta’ karburant, l-imposta għandha tiġi rrinunzjata. Funzjonijiet oħra jistgħu jinkludu l-funzjoni ta’ materja prima u l-funzjoni ta’ tnaqqis. Eżempju ta’ tali użu huwa l-produzzjoni ta’ ħadid mhux maħdum ( 16 ).”

    Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

    13.

    X, l-appellant fil-kawża prinċipali, jipproduċi zokkor u prodotti li fihom iz-zokkor mill-pitravi. Għall-iskopijiet biex jimmanifattura z-zokkor, X ħa l-kunsinna ta’ faħam ( 17 ) u ħallas it-taxxa fuq il-karburanti dovuta skont il-Wbm.

    14.

    Fil-proċess tal-produzzjoni taz-zokkor mill-pitravi hemm għadd ta’ stadji ( 18 ). L-ewwel stadju jinvolvi l-estrazzjoni tal-meraq mhux misjur mill-pitravi. Imbagħad, il-meraq mhux misjur jiġi msoffi, u l-meraq msoffi miksub mill-proċess ta’ tisfija huwa suġġett għall-evaporazzjoni u l-kristallizzazzjoni li finalment twassal għal zokkor granulat. Dan il-proċess jagħti lok ukoll għal preċipitat, prodott sekondarju ta’ fertilizzant magħmul mill-ġir, li jintuża fl-industrija tal-agrikoltura biex jinżamm il-bilanċ pH tal-ħamrija. Il-preċipitat huma magħruf bħala xkuma ta’ karbonizzazzjoni u jikkonsisti prinċipalment f’karbonat tal-kalċju.

    15.

    Sabiex jiġi msoffi l-meraq mhux misjur estratt mill-pitravi, il-proċessur taz-zokkor jeħtieġ il-gass tal-kalkara tal-ġir. Biex jinkiseb dan il-gass il-ġir u l-faħam jitħalltu minn qabel u jitqiegħdu f’kalkara tal-ġir. Ir-reazzjoni kimika fil-kalkara tal-ġir toħloq il-gass tal-kalkara tal-ġir (taħlita ta’ diossidu tal-karbonju (CO2) derivata mill-faħam u l-ġir innisfu u n-nitroġenu derivat mill-arja). Il-gass tal-kalkara tal-ġir jinkludi madwar 40 % CO2 u l-gass għandu jkun ħieles minn impuritajiet. Sustanzi oħra li ma humiex faħam ma humiex adattati għall-produzzjoni tal-gass tal-kalkara tal-ġir pur meħtieġ. Fl-istess ħin il-kalkara tal-ġir tintuża biex tipproduċi l-quicklime. Bit-tisħin tal-ġir (karbonat tal-kalċju li jikkonsisti f’madwar 97 % CaCO3) għal temperatura biżżejjed għolja ( 19 ) jiġi prodott is-CO2 permezz tar-reazzjoni ta’ faħmijiet (li għandha kontenut għoli ta’ karbonju li jikkonsisti minn madwar 85 % C atomi) u ossiġnu (O2) mill-arja. Din ir-reazzjoni tirrilaxxja sħana li tintuża biex tkisser il-ġir fi quicklime u diossidu tal-karbonju (dissoċjazzjoni).

    16.

    Fil-fabbriki kollha taz-zokkor mill-pitravi (fil-Pajjiżi l-Baxxi) il-quicklime u is-CO2 meħtieġa għat-tisfija tal-meraq jiġu prodotti fuq il-post f’kalkara tal-ġir.

    17.

    Madwar 12 % tal-gass tal-kalkara tal-ġir jiġi skarikat fl-arja. Il-bqija (88 %) jintuża fil-karbonizzazzjoni ( 20 ). Wara li l-gass tal-kalkara jkun intuża fil-karbonizzazzjoni, parti minnu jintilef (imsejjaħ gass tal-egżost tal-karbonizzazzjoni). Madwar kwart tas-CO2 użat fil-karbonizzazzjoni jintilef b’dan il-mod. Is-CO2 jiġi assorbit fl-iskuma tal-karbonizzazzjoni.

    18.

    B’ittra tas-7 ta’ Marzu 2008, X talbet rifużjoni ta’ EUR 97 114.23 fir-rigward ta’ taxxa fuq il-karburant li kienet tħallset. L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ċaħdu dik it-talba b’deċiżjoni tal-24 ta’ April 2008. X ikkontestat dik id-deċiżjoni mingħajr suċċess fl-ewwel istanza. Sussegwentement X ippreżentat appell quddiem il-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch li rrinvjat id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

    “(1)

    Hemm użu doppju fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b) tad-[Direttiva] fil-każ ta’ użu ta’ faħam (prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2701, 2702 u 2704) bħala kombustibbli f’kalkara tal-ġir, meta d-diossidu tal-karbonju ġġenerat mill-faħam (u mill-ġir) f’din il-kalkara tal-ġir li mbagħad jintuża, u huwa meħtieġ, għat-tisfija tal-meraq mhux misjur miksub mill-pitravi?

    (2)

    Hemm użu doppju fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b) tad-[Direttiva] fil-każ ta’ użu ta’ faħam (prodotti li jaqgħu taħt il-Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704) bħala kombustibbli f’kalkara tal-ġir meta 66 % tad-diossidu tal-karbonju, iġġenerat bit-tisħin u assorbit fil-gass tal-kalkara tal-ġir waqt it-tisfija sussegwenti msemmija hawn fuq, huwa assorbit fl-iskuma ta’ karbonizzazzjoni li tinbiegħ bħala fertilizzant tal-ġir fis-settur agrikolu?

    (3)

    Jekk jingħad li hemm użu doppju fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b) tad-[Direttiva]: id-Direttiva hija inapplikabbli fid-dawl ta’ kif huwa mqiegħed il-kliem introduttiv tal-Artikolu 2(4) tagħha, b’tali mod li l-appellant ma jistax tinvoka l-effett dirett tad-[Direttiva] (għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu doppju fid-dritt nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 20(e) tal-Wbm)?

    (4)

    Jekk jingħad li hemm użu doppju fis-sens tal-Artikolu 2(4)(b) tad-[Direttiva] u li din (għaldaqstant) mhijiex applikabbli: fil-każ tal-impożizzjoni ta’ taxxa bħat-taxxa fuq il-karburant in kwistjoni, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu doppju fid-dritt nazzjonali li hija iktar restrittiva komparat ma’ interpretazzjoni konformi mad-[Direttiva]?”

    19.

    X, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea, li kollha kienu rrappreżentati fis-seduta tas-12 ta’ Diċembru 2013, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    Evalwazzjoni

    20.

    L-Istati Membri għandhom jimponu tal-inqas il-livelli minimi ta’ taxxa fuq prodotti tal-enerġija, bħall-faħam, konformi mad-Direttiva ( 21 ). Fil-proċess tal-produzzjoni taz-zokkor kif deskritt mill-qorti tar-rinviju il-faħam jintuża bħala karburant biex isaħħan. Peress li d-domandi rinvjati ma jikkonċernawx prodotti tal-enerġija użati bħala karburant tal-karozzi [karburant], jien se nillimita l-evalwazzjoni tiegħi għall-użu doppju ta’ prodotti tal-enerġija meta wieħed mill-użi huwa bħala karburant biex isaħħan [kombustibbli].

    Id-Domandi 1 u 2: użu doppju

    21.

    Bid-Domandi 1 u 2, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi t-tifsira ta’ “użu doppju” fit-tieni subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva fir-rigward tal-produzzjoni taz-zokkor u l-prodott sekondarju, fertilizzant tal-ġir, li jirriżulta minn dan il-proċess. Peress li dawn id-domandi huma marbutin mill-qrib jien se nikkunsidrahom flimkien.

    22.

    X tissottometti li l-iskop tal-UE tal-kunċett tal-użu doppju ma huwiex definit fid-dettall fid-Direttiva. Għalkemm jingħataw ċerti eżempji li jispjegaw l-użu doppju, dawn l-eżempji ma humiex eżawrjenti. Ma hemm xejn fid-Direttiva li jindika jekk il-kliem użu doppju għandux jiġu interpretati b’mod estensiv jew restrittiv. Madankollu din l-espressjoni trid tiġi interpretata b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

    23.

    Skont X, fil-kuntest preżenti użu doppju jikkonsisti minn banda fl-użu tal-faħam bħala karburant biex isaħħan, u mill-banda l-oħra, fil-produzzjoni ta’ gass, CO2, neċessarju bħala parti integrali tal-proċess tal-produzzjoni kemm taz-zokkor u tal-prodott sekondarju, fertilizzant tal-ġir. Is-CO2 prodott mill-ħruq ta’ faħam jilgħab rwol importanti fil-proċess tal-karbonizzazzjoni u l-faħam irrilaxxat jintuża għal għanijiet apparti li jipproduċi s-sħana. Dan għalhekk jissodisfa d-definizzjoni tal-UE ta’ użu doppju. Mingħajr il-faħam il-proċess tal-produzzjoni kemm taz-zokkor u tal-fertilizzant tal-ġir ma jseħħx bl-aħjar mod possibbli. Id-Direttiva ma tagħmel ebda distinzjoni bejn l-użu ta’ prodotti ta’ enerġija bħala materja prima għall-produzzjoni ta’ prodotti finali, jew bħala materjal għall-konsum, jew l-applikazzjoni tajba ta’ tali prodotti. Id-Direttiva lanqas ma tispeċifika li l-prodott ta’ enerġija inkwistjoni għandu jintuża simultanjament għat-tisħin u għal xi skop ieħor sabiex jiġi stabbilit l-użu doppju. Ma hemm xejn lanqas x’jindika li l-għan tad-Direttiva tal-protezzjoni ambjentali għandu jkun determinanti fl-interpretazzjoni tat-test.

    24.

    Kemm il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni jieħdu l-pożizzjoni kuntrarja.

    25.

    Fil-fehma tagħhom, ikun hemm użu doppju skont id-Direttiva biss meta l-enerġija ġġenerata mill-prodott tiġi hija stess użata għal xi ħaġa differenti mill-produzzjoni ta’ sħana. Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-premessi fil-preambolu għad-Direttiva (b’mod partikolari premessi 2 sa 7 u 22). L-użu ta’ prodotti ta’ enerġija għat-tisħin jagħti lok għal ħlas ta’ taxxa. Minn dan isegwi li meta prodotti ta’ enerġija jintużaw biss għall-produzzjoni ta’ sħana, imbagħad iridu jkunu suġġetti għat-taxxa konformi mad-Direttiva. Kull interpretazzjoni oħra tmur kontra l-funzjonament tas-suq wieħed. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mit-travaux préparatoires ( 22 ).

    26.

    Il-faħam jintuża f’wieħed mill-istadji tal-proċess tal-produzzjoni. L-unika reazzjoni kimika li tinvolvi dak il-faħam hija mal-ossiġnu, li tipproduċi s-sħana li tintuża sabiex jiġi dissoċjat il-ġir billi jitkisser fi quicklime u CO2. Fi stadji sussegwenti tal-proċess ma huwiex il-faħam innifsu li jiġi użat. Pjuttost, huwa r-residwu jew ir-riżultati tal-kombustjoni li sussegwentement jintużaw fil-manifattura taz-zokkor u li jipproduċu l-prodott sekondarju tal-fertilizzant tal-ġir.

    27.

    Filwaqt li huwa minnu li l-faħam huwa użat simultanjament biex jipproduċi s-sħana u d-CO2, li t-tnejn huma importanti fil-produzzjoni taz-zokkor mill-pitravi, sabiex il-kwistjoni tiġi riżolta huwa meħtieġ li jiġi kkunsidrat l-użu tal-prodott ta’ enerġija nnifsu pjuttost milli l-għan li għalih jintuża. Hawnhekk, il-faħam jiġi kkunsmat billi jinħaraq u dan huwa l-uniku mod tal-użu tiegħu.

    28.

    Il-Pajjiżi l-Baxxi jressqu żewġ eżempji fis-sottomissjonijiet bil-miktub insostenn tal-pożizzjoni tagħhom. Eżempju ta’ riduzzjoni kimika għall-iskopijiet tad-Direttiva huwa meta l-faħam jintuża fil-produzzjoni ta’ ħadid mill-minerali. F’dan il-proċess il-faħam jintuża bħala (i) sustanza għat-tisħin (ii) bħala aġent tat-tnaqqis. Meta l-faħam jissaħħan għal temperatura biżżejjed għolja dan iwassal biex l-aġent tat-tnaqqis miżjud fil-forna tal-ħadid mhux maħdum jissepara l-metall mill-ossidi. Il-ħadid mhux maħdum miksub minn dan il-proċess fih 4 % karbonju li jiġi derivat mill-faħam użat fil-proċess tal-produzzjoni. Għalhekk fil-produzzjoni ta’ ħadid mhux maħdum il-faħam jintuża kemm bħala karburant biex isaħħan u bħala aġent tat-tnaqqis. Barra minn hekk, differenti mill-proċess tal-produzzjoni taz-zokkor fejn ma hemmx karbonju fil-prodott finali, fil-ħadid mhux maħdum li jirriżulta mit-tidwib bis-sħana ta’ minerali tal-ħadid, hemm il-karbonju. Għalhekk il-faħam għandu użu doppju fit-tidwib bis-sħana. Eżempju ieħor ta’ użu doppju huwa meta jintuża l-elettriku fit-tidwib bis-sħana taż-żingu. F’dan il-proċess l-elettriku jintuża biex konċentrati ta’ żingu (minerali li jinkludu ż-żingu) jiġu kkonvertiti f’żingu pur. Hemm żewġ proċessi, il-proċess tal-elettroliżi u l-proċess pirometallurġiku. L-elettroliżi taħdem billi jiġi mgħoddi kurrent elettriku ġo soluzzjoni tas-sulfat taż-żingu. Dan jikkawża s-separazzjoni taż-żingu mill-ossidi li huwa maqgħud magħhom. L-elettriku jintuża wkoll biex jipproduċi s-sħana għall-iskopijiet ta’ elettroliżi fir-raffinar taż-żingu.

    29.

    Minn kif fhimt jien il-partijiet kollha jaċċettaw id-deskrizzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju dwar il-proċess tal-produzzjoni taz-zokkor. Huwa paċifiku li f’dan il-proċess il-faħam jintuża bħala karburant biex isaħħan sabiex jitkisser il-ġir u jiġi prodott is-CO2. F’dan ir-rigward, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni huma korretti meta jirrilevaw li l-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata hija jekk il-faħam, pjuttost milli s-CO2, huwiex suġġett għal użu doppju. Il-kwistjoni hija jekk t-tnejn humiex korretti wkoll meta jsostnu li, sabiex ikun hemm użu doppju fis-sens tad-Direttiva, il-prodott ta’ enerġija nnifsu għandux jintuża fi proċess wieħed (pjuttost milli fi proċessi sussegwenti) sabiex jagħtu lok għal reazzjoni kimika apparti minn dik li tirriżulta mill-kombustjoni (jiġifieri, ir-reazzjoni li tirriżulta mill-użu bħala karburant biex isaħħan).

    30.

    Il-Pajjiżi l-Baxxi jsostnu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-faħam huwa użat biss biex jipproduċi s-sħana (għalkemm waqt is-smigħ il-Pajjiżi l-Baxxi spjegaw li l-faħam huwa użat biex jipproduċi simultanjament kemm is-sħana u s-CO2). Jien ma narax li digriet tar-rinviju fih konstatazzjoni ta’ fatt li l-faħam jintuża biss biex jipproduċi s-sħana. Pjuttost, jiena nifhiemha li l-qorti tar-rinviju qiegħda tindika li l-gass tal-kalkara tal-ġir li jinkludi ċertu ammont ta’ CO2 jiġi prodott permezz tar-reazzjoni tal-faħam mal-ossiġnu mill-arja. Din ir-reazzjoni tirrilaxxja sħana li mbagħad tintuża biex tkisser (jew tiddissoċja) l-ġir, u tiġġenera iktar CO2 ( 23 ). Din il-konstatazzjoni timplika li l-faħam jintuża għal żewġ għanijiet f’kalkara tal-ġir, bħala materja prima biex tipproduċi d-CO2 u bħala karburant biex isaħħan.

    31.

    Il-kwistjoni hija jekk l-użu tal-faħam għal żewġ għanijiet — biex jipproduċi kemm is-sħana u d-CO2 — jammontax għal użu doppju fis-sens tad-Direttiva.

    32.

    Jiena nqis li l-kliem tad-direttiva huwa wiesgħa biżżejjed biex tali użu tal-faħam jikkwalifika bħala “użu doppju”.

    33.

    Hemm definizzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija b’użu doppju fit-tieni subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b) innifsu. Prodott ta’ enerġija għandu użu doppju meta jintuża kemm bħala karburant biex isaħħan kif ukoll għal skopijiet oħra barra minn karburant biex isaħħan. Id-diffikultà hija fin-nuqqas ta’ kliem li jiddefinixxi dawn l-iskopijiet ‘l-oħra’. It-test ma jgħid xejn dwar jekk il-prodott ta’ enerġija għandux jintuża simultanjament biex jipprovdi s-sħana jew għal skopijiet oħra barra minn karburant biex isaħħan; jekk ‘użu doppju’ jkoprix ukoll proċeduri sekwenzjali fi proċess ta’ manifattura, pereżempju meta prodott ta’ enerġija jintuża l-ewwel biex joħloq reazzjoni kimika partikolari u mbagħad biex jipprovdi s-sħana. (Hawnhekk, il-faħam jintuża simultanjament biex isaħħan u biex jipproduċi s-CO2 u għalhekk ma huwiex meħtieġ li jiġi deċiż jekk proċeduri sekwenzjali jaqgħux fi ħdan il-kunċett ta’ ‘użu doppju’). Id-Direttiva sempliċement telenka għadd ta’ eżempji, inkluż l-użu ta’ prodotti ta’ enerġija għal riduzzjoni kimika u fi proċessi elettrolitiċi u metallurġiċi. Ma hemm l-ebda kliem ta’ limitazzjoni li jimplikaw li l-eżempji msemmija huma eżawrjenti. Lanqas ma huwa ċar jekk il-leġiżlatur kienx qiegħed jiffoka fuq l-iskop (“riduzzjoni kimkika”) jew fuq il-proċess (“proċessi elettrolitiċi u metallurġiċi”); fil-fatt, it-tnejn jidhru li ġew ikkontemplati.

    34.

    Din il-fehma hija sostnuta mill-premessa 22 fil-preambolu tad-Direttiva, li tispjega li prodotti ta’ enerġija huma essenzjalment suġġetti għat-taxxa meta użati bħala karburant biex isaħħan. Hija fin-natura u fil-loġika tas-sistema tat-taxxa li teskludi mill-iskop tat-tassazzjoni użi doppji u użi mhux bħala karburant ta’ tali prodotti. Il-premessa tirreferi għal użu doppji b’mod ġenerali, li jimplika li l-eżempji ta’ użu doppju msemmija fit-tieni subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva huma sempliċement indikattivi.

    35.

    L-eżempji illustrattivi jiddeskrivu firxa ta’ proċessi differenti. Fil-fatt, jista’ jkun korrett li fil-ħadid mhux maħdum jinstab il-karbonju meta jintuża l-faħam bħala aġent tat-tnaqqis fil-proċessi tal-produzzjoni u li l-kontenut tal-karbonju jagħti lok għall-fraġilità tal-ħadid mhux maħdum. Madankollu, ma huwiex il-każ li meta l-elettriku jintuża għat-tidwib taż-żingu bis-sħana, l-elettriku nnifsu jinstab fil-prodott finali u li dan jipprovdi proprjetajiet partikolari liż-żingu li ġie sseparat mill-ossidi tiegħu u jiġu ddepożitati f’katodi. Jien naħseb li dawn l-eżempji ma jurux li l-leġiżlatur ried ifisser li jkun hemm użu doppju biss meta riżultat partikolari jinkiseb bl-użu tal-prodott ta’ enerġija (pereżempju, li dan jifforma parti mill-prodott finali tal-proċess inkwistjoni). Barra minn hekk, anki fl-eżempju mressaq mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-faħam nnifsu ma jinstabx fil-ħadid mhux maħdum; pjuttost huwa l-element derivat mill-faħam, il-karbonju li jifforma parti mill-prodott finali.

    36.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 2(4)(b) jirreferi għall-użu ta’ prodotti ta’ enerġija għal “skopijiet oħra barra minn […]”. Dan il-kliem jimplika li l-iskop li għalih jintuża l-prodott ta’ enerġija (minbarra li jipproduċi s-sħana) huwa (jew għall-inqas jista’ jkun) fattur rilevanti.

    37.

    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 2(4)(b) jelenka ħames modi fejn l-użu ta’ prodotti ta’ enerġija jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-lista hija eteroġenja. L-ewwel subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b) jkopri prodotti ta’ enerġija użati għal skopijiet oħra barra minn karburant biex isaħħan. Prodotti b’użu doppju huma elenkati fit-tieni subinċiż ta’ din id-dispożizzjoni, b’illustrazzjonijiet li jidentifikaw kemm il-proċess kif ukoll l-iskop. It-tielet subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b) jirreferi għall-elettriku li użat prinċipalment għall-iskopijiet ta’ tnaqqis ta’ kimiki. Ir-raba’ subinċiż isemmi l-elettriku meta l-ispiża tiegħu tkun ta’ iktar minn 50 % tal-ispiża tal-prodott. Il-ħames subinċiż ikopri proċessi mineraloġiki. Ma hemm xejn fil-kliem jew fl-iskema tal-Artikolu 2(4)(b) innifsu li jimplika li l-prodott ta’ enerġija inkwistjoni għandu dejjem jintuża b’mod partikolari jew li ċerti tipi ta’ użu jistgħu jkunu esklużi mill-kliem “għal skopijiet oħra mhux bħala […] karburant biex isaħħan”.

    38.

    Jien nikkonkludi li l-kliem tal-Artikolu 2(4)(b) huwa wiesa’ biżżejjed biex jinkludi prodotti ta’ enerġija użati bħal hawnhekk għal żewġ skopijiet, ċjoè biex tiġi ġġenerata s-sħana u jiġi rilaxxjat is-CO2.

    39.

    Eżami tal-għanijiet tad-Direttiva ma jissuġġerix xi konklużjoni differenti.

    40.

    Id-Direttiva għandha tliet oġġettivi prinċipali: li tintroduċi rata minima ta’ tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija ( 24 ); li tiżgura l-funzjonament kif suppost tas-suq intern bit-tnaqqis tad-differenzi fil-livelli nazzjonali ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija ( 25 ); ittejjeb il-protezzjoni ambjentali, b’mod partikolari billi jitnaqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 konformi mal-Protokoll ta’ Kyoto ( 26 ). Madankollu, il-premessi tad-Direttiva ma jagħtu ebda spjegazzjoni ċara tat-tifsira tat-terminu ‘użu doppju’ fil-kuntest ta’ dawk l-oġġettivi.

    41.

    It-travaux préparatoires ( 27 ) jindikaw li l-esklużjoni ta’ prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala prodotti li jsaħħnu [kombustibbli] mill-iskop tad-Direttiva “[…] tfisser li prodotti wżati fl-industrija għat-tnaqqis ta’ kimiki jew bħala materja prima ma jiġux intaxxati” ( 28 ). It-test ta’ dak li sussegwentement sar il-premessa 22 u l-ewwel u t-tieni subinċiżi tal-Artikolu 2(4)(b) kien introdott meta l-proposta kienet fil-Kunsill, għalkemm il-kliem tal-ewwel subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b) kien ġie inkluż fil-proposta oriġinali tal-Kummissjoni ( 29 ).

    42.

    Ma hemm xejn fit-travaux préparatoires li jindika li l-prodott ta’ enerġija inkwistjoni ma jistax jintuża simultanjament biex jipproduċi s-sħana u bħala materja prima li minnha tiġi dderivata sustanza oħra li hija neċessarja għall-proċess ta’ produzzjoni inkwistjoni.

    43.

    Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi il-kliem “mhux bħala […] karburant biex isaħħan”, li jidhru kemm fl-ewwel u fit-tieni subinċiż tal-Artikolu 2(4)(n), għandhom loġikament jiġu interpretati bl-istess mod fiż-żewġ dispożizzjonijiet.

    44.

    Ikun jidher inkonsistenti mal-iskema tad-Direttiva jekk prodott ta’ enerġija li użat biss bħala materja prima fi proċess ta’ produzzjoni jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva minħabba l-ewwel subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b), filwaqt li l-istess prodott jista’ jiġi inkluż f’dan l-ambitu bis-saħħa tat-tieni subinċiż, għar-raġuni li kien użat simultanjament bħala karburant biex isaħħan. Għalhekk, jekk prodott ta’ enerġija huwa materja prima għall-iskopijiet tal-ewwel subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b), dan għandu jiġi kklassifikat bħala li għandu użu doppju fis-sens tat-tieni subinċiż meta jintuża kemm bħala karburant biex isaħħan kif ukoll bħala materja prima.

    45.

    Tqum imbagħad il-kwistjoni jekk il-faħam, minbarra li jintuża bħala karburant li jsaħħan [kombustibbli], huwa wkoll materja prima fil-proċess tal-produzzjoni hawn inkwistjoni.

    46.

    Mill-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju dwar il-proċess tal-produzzjoni taz-zokkor jiena nifhem li d-dissoċjazzjoni tal-ġir fi quicklime u CO2 hija kkawżata bis-sħana. Preżumibbilment dik is-sħana tista’ tiġi ġġenerata bi prodotti ta’ enerġija minbarra l-faħam. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ġir u l-faħam jiġu mħallta minn qabel u mitfugħa fil-kalkara tal-ġir u li ebda sustanzi oħra ma huma adattati għall-produzzjoni tal-gass tal-kalkara tal-ġir pur li huwa meħtieġ. Din il-konstatazzjoni timplika fil-fehma tiegħi li l-faħam huwa neċessarju sabiex jiġi prodott il-gass tal-kalkara tal-ġir li għandu l-proprjetajiet neċessarji fil-proċess tal-produzzjoni taz-zokkor inkwistjoni. Dan jindika wkoll li l-faħam huwa użat bħala materja prima f’dan il-proċess ta’ produzzjoni għal żewġ skopijiet kemm bħala karburant biex isaħħan kif ukoll sabiex jiġi prodott is-CO2. Dan ikun jammonta għal użu doppju.

    47.

    Fir-rigward tal-għan tad-Direttiva li titjieb il-protezzjoni ambjentali, l-għan tal-Protokoll ta’ Kyoto huwa li jitbaxxew l-emissjonijiet totali minn sitt gassijiet serra inkluż is-CO2 ( 30 ). Mill-ispjegazzjoni tal-qorti tar-rinviju tal-proċessi tal-produzzjoni taz-zokkor jiena nifhem li ħafna mis-CO2 li jiġi ġġenerat ma jiġix skarikat, imma pjuttost li parti kbira minnu jiġi assorbit fil-prodott sekondarju, il-fertilizzant tal-ġir ( 31 ). Interpretazzjoni tal-użu doppju li tkun tkopri l-faħam użat biex isaħħan u biex jiġġenera s-CO2 f’dan il-kuntest ma huwiex neċessarjament inkonsistenti mal-għanijiet ambjentali tad-Direttiva.

    48.

    Għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba huwa utli li jiġi kkunsidrat jekk jistgħux jiġu derivati xi prinċipji utli mid-dritt ambjentali tal-UE li jistgħu jiġu applikati b’analoġija. It-termini “residwu” u “prodott sekondarju” ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-dritt ambjentali, b’mod partikolari hija u tinterpreta id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart ( 32 ). Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunċetti ma japplikawx b’analoġija hawnhekk. L-ewwel nett, il-kawża prinċipali jikkonċernaw l-użu tal-faħam, li ma huwiex prodott sekondarju jew residwu; pjuttost jintuża fil-proċess ta’ produzzjoni inkwistjoni. It-tieni nett, hawnhekk ma aħniex ikkonċernati bil-klassifikazzjoni tad-CO2; għaldaqstant jekk dan huwiex ikkunsidrat li huwa prodott sekondarju jew residwu tal-komubstjoni huwa irrilevanti. It-tielet nett, il-ġurisprudenza ambjentali dwar it-tifsira tal-kliem “skart” u “rimi” kif użat fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tirriżulta minn kuntest differenti ħafna. Il-kliem, l-iskema u l-oġġettivi ta’ din il-miżura ma humiex l-istess bħad-Direttiva inkwistjoni fil-kawża preżenti. Għaldaqstant, ma naħsibx li l-ġurisprudenza ambjentali tista’ tkun ta’ għajnuna hawnhekk.

    49.

    Fil-qosor: fil-fehma tiegħi hemm użu doppju fis-sens tat-tieni subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva meta l-faħam jintuża kemm biex jiġġenera s-CO2 u bħala karburant li jsaħħan [kombustibbli] għad-dissoċjazzjoni tal-ġir sabiex jirrilaxxja gassijiet tal-kalkara tal-ġir għall-iskopijiet ta’ purifikazzjoni ta’ meraq mhux misjur li jinkiseb mill-pitravi. Jekk il-faħam għandu skop doppju f’dan il-proċess, dan neċessarjament għandu jkollu użu doppju fir-rigward tal-fertillizant tal-ġir li jirriżulta bħala prodott sekondarju minn dan il-proċess.

    Id-Domandi 3 u 4: jekk l-użu doppju huwiex kunċett tal-UE

    50.

    Id-Domanda 3 tfittex li taċċerta, ladarba l-użu tal-faħam fil-produzzjoni taz-zokkor jikkostitwixxi użu doppju għall-iskopijiet tat-tieni subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b), jekk id-Direttiva tapplikax meta jiġu interpretati liġijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jimponu ħlas ta’ taxxa fuq tali prodotti ta’ enerġija. Id-Domanda 4 tistaqsi, jekk ladarba d-Direttiva ma tapplikax, id-dritt tal-UE jipprekludix l-użu mil-leġiżlatur nazzjonali ta’ kunċett iktar restrittiv ta’ użu doppju?

    51.

    Bid-domandi 3 u 4 il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva tagħtix lok għal kunċett tal-UE ta’ użu doppju u jekk fl-affermattiv sa liema punt dan il-kunċett għandu jiġi kkunsidrat fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (il-Wbm).

    52.

    X tosserva fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li ċerti Stati Membri ġirien ma jimponux taxxi tal-enerġija fuq il-produzzjoni taz-zokkor jew għax dan il-proċess jaqa’ lil hinn mir-reġim fiskali tal-enerġija rilevanti ( 33 ), jew għax il-faħam huwa kkunsidrat bħala prodott b’użu doppju ( 34 ). X tissottometti li l-interpretazzjoni tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ta’ użu doppju ma hijiex konformi mal-kunċett tal-UE ta’ użu doppju u li l-Istati Membri għandhom japplikaw dan il-kunċett fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

    53.

    La l-Kummissjoni u lanqas il-Pajjiżi l-Baxxi ma jagħmlu xi osservazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ użu doppju ta’ prodotti ta’ enerġija kif applikat fi Stati Membri oħrajn. Din il-kwistjoni lanqas ma ġiet imqajma mill-qorti tar-rinviju. Jien ma naħsibx li hemm għalfejn li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-pożizzjoni fi Stati Membri oħra sabiex tindirizza d-Domandi 3 u 4 u, fin-nuqqas ta’ informazzjoni sħiħa u ta’ kwalunkwe dibattitu bejn il-partijiet dwar il-pożizzjoni fi Stati Membri oħra, jien mhux se nqis il-materjal limitat disponibbli fl-evalwazzjoni tiegħi.

    54.

    L-Artikolu 2(4) espressament jistipula li “[i]d-Direttiva ma tapplikax għal prodotti ta’ enerġija b’użu doppju”. Għaldaqstant, huwa ċar li dawn il-prodotti jaqgħu barra mill-iskop tad-Direttiva u li r-rata ta’ taxxa minima armonizzata ma tapplikax għalihom. Għalhekk l-Istati Membri huma bħala regola ġenerali kompetenti li jintaxxaw tali prodotti ta’ enerġija sakemm huma jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom konformi mad-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-Artikoli 30 u 110 TFUE ( 35 ).

    55.

    Id-Direttiva tintroduċi skema ta’ armonizzazzjoni minima. F’dan il-kuntest il-leġiżlatur għażel li jqiegħed prodotti ta’ enerġija b’użu doppju barra mill-iskop tagħha. Għalhekk l-Istati Membri huma liberi li jagħmlu dispożizzjoni dwar żieda fil-protezzjoni ambjentali billi, pereżempju, jimponu ħlas ta’ taxxa fuq il-prodotti kollha b’użu doppju, jew billi jagħżlu li jiffukaw fuq prodotti partikolari b’użu doppju. Alternattivament, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jimxi fuq id-Direttiva billi ma jintaxxawx bl-ebda mod tali prodotti.

    56.

    Il-qorti tar-rinviju tispjega li t-terminu “użu doppju” ntuża mil-leġiżlatur nazzjonali fl-Artikolu 20(e) tal-Wbm speċifikament sabiex din il-miżura tiġi allinjata mad-Direttiva. Għaldaqstant tqum il-mistoqsija dwar jekk hemmx kunċett tal-UE ta’ użu doppju li X tista’ tinvoka fil-kawża prinċipali; u f’dan ir-rigward jekk tapplikax is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Leur-Bloem ( 36 )?

    57.

    Il-kawża preżenti hija, fil-fehma tiegħi differenti mis-sitwazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’Leur-Bloem. Il-mistoqsija f’din il-kawża kienet jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kinitx kompetenti li tinterpreta dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li effettivament japplikaw leġiżlazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet li għalihom dik il-leġiżlazzjoni tal-UE ma kinitx obbligata li tapplika. Din il-mistoqsija qamet fil-kuntest speċifiku ta’ interpretazzjoni tat-terminu “skambju ta’ ishma” fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva dwar Amalgamazzjonijiet ( 37 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat f’Leur-Bloem li l-qorti tar-rinviju kkunsidrat li l-kunċett ta’ amalgamazzjonijiet permezz ta’ skambju ta’ ishma, meħud fil-kuntest Komunitarju tiegħu (ta’ dak iż-żmien), kien jeħtieġ li jiġi interpretat sabiex tiġi riżolta t-tilwima quddiema, li dan il-kunċett kien inkluż fid-Direttiva 90/434, li dan kien ġie inkorporat fil-liġi nazzjonali li għamlet it-traspożizzjoni tad-Direttiva u li kien ġie estiż għal sitwazzjonijiet simili u purament interni ( 38 ).

    58.

    Fil-kwistjoni preżenti, il-qorti tar-rinviju tispjega li l-leġiżlatur nazzjonali kellu ċerti għanijiet meta ttraspona d-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Dawn l-għanijiet jidhru li huma, l-ewwel, li jiżgura li l-iskop tal-esklużjoni ta’ prodotti b’użu doppju mil-livelli minimi ta’ tassazzjoni preskritti ma jkunx usa’ minn dak permess bid-Direttiva ( 39 ); u, li jimponi ħlas ta’ taxxa fuq ċerti prodotti ta’ enerġija b’użu doppju billi japplika definizzjoni idjaq tat-terminu minn dak użat fid-Direttiva ( 40 ). B’differenza mill-pożizzjoni f’Leur-Bloem, hawnhekk il-qorti tar-rinviju għalhekk tesprimi dubji dwar jekk il-kunċett tal-UE dwar użu doppju ġiex traspost fil-liġi nazzjonali.

    59.

    Suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, fil-fehma tiegħi l-leġiżlatur nazzjonali qieset it-terminu “użu doppju” fid-Direttiva meta stabbilixxa l-iskop tal-miżura nazzjonali u żgura li ma kinitx usa’ mill-kunċett ta’ użu doppju. Madankollu, il-leġiżlatur nazzjonali mbagħad mar lil hinn minn hekk u ddeċieda li jimponi taxxa fuq ċerti prodotti b’użu doppju billi adotta kunċett idjaq ta’ dan it-terminu.

    60.

    Sa fejn prodotti ta’ enerġija jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, l-Istati Membri huma bħala regola ġenerali liberi li jintaxxaw tali prodotti. L-Istati Membri ma jistgħux jużaw definizzjoni usa’ tal-kunċett tal-UE ta’ ‘użu doppju’ — jekk jagħmlu hekk, dawn jeskludu b’mod illegali prodotti ta’ enerġija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u li għandhom ikunu suġġetti għal-livelli ta’ tassazzjoni armonizzati stabbiliti fl-Anness I tagħha.

    61.

    Madankollu, huma jistgħu japplikaw definizzjoni iktar restrittiva ta’ użu doppju u jagħżlu li jintaxxaw prodotti ta’ enerġija b’użu doppju sakemm huma jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom b’mod konsistenti mad-dritt tal-UE ( 41 ). Jekk Stat Membru jagħżel li japplika din id-definizzjoni idjaq, il-kontribwent ma jistax jinvoka l-kunċett tal-UE sabiex jikseb eżenzjoni minn ħlas ta’ taxxa impost skont id-dritt nazzjonali.

    Konklużjoni

    62.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mill-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch kif ġej:

    Hemm użu doppju fis-sens tat-tieni subinċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, meta l-faħam (prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2701, 2702 u 2704) jintużaw bħala kombustibbli f’kalkara tal-ġir sabiex jiġi ġġenerat id-diossidu tal-karbonju għall-produzzjoni tal-gass tal-kalkara tal-ġir, li mbagħad jintuża għat-tisfija tal-meraq mhux misjur miksub mill-pitravi, liema proċess iwassal għall-preċipitat, l-ixkuma ta’ karbonizzazzjoni.

    L-Istati Membri jistgħu japplikaw definizzjoni iktar restrittiva ta’ użu doppju u jagħżlu li jintaxxaw prodotti ta’ enerġija b’użu doppju, sakemm huma jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom b’mod li jkun konsistenti mad-dritt tal-UE. Jekk Stat Membru jagħżel li japplika din id-definizzjoni idjaq, il-kontribwent ma jistax jinvoka l-kunċett usa’ tal-UE ta’ użu doppju sabiex jikseb eżenzjoni minn ħlas ta’ taxxa imposta skont id-dritt nazzjonali.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Id-Direttiva tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405) (iktar ’il quddiem “Id-Direttiva”).

    ( 3 ) Id-Direttiva ma tgħidx jekk l-elettriku huwiex jew le prodott tal-enerġija. Madankollu, isegwi mill-Artikolu 2(2) li l-elettriku jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

    ( 4 ) Ara r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffi u tal-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU 2001 L 279, p. 1). Għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba ikun utli li wieħed iżomm f’moħħu li l-Kodiċi NM jinkludi deskrizzjoni ġenerali ta’ kull prodott li f’ċerti każijiet jiġi ulterjorment subdiviż f’deskrizzjonijiet iktar speċifiċi ta’ prodotti partikolari. Għalhekk, id-deskrizzjoni ġenerali ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-Kodiċi NM 2701 hija ‘Faħam — il-brikketti, l-ovojdi u karburanti solidi simili manifatturati mill-faħam’; u dan il-kodiċi jinkludi, inter alia, l-antraċite (Kodiċi NM 2701 11). Il-Kodiċi NK 2702 jinkludi l-linjit. Il-Kodiċi NM 2704 jinkludi l-kokk u s-semi kokk tal-faħam, tal-linjit jew tal-peat. Ara l-punt 17 iktar ’l isfel

    ( 5 ) Ara wkoll il-punt 37 iktar ’l isfel.

    ( 6 ) Il-faħam u l-kokk (Il-kodiċ NM 2701, 2702 u2704) jinkludu l-item 6 fit-tabella.

    ( 7 ) Artikolu 28(1) u (2).

    ( 8 ) Artikolu 28(3).

    ( 9 ) Artikolu 20 moqri flimkien mal-Artikolu 21.

    ( 10 ) Artikolu 26.

    ( 11 ) Artikolu 20(e).

    ( 12 ) Artikolu 26(3).

    ( 13 ) Kamerstukken II, 2003/04, 29758, Nru 3, Nota ta’ Spjegazzjoni, p. 7 u 8.

    ( 14 ) Jiġifieri, id-Direttiva 2003/96/KE.

    ( 15 ) Kamerstukken II, 2003/04, 29758, Nru 3, Nota ta’ Spjegazzjoni, p. 32.

    ( 16 ) Kamerstukken II, 2003/04, 29207, Nru 3, p. 12.

    ( 17 ) Il-qorti tar-rinviju issemmi l-faħam għall-kokk u l-antraċite fid-digriet tar-rinviju tagħha. Jien se nuża t-terminu ġeneriku “faħam” biex inkopri l-prodotti kollha li huma koperti bil-kodiċi NM rilevanti, inklużi kemm il-kokk u l-antraċite.

    ( 18 ) Id-digriet tar-rinviju tal-Gerechtshof ’s-Hertogenbosch’s jinkludi rendikont tekniku utli u dettaljat, li jien niġbor fil-qosor fil-punti 14 sa 17 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

    ( 19 ) L-ekwazzjoni kimika għall-produzzjoni ta’ quicklime u gass tal-kalkara tal-ġir hija kif ġej: CaCO3 + sħana → CaO + CO2. Meta sustanza tiġi msaħħna s-sħana (forma ta’ enerġija) tagħti enerġija lill-partiċelli biex jiċċaqalqu li, jekk ikunu b’saħħithom biżżejjed, ikissru r-rabtiet bejn il-partiċelli li jżommu s-sustanza flimkien.

    ( 20 ) Il-karbonizzazzjoni hija reazzjoni kimika meta l-idrossidu tal-kalċju jirreaġixxi mad-diossidu tal-karbonju u jifforma l-karbonat tal-kalċju. Ir-reazzjoni kimika hija: Ca(OH)2 + CO2 → CaCO3 + H2O. It-terminu “karbonizzazzjoni” jintuża wkoll biex jindika l-proċess tat-tisfija tal-meraq mhux misjur estratt mill-pitravi.

    ( 21 ) Artikoli 1, 4(1) u 9(1).

    ( 22 ) Ara l-punt 41 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ’l isfel.

    ( 23 ) Ara l-punt 15 iktar ’il fuq.

    ( 24 ) Premessa 2.

    ( 25 ) Premessi 3 sa 5.

    ( 26 ) Premessi 6 u 7.

    ( 27 ) It-travaux préparatoires jinkludu l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ġdida dwar it-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija, KUM (97) 30 finali, tat-12 ta’ Marzu 1997, u d-dokumenti tal-Kunsill 13062/02 tas-17 ta’ Ottubru 2002, 13422/02 tad-29 Ottubru 2002, 14200/02 tat-13 ta’ Novembru 2002, 14862/02 ADD 1 tas-27 ta’ Novembru 2002 u 15354/02 tad-9 Diċembru 2002. Id-Dokument 14200/02 jidher li huwa b’mod speċjali rilevanti. Dan introduċa proposti, inter alia, li sussegwentement saru l-premessa 22, l-Artikolu 2(4)(b) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/96. Fil-passat il-Qorti tal-Ġustizzja ħarset lejn it-travaux préparatoires sabiex tiddetermina l-iskop tal-leġiżlazzjoni tal-UE; ara pereżempju sentenza tas-7 ta’ Diċembru, 1995, Rockfon (Kawża C-449/93, EU:C:1995:420, punti 30 sa 34). Id-dokumenti tal-Kunsill huma aċċessibbli fuq http://register.consilium.europa.eu.

    ( 28 ) KUM(97) 30 finali, p. 6. Din l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva kienet stabbilita bl-Artikolu 13 tal-proposta oriġinali. Ma kien hemm ebda eċċezzjoni f’dan l-istadju għal prodotti b’użu doppju. Ara wkoll l-istqarrija għall-istampa IP/03/1456 “Prodotti ta’ enerġija jiġu intaxxati biss meta jintużaw bħala karburant jew biex isaħħnu, u mhux meta jintużaw bħala materja prima, jew għat-tnaqqis ta’ kimiki jew fi proċessi elettrolitiċi jew Metallurgiki”.

    ( 29 ) Ara d-Dokument 14200/02, fejn it-test ta’ stqarrija konġunta mill-Kummissjoni u l-Kunsill, li għandha tiżdied mal-minuti tal-Kunsill, espressament ikkonfermat illi hija n-natura u l-loġika tas-sistema tat-taxxa li teskludi mill-iskop tal-qafas użi doppji u użi mhux bħala karburant ta’ prodotti ta’ enerġija. L-Istati Membri mbagħad ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex jintaxxaw jew ma jintaxxawx dawn l-użi. Madankollu, dikjarazzjoni bħal din ma tistax tintuża għall-iskop ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja meta, bħal fil-każ preżenti, ma jsir l-ebda riferiment għall-kontenut tad-dikjarazzjoni fil-kliem tad-dispożizzjoni in kwistjoni u din, għalhekk, ma għandha l-ebda sinjifikat legali: ara sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (Kawża C-292/89, EU:C:1991:80, punt 18), u iktar reċenti, is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle (Kawża C‑545/11, EU:C:2013:169, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Il-ħames gassijiet l-oħra huma: l-metan; l-ossidu nitruż; l-eżafluworidu tal-kubrit; l-idrofluworokarboni (HFCs) u l-perflworokarbonji (PFCs).

    ( 31 ) Ara l-punt 17 iktar ’il fuq.

    ( 32 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23) (“id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart”): b’mod partikolari l-Artikoli 1(a) u 2(1)(b).

    ( 33 ) Skont X, fil-każ tal-Belġju u r-Renju Unit.

    ( 34 ) Skont X, fil-każ ta’ Franza u l-Ġermanja.

    ( 35 ) Sentenza tad-19 ta’ April 2007, Fendt Italiana (Kawżi magħquda C-145/06 u C-146/06, EU:C:2007:411, punti 41 u 42).

    ( 36 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (Kawża C-28/95, EU:C:1997:369, punti 31 u 32). Ara iktar reċenti, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Isbir (Kawża C-522/12, EU:C:2013:711, punti 25, 28 u 30).

    ( 37 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet [amalgamazzjoniiet], id-diviżjonijiet, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142) (“id-Direttiva dwar Amalgamazzjonijiet”).

    ( 38 ) Is-sentenza Leur-Bloem, EU:C:1997:369, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36 iktar ’il fuq, punt 31.

    ( 39 ) Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.

    ( 40 ) Ara l-punt 11 iktar ’il fuq.

    ( 41 ) Ara l-punt 54 iktar ’il fuq.

    Top