This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62012CC0356
Opinion of Mr Advocate General Bot delivered on 18 July 2013. # Wolfgang Glatzel v Freistaat Bayern. # Reference for a preliminary ruling: Bayerischer Verwaltungsgerichtshof - Germany. # Request for a preliminary ruling - Transport - Directive 2006/126/EC - Point 6.4 of Annex III - Validity - Charter of Fundamental Rights of the European Union - Articles 20, 21(1) and 26 - United Nations Convention on the Rights of Persons with Disabilities - Driving licences - Physical and mental fitness to drive a motor vehicle - Minimum standards - Visual acuity - Equal treatment - No possibility of derogation - Proportionality. # Case C-356/12.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 18 ta' Lulju 2013.
Wolfgang Glatzel vs Freistaat Bayern.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bayerischer Verwaltungsgerichtshof - il-Ġermanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trasport -Direttiva 2006/126/KE- Anness III, punt 6.4 - Validità - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 20, 21(1) u 26 - Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni diżabbli - Liċenzja tas-sewqan - Kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur - Regoli minimi - Akutezza viżiva - Ugwaljanza fit-trattament - Assenza ta’ possibbiltà ta’ deroga - Proporzjonalità.
Kawża C-356/12.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 18 ta' Lulju 2013.
Wolfgang Glatzel vs Freistaat Bayern.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bayerischer Verwaltungsgerichtshof - il-Ġermanja.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trasport -Direttiva 2006/126/KE- Anness III, punt 6.4 - Validità - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 20, 21(1) u 26 - Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni diżabbli - Liċenzja tas-sewqan - Kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur - Regoli minimi - Akutezza viżiva - Ugwaljanza fit-trattament - Assenza ta’ possibbiltà ta’ deroga - Proporzjonalità.
Kawża C-356/12.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:505
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2013 ( 1 )
Kawża C‑356/12
Wolfgang Glatzel
vs
Freistaat Bayern
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bayerischer verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja)]
“Direttiva 2006/126/KE — Standards minimi dwar il-ħila fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur — Kandidat għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji C1 u C1E li jrid ikollu akutezza viżiva ta’ mill-inqas 0.1 għall-agħar għajn — Nuqqas ta’ kwalunkwe eċċezzjoni anki għall-persuni li jaraw korrettament b’żewġ għajnejn u li għandhom kamp viżiv normali — Artikoli 20, 21 u 26 tal-Karta — Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba d-diżabbiltà — Validità tal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126/KE”
1. |
Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet teżamina l-validità tal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan ( 2 ), hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/113/KE ( 3 ), fid-dawl tal-Artikoli 20, 21(1) u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ). |
2. |
Il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 jeżiġi mill-kandidati li japplikaw għal liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji C1 u C1E li jkollhom akutezza viżiva, wara l-korrezzjoni, ta’ mill-inqas 0.8 għall-aħjar għajn u mill-inqas 0.1 għall-agħar waħda. Issa, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie mċaħħad minn liċenzja tas-sewqan għal dawn il-kategoriji peress li jbati minn amblijopija unilaterali ( 5 ) li għandha l-konsegwenza li, wara l-korrezzjoni, huwa għandu biss akutezza viżiva inferjuri għal 0.1 fl-agħar għajn. |
3. |
Il-Bayerischer verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja) għandha dubji dwar il-konformità ta’ dawn ir-rekwiżiti fiżiċi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, b’mod iktar partikolari, mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba d-diżabbiltà, kif ukoll mal-prinċipju ta’ integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà. |
4. |
F’dawn il-konklużjonijiet sejjer nesponi r-raġunijiet għaliex naħseb li għalkemm is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà, il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 huwa konformi mal-Artikoli 20, 21(1) u 26 tal-Karta. |
I – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
5. |
B’mod partikolari, id-Direttiva 2006/126 tiddefinixxi d-diversi kategoriji ta’ liċenzji tas-sewqan. L-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “[…]
[…]” |
6. |
Id-Direttiva 2006/126 għandha wkoll l-għan li tissodisfa rekwiżiti ta’ sigurtà fit-toroq billi tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi biex tinħareġ jew tiġġedded il-liċenzja tas-sewqan, filwaqt li dawn il-kundizzjonijiet ivarjaw minn kategorija ta’ liċenzja tas-sewqan għal oħra. |
7. |
L-Artikolu 7(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-liċenzja tas-sewqan għandha tinħareġ biss lil dawk l-applikanti li jkunu għaddew minn test ta’ ħila u ta’ komportament kif ukoll minn test teoriku, u li jissodisfaw ċerti standards mediċi, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi II u III tal-imsemmija direttiva. L-Artikolu 7(3)(a) tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi li, fir-rigward tal-liċenzji tas-sewqan tal-Kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1, D1E, it-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan meta tiskadi l-validità amministrattiva tagħha huwa suġġett għall-kontinwazzjoni tal-osservanza tal-istandards minimi dwar il-kapaċità fiżika u mentali għas-sewqan, hekk kif ipprovduti fl-Anness III ta’ din id-direttiva. |
8. |
L-Anness III tad-Direttiva 2006/126 jirrigwarda l-istandards minimi dwar il-ħila fiżika u mentali għas-sewqan ta’ vettura bil-mutur. Dan jiddefinixxi l-kundizzjonijiet biex tinħareġ liċenzja tas-sewqan. Biex jagħmel hekk, huwa jaqsam il-kategoriji ta’ liċenzji tas-sewqan f’żewġ gruppi, filwaqt li l-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa l-applikant għal liċenzja tas-sewqan huma differenti skont il-grupp li jaqa’ taħtu. |
9. |
Għalhekk, il-grupp 1 jinkludi s-sewwieqa ta’ vetturi tal-kategoriji A, A1, A2, AM, B, B1 u BE. Il-grupp 2 huwa magħmul mis-sewwieqa ta’ vetturi tal-kategoriji C, CE, C1, C1E, D, DE, D1 u D1E. |
10. |
Fir-rigward tal-eżamijiet mediċi relatati mal-vista, l-Anness III tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi kif ġej:
Grupp 1:
Grupp 2:
|
B – Id-dritt Ġermaniż
11. |
L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(2) tal-liġi fuq it-traffiku fit-toroq (Straβenverkehrsgesetz) tal-5 ta’ Marzu 2003 ( 7 ), hekk kif emendata l-aħħar bl-Artikolu 2(118) tal-liġi tat-22 ta’ Diċembru 2011 ( 8 ), tipprovdi li l-liċenzja tas-sewqan għall-kategorija kkonċernata trid tinħareġ, meta l-kandidat, b’mod partikolari, jikkwalifika biex isuq vetturi bil-mutur. |
12. |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(4) ta’ din l-istess liġi, kwalunkwe persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet fiżiċi u mentali neċessarji sabiex issuq vetturi bil-mutur. u li ma tkunx wettqet reati gravi jew ripetuti kontra d-dispożizzjonijiet relatati mat-traffiku fit-toroq jew kontra d-dispożizzjonijiet kriminali, titqies li hija kkwalifikata biex issuq vetturi bil-mutur. |
13. |
Ir-rekwiżiti preċiżi li jridu jiġu sodisfatti sabiex persuna tiġi rrikonoxxuta kkwalifikata sabiex issuq vetturi bil-mutur huma stabbiliti mir-regolament dwar l-aċċess ta’ persuni għat-traffiku fit-toroq (regolament dwar il-liċenzja tas-sewqan) [Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straβenverkehr (Fahrerlaubnis-Verordnung)], tat-13 ta’ Diċembru 2010 ( 9 ), hekk kif jirriżulta mill-verzjoni tar-regolament tas-26 ta’ Ġunju 2012 ( 10 ). L-Artikolu 12(1) tal-FeV jipprovdi li, sabiex isir sewqan ta’ vetturi bil-mutur, il-viżjoni tal-applikant trid tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Anness 6. |
14. |
F’dan ir-rigward, il-punt 2.2.1 ta’ dan l-Anness 6 jipprovdi li sa fejn korrezzjoni tkun possibbli u ttollerata sewwa, kwalunkwe nuqqas ta’ viżjoni għandu jiġi korrett bl-osservanza tal-valuri minimi segwenti ta’ akutezza viżiva: akutezza tal-aħjar għajn jew akutezza viżiva binokulari: 0.8; akutezza tal-agħar għajn: 0.5. F’ċerti każijiet partikolari, fid-dawl tal-esperjenza tas-sewqan u tal-użu tal-vettura, l-akutezza viżiva tal-agħar għajn tista’ tkun inferjuri għal 0.5 għall-kategoriji C, CE, C1 u C1E, sakemm din ma tkunx inferjuri għal 0.1. F’każijiet bħal dawn, ikun meħtieġ li jsir eżami oftalmoloġiku. |
15. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-leġiżlatur Ġermaniż ittraspona r-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/126 relattivi għall-akutezza viżiva billi impona huwa stess kundizzjonijiet iktar stretti fir-rigward tal-akutezza viżiva tal-agħar għajn, b’mod konformi ma’ dak li jipprovdi l-punt 5 tal-Anness III ta’ din id-direttiva, filwaqt li aċċetta l-akutezza viżiva minima fl-agħar għajn f’ċerti każijiet biss u sakemm jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet restrittivi sostantivi u proċedurali. |
16. |
Skont il-punt 2.3 tal-Anness 6 tal-FeV, wara li jirriżulta telf ġdid fil-vista, għandu jiġi osservat perijodu ta’ adattament ta’ żmien opportun li matulu s-sewqan ta’ vetturi bil-mutur ikun ipprojbit. Meta jispiċċa dan il-perijodu, is-sewqan ta’ tali vetturi jkun awtorizzat biss wara li l-persuna interessata tkun suġġetta għal eżami oftalmoloġiku u tkun ġiet irrakkomandata. |
17. |
Fl-aħħar nett, il-punt 1 tal-Artikolu 74(1) tal-FeV jipprovdi li jistgħu jingħataw derogi mill-awtoritajiet superjuri kompetenti tal-Land jew mill-awtoritajiet innominati minn dawn tal-aħħar, jew minn dawk li jkunu kompetenti skont il-liġi tal-Land, f’ċerti każijiet partikolari jew, b’mod ġenerali, għal ċerti applikanti partikolari, sakemm l-effetti tagħhom ma jkunux limitati għat-territorju tal-Land u ma jidhirx li tkun meħtieġa deċiżjoni uniformi. B’mod konformi mal-punt 2 ta’ din id-dispożizzjoni, jistgħu jingħataw derogi wkoll mill-Ministeru Federali tat-Trasport, tal-Bini u tal-Iżvilupp Urban fir-rigward tad-dispożizzjonijiet kollha tal-FeV, meta l-awtoritajiet tal-Land ma jkunux kompetenti skont il-punt 1 tal-imsemmija dispożizzjoni. Dan il-Ministeru jagħti derogi ġenerali permezz ta’ regolament li ma jkunx suġġett għall-kunsens tal-Bundesrat, wara li jikkonsulta l-awtoritajiet superjuri kompetenti tal-Länder. |
II – Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
18. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ April 2010, il-liċenzja ta’ W. Glatzel ġiet irtirata minħabba li dan kien saq fi stat ta’ sakra. |
19. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2010, il-Landratsamt Schwandorf laqgħet it-talba ta’ W. Glatzel biex tinħariġlu liċenzja ġdida tas-sewqan għall-kategoriji li jaqgħu taħt il-grupp 1, hekk kif iddefinit fl-Anness III tad-Direttiva 2006/126, jiġifieri għall-kategoriji A, A1 u BE kif ukoll għall-kategoriji nazzjonali M, L u S, li jagħtu d-dritt li jinstaqu roti b’mutur supplimentari, muturi żgħar u vetturi żgħar bil-mutur b’veloċità massima ta’ kostruzzjoni ta’ 45 km/siegħa, kif ukoll tratturi ta’ kostruzzjoni jew agrikoli b’veloċità massima ta’ kostruzzjoni ta’ 25 km/siegħa u 32 km/siegħa, rispettivament. |
20. |
Min-naħa l-oħra, permezz tal-istess deċiżjoni, ġie miċħud il-ħruġ ta’ liċenzja ġdida tas-sewqan għall-kategoriji C1 u C1E fil-konfront ta’ W. Glatzel minħabba li eżami oftalmoloġiku wera li huwa kien isofri minn amblijopija unilaterali. Filwaqt li l-akutezza viżiva ċentrali tiegħu kienet tlaħħaq 1.0 għall-għajn tax-xellug — li jfisser li din kienet kompleta — u l-akutezza viżiva binokulari kienet ukoll tlaħħaq dan l-istess valur, bl-għajn il-leminija waħedha W. Glatzel seta’ jara biss movimenti tal-id. Għalhekk, huwa ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Ġermaniż għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan għall-kategoriji C1 u C1E. |
21. |
W. Glatzel ippreżenta inutilment ilment kontra din id-deċiżjoni. Għalhekk huwa ppreżenta appell quddiem il-Verwaltungsgericht Regensburg (tribunal amministrattiv ta’ Regensburg, il-Ġermanja) intiż għall-annullament ta’ parti mid-deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2010 u għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan għall-kategoriji C1 u C1E. Dan l-appell ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2011, minħabba li W. Glatzel ma kellux l-akutezza viżiva minima ta’ 0.5, meħtieġa f’dak iż-żmien mid-dritt Ġermaniż. |
22. |
W. Glatzel appella minn din is-sentenza quddiem il-Bayerischer verwaltungsgerichtshof. Din tal-aħħar talbet rapport tekniku minn dipartiment oftalmoloġiku sabiex jiġi stabbilit l-istat tal-viżjoni attwali ta’ W. Glatzel u sabiex jgħid jekk u sa fejn huwa setax jikkoreġi n-nuqqasijiet eżistenti, li, f’dan il-każ, kienu jirrigwardaw il-viżjoni spazjali, u jekk dawn il-possibbilitajiet ta’ korrezzjoni kinux jissussistu indipendentement mir-rieda tiegħu. Barra minn hekk, permezz ta’ rapport tekniku ieħor, il-qorti tar-rinviju ppruvat ssir taf jekk, minn perspettiva xjentifika, jeżistux raġunijiet tajba sabiex jinċaħad il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan għall-kategoriji C1 u C1E għall-persuni li jkollhom viżjoni monokulari għal raġunijiet anatomiċi jew funzjonali, anki meta jkun ġie stabbilit li dawn il-persuni jistgħu jikkumpensaw adegwatament għal tibdil possibbli fil-vista tagħhom. Il-Bayerischer verwaltungsgerichtshof xtaqet ukoll issir taf liema kienu l-kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti, jekk ikun hemm bżonn, sabiex is-sewqan minn tali persuni ta’ vetturi li jaqgħu taħt dawk il-kategoriji ma jkun jimplika l-ebda theddida addizzjonali għas-sigurtà fit-toroq meta mqabbla ma’ dawk il-persuni li l-vista tagħhom ma tinbidel bl-ebda mod. |
23. |
Sussegwentement għal dawn ir-rapporti, kif ukoll għas-seduta li nżammet quddiemha, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-appell ta’ W. Glatzel għandu jintlaqa’, jiġifieri li jiġu annullati d-deċiżjonijiet amministrattivi kif ukoll is-sentenza tal-Verwaltungsgericht Regensburg u li tinħariġlu liċenzja tas-sewqan għall-kategoriji C1 u C1E. Għall-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż li tipprekludi l-ħruġ ta’ tali liċenzja ma hijiex valida peress li tmur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba d-diżabbiltà. Madankollu, peress li din id-dispożizzjoni ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Ġermaniż b’mod konformi mal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, titqajjem l-ewwel nett il-kwistjoni tal-validità ta’ dan il-punt. |
24. |
Għalhekk, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja : “Il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 […] huwa konformi mal-Artikoli 20, 21(1) u 26 tal-[Karta], sa fejn din id-dispożizzjoni teżiġi mill-kandidati għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta’ liċenzja tas-sewqan għall-kategoriji C1 u C1E, mingħajr l-ebda possibbiltà ta’ deroga, akutezza minima fil-vista ta’ 0.1 fl-agħar għajn, anki meta l-vista ta’ dawn il-persuni hija binokulari u li għandhom kamp tal-vista normali fiż-żewġ għajnejn?” |
III – L-analiżi tiegħi
25. |
Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tevalwa l-konformità tal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 mal-Artikoli 20, 21(1) u 26 tal-Karta. Iktar preċiżament, għandha tasal biex taqta’ u tiddeċiedi jekk il-livell minimu ta’ akutezza viżiva mitlub mingħand il-kandidat għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1 jew C1E huwiex validu fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
26. |
Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li tali livell jiġi impost fuq kandidat li jaqa’ taħt il-grupp 2, hekk kif iddefinit minn din id-direttiva, imurx kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba d-diżabbiltà kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn l-imsemmija direttiva tittratta b’mod differenti l-kandidati tal-grupp 2 meta mqabbla ma’ dawk tal-grupp 1. |
27. |
Sejjer neżamina l-validità tal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, l-ewwel nett, fid-dawl tal-Artikoli 21(1) u 26 tal-Karta u, sussegwentement, it-tieni nett, fid-dawl tal-Artikolu 20 tagħha. |
A – Fuq il-validità tal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, fid-dawl tal-Artikoli 21(1) u 26 tal-Karta
28. |
L-eżami tad-domanda preliminari mressqa quddiemi jeżiġi li nittratta, l-ewwel nett, l-applikazzjoni tal-Artikoli 21(1) u 26 tal-Karta għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, jekk sitwazzjoni bħal dik ta’ W. Glatzel, li jbati minn difett fil-vista, ma taqax taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà, il-validità tal-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, ma tkunx tista’ tiġi analizzata fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
1. Fuq il-kunċett ta’ diżabbiltà
29. |
Il-kunċett ta’ diżabbiltà ma huwiex iddefinit fil-Karta, iktar milli ma huwa fit-Trattati u fid-dritt sekondarju. Kien fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba d-diżabbiltà fil-qasam tal-impjieg, u b’mod iktar partikolari fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 11 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tagħti definizzjoni ta’ dan il-kunċett. Għalhekk, filwaqt li ppreċiżat id-definizzjoni li hija kienet żviluppat fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2006, Chacón Navas ( 12 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet reċentement, fis-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Ring ( 13 ), li l-kunċett ta’ diżabbiltà għandu jinftiehem li jirreferi għal limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra ( 14 ). |
30. |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk is-sitwazzjoni ta’ W. Glatzel taqax taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà, naħseb li ma għandix inwarrab id-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi. |
31. |
Fil-fatt, l-ewwel nett, ma nistax ninjora l-fatt li fil-parti l-kbira tal-każijiet, applikazzjoni biex tinħareġ liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1 jew C1E hija intiża, għall-persuna kkonċernata, biex hija tkun tista’ jkollha aċċess għall-professjoni ta’ sewwieq ta’ vetturi għall-ġarr tal-merkanzija. Il-pussess ta’ permess ta’ dawn il-kategoriji hija prerekwiżit għall-eżerċizzju ta’ din il-professjoni. F’dan is-sens, din hija, bla ebda dubju, kundizzjoni għall-aċċess għall-imsemmija professjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78. Inkwantu għall-bqija, l-istess japplika fir-rigward tal-kategoriji l-oħra ta’ liċenzji tas-sewqan li jaqgħu taħt il-grupp 2, li jinkludu l-liċenzji li jawtorizzaw is-sewqan ta’ vetturi li jġorru iktar minn tmien persuni, bħalma huma x-xarabankijiet, il-kowċis għat-trasport komuni, bit-trejler jew mingħajru. |
32. |
Jidhirli għalhekk li huwa fil-kuntest tal-possibbiltà ta’ diskriminazzjoni fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal impjieg li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi jekk is-sitwazzjoni ta’ W. Glatzel taqax taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà jew le. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, dan huwa dak li jirriżulta mid-domanda għal deċiżjoni preliminari, peress li l-qorti tar-rinviju tikkontempla espressament l-integrazzjoni professjonali ta’ persuni b’diżabbiltà u l-aċċess għall-professjoni ta’ sewwieq ta’ vetturi għall-ġarr tal-merkanzija ( 15 ). |
33. |
Sussegwentement, huwa essenzjali li dan il-kunċett, li huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, jiġi interpretat b’mod uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u dan jgħodd iktar u iktar peress li d-Direttiva 2000/78 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 13 KE li minnu huwa direttament ispirat l-Artikolu 21(1) tal-Karta ( 16 ). |
34. |
F’dan il-każ, naħseb li s-sitwazzjoni ta’ W. Glatzel taqa’ tassew taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà. |
35. |
Fil-fehma tiegħi, mid-definizzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-Organizzazzjoni tal-Nazzjonijiet Uniti (ONU) ( 17 ), jirriżulta li d-diżabbiltà ma għandhiex tinftiehem skont il-livell ta’ nuqqas inkwistjoni, iżda ddeterminata fid-dawl tal-konsegwenza li jinvolvi dan in-nuqqas meta jiġi quddiem kuntest soċjali, f’ambjent iddeterminat. Għalhekk, l-attenzjoni tiegħi trid tikkonċentra ruħha fuq din il-konsegwenza u mhux fuq in-nuqqas innifsu. Meta l-interazzjoni bejn nuqqas — jew preġudizzju, biex nuża l-kelma użata mill-Qorti tal-Ġustizzja — u ambjent partikolari għandha l-konsegwenza li tirrestrinġi x-xogħol tal-persuna kkonċernata b’tali mod li hija ma tkunx tista’ iktar tipparteċipa bis-sħiħ u effettivament fil-ħajja professjonali fuq il-bażi ta’ ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra, wieħed ikun jinsab quddiem diżabbiltà. |
36. |
Għalhekk, nuqqas jew preġudizzju fiżiku, mentali jew psikoloġiku mhux bilfors jikkostitwixxi diżabbiltà. Kollox jiddependi mill-ambjent li fih taġixxi l-persuna kkonċernata u mill-ostakoli li hija ssib meta n-nuqqas tagħha jidħol f’kuntatt ma’ dan l-ambjent ( 18 ). |
37. |
Min-naħa l-oħra, applikata għas-sitwazzjoni ta’ W. Glatzel, din l-analiżi twassalni biex nikkunsidra li n-nuqqas ta’ dan tal-aħħar jaqa’ tassew taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà. |
38. |
Fil-fatt, W. Glatzel isofri minn amblijopija unilaterali li taffettwa l-vista tal-għajn il-leminija tiegħu. Għalhekk, wara l-korrezzjoni, huwa għandu vista fl-għajn il-leminija li hija inferjuri għal 0.1 u jista’ jara biss movimenti tal-id. L-amblijopija mhux bilfors timplika diffikultà fil-ħajja ta’ kuljum. Dawk il-persuni li, bħal W. Glatzel, jitwieldu b’dan in-nuqqas tgħallmu jikkumpensaw għall-vista fl-għajn difettuża bl-għajnuna tal-għajn l-oħra u jistgħu jiżviluppaw kważi normalment fis-soċjetà. |
39. |
Madankollu, l-amblijopija xorta waħda ma tippermettix lil dak li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ W. Glatzel li jkollu aċċess għall-professjoni ta’ sewwieq ta’ vetturi għall-ġarr tal-merkanzija peress li huwa ma jissodisfax ir-rekwiżiti mitluba għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ sewqan tal-kategoriji C1 u C1E. Hawnhekk in-nuqqas jikkostitwixxi tassew diżabbiltà fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għaliex l-interazzjoni bejn dan in-nuqqas u dan l-ambjent partikolari żżommu milli jipparteċipa bis-sħiħ u effettivament f’attività professjonali li hija, fl-aħħar mill-aħħar, komuni. |
40. |
Għalhekk, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ tassew taħt il-kunċett ta’ diżabbiltà, u għalhekk tagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikoli 21(1) u 26 tal-Karta. F’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk l-impożizzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni ta’ livell minimu ta’ akutezza viżiva għall-finijiet tal-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategoriji C1 u C1E tikkostitwixxix diskriminazzjoni u jekk din tmurx kontra l-prinċipju ta’ integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà. |
2. Fuq il-ksur tal-Artikoli 21(1) u 26 tal-Karta
41. |
Skont ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kontroll ta’ legalità li hija tasal biex teżerċita, dejjem irrikonoxxiet lil-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tan-natura u tal-portata tal-miżuri li għandhom jittieħdu fl-oqsma ta’ azzjoni tal-Unjoni. Issa, ladarba l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat bi żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’kuntest bħal dan, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-punti fattwali ta’ natura xjentifika u teknika ma’ dik tal-istituzzjonijiet li lilhom biss it-Trattat ta dan il-kompitu ( 19 ). |
42. |
Xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa marbut li josserva d-drittijiet fundamentali u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għal tali drittijiet biss jekk dawn ikunu neċessarji u intiżi effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn, b’mod konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta. |
43. |
Nikkunsidra li, fil-kawża prinċipali, dan huwa tassew il-każ. |
44. |
Ir-regoli pprovduti fid-Direttiva 2006/126 jikkontribwixxu, b’mod partikolari, biex titjieb is-sigurtà fit-toroq ( 20 ). Iktar preċiżament, sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ sigurtà fit-toroq, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa l-kundizzjonijiet minimi biex tkun tista’ tinħareġ liċenzja tas-sewqan ( 21 ), liema kundizzjonijiet jinsabu, b’mod partikolari, fil-punt 6.4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva. |
45. |
It-titjib tas-sigurtà fit-toroq jikkostitwixxi, bla ebda dubju, għan ta’ interess ġenerali ( 22 ). F’dan ir-rigward, sussegwentement għat-tielet programm ta’ azzjoni tagħha għas-sigurtà fit-toroq, fl-2010 l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat komunikazzjoni sabiex tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri intiżi sabiex titjieb is-sigurtà fit-toroq ( 23 ). Fil-fatt, skont l-aħħar statistika, 75 persuna għadhom imutu kuljum fit-toroq u għal kull persuna li tmut fin-netwerk ta’ toroq Ewropew, għaxra oħra huma vittmi ta’ feriti gravi bħalma huma d-danni fil-moħħ jew fis-sinsla tad-dahar ( 24 ). |
46. |
Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li s-sewqan, b’mod ġenerali, u s-sewqan ta’ vetturi ta’ ċertu daqs bħalma huwa dak ta’ vetturi għall-ġarr tal-merkanzija, b’mod partikolari, jeżiġi funzjoni viżiva tajba, li din stess tippreżumi akutezza viżiva tajba u kamp viżiv mhux mibdul. |
47. |
Fil-fatt, l-akutezza viżiva hija l-kapaċità li jingħarfu dettalji żgħar fil-bogħod, normalment f’distanza ta’ 3 sa 6 metri. Din hija meqjusa li hija l-iktar modalità importanti tal-funzjoni viżiva ( 25 ). Min-naħa tiegħu, il-kamp viżiv huwa l-perċezzjoni tal-ispazju mill-għajn li tkun immobbli. Kamp viżiv mhux mibdul jippermetti li jiġu identifikati oġġetti, dwal, kuluri jew movimenti li jkunu ’l bogħod mill-punt tal-iffissar tal-għajn. |
48. |
Għalhekk, huwa iktar u iktar fundamentali li wieħed ikollu funzjoni viżiva tajba meta jeżerċita professjoni bħalma hija dik ta’ sewwieq ta’ vetturi għall-ġarr tal-merkanzija, li twassal lis-sewwieq li jgħaddi l-parti l-kbira tal-ħin tax-xogħol tiegħu fin-netwerk ta’ toroq. Għalhekk, il-funzjoni viżiva tista’ tkun mitluba f’kundizzjonijiet metereoloġiċi kultant diffiċli, bħal meta tagħmel ix-xita, bil-lejl jew meta jkun hemm ħafna ċpar. Hija essenzjali funzjoni viżiva li tippermetti li wieħed ikollu l-aħjar riflessi possibbli quddiem sitwazzjonijiet mhux previsti li sewwieq jista’ jiltaqa’ magħhom. |
49. |
Għalhekk, il-vista tibqa’ l-iktar funzjoni importanti għas-sewqan tal-vetturi ( 26 ) u naħseb li tidher li hija evidenti r-rabta bejn vista tajba u s-sigurtà fit-toroq. |
50. |
Kien fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-leġiżlatur tal-Unjoni wasal sabiex jistabbilixxi livelli minimi ta’ akutezza viżiva li taħthom ma jistgħux jinħarġu liċenzji tas-sewqan għall-kategoriji C1 u C1E. Kien l-ewwel nett fil-kuntest tad-Direttiva 91/439/KEE ( 27 ) li l-Kummissjoni stabbilixxiet dawn il-livelli minimi li jridu jiġu sodisfatti mill-kandidati għal liċenzja tas-sewqan. Sussegwentement, peress li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/126 jippermetti li jsir adattament tal-Anness III tagħha mal-progress xjentifiku u tekniku, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikorra għal korp ta’ esperti, il-grupp ta’ xogħol “Vision”, sabiex jeżamina jekk kienx hemm bżonn li jitbiddlu l-imsemmija livelli. |
51. |
Dan il-grupp ta’ xogħol kellu perfettament konoxxenza tar-rwol ta’ integrazzjoni li jista’ jkollha l-liċenzja tas-sewqan u, f’dan ir-rigward, indika mill-ewwel fir-rapport tiegħu li, għal din ir-raġuni, il-kundizzjonijiet minimi ta’ ħila ma kellhomx ikunu stretti sal-punt li ċerti sewwieqa jiġu esklużi mingħajr raġuni valida ( 28 ). Kien għalhekk meħtieġ li jintlaħaq il-bilanċ opportun bejn l-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq u l-mobilità tal-individwi. |
52. |
Sussegwentement għall-parir mogħti mill-imsemmi grupp ta’ xogħol, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta d-Direttiva 2009/113 li temenda d-Direttiva 2006/126, fil-verżjoni inizjali tagħha, u, iktar preċiżament, l-Anness III ta’ din tal-aħħar. Għalhekk, ġie deċiż, b’mod partikolari, li l-livelli minimi ta’ akutezza viżiva mitluba jiġu emendati sabiex ikunu jistgħu jinħarġu liċenzji tas-sewqan li jaqgħu taħt il-grupp 2. Dawn il-livelli ġew stabbiliti, wara l-korrezzjoni, għal, mill-inqas 0.8 għall-aħjar għajn u mill-inqas 0.1 għall-agħar waħda, filwaqt li inizjalment dan tal-aħħar kien 0.5. |
53. |
Fid-dawl tar-rabta mill-qrib bejn il-funzjoni viżiva u s-sigurtà fin-netwerks ta’ toroq, ma hemm ebda dubju li l-impożizzjoni ta’ tali livelli hija neċessarja sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq. Iktar preċiżament, fir-rigward tal-każ ta’ persuna bħal W. Glatzel li tbati minn amblijopija unilaterali, għandu jiġi rrilevat li dan in-nuqqas jaffettwa direttament il-funzjoni viżiva tal-persuna kkonċernata. F’dan il-każ, W. Glatzel, li seta’ jara biss moviment tal-id bl-għajn amblijopika tiegħu, għandu akutezza viżiva taħt 0.1 f’dik l-għajn. Skont il-klassifikazzjoni użata mill-Organizzazzjoni Mondjali tas-Saħħa, tali akutezza titqies li toħloq nuqqas viżiv serju li jaqa’ taħt il-kategorija 2, liema kategorija tippreċedi dik li minnha tifforma parti l-għama ( 29 ). |
54. |
Għalkemm l-amblijopija unilaterali mhux bilfors tikkostitwixxi diffikultà fil-ħajja ta’ kuljum, din tista’ titqies, fil-kuntest partikolari tas-sewqan, bħala periklu potenzjali għall-persuna li tbati minnha u għal dawk il-persuni l-oħra li jużaw it-toroq. Fil-fatt, fir-rapport tiegħu, il-grupp ta’ ħidma “Vision” indika li għalkemm is-sewqan jista’ jitqies li huwa attività li teżiġi vista binokulari, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fid-dawl tar-responsabbiltajiet tas-sewwieqa li jaqgħu taħt il-grupp 2 — infakkar li dawn is-sewwieqa jużaw vetturi ta’ daqs kbir ta’ iktar minn 3.5 tunnellati li jittrasportaw il-merkanzija, kif ukoll vetturi li jittrasportaw iktar minn tmien passiġġieri —, dawn tal-aħħar iridu jkollhom “għajn ta’ riżerva”, iġifieri għajn li waħedha tista’ tipperċepixxi l-ambjent fil-każ li dawn is-sewwieqa jitilfu l-vista fl-għajn l-oħra b’mod ħesrem. Għalhekk, il-grupp ta’ ħidma “Vision” ikkunsidra li akutezza viżiva minima ta’ 0.1 għandha tkun biżżejjed sabiex tagħti żmien lis-sewwieq ta’ vettura għall-ġarr ta’ merkanzija, jew ta’ xarabank, li jirreaġixxi u jwaqqaf il-vettura tiegħu b’sigurtà sħiħa ( 30 ). |
55. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni segwa l-parir tal-esperti u għalhekk jeżiġi mis-sewwieqa li jaqgħu taħt il-grupp 2 li jkollhom akutezza viżiva, wara l-korrezzjoni, ta’ mill-inqas 0.8 għall-aħjar għajn u mill-inqas 0.1 għall-agħar waħda. |
56. |
Ma jidhirlix li l-impożizzjoni ta’ tali livelli tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb l-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq. L-ewwel nett, il-prevenzjoni fil-qasam tas-sigurtà tat-toroq għandha rwol determinanti u tintlaħaq ukoll permezz ta’ eżami bir-reqqa tal-ħiliet fiżiċi u mentali tas-sewwieqa ta’ vetturi bħalma huma dawk li jaqgħu taħt il-kategoriji C1 u C1E. Livelli minimi ta’ akutezza viżiva jikkontribwixxu bla ebda dubju biex jipprevjenu r-riskji marbuta mas-sewqan. Fir-rigward tal-iffissar ta’ dawn il-livelli, fil-fehma tiegħi, l-esperti huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw jekk persuna għandhiex akutezza viżiva suffiċjenti biex issuq tali vetturi b’sigurtà sħiħa. Barra minn hekk, infakkar li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/126 jipprovdi espressament li l-imsemmija livelli jistgħu jiżviluppaw fid-dawl tal-progress xjentifiku, hekk kif ġara reċentement ( 31 ). |
57. |
Għalhekk, fir-rigward tal-għan ta’ titjib tas-sigurtà fit-toroq li tfittex li tilħaq id-Direttiva 2006/126, tal-informazzjoni li kienet għad-dispożizzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif ukoll tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandu f’dan il-qasam, naħseb li dan tal-aħħar seta’ validament jimponi dawn ir-rekwiżiti u li dawn tal-aħħar jiġġustifikaw limitazzjoni għall-Artikoli 21(1) u 26 tal-Karta. |
58. |
Għalhekk, fid-dawl tal-fatturi preċedenti kollha, inqis li l-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, li jiffissa l-kundizzjonijiet ta’ ħila viżiva għall-finijiet tal-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1 u C1E, huwa konformi mal-Artikoli 21(1) u 26 tal-Karta. |
B – Fuq il-validità tal-punt 6.4 tal-Anness III fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-Karta
59. |
Il-qorti tar-rinviju tfittex ukoll li ssir taf jekk il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126 imurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst fl-Artikolu 20 tal-Karta, peress li s-sewwieqa li jaqgħu taħt il-grupp 2 huma ttrattati b’mod differenti mis-sewwieqa li jaqgħu taħt il-grupp 1. Fil-fatt, għal dawn tal-aħħar, livell minimu ta’ akutezza viżiva huwa rikjest biss għall-vista binokulari. Għalhekk, il-kandidati għal liċenzja tas-sewqan li taqa’ taħt il-grupp 2 biss irid ikollhom “għajn ta’ riżerva”. |
60. |
Ma naħsibx li dan it-trattament differenti jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
61. |
Fil-fatt, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 32 ). Madankollu nikkunsidra li s-sitwazzjoni tas-sewwieqa li jaqgħu taħt il-grupp 2 ma hijiex komparabbli. |
62. |
Il-leġiżlatur tal-Unjoni qagħad attent li joħloq żewġ kategoriji ta’ sewwieqa skont id-daqs tal-vettura, in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati u r-responsabbiltajiet li għalhekk jirriżultaw mis-sewqan ta’ dawn il-vetturi. Għalhekk, infakkar li s-sewwieqa li jaqgħu taħt il-grupp 2 jispiċċaw sabiex isuqu vetturi ta’ daqs kunsiderevoli, bħall-vetturi għall-ġarr tal-merkanzija jew ix-xarabankijiet. Hekk kif diġà rrilevajt fil-kawża li tat lok għas-sentenza Apelt, iċċitata iktar ’il fuq, din id-distinzjoni u r-rekwiżiti fiżiċi u mentali li jirriżultaw minnha jistgħu jiġu faċilment spjegati, peress li xarabank jew vettura għall-ġarr tal-merkanzija ma tinstaqx bl-istess mod bħal karozza jew mutur. Il-manuvri huma iktar diffiċli, ir-roadholding huwa differenti ħafna. Bl-istess mod, ir-responsabbiltà tas-sewwieq ta’ xarabank tiżdied minħabba n-numru ta’ passiġġieri ttrasportati ( 33 ). |
63. |
Barra minn hekk, id-differenza fis-sitwazzjonijiet bejn is-sewwieqa ta’ vetturi li jaqgħu taħt il-grupp 1 u dawk li jaqgħu taħt il-grupp 2 tinstab ukoll fil-fatt li, b’mod ġenerali, meta vettura għall-ġarr tal-merkanzija jew xarabank tkun implikata f’inċident tat-traffiku, il-konsegwenzi jkunu iktar gravi. Minn dan tirriżulta l-ħtieġa li jiġu applikati kundizzjonijiet iktar stretti għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan. |
64. |
Barra minn hekk, is-sewwieqa li jaqgħu taħt il-grupp 2 ikunu, fil-parti l-kbira tal-każijiet, sewwieqa professjonali li jgħaddu parti sostanzjali tal-ħin tax-xogħol tagħhom fin-netwerk ta’ toroq. Għal dawn is-sewwieqa, il-viġilanza fir-rigward tal-ħiliet fiżiċi u mentali għandha għalhekk tkun partikolarment għolja, li japplika iktar u iktar fir-rigward tal-funzjoni viżiva, li hija fattur eminentement importanti fis-sewqan estiż, għaliex traġitti twal bilfors ikollhom konsegwenzi mhux negliġibbli fuq l-għajja u għalhekk fuq il-vista. Inwkantu l-bqija, hekk kif irrileva l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-punt 29 tal-osservazzjonijiet tiegħu, l-Istati Membri, b’mod konformi mal-punt 1.3 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126, għandhom il-possibbiltà li japplikaw l-istess kontrolli relattivi għall-ħiliet fiżiċi u mentali għas-sewwieqa ta’ vetturi li jaqgħu taħt il-kategorija B li jużaw il-vettura tagħhom għal finijiet professjonali, bħalma huma s-sewwieqa tat-taxis jew tal-ambulanzi. |
65. |
Għalhekk, peress li s-sitwazzjoni tas-sewwieqa li jaqgħu taħt il-grupp 1 ma hijiex komparabbli ma’ dik tas-sewwieqa li jaqgħu taħt il-grupp 2, naħseb li l-punt 6.4 tal-Anness III ta’ din id-direttiva huwa wkoll konformi mal-Artikolu 20 tal-Karta. |
IV – Konklużjoni
66. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi lill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof b’dan il-mod: Il-punt 6.4 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-liċenzji tas-sewqan huwa konformi mal-Artikoli 20, 21(1) u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU L 403, p. 18, u rettifika ĠU 2009, L 19, p. 67.
( 3 ) ĠU L 223, p. 31, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/126”.
( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.
( 5 ) L-amblijopija unilaterali hija telf funzjonali sinjifikattiv fil-vista ta’ għajn, li tolqot prinċipalment il-vista ċentrali, filwaqt li l-vista periferika tibqa’ kważi dejjem normali.
( 6 ) Direttiva li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 7, p. 441).
( 7 ) BGBl. 2003 I, p. 310, 919.
( 8 ) BGBl. 2011 I, p. 3044.
( 9 ) BGBl. 1998 I, p. 2214, iktar ’il quddiem il-“FeV”.
( 10 ) BGBl. 2012 I, p. 1394.
( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 4, p. 79.
( 12 ) C-13/05, Ġabra p. I-6467, punt 43.
( 13 ) C-335/11 u C-337/11.
( 14 ) Punt 38.
( 15 ) Ara l-punti 37 u 38 tad-digriet tar-rinviju.
( 16 ) Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007 C 303, p. 17).
( 17 ) Ara l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, approvata f’isem il-Komunità Ewropea mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010 L 23, p. 35), li fil-premessa (e) tagħha tiddefinixxi d-diżabbiltà bħala xi ħaġa li “[tirriżulta mill-interazzjoni bejn il-persuni li għandhom inkapaċità u l-ostakoli fl-imġiba u ambjentali] li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor”.
( 18 ) Jekk tikkostitwixxi prova, l-Ammirall Nelson, li għama minn għajn waħda matul l-assedju ta’ Calvi fl-1794, ma kienx prekluż milli jkompli jmexxi l-armata tiegħu u li jirbaħ il-Battalja ta’ Trafalgar fl-1805. Għalkemm oġġettivament sofra minn nuqqas fil-vista, dan in-nuqqas ma kienx neċessarjament jikkostitwixxi diżabbiltà f’dawn iċ-ċirkustanzi.
( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe) (C-425/08, p. I-0035 I, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara l-premessa 2 tal-imsemmija direttiva.
( 21 ) Ara l-premessa 8 tal-imsemmija direttiva.
( 22 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-438/08, Ġabra. p. I-10219, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2011, Grasser (C-184/10, Ġabra p. I-4057, punt 26) u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Apelt (C-224/10, Ġabra p. I-9601, punt 47).
( 23 ) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-20 ta’ Lulju 2010, intitolat “Lejn żona Ewropea ta’ sigurtà fit-toroq: orjentazzjonijiet politiċi għas-sigurtà fit-toroq mill-2011 sa l-2020” (KUM (2010) 389 finali).
( 24 ) Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Marzu 2013, disponibbli fl-indirizz internet li ġej: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-236_fr.htm?locale=FR.
( 25 ) Ara r-rapport tal-grupp ta’ ħidma “Vision” tax-xahar ta’ Mejju 2005, intitolat “New standards for the visual functions of drivers”, disponibbli fl-indirizz internet li ġej: http://ec.europa.eu/transport/road_safety/behavior/doc/new_standards_final_version_en.pdf, p. 6.
( 26 ) Ibidem, p. 4.
( 27 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317).
( 28 ) Ara r-rapport tal-grupp ta’ ħidma “Vision”, p. 4.
( 29 ) Ara l-indirizzi internet li ġejjin: http://apps.who.int/classifications/icd10/browse/2008/fr/H53-H54 u http://www.who.int/mediacentre/factsheets/fs282/fr/.
( 30 ) Ara r-rapport tal-grupp ta’ ħidma “Vision”, p. 23.
( 31 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et (C-581/10 u C-629/10, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 33 ) Ara l-punt 39 tal-konklużjonijiet f’dik il-kawża.