Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CC0262

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 11 ta' Lulju 2013.
    Association Vent De Colère! Fédération nationale et. vs Ministre de l’Écologie, du Développement durable, des Transports et du Logement u Ministre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Conseil d'État - Franza.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Għajnuna mill-Istat - Kunċett ta’ ʽintervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istatʼ - Elettriku li joriġina mir-riħ - Obbligu ta’ xiri bi prezz ogħla għall-prezz tas-suq - Kumpens integrali - Kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali tal-enerġija.
    Kawża C-262/12.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:469

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JÄÄSKINEN

    ippreżentati fil-11 ta’ Lulju 2013 ( 1 )

    Kawża C‑262/12

    Association Vent De Colère! Fédération nationale,Alain Bruguier,

    Jean‑Pierre Le Gorgeu,Marie‑Christine Piot,Eric Errec,Didier Wirth,Daniel Steinbach,Sabine Servan‑Schreiber,Philippe Rusch,Pierre Recher,Jean‑Louis Moret,Didier Jocteur Monroziervs

    Ministre de l’Écologie, du Dveloppement durable, des Transports et du LogementuMinistre de l’Économie, des Finances et de l’Industrie

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza)]

    “Għajnuna mill-Istat — Artikolu 107(1) TFUE — Kunċett ta’ intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat — Elettriku li joriġina mir-riħ — Obbligu li jinxtara bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq — Kumpens integrali — Ġurisprudenza ‘PreussenElektra’ — Kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali tal-elettriku”

    1. 

    Din id-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État (Franza), tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ wieħed mill-kriterji kostituttivi tal-kunċett tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-kunċett ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u dan fil-kuntest tas-suq intern tal-elettriku. Il-kawża prinċipali għandha l-oriġini tagħha fir-rikors ippreżentat quddiem il-Conseil d’État mill-assoċjazzjoni Vent de Colère! – Fédération nationale u ħdax-il rikorrent ieħor (iktar ’il quddiem “Vent de Colère et”) kontra żewġ deċiżjonijiet ministerjali li jistabbilixxu r-rekwiżiti għax-xiri tal-elettriku ġġenerat mill-installazzjonijiet li jużaw enerġija mekkanika tar-riħ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”) ( 2 ).

    2. 

    Il-kwistjoni prinċipali sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja tittratta l-mod ta’ finanzjament tal-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali impost fuq id-distributuri tal-elettriku li joriġina mir-riħ fi Franza minħabba l-obbligu li jixtru dan l-elettriku bi prezz ogħla minn dak tas-suq. Id-distributuri huma suġġetti għall-imsemmi obbligu skont il-Liġi Nru 2000‑108, tal-10 ta’ Frar 2000, dwar il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 2000‑108”) ( 3 ). Skont din il-liġi, l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-obbligu tax-xiri huma s-suġġett għal kumpens minn fond ta’ servizz pubbliku tal-produzzjoni tal-elettriku, irregolat mill-Caisse des dépôts et des consignations (iktar ’il quddiem is-“CDC”) u kkostitwit mill-kontribuzzjonijiet dovuti mill-prodotturi, mill-fornituri u mid-distributuri msemmija fl-imsemmija liġi.

    3. 

    Il-mekkaniżmu inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, jirriżulta mill-emenda tal-Liġi Nru 2000‑108 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 2000‑108 kif emendata”) ( 4 ), li issa tipprovdi li l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-obbligu tax-xiri fuq imsemmi huma suġġetti għal kumpens integrali, iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali tal-elettriku installat fit-territorju nazzjonali. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jqisu dan bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    4. 

    Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza kemm dwar il-miżuri mogħtija b’mod indirett, permezz tal-ħolqien ta’ fondi jew organi responsabbli mill-ġestjoni tal-fluss tal-elettriku li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 5 ), kif ukoll dwar il-miżuri ta’ għajnuna ffinanzjati permezz ta’ taxxi parafiskali jew kontribuzzjonijiet obbligatorji ( 6 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda magħmula. Għandha tiġi enfasizzata wkoll il-linja ta’ ġurisprudenza ispirata mis-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PreussenElektra ( 7 ) li fiha, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Jacobs, l-ammonti li servew għall-iffinanzjar tas-sistema ta’ sostenn fis-settur tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu ma kienu fl-ebda mument disponibbli għall-awtorità pubblika. Fil-fatt, dawn l-ammonti qatt ma ħallew is-settur privat ( 8 ).

    I – Il-kuntest ġuridiku

    5.

    Is-sistema ta’ finanzjament inkwistjoni quddiem il-Conseil d’État tista’ tkun miġbura fil-qosor kif ġej.

    A – L-obbligu tax-xiri għall-benefiċċju ta ’ installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ

    6.

    Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 2000-108 kif emendata, dawk li jipproduċu, fit-territorju nazzjonali, elettriku ġġenerat, b’mod partikolari, minn installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ li huma installati fil-perimetru ta’ żona ta’ żvilupp tar-riħ ( 9 ) jibbenefikaw, jekk huma jagħmlu t-talba u bil-kundizzjoni li jissodisfaw huma stess ċerti obbligi ( 10 ), minn obbligu li jinxtara l-elettriku hekk prodott.

    7.

    Id-debituri tal-imsemmi obbligu tax-xiri huma d-distributuri li jużaw in-netwerk li miegħu hija konnessa l-installazzjoni, jiġifieri Électricité de France (EDF) u d-distributuri mhux nazzjonalizzati ( 11 ), li jibagħtu dan l-elettriku fiż-żoni ta’ servizz rispettivi tagħhom. L-implementazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija riflessa fil-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xiri li huwa suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Liġi ( 12 ). Il-modalitajiet tal-kalkolu ta’ din it-tariffa jirriżultaw minn formula ddefinita permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Digriet Nru 2001‑410, tal-10 ta’ Mejju 2001, wara avviż tal-Kunsill superjuri tal-enerġija u wara avviż tal-Kummissjoni li tirregola l-enerġija (iktar ’il quddiem, is-“CRE”). L-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 2000‑108 emendat jipprovdi barra minn hekk fil-ħames paragrafu tiegħu obbligu li EDF tixtri l-elettriku żejjed bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk meħtieġa għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xiri obbligatorju, u huwa ppreċiżat li dan ix-xiri minn EDF jagħti dritt ukoll għall-kumpens favur din tal-aħħar.

    B – Il-mekkaniżmi ta ’ kumpens favur l-operaturi tal-elettriku suġġetti għall-obbligu ta ’ xiri

    8.

    Mill-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 2000‑108 emendat, jirriżulta li l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw lid-distributuri tal-elettriku, mill-implementazzjoni tal-obbligu ta’ xiri jistgħu jkunu kkumpensati b’mod integrali skont l-Artikolu 5(1) tal-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata, bħala “spejjeż imputabbli lill-funzjonijiet ta’ servizz pubbliku assenjati lill-operaturi tal-elettriku”.

    9.

    Skont l-imsemmija dispożizzjoni, il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali intitolati għall-kumpens jikkunsidra “spejjeż evitati lil EDF jew, jekk ikun il-każ, [ta’] dawk evitati lid-distributuri nazzjonali […] b’riferiment għall-prezz tas-suq tal-elettriku jew, lid-distributuri mhux nazzjonalizzati, b’riferiment għat-tariffi ta’ ċessjoni msemmija fl-Artikolu 4 tal-Liġi [Nru 2000‑108 kif emendata] proporzjonalment għal parti mill-elettriku mixtri b’dawn it-tariffi fil-provvista totali tagħhom, bi tnaqqis tal-kwantitajiet mixtrija skont l-Artikoli 8 u 10 [tal-imsemija liġi]”, u inkluż “meta l-installazzjonijiet ikkonċernati huma użati minn [EDF] jew minn distributur mhux nazzjonalizzat”.

    10.

    L-ammont ta’ spejjeż sostnuti mill-operaturi kkonċernati huwa kkalkolat abbażi ta’ kontabbiltà xierqa magħmula mill-operaturi fuq imsemmija, stabbilita skont regoli ddefiniti mis-CRE u taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar. Il-Ministru responsabbli mill-enerġija jiddeċiedi l-ammont ta’ spejjeż fuq proposta tas-CRE magħmula ta’ kull sena. Kif ġie ppreċiżat waqt is-seduta, id-differenza bejn l-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligu ta’ xiri u l-kontribuzzjonijiet irċevuti mill-klijenti proprji tagħha biss hija suġġetta għall-pagament mill-kont speċifiku tas-CDC.

    11.

    Is-somom li jikkorrispondu għall-ispejjeż intitolati għall-kumpens huma mħallsa lill-operaturi kkonċernati erba’ darbiet fis-sena mis-CDC, li għandha għal dan il-għan kont speċifiku, miġbur mill-kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumatur finali, li fuqu hija żżomm kont ta’ dawn t-tranżazzjonijiet differenti.

    C – Il-kontribuzzjoni dovuta mill-konsumaturi finali

    12.

    Fl-aħħar nett, il-kumpens għall-benefiċċju tal-operaturi suġġetti għall-obbligu ta’ xiri jgħaddi fuq il-konsumaturi finali tal-elettriku installat fit-territorju nazzjonali skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata.

    13.

    L-ammont ta’ din il-kontribuzzjoni, deċiż ta’ kull sena mill-Ministru responsabbli mill-enerġija fuq proposta tas-CRE, huwa “kkalkolat prorata tal-kwantità kkonsmata” u “b’tali mod li l-kontribuzzjonijiet ikopru l-ispejjeż kollha […], kif ukoll l-ispejjeż ta’ ġestjoni magħmula mis-CDC […] u l-baġit tal-medjatur nazzjonali tal-enerġija”, abbażi ta’ żewġ limiti ( 13 ). Bħala prinċipju, l-ammonti miġbura matul sena għandhom ikopru l-ispejjeż kollha relatati ma’ dan l-eżerċizzju, iżda mekkaniżmu ta’ regolarizzazzjoni jippermetti li jiżdied mal-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta għas-sena ta’ wara l-ispejjeż mhux miġbura għas-sena kurrenti.

    14.

    L-ammont tal-kontribuzzjoni jitħallas mill-konsumatur waqt li jħallas il-fattura tal-elettriku tiegħu jew tal-użu tan-netwerk skont il-kwantità ta’ elettriku li jkun ikkonsenjat lilu. Dispożizzjonijiet speċjali huma previsti għax-xiri ta’ elettriku transkonfinali, kif ukoll għall-konsumaturi li jipproduċu l-enerġija proprja tagħhom jew dik iġġenerata minn prodottur li miegħu huma direttament marbuta.

    II – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    15.

    Permezz ta’ rikors tas-6 ta’ Frar 2009, Vent de colère et ippreżentat quddiem il-Conseil d’État rikors għall-abbuż ta’ poter intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

    16.

    Skont il-qorti tar-rinviju, ix-xiri tal-elettriku ġġenerat mill-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ bi prezz ogħla mill-valur tas-suq tiegħu jikkostitwixxi vantaġġ li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jkollu effett fuq il-kompetizzjoni. Fir-rigward tal-kriterju bbażat fuq l-intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-Conseil d’État fakkar li, fid-Deċiżjoni UNIDEN datata 21 ta’ Mejju 2013 ( 14 ), is-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, ġiet applikata billi ġie deċiż li l-piż finanzjarju tal-obbligu ta’ xiri li minnu jibbenefikaw l-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ ikun maqsum bejn ċertu numru ta’ impriżi, mingħajr il-kontribuzzjoni ta’ riżorsi pubbliċi, diretta jew indiretta, għall-finanzjament tal-għajnuna filwaqt li jkun ikkunsidrat għalhekk li l-mekkaniżmu preċedenti ta’ xiri tal-elettriku ġġenerat mill-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    17.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar il-konsegwenzi tal-emenda tal-Liġi Nru 2000‑108, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza Essent Netwerk Noord et, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iffinazjar permezz ta’ żieda tal-prezz imposta mill-Istat fuq ix-xerrejja tal-elettriku, li jikkostitwixxi taxxa, filwaqt li l-fondi jibqgħu barra minn hekk taħt il-kontroll tal-Istat, għandu jkun ikkunsidrat bħala intervent mill-Istat permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

    18.

    Huwa f’dan il-kuntest li, b’digriet tal-15 ta’ Mejju 2012, il-Conseil d’État iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

    “Fid-dawl tat-tibdil tal-mod ta’ finanzjament tal-kumpens integrali tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq [EDF] u fuq id-distributuri mhux nazzjonalizzati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Liġi Nru 46‑628, tat-8 ta’ April 1946, dwar in-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku u tal-gass, minħabba l-obbligu li jinxtara l-elettriku ġġenerat mill-installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq ta’ dan l-elettriku, minħabba l-Liġi Nru 2003‑8, tat-3 ta’ Jannar 2003, għandu dan il-mekkaniżmu issa jitqies bħala intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens u għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [107(1) TFUE]?”

    19.

    Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal‑Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2012. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Vent de Colère et, mis-Sindakat tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu ( 15 ), mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Grieg kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    20.

    Waqt is-seduta li nżammet fl-24 ta’ April 2013 instemgħu Vent de Colère et, is-Sindakat tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Elleniku kif ukoll il-Kummissjoni.

    III – Analiżi

    A – Dwar it-trattament tad-domanda preliminari

    21.

    Preliminarjament, nosserva li ċerti partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja kemm li tirriformula, kif ukoll li tikkompleta l-portata tad-domanda magħmula mill-Conseil d’État.

    22.

    Fil-fatt, Vent de Colère et tipproponi, minn naħa li tiġi inkluża l-ġurisprudenza Altmark Trans et Regierungspräsidium Magdeburg ( 16 ) fl-analiżi, sabiex ikun ivverifikat jekk obbligu ta’ xiri bi prezz stabbilit bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din il-ġurisprudenza. Min-naħa l-oħra, Vent de Colère et tqajjem problema li tirriżulta mid-Direttiva 2003/54/KE ( 17 ) u tissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija direttiva tobbligax il-qorti nazzjonali li tiskarta miżura nazzjonali ta’ obbligu ta’ xiri tal-elettriku adottata kuntrarjament għall-avviż tal-awtorità nazzjonali li tirregola, jiġifieri s-CRE.

    23.

    Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni tipproponi r-riformulazzjoni tad-domanda billi targumenta li l-bdil tan-natura tal-mod ta’ finanzjament ma huwiex determinanti fid-dawl tar-risposta li trid tingħata f’dan il-każ. Hija tipproponi, għaldaqstant, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-intier tagħha u ab initio dwar il-kumpens integrali tal-ispejjeż addizzjonali imposti fuq l-operaturi tas-sistema skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72.

    24.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-portata tar-regoli tal-Unjoni sabiex tippermettilha twettaq applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli għall-fatti mressqa quddiemha, sabiex ma tipproċedix hija stess għal tali evalwazzjoni, iktar milli tikklassifikhom hi stess, speċjalment meta l-Qorti tal-Ġustizzja mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward ( 18 ).

    25.

    Fil-fatt, peress li, minn naħa, dan il-proċess ma jinkludix elementi biżżejjed li jippermettu li jkun iddeterminat jekk il-kumpens tal-obbligu ta’ xiri inkwistjoni jistax jaqa’ fil-kunċett tas-servizz ekonomiku ta’ interess ġenerali (SIEG) fis-sens tas-sentenza Altmark Trans et Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, u li, min-naħa l-oħra, la l-problema tas-SIEG u lanqas dik tad-Direttiva 2003/54 ma kienu diskussi bejn il-parijiet f’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

    26.

    Barra minn hekk, jien infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha ( 19 ). L-għażla tal-formulazzjoni tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha għalhekk, bħala prinċipju, tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza kif ukoll minn “preżunzjoni ta’ utilità” għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    27.

    Għaldaqstant, sa fejn il-formulazzjoni tad-domanda preliminari tidhirli ċara u ddefinita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhix twessa’ l-kamp tad-dibattitu.

    B – Klassifikazzjoni tal-miżura kkontestata fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta ’ intervent mill-Istat jew permezz ta ’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE

    28.

    Qabel xejn, għandu jkun ippreċiżat li l-partijiet f’din il-proċedura esponew perspettivi totalment opposti għal dak li jirrigwarda r-risposta għad-domanda preliminari magħmula. Il-Kummissjoni u Vent de Colère et huma tal-opinjoni li l-intervent ta’ riżorsi statali fil-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni ma jqajjem ebda dubju. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż u s-Sindakat tal-enerġija li tiġġedded jiddefendu l-argument kuntrarju. Fir-rigward tal-Gvern Grieg, dan tal-aħħar jissuġġerixxi li jħallu lill-qorti nazzjonali tieħu ħsieb tipproċedi bil-klassifikazzjoni definittiva tal-miżura.

    29.

    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-klassifikazzjoni ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha msemmijin f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti ( 20 ). Għalhekk sabiex miżura nazzjonali tkun tista’ tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat, hija għandha tirrigwarda, l-ewwel nett, intervent tal-Istat jew intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat, it-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura tali li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, it-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u, ir-raba’ nett, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni ( 21 ).

    30.

    Peress li din id-domanda preliminari tirrigwarda biss l-ewwel minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jkun ippreċiżat li sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat ( 22 ). Il-ġurisprudenza stabbilixxiet in-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet ( 23 ).

    1. Dwar l-imputabbiltà tal-miżura

    31.

    Għal dak li jirrigwarda l-imputabbiltà lill-Istat, il-kunċett inkwistjoni jinkludi l-għajnuna mogħtija kemm direttament mill-Istat f’sens wiesa’ ( 24 ) kif ukoll mill-organi pubbliċi jew privati li huwa jistabbilixxi jew jinnomina sabiex jirregolaw l-għajnuna ( 25 ). Hemm lok li jiġi nnotat li l-ġurisprudenza għaddiet minn approċċ istituzzjonalizzat tal-imputabbiltà ( 26 ) għall-approċċ li fih l-imputabbiltà ma tistax tkun preżunta u għalhekk tirriżulta biss mill-fatt li l-miżura inkwistjoni kienet adottata minn impriża pubblika ( 27 ). Madankollu, huwa ċar li tali test ta’ kontroll statali ma japplikax għall-awtoritajiet pubbliċi meta dawn ikunu separati mill-Istat stess.

    32.

    Fil-fatt, il-proċess juri li l-istabbiliment tal-kontribuzzjoni kkontestata kienet ir-riżultat ta’ aġir imputabbli lill-Istat Franċiż. Fil-fatt, peress li l-kontribuzzjoni miġbura mingħand il-konsumaturi finali kienet stabbilita permezz tal-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata, huwa ġġustifikat li jkun ikkunsidrat li huma l-awtoritajiet pubbliċi li huma l-oriġini tas-sistema kkontestata.

    2. Dwar il-kundizzjoni tal-oriġini statali tar-riżorsi

    33.

    Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni dwar l-oriġini statali tar-riżorsi, jien infakkar li d-distinzjoni bejn għajnuna mogħtija mill-Istat u għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat hija intiża sabiex tinkludi fil-kunċett tal-għajnuna mhux biss l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat, iżda wkoll dik mogħtija mill-organi pubbliċi jew privati, innominati jew stabbiliti mill-Istat ( 28 ).

    34.

    L-Artikolu 107 TFUE jinkludi l-mezzi finanzjarji kollha li l-Istat jista’ effettivament juża sabiex isostni l-impriżi. Il-fatt li dawn il-mezzi jibqgħu kostantament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jikklassifikaw bħala riżorsi tal-Istat u sabiex il-miżura li huma jiffinanzjaw taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE ( 29 ).

    35.

    Dan jidhirli li huwa l-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess, skont il-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata, l-obbligu ta’ xiri tal-elettriku huwa kkumpensat minn kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali kollha tal-elettriku installat fi Franza ( 30 ). L-ammont tal-kontribuzzjoni huwa ddeterminat permezz ta’ Digriet Ministerjali. L-amministrazzjoni tal-fondi hekk miġbura hija fdata lis-CDC li għandha għal dan il-għan kont speċifiku miġbur mill-kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumatur finali, li fih hija żżomm kont ta’ dawn it-tranżazzjonijiet differenti. Is-somom jippermettu l-iffinanzjar tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw, lil EDF u lid-distributuri l-oħra, mill-obbligu ta’ xiri ta’ enerġija mir-riħ permezz ta’ pagamenti lill-operaturi kkonċernati mis-CDC erba’ darbiet fis-sena. L-ammont tal-kontribuzzjoni huwa kkalkolat pro rata tal-kwantità ta’ elettriku kkonsmat, waqt li huwa suġġett għal-limitu ta’ EUR 500 000 għal kull sit ta’ konsum.

    a) Il-kontroll eżerċitat mill-Istat

    36.

    Fir-rigward tal-kontroll dirett jew indirett li l-Istat jeżerċita fuq ir-riżorsi użati ( 31 ), għandu jkun enfasizzat, fl-ewwel lok, ir-rwol li għandhom organi li jaqgħu fl-isfera tad-dritt pubbliku fil-mekkaniżmu stabbilit mil-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata.

    37.

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-proċess, l-ammont ta’ taxxa li għaliha huwa suġġett kull konsumatur finali tal-elettriku fi Franza huwa deċiż kull sena permezz ta’ sentenza tal-Ministru responsabbli mill-enerġija fuq proposta tas-CRE, li hija l-awtorità amministrattiva indipendenti responsabbli li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-elettriku u tal-gass fi Franza ( 32 ). Kif ġie spejgat waqt is-seduta, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ministerjali, l-ammont tal-kontribuzzjoni jiżdied għas-sena segwenti bi EUR 3 għal kull mega watt fis-siegħa. Għalhekk, kif ġie tajjeb enfasizzat fis-seduta, dan il-mekkaniżmu ma jiżgurax fir-realtà ekwivalenza eżatta bejn l-ispejjeż addizzjonali sostnuti mid-distributuri u l-ammont tal-kontribuzzjoni mħallsa lil dawn tal-aħħar, filwaqt li l-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata tistabbilixxi l-prinċipju ta’ kopertura integrali tal-obbligu ta’ xiri inkwistjoni, li fih innifsu huwa prova li l-Istat jiggarantixxi l-mekkaniżmu fl-intier tiegħu.

    38.

    Barra minn hekk, il-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata tipprovdi mekkaniżmu ta’ sanzjoni amministrattiva fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjoni ( 33 ). Fil-fatt skont l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet minn persuna li għandha tħallas, il-Ministru responsabbli mill-enerġija jiddikjara sanzjoni amministrattiva fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 41 tal-imsemmija liġi ( 34 ).

    39.

    Issa, skont il-ġurisprudenza, il-fondi li jinġabru mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru u li huma rregolati u mqassma skont l-istess leġiżlazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma amministrati minn istituzzjonijiet distinti mill-awtorità pubblika ( 35 ).

    40.

    Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata permezz tar-raġunament adottat reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza Doux Elevage et Coopérative agricole UKL‑ARREE, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-legalità ta’ deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali li testendi għall-professjonisti kollha fis-settur agrikolu tal-produzzjoni u tat-trobbija tad-dundjani ftehim interprofessjonali li stabbilixxa kontribuzzjoni obbligatorja, sabiex tippermetti l-implementazzjoni ta’ ċerti azzjonijiet favur l-interessi ta’ dan is-settur. Fil-fatt, fl-imsemmija kawża, l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu biss bħala “strument” sabiex jiġu magħmula obbligatorji l-kontribuzzjonijiet stabbiliti mill-organi privati ( 36 ).

    b) L-istatus tal-organu involut fit-trasferiment tal-fondi

    41.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-mekkaniżmu tat-trasferiment tal-fondi intiżi għall-finanzjament tal-miżura ta’ għajnuna bejn il-persuna suġġetti għall-ħlas u l-benefiċjarji, għandu jkun enfasizzat li r-riżorsi jinkisbu minħabba ħlasijiet imposti fuq il-konsumaturi kollha mill-organu rregolat mid-dritt pubbliku mogħti mandat espress mill-Istat, jiġifieri s-CDC.

    42.

    F’dan ir-rigward nixtieq nippreċiża li huwa biss jekk il-vantaġġ jingħata minn organu privat li għandu, sabiex tkun evalwata n-natura statali tar-riżorsi implementati, ikun eżaminat fid-dettall jekk l-Istat jagħtix direttament jew indirettament ir-riżorsi neċessarji għall-amministrazzjoni tal-għajnuna għad-dispożizzjoni tal-organu privat li huwa jinnomina ( 37 ).

    43.

    Dan kien il-każ, b’mod partikolari, fil-kawża Essent Netwerk Noord et, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-benefiċjarju tat-taxxa u l-operatur tal-fondi kkontestati kienet kumpannija nnominata mil-liġi (jiġifieri SEP). Madankollu, l-imsemmija kumpannija kienet kumpannija sussidjarja ta’ erba’ impriżi nazzjonali li jipproduċu l-elettriku li kienu joperaw fuq is-suq nazzjonali qabel il-liberalizzazzjoni tiegħu u li kienu wkoll responsabbli mill-importazzjoni u t-trasport tal-elettriku. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja analizzat il-livell ta’ awtonomija tal-imsemmija kumpannija nnominata, li rriżulta li kienet strettament ikkontrollata fil-funzjoni tagħha tal-amministrazzjoni tal-fondi, tant li kellha tiċċertifika minn kontabilist il-kont tas-somom irċevuti u trasferiti u ma setgħetx tużahom ħlief għat-tranżazzjonijiet previsti mil-liġi ( 38 ).

    44.

    Madankollu, f’dan il-każ, sa fejn l-organu li huwa fdat mill-amministrazzjoni kontabbli u mitt-tqassim finanzjarju tal-fondi huwa stabbiliment pubbliku per eċċellenza ( 39 ) u fuq kollox peress li l-fondi inkwistjoni huma totalment imħollija għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ( 40 ), l-analiżi tad-dettalji tal-funzjonament tas-CDC, hija fl-opinjoni tiegħi, irrilevanti fir-rigward tal-kriterju tal-oriġini statali tar-riżorsi ( 41 ).

    45.

    F’dan ir-rigward, nippreċiża li għal dak li jirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ finanzjament, din il-kawża hija espliċitament distinta mill-kawża Pearle et ċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda dispożittiv ta’ finanzjament ta’ kampanja pubbliċitarja favur impriżi tas-settur tal-ottika. Fl-imsemmija kawża, il-fondi kienu effettivament inġabru minn korp professjonali rregolat mid-dritt pubbliku minn fost dawk li huma affiljati miegħu u li huma benefiċjarji tal-kampanja, permezz ta’ kontribuzzjonijiet allokati b’mod obbligatorju għall-organizzazzjoni ta’ din il-kampanja. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huma la kienu piż fuq l-Istat u lanqas fondi li baqgħu taħt il-kontroll tal-Istat ( 42 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-inizjattiva meħuda għall-organizzazzjoni u t-twettiq tal-kampanja saru minn assoċjazzjoni privata ta’ ottiċi, u mhux mill-imsemmi korp professjonali rregolat mid-dritt pubbliku. Għaldaqstant, għall-kuntrarju tal-mekkaniżmu inkwistjoni f’din il-kawża, l-element deċiżiv fil-kawża Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, kien in-nuqqas ta’ imputabbiltà lill-Istat Olandiż ( 43 ). Fil-fatt l-imsemmi korp irregolat mid-dritt pubbliku serva biss bħala strument għall-ġbir u għat-twettiq tar-riżorsi favur għan purament kummerċjali stabbilit minn qabel mill-komunità professjonali kkonċernata u bl-ebda mod ma kienet tidħol fil-kuntest ta’ politika stabbilita mill-awtoritajiet Olandiżi ( 44 ).

    46.

    Għaldaqstant, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawżi ċċitati iktar ’il fuq Essent Netwerk Noord et u Pearle et, jien ma nistax naqbel mad-dikjarazzjoni ġenerali li n-natura pubblika ta’ korp ma timplikax li r-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha għandhom jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat ( 45 ).

    47.

    Ir-rwol fdat f’dan il-każ lis-CDC jikkorrobora l-argument tal-preżenza ta’ riżorsi pubbliċi minkejja l-fatt, ippreċiżat fis-seduta, li s-CDC tirċievi biss parti mill-fondi li jingħataw lill-benefiċjarji tal-kontribuzzjoni. Fil-fatt, fil-każ fejn, minn naħa, l-imputabbiltà lill-Istat ma joħloqx dubju u fejn, min-naħa l-oħra, l-organi intermedjarji implikati fil-ġestjoni tar-riżorsi jservu għall-iffinanzjar tal-miżura huma organi rregolati mid-dritt pubbliku, il-kriterju tar-riżorsi tal-Istat huwa preżunt sodisfatt.

    c) In-natura tar-riżorsi inkwistjoni

    48.

    Fit-tielet lok, fir-rigward tas-sors u tal-porata tar-riżorsi użati għall-iffinanzjar ta’ miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, għandu jkun enfasizzat li, għall-kuntrarju tal-argumenti mressqa mill-partijiet favur l-argument tan-nuqqas ta’ riżorsi tal-Istat f’dan il-każ, din il-kawża ma tista’ bl-ebda mod tkun assimilata mal-mekkaniżmu eżaminat fil-kawża PreussenElektra, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-dispożittiv inkwistjoni ma jwassal għal ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċi l-elettriku ( 46 ).

    49.

    F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser teżamina l-obbligu, tal-impriżi privati li jipprovdu l-elettriku, li jixtru l-elettriku fiż-żona ta’ provvista tagħhom bi prezz minimu ogħla mill-valur ekonomiku reali ta’ dan it-tip ta’ elettriku. Il-mekkaniżmu inkwistjoni jipprovdi wkoll li l-ispiża finanzjarja li tirriżulta tkun mqassma bejn l-imsemmija impriżi li jipprovdu l-elettriku u l-operaturi privati tan-netwerks tal-elettriku. Barra minn hekk, l-impriżi ma ġewx imqabbda mill-Istat sabiex jamministraw riżorsi tal-Istat, iżda kienu marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom ( 47 ), ir-riżorsi miġbura minn ħlasijiet individwali ma kinux magħquda ma’ riżors globali, separati mill-patrimonju tal-impriżi kkonċernati u amministrati minn organu distint u l-konsumaturi finali ma jissapportjawx il-finanzjament tal-mekkaniżmu inkwistjoni permezz ta’ ħlas iddefinit b’mod uniformi u ġeneralment applikabbli ( 48 ).

    50.

    L-element prinċipali li jiddistingwi din il-kawża mill-mekkaniżmu eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq ( 49 ), jinsab għalhekk fil-fatt li l-ispiża għall-iffinanzjar tal-obbligi ta’ xiri ta’ elettriku mir-riħ bi prezz ogħla għal dak tas-suq tapplika għall-konsumaturi kollha tal-elettriku fi Franza, irrispettivament mill-fatt jekk humiex jixtru enerġija ħadra, peress li, fis-suq illiberalizzat tal-elettriku, li t-twettiq tiegħu jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet primarji tal-Unjoni ( 50 ), teżisti kompetizzjoni bejn il-prodotturi u l-fornituri tal-enerġija.

    51.

    Filwaqt li nammetti li, fiżikament, l-enerġija minn sorsi differenti tingħaqad fin-netwerk ta’ distribuzzjoni, nirrileva li fil-kuntest tal-mekkaniżmu inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-fornituri ma għandhomx il-possibbiltà li jbiddlu t-tariffi bejn il-kategoriji differenti ta’ konsumaturi u li l-konsumaturi huma preklużi mill-possibbiltà li jagħżlu favur jew kontra l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu. Madankollu, ir-regoli applikabbli fis-suq intern illiberalizzat tal-elettriku huma intiżi sabiex joffru lill-konsumaturi għażla reali bi prezzijiet ġusti u kompetittivi, sabiex jistimulaw il-produzzjoni ta’ enerġija proprja u sabiex isaħħu s-sigurtà tal-provvista. Fil-fatt, l-għan tal-iżvelar ta’ informazzjoni dwar is-sorsi tal-enerġija għall-produzzjoni tal-elettriku diġà ġiet enfasizzata fid-Direttiva 2003/54 ( 51 ).

    52.

    B’hekk, għall-kuntrarju tas-sistema ta’ finanzjament stabbilita mill-Kodiċi rurali, analizzat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Doux Élevage et Coopérative agricole UKL‑ARREE, iċċitata iktar ’il fuq u kkunsidrata mill-Avukat Ġenerali Wathelet bħala sistema “magħluqa” fis-sens li s-somom inkwistjoni huma l-ħin kollu amministrati u kkontrollati minn entitajiet privati ( 52 ), is-sistema stabbilita permezz tal-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata tista’ tkun ikklassifikata “miftuħa”.

    53.

    Ninnota li fil-kawża Doux Élevage et Coopérative agricole UKL‑ARREE, ċċitata iktar ’il fuq, li tidħol b’mod ċar fil-linja ta’ ġurisprudenza ta’ Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, il-kontribuzzjonijiet ġejjin minn operaturi ekonomiċi privati, membri jew mhux membri tal-organizzazzjoni interprofessjonali implikata, iżda li jeżerċitaw attività ekonomika fis-suq ikkonċernat. Barra minn hekk, ebda relazzjoni mall-baġit tal-Istat jew ma’ entità pubblika oħra ma’ hija prevista, li huwa dak li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-fondi kkonservaw in-natura privata tagħhom tul il-kors tagħhom ( 53 ).

    54.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jkun konkluż li s-sistema stabbilita bil-Ligi Nru 2000‑108 kif emendata tintroduċi taxxa fuq il-konsum tal-elettriku li hija miġbura permezz ta’ kontribuzzjoni ġenerali skont ir-regoli stabbiliti b’mod uniformi mill-Istat u li tolqot lill-konsumaturi tal-elettriku kollha fit-territorju nazzjonali. Il-konfigurazzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni teskludi totalment il-klassifikazzjoni tagħha bħala dispożittiv marbut ma’ kategorija ta’ impriżi, li huwa impost, amministrat u kkontrollat minn operaturi privati.

    55.

    Fl-aħħar nett, jien infakkar li l-iskop li jrid jintlaħaq mill-interventi mill-Istat ma huwiex biżżejjed sabiex jevita mill-ewwel il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna. Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi mill-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom ( 54 ).

    56.

    Għalhekk jien ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż li, jenfasizza li l-obbligu ta’ xiri huwa newtralizzat bil-baġit tal-Istat, peress li l-Istat ma jirrinunzjax għall-ġbir tad-dħul ( 55 ), jargumenta li l-kontribuzzjoni tal-konsumaturi finali hija biss mod ta’ organizzazzjoni tal-ġbir tal-ispejjeż addizzjonali sostnuti mid-debituri tal-obbligu ta’ xiri tal-elettriku mir-riħ. Fl-aħħar nett, in-nomina tas-CDC bħala entità responsabbli miċ-ċentralizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet u mit-tqassim tal-fondi miġbura hija, fl-opinjoni tiegħu, immotivata minn kunsiderazzjonijiet prattiċi marbuta man-numru ta’ impriżi suġġetti għall-obbligu ta’ xiri. Madankollu, dawn l-argumenti li jispjegaw il-motivazzjonijiet tal-leġiżlatur nazzjonali ma jikkorroborawx l-argument tan-nuqqas ta’ riżorsi tal-Istat fil-mekkaniżmu ta’ finanzjament inkwistjoni. Barra minn hekk, minkejja li r-rwol tas-CDC jidher li huwa tekniku u kontabbli, kemm it-tqassim tad-dħul kif ukoll id-determinazzjoni tal-ispejjeż fis-sistema jiddependu minn deċiżjonijiet adottati mill-Istat Franċiż taħt il-forma ta’ digrieti tal-Ministru kompetenti.

    57.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jien nikkunsidra li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-mekkaniżmu li jirriżulta mil-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata jaqa’ fil-kunċett ta’ intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

    IV – Dwar it-talba li l-effetti jkunu limitati ratione temporis

    58.

    Fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li mod ta’ finanzjament, bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxi intervent permezz ta’ riżorsi mill-Istat, il-Gvern Franċiż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza tagħha. Waqt is-seduta, l-imsemmi Gvern ippreċiża li, fl-opinjoni tiegħu, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kundizzjonijiet l-oħra tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huma sodisfatti, li jwassal għall-klassifikazzjoni tas-sistema kkontestata bħala għajnuna mill-Istat, li fin-nuqqas ta’ notifika lill-Kummissjoni, ser tkun ikkunsidrata bħala illegali.

    59.

    Mill-bidu, din it-talba għal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidhirli li hija infondata għal żewġ raġunijiet.

    60.

    Fl-ewwel lok, peress li l-imsemmija talba ma hijiex proposta fid-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, f’dan il-każ, tiddeċiedi biss fuq element wieħed tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

    61.

    Huwa minnu li l-Conseil d’État jidher li qiegħed janalizza l-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, konklużjoni eventwali ta’ qorti nazzjonali dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat tikkostitwixxi biss aspett tal-proċedura kumplessa tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

    62.

    Barra minn hekk, jidhirli li jirriżulta mill-proċess li l-problema tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma kinitx deċiża mill-Conseil d’État.

    63.

    F’dan ir-rigward, huwa utili li jitfakkar li għal dak li jirrigwarda l-kontroll tal-osservanza mill-Istati Membri tal-obbligi imposti fuqhom mill-Artikoli 107 u 108 TFUE, hemm lok li jiġu kkunsidrati r-rwoli komplementari u distinti sodisfatti mill-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni ( 56 ). Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali jiżguraw li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-partijiet fil-każ ta’ ksur tal-obbligu tan-notifika minn qabel tal-għajnuna mill-Istat u mill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE. Għalhekk, qorti nazzjonali tista’ tkun meħtieġa tinterpreta l-kunċett ta’ għajnuna ( 57 ).

    64.

    Fil-fatt, il-qrati nazzjonali għandhom, bħala prinċipju, jilqgħu talba ta’ rimbors tal-għajnuna mħallsa bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE ( 58 ). Huma għandhom jiggarantixxu li jinġibdu l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll l-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni ( 59 ).

    65.

    Madankollu, huwa rilevanti li jkun enfasizzat li l-konstatazzjoni tal-Conseil d’État li tipprovdi li s-sistema li tirriżulta mil-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata taqa’ fil-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma teskludix, fil-każ ta’ eżami tas-sistema wara n-notifika, deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni.

    66.

    Min-naħa l-oħra huwa ċar li, sabiex jintlaħaq l-effett dirett tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma jkollhix il-konsegwenza li tirregolarizza, a posteriori, l-atti ta’ eżekuzzjoni li kienu invalidi għax saru bi ksur tal-projbizzjoni prevista minn dan l-artikolu. Kull interpretazzjoni oħra twassal li jkun iffavorit in-nuqqas ta’ osservanza, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ din id-dispożizzjoni u tipprekludiha mill-effett utili tagħha ( 60 ).

    67.

    Fl-aħħar nett il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża CELF ( 61 ) li, fejn domanda bbażata fuq l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE hija eżaminata wara li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni pożittiva, il-qorti nazzjonali, minkejja l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni, għandha tiddeċiedi fuq il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni u fuq l-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti. Madankollu, f’każ bħal dak id-dritt tal-Unjoni ma jimponix lill-qorti nazzjonali obbligu ta’ rkupru totali tal-għajnuna illegali ( 62 ), iżda jeżiġi li hija tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna kompatibbli, iżda implementata b’mod illegali, il-ħlas tal-interessi għall-perijodu tal-illegalità ( 63 ).

    68.

    Fit-tieni lok, infakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja anki għal rapporti ġuridiċi maħluqa u stabbiliti qabel l-intervent tas-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li tiġi mressqa kontroversja dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il‑qrati kompetenti ( 64 ).

    69.

    Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretata sabiex tikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jiġu sodisfatti, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ konsegwenzi serji ( 65 ).

    70.

    B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi ferm speċifiċi, b’mod partikolari meta kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mħeġġa jadottaw imġiba li ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha possibbilment ikkontribwixxiet l-imġiba stess adottata minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni ( 66 ).

    71.

    Minkejja li ipotetikament nista’ nikkunsidra li l-kriterju dwar in-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni kkontestata huwa sodisfatt f’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u fuq kollox għal dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE, bl-ebda mod ma jista’ jkun ikkunsidrat bħala vvizzjat minn inċertezza ta’ kwalunkwe tip ( 67 ).

    72.

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-talba li tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha ratione temporis.

    V – Konklużjoni

    73.

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet preċedenti, jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Conseil d’État:

    Mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-obbligu ta’ xiri tal-elettriku prodott minn installazzjonijiet li jużaw l-enerġija mekkanika tar-riħ, ibbażat fuq taxxa miġbura mingħand il-konsumaturi finali tal-elettriku kollha fit-territorju nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mil-Liġi Nru 2000‑108, tal-10 ta’ Frar 2000, dwar il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tal-elettriku, kif emendata, taqa’ fil-kunċett ta’ intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2008 tal-Ministru tal-Ekoloġija, tal-Enerġija, tal-Iżvilupp Sostenibbli u tal-Ippjanar tat-Territorju flimkien mad-deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2008 tal-Ministru tal-Ekonomija, tal-Industrija u tal-Impjiegi (JORF Nru 290, tat-13 ta’ Diċembru 2008, p. 19032).

    ( 3 ) Il-bażijiet ġuridiċi tal-mekkaniżmu inkwistjoni jirriżultaw, skont il-prijoritajiet, mil-Liġi Nru 2000‑108, tal-10 ta’ Frar 2000, dwar il-modernizzazzjoni u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tal-elettriku (JORF tal-11 ta’ Frar 2000, p. 2143). Bl-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-imsemmija liġi, id-Digriet Nru 2001‑410 (JORF tat-12 ta’ Mejju 2001, p. 7543) awtorizza b’mod partikolari, fl-Artikolu 8 tiegħu, il-Ministri kompetenti li jistabbilixxu t-tariffi tax-xiri tal-elettriku; u dawn għalhekk adottaw id-deċiżjonijiet ikkontestati.

    ( 4 ) Il-Liġi Nru 2000‑108 kienet b’mod partikolari emendata bil-Liġi Nru 2003‑8, tat-3 ta’ Jannar 2003 (JORF tal-4 ta’ Jannar 2003, p. 265) u permezz tal-Liġi Nru 2005‑781, tat-13 ta’ Lulju 2005 (JORF tal-14 ta’ Lulju 2005, p. 11570).

    ( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, van der Kooy et vs Il‑Kummissjoni (67/85, 68/85 u 70/85, Ġabra p. 219), dwar it-tariffa preferenzjali tal-gas naturali applikata fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-produzzjoni fis-serer; tat-22 ta’ Marzu 1977, Steinike & Weinlig (78/76, Ġabra p. 595), dwar l-implementazzjoni ta’ politika statali tal-promozzjoni tal-agrikultura, tal-foresterija u tal-industrija tal-ikel nazzjonali; tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, magħrufa bħala “Stardust Marine” (C-482/99, Ġabra p. I-4397), dwar is-sostenn tas-settur tat-tessili u tal-ħwejjeġ; tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO (C-126/01, Ġabra p. I-13769), dwar is-sistema ta’ finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ rimi ta’ karkassi permezz ta’ taxxa fuq ix-xiri ta’ laħam; tas-17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C-206/06, Ġabra p. I-5497), dwar il-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu irkuprati fuq is-suq tal-elettriku fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    ( 6 ) Sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (173/73, Ġabra p. 709).

    ( 7 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001 (C-379/98, Ġabra p. I-2099), dwar l-obbligu ta’ impriżi privati li jixtru l-elettriku minn sorsi li jiġġeddu. Ara wkoll, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C-345/02, Ġabra p. I-7139), dwar il-finanzjament tal-kampanja pubbliċitarja deċiża mill-membri ta’ organu professjonali, u tat-30 ta’ Mejju 2013, Doux Élevage u Coopérative agricole UKL‑ARREE (C-677/11), dwar id-deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali intiża għall-membri kollha ta’ organizzazzjoni interprofessjonali rrikonoxxuta mill-Istat bħala ftehim li jistabbilixxi kontribuzzjoni obbligatorja intiża għall-iffinanzjar ta’ azzjonijiet ta’ promozzjoni u ta’ difiża tas-settur inkwistjoni.

    ( 8 ) Ara l-punt 166 tal-konklużjonijiet fil-kawża PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 9 ) Kif iddefinit fl-Artikolu 10‑1 tal-Liġi Nru 2000‑108 (imħassar), mingħajr limitu ta’ poter.

    ( 10 ) Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mid-Digriet Nru 410‑2001, tal-10 ta’ Mejju 2001 u mid-deċiżjonijiet meħuda b’applikazzjoni tal-Artikolu 8 ta’ dak id-digriet, liema deċiżjonijiet huma s-suġġett ta’ din il-proċedura.

    ( 11 ) Jiġifieri, il-kumpanniji ta’ distribuzzjoni b’kapital imħallat li fihom l-Istat jew il-korpi pubbliċi għandhom il-maġġoranza, l-impriżi kkonstitwiti minn gruppi lokali, il-kooperattivi ta’ utenti u l-kumpanniji ta’ interess kollettiv agrikoli konċessjonarji tal-elettriku, kif iddefiniti fl-Artikolu 23 tal-Liġi tat-8 ta’ April 1946 dwar in-nazzjonalizzazzjoni tal-elettriku u tal-gass (imħassar).

    ( 12 ) Il-prinċipji li jirregolaw id-determinazzjoni tat-tariffa tax-xiri tal-elettriku kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata. It-tul tal-kuntratt tax-xiri kien ta’ ħmistax jew ta’ għoxrin sena fl-2008, u huwa ppreċiżat li l-installazzjonijiet eliġibbli ma jistgħux jibbenefikaw iktar minn darba (ara deċiżjonijiet ikkontestati).

    ( 13 ) Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata, l-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta, għall-konsum, mill-konsumaturi finali imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 22, ma jistax jeċċedi EUR 500 000 u l-kontribuzzjoni applikabbli għal kull kilowatt fis-siegħa ma tistax teċċedi s-7 % tat-tariffa tal-bejgħ tal-kilowatt fis-siegħa, mingħajr abbonament u mingħajr taxxa, li tikkorrispondi ma’ abbonament ta’ saħħa ta’ 6 kW fis-siegħa mingħajr waqfien u mingħajr differenzi ta’ staġuni.

    ( 14 ) Deċiżjoni Nru 237466, tal-21 ta’ Mejju 2003, UNIDEN.

    ( 15 ) Peress li kien awtorizzat jintervjeni quddiem il-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-interess tiegħu li jinżammu d-deċiżjonijiet ikkontestati.

    ( 16 ) Sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003 (C-280/00, Ġabra p. I-7747).

    ( 17 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU L 176, p. 37), imħassra bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/72/KE, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (ĠU L 211, p. 55).

    ( 18 ) Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service (C-259/05, Ġabra p. I-4945, punt 15).

    ( 19 ) Sentenza tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina (C-45/06, Ġabra p. I-2089, punt 30).

    ( 20 ) Ara, fost oħrajn, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Deutsche Post (C-399/08 P, Ġabra p. I-7831, punt 38).

    ( 21 ) Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C-169/08, Ġabra p. I-10821, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 22 ) Sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C-303/88, Ġabra p. I-1433, punt 11); GEMO, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24) u Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 23 ) Sentenza Stardust Marine, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).

    ( 24 ) Sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1987, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (248/84, Ġabra p. 4013, punti 17 u 18).

    ( 25 ) Sentenza Steinike & Weinlig, iċċitata iktar ’il fuq (punt 21).

    ( 26 ) Sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C-303/88, Ġabra p. I-1433, punt 12), u tal-21 ta’ Marzu 1991, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C-305/89, Ġabra p. I-1603, punt 14). Ara M. Dony, Contrôle des aides d’État, Edizzjoni tal-Università ta’ Brussell 2006, it-3 Edizzjoni, p. 26 et seq.

    ( 27 ) Sentenza Stardust Marine, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52): is-sempliċi fatt li impriża pubblika hija taħt kontroll tal-Istat mhux biżżejjed biex miżuri meħuda minn dik l-impriża, bħall-finanzjament ta’ appoġġ inkwistjoni, jiġu kkunsidrati attribwiti lill-Istat. Jibqa’ xorta waħda meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jiġu kkunsidrati bħala li kienu involuti, b’mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri.

    ( 28 ) Sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1985, Il‑Kummissjoni vs Franza (290/83, Ġabra p. 439), u tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C-72/91 u C-73/91, Ġabra p. I-887, punt 19).

    ( 29 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C-278/00, Ġabra p. I-3997, punt 52).

    ( 30 ) Matul il-perijodu bejn is-sena 2000 u s-sena 2003, dawn il-kontribuzzjonijiet kienu mħallsa mill-operaturi li jikkonsenjaw l-elettriku lill-klijenti finali installati fi Franza, mill-prodotturi ta’ karozzi kif ukoll mill-klijenti finali li jimportaw jew li jwettqu xiri intra-Komunitarju tal-elettriku.

    ( 31 ) Ara s-sentenza Stardust Marine, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37).

    ( 32 ) Is-CRE hija r-regolatur nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/54 li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinnominaw organu wieħed jew iktar kompetenti responsabbli milli jeżerċita l-funzjonijiet tal-awtoritajiet regolatorji. Dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu indipendenti b’mod sħiħ mill-interessi tal-industrija tal-elettriku. Madankollu, peress li l-Liġi tipprovdi għal żieda limitata fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ministerjali, ir-rwol tas-CRE jista’ jkun affetwat.

    ( 33 ) Ara, għall-kuntrarju, is-sentenza Doux Elevage u Coopérative agricole UKL‑ARREE, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).

    ( 34 ) Huwa minn li, skont l-Artikolu 4 tad-Digriet Nru 2011‑504, tad-9 ta’ Mejju 2011, l-Artikolu 41 tal-Liġi Nru 2000‑108 kif emendata ġie mħassar. Madankollu, skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi digriet, dan it-tħassir għadu ma daħalx fis-seħħ.

    ( 35 ) Sentenza L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, iċċitata iktar ’il fuq (punt 35).

    ( 36 ) Ara l-punt 90 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Doux Elevage et Coopérative agricole UKL‑ARREE, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73 (punti 33 sa 35) u Steinike & Weinlig (punt 22).

    ( 38 ) Sentenza Essent Netwerk Noord et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 68 sa 70).

    ( 39 ) Għal deskrizzjoni dettaljata tas-CDC, ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Diċembru 1996, Air France vs Il‑Kummissjoni (T-358/94, Ġabra p. II-2109).

    ( 40 ) Ara, għall-kuntrarju, is-sentenza Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).

    ( 41 ) B’paragun, infakkar li, b’mod partikolari, fil-kawża van der Kooy iċċitata iktar ’il fuq, il-partijiet sostnew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kumpannija li imponiet it-tariffa li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kienet kumpannija rregolata mid-dritt privat li fiha l-Istat Olandiż kellu biss 50 % tal-kapital u min-naħa l-oħra, li t-tariffa kienet ir-riżultat ta’ ftehim tad-dritt privat konkluż bejn operaturi differenti li għalihom l-Istat Olandiż kien barrani. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għalhekk ristretta li tanalizza l-imsemmija elementi li wkoll wassluha biex tikkonkludi li l-Istat kien implikat b’mod sħiħ fl-impożizzjoni tat-tariffa kkontestata.

    ( 42 ) Sentenza Essent Netwerk Noord et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).

    ( 43 ) Ara wkoll il-punt 110 tal-konlużjonijiet fil-kawża Essent Netwerk Noord et, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 44 ) Ara l-punt 76 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Pearle et, (iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 45 ) Punt 104 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Essent Netwerk Noord et, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 46 ) Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punt 59).

    ( 47 ) Ara s-sentenza Essent Netwerk Noord et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).

    ( 48 ) Ara, għall-kuntrarju, is-sentenza Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).

    ( 49 ) Barra minn hekk, aspett ieħor li juri d-differenza bejn iż-żewġ mekkaniżmi jinsab fl-istabbiliment ta’ organu bħas-CDC, li huwa responsabbli mill-amministrazzjoni u mill-amministrazzjoni tal-fondi li jinġabru mit-taxxa.

    ( 50 ) Is-suq intern tal-enerġija kien implementat b’mod progressiv, inizjalment permezz tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3), li kienet issostitwita mid-Direttiva 2003/54. Fid-dawl tal-għan li tintlaħaq il-liberalizzazzjoni tas-suq intern tal-elettriku, ġiet adottata d-Direttiva 2009/72 li ħassret id-Direttiva 2003/54. It-termini ta’ traspożizzjoni tagħha skada f’Marzu 2011.

    ( 51 ) Filwaqt li nirrikonoxxi li d-Direttiva 2009/72 ma tapplikax għal din il-kawża ratione temporis, nirrileva li skont l-Artikolu 3(9) tagħha, l-Istati Membri jiżguraw li l-fornituri tal-elettriku jispeċifikaw fi jew flimkien mal-kontijiet mibgħuta lill-klijenti finali l-kontribuzzjoni ta’ kull sors tal-enereġija lejn it-taħlita ġenerali tal-karburant li jkun għamel il-fornitur.

    ( 52 ) Ara l-punt 66 tal-konklużjonijiet fil-kawża Doux Élevage et Coopérative agricole UKL‑ARREE, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 53 ) Ara s-sentenza Doux Élevage et Coopérative agricole UKL‑ARREE, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32).

    ( 54 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C-487/06 P, Ġabra p. I-10515, punti 84 u 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 55 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 162 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq.

    ( 56 ) Kif tfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C-39/94, Ġabra p. I-3547, punti 41 et seq).

    ( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq (punti 49 sa 51).

    ( 58 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 70).

    ( 59 ) Sentenzi SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40), kif ukoll tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249, punt 64), u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C-368/04, Ġabra p. I-9957, punt 47).

    ( 60 ) Sentenza Van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 63).

    ( 61 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C-199/06, Ġabra p. I-469).

    ( 62 ) Sentenza CELF u ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq (punt 46).

    ( 63 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq SFEI et (punt 75), u Transalpine Ölleitung in Österreich (punt 56). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tagħha, il-qorti nazzjonali tista’, jekk ikun il-każ, tordna wkoll l-irkupru tal-għajnuna illegali, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru li terġa’ teżegwixxiha mill-ġdid, ulterjurment. Hija tista’ wkoll tiġi mwassla sabiex tilqa’ talbiet għal kumpens minħabba n-natura illegali tal-għajnuna.

    ( 64 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2002, Barreira Pérez (C-347/00, Ġabra p. I-8191, punt 44); tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis (C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 41), kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C-292/04, Ġabra p. I-1835, punt 34).

    ( 65 ) Ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka (C-402/03, Ġabra p. I-199, punt 51), kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2010, Kalinchev (C-2/09, Ġabra p. I-4939, punt 50).

    ( 66 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ April 2006, Richards (C-423/04, Ġabra p. I-3585, punt 42); Kalinchev, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51), u tal-10 ta’ Marzu 2012, Santander Asset Management SGIIC (C‑338/11 sa C‑347/11, punti 59 u 60).

    ( 67 ) Nirrileva, f’dan ir-rigward, prattika amministrattiva stabbilita li għaliha ssir riferenza fl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li eżaminat f’dan l-aħħar deċennu numru kbir ta’ sistemi ta’ sostenn komparabbli fi Stati Membri oħra. Ara, fost oħrajn, bħala eżempju ta’ deċiżjoni finali adottata wara proċedura formali ta’ eżami, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2007/580/KE, tal-24 ta’ April 2007, dwar is-sistema ta’ għajnuna mill-Istat implementata mill-iSlovenja fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-prodotturi ta’ enerġija kwalifikata – Għajnuna mill-Istat C 7/2005 (ĠU L 219, p. 9, premessi 66 sa 78); u, bħala eżempju ta’ deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, id-Deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 – N 143/2009 – Ċipru – Aid scheme to encourage electricity generation from large commercial wind, solar, photovoltaic systems and biomass [C(2009)5398].

    Top