Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0553

    Kawża T-553/11: Rikors ippreżentat fl- 14 ta’ Ottubru 2011 — European Dynamics Luxembourg vs BĊE

    ĠU C 6, 7.1.2012, p. 20–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 6/20


    Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2011 — European Dynamics Luxembourg vs BĊE

    (Kawża T-553/11)

    2012/C 6/37

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: European Dynamics Luxembourg SA (Ettelbrück, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

    Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut li jiċħad il-kandidatura kollettiva tal-grupp temporanju, immexxi u rrappreżentat mir-rikorrenti, ippreżentata b’risposta għal sejħa għal kandidaturi għal parteċipazzjoni fis-sejħa għal offerti bir-referenza Nru 14159/IS/2010 (ĠU 2011/S 75-121894), b’mod partikolari għas-servizzi koperti bil-lot nru 1 tal-imsemmija offerta;

    tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut li jiċħad l-appell tar-rikorrenti ppreżentat skont il-proċedura ta’ appell hekk kif iddefinita fit-Taqsima IV.2.1 tal-imsemmija sejħa għal offerti u taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni BĊE/2007/5 (1);

    tannulla d-deċiżjonijiet kollha konnessi adottati mill-konvenut;

    tikkundanna lill-konvenut iħallas lir-rikorrenti, skont l-Artikoli 256, 268 u 340 TFUE, id-danni għal telf ta’ opportunità u danni għar-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħha fir-rigward tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni li jammontaw għal EUR 2 000 000.

    tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-kawża u għal spejjeż oħra tar-rikorrenti marbuta ma’ dan ir-rikors.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    (1)

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-konvenut u nuqqas ta’ żvelar tal-merti tal-kandidati magħżula. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-konvenut għamel użu minn kriterji ta’ selezzjoni vagi, introduċa kriterji ġodda waqt l-evalwazzjoni u naqas milli jikkonforma ruħu mal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2007/5. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenut kiser id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ trasparenza u amministrazzjoni tajba.

    (2)

    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-konvenut billi naqas milli jikkonforma ruħu mal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni BĊE/2007/5 u mal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti.

    (3)

    Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur min-naħa tal-konvenut tal-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni BĊE/2007/5 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

    (4)

    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur min-naħa tal-konvenut tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2007/5, billi ċaħad l-appell tagħha bħala inammissibbli.


    (1)  Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew, tat-3 ta’ Lulju 2007, li tistabbilixxi r-Regoli dwar l-Akkwisti (ĠU L 184, p. 34)


    Top