EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0551

Kawża T-551/11: Rikors ippreżentat fid- 19 ta’ Ottubru 2011 — BSI vs Il-Kunsill

ĠU C 370, 17.12.2011, p. 28–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 370/28


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Ottubru 2011 — BSI vs Il-Kunsill

(Kawża T-551/11)

2011/C 370/46

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Brugola Service International Srl (BSI) (Cassano Magnago, l-Italja) (rappreżentanti: S. Baratti u M. Farneti, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU L 194, p. 6).

tiddikjara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, bħala inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE (ĠU L 343, p. 51).

tiddikjara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, bħala inapplikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE (ĠU L 29, p. 1).

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011 abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, peress li legalment u b’mod loġiku huwa bbażat fuq ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u fuq ir-Regolament (KE) Nru 91/2009, li n-nuqqas ta’ applikabbiltà tagħhom skont l-Artikolu 277 hija invokata abbażi tal-motivi segwenti:

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u, konsegwentement, tar-Regolament (KE) Nru 91/2009, minħabba ksur ta’ liġi u tal-Artikoli 6(10) u 9(2) tal-Ftehim Anti-Dumping tal-WTO sa fejn jimponi dazju fuq livell nazzjonali għall-fornituri stabbiliti f’pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq u li ma jurux li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni u żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni, b’mod żbaljat, issuġġettat l-għoti tat-trattament individwali għall-prova, min-naħa tal-produtturi Ċiniżi, tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, bi ksur tal-Artikoli 6(10) u 9(2) tal-Ftehim Anti-Dumping tal-WTO.

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tal-interpretazzjoni mogħtija, fir-Regolament (KE) Nru 91/2009, tal-kunċett ta’ “proporzjon kbir” tal-produzzjoni Komunitarja skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, minħabba ksur tal-liġi peress li din tmur kontra l-Artikoli 4(1) u 3(1) tal-Ftehim Anti-Dumping tal-WTO, kif ukoll minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni.

(4)

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-illegalità tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 minħabba ksur ta’ liġi u tal-Artikoli 2(4), 6(2) u (4) tal-Ftehim Anti-Dumping tal-WTO, kif ukoll tal-Artikoli 2(10), 6(8), 20(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, kif ukoll minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-marġni ta’ dumping abbażi ta’ paragun mhux xieraq bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, mingħajr ma kkomunikat lill-produtturi tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kemm jista’ jkun malajr, l-informazzjoni neċessarja sabiex tiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

(5)

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka l-illegalità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 723/2011, peress li dan huwa vvizjat minn nuqqas ta’ investigazzjoni u ta’ motivazzjoni, peress li l-Kummissjoni ma pprovdietx l-informazzjoni dwar il-prezzijiet medji tal-esportazzjonijiet, dwar il-prodotti u l-kategoriji kummerċjali li abbażi tagħhom il-valur normali ġie stabbilit, u l-marġni ta’ dumping hekk ikkalkolat.


Top