Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0452

Kawża T-452/11: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Awissu 2011 — Western Digital u Western Digital Ireland vs Il-Kummissjoni

ĠU C 305, 15.10.2011, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 305/6


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Awissu 2011 — Western Digital u Western Digital Ireland vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-452/11)

2011/C 305/08

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Western Digital Corp. (Dover, Delaware, l-Istati Uniti) u Western Digital Ireland, Ltd (Grand Cayman, Cayman Islands) (rappreżentanti: F. González Díaz, avukat, u P. Stuart, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tordna lill-konvenuta tipproduċi l-kwestjonarji li hija bagħtet lil terzi matul l-ewwel fażi u t-tieni fażi tal-investigazzjoni tagħha tal-proposta ta’ xiri min-naħa ta’ Western Digital Corporation ta’ Viviti Technologies Ltd. u tal-proposta ta’ xiri min-naħa ta’ Seagate tan-negozju tal-hard disk drive ta’ Samsung Electronics Co. Ltd.

tordna lill-konvenuta tipprovdi aċċess għall-fajl ta’ prenotifika u ta’ postnotifika tat-tranżazzjoni Seagate, inkluż, b’mod partikolari, aċċess għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ kull korrispondenza u kitbiet reġistrati ta’ kuntatti bejn Seagate, Samsung, u l-Kummissjoni sad-data tan-notifika, u kull komunikazzjonijiet interni fi ħdan il-Kummissjoni – kemm fil-Kawżi Seagate vs Samsung u Western Digital Ireland vs Viviti Technologies – li jikkonċernaw il-prijoritizzazzjoni taż-żewġ tranżazzjonijiet;

tannulla d-deċiżjoni prijoritarja inkluża fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2011/C 165/04), tat-30 ta’ Mejju 2011, fil-Każ COMP/M.6203 – Western Digital Ireland vs Viviti Technologies (ĠU 2011 C 165, p. 3), li tibda t-tieni fażi ta’ investigazzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni nnotifikata, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 (1); u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ setgħat tal-konvenuta li tadotta regola ta’ prijorità bbażata fuq id-data tan-notifika ta’ konċentrazzjoni.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi u ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ ekwità u ta’ amministrazzjoni tajba min-naħa tal-konvenuta billi:

ir-regola ta’ prijorità magħżula mill-konvenuta ma għandha l-ebda bażi taħt id-dritt Ewropew, ma ssegwix ġurisprudenza stabbilita, u ma hijiex inerenti fis-sistema ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet;

ir-regola ta’ prijorità magħżula mill-konvenuta tagħti lok għal riżultati ħżiena; u

ir-regola ta’ prijorità magħżula mill-Kummissjoni tikser prinċipji ġenerali ta’ liġi.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenuta tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li l-proposta ta’ xiri min-naħa Western Digital Corporation ta’ Viviti Technologies Ltd. tiġi evalwata kontra l-istruttura tas-suq li kienet fis-seħħ meta ġiet iffirmata, imħabbra u nnotifikata minn qabel lill-Kummissjoni.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenuta tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ekwità, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, billi imponiet oneri addizzjonali fuq ir-rikorrenti, u billi ma żvelatx il-fatt li kien hemm tranżazzjoni parallela li taffettwa l-istess swieq rilevanti.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40)


Top