EUR-Lex Prístup k právu Európskej únie

Späť na domovskú stránku portálu EUR-Lex

Tento dokument je výňatok z webového sídla EUR-Lex

Dokument 62011CN0244

Kawża C-244/11: Rikors ippreżentat fl- 20 ta’ Mejju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

ĠU C 219, 23.7.2011, s. 10 – 10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 219/10


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-244/11)

2011/C 219/13

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Ζavvόs u E. Montaguti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li, billi adottat ir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 11(1), flimkien mal-Artikolu 11(2), u r-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 11(3), tal-Liġi Ellenika Nru 3631/2008, ir-Repubblika Ellenika kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 63 TFUE fuq il-moviment liberu tal-kapital u taħt l-Artikolu 49 TFUE fuq il-libertà ta’ stabbiliment;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont il-Kummissjoni, il-fatt li l-kisba tad-drittijiet tal-vot minn 20 % jew iktar tal-kapital azzjonarju totali f’impriżi ta’ importanza strateġika nazzjonali tkun tiddependi fuq l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-Diypourgiki Epitropi Apokratikopoiiseon (Kummissjoni interministerjali għall-privatizzazzjoni), kif ipprovdut fl-Artikolu 11(1) flimkien mal-Artikolu 11(2) tal-Liġi 3631/2008, jirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE) u l-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE). Minkejja li l-miżuri inkwistjoni ma jintroduċu ebda diskriminazzjoni, kif jallega l-Gvern Grieg, dawn jistgħu jiddiswadu lill-operaturi ekonomiċi milli jinvestu l-kapital tagħhom f’impriżi ta’ importanza strateġika nazzjonali u, b’hekk, anki milli jistabbilixxu rwieħhom fil-Greċja.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 11(3) tal-Liġi 3631/2008, li jipprevedi l mekkaniżmu ta’ kontroll ex post min-naħa tal-Ministru tal-Ekonomija u tal-Finanzi fuq kwistjonijiet partikolari ta’ importanza deċiżiva fir-rigward tal-impriża, jillimita l-moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE) u l-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE), peress li jagħti lill-Istat il-possibbiltà li jinvalida deċiżjonijiet importanti tal-impriża għal raġunijiet amministrattivi li, ġaladarba seħħew wara, ma kienux magħrufa minn qabel. B’hekk tiġi limitata s-setgħa diskrezzjonali tal-azzjonisti li jimplementaw id-deċiżjonijiet tagħhom u tiġi ostakolata l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fit-tmexxija u fil-kontroll tal-impriżi ta’ importanza strateġika nazzjonali u, għaldaqstant, anki l-istabbiliment tagħhom fil-Greċja.

Il-Gvern Elleniku jsostni li l-liġi kontenzjuża tintroduċi limitazzjonijiet biss għall-privatizzazzjoni ta’ sitt impriżi ta’ importanza strateġika nazzjonali suġġetti għall-kontroll tal-Istat. Bil-kontra, il-Kummissjoni hija tal-fehma li bħala regola ġenerali l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi jibqa’ inċert peress li la l-impriżi kkunsidrati u lanqas is-setturi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida ma jissemmew f’din il-liġi, bir-riżultat li l-liġi tibqa’ ambigwa mhux biss fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni preżenti tagħha, iżda anki fir-rigward ta’ dak futur u, b’hekk, ma tiggarantixxix iċ-ċertezza legali neċessarja.

Il-Gvern Elleniku jsostni li l-uniku skop tal-liġi huwa l-ħarsien tal-interess pubbliku u l-garanzija tal-provvista kontinwa u mingħajr ostakoli tas-servizzi pubbliċi u tal-funzjonament tan-netwerks. Madankollu l-Kummissjoni ssostni li l-għan tal-liġi huwa, barra minn hekk, il-garanzija tal-possibbiltà għall-Istati li jgħażlu investitur strateġiku għall-impriżi ta’ importanza strateġika nazzjonali, it-titjib tal-kompetittività tagħhom u l-garanzija li l-privatizzazzjoni tal-impriżi ta’ importanza strateġika għall-ekonomija nazzjonali ssir taħt kundizzjonijiet ta’ trasparenza. Il-Kummissjoni tindika li, anki jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġġustifikaw lilhom infushom għal raġunijiet ta’ interess pubbliku, b’kuntrast mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li s-sistemi ta’ awtorizzazzjoni “għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji u magħrfa minn qabel lill-impriżi kkonċernati u kull persuna oħra milquta minn miżura restrittiva ta’ dan it-tip għandha jkolla possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju (1), il-kriterji pprovduti għall-għoti tal-awtorizzazzjoni ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit mil-liġi. Il-kriterji ta’ privatizzazzjoni (għoti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, iżda wkoll kontroll ex post, bil-possibbiltà li jiġu annullati d-deċiżjonijiet tal-impriża) stabbiliti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma humiex ċari, oġġettivi, predeterminati b’mod preċiż mil-liġi, u lanqas ma għandhom relazzjoni mal-għanijiet segwiti mil-liġi, filwaqt li jagħtu setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-awtoritajiet bir-riżultat li jiġu imposti ex post restrizzjonijiet ulterjuri għall-privatizzazzjoni tal-impriżi ta’ importanza strateġika nazzjonali, li jkun hemm probabbiltà ta’ aċċess selettiv tal-investituri f’impriżi u setturi privatizzati tas-suq u li jkun impossibbli għall-awtoritajiet ġudizzjarji li jivverifikaw il-mod ta’ kif l-awtoritajiet amministrattivi applikaw is-setgħat mogħtija lilhom mil-liġi.

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ellenika ma pprovdietx biżżejjed kjarifiki u elementi sabiex tiġġustifika l-provvista tar-restrizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u li, għaldaqstant, l-Artikolu 11(1) flimkien mal-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 11(3) tal-Liġi 3631/2008, li jistabbilixxu s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u, rispettivament, is-sistema ta’ kontroll ex post, jiksru l-Artikoli 63 u 49 TFUE.


(1)  Ara s-sentenzi Analir et, C-205/99, punt 38; Centro Europa 7 Sri, C-380/05, punt 116; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-367/98, punt 50; Il-Kummissjoni vs Franza, C-483/99, punt 46; Il-Kummissjoni vs Spanja, C-463/00, punt 69.


Začiatok