This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CN0150
Case C-150/11: Action brought on 28 March 2011 — European Commission v Kingdom of Belgium
Kawża C-150/11: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Marzu 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
Kawża C-150/11: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Marzu 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
ĠU C 160, 28.5.2011, p. 13–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.5.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 160/13 |
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Marzu 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-150/11)
2011/C 160/16
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: O. Beynet u A. Marghelis, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet tal-parti rikorrenti
— |
tikkonstata li billi titlob, minbarra il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ konformità ta’ vettura għall-kontroll tekniku (roadworthiness test) meħtieġ qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vettura li qabel tkun irreġistrata fi Stat Membru ieħor, u billi tissuġġetta l-vetturi li qabel kienu rreġistrati fi Stat Membru ieħor għal kontroll tekniku (roadworthiness test) meħtieġ qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati tal-kontroll tekniku (roadworthiness test) magħmul fi Stat Membru ieħor, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE, tad-29 ta’ April 1999, dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (1) u l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; |
— |
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqajjem żewġ ilmenti insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tad-Direttiva 1999/37/KE mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, titlob il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ konformità qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vettura li qabel tkun irreġistrata fi Stat Membru ieħor, u min-naħa l-oħra, tirrifjuta li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżultati ta’ kontroll tekniku (roadworthiness test) magħmul qabel fi Stat Membru ieħor.
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni takkuża lir-rikorrent li impona b’mod ġenerali u sistematiku kontroll tekniku qabel ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi użati li qabel ikunu rreġistrati fi Stati Membri oħra, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni kontrolli li jkunu diġà saru f’dawn tal-aħħar. Tali kontroll jista’ jiskoraġġixxi ċerti persuni interessati milli jimpurtaw fil-Belġju vetturi użati li qabel ikunu rreġistrati fi Stati Membri oħra u għaldaqstant jikkostitwixxi xkiel għall-moviment liberu ta’ merkanzija pprojbit bl-Artikolu 34 TFUE.
Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, talba għal reġistrazzjoni tista’ tiġi vvalidata fin-nuqqas ta’ ċertifikat ta’ kontroll tekniku jkun maħruġ mill-awtoritajiet Belġjani biss kemm-il darba jiġi ppreżentat ċertifikat ta’ konformità flimkien maċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ fi Stat Membru ieħor. Tali leġiżlazzjoni tmur kontra l-Artikolu 4 tad-Direttiva 1999/37/KE u ġġib fix-xejn il-prinċipju ta’ rikonoxximent taċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni armonizzati maħruġa minn Stati Membri oħra. Fil-fatt, tali miżura, minkejja li tapplika mingħajr distinzjoni għall-vetturi rreġistrati fil-Belġju jew fi Stat Membru ieħor, taffettwa iktar il-vetturi użati li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor sa fejn, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, iċ-ċertifikat ta’ konformita’ ma jakkumpanjax il-vettura.
(1) ĠU L 138, p. 57