Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0068

    Kawża C-68/11: Rikors ippreżentat fis- 16 ta’ Frar 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

    ĠU C 145, 14.5.2011, p. 8–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.5.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 145/8


    Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Frar 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana

    (Kawża C-68/11)

    2011/C 145/10

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Alcover San Pedro u S. Mortoni, aġenti)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

    Talbiet

    tikkonstata li billi qabżet, għal numru ta’ snin konsekuttivi, il-valuri ta’ limitu għall-partiċelli PM10 fl-arja ambjentali f’numru ta’ żoni u agglomerazzjonijiet fir-rigward tal-kwalità tal-arja fit-territorju Taljan kollu, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/30/KE (1), tat-22 ta’ April 1999, dwar il-valuri ta’ limitu tad-dijossidu tal-kubrit, tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-ossidi tan-nitroġenu, materji f’partiċelli u ċomb fl-arja ambjentali, li sar l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/50/KE (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2008, dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa

    tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30/KE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-konċentrazzjonijiet ta’ PM10 fl-arja ambjentali ma jaqbżux il-valuri tal-limitu stabbiliti f’punt I tal-Anness III tad-direttiva, sa mid-data indikata hemmhekk. Id-data rilevanti fil-każ preżenti hija l-1 ta’ Jannar 2005.

    Meta l-Kummissjoni evalwat ir-rapporti annwali mibgħuta għas-snin 2005 sa 2007, jirriżulta li l-valuri ta’ limitu għall-PM10 kienu nqabżu f’ħafna żoni u agglomerazzjonijiet urbani. Barra minn hekk, mid-data l-iktar riċenti mibgħuta mill-Italja għas-sena 2009 jirriżulta li din is-sitwazzjoni ta’ qabżiet tal-valuri ta’ limitu ta’ kuljum u/jew annwali seħħew f’70 żona.

    B’hekk jirriżulta li l-Italja naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 1999/30 għal dak li jirrigwarda ż-żoni u s-snin inkwistjoni.


    (1)  ĠU L Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 04, p. 164

    (2)  ĠU L 152, 11.06.2008, p. 1


    Top