Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0667

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tas-6 ta' Ġunju 2013.
Paltrade EOOD vs Nachalnik na Mitnicheski punkt - Pristanishte Varna pri Mitnitsa Varna.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Administrativen sad Varna - il-Bulgarija.
Politika kummerċjali - Regolament (KE) Nru 1225/2009 - Artikoli 13 u 14 - Importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw miċ-Ċina - Dazji antidumping - Evażjoni - Spedizzjoni mill-ġdid tal-merkanzija permezz tal-Malasja - Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 723/2011 - Reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet - Irkupru tad-dazji antidumping - Retroattività.
Kawża C-667/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:368

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C-667/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Administrativen sad Varna (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2011, fil-proċedura

Paltrade EOOD

vs

Nachalnik na Mitnicheski punkt – Pristanishte Varna pri Mitnitsa Varna,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għan-Nachalnik na Mitnicheski punkt – Pristanishte Varna pri Mitnitsa Varna, minn S. Valkova, S. Yordanova u V. Konova, kif ukoll minn M. Yanev,

– għall-Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u Y. Atanasov, bħala aġenti,

– għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala agent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

– għall-Ungerija, minn K. Szíjjártó, bħala aġent,

– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França, D. Stefanov u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ ġbir retroattiv tad-dazji antidumping fil-kuntest tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinnati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU L 194, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”), sussegwentement għal investigazzjoni ta’ evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Paltrade EOOD (iktar ’il quddiem “Paltrade”) u n-Nachalnik na Mitnicheski punkt – Pristanishte Varna (Kap tal-Uffiċċju tad-Dwana tal-Port ta’ Varna) quddiem in-Nachalnik Mitnitsa Varna (Direttur tad-Dwana ta’ Varna) (iktar ’il quddiem, l-“awtorità doganali”) dwar deċiżjoni li tikkundanna lil Paltrade tħallas dazji antidumping addizzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

3. Skont il-premessa 19 tar-Regolament bażiku:

“[...] Minħabba l-falliment, sa issa, tan-negozjati multilaterali u u waqt li għadu pendenti r-riżultat tar-referenza lill-Kumitat Kontra Dumping tal-Ö WTO Õ, huwa meħtieġ li jiġu introdotti disposizzjonijiet ġodda fil-leġislazzjoni tal-Komunità li jkollhom x’jaqsmu mad-drawwiet, li jinkludu s-sempliċi assemblaġġ tal-merkanzija fil-Komunità jew f’pajjiż terz, li jkollhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom, l-evitar tal-miżuri kontra d-dumping.”

4. L-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, intitolat “Evażjoni”, jipprovdi:

“1. Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. [...] Evażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

[…]

3. L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta’ l-investigazzjonijiet għandu jsir, [...] permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur. Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. [...] L-estensjoni tibda’ sseħħ mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li fiha ġew mitluba l-garanziji. […]”

5. L-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali” jipprovdi:

“[…]

5. Il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, tidderieġi l-awtoritajiet tad-dwana biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jistgħu sussegwentament jiġu applikati kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ reġistrazzjoni bħal din. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija Komunitarja li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika azzjoni bħal din. Għandha tiġi introdotta reġistrazzjoni mir-regolament li għandu jispeċifika l-iskop ta’ l-azzjoni u, jekk xieraq, l-ammont stmat ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni. L-importazzjonijiet ma għandhomx jiġu magħmula soġġetti għal reġistrazzjoni ta’ perjodu itwal minn disa xhur.”

6. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009, impona dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 29, p. 1).

7. Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, ir-rata tad-dazju antidumping definittiv għall-kumpanniji l-oħra kollha għajr dawk elenkati fit-tabella li tinsab f’din id-dispożizzjoni hija stabbilita għal 85 % taħt il-kodiċi TARIC addizzjonali A999.

8. Sussegwentement, permezz tar-Regolament tagħha (UE) Nru 966/2010, tas-27 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping stabbiliti bir-Regolament Nru 91/2009 permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar mibgħuta mill-Malasja, sew jekk dawn kienu ġew iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż u sew jekk le, u li jissuġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni (ĠU L 282, p. 29).

9. Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 966/2010 hija fformulata kif ġej:

“Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’ċirkomvenzjoni, ikunu jistgħu jiġu ntaxxati dazji tal-anti-dumping ta’ ammont xieraq retroattivament mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet li jitilqu mill-Malasja.”

10. L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament issuġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

11. Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi għall-estensjoni tad-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament Nru 91/2009 għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar mibgħuta mill-Malasja, sew jekk dawn kienu ġew iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż u sew jekk le. Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi:

“1. Id-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħra kollha’ impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta[l-prodotti kkonċernati] li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, hu b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta[l-prodotti kkonċernati] ikkunsinjati mill-Malasja sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex73181290, ex73181491 [...] (kodiċi TARIC [...]7318129091, [...] 7318149191 [...]), [...]

[…]

3. Id-dazju estiż mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 966/2010 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 1.

[...]”

12. Skont l-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 629, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”):

“1. L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija.

[…]

3. Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

13. Skont l-Artikolu 217(1)(a) tal-Kodiċi Doganali:

“1. Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika:

(a) fejn ikun ġie introdott dazju proviżorju kontra r-roħs eċċessiv jew protettiv;

[...]”.

14. L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 555/2011, tas-6 ta’ Ġunju 2011 (ĠU L 150, p. 3), jipprovdi:

“Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej, min issa ’l quddiem imsejħa ‘Taric’, li tħaddan fiha l-ħtiġiet kollha ta’ Tariffa Doganali Komuni, l-statistiċi esterni tal-kummerċ, il-linji politiċi kummerċjali, agrikoli u linji politiċi oħra tal-Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjponi.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15. Fil-31 ta’ Jannar 2011, Paltrade, stabbilita f’Varna, għamlet dikjarazzjoni doganali permezz ta’ Dokument Amministrattiv Uniku Nru 11BG002005H0004290 (iktar ’il quddiem id-“DAU”), li tissuġġetta għas-sistema ta’ tqegħid għall-konsum b’ċirkulazzjoni libera simultanja l-merkanzija sussegwenti: 2 528 800 vit għall-injam u 634 000 vit li jaqbdu kamin waħedhom (self-tapping), li kienet intbagħtet mill-Malasja u li kienet tifforma parti mill-prodotti li fuqhom kellu jiġi impost id-dazju antidumping skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni. Id-dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud dovuti ddaħħlu fil-kontijiet fil-31 ta’ Jannar 2011, jiġifieri qabel id-dazju antidumping ma kien ġie definittivament estiż għall-importazzjoni ta’ din il-merkanzija.

16. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ, fis-27 ta’ Lulju 2011, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, l-awtorità doganali, sussegwentement għar-rilaxx tal-merkanzija inkwistjoni, wettqet verifika a posteriori tad-dikjarazzjoni sabiex tivverifika l-eżattezza tad-data li kienet tinsab fiha. Wara l-verifika tad-DAU u tad-dokumenti mehmuża miegħu, l-awtorità doganali kkonstatat li dan id-dokument kien ġie rreġistrat matul il-perijodu ta’ investigazzjoni mibdija skont ir-Regolament Nru 966/2010. Għaldaqstant, l-awtorità doganali rrettifikat id-data li kienet tinsab f’dan id-dokument.

17. L-awtoritajiet doganali Bulgari ma adottawx xi miżuri speċifiċi bil-għan tar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Malasja, u lanqas ma rreġistraw il-kodiċi TARIC addizzjonali – A999 previst fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 91/2009. Għall-kuntrarju, huma applikaw il-proċedura normali ta’ reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali magħmula skont il-mudell tad-DAU, fis-sistema ta’ informazzjoni integrata tas-servizzi doganali Bulgari (Balgarska integrirana mitnicheska informatsionna sistema, iktar ’il quddiem il-“BIMIS”).

18. Permezz ta’ Deċiżjoni Nru 9300-843, tal-10 ta’ Awwissu 2011, l-awtorità doganali imponiet fuq Paltrade l-ħlas ta’ ammont addizzjonali ta’ BGN 14 623.75 bħala dazji antidumping u ta’ BGN 2 924.76 bħala VAT. Paltrade ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Varna.

19. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Administrativen sad Varna ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1. Il-ġbir retroattiv ta’ dazju antidumping skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ [Implementazzjoni] huwa permissibbli mingħajr ir-reġistrazzjoni tal-importazzjoni, għajr għar-reġistrazzjoni mad-dwana tad-Dokument Amministrattiv Uniku fis-sistema BIMIS, bil-kodiċi TARIC addizzjonali previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 91/2009?

2. Liema huwa l-ammont xieraq, fis-sens tal-premessa 18 tar-Regolament Nru 966/2001, ta’ dazju antidumping miġbur retroattivament skont ir-Regolament [ta’ Implementazzjoni]?”

Fuq id-domandi preliminari

20. Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku li għalih jirreferi l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 966/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li modalitajiet ta’ reġistrazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi ma’ din id-dispożizzjoni u għaldaqstant huma suffiċjenti għall-ġbir retroattiv tad-dazju antidumping skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni wara investigazzjoni li tikkonkludi li hemm evażjoni tad-dazji antidumping definittivi imposti bir-Regolament Nru 91/2009 u, min-naħa l-oħra, skont il-każ, xi jkun l-ammont ta’ tali dazju antidumping estiż miġbur retroattivament skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni.

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

21. Il-Gvern Bulgaru u l-awtorità doganali jqisu li ma huwiex neċessarju li tiġi introdotta reġistrazzjoni differenti minn dik tad-DAU fil-BIMIS, peress li din tippermetti interkonnessjoni bejn sistemi ta’ informazzjoni bbażati fuq il-kodiċijiet TARIC. Skont dawn il-partijiet, id-dokumenti doganali għat-tipi kollha ta’ destinazzjonijiet u ta’ sistemi doganali previsti mil-leġiżlazzjoni doganali Ewropea u nazzjonali huma s-suġġett ta’ pproċessar awtomatiku mill-BIMIS li tippermetti li tinġabar informazzjoni mid-database ta’ dokumenti doganali.

22. Il-Gvern Spanjol u Taljan, l-Ungerija kif ukoll il-Kummissjoni jqisu wkoll li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku, tar-Regolament Nru 966/2010 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet inkwistjoni ma jeħtieġux il-ħolqien ta’ reġistrazzjoni speċifika. Kull sistema nazzjonali ta’ reġistrazzjoni għandha titqies li hija suffiċjenti jekk din tippermetti lill-awtoritajiet doganali jsiru jafu dwar l-importazzjonijiet irreġistrati, waqt il-pubblikazzjoni tar-regolament li jistabbilixxi li d-dazji antidumping għandhom jiġu imposti fuq dawn l-importazzjonijiet irreġistrati, u jkunu jistgħu jiġbru u jinnotifikaw dawn id-dazji.

23. Il-Kummissjoni żżid li r-reġistrazzjoni fis-seħħ tad-dokumenti amministrattivi uniċi fil-BIMIS hija iktar minn suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għajnijiet tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

24. Il-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni u l-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet isostnu li r-Regolament ta’ Implementazzjoni jindika espressament li, fir-rigward tal-kumpanniji tal-Malasja li għalihom huwa estiż id-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament Nru 91/2009, huwa neċessarju li tiġi applikata r-rata ta’ dan id-dazju antidumping, stabbilita għal 85 %.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, id-dazji antidumping stabbiliti skont dan ir-regolament jistgħu jiġu estiżi għall-importazzjonijiet, minn Stati terzi, ta’ prodotti simili jew ta’ partijiet minn dawn il-prodotti meta tkun qed issir evażjoni tal-miżuri fis-seħħ. Skont l-Artikolu 13(3), l-investigazzjoni għandha tinbeda permezz ta’ regolament tal-Kummissjoni li jista’ jobbliga lill-awtoritajiet doganali jirrendu obbligatorja r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

26. B’mod iktar partikolari, minn dan l-Artikolu jirriżulta li, fil-każ tal-eżistenza ta’ evażjoni, l-estensjoni tal-miżuri definittivi diġà stabbiliti tibda tapplika mid-data li fiha r-reġistrazzjoni ġiet imposta skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

27. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu miżuri adatti sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet b’mod li miżuri estiżi għall-prodotti kkonċernati jistgħu sussegwentement jiġu applikati kontra l-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti mid-data tar-reġistrazzjoni tagħhom. Ir-reġistrazzjoni tal-prodotti kkonċernati għandha tiġi introdotta permezz ta’ regolament li jippreċiża l-għan tal-miżura u, skont il-każ, l-ammont stmat tad-dazji li jista’ jkollhom jitħallsu fil-futur. L-importazzjonijiet ma għandhomx ikunu suġġetti għal reġistrazzjoni għal perijodu itwal minn disa’ xhur.

28. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-għan u l-istruttura tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-premessa 19 u l-Artikolu 13 tiegħu, regolament li jestendi dazju antidumping huwa intiż biss sabiex jiżgura l-effettività tiegħu, u sabiex jevita li ssir evażjoni tiegħu. Għaldaqstant, miżura li testendi dazju antidumping definittiv hija biss ta’ natura anċillari fir-rigward tal-att inizjali li jistabbilixxi dan id-dazju li jipproteġi l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri definittivi.

29. Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati, fil-kuntest speċifiku ta’ evażjoni, jikkonċerna wkoll l-effettività tal-miżuri definittivi estiżi billi jirrendi possibbli l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji sabiex jiġi evitat li l-miżuri definittivi li għandhom jiġu applikati jitilfu l-effett utli tagħhom. F’dan ir-rigward, peress li l-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu miżuri adatti għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati sabiex jiġi żgurat il-ġbir retroattiv tad-dazji antidumping estiżi, dawn l-awtoritajiet huma obbligati jikkonformaw ruħhom ma’ dan l-obbligu.

30. Fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 91/2009 stabbilixxa d-dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li joriġinaw miċ-Ċina. Sussegwentement, ir-Regolament Nru 966/2010, billi jiftaħ investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ din il-miżura, impona, permezz tal-Artikolu 2 tiegħu, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati mibgħuta mill-Malasja. Sussegwentement għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ evażjoni, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni estenda d-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament Nru 91/2009 għall-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati mibgħuta mill-Malasja, sew jekk dawn kienu ġew iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż u sew jekk le.

31. Fil-fatt, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 966/2010 jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw ċerti miżuri ta’ implementazzjoni adatti għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku.

32. Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe detall fir-Regolament bażiku u fir-Regolament Nru 966/2010 dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jipproċedu għar-reġistrazzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ din ir-reġistrazzjoni b’mod li jkun korrettament żgurat il-ġbir retroattiv tad-dazji antidumping estiżi u b’mod li għaldaqstant jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-regolament.

33. F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li r-reġistrazzjoni permezz tad-DAU fis-sistema BIMIS fis-seħħ tissodisfa l-obbligu impost, sa fejn din ma tħalli ebda dubju dwar l-identifikazzjoni tal-operazzjonijiet kollha ta’ importazzjonijiet taxxabbli tal-prodotti kkonċernati u tippermetti li tinġabar b’mod effettiv l-informazzjoni kollha disponibbli sabiex jitwettaq ġbir retroattiv korrett tad-dazji antidumping estiżi.

34. Għaldaqstant, reġistrazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

35. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni inkwistjoni tissodisfa l-obbligu impost mid-dispożizzjonijiet applikabbli tar-regolamenti inkwistjoni.

36. Fir-rigward tar-rata tad-dazju antidumping miġbur retroattivament skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni, mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li d-dazju li huwa estiż għall-importazzjonijiet tal-merkanzija kkonċernata mill-Malasja huwa d-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 91/2009.

37. Issa, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan l-aħħar regolament, ir-rata tad-dazju antidumping estiż hija ta’ 85 %.

38. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun kif ġej:

– L-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku li għalih jirreferi l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 966/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li modalitajiet ta’ reġistrazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi ma’ din id-dispożizzjoni u għaldaqstant huma suffiċjenti għall-ġbir retroattiv tad-dazju antidumping skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni wara investigazzjoni li tikkonkludi li hemm evażjoni tad-dazji antidumping definittivi imposti bir-Regolament Nru 91/2009.

– Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 91/2009, ir-rata tad-dazju antidumping estiż miġbur retroattivament fuq l-importazzjonijiet preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implementazzjoni hija ta’ 85 % għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

Fuq l-ispejjeż

39. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, li għalih jirreferi l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 966/2010, tas-27 ta’ Ottubru 2010, li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li jitilqu mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li modalitajiet ta’ reġistrazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi ma’ din id-dispożizzjoni u għaldaqstant huma suffiċjenti għall-ġbir retroattiv tad-dazju antidumping skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le, wara investigazzjoni li tikkonkludi li hemm evażjoni tad-dazji antidumping definittivi imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas- 26 ta’ Jannar 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 91/2009, ir-rata tad-dazju antidumping estiż miġbur retroattivament fuq l-importazzjonijiet preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 723/2011 hija ta’ 85 % għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

Top

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Ġunju 2013 ( *1 )

“Politika kummerċjali — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikoli 13 u 14 — Importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw miċ-Ċina — Dazji antidumping — Evażjoni — Spedizzjoni mill-ġdid tal-merkanzija vija l-Malasja — Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 723/2011 — Reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet — Irkupru tad-dazji antidumping — Retroattività”

Fil-Kawża C-667/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Administrativen sad Varna (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Diċembru 2011, fil-proċedura

Paltrade EOOD

vs

Nachalnik na Mitnicheski punkt – Pristanishte Varna pri Mitnitsa Varna,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Jannar 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għan-Nachalnik na Mitnicheski punkt – Pristanishte Varna pri Mitnitsa Varna, minn S. Valkova, S. Yordanova u V. Konova, kif ukoll minn M. Yanev,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u Y. Atanasov, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala agent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Ungerija, minn K. Szíjjártó, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França, D. Stefanov u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ ġbir retroattiv tad-dazji antidumping fil-kuntest tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinnati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU L 194, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”), sussegwentement għal investigazzjoni ta’ evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Paltrade EOOD (iktar ’il quddiem “Paltrade”) u n-Nachalnik na Mitnicheski punkt – Pristanishte Varna (Kap tal-Uffiċċju tad-Dwana tal-Port ta’ Varna) quddiem in-Nachalnik Mitnitsa Varna (Direttur tad-Dwana ta’ Varna) (iktar ’il quddiem, l-“awtorità doganali”) dwar deċiżjoni li tikkundanna lil Paltrade tħallas dazji antidumping addizzjonali.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont il-premessa 19 tar-Regolament bażiku:

“[...] Minħabba l-falliment, sa issa, tan-negozjati multilaterali u u waqt li għadu pendenti r-riżultat tar-referenza lill-Kumitat Kontra Dumping tal-Ö WTO Õ, huwa meħtieġ li jiġu introdotti disposizzjonijiet ġodda fil-leġislazzjoni tal-Komunità li jkollhom x’jaqsmu mad-drawwiet, li jinkludu s-sempliċi assemblaġġ tal-merkanzija fil-Komunità jew f’pajjiż terz, li jkollhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom, l-evitar tal-miżuri kontra d-dumping.”

4

L-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, intitolat “Evażjoni”, jipprovdi:

“1.   Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. [...] Evażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Komunità, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

[…]

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu ta’ l-investigazzjonijiet għandu jsir, [...] permezz ta’ Regolament tal-Kummissjoni li jista’ ukoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jagħmlu l-importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li jitolbu garanziji. L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur. Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta sottomessa mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv. [...] L-estensjoni tibda’ sseħħ mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skond l-Artikolu 14(5) jew li fiha ġew mitluba l-garanziji. […]”

5

L-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali” jipprovdi:

“[…]

5.   Il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, tidderieġi l-awtoritajiet tad-dwana biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jistgħu sussegwentament jiġu applikati kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ reġistrazzjoni bħal din. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija Komunitarja li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika azzjoni bħal din. Għandha tiġi introdotta reġistrazzjoni mir-regolament li għandu jispeċifika l-iskop ta’ l-azzjoni u, jekk xieraq, l-ammont stmat ta’ obbligazzjoni possibbli fil-ġejjieni. L-importazzjonijiet ma għandhomx jiġu magħmula soġġetti għal reġistrazzjoni ta’ perjodu itwal minn disa xhur.”

6

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas-26 ta’ Jannar 2009, impona dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 29, p. 1).

7

Skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, ir-rata tad-dazju antidumping definittiv għall-kumpanniji l-oħra kollha għajr dawk elenkati fit-tabella li tinsab f’din id-dispożizzjoni hija stabbilita għal 85 % taħt il-kodiċi TARIC addizzjonali A999.

8

Sussegwentement, permezz tar-Regolament tagħha (UE) Nru 966/2010, tas-27 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping stabbiliti bir-Regolament Nru 91/2009 permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar mibgħuta mill-Malasja, sew jekk dawn kienu ġew iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż u sew jekk le, u li jissuġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni (ĠU L 282, p. 29).

9

Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 966/2010 hija fformulata kif ġej:

“Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’ċirkomvenzjoni, ikunu jistgħu jiġu ntaxxati dazji tal-anti-dumping ta’ ammont xieraq retroattivament mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet li jitilqu mill-Malasja.”

10

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament issuġġetta dawn l-importazzjonijiet għar-reġistrazzjoni.

11

Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi għall-estensjoni tad-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament Nru 91/2009 għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar mibgħuta mill-Malasja, sew jekk dawn kienu ġew iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż u sew jekk le. Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi:

“1.   Id-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-‘kumpaniji l-oħra kollha’ impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta[l-prodotti kkonċernati] li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, hu b’dan estiż għall-importazzjonijiet ta[l-prodotti kkonċernati] ikkunsinjati mill-Malasja sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex73181290, ex73181491 [...] (kodiċi TARIC [...]7318129091, [...] 7318149191 [...]), [...]

[…]

3.   Id-dazju estiż mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 966/2010 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-kumpaniji elenkati fil-paragrafu 1.

[...]”

12

Skont l-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 629, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”):

“1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija.

[…]

3.   Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

13

Skont l-Artikolu 217(1)(a) tal-Kodiċi Doganali:

“1.   Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika:

(a)

fejn ikun ġie introdott dazju proviżorju kontra r-roħs eċċessiv jew protettiv;

[...]”.

14

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 555/2011, tas-6 ta’ Ġunju 2011 (ĠU L 150, p. 3), jipprovdi:

“Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej, min issa ’l quddiem imsejħa ‘Taric’, li tħaddan fiha l-ħtiġiet kollha ta’ Tariffa Doganali Komuni, l-statistiċi esterni tal-kummerċ, il-linji politiċi kummerċjali, agrikoli u linji politiċi oħra tal-Komunità rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti, għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjponi.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fil-31 ta’ Jannar 2011, Paltrade, stabbilita f’Varna, għamlet dikjarazzjoni doganali permezz ta’ Dokument Amministrattiv Uniku Nru 11BG002005H0004290 (iktar ’il quddiem id-“DAU”), li tissuġġetta għas-sistema ta’ tqegħid għall-konsum b’ċirkulazzjoni libera simultanja l-merkanzija sussegwenti: 2528800 vit għall-injam u 634 000 vit li jaqbdu kamin waħedhom (self-tapping), li kienet intbagħtet mill-Malasja u li kienet tifforma parti mill-prodotti li fuqhom kellu jiġi impost id-dazju antidumping skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni. Id-dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud dovuti ddaħħlu fil-kontijiet fil-31 ta’ Jannar 2011, jiġifieri qabel id-dazju antidumping ma kien ġie definittivament estiż għall-importazzjoni ta’ din il-merkanzija.

16

Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ, fis-27 ta’ Lulju 2011, tar-Regolament ta’ Implementazzjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, l-awtorità doganali, sussegwentement għar-rilaxx tal-merkanzija inkwistjoni, wettqet verifika a posteriori tad-dikjarazzjoni sabiex tivverifika l-eżattezza tad-data li kienet tinsab fiha. Wara l-verifika tad-DAU u tad-dokumenti mehmuża miegħu, l-awtorità doganali kkonstatat li dan id-dokument kien ġie rreġistrat matul il-perijodu ta’ investigazzjoni mibdija skont ir-Regolament Nru 966/2010. Għaldaqstant, l-awtorità doganali rrettifikat id-data li kienet tinsab f’dan id-dokument.

17

L-awtoritajiet doganali Bulgari ma adottawx xi miżuri speċifiċi bil-għan tar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Malasja, u lanqas ma rreġistraw il-kodiċi TARIC addizzjonali – A999 previst fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 91/2009. Għall-kuntrarju, huma applikaw il-proċedura normali ta’ reġistrazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali magħmula skont il-mudell tad-DAU, fis-sistema ta’ informazzjoni integrata tas-servizzi doganali Bulgari (Balgarska integrirana mitnicheska informatsionna sistema, iktar ’il quddiem il-“BIMIS”).

18

Permezz ta’ Deċiżjoni Nru 9300-843, tal-10 ta’ Awwissu 2011, l-awtorità doganali imponiet fuq Paltrade l-ħlas ta’ ammont addizzjonali ta’ BGN 14 623.75 bħala dazji antidumping u ta’ BGN 2 924.76 bħala VAT. Paltrade ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Administrativen sad Varna.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Administrativen sad Varna ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Il-ġbir retroattiv ta’ dazju antidumping skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ [Implementazzjoni] huwa permissibbli mingħajr ir-reġistrazzjoni tal-importazzjoni, għajr għar-reġistrazzjoni mad-dwana tad-Dokument Amministrattiv Uniku fis-sistema BIMIS, bil-kodiċi TARIC addizzjonali previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 91/2009?

2.

Liema huwa l-ammont xieraq, fis-sens tal-premessa 18 tar-Regolament Nru 966/2001, ta’ dazju antidumping miġbur retroattivament skont ir-Regolament [ta’ Implementazzjoni]?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku li għalih jirreferi l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 966/2010 għandux jiġi interpretat fis-sens li modalitajiet ta’ reġistrazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi ma’ din id-dispożizzjoni u għaldaqstant huma suffiċjenti għall-ġbir retroattiv tad-dazju antidumping skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni wara investigazzjoni li tikkonkludi li hemm evażjoni tad-dazji antidumping definittivi imposti bir-Regolament Nru 91/2009 u, min-naħa l-oħra, skont il-każ, xi jkun l-ammont ta’ tali dazju antidumping estiż miġbur retroattivament skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni.

Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

21

Il-Gvern Bulgaru u l-awtorità doganali jqisu li ma huwiex neċessarju li tiġi introdotta reġistrazzjoni differenti minn dik tad-DAU fil-BIMIS, peress li din tippermetti interkonnessjoni bejn sistemi ta’ informazzjoni bbażati fuq il-kodiċijiet TARIC. Skont dawn il-partijiet, id-dokumenti doganali għat-tipi kollha ta’ destinazzjonijiet u ta’ sistemi doganali previsti mil-leġiżlazzjoni doganali Ewropea u nazzjonali huma s-suġġett ta’ pproċessar awtomatiku mill-BIMIS li tippermetti li tinġabar informazzjoni mid-database ta’ dokumenti doganali.

22

Il-Gvern Spanjol u Taljan, l-Ungerija kif ukoll il-Kummissjoni jqisu wkoll li d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament bażiku, tar-Regolament Nru 966/2010 u tar-Regolament ta’ Implementazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet inkwistjoni ma jeħtieġux il-ħolqien ta’ reġistrazzjoni speċifika. Kull sistema nazzjonali ta’ reġistrazzjoni għandha titqies li hija suffiċjenti jekk din tippermetti lill-awtoritajiet doganali jsiru jafu dwar l-importazzjonijiet irreġistrati, waqt il-pubblikazzjoni tar-regolament li jistabbilixxi li d-dazji antidumping għandhom jiġu imposti fuq dawn l-importazzjonijiet irreġistrati, u jkunu jistgħu jiġbru u jinnotifikaw dawn id-dazji.

23

Il-Kummissjoni żżid li r-reġistrazzjoni fis-seħħ tad-dokumenti amministrattivi uniċi fil-BIMIS hija iktar minn suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għajnijiet tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

24

Il-konvenut fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni u l-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet isostnu li r-Regolament ta’ Implementazzjoni jindika espressament li, fir-rigward tal-kumpanniji tal-Malasja li għalihom huwa estiż id-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament Nru 91/2009, huwa neċessarju li tiġi applikata r-rata ta’ dan id-dazju antidumping, stabbilita għal 85 %.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, id-dazji antidumping stabbiliti skont dan ir-regolament jistgħu jiġu estiżi għall-importazzjonijiet, minn Stati terzi, ta’ prodotti simili jew ta’ partijiet minn dawn il-prodotti meta tkun qed issir evażjoni tal-miżuri fis-seħħ. Skont l-Artikolu 13(3), l-investigazzjoni għandha tinbeda permezz ta’ regolament tal-Kummissjoni li jista’ jobbliga lill-awtoritajiet doganali jirrendu obbligatorja r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

26

B’mod iktar partikolari, minn dan l-Artikolu jirriżulta li, fil-każ tal-eżistenza ta’ evażjoni, l-estensjoni tal-miżuri definittivi diġà stabbiliti tibda tapplika mid-data li fiha r-reġistrazzjoni ġiet imposta skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

27

Skont din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’ tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu miżuri adatti sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet b’mod li miżuri estiżi għall-prodotti kkonċernati jistgħu sussegwentement jiġu applikati kontra l-importazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti mid-data tar-reġistrazzjoni tagħhom. Ir-reġistrazzjoni tal-prodotti kkonċernati għandha tiġi introdotta permezz ta’ regolament li jippreċiża l-għan tal-miżura u, skont il-każ, l-ammont stmat tad-dazji li jista’ jkollhom jitħallsu fil-futur. L-importazzjonijiet ma għandhomx ikunu suġġetti għal reġistrazzjoni għal perijodu itwal minn disa’ xhur.

28

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-għan u l-istruttura tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-premessa 19 u l-Artikolu 13 tiegħu, regolament li jestendi dazju antidumping huwa intiż biss sabiex jiżgura l-effettività tiegħu, u sabiex jevita li ssir evażjoni tiegħu. Għaldaqstant, miżura li testendi dazju antidumping definittiv hija biss ta’ natura anċillari fir-rigward tal-att inizjali li jistabbilixxi dan id-dazju li jipproteġi l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri definittivi.

29

Minn dan jirriżulta li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati, fil-kuntest speċifiku ta’ evażjoni, jikkonċerna wkoll l-effettività tal-miżuri definittivi estiżi billi jirrendi possibbli l-applikazzjoni retroattiva tad-dazji sabiex jiġi evitat li l-miżuri definittivi li għandhom jiġu applikati jitilfu l-effett utli tagħhom. F’dan ir-rigward, peress li l-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu miżuri adatti għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati sabiex jiġi żgurat il-ġbir retroattiv tad-dazji antidumping estiżi, dawn l-awtoritajiet huma obbligati jikkonformaw ruħhom ma’ dan l-obbligu.

30

Fil-kawża prinċipali, ir-Regolament Nru 91/2009 stabbilixxa d-dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati li joriġinaw miċ-Ċina. Sussegwentement, ir-Regolament Nru 966/2010, billi jiftaħ investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ evażjoni ta’ din il-miżura, impona, permezz tal-Artikolu 2 tiegħu, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati mibgħuta mill-Malasja. Sussegwentement għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ evażjoni, ir-Regolament ta’ Implementazzjoni estenda d-dazju antidumping definittiv stabbilit bir-Regolament Nru 91/2009 għall-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati mibgħuta mill-Malasja, sew jekk dawn kienu ġew iddikjarati li joriġinaw minn dan il-pajjiż u sew jekk le.

31

Fil-fatt, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 966/2010 jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw ċerti miżuri ta’ implementazzjoni adatti għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet ikkonċernati, skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku.

32

Madankollu, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe detall fir-Regolament bażiku u fir-Regolament Nru 966/2010 dwar il-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri għandhom jipproċedu għar-reġistrazzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet ta’ din ir-reġistrazzjoni b’mod li jkun korrettament żgurat il-ġbir retroattiv tad-dazji antidumping estiżi u b’mod li għaldaqstant jintlaħaq l-għan ta’ dan ir-regolament.

33

F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li r-reġistrazzjoni permezz tad-DAU fis-sistema BIMIS fis-seħħ tissodisfa l-obbligu impost, sa fejn din ma tħalli ebda dubju dwar l-identifikazzjoni tal-operazzjonijiet kollha ta’ importazzjonijiet taxxabbli tal-prodotti kkonċernati u tippermetti li tinġabar b’mod effettiv l-informazzjoni kollha disponibbli sabiex jitwettaq ġbir retroattiv korrett tad-dazji antidumping estiżi.

34

Għaldaqstant, reġistrazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

35

Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni inkwistjoni tissodisfa l-obbligu impost mid-dispożizzjonijiet applikabbli tar-regolamenti inkwistjoni.

36

Fir-rigward tar-rata tad-dazju antidumping miġbur retroattivament skont ir-Regolament ta’ Implementazzjoni, mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li d-dazju li huwa estiż għall-importazzjonijiet tal-merkanzija kkonċernata mill-Malasja huwa d-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 91/2009.

37

Issa, skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan l-aħħar regolament, ir-rata tad-dazju antidumping estiż hija ta’ 85 %.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun kif ġej:

L-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku li għalih jirreferi l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 966/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li modalitajiet ta’ reġistrazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi ma’ din id-dispożizzjoni u għaldaqstant huma suffiċjenti għall-ġbir retroattiv tad-dazju antidumping skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni wara investigazzjoni li tikkonkludi li hemm evażjoni tad-dazji antidumping definittivi imposti bir-Regolament Nru 91/2009.

Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 91/2009, ir-rata tad-dazju antidumping estiż miġbur retroattivament fuq l-importazzjonijiet preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implementazzjoni hija ta’ 85 % għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, li għalih jirreferi l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 966/2010, tas-27 ta’ Ottubru 2010, li jniedi investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li jitilqu mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u sew jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li modalitajiet ta’ reġistrazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi ma’ din id-dispożizzjoni u għaldaqstant huma suffiċjenti għall-ġbir retroattiv tad-dazju antidumping skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 723/2011, tat-18 ta’ Lulju 2011, li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 91/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-ħadid u tal-azzar ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le, wara investigazzjoni li tikkonkludi li hemm evażjoni tad-dazji antidumping definittivi imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 91/2009, tas- 26 ta’ Jannar 2009, li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq ċerti qfieli tal-ħadid jew tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

 

Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 91/2009, ir-rata tad-dazju antidumping estiż miġbur retroattivament fuq l-importazzjonijiet preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 723/2011 hija ta’ 85 % għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top