Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0619

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-21 ta’ Frar 2013.
    Patricia Dumont de Chassart vs Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés (ONAFTS).
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal du travail de Bruxelles.
    Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 72, 78(2)(b), u 79(1)(a) — Benefiċċji tal-familja tal-orfni — Aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg — Perijodi mwettqa mill-ġenitur sopravissut fi Stat Membru ieħor — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni.
    Kawża C‑619/11.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:92

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

    21 ta’ Frar 2013 ( *1 )

    “Sigurtà soċjali — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 72, 78(2)(b), u 79(1)(a) — Benefiċċji tal-familja għall-orfni — Aggregazzjoni ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg — Perijodi mwettqa mill-ġenitur sopravissut fi Stat Membru ieħor — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni”

    Fil-Kawża C-619/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mit-Tribunal du travail de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

    Patricia Dumont de Chassart

    vs

    Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés (ONAFTS),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal P. Dumont de Chassart, minn F. Hachez u T. Delahaye, avukati,

    għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn J. Vanden Eynde u L. Delmotte, avukati,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn Sitbon, kif ukoll minn M. Veiga u S. Cook, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 72, 78(2)(b), u 79(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1399/1999 tad-29 ta’ April 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 354, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Dumont de Chassart u l-Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés (iktar ’il quddiem l-“ONAFTS”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar sabiex jagħtiha, għal binha, il-benefiċċji tal-familja għall-orfni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3

    L-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-espressjoni “persuna impjegata” tfisser b’mod partikolari kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew iktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati.

    4

    L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “[p]ersuni koperti” jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ħaddiema li huma jew kienu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ċ-ċittadini nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni mingħajr Stat jew rifuġjati li jirrisjedu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u s-superstiti tagħhom.

    2.   B’żieda ma’ dan, dan ir-Regolament għandu japplika għas-superstiti tal-ħaddiema li kienu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, irrispettivament miċ-ċittadinanza ta’ dawn il-ħaddiema, fejn is-superstiti huma ċ-ċittadini nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri, jew persuni mingħajr Stat jew rifuġjati li jirrisjedu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri.”

    5

    L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

    “1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

    [...]

    (ċ)

    benefiċċji tax-xjuħija;

    [...]

    (h)

    benefiċċji familjari/tal-familja.”

    6

    L-Artikolu 72 tal-istess regolament, intitolat “[a]ggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għa[l] ras[u] (self-employment)”, inkluż fil-Kapitolu 7, li huwa intitolat “[b]enefiċċji tal-familja”, tat-Titolu III, jipprovdi:

    7

    “Fejn il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru twettaq [tipprovdi li l-]akkwist tad-dritt tal-benefiċċji [huwa] kondizzjonat fuq it-twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat tieħu inkonsiderazzjoni għal dan l-iskop, sa fejn ikun hemm bżonn, perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg u impjieg għar-ras imwettqa fi kwalunkwe Stat Membru, bħallikieku dawn kienu perjodi mwettqa taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra.” Taħt l-istess Titolu III, il-Kapitolu 8 ta’ dan, intitolat “[b]enefiċċji għall-ulied dipendenti ta’ pensjonanti u għall-iltiema”, jinkludi l-Artikolu 77 intitolat “L-Orfni” li huwa fformulat kif ġej:

    “1.   It-terminu ‘benefiċċji’, għall-iskopijiet ta’ dan l-Artiklu, jfisser l-allowances tal-familja u, fejn xieraq, l-allowances supplimentari jew speċjali għall-iltiema u l-pensjonijiet ta’ l-iltiema għajr dawk mogħtija taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard okkupazzjonali

    2.   Il-benefiċċji ta’ l-iltiema jingħataw skond ir-regoli segwenti, irrispettivament mill-Istat Membru fit-territorju ta’ liema l-iltim, jew il-persuna naturali jew legali li attwalment tmantnih tabita:

    a)

    għall-iltim ta’ persuna mejta li kienet impjegata jew taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;

    b)

    għall-iltim ta’ persuna mejta li kienet impjegata jew taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ diversi Stati Membri:

    i)

    skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-iltim jabita basta li, waqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79(1)(a), ikun akkwistat dritt għal wieħed mill-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1 taħt il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;

    [...]”

    8

    Fl-istess Kapitolu 8, l-Artikolu 79 tal-imsemmi regolament intitolat “Dispożizzjonijiet komuni għall-benefiċċji lit-tfal dipendenti tal-pensjonanti u lill-orfni”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.   Il-benefiċċji, fit-tifsira ta’ l-Artikoli […] u 78, għandhom jiġu provduti bi qbil mal-leġislazzjoni stabbilita bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijit ta’ dawn l-Artikoli mill-istitizzjoni responsabili mill-amministrazzjoni ta’ din il-leġislazzjoni bi spejjeż tagħha daqs li kieku l-pensjonant jew il-ħaddiem deċedut kienu soġġetti biss għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.

    Iżda:

    a)

    jekk din il-leġislazzjoni tipprovdi illi l-kisba, iż-żamma jew l-irkupru tad-drittijiet għal benefiċċji għandhom ikunu dipendenti fuq it-tul tal-perijodi taż-żmien ta’ l-assigurazzjoni jew l-impjieg, dawn it-tulijiet għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu fejn meħtieġ l-Artikoli […] jew 72 skond kif jixraq[…];

    [...]”

    9

    Skont l-Anness VI tal-istess regolament, li jirrigwarda l-“[p]roċeduri speċjali għall-applikar tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri”:

    “A.

    IL-BELĠJU

    [...]

    7.

    Insegwitu għall-Artikoli 72 u 79(1)(a) tar-Regolament, tittieħed konsiderazzjoni tal-perjodi ta’ disimpjieg u/jew tal-perjodi ta’ l-assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor fejn l-intitolament għall-benefiċċju taħt il-leġislazzjoni Belġjana huwa suġġett għall-kondizzjoni li, għall-perjodu speċifiku qabel, il-kondizzjonijiet kwalifikanti għall-benefiċċji tal-familja fl-ambitu ta’ l-iskema għall-persuni impjegati kienu mwettqa.

    [...]”

    10

    L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, li jiddikjara r-regoli ġenerali dwar l-aggregazzjoni tal-perijodi, jipprovdi b’mod partikolari:

    “Fil-każi riferiti fl-Artikoli 18(1), 38, 45(1) u (2), 64 u 67(1) u (2) tar-Regolament, l-aggregazzjoni tal-perjodi ta’ l-assigurazzjoni għandhom jiġu effettwati bi qbil mar-regoli li ġejjin:

    (a)

    mal-perjodi ta’ l-assigurazzjoni mwettqa skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed għandhom jiżdiedu l-perjodi ta’ l-assigurazzjoni mwettqa skond il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru ieħor, safejn u sakemm huwa meħtieġ li jkun hemm rikors għalihom sabiex jissupplimentaw il-perjodi ta’ l-assigurazzjoni mwettqa skond il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru bil-għan li jinkisbu, jinżammu jew jinġiebu lura (irkupru) d-drittijiet għall-benefiċċji, basta iżda illi dawn il-perjodi ta’ l-assigurazzjoni ma jirkbux fuq xulxin [...]

    [...]”

    Il-Leġiżlazzjoni Belġjana

    11

    L-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet, li ġew stabbiliti fid-19 ta’ Diċembru 1939 li jikkonċernaw l-allowances tal-familja għal impjegati (iktar ’il quddiem “il-liġijiet stabbiliti”) jipprovdi, li l-benefiċjarju ta’ benefiċċji tal-familja għall-orfni, huwa l-orfni bir-rata prevista favur l-orfni meta fil-mument tal-mewt ta’ wieħed mill-ġenituri, il-ġenitur mejjet jew il-ġenitur ħaj tiegħu jkun issodisfa matul it-tnax-il xahar ta’ qabel il-mewt tiegħu, il-kundizzjonijiet biex jitlob tal-inqas sitt allowances standard (bażiċi) ta’ kull xahar skont l-istess liġijiet stabbiliti.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12

    P. Dumont de Chassart, hija ċittadina Belġjana, l-armla ta’ G. Descampe, ċittadin Belġjan huwa wkoll. Il-koppja kellha tifel, Diego Descampe, ċittadin Belġjan huwa wkoll, li twieled fi Franza fis-sena 2000.

    13

    Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li P. Dumont de Chassart kienet impjegata fi Franza fit-28 ta’ Settembru 1993 sal-31 ta’ Awwissu 2008. Fir-rigward ta’ G. Descampe, huwa kien impjegat kemm fil-Belġju, matul il-perijodu bejn l-1968 u l-1976, u matul l-1987 u 1988, kif ukoll fi Franza fil-perijodu bejn l-1989 u l-2002. G. Descampe kien, minn dakinhar, waqaf jaħdem u, bħala “irtirat kmieni”, kien jgħix fi Franza minn dak li kien faddal, mingħajr ma bbenefika minn xi allowance.

    14

    Fil-25 ta’ Apil 2008, G. Descampe miet fi Franza.

    15

    Fil-31 ta’ Awwissu 2008, P. Dumont de Chassart reġgħet marret tgħix ma’ binha fil-Belġju, fejn wara li ħadmet bħala impjegata għal madwar xahar, hija spiċċat bla xogħol.

    16

    Fit-13 ta’ Ottubru 2008 P. Dumont de Chassart għamlet talba lill-ONAFTS għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja għall-orfni għal binha.

    17

    Fl-4 ta’ Frar 2009, hija wkoll talbet lill-ONAFTS sabiex tkun tista’ tibbenefika minn allowances supplimentari tal-familja għal nukleji familjari b’ġenitur wieħed, mill-1 ta’ Settembru 2008.

    18

    Fid-9 ta’ Marzu 2009, l-ONAFS informa lil P. Dumont de Chassart li l-allowances tal-familja ġew akkordati lilha għall-attività professjonali prinċipali tagħha li eżerċitat fil-Belġju, mill-1 ta’ Settembru 2008.

    19

    Fis-6 ta’ April 2009, l-ONAFTS għalhekk infurmat lil P. Dumont de Chassart li ser tingħatalha wkoll l-għajnuna supplimentari għal nukleji familjari b’ġenitur wieħed, mill-1 ta’ Ottubru 2008.

    20

    Min-naħa l-oħra, fl-20 ta’ Novembru 2009, l-ONAFTS iddeċidiet li tirrifjuta li tagħti lill-persuna kkonċernata l-benefiċċji tal-familja għall-orfni, peress li matul it-tnax-il xahar qabel il-mewt ta’ G. Descampe, dan tal-aħħar ma ssodisfax il-kundizzjonijiet mitluba biex jitlob tal-inqas sitt allowances standard ta’ kull xahar kif mitlub mill-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti.

    21

    Fil-5 ta’ Frar 2010 P. Dumont de Chassart ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal du travail de Bruxelles li fih ikkontestat ir-rifjut u sostniet li l-ONAFTS kellha tagħtiha l-benefiċċji għall-orfni wara li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg li hija akkumulat fi Franza qabel il-mewt ta’ żewġha.

    22

    Fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-qorti osservat li skont l-Artikolu 78(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, huwa applikabbli d-dritt tal-Istat Membru tar-residenza tat-tifel orfni u li, għalhekk, mill-1 ta’ Settembru 2008, għas-sitwazzjoni ta’ P. Dumont de Chassart huwa applikabbli d-dritt Belġjan. Madankollu, il-qorti tar-rinviju rrilevat li skont l-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti, kemm is-sitwazzjoni tal-ġenitur mejjet u kemm is-sitwazzjoni tal-ġenitur ħaj jistgħu jiġu dedotti bħala bażi għat-talba għal benefiċċji tal-familja għall-orfni. Madankollu, fil-kawża prinċipali, din it-talba ma tistax tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tal-ġenitur mejjet peress li, matul it-tnax-il xahar immedjatament qabel il-mewt tiegħu, huwa ma ssodisfax il-kundizzjonijiet mitluba biex jitlob tal-inqas sitt allowances standard ta’ kull xahar kif mitlub mil-liġijiet stabbiliti. Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ġenitur sopravissut, P. Dumont de Chassart, tissodisfa din il-kundizzjoni biss jekk il-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ xogħol imwettqa mill-persuna kkonċernata fi Franza jistgħu jkunu aggregati ma’ perijodi ta’ xogħol li twettqu fil-Belġju.

    23

    Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra madankollu li l-implementazzjoni tar-regola tal-assimilazzjoni prevista fl-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 hija eskluża mill-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni, li tirriproduċi l-imsemmi Artikolu 72, tirreferi biss, kif sostniet ukoll l-ONAFTS fil-kawża prinċipali, għall-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-impjegat li miet u mhux għal dawk imwettqa mill-impjegat superstiti. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u, għaldaqstant, tar-rinviju għall-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament, huwa iktar restrittiv minn dak tal-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti.

    24

    It-Tribunal du travail de Bruxelles tistaqsi jekk din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti mill-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, din il-qorti kellha b’mod partikolari dubji dwar id-distinzjoni li għandha ssir bejn it-tfal ta’ ġenituri li qatt ma telqu mit-territorju Belġjan fid-dawl tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi Stat Membru ieħor u t-tfal li l-ġenituri tagħhom, bħala ċittadini tal-Unjoni, irresjedew fi Stat Membru ieħor, li fih, matul il-perijodu ta’ riferiment relevanti għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni Belġjana, il-ġenitur sopravissut ikun ħadem, filwaqt li l-ġenitur mejjet ma jkun eżerċita l-ebda attività. Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel minn dawn it-tfal, il-ġenitur sopravissut, li jkun ħadem fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment, jista’ jinvoka, barra l-perijodu ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-ġenitur mejjet, ukoll il-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg li hu stess ikun wettaq fil-Belġju, filwaqt li għat-tieni minn dawn (il-kategoriji), il-ġenitur sopravissut ma jistax jinvoka fil-Belġju l-perijodi mwettqa fi Stat Membru ieħor.

    25

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal du travail de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 79(1) tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...] jikser il-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni sanċiti, inter alia, fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, moqri flimkien, fejn jixraq, mal-Artikoli [20, 45 u/jew 49 TFUE], meta dan jiġi interpretat fis-sens li jippermetti biss lill-ġenitur li jkun miet li jibbenefika mir-regoli ta’ assimilazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew xogħol self-employed previsti fl-Artikolu 72 tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...], b’tali mod li, bħala konsegwenza, l-Artikolu 56 bis(1) tal-liġijiet [...] stabbiliti [...] jeskludi, fil-konfront tal-ġenitur li jkun għadu ħaj, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu ladarba huwa jkun ċittadin ta’ Stat Membru jew ladarba jkun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...], il-possibbilità li jipproduċi l-prova li huwa jissodisfa l-kundizzjoni li fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċċjarju fis-sens tal-Artikolu 51(3)(1) tal-liġijiet [...] stabbiliti [...], huwa kien eliġibbli għal sitt allowances mensili fil-forma ta’ somma f’daqqa matul it-tnax-il xahar ta’ qabel il-mewt, filwaqt li l-ġenitur li jkun għadu ħaj, kemm jekk ikun ta’ nazzjonalità Belġjana jew ikun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li jkun ħadem esklużivament fil-Belġju matul il-perijodi ta’ tnax-il xahar previst fl-Artikolu 56 bis(1) tal-liġijiet [...] stabbiliti [...], fejn ikun applikabbli, peress li dan qatt ma jkun telaq mit-territorju Belġjan, huwa permess li jipproduċi tali prova.”

    Fuq id-domanda preliminari

    26

    Permezz tad-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 72, 78(2)(b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu biss it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg neċessarji sabiex jakkwistaw fi Stat Membru, id-dritt għall-benefiċċji għall-orfni perijodi mwettqa mill-uniku ġenitur mejjet fi Stat Membru ieħor, eskluż dak imwettaq mill-ġenitur sopravissut. Jekk dan hu l-każ, din il-qorti tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 humiex konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

    Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71

    27

    Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat mill-bidu li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Belġjan fl-osservazzjoni bil-miktub tiegħu, l-aventi kawża ta’ ġenitur mejjet, bħal G. Descampe, ma jistgħux jiġu mċaħdin mid-dritt li jinvokaw l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 peress li fil-mument meta miet, ma kienx għadu affiljat ma’ xi skema ta’ sigurtà soċjali, elenkata fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, huwa tilef il-kwalifika ta’ “ħaddiem”, skont l-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament.

    28

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar japplika għas-sopravissuti ta’ ħaddiema “li jkunu ġew suġġetti” għal skema ta’ sigurtà soċjali ta’ wieħed jew iktar Stati Membri skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan l-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1978, Laumann, 115/77, Ġabra p. 805, punt 5 u tal-25 ta’ Ġunju 1997, Mora Romero, C-131/96, Ġabra p. I-3659, punt 21).

    29

    Issa, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit, li G. Descampe, li eżerċita attività professjonali kemm fil-Belġju kif ukoll fi Franza bejn is-snin 1968 u 2002, kien affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. Għalhekk, jirriżulta mill-fajl prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, li kieku G. Descampe ma mietx ftit żmien qabel l-età tal-irtirar, huwa kellu d-dritt, b’mod partikolari, għal pensjoni tax-xjuħija, skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, f’kull wieħed mill-Istati Membri.

    30

    Fi kwalunkwe każ, ma huwiex ikkontestat li, kemm qabel kif ukoll wara l-mewt ta’ G. Descampe, P. Dumont de Chassart, li titlob il-benefiċċju għall-orfni fil-kawża prinċipali, kienet assigurata fi skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71, b’mod li kienet tikkwalifika bħala “ħaddiem” skont l-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, u li, għaldaqstant, hija koperta mill-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 2 tiegħu.

    31

    Għandu jiġi kkonstatat, għalhekk, li sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71.

    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 72, 78(2)(b), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71

    32

    F’dak li jirrigwarda d-dritt għall-benefiċċji tal-orfni, għandu jitfakkar li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1408/71 huma intiżi sabiex jiddeterminaw l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tirregola l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji, fejn dawn tal-aħħar huma għalhekk fil-prinċipju mogħtija skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru wieħed. Mill-paragrafu 2(b)(i) ta’ dan l-artikolu jirriżulta li, meta l-ħaddiem mejjet ikun ġie suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, l-imsemmija benefiċċji jingħataw skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fit-territorju fejn joqgħod l-orfni tal-ħaddiem mejjet. L-Istat Membru ta’ residenza huwa hekk magħżul permezz ta’ din id-dispożizzjoni bħala l-uniku kompetenti biex jagħti l-benefiċċji inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1997, Bastos Moriana et, C-59/95, Ġabra p. I-1071, punti 15 u 18, kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2011, Perez Garcia et, C-225/10, Ġabra p. I-10111, punt 39).

    33

    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, l-Istat Membru kompetenti għandu jagħti l-benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu “bħallikieku” l-ħaddiem mejjet kien suġġett biss għal din il-leġiżlazzjoni.

    34

    Il-Gvern Belġjan sostna li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 jippermettu unikament it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg neċessarji għall-akkwiżizzjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-orfni, ta’ perijodi mwettqa mill-ġenitur mejjet, sakemm huwa ġemma’ diġà ċertu perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg fl-Istat Membru mitlub għall-għoti ta’ benefiċċji. Minn dan jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-perijodu ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettaq minn P. Dumont de Chassart fi Franza matul is-sena preċedenti għall-mewt tar-raġel tagħha ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-akkwiżizzjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-orfni previsti mil-leġiżlazzjoni Belġjana.

    35

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1408/71 jirregola biss, skont it-termini stess tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (2)(a) u (b) tiegħu, id-dritt għall-benefiċċji tal-“orfni ta’ ħaddiem mejjet”. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għalhekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-każ ta’ tfal li saru orfni minħabba l-mewt ta’ ġenitur li ma kienx għadu jikkwalifika bħala ħaddiem (is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 1989, Baldi, 1/88, Ġabra p. 667, punt 15).

    36

    Huwa wkoll preċiż li, bl-istess mod, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ benefiċċji, jirrigwarda biss, skont it-termini tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) tiegħu, is-sitwazzjoni tal-“mejjet”.

    37

    Madankollu, għandu jitfakkar li kif jirriżulta mill-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 78(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 sempliċement jistabbilixxu “regola ta’ kunflitt” li l-għan tagħha huwa biss li tiddetermina, fil-każ ta’ orfni li l-ġenitur mejjet tagħhom kien jikkwalifika bħala ħaddiem, il-leġiżlazzjoni applikabbli kif ukoll l-istituzzjoni li għandha r-responsabbiltà tal-ħlas tal-benefiċċji intiżi fih.

    38

    Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan mhux biss li jevitaw l-applikazzjoni simultanja ta’ varji leġiżlazzjonijiet nazzjonali flimkien mal-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu, iżda wkoll li ma jippermettux li persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ikunu nieqsa minn protezzjoni f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, minħabba nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li kieku tapplika għalihom (ara, b’analoġija, is-sentenza Kuusijärvi, C-275/96, Ġabra p. I-3419, punt 28).

    39

    Min-naħa l-oħra, bħala tali, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji tal-orfni. Huwa fil-prinċipju l-kompitu tal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina dawn il-kundizzjonijiet (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Bakker, C-106/11, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti u għandu bħala għan biss li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar. Huwa għalhekk iħalli jissussistu skemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom il-persuna li għandha drittijiet diretti, kemm skont id-dritt intern waħdu, kif ukoll skont id-dritt intern komplut jekk meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ April 2008, Chuck, C-331/06, Ġabra p. I-1957, punt 27).

    41

    Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru jibqa’, għaldaqstant, kompetenti sabiex jiddetermina fil-leġiżlazzjoni tiegħu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et, C-345/09, Ġabra p. I-9879, punti 84 u 99, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C-388/09, Ġabra p. I-5737, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42

    Minn dan jirriżulta li l-kwalifika ta’ “ħaddiem mejjet” tikkostitwixxi biss, fil-kuntest tal-Artikolu 78(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, kriterju ta’ rabta li jiddetermina, minn naħa, l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, mill-oħra, flimkien mal-post ta’ residenza tal-orfni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    43

    F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-kriterju ta’ rabta stabbilit fl-Artikolu 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana, jiġifieri l-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, huma l-awtoritajiet kompetenti Belġjani li għandhom jagħtu l-benefiċċji kkonċernati skont il-leġiżlazzjoni Belġjana, bħallikieku G. Descampe kien suġġett għal din il-leġiżlazzjoni biss.

    44

    Ġaladarba, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlazzjoni Belġjana inizjalment intgħażlet bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għoti tal-benefiċċji tal-orfni, fejn barra minn hekk l-awtoritajiet Belġjani kompetenti ġew stabbiliti bħala li kellhom ir-responsabbiltà tal-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji, l-eżistenza, sussegwentement, ta’ dritt għall-benefiċċji tal-orfni tiddependi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, mill-kontenut tal-leġiżlazzjoni Belġjana hekk magħżula, jiġifieri tal-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti.

    45

    Issa, f’dan ir-rigward, huwa stabbilit li din id-dispożizzjoni nazzjonali tippermetti, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dritt għall-benefiċċji tal-orfni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tal-assigurazzjoni u tal-impjieg imwettqa kemm mill-ġenitur mejjet kif ukoll mill-ġenitur sopravissut.

    46

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-regola stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjonijiet Belġjani kompetenti għandhom, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza, fil-kawża prinċipali, ta’ dritt għall-benefiċċji tal-orfni, jieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u tal-impjieg stabbilit fl-Artikolu 72 tal-istess regolament, li jagħmel riferiment għalih l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a), ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni u impjieg imwettqa mill-ġenitur sopravissut fi Stat Membru ieħor.

    47

    Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li tintroduċi kwalifika fis-sustanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli billi tipprovdi, favur l-orfni ta’ ħaddiem mejjet, il-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg, ma timplika l-ebda restrizzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra dan, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-kunċett ta’ “ħaddiem mejjet”.

    48

    Il-Gvern Belġjan isostni madankollu li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet Belġjani kompetenti, għall-finijiet tal-aggregazzjoni tagħhom, tal-perijodi ta’ attivitajiet eżerċitati fi Stat Membru ieħor jeżiġi attività minima li tkun ġiet eżerċitata fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment. L-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jiġi interpretat għalhekk fis-sens li jobbliga lil dawn l-istituzzjonijiet biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-attività eżerċitata minn P. Dumont de Chassart fi Franza anki jekk din l-attività kienet tippermetti li jiġi kkompletat perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg imwettaq fil-Belġju. Issa, fil-każ preżenti, la G. Descampe u lanqas P. Dumont de Chassart ma jistgħu, skont dan il-gvern, jinvokaw it-twettiq ta’ wieħed minn dawn il-perijodi fil-Belġju matul is-sena preċedenti għall-mewt ta’ G. Descampe.

    49

    Din l-interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’.

    50

    Hekk kif il-Qorti diġà ddeċidiet fil-punt 44 tas-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011 Bergström (C-257/10, Ġabra p. I-13227), Stat Membru kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja ma jistax jeħtieġ li, minbarra perijodu ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa fi Stat Membru ieħor, ikun twettaq perijodu ieħor ta’ assigurazzjoni fuq it-territorju tagħha.

    51

    Kemm il-kliem tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll dak tal-Anness VI, A, punt 7, ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw l-għoti ta’ benefiċċji tal-orfni fil-Belġju huma nieqsa mill-ambigwità. L-ewwel dispożizzjoni, teżiġi fil-fatt it-teħid inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-aggregazzjoni tal-“perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg u impjieg għar-ras imwettqa fi kwalunkwe Stat Membru” bħal fir-rigward tal-perijodi mwettqa skont il-leġiżlazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti filwaqt li, skont it-tieni “jittieħed inkunsiderazzjoni”, għal-għoti ta’ benefiċċji tal-orfni, tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bergström, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

    52

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 51 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 51 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 42 KE u sussegwentement l-Artikolu 48 TFUE), li awtorizza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-miżuri neċessarji għall-istabbiliment tal-moviment liberu ta’ ħaddiema billi istitwixxa b’mod partikolari skema li tippermetti l-assigurazzjoni tal-ħaddiema migranti u l-aventi kawża tagħhom l-aggregazzjoni, għall-ftuħ u ż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji kif ukoll għall-kalkolu tagħhom, għall-“perijodi kollha” meħuda inkunsiderazzjoni mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti (is-sentenza Bergström, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    53

    Din l-interpretazzjoni hija wkoll skont l-għan mixtieq mill-Artikolu 48 TFUE, li fid-dawl tiegħu għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, li għandu jikkontribwixxi għall-istabbiliment moviment liberu tal-ħaddiema migranti bl-iktar mod sħiħ possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Silva Martins iċċitata iktar ’il fuq, punt 70, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak, C-611/10 u C-612/10, punt 53, ara f’dan is-sens, is-sentenza Bergström, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43.

    54

    Fil-fatt, l-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE, bħar-Regolament Nru 1408/71, meħuda għall-implementazzjoni tagħhom, għandhom b’mod partikolari bħala għan tagħhom li jevitaw li ħaddiem li, filwaqt li jagħmel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, ikun okkupa impjiegi f’iktar minn Stat Membru wieħed li, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, jittrattawh b’mod inqas favorevoli minn dak li jkun għamel il-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, da Silva Martins, punt 76, kif ukoll Hudzinski u Wawrzyniak, punt 80).

    55

    Issa, f’dan il-każ, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni minn Stat Membru, biex jiddetermina l-eżistenza ta’ dritt għall-benefiċċji tal-orfni, tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa fi Stat Membru ieħor minn ħaddiem, ċittadin nazzjonali u ġenitur sopravissut ta’ wild ta’ ħaddiem mejjet, jista’ jqiegħed fi żvantaġġ lil dan il-ħaddiem biss minħabba li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE u, konsegwentement, dan jista’ jiddiswadih milli jmur lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu wara l-mewt tal-konjuġi tiegħu waqt li jkun qed jeżerċita d-dritt tiegħu tal-moviment liberu skont din l-istess dispożizzjoni jew skont l-Artikolu 21 TFUE.

    56

    L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Gvern Belġjan ma jista’ jqiegħed inkwistjoni din l-interpretazzjoni.

    57

    L-ewwel nett, l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament Nru 118/97, li fuqu dan il-gvern ibbaża l-osservazzjonijiet miktuba tiegħu, jirrigwarda espliċitament biss, skont il-kliem tal-ewwel subparagrafu tiegħu, il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità, tal-invalidità, tax-xjuħija, tal-mewt kif ukoll ta’ qgħad. Din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax, min-naħa l-oħra, il-benefiċċji familjari bħalma huma l-benefiċċji tal-orfni fil-kawża prinċipali.

    58

    It-tieni nett, is-sentenza Pérez Garcίa et, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-imsemmi gvern matul is-seduta, hija irrelevanti għas-soulzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li ma tirrigwardax l-aggregazzjoni tal-perijodi tal-assigurazzjoni u tax-xogħol skont l-Artikolu 72 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

    59

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sentenzi tal-24 ta’ April 1980, Coonan (110/79, Ġabra p. 1445, punt 13), kif ukoll tas-27 ta’ Jannar 1981, Vigier (70/80, Ġabra p. 229, punti 19 u 20), ukoll invokati matul is-seduta, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dawn is-sentenzi li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-affiljazzjoni ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata kienet preċedentement affiljata għal skema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex jassimilaw il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor ma’ dawk li kellhom jiġu mwettqa preċedentement fit-territorju nazzjonali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-kawża ma tirrigwardax affiljazzjoni għal skema ta’ sigurtà soċjali, peress li P. Dumont de Chassart hija affiljata mal-iskema Belġjana ta’ ħaddiema impjegati.

    60

    Minn dan isegwi li l-Artikoli 72 u 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, bogħod milli jopponu, f’kawża bħal dik prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-ġenitur sopravissut ta’ wild ta’ ħaddiem mejjet fi Stat Membru ieħor, jeżiġu bil-maqlub tali teħid inkunsiderazzjoni, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti tipprevedi li, mhux biss il-ġenitur mejjet, iżda wkoll il-ġenitur sopravissut, jekk jikkwalifikaw bħala ħaddiema, jistgħu jkollhom dritt għall-benefiċċji tal-orfni.

    61

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex iktar neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-imsemmijin dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 humiex konformi mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u tan-nondiskriminazzjoni.

    62

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanada magħmula għandha tkun li l-Artikoli 72, 78(2)(b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tipprovdi li kemm il-ġenitur mejjet kif ukoll dak sopravissut, meta jikkwalifikaw bħala ħaddiema, jistgħu jagħtu dritt għal benefiċċji tal-orfni, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li l-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-ġenitur sopravissut fi Stat Membru ieħor għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-aggregazzjoni tal-perijodi neċessarji għall-akkwiżizzjoni tad-dritt għall-benefiċċji fl-ewwel minn dawn l-Istati Membri. Mhux relevanti f’dan ir-rigward jekk il-ġenitur sopravissut ma jistax jinvoka ebda perijodu ta’ assigurazzjoni jew impjieg f’dan l-Istat Membru matul il-perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru matul il-perijodu ta’ riferiment stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-akkwiżizzjoni ta’ dan id-dritt.

    Fuq l-ispejjeż

    63

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikoli 72, 78(2)(b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-regolament Nru 1408/71 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-skemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1399/1999 tad-29 ta’ April 1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tipprovdi li kemm il-ġenitur mejjet kif ukoll dak sopravissut, meta jikkwalifikaw bħala ħaddiema, jistgħu jagħtu dritt għal benefiċċji tal-orfni, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li l-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-ġenitur sopravissut fi Stat Membru ieħor għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-aggregazzjoni tal-perijodi neċessarji għall-akkwiżizzjoni tad-dritt għall-benefiċċji fl-ewwel minn dawn l-Istati Membri. Mhux relevanti f’dan ir-rigward jekk il-ġenitur sopravissut ma jistax jinvoka ebda perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru matul il-perijodu ta’ riferiment stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-akkwiżizzjoni ta’ dan id-dritt.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top

    Partijiet
    Motivi tas-sentenza
    Parti operattiva

    Partijiet

    Fil-Kawża C-619/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mit-Tribunal du travail de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura

    Patricia Dumont de Chassart

    vs

    Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés (ONAFTS),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

    komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Jarašiūnas, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u C. G. Fernlund, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

    Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2012,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    – għal P. Dumont de Chassart, minn F. Hachez u T. Delahaye, avukati,

    – għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn J. Vanden Eynde u L. Delmotte, avukati,

    – għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn Sitbon, kif ukoll minn M. Veiga u S. Cook, bħala aġenti,

    – għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2012,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Motivi tas-sentenza

    1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 72, 78(2)(b), u 79(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1399/1999 tad-29 ta’ April 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 354, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

    2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn P. Dumont de Chassart u l-Office national d’allocations familiales pour travailleurs salariés (iktar ’il quddiem l-“ONAFTS”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar sabiex jagħtiha, għal binha, il-benefiċċji tal-familja għall-orfni.

    Il-kuntest ġuridiku

    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3. L-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-espressjoni “persuna impjegata” tfisser b’mod partikolari kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew iktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati.

    4. L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “[p]ersuni koperti” jipprovdi:

    “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ħaddiema li huma jew kienu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar u li huma ċ-ċittadini nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni mingħajr Stat jew rifuġjati li jirrisjedu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u s-superstiti tagħhom.

    2. B’żieda ma’ dan, dan ir-Regolament għandu japplika għas-superstiti tal-ħaddiema li kienu soġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, irrispettivament miċ-ċittadinanza ta’ dawn il-ħaddiema, fejn is-superstiti huma ċ-ċittadini nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri, jew persuni mingħajr Stat jew rifuġjati li jirrisjedu ġewwa t-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri.”

    5. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

    “1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

    [...]

    (ċ) benefiċċji tax-xjuħija;

    [...]

    (h) benefiċċji familjari/tal-familja.”

    6. L-Artikolu 72 tal-istess regolament, intitolat “[a]ggregazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għa[l] ras[u] (self-employment)”, inkluż fil-Kapitolu 7, li huwa intitolat “[b]enefiċċji tal-familja”, tat-Titolu III, jipprovdi:

    7. “Fejn il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru twettaq [tipprovdi li l-]akkwist tad-dritt tal-benefiċċji [huwa] kondizzjonat fuq it-twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew impjieg għar-ras, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat tieħu inkonsiderazzjoni għal dan l-iskop, sa fejn ikun hemm bżonn, perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg u impjieg għar-ras imwettqa fi kwalunkwe Stat Membru, bħallikieku dawn kienu perjodi mwettqa taħt il-leġislazzjoni li hija tamministra.”Taħt l-istess Titolu III, il-Kapitolu 8 ta’ dan, intitolat “[b]enefiċċji għall-ulied dipendenti ta’ pensjonanti u għall-iltiema”, jinkludi l-Artikolu 77 intitolat “L-Orfni” li huwa fformulat kif ġej:

    “1. It-terminu ‘benefiċċji’, għall-iskopijiet ta’ dan l-Artiklu, jfisser l-allowances tal-familja u, fejn xieraq, l-allowances supplimentari jew speċjali għall-iltiema u l-pensjonijiet ta’ l-iltiema għajr dawk mogħtija taħt l-iskemi ta’ assigurazzjoni għall-inċidenti fuq ix-xogħol u l-mard okkupazzjonali

    2. Il-benefiċċji ta’ l-iltiema jingħataw skond ir-regoli segwenti, irrispettivament mill-Istat Membru fit-territorju ta’ liema l-iltim, jew il-persuna naturali jew legali li attwalment tmantnih tabita:

    a) għall-iltim ta’ persuna mejta li kienet impjegata jew taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;

    b) għall-iltim ta’ persuna mejta li kienet impjegata jew taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ diversi Stati Membri:

    i) skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-iltim jabita basta li, waqt li jittieħdu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 79(1)(a), ikun akkwistat dritt għal wieħed mill-benefiċċji li għalihom hemm riferenza fil-paragrafu 1 taħt il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat;

    [...]”

    8. Fl-istess Kapitolu 8, l-Artikolu 79 tal-imsemmi regolament intitolat “Dispożizzjonijiet komuni għall-benefiċċji lit-tfal dipendenti tal-pensjonanti u lill-orfni”, huwa fformulat kif ġej:

    “1. Il-benefiċċji, fit-tifsira ta’ l-Artikoli […] u 78, għandhom jiġu provduti bi qbil mal-leġislazzjoni stabbilita bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijit ta’ dawn l-Artikoli mill-istitizzjoni responsabili mill-amministrazzjoni ta’ din il-leġislazzjoni bi spejjeż tagħha daqs li kieku l-pensjonant jew il-ħaddiem deċedut kienu soġġetti biss għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti.

    Iżda:

    a) jekk din il-leġislazzjoni tipprovdi illi l-kisba, iż-żamma jew l-irkupru tad-drittijiet għal benefiċċji għandhom ikunu dipendenti fuq it-tul tal-perijodi taż-żmien ta’ l-assigurazzjoni jew l-impjieg, dawn it-tulijiet għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu fejn meħtieġ l-Artikoli […] jew 72 skond kif jixraq[…];

    [...]”

    9. Skont l-Anness VI tal-istess regolament, li jirrigwarda l-“[p]roċeduri speċjali għall-applikar tal-leġislazzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri”:

    “A. IL-BELĠJU

    [...]

    7. Insegwitu għall-Artikoli 72 u 79(1)(a) tar-Regolament, tittieħed konsiderazzjoni tal-perjodi ta’ disimpjieg u/jew tal-perjodi ta’ l-assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor fejn l-intitolament għall-benefiċċju taħt il-leġislazzjoni Belġjana huwa suġġett għall-kondizzjoni li, għall-perjodu speċifiku qabel, il-kondizzjonijiet kwalifikanti għall-benefiċċji tal-familja fl-ambitu ta’ l-iskema għall-persuni impjegati kienu mwettqa.

    [...]”

    10. L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, li jiddikjara r-regoli ġenerali dwar l-aggregazzjoni tal-perijodi, jipprovdi b’mod partikolari:

    “Fil-każi riferiti fl-Artikoli 18(1), 38, 45(1) u (2), 64 u 67(1) u (2) tar-Regolament, l-aggregazzjoni tal-perjodi ta’ l-assigurazzjoni għandhom jiġu effettwati bi qbil mar-regoli li ġejjin:

    (a) mal-perjodi ta’ l-assigurazzjoni mwettqa skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed għandhom jiżdiedu l-perjodi ta’ l-assigurazzjoni mwettqa skond il-leġislazzjoni ta’ kull Stat Membru ieħor, safejn u sakemm huwa meħtieġ li jkun hemm rikors għalihom sabiex jissupplimentaw il-perjodi ta’ l-assigurazzjoni mwettqa skond il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru bil-għan li jinkisbu, jinżammu jew jinġiebu lura (irkupru) d-drittijiet għall-benefiċċji, basta iżda illi dawn il-perjodi ta’ l-assigurazzjoni ma jirkbux fuq xulxin [...]

    [...]”

    Il-Leġiżlazzjoni Belġjana

    11. L-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet, li ġew stabbiliti fid-19 ta’ Diċembru 1939 li jikkonċernaw l-allowances tal-familja għal impjegati (iktar ’il quddiem “il-liġijiet stabbiliti”) jipprovdi, li l-benefiċjarju ta’ benefiċċji tal-familja għall-orfni, huwa l-orfni bir-rata prevista favur l-orfni meta fil-mument tal-mewt ta’ wieħed mill-ġenituri, il-ġenitur mejjet jew il-ġenitur ħaj tiegħu jkun issodisfa matul it-tnax-il xahar ta’ qabel il-mewt tiegħu, il-kundizzjonijiet biex jitlob tal-inqas sitt allowances standard (bażiċi) ta’ kull xahar skont l-istess liġijiet stabbiliti.

    Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    12. P. Dumont de Chassart, hija ċittadina Belġjana, l-armla ta’ G. Descampe, ċittadin Belġjan huwa wkoll. Il-koppja kellha tifel, Diego Descampe, ċittadin Belġjan huwa wkoll, li twieled fi Franza fis-sena 2000.

    13. Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li P. Dumont de Chassart kienet impjegata fi Franza fit-28 ta’ Settembru 1993 sal-31 ta’ Awwissu 2008. Fir-rigward ta’ G. Descampe, huwa kien impjegat kemm fil-Belġju, matul il-perijodu bejn l-1968 u l-1976, u matul l-1987 u 1988, kif ukoll fi Franza fil-perijodu bejn l-1989 u l-2002. G. Descampe kien, minn dakinhar, waqaf jaħdem u, bħala “irtirat kmieni”, kien jgħix fi Franza minn dak li kien faddal, mingħajr ma bbenefika minn xi allowance.

    14. Fil-25 ta’ Apil 2008, G. Descampe miet fi Franza.

    15. Fil-31 ta’ Awwissu 2008, P. Dumont de Chassart reġgħet marret tgħix ma’ binha fil-Belġju, fejn wara li ħadmet bħala impjegata għal madwar xahar, hija spiċċat bla xogħol.

    16. Fit-13 ta’ Ottubru 2008 P. Dumont de Chassart għamlet talba lill-ONAFTS għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja għall-orfni għal binha.

    17. Fl-4 ta’ Frar 2009, hija wkoll talbet lill-ONAFTS sabiex tkun tista’ tibbenefika minn allowances supplimentari tal-familja għal nukleji familjari b’ġenitur wieħed, mill-1 ta’ Settembru 2008.

    18. Fid-9 ta’ Marzu 2009, l-ONAFS informa lil P. Dumont de Chassart li l-allowances tal-familja ġew akkordati lilha għall-attività professjonali prinċipali tagħha li eżerċitat fil-Belġju, mill-1 ta’ Settembru 2008.

    19. Fis-6 ta’ April 2009, l-ONAFTS għalhekk infurmat lil P. Dumont de Chassart li ser tingħatalha wkoll l-għajnuna supplimentari għal nukleji familjari b’ġenitur wieħed, mill-1 ta’ Ottubru 2008.

    20. Min-naħa l-oħra, fl-20 ta’ Novembru 2009, l-ONAFTS iddeċidiet li tirrifjuta li tagħti lill-persuna kkonċernata l-benefiċċji tal-familja għall-orfni, peress li matul it-tnax-il xahar qabel il-mewt ta’ G. Descampe, dan tal-aħħar ma ssodisfax il-kundizzjonijiet mitluba biex jitlob tal-inqas sitt allowances standard ta’ kull xahar kif mitlub mill-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti.

    21. Fil-5 ta’ Frar 2010 P. Dumont de Chassart ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal du travail de Bruxelles li fih ikkontestat ir-rifjut u sostniet li l-ONAFTS kellha tagħtiha l-benefiċċji għall-orfni wara li tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg li hija akkumulat fi Franza qabel il-mewt ta’ żewġha.

    22. Fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-qorti osservat li skont l-Artikolu 78(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, huwa applikabbli d-dritt tal-Istat Membru tar-residenza tat-tifel orfni u li, għalhekk, mill-1 ta’ Settembru 2008, għas-sitwazzjoni ta’ P. Dumont de Chassart huwa applikabbli d-dritt Belġjan. Madankollu, il-qorti tar-rinviju rrilevat li skont l-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti, kemm is-sitwazzjoni tal-ġenitur mejjet u kemm is-sitwazzjoni tal-ġenitur ħaj jistgħu jiġu dedotti bħala bażi għat-talba għal benefiċċji tal-familja għall-orfni. Madankollu, fil-kawża prinċipali, din it-talba ma tistax tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tal-ġenitur mejjet peress li, matul it-tnax-il xahar immedjatament qabel il-mewt tiegħu, huwa ma ssodisfax il-kundizzjonijiet mitluba biex jitlob tal-inqas sitt allowances standard ta’ kull xahar kif mitlub mil-liġijiet stabbiliti. Fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-ġenitur sopravissut, P. Dumont de Chassart, tissodisfa din il-kundizzjoni biss jekk il-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ xogħol imwettqa mill-persuna kkonċernata fi Franza jistgħu jkunu aggregati ma’ perijodi ta’ xogħol li twettqu fil-Belġju.

    23. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra madankollu li l-implementazzjoni tar-regola tal-assimilazzjoni prevista fl-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 hija eskluża mill-Artikolu 79(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din l-aħħar dispożizzjoni, li tirriproduċi l-imsemmi Artikolu 72, tirreferi biss, kif sostniet ukoll l-ONAFTS fil-kawża prinċipali, għall-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-impjegat li miet u mhux għal dawk imwettqa mill-impjegat superstiti. Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 u, għaldaqstant, tar-rinviju għall-Artikolu 72 ta’ dan ir-regolament, huwa ikta r restrittiv minn dak tal-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti.

    24. It-Tribunal du travail de Bruxelles tistaqsi jekk din il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti mill-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 tikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, din il-qorti kellha b’mod partikolari dubji dwar id-distinzjoni li għandha ssir bejn it-tfal ta’ ġenituri li qatt ma telqu mit-territorju Belġjan fid-dawl tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali fi Stat Membru ieħor u t-tfal li l-ġenituri tagħhom, bħala ċittadini tal-Unjoni, irresjedew fi Stat Membru ieħor, li fih, matul il-perijodu ta’ riferiment relevanti għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni Belġjana, il-ġenitur sopravissut ikun ħadem, filwaqt li l-ġenitur mejjet ma jkun eżerċita l-ebda attività. Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel minn dawn it-tfal, il-ġenitur sopravissut, li jkun ħadem fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment, jista’ jinvoka, barra l-perijodu ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-ġenitur mejjet, ukoll il-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg li hu stess ikun wettaq fil-Belġju, filwaqt li għat-tieni minn dawn (il-kategoriji), il-ġenitur sopravissut ma jistax jinvoka fil-Belġju l-perijodi mwettqa fi Stat Membru ieħor.

    25. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal du travail de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 79(1) tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...] jikser il-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni sanċiti, inter alia, fl-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, moqri flimkien, fejn jixraq, mal-Artikoli [20, 45 u/jew 49 TFUE], meta dan jiġi interpretat fis-sens li jippermetti biss lill-ġenitur li jkun miet li jibbenefika mir-regoli ta’ assimilazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, impjieg jew xogħol self-employed previsti fl-Artikolu 72 tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...], b’tali mod li, bħala konsegwenza, l-Artikolu 56 bis(1) tal-liġijiet [...] stabbiliti [...] jeskludi, fil-konfront tal-ġenitur li jkun għadu ħaj, irrispettivament min-nazzjonalità tiegħu ladarba huwa jkun ċittadin ta’ Stat Membru jew ladarba jkun jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...], il-possibbilità li jipproduċi l-prova li huwa jissodisfa l-kundizzjoni li fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċċjarju fis-sens tal-Artikolu 51(3)(1) tal-liġijiet [...] stabbiliti [...], huwa kien eliġibbli għal sitt allowances mensili fil-forma ta’ somma f’daqqa matul it-tnax-il xahar ta’ qabel il-mewt, filwaqt li l-ġenitur li jkun għadu ħaj, kemm jekk ikun ta’ nazzjonalità Belġjana jew ikun ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, li jkun ħadem esklużivament fil-Belġju matul il-perijodi ta’ tnax-il xahar previst fl-Artikolu 56 bis(1) tal-liġijiet [...] stabbiliti [...], fejn ikun applikabbli, peress li dan qatt ma jkun telaq mit-territorju Belġjan, huwa permess li jipproduċi tali prova.”

    Fuq id-domanda preliminari

    26. Permezz tad-domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikoli 72, 78(2)(b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu biss it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg neċessarji sabiex jakkwistaw fi Stat Membru, id-dritt għall-benefiċċji għall-orfni perijodi mwettqa mill-uniku ġenitur mejjet fi Stat Membru ieħor, eskluż dak imwettaq mill-ġenitur sopravissut. Jekk dan hu l-każ, din il-qorti tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 humiex konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

    Fuq l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71

    27. Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat mill-bidu li, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Belġjan fl-osservazzjoni bil-miktub tiegħu, l-aventi kawża ta’ ġenitur mejjet, bħal G. Descampe, ma jistgħux jiġu mċaħdin mid-dritt li jinvokaw l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 peress li fil-mument meta miet, ma kienx għadu affiljat ma’ xi skema ta’ sigurtà soċjali, elenkata fl-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament, huwa tilef il-kwalifika ta’ “ħaddiem”, skont l-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament.

    28. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar japplika għas-sopravissuti ta’ ħaddiema “li jkunu ġew suġġetti” għal skema ta’ sigurtà soċjali ta’ wieħed jew iktar Stati Membri skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan l-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1978, Laumann, 115/77, Ġabra p. 805, punt 5 u tal-25 ta’ Ġunju 1997, Mora Romero, C-131/96, Ġabra p. I-3659, punt 21).

    29. Issa, fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit, li G. Descampe, li eżerċita attività professjonali kemm fil-Belġju kif ukoll fi Franza bejn is-snin 1968 u 2002, kien affiljat ma’ skema ta’ sigurtà soċjali ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. Għalhekk, jirriżulta mill-fajl prodott quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, li kieku G. Descampe ma mietx ftit żmien qabel l-età tal-irtirar, huwa kellu d-dritt, b’mod partikolari, għal pensjoni tax-xjuħija, skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament Nru 1408/71, f’kull wieħed mill-Istati Membri.

    30. Fi kwalunkwe każ, ma huwiex ikkontestat li, kemm qabel kif ukoll wara l-mewt ta’ G. Descampe, P. Dumont de Chassart, li titlob il-benefiċċju għall-orfni fil-kawża prinċipali, kienet assigurata fi skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71, b’mod li kienet tikkwalifika bħala “ħaddiem” skont l-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament, u li, għaldaqstant, hija koperta mill-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 2 tiegħu.

    31. Għandu jiġi kkonstatat, għalhekk, li sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 1408/71.

    Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 72, 78(2)(b), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71

    32. F’dak li jirrigwarda d-dritt għall-benefiċċji tal-orfni, għandu jitfakkar li r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1408/71 huma intiżi sabiex jiddeterminaw l-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tirregola l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji, fejn dawn tal-aħħar huma għalhekk fil-prinċipju mogħtija skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru wieħed. Mill-paragrafu 2(b)(i) ta’ dan l-artikolu jirriżulta li, meta l-ħaddiem mejjet ikun ġie suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri, l-imsemmija benefiċċji jingħataw skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fit-territorju fejn joqgħod l-orfni tal-ħaddiem mejjet. L-Istat Membru ta’ residenza huwa hekk magħżul permezz ta’ din id-dispożizzjoni bħala l-uniku kompetenti biex jagħti l-benefiċċji inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 1997, Bastos Moriana et , C-59/95, Ġabra p. I-1071, punti 15 u 18, kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2011, Perez Garcia et , C-225/10, Ġabra p. I-10111, punt 39).

    33. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, l-Istat Membru kompetenti għandu jagħti l-benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu “bħallikieku” l-ħaddiem mejjet kien suġġett biss għal din il-leġiżlazzjoni.

    34. Il-Gvern Belġjan sostna li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 jippermettu unikament it-teħid inkunsiderazzjoni, għall-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg neċessarji għall-akkwiżizzjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-orfni, ta’ perijodi mwettqa mill-ġenitur mejjet, sakemm huwa ġemma’ diġà ċertu perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg fl-Istat Membru mitlub għall-għoti ta’ benefiċċji. Minn dan jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-perijodu ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettaq minn P. Dumont de Chassart fi Franza matul is-sena preċedenti għall-mewt tar-raġel tagħha ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-akkwiżizzjoni tad-dritt għall-benefiċċji tal-orfni previsti mil-leġiżlazzjoni Belġjana.

    35. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, ċertament, l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1408/71 jirregola biss, skont it-termini stess tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (2)(a) u (b) tiegħu, id-dritt għall-benefiċċji tal-“orfni ta’ ħaddiem mejjet”. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għalhekk, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-każ ta’ tfal li saru orfni minħabba l-mewt ta’ ġenitur li ma kienx għadu jikkwalifika bħala ħaddiem (is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 1989, Baldi, 1/88, Ġabra p. 667, punt 15).

    36. Huwa wkoll preċiż li, bl-istess mod, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ benefiċċji, jirrigwarda biss, skont it-termini tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (1) tiegħu, is-sitwazzjoni tal-“mejjet”.

    37. Madankollu, għandu jitfakkar li kif jirriżulta mill-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 78(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71 sempliċement jistabbilixxu “regola ta’ kunflitt” li l-għan tagħha huwa biss li tiddetermina, fil-każ ta’ orfni li l-ġenitur mejjet tagħhom kien jikkwalifika bħala ħaddiem, il-leġiżlazzjoni applikabbli kif ukoll l-istituzzjoni li għandha r-responsabbiltà tal-ħlas tal-benefiċċji intiżi fih.

    38. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom bħala għan mhux biss li jevitaw l-applikazzjoni simultanja ta’ varji leġiżlazzjonijiet nazzjonali flimkien mal-kumplikazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu, iżda wkoll li ma jippermettux li persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 ikunu nieqsa minn protezzjoni f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, minħabba nuqqas ta’ leġiżlazzjoni li kieku tapplika għalihom (ara, b’analoġija, is-sentenza Kuusijärvi, C-275/96, Ġabra p. I-3419, punt 28).

    39. Min-naħa l-oħra, bħala tali, din id-dispożizzjoni ma għandhiex l-għan li tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt għall-benefiċċji tal-orfni. Huwa fil-prinċipju l-kompitu tal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina dawn il-kundizzjonijiet (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Bakker, C-106/11, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    40. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti u għandu bħala għan biss li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar. Huwa għalhekk iħalli jissussistu skemi distinti li joħolqu obbligi distinti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet distinti li kontra tagħhom il-persuna li għandha drittijiet diretti, kemm skont id-dritt intern waħdu, kif ukoll skont id-dritt intern komplut jekk meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-3 ta’ April 2008, Chuck, C-331/06, Ġabra p. I-1957, punt 27).

    41. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea, kull Stat Membru jibqa’, għaldaqstant, kompetenti sabiex jiddetermina fil-leġiżlazzjoni tiegħu, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-benefiċċji ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, van Delft et , C-345/09, Ġabra p. I-9879, punti 84 u 99, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins, C-388/09, Ġabra p. I-5737, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    42. Minn dan jirriżulta li l-kwalifika ta’ “ħaddiem mejjet” tikkostitwixxi biss, fil-kuntest tal-Artikolu 78(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, kriterju ta’ rabta li jiddetermina, minn naħa, l-applikabbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, mill-oħra, flimkien mal-post ta’ residenza tal-orfni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

    43. F’din il-kawża, huwa stabbilit li l-kriterju ta’ rabta stabbilit fl-Artikolu 78(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana, jiġifieri l-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1) tar-Regolament Nru 1408/71, huma l-awtoritajiet kompetenti Belġjani li għandhom jagħtu l-benefiċċji kkonċernati skont il-leġiżlazzjoni Belġjana, bħallikieku G. Descampe kien suġġett għal din il-leġiżlazzjoni biss.

    44. Ġaladarba, skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlazzjoni Belġjana inizjalment intgħażlet bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għoti tal-benefiċċji tal-orfni, fejn barra minn hekk l-awtoritajiet Belġjani kompetenti ġew stabbiliti bħala li kellhom ir-responsabbiltà tal-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji, l-eżistenza, sussegwentement, ta’ dritt għall-benefiċċji tal-orfni tiddependi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, mill-kontenut tal-leġiżlazzjoni Belġjana hekk magħżula, jiġifieri tal-Artikolu 56a(1) tal-liġijiet stabbiliti.

    45. Issa, f’dan ir-rigward, huwa stabbilit li din id-dispożizzjoni nazzjonali tippermetti, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dritt għall-benefiċċji tal-orfni, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi tal-assigurazzjoni u tal-impjieg imwettqa kemm mill-ġenitur mejjet kif ukoll mill-ġenitur sopravissut.

    46. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-regola stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjonijiet Belġjani kompetenti għandhom, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza, fil-kawża prinċipali, ta’ dritt għall-benefiċċji tal-orfni, jieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u tal-impjieg stabbilit fl-Artikolu 72 tal-istess regolament, li jagħmel riferiment għalih l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a), ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni u impjieg imwettqa mill-ġenitur sopravissut fi Stat Membru ieħor.

    47. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni, li tintroduċi kwalifika fis-sustanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli billi tipprovdi, favur l-orfni ta’ ħaddiem mejjet, il-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg, ma timplika l-ebda restrizzjoni fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Barra dan, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-kunċett ta’ “ħaddiem mejjet”.

    48. Il-Gvern Belġjan isostni madankollu li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-istituzzjonijiet Belġjani kompetenti, għall-finijiet tal-aggregazzjoni tagħhom, tal-perijodi ta’ attivitajiet eżerċitati fi Stat Membru ieħor jeżiġi attività minima li tkun ġiet eżerċitata fil-Belġju matul il-perijodu ta’ riferiment. L-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jiġi interpretat għalhekk fis-sens li jobbliga lil dawn l-istituzzjonijiet biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-attività eżerċitata minn P. Dumont de Chassart fi Franza anki jekk din l-attività kienet tippermetti li jiġi kkompletat perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg imwettaq fil-Belġju. Issa, fil-każ preżenti, la G. Descampe u lanqas P. Dumont de Chassart ma jistgħu, skont dan il-gvern, jinvokaw it-twettiq ta’ wieħed minn dawn il-perijodi fil-Belġju matul is-sena preċedenti għall-mewt ta’ G. Descampe.

    49. Din l-interpretazzjoni ma tistax tintlaqa’.

    50. Hekk kif il-Qorti diġà ddeċidiet fil-punt 44 tas-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011 Bergström (C-257/10, Ġabra p. I-13227), Stat Membru kompetenti sabiex jagħti benefiċċju tal-familja ma jistax jeħtieġ li, minbarra perijodu ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa fi Stat Membru ieħor, ikun twettaq perijodu ieħor ta’ assigurazzjoni fuq it-territorju tagħha.

    51. Kemm il-kliem tal-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll dak tal-Anness VI, A, punt 7, ta’ dan ir-regolament li jirrigwardaw l-għoti ta’ benefiċċji tal-orfni fil-Belġju huma nieqsa mill-ambigwità. L-ewwel dispożizzjoni, teżiġi fil-fatt it-teħid inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-aggregazzjoni tal-“perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg u impjieg għar-ras imwettqa fi kwalunkwe Stat Membru” bħal fir-rigward tal-perijodi mwettqa skont il-leġiżlazzjoni tal-istituzzjoni kompetenti filwaqt li, skont it-tieni “jittieħed inkunsiderazzjoni”, għal-għoti ta’ benefiċċji tal-orfni, tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bergström, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

    52. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 1408/71 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 51 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 51 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 42 KE u sussegwentement l-Artikolu 48 TFUE), li awtorizza lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-miżuri neċessarji għall-istabbiliment tal-moviment liberu ta’ ħaddiema billi istitwixxa b’mod partikolari skema li tippermetti l-assigurazzjoni tal-ħaddiema migranti u l-aventi kawża tagħhom l-aggregazzjoni, għall-ftuħ u ż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji kif ukoll għall-kalkolu tagħhom, għall-“perijodi kollha” meħuda inkunsiderazzjoni mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti (is-sentenza Bergström, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    53. Din l-interpretazzjoni hija wkoll skont l-għan mixtieq mill-Artikolu 48 TFUE, li fid-dawl tiegħu għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, li għandu jikkontribwixxi għall-istabbiliment moviment liberu tal-ħaddiema migranti bl-iktar mod sħiħ possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Silva Martins iċċitata iktar ’il fuq, punt 70, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak, C-611/10 u C-612/10, punt 53, ara f’dan is-sens, is-sentenza Bergström, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43.

    54. Fil-fatt, l-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE, bħar-Regolament Nru 1408/71, meħuda għall-implementazzjoni tagħhom, għandhom b’mod partikolari bħala għan tagħhom li jevitaw li ħaddiem li, filwaqt li jagħmel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, ikun okkupa impjiegi f’iktar minn Stat Membru wieħed li, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, jittrattawh b’mod inqas favorevoli minn dak li jkun għamel il-karriera kollha tiegħu fi Stat Membru wieħed (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, da Silva Martins, punt 76, kif ukoll Hudzinski u Wawrzyniak, punt 80).

    55. Issa, f’dan il-każ, l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni minn Stat Membru, biex jiddetermina l-eżistenza ta’ dritt għall-benefiċċji tal-orfni, tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa fi Stat Membru ieħor minn ħaddiem, ċittadin nazzjonali u ġenitur sopravissut ta’ wild ta’ ħaddiem mejjet, jista’ jqiegħed fi żvantaġġ lil dan il-ħaddiem biss minħabba li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE u, konsegwentement, dan jista’ jiddiswadih milli jmur lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu wara l-mewt tal-konjuġi tiegħu waqt li jkun qed jeżerċita d-dritt tiegħu tal-moviment liberu skont din l-istess dispożizzjoni jew skont l-Artikolu 21 TFUE.

    56. L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Gvern Belġjan ma jista’ jqiegħed inkwistjoni din l-interpretazzjoni.

    57. L-ewwel nett, l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu bir-Regolament Nru 118/97, li fuqu dan il-gvern ibbaża l-osservazzjonijiet miktuba tiegħu, jirrigwarda espliċitament biss, skont il-kliem tal-ewwel subparagrafu tiegħu, il-benefiċċji tal-mard u tal-maternità, tal-invalidità, tax-xjuħija, tal-mewt kif ukoll ta’ qgħad. Din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax, min-naħa l-oħra, il-benefiċċji familjari bħalma huma l-benefiċċji tal-orfni fil-kawża prinċipali.

    58. It-tieni nett, is-sentenza Pérez Garcίa et , iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-imsemmi gvern matul is-seduta, hija irrelevanti għas-soulzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li ma tirrigwardax l-aggregazzjoni tal-perijodi tal-assigurazzjoni u tax-xogħol skont l-Artikolu 72 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

    59. Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sentenzi tal-24 ta’ April 1980, Coonan (110/79, Ġabra p. 1445, punt 13), kif ukoll tas-27 ta’ Jannar 1981, Vigier (70/80, Ġabra p. 229, punti 19 u 20), ukoll invokati matul is-seduta, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dawn is-sentenzi li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-affiljazzjoni ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċ ernata kienet preċedentement affiljata għal skema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jobbligax lill-Istati Membri sabiex jassimilaw il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor ma’ dawk li kellhom jiġu mwettqa preċedentement fit-territorju nazzjonali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din il-kawża ma tirrigwardax affiljazzjoni għal skema ta’ sigurtà soċjali, peress li P. Dumont de Chassart hija affiljata mal-iskema Belġjana ta’ ħaddiema impjegati.

    60. Minn dan isegwi li l-Artikoli 72 u 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, bogħod milli jopponu, f’kawża bħal dik prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-ġenitur sopravissut ta’ wild ta’ ħaddiem mejjet fi Stat Membru ieħor, jeżiġu bil-maqlub tali teħid inkunsiderazzjoni, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti tipprevedi li, mhux biss il-ġenitur mejjet, iżda wkoll il-ġenitur sopravissut, jekk jikkwalifikaw bħala ħaddiema, jistgħu jkollhom dritt għall-benefiċċji tal-orfni.

    61. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex iktar neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-imsemmijin dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 humiex konformi mal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u tan-nondiskriminazzjoni.

    62. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanada magħmula għandha tkun li l-Artikoli 72, 78(2)(b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tipprovdi li kemm il-ġenitur mejjet kif ukoll dak sopravissut, meta jikkwalifikaw bħala ħaddiema, jistgħu jagħtu dritt għal benefiċċji tal-orfni, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li l-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-ġenitur sopravissut fi Stat Membru ieħor għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-aggregazzjoni tal-perijodi neċessarji għall-akkwiżizzjoni tad-dritt għall-benefiċċji fl-ewwel minn dawn l-Istati Membri. Mhux relevanti f’dan ir-rigward jekk il-ġenitur sopravissut ma jistax jinvoka ebda perijodu ta’ assigurazzjoni jew impjieg f’dan l-Istat Membru matul il-perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru matul il-perijodu ta’ riferiment stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-akkwiżizzjoni ta’ dan id-dritt.

    Fuq l-ispejjeż

    63. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Parti operattiva

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikoli 72, 78(2)(b) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(1)(a) tar-regolament Nru 1408/71 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-skemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1399/1999 tad-29 ta’ April 1999 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru tipprovdi li kemm il-ġenitur mejjet kif ukoll dak sopravissut, meta jikkwalifikaw bħala ħaddiema, jistgħu jagħtu dritt għal benefiċċji tal-orfni, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu li l-perijodi ta’ assigurazzjoni u ta’ impjieg imwettqa mill-ġenitur sopravissut fi Stat Membru ieħor għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-aggregazzjoni tal-perijodi neċessarji għall-akkwiżizzjoni tad-dritt għall-benefiċċji fl-ewwel minn dawn l-Istati Membri. Mhux relevanti f’dan ir-rigward jekk il-ġenitur sopravissut ma jistax jinvoka ebda perijodu ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg f’dan l-Istat Membru matul il-perijodu ta’ riferiment stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-akkwiżizzjoni ta’ dan id-dritt.

    Top