EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0609

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-26 ta’ Settembru 2013.
Centrotherm Systemtechnik gmbH vs centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG.
Appell — Regolamenti (KE) Nru 207/2009 u Nru 2868/95 — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark verbali Komunitarja CENTROTHERM — Użu ġenwin — Kunċett — Mezzi ta’ prova — Affidavit — Artikolu 134(1) sa (3) tar-Regoli tal-Preċedura tal-Qorti Ġenerali — Setgħa ta’ riforma tal-Qorti Ġenerali — Portata tal-motivi u tat-talbiet magħmula minn parti intervenjenti.
Kawża C‑609/11 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:592

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

26 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Appell — Regolamenti (KE) Nru 207/2009 u Nru 2868/95 — Proċedimenti ta’ revoka — Trade mark verbali Komunitarja CENTROTHERM — Użu ġenwin — Kunċett — Mezzi ta’ prova — Affidavit — Artikolu 134(1) sa (3) tar-Regoli tal-Preċedura tal-Qorti Ġenerali — Setgħa ta’ riforma tal-Qorti Ġenerali — Portata tal-motivi u tat-talbiet magħmula minn parti intervenjenti”

Fil-Kawża C‑609/11 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2011,

Centrotherm Systemtechnik GmbH, stabbilita f’Brilon (il-Ġermanja), irrappreżentata minn A. Schulz u C. Onken, Rechtsanwälte, kif ukoll minn F. Schmidt, Patentanwalt,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG, stabbilita f’Blaubeuren (il‑Ġermanja), irrappreżentata minn O. Löffel u P. Lange, Rechtsanwälte,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Frar 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Centrotherm Systemtechnik GmbH (iktar ’il quddiem “Centrotherm Systemtechnik”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-15 ta’ Settembru 2011, centrotherm Clean Solutions vs UASI – Centrotherm Systemtechnik (CENTROTHERM) (T-427/09, Ġabra p. II-6207, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din il-qorti laqgħat ir-rikors ta’ centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “centrotherm Clean Solutions”) intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-25 ta’ Awwissu 2009 (Każ R 6/2008‑4) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), dwar proċedimenti ta’ revoka mibdija minn centrotherm Clean Solutions kontra t-trade mark verbali Komunitarja CENTROTHERM li hija l-proprjetà ta’ Centrotherm Systemtechnik.

2

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-15 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali tat ukoll, f’kawża parallela bejn l-istess partijiet u li kienet timmina wkoll id-deċiżjoni kkontestata, is-sentenza tagħha Centrotherm Systemtechnik vs UASI – centrotherm Clean Solutions (CENTROTHERM) (T-434/09, Ġabra p. II-6227), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ Centrotherm Systemtechnik intiż għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni.

3

L-imsemmija sentenza hija appellata permezz ta’ appell ippreżentat minn Centrotherm Systemtechnik (Kawża C‑610/11 P).

Il-kuntest ġuridiku

4

Skont l-Artikolu 134(1) sa (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali:

“1.   Il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ħlief il-parti rikorrenti, jistgħu jieħdu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti billi jirrispondu lir-rikors fil-forma u t-termini previsti.

2.   L-intervenjenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom l-istess drittijiet proċedurali bħall-partijiet fil-kawża prinċipali.

Huma jkunu jistgħu jsostnu l-konklużjonijiet ta’ parti fil-kawża prinċipali u jkunu jistgħu jifformulaw konklużjonijiet u argumenti bl-istess mod tal-partijiet fil-kawża prinċipali.

3.   Il-parti intervenjenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’, fis-sottomissjonijiet ta’ risposta li tippreżenta skond l-Artikolu 135(1), tifformula talbiet intiżi għall-annullament jew il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell fuq kap li li ma jkunx tqajjem fit-talba u tippreżenta argumenti li ma jkunux tqajmu fit-talba.

[...]”

Ir-Regolament Nru 207/2009

5

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) ikkodifika u ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

6

L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi, taħt it-titolu “L-użu ta’ trade marks Komunitarji”:

“1.   Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trade mark Komunitarja fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it-trade mark Komunitarja għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu.

[...]”

7

L‑Artikolu 51 ta’ dan ir‑regolament jipprovdi li:

“1.   Id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja għandhom jiġu ddikjarati bħala revokati malli ssir applikazzjoni lill-[UASI] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

(a)

jekk, għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, ma jkunx sar użu ġenwin mit-trade mark fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija tkun reġistrata, u ma jkunx hemm raġunijiet siewja għal dan in-nuqqas ta’ użu; [...]

[...]

2.   Meta r-raġunijiet ta’ revoka ta’ drittijiet jeżistu biss fir-rigward ta’ xi wħud biss mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom jiġu dikjarati bħala revokati fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi biss.”

8

L-Artikolu 57 li jinsab fit-Taqsima 5 intitolata “Proċedimenti fl-[UASI] fir-rigward ta’ revoka jew invalidità”, tat-Titolu VI tar-Regolament Nru 207/2009, jipprovdi li:

“1.   Fl-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-[UASI] għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien li għandu jiġi iffissat mill-[UASI], dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġa minnu stess.

2.   Jekk issir talba mill-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja, il-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, li jkun parti fi proċedimenti ta’ invalidità, għandu jġib prova li, waqt il-perjodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-trade mark Komunitarja preċedenti intużat b’mod ġenwin fil-Komunità f’konnessjoni mal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata u li hija iċċitata minnu bħala ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għan-nuqqas ta’ użu, sakemm sa dik id-data it-trade mark Komunitarja preċedenti tkun ilha irreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. [...] F’nuqqas ta’ provi f’dan ir-rigward l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda. [...]

[...]”

9

L-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi li:

“1.   Jistgħu jinfetħu kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell dwar appelli.

[...]

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata.

4.   Il-kawża hija miftuħa għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni.

[...]”

10

L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 intitolat “L-eżaminazzjoni tal-fatti mill-Uffiċċju fuq inizzjattiva tiegħu stess”, li jinsab fit-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu IX intitolat “Proċedura” jipprovdi li:

“1.   Fi proċedimenti quddiemu l-[UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2.   L-[UASI] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”

11

Skont l‑Artikolu 78(1) tar‑Regolament Nru 207/2009:

“F’kull proċedimenti quddiem l-[UASI], il-miżati ta’ kif għandha tingħata jew tinkiseb ix-xiehda għandhom jinkludu dan li ġej:

[...]

(f)

stqarrijiet bil-miktub ġuramentati jew affermati jew li għandhom effett simili taħt il-liġi tal-Istat fejn tinkiteb l-istqarrija.”

Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95

12

Ir-Regola 22(2) sa (4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287M, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2868/95”) tipprovdi:

“2.

Fejn il-parti li qed topponi trid tipprovdi l-prova ta’ l-użu jew turi li hemm raġunijiet tajba għal non-użu, l-[UASI] għandu jistiednu biex jipprovdi l-provi meħtieġa fi żmien perjodu speċifikat minnu. Jekk il-parti li qed topponi ma tipprovdix tali prova qabel jiskadi l-limitu ta’ żmien, l-[UASI] għandu jirrifjuta l-oppożizzjoni.

3.

L-indikazzjonijiet u l-evidenza biex jinġabu l-provi ta’ l-użu għandhom jikkonsistu f’indikazzjonijiet li jikkonċernaw post, ħin, estenzjoni u natura ta’ l-użu tat-trejdmark opposta għall-oġġetti u servizzi li għalihom hi rreġistrata u li fuqhom l-oppożizzjoni hi bbażata, u l-evidenza b’appoġġ għal dawn l-indikazzjonijiet skond paragrafu 4.

4.

L-evidenza għandha tiġi ffajljata skond Regoli 79 u 79a u għandha, fil-prinċipju, tkun limitata għas-sottomissjoni ta’ dokumenti t’appoġġ u oġġetti oħra bħal pakketti, tabelli, lista tal-prezzijiet, katalogi, fatturi, ritratti, reklami fuq il-gazzetta, u dikjarazzjonijiet bil-miktub kif imsemmi fl-Artikolu [78] (1)(f) tar-[Regolament Nru 207/2009].”

13

Skont ir-Regola 40(5) tar‑Regolament Nru 2868/95:

“F’każ ta’ applikazzjoni għal revoka bbażata fuq l-Artikolu [51] (1)(a) tar-[Regolament Nru 207/2009], l-[UASI] għandu jitlob lill-propjetarju tat-trejdmark tal-Komunità jġib prova ta’ l-użu ġenwin tal-marka, fi żmien perjodu speċifikat. Jekk il-prova ma tinġiebx fi żmien il-perodu stipulat, it-trejdmark tal-Komunità tiġi revokata. Regola 22 (2), (3) u (4) għandha tapplika mutatis mutandis.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

14

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 1 sa 12 tas-sentenza appellata, hekk kif ġej:

“1

Fis-7 ta’ Settembru 1999, [Centrotherm Systemtechnik], ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-[UASI], skont ir-Regolament [Nru 40/94].

2

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali CENTROTHERM.

3

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 11, 17, 19 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat [...]

4

It-trade mark CENTROTHERM kienet irreġistrata għall-prodotti u għas-servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq, fid-19 ta’ Jannar 2001, bħala trade mark Komunitarja.

5

Fis-7 ta’ Frar 2007, [centrotherm Clean Solutions], ippreżentat quddiem l-UASI, skont l-Artikolu 15 u skont l-Artikolu 50(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 15 u l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009], applikazzjoni għal revoka tat-trade mark CENTROTHERM għall-prodotti u għas-servizzi kollha rreġistrati.

6

L-applikazzjoni għal revoka ġiet innotifikata fil-15 ta’ Frar 2007 lil [Centrotherm Systemtechnik], li kienet mistiedna sabiex tippreżenta osservazzjonijiet eventwali u provi tal-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata f’terminu ta’ tliet xhur.

7

Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-11 ta’ Mejju 2007, [Centrotherm Systemtechnik] [i]kkontestat l-applikazzjoni għal revoka u, sabiex turi l-użu ġenwin mit-trade mark tagħha, ipproduċiet il-provi li ġejjin:

erbatax-il ritratt diġitali;

erba’ kontijiet;

dikjarazzjoni, intitolata ‘eidesstattliche Versicherung’ (affidavit), magħmula minn M. W., fil-kapaċità tiegħu bħala maniġer ta[' Centrotherm Systemtechnik].

8

[Centrotherm Systemtechnik] ddikjarat li hija kellha fil-pussess tagħha diversi kopji oħra ta’ kontijiet li hija kienet rrinunzjat li tippreżenta, fil-bidu, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità. Peress li ddikjarat li tista’ tipproduċi dokumenti oħra, hija talbet lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI sabiex skont iċ-ċirkustanzi tieħu miżura proċedurali, jekk ikun il-każ li hija kienet tixtieq li provi u dokumenti individwali oħra jitpoġġew fil-fajl.

9

Fit-30 ta’ Ottubru 2007, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat ir-revoka tat-trade mark CENTROTHERM billi kkonstatat li l-provi prodotti mi[nn Centrotherm Systemtechnik] ma kinux suffiċjenti sabiex juru l-użu ġenwin mill-imsemmija trade mark.

10

Fl-14 ta’ Diċembru 2007, [Centrotherm Systemtechnik] [i]ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni, liema appell ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ parzjalment permezz [tad-deċiżjoni kkontestata].

11

Il-Bord tal-Appell annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad l-applikazzjoni għal revoka tal-prodotti ‘tubi għall-gass tal-impjanti għat-tisħin, pajpijiet taċ-ċmieni, pajpijiet għal kaldaruni tat-tisħin; aċċessorji għall-berner tal-gass; partijiet mekkaniċi tal-impjanti ta’ tisħin; viti għal pajpijiet; reġistru taċ-ċmieni’; li jaqgħu fil-klassi 11; ‘ġonot, ġonġituri, rinforz għal pajpijiet, pajpijiet flessibbli, u l-prodotti mhux magħmula mill-metall li ma humiex imsemmija iktar ’il fuq’; li jaqgħu fil-klassi 17, u ‘pajpijiet, tubi, b’mod partikolari għal kostruzzjoni; pajpijiet ta’ konnessjoni; kanen taċ-ċmieni’ li jaqgħu fil-klassi 19. Il-Bord tal-Appell ċaħad il-kumplament tal-appell.

12

B’mod partikolari, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-prova tal-użu ġenwin mit-trademark CENTROTHERM, fir-rigward tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal revoka, jiġifieri s-7 ta’ Frar 2007 (iktar ’il quddiem il-‘perijodu rilevanti’) għall-prodotti msemmija fil-punt 11 kienet ġiet prodotta, peress li r-ritratti pprovduti mi[nn Centrotherm Systemtechnik] juru n-natura tal-użu mit-trade mark u li l-kontijiet prodotti juru li l-prodotti msemmija kienu ġew ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark ikkontestata.”

15

Sabiex il-fatti li wasslu għall-kawża kif esposti mill-Qorti Ġenerali jiġu esposti b’mod komplet, għandhom isiru l-kjarifiki li ġejjin.

16

Minn naħa, u kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 13 tas-sentenza Centrotherm Systemtechnik vs UASI – centrotherm Clean Solutions (CENTROTHERM), iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-kawża parallela T‑434/09, il-Bord tal-Appell qies, għal dak li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi l-oħrajn li għalihom ġiet irreġistrata t-trade mark CENTROTHERM, li Centrotherm Systemtechnik kienet ipproduċiet biss l-affidavit tad-direttur tagħha biss bħala prova, li ma kienx suffiċjenti, fil-fehma ta’ dan il-Bord, sabiex jintwera l-użu ġenwin mill-imsemmija trade mark. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell osserva li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni la kienet marbuta li titlob dokumenti oħra u lanqas li tieħu inkunsiderazzjoni l-proċess ta’ każ ieħor pendenti wkoll quddiem l-UASI.

17

Min-naħa l-oħra, mill-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda provi addizzjonali prodotti minn Centrotherm Systemtechnik quddiem il-Bord tal-Appell, dan tal-aħħar qies li tali “prova addizzjonali ġiet prodotta tardivament u ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni” peress li “t-terminu msemmi fit-tieni sentenza tar-Regola 40(5) tar-[Regolament Nru 2868/95] huwa terminu ta’ dekadenza li jekk ma jiġix osservat dan iwassal għar-revoka tat-trade mark, skont it-tielet sentenza tar-Regola 40(5), [tal-imsemmi Regolament]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-punt 37 ta’ din id-deċiżjoni, il-Bord tal-Appell żied jgħid, f’dan ir-rigward, li anki jekk jiġi aċċettat li l-Bord tal-Appell jevalwa liberament, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ir-rilevanza ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi prodotti tardivament, ir-raġuni għaliex huwa għandu jeżerċita din is-setgħa favur ir-rikorrenti ma kinitx tidher f’dan il-każ. L-imsemmi Bord ippreċiża li f’dan ir-rigward din kienet ressqet biss argumenti ġenerali fuq ir-rwol u l-valur tad-dritt ta’ trade mark u li ma kinitx invokat l-impossibbiltà li tipproduċi prova tal-użu ġenwin sa mill-ewwel istanza.

Is-sentenza appellata

18

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Ottubru 2009, centrotherm Clean Solutions bdiet azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet ċaħdet it-talba għar-revoka tat-trade mark CENTROTHERM.

19

Insostenn ta’ dan ir-rikors, centrotherm Clean Solutions invokat motiv wieħed ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-provi. Billi qies li l-provi prodotti minn Centrotherm Systemtechnik quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu suffiċjenti sabiex jipprovaw l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll ir-Regola 22(2) u (3) u r-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95.

20

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħat l-imsemmi rikors u annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija kienet parzjalment annullat id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tat-30 ta’ Ottubru 2007.

21

Fil-punti 21 sa 24 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet, preliminarjament, għall-għan tas-sanzjoni ta’ revoka kif ukoll għar-regoli proċedurali u għall-prinċipji dwar l-amministrazzjoni tal-provi relatati magħha, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 u mir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95.

22

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali għamlet il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin fil-punti 25 sa 30 tas-sentenza appellata:

“25

Skont il-ġurisprudenza, trade mark ikun sar użu ġenwin minnha meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq ta’ bejgħ għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandu l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija permezz tat-trade mark. Barra minn hekk, il-kundizzjoni tal-użu ġenwin mit-trade mark tirrikjedi li din it-trade mark, kif inhi protetta fit-territorju rilevanti, għandha tintuża pubblikament u lejn l-estern [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2007, La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER), T‑418/03, [...] punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata].

26

Għalkemm l-użu ġenwin jipprekludi għaldaqstant kull użu minimu u li ma huwiex suffiċjenti sabiex trade mark tiġi kkunsidrata bħala realment u effettivament użata f’suq speċifiku, jibqa’ l-fatt li r-rekwiżit ta’ użu ġenwin la huwa intiż li jevalwa s-suċċess kummerċjali, lanqas li jikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża jew ukoll li jirriżerva l-protezzjoni ta’ trade marks għall-użi kummerċjali ta’ importanza kwantitattiva biss [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI – Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T-194/03, Ġabra p. II-445, punt 32].

27

B’mod iktar speċifiku, sabiex tiġi eżaminata, f’każ bħal dan, in-natura ġenwina tal-użu mit-trade mark inkwistjoni, għandha ssir evalwazzjoni globali fid-dawl tal-provi kollha li jinsabu fil-fajl, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti ta’ dan il-każ. Tali evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u fuq iċ-ċirkustanzi kollha li jistgħu jistabbilixxu jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex veru, b’mod partikolari l-użi kkunsidrati bħala ġġustifikati, fil-qasam ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il-karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal-użu mit-trade mark (ara s-sentenza [La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER)], iċċitata iktar ’il fuq, punti 53 sa 55, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward tal-portata tal-użu magħmul mit-trade mark preċedenti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti ta’ użu kollha, minn naħa, u, min-naħa l-oħra, tat-tul tal-perijodu li matulu twettqu dawn l-atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti (ara s-sentenza [La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER)], iċċitata iktar ’il fuq, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata). Din l-evalwazzjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni. B’hekk, volum żgħir ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkummerċjalizzati taħt l-imsemmija trade mark jista’ jkun ikkumpensat minn intensità qawwija jew ċerta kostanza fil-perijodu ta’ użu minn din it-trade mark u bil-maqlub (ara s-sentenza [La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER)], iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Madankollu, iktar ma huwa limitat il-volum kummerċjali tal-użu mit-trade mark, iktar huwa neċessarju li l-proprjetarju tat-trade mark jipproduċi provi addizzjonali sabiex jitneħħew eventwali dubji dwar il-ġenwinità tal-użu mit-trade mark ikkonċernata [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2011, Advance Magazine Publishers vs UASI – Capela & Irmãos (VOGUE), T‑382/08, [...], punt 31].

30

Barra minn hekk, l-użu ġenwin minn trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew ta’ preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat (ara s-sentenza [La Mer Technology vs UASI – Laboratoires Goëmar (LA MER)], iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).”

23

Wara li indikat, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li kien fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha kif imfakkra fil-punti 21 sa 30 tal-imsemmija sentenza li kellu jiġi evalwat jekk il-Bord tal-Appell kienx ġust meta fid-deċiżjoni kkontestata qies li l-provi prodotti minn Centrotherm Systemtechnik quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu jipprovaw użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata għal dak li jirrigwarda l-prodotti ċċitati fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dan li ġej, fil-punti 32 sa 37 tal-imsemmija sentenza:

“32

F’din il-kawża, il-provi prodotti mi[nn Centrotherm Systemtechnik] fid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex juru użu ġenwin mit-trade mark tagħha huma l-affidavit tal-maniġer tagħha, erba’ kontijiet u erbatax-il ritratt diġitali.

33

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li ma jirriżultax mir-raġunament tal-Bord tal-Appell li l-konklużjoni tiegħu dwar l-istabbiliment ta’ użu ġenwin għall-prodotti msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq hija bbażata fuq l-affidavit tal-maniġer tal-intervenjenti. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 26 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata, hija l-interazzjoni bejn il-valur probatorju tar-ritratti u dik tal-erba’ kontijiet li wasslet lill-Bord tal-Appell sabiex jikkonstata li l-użu ġenwin mit-trade mark CENTROTHERM kien ġie pprovat. Ir-riferimenti, magħmula fil-punti 27 sa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-imsemmija affidavit jirrigwardaw biss li jiġu rrilevati n-nuqqasijiet ta’ din tal-aħħar u n-nuqqas ta’ provi addizzjonali li jikkorroboraw il-kontenut tiegħu.

34

Minn dan isegwi li għandu jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni globali tar-ritratti u tal-erba’ kontijiet tippermettix li jiġi konkluż li t-trade mark ikkontestata kien sar użu ġenwin minnha skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 25 sa 29 iktar ’il fuq.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, rigward l-erba’ kontijiet, tlieta minnhom għandhom id-data ta’ Lulju 2006 u jirrigwardaw id-Danimarka, l-Ungerija u s-Slovakkja, u wieħed minnhom għandu d-data ta’ Jannar 2007 u jirrgwarda l-Ġermanja. Il-kelma “centrotherm” tidher fl-intestatura tal-imsemmija kontijiet, flimkien mal-logo ta[’ Centrotherm Systemtechnik] li hija wkoll l-isem tal-kumpannija u l-indirizz postali tagħha.

36

Dawn il-kontijiet juru li ħafna prodotti relatati mal-plumbing (pajpijiet, ġonġituri, assemblaġġi għall-konnessjoni ta’ kaldaruni, liwja f’pajp għal verifika, għata għal sistemi ta’ egżost) inbigħu mi[nn Centrotherm Systemtechnik] lil erba’ klijenti għal somma li tikkorrispondi, inkluż il-kont tal-2007, għal inqas minn 0.03 % tad-dħul mill-bejgħ li l-maniġer ta[’ Centrotherm Systemtechnik] ddikjara li nkiseb fl-2006 bil-bejgħ tal-prodotti taħt it-trade mark CENTROTHERM.

37

Minn dan jirriżulta li, quddiem l-UASI, [Centrotherm Systemtechnik] [i]pproduċiet provi ta’ bejgħ relattivament baxxi meta mqabbla mas-somma indikata fid-dikjarazzjoni tal-maniġer tagħha. Għaldaqstant, anki fl-ipoteżi li l-Bord tal-Appell kien ħa inkunsiderazzjoni l-imsemmija dikjarazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx provi suffiċjenti fil-fajl li jsostnu l-kontenut tagħha fir-rigward tal-valur tal-bejgħ. Barra minn hekk, rigward l-aspett temporali tal-użu mit-trade mark, l-imsemmija kontijiet jirrigwardaw perijodu qasir ħafna, jew preċiż, jiġifieri t-12, it-18 u l-21 ta’ Lulju 2006 u d-9 ta’ Jannar 2007.”

24

Fil-punti 38 sa 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat, barra minn hekk, il-valur probatorju tar-ritratti prodotti minn Centrotherm Systemtechnik.

25

Hija kkonkludiet l-eżami tagħha u laqgħat ir-rikors kif ġej:

“43

B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li evalwazzjoni globali tal-provi, kif deskritti fil‑punti 35 sa 42 iktar ’il fuq, ma tippermettix li jiġi konkluż, sakemm ma jintużawx preżunzjonijiet jew probabbiltajiet, li sar użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata matul il-perijodu rilevanti għall-prodotti msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq.

44

Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta kkunsidra li l-prova tal‑użu ġenwin mit-trade mark CENTROTHERM ġiet prodotta mi[nn Centrotherm Systemtechnik] għall-imsemmija prodotti.

45

L-argumenti ta[’ Centrotherm Systemtechnik], spjegati fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq, li essenzjalment juru li l-ispeċifiċità tas-suq tagħmilha diffiċli li jkun hemm il-provi kollha ma jistgħux jikkontestaw din il-konklużjoni.

46

Fil-fatt, il-modi u l-mezzi ta’ prova tal-użu ġenwin minn trade mark ma humiex limitati. Il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li l-użu ġenwin ma ġiex ipprovat f’din il-kawża, ma hijiex dovuta għar-rekwiżit ta’ livell eċċessivament għoli ta’ prova, iżda għall-fatt li [Centrotherm Systemtechnik] għażlet li tirrestrinġi l-produzzjoni ta’ provi (ara l‑punt 8 iktar ’il fuq). Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni irċeviet ritratti ta’ kwalità inferjuri li jirrigwardaw oġġetti li n-numri tal-oġġetti ma jaqblux mal-oġġetti li, skont il-ftit kontijiet prodotti, inbigħu. Barra minn hekk, l-imsemmija kontijiet ikopru perijodu qasir u juru bejgħ ta’ valur minimu mqabbel ma’ dak li [Centrotherm Systemtechnik] tallega li sar. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li [Centrotherm Systemtechnik] kkonfermat matul is-seduta li ma kienx hemm rabta diretta bejn il-kontijiet u r‑ritratti li hija kienet ipproduċiet quddiem l-UASI.

47

B’hekk ir-rikors huwa milqugħ.”

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26

Permezz tal-appell tagħha, Centrotherm Systemtechnik titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors ippreżentat minn centrotherm Clean Solutions fl-ewwel istanza u tikkundannaha għall-ispejjeż.

27

L-UASI jitlob li l-appell jiġi milqugħ u li centrotherm Clean Solutions tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

28

centrotherm Clean Solutions titlob li l-appell jiġi miċħud u li Centrotherm Systemtechnik tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

29

Centrotherm Systemtechnik tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Kjarifika preliminari

30

F’dan il-każ, mill-espożizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża mfakkra fil-punt 14 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, minkejja li l-proċedimenti ta’ revoka inkwistjoni nbdew meta kien fis-seħħ ir-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjoni kkontestata ngħatat mill-Bord tal-Appell tal-UASI wara li r-Regolament Nru 207/2009 daħal fis-seħħ.

31

Madankollu, peress li dan ir-regolament tal-aħħar ikkodifika r-Regolament Nru 40/94 u ma saret l-ebda emenda lid-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu waqt din il-kodifikazzjoni, ser isir riferiment esklużiv, fil-kumplament tas-sentenza preżenti, għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 134(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

L-argumenti tal-partijiet

32

Permezz tal-aggravju tagħha, Centrotherm Systemtechnik issostni li s-sentenza appellata ġiet adottata bi ksur tad-dritt li hija għandha, bħala intervenjenti, skont l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 134(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tippreżenta talbiet u motivi awtonomi intiżi b’mod partikolari għar-riforma tad-deċiżjoni mogħtija minn Bord tal-Appell tal-UASI.

33

Skont Centrotherm Systemtechnik, mill-punti 33 u 34 tas-sentenza appellata jirriżulta fil-fatt li, sabiex tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat quddiemha, il-Qorti Ġenerali sempliċement eżaminat il-punt dwar jekk ir-ritratti u l-kontijiet prodotti minn Centrotherm Systemtechnik quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kinux jippermettu li jitqies, bħalma għamel il-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata, li kien ġie stabbilit użu ġenwin mit-trade mark inkwistjoni.

34

Madankollu, kif jirriżulta mir-risposta tagħha ppreżentata il-Qorti Ġenerali, Centrotherm Systemtechnik ma kinitx qed titlob biss li din il-qorti tiċħad ir-rikors ta’ centrotherm Clean Solutions. Fl-imsemmija risposta, Centrotherm Systemtechnik żviluppat ukoll argument dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, tal-affidavit tad-direttur tagħha, tal-provi addizzjonali prodotti minnha quddiem l-imsemmi Bord kif ukoll ta’ provi oħra li jinsabu fil-fajl tat-trade mark u li huma intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata, fid-dawl ta’ dawn id-diversi provi, li l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata kien ġie stabbilit. Fid-dawk ta’ dan l-argument, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata tinterpreta t-talba ta’ Centrotherm Systemtechnik bħala intiża wkoll sabiex il-Qorti Ġenerali żżomm il-parti mminata tad-deċiżjoni kkontestata billi tissostitwixxi l-motivi.

35

L-UASI jsostni li Centrotherm Systemtechnik sempliċement talbet li r-rikors ta’ centrotherrn Clean Solutions jiġi miċħud u li hija ma ppreżentatx talba għall-annullament jew għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata.

36

Skont centrotherm Clean Solutions, mill-punti 32 u 37 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ħadet konjizzjoni tal-provi prodotti minn Centrotherm Systemtechnik u li hija ddeċidiet fuq l-argument ta’ din tal-aħħar dwar in-neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni l-affidavit filwaqt li kkonstatat li l-kontenut tiegħu ma kienx sostnut mill-atti tal-proċess. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi b’mod espress fuq kull punt imqajjem fl-argumenti tal-partijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37

Preliminarjament għandu jitfakkar li mill-Artikolu 65(1) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI jistgħu jiġu appellati quddiem il-qorti tal-Unjoni u din għandha ġurisdizzjoni sabiex tannulla jew tirriforma tali deċiżjonijiet.

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 134(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li l-partijiet fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell li ma jkunux il-parti li tkun bdiet il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jipparteċipaw fil-proċedura quddiem din tal-aħħar bħala intervenjenti u huma awtorizzati, bħala tali, jippreżentaw talbiet u motivi indipendenti minn dawk tal-parti prinċipali. L-Artikolu 134(3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura jippreċiża, f’dan ir-rigward, li tali intervenjent jista jippreżenta talbiet fir-risposta tiegħu intiżi għall-annullament jew għar-riforma tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fuq kap li ma jkunx tqajjem fir-rikors u jippreżenta motivi li ma jkunux ġew ippreżentati fih.

39

Minn dak li ntqal jirriżulta li, bħala parti intervenjenti fil-proċedura intiża għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata mibdija minn centrotherm Clean Solutions quddiem il-Qorti Ġenerali, Centrotherm Systemtechnik kienet intitolata tippreżenta talba eventwali għall-annullament jew għar-riforma ta’ din id-deċiżjoni.

40

F’dan il-każ għandu jiġi rrilevat, qabelxejn li permezz ta’ dan l-aggravju, Centrotherm Systemtechnik ma tallegax li talbet, quddiem il-Qorti Ġenerali, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

41

Min-naħa l-oħra, hija ssostni li t-talbiet fir-risposta tagħha quddiem l-imsemmija qorti kellhom jinqraw mill-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-motivi esposti f’din ir-risposta, fis-sens li huma kienu intiżi sabiex din il-qorti tiċħad ir-rikors ta’ centrotherm Clean Solutions wara li tkun issostitwixxiet, jekk ikun neċessarju, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell ma’ dik tagħha stess, billi tuża, f’dan ir-rigward, is-setgħa tagħha ta’ riforma.

42

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi kkonstatat li, fil-petitum tat-talbiet li hija għamlet fir-risposta tagħha ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, Centrotherm Systemtechnik sempliċement talbet lil din il-qorti “tiċħad ir-rikors”, mingħajr ma semmiet, anki b’mod sussidjarju, it-talbiet għall-annullament jew għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata.

43

Madankollu, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 134(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-intervenjent jippreżenta, fir-risposta tiegħu, “talbiet” indipendenti intiżi għall-annullament jew għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta li, fil-prinċipju, dak li l-intervenjent għandu l-intenzjoni li eventwalment jitlob abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandu jirriżulta mit-talbiet tar-risposta tiegħu (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda r-rikors promotur, id-digriet tat-28 ta’ Ġunju 2011, Verein Deutsche Sprache vs Il‑Kunsill, C‑93/11 P, punt 18).

44

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstata li, b’mod simili għall-petitum tat-talbiet li jidhru fir-risposta ta’ Centrotherm Systemtechnik, lanqas l-argumenti żviluppati minnha fir-risposta ma jirreferu b’mod ċar u espress għal talba għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata.

45

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, jekk jiġi preżunt li d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-punti 49 sa 56 tal-imsemmija risposta, relatati mal-affidavit, u fil-punti 23 u 57 tagħha, relatati mal-provi li jinsabu fil-fajl tat-trade mark ikkontestata u ma’ dawk prodotti minn Centrotherm Systemtechnik quddiem il-Bord tal-Appell, jistgħu jiġu interpretati, kif sostnut minn din tal-aħħar, fis-sens li jistiednu lill-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija provi abbażi tas-setgħa tagħha ta’ riforma, xorta jibqa’ l-fatt li l-aggravju bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali naqset, b’mod żbaljat, milli tuża tali setgħa ma jistax jiġi milqugħ f’dan il-każ.

46

Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-imsemmi aggravju huwa essenzjalment intiż sabiex jirrapporta assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-affidavit inkwistjoni, dan huwa fattwalment infondat. Fil-fatt, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, anki kieku dan l-affidavit ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell, għandu jiġi kkonstatat li ma kienx hemm provi biżżejjed fil-proċess li jsostnu l-kontenut tiegħu għal dak li jikkonċerna l-valur tal-bejgħ.

47

Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni globali tal-provi esposti fil-punti 35 sa 42 tas-sentenza appellata, li fi tmiemha l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 43 tal-imsemmija sentenza, li dawn il-provi ma kinux jippermettu li jiġi konluż li kien sar użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata tipproċedi b’mod partikolari mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmi affidavit u minn evalwazzjoni tas-saħħa probatorja relatata kemm ma’ dan l-affidavit kif ukoll ma’ provi oħra eżaminati.

48

Min-naħa l-oħra, u sa fejn dan l-aggravju essenzjalment jakkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ riforma, il-provi li jinsabu fil-fajl tat-trade mark ikkontestata u dawk prodotti fl-istadju ta’ appell quddiem il-Bord tal-Appell, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ riforma rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali ma għandhiex l-effett li tagħti lil din il-qorti s-setgħa li tipproċedi b’evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell ikun għadu ma ħax pożizzjoni. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ riforma għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, liema deċiżjoni l-Bord tal-Appell kellu jadotta (ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C-263/09 P, Ġabra p. I-5853, punt 72).

49

Madankollu, f’dan il-każ u kif jirriżulta mill-punti 32 sa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell preċiżament irrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi inkwistjoni u għaldaqstant, astjena milli jagħmel kwalunkwe evalwazzjoni rigward il-valur probatorju tagħhom.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li Centrotherm Systemtechnik ma setgħetx titlob, b’mod validu, lill-Qorti Ġenerali sabiex teżamina, għall-finijiet ta’ riforma eventwali tad-deċiżjoni kkontestata, is-saħħa probatorja relatata mal-provi li ma kinux ġew eżaminati mill-Bord tal-Appell f’din id-deċiżjoni.

51

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 51(1)(a) u 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009

L-argumenti tal-partijiet

52

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Centrotherm Systemtechnik issostni li, billi qieset, kif jirriżulta b’mod impliċitu mis-sentenza appellata u b’mod partikolari mill-punt 46 tagħha, li l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata kien tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

53

Minn naħa, ir-regola li l-UASI jeżamina l-fatti ex officio, imposta mill-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009, tapplika fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ revoka.

54

Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Artikoli 42(2) u 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdu li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jipproduċi prova tal-użu ġenwin minnha u li, fin-nuqqas ta’ dan, l-oppożizzjoni tiegħu jew it-talba tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu miċħuda, l-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament ma jipprovdix termini simili għal dak li jikkonċerna l-proċedimenti ta’ revoka.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regola dwar l-oneru tal-prova imposta mir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tmur kontra r-Regolament Nru 207/2009 u ma għandhiex tiġi applikata. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha li kellha quddiemha.

56

Skont l-UASI, fid-dawl tan-natura inter partes u sui generis tal-proċedimenti ta’ revoka, il-prinċipju tal-eżami ex officio tal-fatti ma japplikax u huwa l-obbligu tal-proprjetarju tat-trade mark, li għandu l-provi kollha xierqa għal dan il-għan, li jipprova li huwa għamel użu ġenwin minnha.

57

centrotherm Clean Solutions issostni wkoll li l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma japplikax għall-proċedimenti ta’ revoka. Min-naħa l-oħra, ir-Regola 40(5) tar-Regolament Nru 2868/95 tiddetermina l-modalitajiet proċedurali relatati mar-revoka, billi tipprovdi espressament li l-proprjetarju tat-trade mark għandu jipproduċi prova tal-użu ġenwin minnha. Barra minn hekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali mkien ma affermat li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-proprjetarju tat-trade mark.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58

Fl-ewwel lok, huwa importanti li jiġi rrilevat li fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali fl-ebda mument ma affermat li l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin kien jaqa’ fuq il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

59

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-punt 46 tal-imsemmija sentenza, li fih l-appellanti tallega li tiżvela tali teħid ta’ pożizzjoni mill-Qorti Ġenerali, ma huwiex suffiċjentement univokali sabiex jawtorizza tali konklużjoni.

60

Fit-tielet lok u fuq kollox għandu jiġi kkonstatat li Centrotherm Systemetechnik ma turix kif tali evalwazzjoni impliċita u l-iżball ta’ liġi li allegatament jirriżulta minnha fl-ipoteżi tal-eżistenza tagħhom, huma tali li jiddeterminaw l-annullament tas-sentenza appellata.

61

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li kif diġà ġie enfasizzat fil-punti 40 u 42 tas-sentenza preżenti, fir-risposta tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Centrotherm Systemtechnik bl-ebda mod ma talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-appell preżenti, hija ma tistax takkuża lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tannulla din id-deċiżjoni abbażi tal-iżball ta’ liġi li allegatament wettaq il-Bord tal-Appell meta qies li l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin mit-trade mark kien jaqa’ fuq il-proprjetarju tagħha.

62

Sussegwentement, Centrotherm Systemtechnik lanqas ma tista’ takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi li jinsabu fil-fajl tat-trade mark u dawk prodotti quddiem il-Bord tal-Appell sabiex tikkonstata, fis-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok li tiddikjara r-revoka tat-trade mark ikkontestata peress li, kif jirriżulta mill-punti 48 sa 50 tas-sentenza preżenti, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex quddiemha talba għar-riforma tad-deċiżjoni kkontestata, li għaliha hija ma setgħetx fi kwalunkwe każ tkun intitolata li tipproċedi fid-dawl tal-imsemmija provi.

63

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, permezz tal-appell tagħha, centrotherm Clean Solutions sempliċement sostniet li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta qies li l-provi prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienu jippermettu li jiġi stabbilit l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata.

64

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, għall-finijiet ta’ deċiżjoni dwar ir-rikors u l-motivi li kellha quddiemha, il-Qorti Ġenerali mkien ma kienet mitluba tiddeċiedi fuq il-kwistjoni dwar fuq min kien jaqa’ l-oneru tal-prova tal-użu ġenwin mill-imsemmija trade mark.

65

Minn dan isegwi wkoll li, anki jekk jiġi preżunt li kien jeżisti, l-iżball ta’ liġi impliċitu li Centrotherm Systemtechnik allegatament żvelat fis-sentenza appellata, ma jistax iwassal għal annullament tagħha.

66

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009

L-argumenti tal-partijiet

67

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Centrotherm Systemtechnik tallega li, kif jirriżulta mill-punt 26 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-ipoteżi li l-kunċett ta’ użu ġenwin jipprekludi kwalunkwe użu minimu u li ma huwiex suffiċjenti. Billi għamlet dan, din il-qorti marret kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li r-rekwiżit ta’ natura ġenwina għandu jeskludi biss il-forom ta’ użu ta’ natura simbolika li għandhom l-għan waħdieni li jżommu d-drittijiet mogħtija mir-reġistrazzjoni tat-trade mark.

68

Skont Centrotherm Systemtechnik, dan l-iżball ta’ liġi kien il-bażi tal-evalwazzjoni żbaljata magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li ġew prodotti provi ta’ bejgħ relattivament dgħajfa, għal ammont totali li jikkorrispondi biss għal 0.03 % tad-dħul mill-bejgħ iddikjarat.

69

L-UASI u centrotherm Clean Solutions isostnu, minn naħa, li l-punt 26 tas-sentenza appellata li jirreferi għal użu minimu u li ma huwiex suffiċjenti “sabiex trade mark tiġi kkunsidrata bħala realment u effettivament użata f’suq speċifiku” hija kompletament konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tipprovdi li l-provi ta’ bejgħ prodotti ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti użu ġenwin mit-trade mark, ma tistax tiġi mistħarrġa fil-kuntest ta’ appell.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan it-tielet aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, billi iżolat parti mis-sentenza li tinsab fil-punt 26 tal-imsemmija sentenza mill-kuntest tagħha, Centrotherm Systemtechnik toħloq distorsjoni tal-portata ta’ dan il-punt.

71

Min-naħa, fil-fatt, l-evalwazzjoni magħmula fil-imsemmi punt 26 ma tistax tiġi kkunsidrata filwaqt li jiġi injorat il-punt 25 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali tfakkar b’mod partikolari li jkun sar użu ġenwin minn trade mark meta tiġi użata, b’konformità mal-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq ta’ bejgħ għal dawn il-prodotti u servizzi, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija permezz tat-trade mark.

72

Huwa fid-dawl tal-prinċipju hekk imfakkra li l-Qorti Ġenerali tafferma, fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ użu ġenwin jipprekludi “għaldaqstant” kwalunkwe użu minimu u li ma huwiex suffiċjenti “sabiex trade mark tiġi kkunsidrata bħala realment u effettivament użata f’suq speċifiku”, qabel ma tfakkar, barra minn hekk, f’dan l-istess punt, il-ġurisprudenza li tipprovdi li r-rekwiżit ta’ użu ġenwin la huwa intiż li jevalwa s-suċċess kummerċjali, la li jikkontrolla l-istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas li jirriżerva l-protezzjoni ta’ trade marks għall-użi kummerċjali ta’ importanza kwantitattiva biss.

73

Min-naħa l-oħra, lanqas ma jista’ jiġi injorat li dawn il-punti 25 u 26 jagħmlu parti mill-kuntest ta’ tfakkir iktar wiesa’ tal-ġurisprudenza relatat mal-kunċett ta’ użu ġenwin mit-trade mark, li tinkludi tagħlim addizzjonali dwar l-ambitu tal-użu u, b’mod partikolari, l-volum kummerċjali li jirrigwardah, kif jirriżulta mill-punti 27 sa 29 tal-imsemmija sentenza.

74

Minn dan isegwi li d-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 26 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret tagħlim li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilta, ma tinkludi ebda żball ta’ liġi.

75

Fit-tieni lok, u għal dak li jirrigwarda l-punti 36 u 37 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li dawn jagħmlu parti minn proċess kompless ta’ analiżi, li minnu huma jagħmlu biss parti waħda, u li huwa intiż, kif jissemma fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, sabiex jeżamina jekk l-evalwazzjoni globali tar-ritratti u tal-erba’ kontijiet kinitx tippermetti li jiġi konkluż li kien sar użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza kif imfakkra fil-punti 25 sa 29 tal-imsemmija sentenza.

76

F’dan il-kuntest, il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fl-imsemmija punti 36 u 37, fir-rigward tal-frekwenza tal-atti kummerċjali invokati, tal-perijodi li fuqhom dawn jinfirxu u tal-volum kummerċjali li huma juru, ma jistgħux jiġu iżolati mill-kunsiderazzjonijiet l-oħrajn kollha tal-Qorti Ġenerali sabiex jiġi konkluż li l-użu ġenwin mit-trade mark ikkonċernata ma kienx ġie stabbilit f’dan il-każ, b’mod partikolari dawk ibbażati fuq l-eżami tar-ritratti li jinsabu fil-punti 38 sa 42 tas-sentenza appellata.

77

Barra minn hekk, tali konstatazzjonijiet u evalwazzjonijiet jaqgħu fil-kamp fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C-234/06 P, Ġabra p. I-7333, punt 75), u għaldaqstant ma jikkostitwixxux, sakemm ma jiġux żnaturati, kwistjoni ta’ liġi li hija suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

78

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 u tar-Regola 22 tar-Regolament Nru 2868/95

L-argumenti tal-partijiet

79

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Centrotherm Systemtechnik issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tirribatti l-pożizzjoni tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li l-affidavit ma jikkostitwixxix prova, fis-sens tar-Regola 22(4) tar-Regolament Nru 2968/95, moqrija flimkien mal-Artikolu 78(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009.

80

Skont l-appellanti, kieku l-Qorti Ġenerali rribattiet tali pożizzjoni u ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ma jistax ikun meħtieġ li kull informazzjoni li tinsab f’affidavit għandha tkun sostnuta minn provi oħrajn, hija kienet tadotta pożizzjoni differenti rigward l-eżistenza ta’ użu ġenwin mit-trade mark inkwistjoni.

81

Skont l-UASI, mill-punt 37 tas-sentenza appellata kif ukoll mill-punt 34 tas-sentenza Centrotherm Systemtechnik vs UASI – centrotherm Clean Solutions (CENTROTHERM), iċċitata iktar ’il fuq, mogħtija fil-Kawża parallela T‑434/09, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma eskluditx in abstracto kwalunkwe valur probatorju għal dak li jikkonċerna l-affidavits, iżda li hija evalwat dan billi kkonstatat, fi tmiem evalwazzjoni li ma setgħetx tiġi mistħarrġa fil-kuntest ta’ appell, li, f’dan il-każ, huma neċessarji provi addizzjonali, fid-dawl tar-rabtiet eżistenti bejn l-awtur tal-affidavit inkwistjoni u Centrotherm Systemtechnik.

82

centrotherm Clean Solutions issostni li peress li d-dikjarazzjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell ma kinitx imminata fil-kuntest tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata li tinvalidha. Barra minn hekk, din il-qorti lanqas ma approvatha, billi hija sempliċement semmiet, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li, anki kieku l-Bord tal-Appell kien ħa inkunsiderazzjoni l-affidavit inkwistjoni, kien hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kontenut ta’ dan tal-aħħar ma kienx, għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-bejgħ, suffiċjentement sostnut mill-atti tal-proċess.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-raba’ aggravju jingħaqad parzjalment mal-ewwel aggravju inkwantu dan jakkuża lill-Qorti Ġenerali li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bħalma għamel il-Bord tal-Appell qabilha, l-affidavit bħala prova tal-użu mit-trade mark, filwaqt li tali teħid inkunsiderazzjoni kien jippermettilha, fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha ta’ riforma, li tikkonstata li l-imsemmi użu ġenwin kien ġie stabbilit.

84

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li diġà mill-argumenti ddedikati lill-eżami ta’ dan l-ewwel aggravju fil-punti 46 u 47 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, mill-punti 37 u 43 tas-sentenza appellata kif ukoll, barra minn hekk, mill-punt 46 tagħha, jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-provi kollha li wasslu lill-Qorti Ġenerali tqis li l-użu ġenwin mit-trade mark ikkontestata ma kienx ġie stabbilit, inkluż kemm l-affidavit ikkontestat kif ukoll il-provi l-oħra prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI, u billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ddeċidiet li tali affidavit ma jikkostitwixxix mezz ta’ prova ammissibbli.

85

Fit-tieni lok, u għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ Centrotherm Systemtechnik li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li kull informazzjoni li tinsab f’affidavit għandha tiġi sostnuta minn provi oħrajn u b’dan il-mod ċaħdet lil dan it-tip ta’ affidavit minn kwalunkwe saħħa probatorja awtonoma, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata bl-ebda mod ma għandha tali portata. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali sempliċement enfasizzat id-differenza estrema eżistenti bejn id-dikjarazzjonijet relatati mad-dħul mill-bejgħ annwali allegatament miksub minn Centrotherm Systemtechnik bejn is-snin 2002 u 2006, li jinkludi l-affidavit tad-direttur ta’ Centrotherm Systemtechnik u l-volumi ta’ bejgħ komparattivament minimi u limitati għal perijodu qasir ħafna, jew anki preċiż, kif muri mill-kontijiet effettivament prodotti minn Centrotherm Systemtechnik.

86

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

87

Konsegwentement, peress li l-ebda aggravju invokat minn Centrotherm Systemtechnik ma ġie milqugħ, hemm lok li l-appell jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

88

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikoli 184(1) tiegħu, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li centrotherm Clean Solutions talbet li Centrotherm Systemtechnik biss tiġi kkundannata u peress li din tal-aħħar tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata tbati, barra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż sostnuti minn centrotherm Clean Solutions. Konsegwentement, l-UASI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Centrotherm Systemtechnik GmbH hija kkundannata tbati, barra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż sostnuti minn centrotherm Clean Solutions GmbH & Co. KG.

 

3)

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top