Wybierz funkcje eksperymentalne, które chcesz wypróbować

Ten dokument pochodzi ze strony internetowej EUR-Lex

Dokument 62011CJ0537

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-23 ta’ Jannar 2014.
    Mattia Manzi u Compagnia Naviera Orchestra vs Capitaneria di Porto di Genova.
    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Genova.
    Trasport marittimu — Direttiva 1999/32/KE — Konvenzjoni Marpol 73/78 — Anness VI — Tniġġis tal-arja mill-bastimenti — Bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b’servizzi regolari — Cruise liners — Kontenut massimu ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu — Validità.
    Kawża C‑537/11.

    Zbiór orzeczeń – ogólne

    Identyfikator ECLI: ECLI:EU:C:2014:19

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    23 ta’ Jannar 2014 ( *1 )

    “Trasport marittimu — Direttiva 1999/32/KE — Konvenzjoni Marpol 73/78 — Anness VI — Tniġġis tal-arja mill-bastimenti — Bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b’servizzi regolari — Cruise liners — Kontenut massimu ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu — Validità”

    Fil-Kawża C‑537/11,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Genova (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura

    Mattia Manzi,

    Compagnia Naviera Orchestra

    vs

    Capitaneria di Porto di Genova,

    fil-preżenza ta’:

    Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, K. Lenaerts, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tar-Raba’ Awla, M. Safjan, J. Malenovský (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Settembru 2013,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal M. Manzi u għall-Compagnia Naviera Orchestra, minn A. Rossi u S. Dameri, avukati, inkarigati minn B. O’Connor, solicitor,

    għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

    għall-Parlament Ewropew, minn I. Anagnostopolou kif ukoll minn L. Visaggio u J. Rodrigues, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn K. Michoel u S. Barbagallo kif ukoll minn M. Moore, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Boelaert, S. Petrova u L. Pignataro-Nolin kif ukoll minn L. Prete, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(3g) u tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 24, p. 17), kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2005 (ĠU L 191, p. 59, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 1999/32”).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Manzi u l-Compagnia Naviera Orchestra u l-Capitaneria di Porto di Genova [l-Amministrazzjoni tal-Port ta’ Genova (l-Italja)] dwar sanzjoni amministrattiva imposta fuqhom talli naqsu li jikkonformaw ruħhom mal-kontenut massimu ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu.

    Il-kuntest ġuridiku

    Id-dritt internazzjonali

    3

    Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, iffirmata f’Londra fit-2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata bil-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Marpol 73/78”), tistabbilixxi regoli għall-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ambjent marittimu.

    4

    Il-Protokoll tal-1997 li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1973 għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, kif emendata mill-Protokoll relatat magħha tal-1978, iffirmat f’Londra, fis-26 ta’ Settembru 1997 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll tal-1997”), żied ma’ din il-konvenzjoni l-Anness VI, intitolat “Regolamenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja mill-bastimenti” (iktar ’il quddiem l-“Anness VI”).

    5

    Fost il-partijiet kontraenti tal-Protokoll tal-1997 huma inklużi 25 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u r-Repubblika tal-Awstrija ma humiex partijiet kontraenti ta’ dan il-protokoll.

    6

    Fid-data rilevanti għall-kawża prinċipali, il-punt 1 tar-Regola 14 tal-Anness VI kien jipprovdi li, barra miż-żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-SOx, il-massa tal-kontenut ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu ma kinitx tista’ taqbeż l-4.5 %.

    Id-dritt tal-Unjoni

    7

    Il-premessi 1, 3 u 8 tad-Direttiva 1999/32 huma fformulati kif ġej:

    “(1)

    billi l-għanijiet u l-prinċipji tal-politika ambjentali tal-Komunità [...] jimmiraw b’mod partikolari biex jassiguraw il-protezzjoni effettiva tan-nies kollha mir-riskju rikonoxxut mill-emissjonijiet ta’ djossidu tal-kubrit u biex jipproteġu l-ambjent billi jipprevjenu depożitu ta’ kubrit li jeċċedi żidiet u livelli kritiċi;

    […]

    (3)

    billi emissjonijiet ta’ dijossideu tal-kubrit jikkontribwixxi b’mod sinjifikanti għall-problema ta’ aċidifikazzjoni fil-Komunità; billi d-dijossidu tal-kubrit għandu effett dirett fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent;

    […]

    (8)

    billi kubrit li huwa preżenti b’mod naturali fi kwantitajiet żgħar fiż-żejt u l-faħam ilu għal għaxriet ta’ snin rikonoxxut bħala sors dominanti ta’ emissjonijiet ta’ dijossidu tal-kubrit li hija waħda mill-kawżi prinċipali tax-“xita aċida” u waħda mill-kawżi maġġuri tat-tinġis tal-arja li tinstab f’ħafna żoni industrijali u tal-ibliet”.

    8

    Skont l-Artikolu 1(1) tal-istess direttiva:

    “Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-kubrit li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ ċerti tipi ta’ karburanti likwidi u b’hekk jitnaqqsu l-effetti ħżiena ta’ emissjonijiet simili fuq il-bniedem u l-ambjent.”

    9

    L-Artikolu 2(3f) tal-imsemmija direttiva jispjega li, għall-finijiet tagħha, it-terminu li ġej:

    Bastimenti tal-passiġġieri, tfisser bastimenti li jġorru aktar minn tnax-il passiġġier, fejn passiġġier huwa kull persuna li mhijiex:

    i)

    il-kaptan u l-membri tal-ekwipaġġ jew xi persuna oħra impjegata jew ingaġġata fi kwalunkwe kapaċità abbord bastiment fix-xogħol ta’ dak il-bastiment, u

    ii)

    tarbija taħt l-età ta’ sena”.

    10

    L-Artikolu 2(3g) tad-Direttiva 1999/32 jistabbilixxi li, għall-finijiet tagħha, it-terminu li ġej:

    servizzi regolari tfisser serje ta’ vjaġġi ta’ bastiment tal-passiġġieri magħmula sabiex jaqdu l-bżonnijiet tat-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew aktar, jew serje ta’ vjaġġi minn u sa l-istess port mingħajr waqfien intermedji:

    (i)

    skond itinerarju ppubblikat, jew

    (ii)

    bi traversati tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu skeda rikonoxxibbli”.

    11

    L-Artikolu 4a(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

    “Mid-data [tal-11 ta’ Awwissu 2006], l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti għal użu marittimu ma jintużawx fl-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u fiż-żoni ta’ kontroll tat-tniġġis tagħhom minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b’servizzi regolari sa u minn kwalunkwe port Komunitarju jekk il-kontenut ta’ kubrit f’dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar ta’ dan ir-rekwiżit tal-inqas fir-rigward ta’ bastimenti li jtajru l-bandieri tagħhom u ta’ bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom.”

    Id-dritt Taljan

    12

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/32 li jirrigwardaw il-kontenut massimu awtorizzat ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu ġew trasposti fid-dritt intern Taljan permezz tal-Artikoli 295 u 296 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152, tat-3 ta’ April 2006 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 88, tal-14 ta’ April 2006), kif emendat, b’mod partikolari, permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 205, tas-6 ta’ Novembru 2007, li jimplementa d-Direttiva 2005/33/KE li temenda d-Direttiva 1999/32/KE għal dak li jirrigwarda l-kontenut ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 261, tad-9 ta’ Novembru 2007, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006”).

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    13

    Fit-13 ta’ Lulju 2008, il-Capitaneria di Porto di Genova kkonstatat, fil-port ta’ Genova, li l-cruise liner MSC Orchestra, li jtajjar il-bandiera tal-Panama, kien qed juża karburanti għal użu marittimu li l-massa tal-kontenut tal-kubrit tiegħu kienet taqbeż l-1.5 %.

    14

    Permezz tal-ordni Nru 166/2010, il-Capitaneria di Porto di Genova imponiet sanzjoni amministrattiva fuq M. Manzi, fil-kwalità tiegħu ta’ kaptan tal-imsemmi bastiment, in solidum mal-Compagnia Naviera Orchestra, proprjetarja ta’ dan tal-aħħar, minħabba ksur tal-Artikoli 295 u 296 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006.

    15

    M. Manzi u l-Compagnia Naviera Orchestra ppreżentaw rikors kontra din l-ordni, billi sostnew li:

    teżisti kontradizzjoni bejn id-Direttiva 1999/32 u l-Anness VI għal dak li jirrigwarda l-kwantità massima ta’ kubrit li jinsab fil-karburanti għal użu marittimu;

    l-MSC Orchestra, inkwantu bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru li jagħmel parti mill-Konvenzjoni Marpol 73/78 u mill-Protokoll tal-1997, huwa awtorizzat juża karburant li l-massa tal-kontenut tal-kubrit tiegħu hija ta’ inqas minn 4.5 % meta dan jinsab fil-port ta’ Stat ieħor li jagħmel parti mill-istess protokoll, fil-każ ineżami r-Repubblika Taljana, u

    l-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 u, konsegwentement, id-Digriet Leġiżlattiv Nru 152/2006 li jittrasponi din id-dispożizzjoni japplikaw biss għall-bastimenti li joperaw “servizzi regolari”, kategorija li ma tinkludix il-cruise liners.

    16

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Genova ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 4a tad-[Direttiva 1999/32/KE], adottata wkoll fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-[Anness VI], għandu jiġi interpretat, taħt l-osservanza tal-prinċipju internazzjonali tal-bona fide u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Komunità u l-Istati Membri, fis-sens li l-limitu, stabbilit mill-imsemmi artikolu, ta’ 1.5 % fil-massa tal-kontenut ta’ kubrit f’diesel għal użu marittimu ma japplikax għall-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat li ma huwiex membru tal-[Unjoni] iżda li huwa parti fil-Konvenzjoni MARPOL 73/78, anki jekk dawn il-bastimenti jinsabu f’port ta’ Stat Membru, li jkun ukoll parti għall-[Anness VI]?

    2)

    Fil-każ li l-Artikolu 4a tad-[Direttiva 1999/32/KE] ma għandux jiġi interpretat fis-sens imsemmi [fl-ewwel] domanda, dan l-artikolu, inkwantu jipprovdi limitu ta’ 1.5 % fil-massa tal-kontenut ta’ kubrit f’diesel għal użu marittimu użat mill-bastimenti tal-passiġġieri li joperaw servizzi regolari minn jew lejn port Komunitarju, inklużi l-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat li ma huwiex membru tal-[Unjoni], iżda li jkun parti mill-[Anness VI], li abbażi tagħha, lil hinn miż-[żoni ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-SOx], japplika l-limitu ta’ 4.5 % fil-massa tal-kontenut ta’ kubrit f’diesel, huwa illegali, meta jipprekludi l-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali pacta sunt servanda, kif ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Komunità u l-Istati Membri, billi jobbliga lill-Istati Membri li rratifikaw u li huma parti għall-Anness VI sabiex huma jinjoraw l-obbligi imposti fuqhom fir-rigward tal-Istati l-oħra li huma parti għall-[Anness VI]?

    3)

    Il-kunċett ta’ ‘servizzi regolari’ msemmi fl-Artikolu 2(3g) tad-[Direttiva 1999/32/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-cruise liners għandhom jitqiesu bħala bastimenti li joperaw ‘servizzi regolari’?”

    Fuq id-domandi preliminari

    Fuq it-tielet domanda

    17

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk cruise liner, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 fir-rigward tal-kriterju ta’ “servizzi regolari” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3g) ta’ din id-direttiva.

    18

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-diversi cruise liners għandhom, sabiex jaqgħu taħt is-sistema stabbilita permezz tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32, jissodisfaw il-kriterju dwar is-“servizzi regolari” previst fl-Artikolu 2(3g) tagħha, dispożizzjoni li tapplika għall-bastiment tal-passiġġieri. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-cruise liners jaqgħu taħt din l-aħħar kategorija ta’ bastimenti.

    19

    Skont l-ewwel kundizzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, cruise liner jiżgura servizzi regolari jekk jagħmel jew “serje ta’ vjaġġi [...] sabiex jaqdu l-bżonnijiet tat-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew aktar” jew “serje ta’ vjaġġi minn u sa l-istess port mingħajr waqfien”.

    20

    Cruise liner għaldaqstant jissodisfa din l-ewwel kundizzjoni jekk huwa jagħmel kruċieri li jispiċċaw il-vjaġġ fil-port tat-tluq ta’ dawn mingħajr waqfien.

    21

    Sabiex jiġi stabbilit jekk cruise liner jistax jissodisfa wkoll il-kundizzjoni msemmija l-ewwel, f’sitwazzjonijiet oħra għajr dik imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi evalwat jekk tali bastiment jistax jiġi kkunsidrat li jwettaq vjaġġi b’mod li “jaqd[i] l-bżonnijiet tat-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew aktar”.

    22

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, l-ewwel nett, cruise liner, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqdix il-bżonnijiet tat-“traffiku”. Fil-fatt, il-passiġġieri tal-kruċjieri ma jixtrux vjaġġ organizzat biex jiġu ttrasportati minn punt għall-ieħor, iżda jagħmlu dan b’finalità turistika iktar wiegħsa u s-servizz ipprovdut jestendi wkoll għal attivitajiet ta’ divertiment ta’ dawn il-persuni.

    23

    Madankollu, tali interpretazzjoni tal-kunċett “traffiku” msemmi fl-Artikolu 2(3g) tad-Direttiva 1999/32 ma tistax tintlaqa’.

    24

    Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li l-cruise liners jittrasportaw lill-passiġġieri minn port għall-ieħor sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jżuru dawn il-portijiet kif ukoll il-postijiet differenti li jinsabu fil-viċin. Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ppreċiżax l-għanijiet li għalihom isir it-trasport, dawn l-għanijiet ma humiex rilevanti fir-rigward tal-Artikolu 2(3g) tad-Direttiva 1999/32. Għalhekk, serje ta’ vjaġġi b’finalità turistika għandha tiġi kkunsidrata bħala traffiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    25

    Sa fejn din id-direttiva għandha bħala finalità li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent billi tnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit, inkluż dawk li jiġu prodotti matul it-trasport bil-baħar, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li l-passiġġieri ta’ cruise liner jibbenefikaw, matul il-vjaġġi, minn servizzi supplimentari, bħall-akkomodazzjoni, l-ikel u d-divertiment.

    26

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, it-tieni nett, li bastiment, bħal dak inkwistjoni fil-kawża mressqa quddiem il-qorti tar-rinviju, ma jagħmilx vjaġġi “bejn l-istess żewġ portijiet jew aktar”, peress li, minn naħa, il-port tat-tluq huwa l-istess wieħed bħall-port tal-wasla u li, min-naħa l-oħra, ta’ spiss jiġri li l-waqfien intermedju ppjanat fl-itinerarju ma jsirx filwaqt li, min-naħa l-oħra, waqfien intermedju li ma jkunx ġie previst f’dan l-itinerarju ma huwiex eskluż, minħabba l-eżiġenzi turistiċi tal-passiġġieri.

    27

    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

    28

    Sabiex jiġi ssodisfatt il-kriterju rigward it-“traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew aktar”, kriterju li huwa speċifiku għall-ipoteżi ta’ trasport b’waqfien intermedju, huwa meħtieġ li t-traffiku li jsir permezz ta’ cruise liner jgħaqqad mill-inqas “l-istess” żewġ “portijiet”. Issa, kruċiera li tgħaqqad żewġ portijiet jew iktar għandha tiġi kkunsidrata bħala operazzjoni ta’ trasport bejn “l-istess” żewġ “portijiet”.

    29

    Fil-fatt, il-lista tal-portijiet inkluża fl-itinerarju ta’ kull kruċiera tipika tinkludi neċessarjament mill-inqas żewġ portijiet li ma jistgħux jiġu evitati, jiġifieri l-port tat-tluq u dak tal-wasla. It-trasport għalhekk isir bejn dawn “l-istess “żewġ” portijiet, u dan anki meta t-trasport jieqaf fil-port tat-tluq.

    30

    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li din l-interpretazzjoni hija msaħħa mill-għan li fuqu hija bbażata d-Direttiva 1999/32, kif imfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-fatt li l-cruise liners imorru jew le lura fil-port tat-tluq ma jistax jibdel ir-rata tagħhom tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit.

    31

    Konsegwentement, fl-ipoteżi li jeżisti waqfien intermedju, il-kwistjoni dwar jekk ċertu waqfien intermedju previst fil-mument tax-xiri tal-vjaġġ organizzat ma jsirx, filwaqt li waqfien intermedju ieħor li ma huwiex previst isir minfloku, ma għandhiex rilevanza fir-rigward tal-kunċett tat-“traffiku”, fis-sens tal-Artikolu 2(3g) tad-Direttiva 1999/32.

    32

    Min dan jirriżulta li cruise liner li jagħmel vjaġġi b’waqfien intermedju li jgħaqqad żewġ portijiet distinti jew li jispiċċa l-vjaġġ fil-port tat-tluq jaqdi l-bżonnijiet tat-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew iktar fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

    33

    Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(3g) tad-Direttiva 1999/32, li hija kumulattiva mal-ewwel waħda, cruise liner għandu jagħmel serje ta’ vjaġġi jew vjaġġi skont itinerarju ppubblikat, jew bi traversati tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu skeda rikonoxxibbli.

    34

    Din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta, b’mod partikolari, meta kumpannija marittima tipproponi lill-pubbliku lista ta’ vjaġġi fuq il-baħar fuq cruise liner, b’frekwenza stabbilita, b’mod partikolari mill-kapaċitajiet ta’ din il-kumpannija u mid-domanda tal-pubbliku, f’dati preċiżi u, bħala prinċipju, f’ħinijiet ta’ tluq u ta’ wasla preċiżi, u l-persuni kkonċernati jistgħu liberament jagħżlu bejn id-diversi kruċieri offruti mill-imsemmija kumpannija.

    35

    Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li cruise liner, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 dwar il-kriterju ta’ “servizzi regolari” kif imsemmi fl-Artikolu 2(3g) ta’ din id-direttiva, sakemm huwa jagħmel kruċieri, b’waqfien intermedju jew mingħajru, li jispiċċaw il-vjaġġ fil-port tat-tluq jew f’port ieħor, sakemm dawn il-kruċieri jkunu organizzati b’frekwenza stabbilita, f’dati preċiżi u, bħala prinċipju, f’ħinijiet ta’ tluq u ta’ wasla preċiżi u l-persuni kkonċernati jistgħu liberament jagħżlu bejn id-diversi kruċieri offruti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

    Fuq it-tieni domanda

    36

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 huwiex validu fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali pacta sunt servanda u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE peress li din id-dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva tista’ twassal għall-ksur tal-Anness VI u tobbliga għaldaqstant lill-Istati Membri li huma firmatarji tal-Protokoll tal-1997 sabiex jiksru l-obbligi imposti fuqhom fir-rigward tal-partijiet l-oħra li huma kontraenti ta’ dan l-istess att.

    37

    Għandu jiġi nnotat qabel kollox li l-validità tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Anness VI peress li l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti fil-Konvenzjoni Marpol 73/78, inkluż l-Anness VI, u ma hijiex marbuta biha (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-4057, punti 47 u 52).

    38

    Il-validità tal-imsemmi Artikolu 4a(4) lanqas ma tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali pacta sunt servanda, peress li dan il-prinċipju obbligatorju japplika biss għal suġġetti tad-dritt internazzjonali li huma partijiet kontraenti għal ftehim internazzjonali partikolari u li, b’dan il-mod, huma marbuta b’dan tal-aħħar.

    39

    Barra minn hekk, ma jidhirx li l-Anness VI jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ regoli konswetudinarji stabbiliti mid-dritt internazzjonali ġenerali li, bħala tali, jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2010, Brita, C-386/08, Ġabra p. I-1289, punt 42).

    40

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-prinċipji stabbiliti fil-punti 47 sa 52 tas-sentenza Intertanko et, iċċitata iktar ’il fuq, li bis-saħħa tagħhom il-validità tad-Direttiva 1999/32 ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tal-Anness VI, ma jistgħux jiġu evitati billi jiġi invokat l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-validità tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali pacta sunt servanda u lanqas tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE peress li din id-dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva tista’ twassal għal ksur tal-Anness VI u tobbliga għaldaqstant lill-Istati Membri li huma firmatarji tal-Protokoll tal-1997 jiksru l-obbligi imposti fuqhom fir-rigward tal-partijiet l-oħra li huma kontraenti ta’ dan l-istess att.

    Fuq l-ewwel domanda

    42

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar ir-rilevanza tal-Anness VI għall-portata tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali li jeżiġi li l-ftehim internazzjonali jiġu implementati u interpretati skont il-prinċipju ta’ bona fide.

    43

    L-Anness VI ġie inkluż fil-Konvenzjoni Marpol 73/78 permezz tal-Protokoll tal-1997. Huwa jinkludi, b’mod partikolari, ir-Regola 14 li tipprovdi, fl-ewwel punt tagħha, li l-massa tal-kontenut ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu ma kinitx tista’ taqbeż l-4.5 %.

    44

    Id-Direttiva 1999/32 tipprovdi, fl-Artikolu 4a(4) tagħha, li l-kontenut massimu ta’ kubrit fil-karburanti għal użu marittimu ma kienx jista’ jaqbeż l-1.5 %. La dan l-artikolu u lanqas l-ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma tagħmel riferiment, fir-rigward tal-massa tal-kontenut massimu ta’ kubrit, għall-Anness VI.

    45

    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minkejja li l-Unjoni ma hijiex marbuta bi ftehim internazzjonali, il-fatt li l-Istati Membri kollha tagħha huma partijiet kontraenti tiegħu jista’ jkollu konsegwenzi għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Intertanko et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 sa 52).

    46

    Din il-ġurisprudenza ma tistax għalhekk tiġi trasposta fi ftehim internazzjonali li huma biss ċerti Stati Membri tal-Unjoni li huma partijiet kontraenti tiegħu, filwaqt li Stati Membri oħra ma humiex.

    47

    Fil-fatt, interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju fid-dawl ta’ obbligu impost bi ftehim internazzjonali li ma jorbotx l-Istati Membri kollha jammonta għal estensjoni tal-portata ta’ dan l-obbligu għal dawk l-Istati Membri li ma humiex partijiet kontraenti ta’ ftehim bħal dan. Dawn tal-aħħar għandhom madankollu jiġu kkunsidrati bħala “Stati terzi” fir-rigward tal-imsemmi ftehim. Issa, tali estensjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali tal-effett relattiv tat-trattati, li jgħid li t-trattati la għandhom jippreġudikaw u lanqas jibbenefikaw lill-Istati terzi (“pacta tertiis nec nocent nec prosunt”).

    48

    Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din tal-aħħar hija obbligata tosserva l-imsemmi prinċipju peress li dan jikkostitwixxi regola konswetudinarja msemmija fid-dritt internazzjonali ġenerali li, bħala tali, torbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tagħmel parti mill-ordinament ġuridiku ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brita, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 sa 44).

    49

    Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tad-dritt sekondarju ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE.

    50

    Fil-każ ineżami, il-Protokoll tal-1997 huwa ftehim internazzjonali li għalih huma biss ċerti Stati Membri tal-Unjoni li huma partijiet kontraenti.

    51

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex obbligata tinterpreta l-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 fid-dawl tal-Anness VI u b’mod partikolari tal-ewwel punt tar-Regola 14 tiegħu.

    52

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali ta’ bona fide ma jistax jiġi invokat utilment quddiem din il-qorti.

    53

    Anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tinterpreta l-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 fid-dawl tal-kontenut tal-kubrit previst fl-Anness VI, biżżejjed jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-għan imfittex permezz ta’ dan l-anness u li huwa speċifikat fit-titolu nnifsu tiegħu, jiġifieri l-protezzjoni mit-tniġġis tal-arja permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara u li jirriżultaw mit-trasport bil-baħar, din id-dispożizzjoni, sa fejn tiffissa limitu massimu għall-kontenut tal-kubrit fil-karburanti għal użu marittimu inferjuri għal dak previst mill-imsemmi anness, ma tidhirx li hija inkompatibbli ma’ tali għan.

    54

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar ir-rilevanza tal-Anness VI għall-portata tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32.

    Fuq l-ispejjeż

    55

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Cruise liner, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32, tas-26 ta’ April 1999, dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 2005, dwar il-kriterju ta’ “servizzi regolari” kif imsemmi fl-Artikolu 2(3g) ta’ din id-direttiva, sakemm huwa jagħmel kruċieri, b’waqfien intermedju jew mingħajru, li jispiċċaw il-vjaġġ fil-port tat-tluq jew f’port ieħor, sakemm dawn il-kruċieri jkunu organizzati b’frekwenza stabbilita, f’dati preċiżi u, bħala prinċipju, f’ħinijiet ta’ tluq u ta’ wasla preċiżi u l-persuni kkonċernati jistgħu liberament jagħżlu bejn id-diversi kruċieri offruti, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

     

    2)

    Il-validità tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32 kif emendata bid-Direttiva 2005/33/KE, ma tistax tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali pacta sunt servanda u lanqas tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE peress li din id-dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva tista’ twassal għal ksur tal-Anness VI tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, iffirmata f’Londra, fit-2 ta’ Novembru 1973, kif ikkompletata bil-Protokoll tas-17 ta’ Frar 1978 u tobbliga għaldaqstant lill-Istati Membri li huma firmatarji tal-Protokoll tal-1997 li jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1973 għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, kif emendata mill-Protokoll relatat magħha tal-1978, iffirmat f’Londra, fis-26 ta’ Settembru 1997, jiksru l-obbligi imposti fuqhom fir-rigward tal-partijiet l-oħra li huma kontraenti ta’ dan l-istess att.

     

    3)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex tiddeċiedi dwar ir-rilevanza tal-imsemmi Anness VI għall-portata tal-Artikolu 4a(4) tad-Direttiva 1999/32, kif emendata bid-Direttiva 2005/33.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Góra