Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0499

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Lulju 2013.
    The Dow Chemical Company et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell — Akkordji — Suq tal-gomma butadiene u tal-gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni — Iffissar tal-miri ta’ prezzijiet, qsim tal-klijenti permezz ta’ ftehimiet ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv — Ugwaljanza fit-trattament.
    Kawża C‑499/11 P.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:482

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    18 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

    “Appell — Akkordji — Suq tal-gomma butadiene u tal-gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni — Iffissar tal-miri ta’ prezzijiet, qsim tal-klijenti permezz ta’ ftehimiet ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv — Ugwaljanza fit-trattament”

    Fil-Kawża C-499/11 P,

    li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Settembru 2011,

    The Dow Chemical Company, stabbilita fi Midland, (l-Istati Uniti),

    Dow Deutschland Inc., stabbilita fi Schwalbach (il-Ġermanja),

    Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH, stabbilita fi Schwalbach,

    Dow Europe GmbH, stabbilita fi Horgen (l-Isvizzera),

    irrappreżentati minn D. Schroeder u T. Kuhn, Rechtsanwälte, u T. Graf, advokat,

    appellanti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer u V. Bottka, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Berger (Relatur), A. Borg-Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: Y. Bot,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2013,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    Permezz tal-appell tagħhom, The Dow Chemical Company (iktar ’il quddiem “Dow Chemical”), Dow Deutschland Inc. (iktar ’il quddiem “Dow Deutschland”), Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “Dow Deutschland Anlagengesellschaft”) u Dow Europe GmbH (iktar ’il quddiem “Dow Europe”, u dawn il-kumpanniji kollha, meħuda flimkien, “Dow”), jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-13 ta’ Lulju 2011, Dow Chemical et vs Il-Kummissjoni (T-42/07, Ġabra p. II-4531, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), permezz ta’ liema sentenza din ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 5700 finali, tad-29 ta’ Novembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/F/38.638 – Gomma butadiene u gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lil Dow chemical, u intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq Dow.

    Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

    2

    Fl-20 ta’ Diċembru 2002, Bayer AG (iktar ’il quddiem “Bayer”) għamlet kuntatt mad-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea u esprimiet ix-xewqa tagħha li tikkoopera skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi tal-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-klemenza”) f’dak li jikkonċerna l-gomma butadiene (iktar ’il quddiem il-“GB”) u l-gomma styrene-butadiene magħmula bil-proċess ta’ polimerizzazzjoni permezz ta’ emulsjoni (iktar ’il quddiem il-“GSB”), li huma gomma sintetika użata essenzjalment fil-produzzjoni tat-tajers.

    3

    Fis-16 ta’ Ottubru 2003, Dow Deutschland u Dow Deutschland Anlagengesellschaft iltaqgħu mad-dipartimenti tal-Kummissjoni u esprimew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw skont l-Avviż dwar il-klemenza. Fl-4 ta’ Marzu 2005, Dow Deutschland ġiet informata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħtiha tnaqqis tal-multa ta’ bejn 30 % u 50 %.

    4

    Fis-7 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni fetħet proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1990 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) dwar is-suq tal-GB u tal-GSB. Hija bagħtet l-ewwel dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“ewwel dikjarazzjoni”) b’mod partikolari, lil Dow.

    5

    Fis-6 ta’ April 2006, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet oħra (iktar ’il quddiem it-“tieni dikjarazzjoni”).

    6

    Il-proċedura amministrattiva wasslet għall-adozzjoni, fid-29 ta’ Novembru 2006, tad-deċiżjoni kkontestata. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, Dow u l-impriżi l-oħra destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri Bayer, Versalis SpA, (li kienet Polimeri Europa SpA), u Eni SpA (iktar ’il quddiem ilkoll flimkien “Eni”), Shell Petroleum NV, Shell Nederland BV u Shell Nederland Chemie BV (iktar ’il quddiem ilkoll flimkien “Shell”), Unipetrol a.s., Kaučuk a.s. (iktar ’il quddiem “Kaučuk”) u Trade-Stomil sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Stomil”), kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw fi ftehim wieħed u kontinwu li fil-kuntest tiegħu huma ftehmu li jiffissaw il-miri ta’ prezzijiet, li jaqsmu l-klijenti permezz ta’ ftehimiet ta’ nuqqas ta’ aggressjoni u jiskambjaw informazzjoni sensittiva dwar prezzijiet, kompetituri u klijenti fis-setturi tal-GB u tal-GSB.

    7

    Il-perijodu kkunsidrat għat-tul taż-żmien tal-ksur huwa mill-1 ta’ Lulju 1996 sat-28 ta’ Novembru 2002 għal Dow Chemical, mill-1 ta’ Lulju 1996 sas-27 ta’ Novembru 2001 għal Dow Deutschland, mit-22 ta’ Frar 2001 sat-28 ta’ Frar 2002 għal Dow Deutschland Anlagengesellschaft, u mis-26 ta’ Novembru 2001 sat-28 ta’ Novembru 2002 għal Dow Europe.

    8

    Skont il-premessi 16 sa 21 tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda l-perijodu li matulu Dow ipparteċipat fil-ksur inkwistjoni, Dow Deutschland, Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe kienu kkontrollati totalment, b’mod dirett jew indirett, minn Dow Chemical.

    9

    Fir-rigward tal-multa imposta bid-deċiżjoni kkontestata, din ġiet stabbilita skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA]” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”).

    10

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni qabelxejn qieset il-ksur imwettaq bħala “serju ħafna” u ffissat l-ammont inizjali għall-kalkolu tal-multa billi stabbilixxiet differenza skont il-bejgħ ta’ GB u ta’ GSB ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati matul is-sena 2001. Fir-rigward ta’ Dow, skont il-premessa 469 tad-deċiżjoni kkontestata, il-bejgħ ta’ GB u ta’ GSB kien ta’ EUR 126.936 miljun għas-sena 2001. B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-ammont, Dow tqiegħed, f’termini ta’ bejgħ ta’ GB u ta’ GSB, fit-tieni kategorija ta’ impriżi involuti fl-imsemmi ksur. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Dow għal EUR 41 miljun.

    11

    Sussegwentement, il-Kummissjoni applikat koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, imqassma skont id-dħul mill-bejgħ dinji mwettaq mill-impriżi kkonċernati matul is-sena 2005. Filwaqt li qieset li ma kellu japplika ebda koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni fir-rigward ta’ Stomil, li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien ta’ EUR 38 miljun, u lanqas fir-rigward ta’ Kaučuk, li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien ta’ EUR 2.718 biljun, il-Kummissjoni applikat koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni ta’ 1.5 fir-rigward ta’ Bayer, ta’ 1.75 fir-rigward ta’ Dow, ta’ 2 fir-rigward ta’ Eni, u ta’ 3 fir-rigward ta’ Shell, li d-dħul mill-bejgħ tagħhom kien ta’ EUR 27.383 biljun, EUR 37.221 biljun, EUR 73.738 biljun u EUR 246.549 biljun rispettivament.

    12

    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna lil Dow Chemical, l-ammont inizjali għall-kalkolu tal-multa żdied b’50 % minħabba, b’mod partikolari, parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija fil-ksur inkwistjoni matul perijodu ta’ sitt snin u erba’ xhur. Fir-rigward ta’ Dow Deutschland, din iż-żieda kienet ta’ 40 %. Fuq Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe ġiet imposta żieda ta’ 10 %, li tikkorrispondi għat-tul tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-akkordju.

    13

    Fl-aħħar nett, billi qieset li Dow kienet it-tieni impriża li avviċinat, b’mod konformi mal-Avviż dwar il-klemenza, lill-Kummissjoni, u l-ewwel impriża li ssodisfat il-kundizzjonijiet elenkati fil-punt 21 ta’ dan l-avviż, il-Kummissjoni tatha tnaqqis ta’ 40 % tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha kieku Dow ma kinitx ikkooperat fl-investigazzjoni.

    14

    Konsegwentement, fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq Dow Chemical multa ta’ EUR 64.575 miljun, fejn fosthom hemm EUR 60.27 miljun b’mod konġunt u in solidum ma’ Dow Deutschland, kif ukoll EUR 47.355 miljun b’mod konġunt u in solidum ma’ Dow Deutschland Anlagengesellschaft u Dow Europe.

    Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    15

    Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2007, Dow ressqet azzjoni kontra d-deċiżjoni kkontestata intiża, fir-rigward ta’ Dow Chemical, sabiex din id-deċiżjoni tiġi annullata sa fejn din kienet tikkonċernaha; fir-rigward ta’ Dow Deutschland, sabiex jiġi annullat l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni sa fejn dan jikkonkludi li Dow Deutschland kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa mill-1 ta’ Lulju 1996 u, fir-rigward tar-rikorrenti kollha – fosthom Dow Chemical sussidjarjament –, intiża għal tnaqqis sostanzjali tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

    16

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti kollha talbu lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tieħu responsabbiltà tal-piż tal-ispejjeż kollha tagħhom u l-ispejjeż marbuta mal-preżenti kawża kif ukoll l-ispejjeż li huma sostnew sabiex jikkostitwixxu garanzija bankarja li, sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-azzjoni, tkopri l-ammont tal-multa imposta fuqhom bid-deċiżjoni kkontestata, u, min-naħa l-oħra, sabiex tieħu kull miżura oħra li hija tqis xierqa.

    17

    Bħala l-ewwel motiv insostenn tar-rikors, Dow invokat l-illegalità tal-imputazzjoni tal-ksur lil Dow Chemical. It-tieni motiv kien ibbażat fuq determinazzjoni żbaljata tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Dow Deutschland fil-ksur. It-tielet motiv, maqsum f’disa’ partijiet, kien ibbażat fuq determinazzjoni żbaljata tal-ammont tal-multi imposti fuq Dow.

    18

    Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv, kollu kemm hu, bħala infondat. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet b’mod partikolari, fil-punti 74 u 75 tas-sentenza appellata, li Dow Chemical kienet “[i]l-kumpannija kap tal-grupp” u “ma [kienx] ikkontestat li hija [kienet] tikkontrolla, anki jekk indirettament, il-kapital kollu tal-kumpanniji li pparteċipaw direttament fil-ksur”. Barra minn hekk, hija qieset li “l-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent [kienet] fakultà li titħalla għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni”, u “li l-fatt biss li l-Kummissjoni [kienet] [i]ddeċidiet, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, li ċ-ċirkustanzi ta’ kawża ma kinux jiġġustifikaw li l-aġir ta’ sussidjarja jiġi imputat lill-kumpannija parent tagħha ma [kienx ifisser] li hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni f’deċiżjoni sussegwenti”.

    19

    Fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, “[f]ir-rigward tal-fatt li Dow Chemical [ġiet] indebitament leża bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma jistax jikkontesta l-legalità tal-istess deċiżjoni kkontestata”. Fl-aħħar nett, fir-rigward tan-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 77 tas-sentenza appellata li “[i]r-rekwiżit tal-motivazzjoni [kellu] jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ” u li “[m]a [kienx] meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni dwar jekk din [kinitx tissodisfa] ir-rekwiżiti tal-Artikolu [296 TFUE] [kellhiex] tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-kliem tal-att ikkonċernat, iżda wkoll tal-kuntest li fih dan l-att [kien] ġie adottat”. Issa, il-Kummissjoni “identifikat b’mod ċar, fil-premessi 333 sa 338 u 340 sa 364 tad-deċiżjoni kkontestata, l-elementi ta’ evalwazzjoni li [kienu] ppermettewlha tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Dow Chemical f’dan il-każ” (ara l-punt 79 tas-sentenza appellata).

    20

    F’dak li jikkonċerna t-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni, fir-rigward ta’ Dow Deutschland, ma kinitx uriet l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju sat-2 ta’ Settembru 1996 b’mod suffiċjenti fid-dritt.

    21

    Fir-rigward tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali qabelxejn fakkret, fil-punti 123 u 124 tas-sentenza appellata, li “[kellha] ssir distinzjoni bejn il-kontribuzzjoni individwali ta’ kull impriża, f’termini ta’ kapaċità ekonomika effettiva, għas-suċċess tal-akkordju, u l-impatt konkret tal-ksur imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 A tal-Linji gwida” u li, “anki fin-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur li jista’ jitkejjel, il-Kummissjoni [setgħet] tiddeċiedi, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-Linji gwida, u wara li tkun ikklassifikat il-ksur bħala ftit serju, serju jew serju ħafna, li tagħmel distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati”.

    22

    Sussegwentement, fil-punti 126 u 127, il-Qorti Ġenerali qieset li “Dow ma [kkontestatx] l-għan illegali tal-akkordju, kif imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata”, u li “il-Kummissjoni ma [kinitx wettqet] żball meta kkonstatat li l-prattiki inkwistjoni kienu, min-natura tagħhom, ksur serji ħafna, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fis-suq”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet “indikat b’mod ċar, fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt konkret tal-ksur fis-suq għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi”.

    23

    Fir-rigward tal-ksur allegat tad-dritt għal smigħ ta’ Dow, fil-punt 128 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “il-Kummissjoni [ssodisfat] l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għas-smigħ tal-impriżi meta hija [indikat] espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li hija [kienet] ser teżamina jekk [kellhomx] jiġu imposti multi kontra l-impriżi kkonċernati, u li hija [iddikjarat] [i]l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jagħtu lok għal multa”. F’dan il-każ, il-Kummissjoni “ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impatt tal-akkordju fis-suq biex tistabbilixxi l-gravità tal-ksur (premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata)”. Skont il-Qorti Ġenerali, “[f]’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jkun hemm ebda ksur tad-dritt għal smigħ ta’ Dow f’dan ir-rigward”.

    24

    F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni illegali ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv, allegata minn Dow fil-kuntest tas-seba’ parti tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 146 tas-sentenza appellata, li “din [kienet] [i]bbażata fuq l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv” u li, “[p]eress li l-ewwel motiv [kellu] jiġi miċħud bħala infondat, [kellha] tiġi miċħuda, konsegwentement, [din il-]parti tat-tielet motiv [...] bħala li hija wkoll infondata”.

    25

    Barra minn hekk, fil-punti 147 u 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li “[kien] jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur biex joħolqu dannu sinjifikattiv lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f’livell li [kien] jiżgura effett suffiċjentement dissważiv (ir-raba’ paragrafu tal-Punt 1 A tal-Linji gwida)”, u li “[d]an [kien] jitlob li l-ammont tal-multa jiġi aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt mixtieq fuq l-impriża li fuqha din [ġiet] imposta”. Fil-punt 150 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, f’dan ir-rigward, kien rilevanti b’mod partikolari, “[i]t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ globali ta’ kull impriża li tipparteċipa fl-akkordju sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa”.

    26

    Skont il-Qorti Ġenerali, lanqas ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jista’ jintlaqa’. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li “Dow ma [kkontestatx] id-dħul mill-bejgħ imsemmi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata” u, “[b]’mod partikolari, [...] li hija kienet, fl-2005, impriża ta’ daqs ħafna ikbar minn Bayer u ħafna iżgħar minn EniChem [jiġifieri, skont id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, kull kumpannija miżmuma minn Eni SpA]”. “Għaldaqstant, [kien] koerenti u oġġettivament iġġustifikat li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv użat għall-kalkolu tal-multi imposti fuq Dow [kien] ogħla minn dak użat għall-kalkolu tal-multa imposta fuq Bayer u iktar baxx minn dak użat għall-kalkolu tal-multa imposta lil EniChem”.

    27

    Minn dan, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, li “[billi] d-dħul mill-bejgħ dinji tas-sena 2005 kien ta’ EUR 27[.]383 biljun għal Bayer u ta’ EUR 37[.]221 biljun għal Dow (jiġifieri 35.93 % iktar minn Bayer) [...], il-fatt li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni relatat mal-multi ta’ Dow żdied b’16.66 % meta pparagunat ma’ dak użat għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa ta’ Bayer (1.75 kontra 1.5) ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ [ugwaljanza fit-trattament]”. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, “mid-deċiżjoni kkontestata [kien] jirriżulta li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni adottat għal Dow ġie kkalkulat abbażi tal-koeffiċjent adottat għal Bayer u mhux abbażi tal-koeffiċjenti adottati għal EniChem jew Shell”. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll li “l-Kummissjoni [kellha] setgħa diskrezzjonali fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa u ma [kinitx] obbligata tapplika formola matematika preċiża”.

    28

    Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, li “[Dow] ma [pproduċiet] ebda prova ddettaljata li tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni adottat fil-konfront tagħha [kien] sproporzjonat fir-rigward tal-gravità tal-ksur u mal-għan li jiġi żgurat li l-multi jkunu ta’ natura dissważiva”.

    29

    Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm lok li t-tieni motiv imqajjem minn Dow Deutschland jintlaqa’ u li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiġi annullat, sa fejn dan kien iqis il-parteċipazzjoni ta’ din il-kumpannija fil-ksur inkwistjoni mill-1 ta’ Lulju 1996 minflok mit-2 ta’ Settembru 1996. Madankollu, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm lok li l-ammont tal-multa imposta jitnaqqas. Hija ċaħdet il-motivi l-oħra kollha mqajma minn Dow. Sa fejn dawn l-aħħar motivi tressqu insostenn tat-talbiet intiżi għat-tibdil tal-ammont tal-multa, il-Qorti Ġenerali ċaħdithom bħala infondati. L-istess jgħodd għal dak li jikkonċerna t-talbiet imressqa minn Dow intiżi sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

    It-talbiet tal-partijiet

    30

    Dow Chemical titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata inkwantu din tiċħad it-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lil Dow Chemical, u

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din id-deċiżjoni tikkonċerna lil Dow Chemical.

    31

    L-appellanti kollha jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza appellata inkwantu din tiċħad it-talba tagħhom għal tnaqqis sostanzjali tal-ammont tal-multa imposta fuqhom, u

    tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom, u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż u tieħu l-miżuri kollha li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huma xierqa.

    32

    Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tiċħad l-appell, u

    tikkundanna lil Dow għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    33

    Insostenn tat-talbiet tagħha, Dow tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet, minn naħa, billi qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod xieraq u, min-naħa l-oħra, billi ma eżerċitatx is-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju b’mod sħiħ fir-rigward ta’ kif il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex ikkonkludiet li Dow Chemical kienet responsabbli. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna t-trattament differenti applikat għall-ammonti bażiċi tal-multa. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta kkonfermat li l-Kummissjoni kellha dritt tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Dow Chemical. Permezz tar-raba’ aggravju, Dow issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat li l-applikazzjoni, li għamlet il-Kummissjoni, tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv ma kinitx diskriminatorja.

    Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-mod kif il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex ikkonkludiet li Dow Chemical kienet responsabbli, huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi

    L-argumenti tal-partijiet

    34

    Permezz tal-ewwel aggravju, Dow issostni li meta ċaħdet l-ewwel motiv imqajjem insostenn tar-rikors fl-ewwel istanza, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, billi qieset li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod xieraq u, min-naħa l-oħra, billi ma eżerċitatx b’mod sħiħ is-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-mod kif il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex ikkonkludiet li Dow Chemical kienet responsabbli għall-aġir tas-sussidjarji tagħha. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss li l-Kummissjoni kellha dritt li tikkonstata r-responsabbiltà ta’ Dow Chemical, mingħajr ma eżaminat il-kwistjoni dwar jekk u kif il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa diskrezzjonali tagħha.

    35

    Dow tippreċiża li, fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza hija sostniet li l-Kummissjoni ma wiżnitx l-argumenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ Dow Chemical, u li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx motivata f’dan ir-rigward. Skont Dow, meta tieħu deċiżjoni b’eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, u hija, b’mod iktar partikolari, marbuta b’obbligu ta’ motivazzjoni. Issa, fil-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata, kulma għamlet il-Kummissjoni kien li semmiet politika ġenerali allegata li tikkonsisti fl-imputazzjoni tar-responsabbiltà tal-ksur ikkonċernat lill-kumpannija parent tal-impriża li pparteċipat fih u ċaħdet l-argumenti ta’ Dow bħala li kienu “ta’ natura eminentement politika”.

    36

    Skont Dow, billi kkunsidrat li hija ma għandhiex l-obbligu li tispjega l-għażla tad-destinatarji tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-indirizzar tad-deċiżjoni lil Dow Chemical esponiet lil din il-kumpannija għal riskju ta’ kawża mhux ġustifikata għad-danni ċivili fl-Istati Uniti, li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kwalità ta’ Dow Chemical bħala applikant għall-klemenza, ma kinitx konformi mal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-klemenza, sa fejn tali prattika kellha l-effett li tiskoraġġixxi lill-kumpanniji milli jitolbu li jibbenefikaw mill-programm ta’ klemenza. Fi kwalunkwe każ, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex hija ma kinitx ħadet dawn il-fatturi inkunsiderazzjoni.

    37

    Dow tenfasizza li l-Kummissjoni ma hijiex limitata minn politika ġenerali bħal dik invokata fil-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata, u li jeżistu għadd kbir ta’ deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni ma żammitx lill-kumpannija parent responsabbli minkejja li din tal-aħħar kienet iżżomm 100 % tal-kapital tas-sussidjarja li tkun wettqet il-ksur.

    38

    Ukoll, skont Dow, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-“fatt li Dow Chemical hija indebitament leża bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma jistax jikkontesta l-legalità tal-istess deċiżjoni kkontestata, peress li [...] il-Kummissjoni setgħet timputa r-responsabbiltà tal-ksur inkwistjoni lil Dow Chemical”. Minkejja li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Kummissjoni kellha dritt tindirizza d-deċiżjoni kkontestata lil Dow Chemical, peress li “l-imputazzjoni tal-ksur lill-kumpannija parent hija fakultà li titħalla għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni”, hija ma vverifikatx jekk din fil-fatt eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha u, fil-każ li tkun eżerċitata, jekk hija għamlitx dan mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni.

    39

    Dow issostni li effettivament ma teżisti ebda politika ġenerali li tikkonsisti fl-imputazzjoni tar-responsabbiltà lill-kumpannija parent, u li l-biża’ tagħha li tiġi esposta għal riskju ta’ kawża mhux ġustifikata għad-danni ċivili fl-Istati Uniti ma huwiex “ta’ natura eminentement politika”. Skont Dow, il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li l-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għalihom fil-punt 79 tas-sentenza appellata ma jirrigwardawx motivi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra lil Dow Chemical bħala responsabbli għall-aġir, tas-sussidjarji tagħha, li jikkostitwixxi ksur. Billi naqset milli teżamina u tevalwa n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

    40

    Matul is-seduta, Dow ippreżentat dokument li jinkludi xi informazzjoni legali dwar l-eżerċizzju tajjeb, mill-awtoritajiet nazzjonali, ta’ setgħa diskrezzjonali fid-dritt Ġermaniż, Spanjol, Taljan u Awstrijak.

    41

    Skont il-Kummissjoni, dan l-aggravju ma huwiex fondat. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali eżerċitat b’mod sħiħ is-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata twettaq espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti, wieħed wieħed, l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Skont il-Kummissjoni, impriża li tikser ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni ma tgawdi minn ebda dritt li jobbliga lill-Kummissjoni tibbilanċja it-tajjeb u l-ħażin meta timponi fuqha r-responsabbiltà tal-ksur tagħha. Barra minn hekk, ir-riskju li l-impriża li twettaq il-ksur tesponi ruħha għal azzjoni ċivili huwa konsegwenza li ġeneralment tkun mixtieqa meta din tkun adottat aġir illeċitu.

    42

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dokument ippreżentat minn Dow, li jirrigwarda drittijiet nazzjonali oħra fil-qasam tal-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, minħabba t-tardività tal-preżentazzjoni ta’ dan id-dokument.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    43

    Qabelxejn għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni “tista’”, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi li intenzjonalment jew b’negliġenza jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE.

    44

    Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta, minn naħa, li l-Kummissjoni tgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-għażla li timponi jew le multa fuq impriża li tkun wettqet tali ksur u, min-naħa l-oħra, li limiti possibbli għas-setgħa diskrezzjonali mogħtija f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni huma rregolati biss mid-dritt tal-Unjoni, billi l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jinkludi ebda riferiment għad-drittijiet tal-Istati Membri.

    45

    Konsegwentement, f’dan il-każ għandu jiġi kkonstatat li s-sinteżi tal-ġurisprudenza ta’ għadd ta’ qrati nazzjonali, li tidher fid-dokument li Dow ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, hija manifestament nieqsa minn rilevanza, mingħajr ma hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-preżentazzjoni, minn Dow, ta’ dan id-dokument hijiex tardiva jew le.

    46

    F’dak li jikkonċerna l-limiti, skont id-dritt tal-Unjoni, tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, din l-istituzzjoni hija marbuta, skont l-Artikolu 105(1) TFUE, li tissorvelja l-osservanza tal-prinċipji stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 101 TFUE, kif il-Kummissjoni sostniet ġustament matul is-seduta.

    47

    Issa, bla dubju tagħmel parti minn dawn il-prinċipji l-impożizzjoni ta’ multi fuq l-impriżi li jkunu kkonkludew ftehim antikompetittiv, abbażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, b’mod li l-Kummissjoni, meta b’mod eċċezzjonali tiddeċiedi li ma timponix multa fuq impriża minkejja li din tkun wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, għandha tibbaża din id-deċiżjoni fuq raġunijiet oġġettivi, li jistgħu jiġġustifikaw tali deroga mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 101 TFUE. Hija ta’ natura li tikkostitwixxi tali raġuni oġġettiva, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li, f’każ konkret, il-Kummissjoni ma hijiex kapaċi tagħti prova b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-kumpannija parent eżerċitat influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha, peress li din hija immedjatament involuta fil-ksur, liema prova hija barra minn hekk iffaċilitata b’mod kunsiderevoli, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każ fejn il-kumpannija parent iżżomm il-kapital kollu tas-sussidjarja tagħha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 60, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    48

    Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà li tiġi imposta multa fuq il-kumpannija parent ta’ sussidjarja li, hija, ipparteċipat direttament fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni tippreżupponi li l-imsemmija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir fuq is-suq, iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet mogħtija lilha mill-kumpannija parent, fid-dawl b’mod partikolari tar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u legali li jgħaqqdu li dawn iż-żewġ entitajiet legali, u, min-naħa l-oħra, li dan huwa l-każ peress li, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jiffurmaw impriża waħda fis-sens tal-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    49

    Barra dan, billi l-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jiffurmaw, fl-ipoteżi msemmija fil-punt ta’ qabel dan, impriża waħda, l-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 105(1) TFUE li tissorvelja, meta hija tiddeċiedi jekk timponix multa jew le, l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 101 TFUE, japplika bl-istess mod, sew jekk din tkun il-kumpannija parent ikkonċernata kif ukoll jekk din tkun is-sussidjarja tagħha. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, ma teżistix “prijorità” f’dak li jikkonċerna l-impożizzjoni ta’ multa, mill-Kummissjoni, fuq waħda jew l-oħra minn dawn il-kumpanniji (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C-125/07 P, C-133/07 P, C-135/07 P u C-137/07 P, Ġabra p. I-8681, punti 81 u 82).

    50

    Barra minn hekk, jikkostitwixxi wkoll wieħed mill-prinċipji msemmija fil-punt 46 tas-sentenza preżenti l-fatt li meta l-Kummissjoni tadotta, fir-rigward ta’ akkordju, metodu speċifiku għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà tal-kumpanniji parent ikkonċernati għall-ksur tas-sussidjarji tagħhom, hija għandha, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, tibbaża ruħha fuq l-istess kriterji fil-każ tal-kumpanniji parent kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et, C-628/10 P u C-14/11 P, punti 57 u 59).

    51

    Konsegwentement, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex bażi sabiex timponi multa anki fuq Dow Chemical fil-każ biss ta’ raġunijiet oġġettivi, li jistgħu jiġġustifikaw deroga mill-prinċipji msemmija fl-Artikolu 101 TFUE, u jekk tali deċiżjoni ma tkunx wasslet għal trattament preferenzjali għal Dow Chemical meta mqabbla mal-kumpanniji parent l-oħrajn involuti fil-ksur inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet, għall-Kummissjoni, ma ġewx issodisfatti.

    52

    Fil-fatt, l-ewwel nett, is-sempliċi fatt li Dow Chemical tirriskja kawża għad-danni ċivili fl-Istati Uniti, evidentement ma jistax iwassal sabiex jiġi ġġustifikat il-fatt li l-Kummissjoni tastjeni milli timponi multa fuq din il-kumpannija. Minn naħa, ir-riskju li jinbdew proċeduri għal kumpens għad-danni jikkonċerna, bl-istess mod, anki lis-sussidjarji ta’ Dow Chemical, bħalma, barra minn hekk, jikkonċerna lill-kumpanniji destinatarji kollha tad-deċiżjoni kkontestata. Fuq il-mertu, dan ir-riskju huwa biss marbut mal-fatt li Dow Chemical kienet involuta f’aġir antikompetittiv, u mhux mal-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat dan l-aġir b’mod formali.

    53

    Min-naħa l-oħra, f’dan ir-rigward l-affermazzjoni li tgħid li, fir-rigward ta’ Dow Chemical, tali kawża għad-danni tista’ sseħħ fl-Istati Uniti, minħabba l-fatt li Dow Chemical għandha s-sede tagħha hemmhekk, hija manifestament irrilevanti.

    54

    It-tieni nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tal-kumpanniji parent u l-kumpanniji kapijiet tal-gruppi kollha involuti fil-ksur inkwistjoni, sa fejn dawn kienu jżommu 100 % jew kważi 100 % tal-kapital tas-sussidjarji tagħhom, mingħajr ma vverifikat jekk il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tiġi indirizzata lil dawn il-kumpanniji jwassalx għal danni ekonomiċi li jmorru lil hinn mid-dannu inerenti għall-ħlas innifsu tal-multa imposta. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni tali danni allegati biss fir-rigward ta’ Dow Chemical mingħajr ma twettaq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    55

    Minn dan isegwi li, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-Kummissjoni kellha dritt timputa r-responsabbiltà tal-ksur inkwistjoni lil Dow Chemical.

    56

    Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tobbligax lill-Qorti Ġenerali sabiex tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti, wieħed wieħed, l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża, u li l-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li din tkun tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2012, Alliance Once International vs Il-Kummissjoni, C-593/11 P, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    57

    Issa, f’dan il-każ, fil-punti 74 sa 80 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali eżaminat il-kwistjonijiet li jirrigwardaw allegat żball fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan il-kuntest. Fir-rigward tal-mertu ta’ dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod espliċitu fil-punt 76 ta’ din is-sentenza li l-“fatt li Dow Chemical hija indebitament leża bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, dan ma jistax jikkontesta l-legalità tal-istess deċiżjoni kkontestata”. Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni, fil-punt 79 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali għamlet riferiment għall-premessi 333 sa 338 u 340 sa 364 tad-deċiżjoni kkontestata u kkonstatat li hemmhekk, il-Kummissjoni kienet identifikat b’mod ċar l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettewlha tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ Dow Chemical.

    58

    Minkejja li din il-motivazzjoni tas-sentenza appellata tidher qasira sa fejn din tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni – fid-dawl ta’ riskji probabbli, ta’ Dow, ta’ kawża għad-danni fl-Istati Uniti – kellhiex tistabbilixxi r-responsabbiltà tagħha fid-deċiżjoni kkontestata, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din ippermettiet li din il-kumpannija tifhem li l-Qorti Ġenerali kienet tal-istess fehma tal-Kummissjoni, esposta b’mod partikolari fil-premessa 362 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li dan l-argument, li huwa ta’ natura “eminentement politika”, ma setax jikkontesta l-leġittimità tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward.

    59

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, is-sentenza appellata la hija vvizzjata minn żball ta’ liġi u lanqas minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan il-kuntest, u lanqas minn ksur, imsemmi minn Dow matul is-seduta, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    60

    Konsegwentement, billi ebda wieħed minn dawn l-argumenti ta’ Dow imressqa insostenn tal-ewwel aggravju ma huwa fondat, hemm lok li dan l-aggravju jiġi miċħud.

    Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi li jikkonċerna t-trattament differenti applikat għall-ammonti bażiċi tal-multa

    L-argumenti tal-partijiet

    61

    Insostenn tat-tieni aggravju tagħha, Dow issostni li l-Kummissjoni applikat trattament differenti għall-ammonti bażiċi tal-multa meta ddikjarat, fil-premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellu “[jittieħed] inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża, u għaldaqstant l-effett reali tal-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni”, filwaqt li fl-istess ħin iddikjarat, fil-premessa 462 ta’ din id-deċiżjoni, li huwa impossibbli li jitkejjel dan l-effett reali fuq is-suq taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u li l-Kummissjoni “ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett tas-suq sabiex tiddetermina l-multi applikabbli f’dan il-każ”, dikjarazzjonijiet dawk li huma inkonsistenti.

    62

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma evalwatx l-effett reali tal-akkordju fuq is-suq minkejja li dan l-effett jista’ jitkejjel. Skont Dow, hija la qieset il-probabbiltà ta’ tali effett u lanqas ma tat prova tal-implementazzjoni tal-ksur inkwistjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni kisret id-dritt għal smigħ ta’ Dow billi ma tathiex l-okkażjoni li turi l-perspettiva tagħha dwar il-mod ta’ kif il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt reali tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni.

    63

    Dow issostni li l-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn l-argument meta, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li “anki fin-nuqqas ta’ impatt konkret tal-ksur li jista’ jitkejjel, il-Kummissjoni [setgħet] tiddeċiedi, skont it-tielet, ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-Linji gwida, [...] li tagħmel distinzjoni bejn l-impriżi kkonċernati”. Madankollu, skont Dow, fl-assenza ta’ impatt konkret fuq is-suq, ma jista’ jkun hemm ebda impatt reali fuq il-kompetizzjoni u, għaldaqstant, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tieħu kont ta’ dan l-impatt sabiex tistabbilixxi differenzi fl-iffissar tal-ammont bażiku tal-multi. F’dan ir-rigward, billi rtirat l-ewwel dikjarazzjoni u billi sussegwentement tat it-tieni dikjarazzjoni, li la kienet tirrigwarda l-impatt konkret fuq is-suq u lanqas l-impatt reali fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni kisret ukoll id-dritt għal smigħ ta’ Dow.

    64

    Konsegwentement, skont Dow, l-ammont bażiku tal-multa ffissat għall-appellanti ma jistax jeċċedi dak li ġie ffissat għall-impriżi kkonċernati l-oħra u għaldaqstant għandu jitnaqqas għal EUR 5.5 miljun, b’tali mod li l-multa tkun ta’ EUR 8 662 500 għal Dow Chemical, EUR 8 085 000 għal Dow Deutschland u EUR 6 352 000 għal Dow Deutschland Anlagengesellschaft kif ukoll għal Dow Europe.

    65

    Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament stabbilixxiet, fil-punti 127 u 128 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm bżonn li Dow tinstema’ dwar l-impatt konkret tal-ksur u li d-dritt ta’ Dow li tagħti l-perspettiva tagħha dwar din il-kwistjoni ma nkisirx. Il-Kummissjoni tqis li fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, stabbilixxiet sew l-implementazzjoni tal-akkordju, minkejja li din l-implementazzjoni ma ttiħditx inkunsiderazzjoni matul l-evalwazzjoni tal-livell tal-multa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li billi fit-tieni dikjarazzjoni hija indikat espressament li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati, u billi semmiet il-punti ta’ fatt u ta’ liġi prinċipali li jistgħu iwasslu għal multa, hija ssodisfat l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għal smigħ tal-impriżi.

    66

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-impatt konkret tal-akkordju, mill-premessa 465 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-trattament differenti applikat jibbaża ruħu fuq il-“kapaċità ekonomika” li tikkawża preġudizzju lill-kompetizzjoni u li, konsegwentement, ma huwiex neċessarju li l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq jitkejjel. Dan l-approċċ huwa konformi mal-Linji gwida u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll dik tal-Qorti Ġenerali.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    67

    F’dak li jikkonċerna, qabelxejn, l-affermazzjoni ta’ Dow li tgħid li l-Kummissjoni la qieset il-probabbiltà ta’ effett reali tal-ksur fuq is-suq inkwistjoni u lanqas ma tat prova tal-implementazzjoni ta’ dan il-ksur, għandu jiġi kkonstatat li din l-affermazzjoni ma hijiex eżatta. Fil-fatt, fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat b’mod espliċitu li, “f’dak li jikkonċerna ż-ŻEE, il-ftehimiet antikompetittivi ġew implementati mill-produtturi Ewropej u din l-implementazzjoni effettivament kellha effett fuq is-suq, minkejja li l-effett konkret tagħha huwa diffiċli sabiex jitkejjel”. Dow ma tressaq ebda argument ibbażat fuq punt ta’ fatt jew ta’ liġi li jista’ jirribatti din il-konstatazzjoni.

    68

    Konsegwentement, billi l-eżistenza ta’ effett reali – għalkemm diffiċli biex jitkejjel – tal-ksur inkwistjoni fuq is-suq ġiet stabbilita, l-argument imressaq minn Dow, li jgħid li “fl-assenza ta’ impatt konkret fuq il-kompetizzjoni, ma jista’ jkun hemm ebda impatt reali fuq il-kompetizzjoni u, għaldaqstant, il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tieħu kont ta’ dan l-impatt sabiex tistabbilixxi differenzi fl-iffissar tal-ammont bażiku tal-multi”, huwa ineffettiv.

    69

    Barra minn hekk, minn dak kollu suespost jirriżulta li l-kontradizzjoni allegata minn Dow bejn il-premessa 462 u l-premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata ma teżistix. Fil-fatt, minn naħa, din il-premessa 462, fejn il-Kummissjoni ppreċiżat li hija “ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett tas-suq sabiex tiddetermina l-multi applikabbli”, tinsab fil-punt 9.1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Gravità [tal-ksur inkwistjoni]”, u tirreferi biss għall-klassifikazzjoni tal-ksur inkwistjoni bħala “serju ħafna”. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija premessa 466, li tinsab fil-punt 9.2 tal-istess deċiżjoni, intitolat “Trattament differenti”, tirrigwarda biss id-differenza fl-ammont inizjali tal-multa skont il-kapaċità ekonomika effettiva ta’ kull impriża kkonċernata li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, differenzazzjoni li tista’ validament tkun ibbażata, bħal fil-każ ineżami, fuq id-dħul mill-bejgħ, imwettaq minn kull impriża kkonċernata, tal-prodotti li l-ksur inkwistjoni jirrigwarda, u dan anki fl-assenza ta’ effett, fuq is-suq, li jista’ jitkejjel.

    70

    Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-argument ta’ Dow ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ tagħha, dan l-argument ma jistax jintlaqa’. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li meta l-Kummissjoni, bħal f’dan il-każ, tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u li hija ssemmi l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jwasslu għal multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur allegat u l-fatt li kienet wettqet dan il-ksur “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt għal smigħ tal-impriżi. Fil-fatt, meta tagħmel hekk, il-Kummissjoni tagħtihom l-elementi neċessarji sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni tal-ksur, iżda wkoll kontra s-sanzjoni ta’ din tal-aħħar permezz tal-impożizzjoni ta’ multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 428 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    71

    Barra minn hekk, u għall-finijiet ta’ kompletezza, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fit-tieni dikjarazzjoni tagħha, ippreċiżat sewwasew, fil-punt 425 tar-raġunijiet, li hija kellha l-intenzjoni tieħu inkunsiderazzjoni “l-impatt konkret [tal-ksur] fuq is-suq jekk dan jista’ jitkejjel”. Barra minn hekk, fit-tielet inċiż tal-punt 420 tar-raġunijiet ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni semmiet li hija se tikkunsidra, fid-deċiżjoni kkontestata, l-“impatt tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, ta’ kull impriża, fuq il-kompetizzjoni”. Għaldaqstant, ksur tad-dritt għal smigħ ta’ Dow ma jistax jintlaqa’.

    72

    F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball meta, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, hija kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet tiddeċiedi li tagħmel differenza bejn l-impriżi kkonċernati anki fl-assenza ta’ impatt konkret tal-ksur inkwistjoni li jista’ jitkejjel.

    73

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni aggravju mqajjem insostenn tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta kkonfermat li l-Kummissjoni kellha dritt tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ Dow Chemical

    L-argumenti tal-partijiet

    74

    Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Dow issostni li d-deċiżjoni kkontestata, għar-raġunijiet imsemmija fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, ma kellhiex tiġi indirizzata lil Dow Chemical u li għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball meta ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ ta’ din il-kumpannija sabiex tiffissa koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv. Skont Dow, fil-punt 146 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ċaħdet, bħala infondata, is-seba’ parti tat-tielet motiv imqajjem minn Dow u li hija bbażata fuq l-istess argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv, minħabba li hija kienet ċaħdet bħala infondat anki l-ewwel motiv imqajjem quddiemha u bbażat fuq imputazzjoni illegali tal-ksur lil Dow Chemical.

    75

    Peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet dan l-ewwel motiv, hija wettqet żball ta’ liġi wkoll meta ċaħdet l-argument ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ Dow Chemical. Minn dan Dow iddeduċiet li l-multa imposta fuq Dow Chemical għandha tiġi annullata.

    76

    Skont il-Kummissjoni, billi l-ewwel aggravju mqajjem minn Dow ma kienx fondat, lanqas l-aggravju preżenti ma għandu jintlaqa’.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    77

    It-tielet aggravju mqajjem minn Dow huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tiġi indirizzata lil Dow Chemical bħala kumpannija kap tal-grupp Dow, liema argument huwa s-suġġett tal-ewwel aggravju ta’ dan l-appell.

    78

    Issa, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 43 et seq ta’ din is-sentenza, din il-premessa hija żbaljata, tant li, fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, l-ewwel aggravju ġie miċħud bħala infondat. Għaldaqstant, dan it-tielet aggravju għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

    Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet meta kkonfermat li l-applikazzjoni, li għamlet il-Kummissjoni, tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv ma kinitx diskriminatorja

    L-argumenti tal-partijiet

    79

    Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Dow issostni, hekk kif għamlet quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv ta’ 1.75 li ġie applikat fir-rigward tagħha kien eċċessiv u diskriminatorju. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv li jikkorrispondi għar-raġuni li, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ ta’ Dow u dak ta’ Bayer, il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni relattiv għall-multi ta’ Dow ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

    80

    Fir-rigward tat-tqabbil tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv applikat fil-konfront ta’ Dow ma’ dak applikat fil-konfront ta’ EniChem u ta’ Shell, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 154 tas-sentenza appellata, li “l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni adottat għal Dow [1.75] ġie kkalkulat abbażi tal-koeffiċjent adottat għal Bayer [1.5] u mhux abbażi tal-koeffiċjenti adottati għal EniChem [2] jew Shell [3]”. Dow tqis li l-Qorti Ġenerali, meta qabblet lil Dow ma’ Bayer biss u meta naqset milli tqabbilha anki ma’ EniChem u ma’ Shell, wettqet żball ta’ liġi.

    81

    Dow tqis li l-applikazzjoni tal-istess żieda fil-konfront ta’ żewġ impriżi li għandhom differenza fid-dħul mill-bejgħ ta’ 36 %, jiġifieri Bayer, li d-dħul mill-bejgħ tagħha kien ta’ EUR 27.383 biljun, u Dow, bi dħul mill-bejgħ, dak iż-żmien, ta’ EUR 37.221 biljun, ma’ żewġ impriżi li d-differenza fid-dħul mill-bejgħ tagħhom hija ta’ 100 %, jiġifieri Dow u EniChem, fejn din tal-aħħar irreġistrat dħul mill-bejgħ ta’ EUR 73.738 biljun, hija manifestament diskriminatorja.

    82

    Matul is-seduta, Dow ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja dokument li jinkludi formula matematika li tippermetti, f’dan il-każ, li jiġi kkalkolat il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv li jevita, minn naħa, kull diskriminazzjoni bejn id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li jaqbeż it-3. Skont din il-formula, il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li għandu jiġi applikat fil-konfront ta’ Dow huwa ta’ madwar 1.3.

    83

    Il-Kummissjoni twieġeb li l-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni stabbilit sabiex jiġi ffissat l-ammont bażiku ta’ multa għandu jirrifletti l-proporzjonijiet aritmetiċi b’mod proporzjonali biss. F’dan il-każ, eżistiet diskrepanza kbira fid-daqs bejn l-impriżi li ħadu sehem fil-ksur inkwistjoni. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, ma kienx realistiku u kien kważi matematikament impossibbli li jiġi applikat koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni li kien proporzjonali eżattament mal-proporzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kollha kkonċernati.

    84

    Il-Kummissjoni ssostni li għaldaqstant iddeċidiet li tapplika koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni billi bdiet mill-impriżi l-iktar żgħar u billi ħadet ħsieb tissorvelja li l-koeffiċjent applikat fil-konfront ta’ kull waħda minnhom kien bejn wieħed u ieħor proporzjonali mad-dħul mill-bejgħ tal-impriża li tinsab eżattament warajha. Barra minn hekk, hekk kif indikat ġustament il-Qorti Ġenerali, abbażi ta’ dan il-Kummissjoni setgħet anki tapplika koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni anki iktar għoli fil-konfront ta’ Dow.

    85

    Fir-rigward tad-dokument ippreżentat minn Dow matul is-seduta, il-Kummissjoni tqis li dan id-dokument huwa inammissibbli, inkwantu dan ġie prodott wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    86

    Skont ġurisprudenza stabbilita, minn naħa, l-għan tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv u tat-teħid inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża inkwistjoni jinsab fl-impatt imfittex fuq din l-impriża, peress li s-sanzjoni ma għandhiex tkun negliġibbli fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-imsemmija impriża (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni, C-413/08 P, Ġabra p. I-5361, punti 104 u 105, kif ukoll id-digriet tas-7 ta’ Frar 2012, Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-421/11 P, punt 82). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li ma tistax tingħata importanza sproporzjonata lid-dħul mill-bejgħ (ara d-digriet Total u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

    87

    Għall-kalkolu tal-multi imposti fuq l-impriżi li pparteċipaw f’akkordju, trattament differenti bejn l-impriżi kkonċernati huwa għaldaqstant inerenti għall-eżerċizzju tas-setgħat li l-Kummissjoni għandha fil-qasam. Fil-fatt, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni hija msejħa tindividwalizza s-sanzjoni skont l-aġir u l-karatteristiċi proprji ta’ dawn l-impriżi, sabiex tiggarantixxi, f’kull każ ineżami, l-effikaċja sħiħa tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-564/08 P, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    88

    Abbażi tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni hija qabelxejn marbuta tissorvelja li s-sanzjoni ma ssirx “negliġibbli” fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-impriżi kkonċernati, liema ħaġa madankollu ma teħtieġx li impriża li jkollha dħul mill-bejgħ partikolarment għoli meta mqabbel ma’ dak tal-membri l-oħra ta’ akkordju tiġi imposta fuqha multa miżjuda strettament abbażi tar-relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ tagħha u dak tal-impriżi l-oħra kollha involuti fl-akkordju kkonċernat. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, il-multi imposti fuq l-impriżi l-iktar kbar ta’ akkordju u miżjuda skont tali metodu aritmetiku ċertament ikunu jistgħu jkollhom effett dissważiv, iżda jirriskjaw li jkunu sproporzjonati fir-rigward tal-gravità tal-ksur imwettaq konkretament, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn, bħal fil-każ ineżami, tkun teżisti differenza kunsiderevoli bejn id-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Versalis vs Il-Kummissjoni, C-511/11 P, punt 105).

    89

    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, ma tistax, billi tirrikorri b’mod esklużiv u mekkaniku għal metodu ta’ kalkolu aritmetiku bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ biss tal-impriża kkonċernata, tiċċaħħad mis-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-ammont tal-multi (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121; tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C-283/98 P, Ġabra p. I-9855, punt 47, kif ukoll Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 243).

    90

    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li approvat, essenzjalment, l-approċċ segwit mill-Kummissjoni li stabbilixxiet koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv ta’ 1.75 fil-konfront ta’ Dow u ta’ 2 fil-konfront ta’ EniChem u ta’ 3 fil-konfront ta’ Shell. Dan l-approċċ huwa intiż, minn naħa, li jissorvelja li l-multa imposta fuq kull impriża ma ssirx negliġibbli meta mqabbla mal-kapaċitajiet finanzjarji tagħha u, min-naħa l-oħra, li ma jiġux imposti koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv sproporzjonati fuq l-impriżi li huma l-iktar kbar li, abbażi biss tar-rapport matematiku eżistenti bejn id-dħul mill-bejgħ tagħhom u dawk tal-impriżi ta’ daqs iżgħar, teoretikament setgħu jiġu imposti fuqhom koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv ħafna iktar għoljin.

    91

    Barra minn hekk, huwa rrilevanti l-fatt li mid-dokument ippreżentat minn Dow matul is-seduta jirriżulta, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan id-dokument, li kalkolu tal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni b’għan dissważiv skont id-dħul mill-bejgħ biss ta’ kull impriża kkonċernata – filwaqt li jinżamm koeffiċjent massimu ta’ 3 – huwa matematikament possibbli. Fil-fatt, tali kalkolu purament aritmetiku jxekkel lill-Kummissjoni milli tissodisfa l-obbligu tagħha, li jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 86 sa 89 ta’ din is-sentenza, li timponi multi li, fil-konfront ta’ kull impriża, la huma negliġibbli u lanqas sproporzjonati.

    92

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ aggravju mqajjem minn Dow lanqas ma għandu jintlaqa’.

    93

    Konsegwentement, billi ebda wieħed mill-aggravji mqajma minn Dow insostenn tal-appell tagħha ma ntlaqa’, hemm lok li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

    Fuq l-ispejjeż

    94

    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, din għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Dow tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-appell huwa miċħud.

     

    2)

    The Dow Chemical Company, Dow Deutschland Inc., Dow Deutschland Anlagengesellschaft mbH u Dow Europe GmbH għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

    Top