This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0463
Judgment of the Court (Fourth Chamber), 18 April 2013.#L v M.#Request for a preliminary ruling from the Verwaltungsgerichtshof Baden‑Württemberg.#Directive 2001/42/EC — Assessment of the effects of certain plans and programmes on the environment — Article 3(4) and (5) — Determination of the type of plans likely to have significant environmental effects — Building plan ‘for development within an urban area’ exempted from an environmental assessment under national legislation — Incorrect assessment of the qualitative condition of ‘inner city development’ — No effect on the legal validity of the building plan — Effectiveness of the directive undermined.#Case C‑463/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ April 2013.
L vs M.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg.
Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Artikolu 3(4) u (5) — Determinazzjoni tat-tipi ta’ pjanijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent — Pjanijiet ‘ta’ żvilupp intern’ eżentati mill-evalwazzjoni ambjentali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali — Evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni kwalitattiva tal-‘iżvilupp intern’ — Assenza ta’ effett fuq il-validità tal-pjan ta’ żvilupp — Ħsara għall-effettività tad-direttiva.
Kawża C‑463/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ April 2013.
L vs M.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg.
Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Artikolu 3(4) u (5) — Determinazzjoni tat-tipi ta’ pjanijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent — Pjanijiet ‘ta’ żvilupp intern’ eżentati mill-evalwazzjoni ambjentali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali — Evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni kwalitattiva tal-‘iżvilupp intern’ — Assenza ta’ effett fuq il-validità tal-pjan ta’ żvilupp — Ħsara għall-effettività tad-direttiva.
Kawża C‑463/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:247
*A9* Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg, Beschluss vom 27/07/2011 (8 S 1712/09)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
18 ta’ April 2013 ( *1 )
“Direttiva 2001/42/KE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Artikolu 3(4) u (5) — Determinazzjoni tat-tipi ta’ pjanijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent — Pjanijiet ‘ta’ żvilupp intern’ eżentati mill-evalwazzjoni ambjentali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali — Evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni kwalitattiva tal-‘iżvilupp intern’ — Assenza ta’ effett fuq il-validità tal-pjan ta’ żvilupp — Ħsara għall-effettività tad-direttiva”
Fil-Kawża C-463/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Settembru 2011, fil-proċedura
L
vs
M,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal L, minn G. Rehmann, avukat, |
— |
għal M, minn D. Weiblen, avukat, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Elleniku, minn G. Karipsiades, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Bulst u P. Oliver, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157, iktar ’il quddiem id-“direttiva”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn L u M, muniċipalità, dwar il-validità ta’ pjan ta’ żvilupp li ġie elaborat minnha mingħajr twettiq ta’ evalwazzjoni ambjentali skont id-direttiva. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva, l-għan ta’ din id-direttiva hu dak li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi sabiex jiġi inkoraġġit żvilupp sostenibbli billi tipprovdi li, skont din id-direttiva, għandha ssir evalwazzjoni ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
4 |
L-Artikolu 3 tad-direttiva, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi: “1. L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,
[...] 3. Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali [...] jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 4. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti. 5. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva. [...]” |
5 |
L-Anness II tad-direttiva jelenka l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata probabbli tal-effetti kkunsidrati fl-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva. |
Id-dritt Ġermaniż
6 |
Il-Kodiċi tal-Ippjanar Urban (Baugesetzbuch), fil-verżjoni tiegħu kkonsolidata fit-23 ta’ Settembru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 2414), kif emendata bil-liġi tat-22 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1509, iktar ’il quddiem il-“BauGB”), jirregola l-ippjanar urban. |
7 |
Mill-punt 7 tal-Artikolu 1(6) tal-BauGB jirriżulta li, meta jitfasslu l-pjanijiet gwida għall-urbaniżmu (“Bauleitpläne”), l-ibliet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-interessi tal-protezzjoni tal-ambjent, inklużi l-protezzjoni tan-natura u l-konservazzjoni tal-pajżaġġi. |
8 |
L-imsemmija pjanijiet gwida għall-urbaniżmu, li jieħdu l-forma ta’ pjan għall-użu tal-artijiet (“Flächennutzungsplan”) jew ta’ pjan tal-iżvilupp (“Bebauungsplan”), huma mfassla, ikkompletati jew immodifikati skont “proċedura standard” (Artikoli 2 et seq tal-BauGB), ħlief jekk ikun possibbli li wieħed jirrikorri għal “proċedura ssemplifikata” (Artikolu 13 tal-BauGB) jew, fil-każ ta’ pjanijiet ta’ żvilupp intern, għal “proċedura mħaffa” (Artikolu 13A tal-BauGB). |
9 |
Id-Direttiva ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-liġi dwar l-adattament mad-dritt Ewropew tal-leġiżlazzjoni dwar l-urbaniżmu (Europarechtsanpassungsgesetz Bau), tal-24 ta’ Ġunju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1359). Permezz ta’ din il-liġi, l-evalwazzjoni ambjentali ġiet integrata fil-proċedura standard ta’ preparazzjonijiet ta’ pjanijiet gwida għall-urbaniżmu. |
10 |
F’dak li jirrigwarda din il-proċedura standard, l-Artikolu 2(3) u (4) tal-BauGB, jipprovdi: “(3) Meta jiġu ppreparati pjanijiet gwida għall-urbaniżmu, għandhom jiġu mfittxija u stmati l-interessi li jippreżentaw importanza għall-finijiet tal-ibbilanċjar [b’mod partikolari tal-interessi pubbliċi u privati]. (4) Evalwazzjoni ambjentali għandha ssir fl-interessi tal-ambjent imsemmija fil-punt 7 tal-Artikolu 1(6) [...]; dan ifisser li jiġu mfittxija l-effetti ambjentali sinjifikattivi probabbli, u sussegwentement li jiġu deskritti u jiġu stmati f’rapport dwar l-ambjent […]” |
11 |
F’dak li jirrigwarda l-proċedura ssemplifikata, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(3) tal-BauGB tipprovdi li “[din] għandha ssir mingħajr evalwazzjoni ambjentali skont l-Artikolu 2(4) [...]”. |
12 |
F’dak li jirrigwarda l-proċedura mħaffa, l-Artikolu 13a tal-BauGB, jippreċiża: “(1) Pjan ta’ żvilupp maħsub biex l-artijiet jinġiebu fi stat li jistgħu jintużaw, għaż-żieda fil-popolazzjoni jew għal miżuri oħrajn ta’ żvilupp intern (“Bebauungsplan der Innenentwicklung” – pjan ta’ żvilupp intern) jista’ jiġi fformulat skont proċedura mħaffa. Il-pjan ta’ żvilupp jista’ jiġi fformulat biss skont proċedura mħaffa jekk dan ikun jirrigwarda [...] medda ta’ art li tista’ tinbena b’total ta’:
[...] Il-proċedura mħaffa hija eskluża meta l-pjan ta’ żvilupp joħloq il-kundizzjonijiet għal-legalità tal-proġetti li għandhom huma nfushom neċessarjament ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali b’applikazzjoni tal-liġi dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jew tad-dritt tal-Land. Il-proċedura mħaffa hija wkoll eskluża meta jkun hemm raġunijiet għalfejn wieħed jaħseb li l-interessi protetti taħt il-punt 7(b) tal-Artikolu 1(6) huma ddanneġġati. (2) Fil-kuntest tal-proċedura mħaffa
[...]” |
13 |
L-Artikolu 214 tal-BauGB, li jagħmel parti mit-taqsima bit-titolu “Żamma fis-seħħ tal-pjanijiet”, jipprovdi: “(1) Il-ksur tad-dispożizzjonijiet formali u proċedurali previsti minn dan il-kodiċi ma għandux effett fuq il-validità ta’ pjan għall-użu tal-artijiet u fuq ir-regoli muniċipali meħuda b’applikazzjoni ta’ dan l-istess kodiċi ħlief meta:
[...] (2a) Għall-pjanijiet ta’ żvilupp li ġew stabbiliti skont proċedura mħaffa skont l-Artikolu 13a, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jiżdiedu ma’ dawk tal-paragrafi 1 u 2 hawn fuq:
[...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14 |
Fl-14 ta’ Settembru 2005, M iddeċidiet li tifformula pjan ta’ żvilupp skont il-proċedura standard previst fl-Artikolu 2(4) tal-BauGB għal żona b’erja ta’ 37,806 m2 bil-għan ta’ ppjanar abbażi tal-iżvilupp urban eżistenti u t-tkomplija tiegħu b’żoni residenzjali ġodda fil-periferija. |
15 |
Fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-pubbliku li saret wara din id-deċiżjoni, L u persuni oħrajn qajmu oġġezzjonijiet kontra dan il-pjan, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent. |
16 |
Fit-23 ta’ April 2008, M ħadet deċiżjoni dwar proġett li jirrigwarda żona iżgħar. Hija ddeċidiet li tifformula l-pjan ta’ żvilupp relatat skont il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 13a tal-BauGB. |
17 |
Mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ M jirriżulta li l-imsemmi pjan ma jistax jipproduċi effetti negattivi sostenibbli fuq l-ambjent u li dan jirrigwarda medda totali ta’ art li tista’ tinbena ta’ madwar 11800 m2 , li hija inqas mil-limitu ffissat mill-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB. |
18 |
Fis-26 ta’ April 2008, M ippreżentat il-pjan ta’ żvilupp għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal xahar, bil-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet. F’din l-okkażjoni, L u persuni oħrajn tennew l-oġġezzjonijiet tagħhom u insistew li ssir evalwazzjoni ambjentali skont id-direttiva. |
19 |
Mingħajr ma pproċediet b’din l-evalwazzjoni, fit-23 ta’ Lulju 2008, M adottat il-pjan ta’ żvilupp li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali bħala “pjan ta’ żvilupp intern” taħt il-forma ta’ regolament muniċipali. |
20 |
Fil-31 ta’ Lulju 2009, L ressaq azzjoni sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dan il-pjan quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna b’mod partikolari li M ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet ser tiżviluppa żoni tas-settur li jinsabu barra miż-żona mibnija, raġuni li għaliha dan ma setax ikun pjan “ta’ żvilupp intern” skont l-Artikolu 13a tal-BauGB. Min-naħa l-oħra, M isostni li l-użu tal-proċedura mħaffa stabbilit bl-imsemmi Artikolu 13a kien leċitu. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-pjan ta’ żvilupp inkwistjoni ma huwiex pjan “ta’ żvilupp intern” fis-sens tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB u li b’hekk ma setax jiġi adottat permezz ta’ proċedura mħaffa mingħajr evalwazzjoni ambjentali, minħabba l-fatt li parti mill-art inkluża fil-pjan kienet tmur lil hinn miż-żona diġà mibnija. |
22 |
Dik il-qorti b’hekk hija tal-fehma li dan il-pjan ġie adottat wara evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni kwalitattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB li tipprovdi li pjan ta’ żvilupp maħsub biex l-artijiet jinġiebu fi stat li jistgħu jintużaw, għaż-żieda fil-popolazzjoni jew miżuri oħrajn ta’ żvilupp intern jista’ jiġi fformulat skont proċedura mħaffa. Skont il-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) tal-istess kodiċi, din l-evalwazzjoni hija madankollu mingħajr effett fuq il-validità tal-imsemmi pjan. |
23 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, minn naħa, li, billi eżenta minn evalwazzjoni ambjentali, il-pjanijiet “ta’ żvilupp intern” fis-sens tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB, il-leġiżlatur nazzjonali għamel użu mill-awtorizzazzjoni pprovduta fl-Artikolu 3(5) tad-direttiva u stabbilixxa din l-eċċezzjoni peress li stabbilixxa tip partikolari ta’ pjan, waqt li kkunsidra b’mod sħiħ il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta’ din l-istess direttiva. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur pprovda fil-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) tal-BauGB li ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ proċedura li jsib l-oriġni tiegħu fil-fatt li muniċipalità tevalwa b’mod żbaljat il-kundizzjoni kwalitattiva ma għandux effett fuq il-validità tal-pjan ikkonċernat. |
24 |
Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nfisha jekk il-leġiżlatur nazzjonali, billi għaqqad il-proċedura mħaffa tal-Artikolu 13a tal-BauGB mad-dispożizzjoni dwar iż-żamma fis-seħħ ta’ pjanijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) tal-istess kodiċi, eċċediex il-limiti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 3(5) tad-direttiva. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “Stat Membru jeċċedi l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) u (5) tad-[direttiva] jekk, fir-rigward tal-pjanijiet tal-iżvilupp ta’ muniċipalità li jiddeterminaw l-użu ta’ żoni żgħar f’livell lokali u jistabbilixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni tal-iżvilupp fil-futur ta’ proġetti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-Artikolu 3(2) tad-[direttiva], jiddetermina — filwaqt li jikkunsidra l-kriterji rilevanti tal-Anness II tad-Direttiva — billi jispeċifika tip partikolari ta’ pjan ta’ żvilupp ikkaratterizzat minn limitu bbażat fuq id-daqs taż-żona u minn kundizzjoni kwalitattiva, li fir-redazzjoni ta’ tali pjan ta’ żvilupp għandha ssir deroga mid-dispożizzjonijiet proċedurali dwar l-evalwazzjoni ambjentali altrimenti applikabbli għall-pjanijiet tal-iżvilupp u jipprovdi wkoll li ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet proċedurali li joriġina mill-fatt li l-muniċipalità evalwat b’mod żbaljat il-kundizzjoni kwalitattiva hija irrilevanti għall-validità legali ta’ pjan ta’ żvilupp ta’ dan it-tip partikolari?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
26 |
Il-Gvern Ġermaniż, mingħajr ma qajjem espressament l-eċċezzjoni tal-ammissibbiltà, esprima dubji fir-rigward tar-rilevanza tad-domanda preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
27 |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu, dan il-gvern isostni, essenzjalment, li l-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) tal-BauGB għandu interpretazzjoni stretta u li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk li jikkaratterizzaw l-adozzjoni tal-pjan tal-iżvilupp fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni hija x’aktarx inapplikabbli. |
28 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li huwa l-kompitu tagħha li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C-45/09, Ġabra p. I-9391, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Issa, f’dan il-każ, id-domanda magħmula hija intiża għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva. Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda biss il-qorti tar-rinviju, li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, Caronna, C-7/11, punt 54) u li tiddetermina sa fejn il-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) tal-BauGB jista’ jiġi applikat fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, xejn minn dak li jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jindika li l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali tista’ ma tapplikax għal din il-kawża. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli. |
Fuq il-mertu
31 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan ewlieni tad-Direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li tissuġġetta l-pjanijiet u l-programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, matul it-tfassil tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom, għal evalwazzjoni ambjentali (sentenzi tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et, C-295/10, Ġabra p. I-8819, punt 37, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C-41/11, punt 40). |
32 |
Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-pjan tal-iżvilupp inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt l-Artikolu 3(4) tad-direttiva jew, possibbilment, taħt l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistabbilixxu, għall-pjanijiet hemm imsemmija, jekk dawn jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
33 |
Skont l-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva, din id-determinazzjoni tal-pjanijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, u li jeħtieġu, minħabba f’hekk, evalwazzjoni skont l-istess direttiva, isseħħ jew billi wieħed jipproċedi b’eżami każ b’każ, jew billi jiġu ddeterminati t-tipi ta’ pjanijiet jew billi jingħaqdu dawn iż-żewġ approċċi. |
34 |
F’dak li jirrigwarda l-pjanijiet tal-iżvilupp, il-leġiżlatur Ġermaniż għamel din id-determinazzjoni billi stabbilixxa li r-redazzjoni ta’ pjanijiet bħal dawn hija fil-prinċipju suġġetta għal evalwazzjoni ambjentali, iżda t-tip partikolari tal-pjanijiet tal-iżvilupp intern li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13a(1) tal-BauGB huwa eżenti minn dan l-obbligu. |
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-domanda magħmula hija marbuta, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, mal-konsegwenza li applikazzjoni konġunta ta’ żewġ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk li jidhru fl-Artikolu 13a u fil-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) tal-BauGB jista’ jkollha għall-effettività tad-Direttiva. |
36 |
Fil-fatt, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-paragrafu (4) ta’ dan l-istess artikolu, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-ksur ta’ kundizzjoni kwalitattiva, imposta mil-liġi tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva biex teżenta l-adozzjoni ta’ pjan ta’ żvilupp ta’ tip partikolari minn evalwazzjoni ambjentali skont din id-direttiva, ma għandux effett fuq il-validità ta’ dan il-pjan. |
37 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni bħal dik tal-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) tal-BauGB għandha l-effett li l-pjanijiet tal-iżvilupp li għar-redazzjoni tagħhom għandha ssir evalwazzjoni ambjentali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li implementat l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva jibqgħu validi anki jekk dawn ikunu ġew redatti mingħajr evalwazzjoni ambjentali skont din id-direttiva. |
38 |
Din is-sistema ċċaħħad l-effettività tal-Artikolu 3(1) tad-direttiva, li jimponi li evalwazzjoni ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet li huma msemmija fl-Artikolu 3(3) u (4) tagħha u li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. |
39 |
Fil-fatt, minkejja li huwa possibbli li jiġi previst li tip partikolari ta’ pjan li jissodisfa l-kundizzjoni kwalitattiva prevista fl-Artikolu 13a(1) tal-BauGB ma jkunx jista’ a priori jikkawża effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent sa fejn din il-kundizzjoni tkun ta’ natura li tiggarantixxi li dan il-pjan jikkorispondi mal-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva, li għalihom tirreferi t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tagħha, jidher madankollu li din il-kundizzjoni tiċċaħħad mill-effettività meta tingħaqad ma’ dispożizzjoni bħalma hija dik tal-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) tal-BauGB. |
40 |
Billi żżomm fis-seħħ il-pjanijiet tal-iżvilupp li, għall-finijiet tad-direttiva bħal dik trasposta fil-liġi nazzjonali, jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, din id-dispożizzjoni tal-BauGB tippermetti b’mod definittiv lill-muniċipalitajiet li jippreparaw dawn il-pjanijiet mingħajr ma jagħmlu evalwazzjoni ambjentali, sakemm dawn josservaw il-kundizzjoni kwantitattiva stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB u sakemm dawn ma jikkonfliġġux mar-raġunijiet ta’ esklużjoni stabbiliti fir-raba’ u l-ħames sentenzi tal-istess artikolu. |
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex iggarantit b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-muniċipalità tħares f’kull ipoteżi l-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva, kriterji li tagħhom il-leġiżlatur nazzjonali ried jiżgura l-osservanza, kif turi l-introduzzjoni tal-kunċett ta’ żvilupp intern fil-leġiżlazzjoni intiża li tagħmel użu mill-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 3(5) tad-direttiva jagħtih. |
42 |
Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali bħall-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) tal-BauGB, adottata fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-direttiva, għandha l-effett ta’ eżenzjoni minn evalwazzjoni ambjentali ta’ pjanijiet tal-iżvilupp li ma kellhomx ikunu hekk eżentati, u dan imur kontra l-għan tad-direttiva u, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 3(1), (4) u (5) tagħha. |
43 |
Barra minn dan, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta pjan, fis-sens tad-direttiva, kellu, qabel l-adozzjoni tiegħu, jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent skont ir-rekwiżiti tad-direttiva, il-qrati nazzjonali li quddiemhom titressaq azzjoni intiża li tannulla dan il-pjan għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari sabiex jipprovdu rimedju għan-nuqqas ta’ tali evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 sa 46). |
44 |
Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi ma tapplikax kull dispożizzjoni tal-BauGB, b’mod partikolari l-punt 1 tal-Artikolu 214(2a) ta’ dan il-kodiċi, li twassal lil dik il-qorti li tagħti deċiżjoni li tmur kontra d-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 24, u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, punt 45). |
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għad-domanda li saret għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(4) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-ksur ta’ kundizzjoni kwalitattiva, imposta mil-liġi ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva biex teżenta l-adozzjoni ta’ pjan ta’ żvilupp ta’ tip partikolari minn evalwazzjoni ambjentali skont din id-direttiva, ma għandu ebda effett fuq il-validità ta’ dan il-pjan. |
Fuq l-ispejjeż
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent moqri flimkien mal-Artikolu 3(4) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali li tipprovdi li l-ksur ta’ kundizzjoni kwalitattiva, imposta mil-liġi ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva biex teżenta l-adozzjoni ta’ pjan ta’ żvilupp ta’ tip partikolari minn evalwazzjoni ambjentali skont din id-direttiva, ma għandu ebda effett fuq il-validità ta’ dan il-pjan. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.