EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0325

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2012.
Krystyna Alder u Ewald Alder vs Sabina Orlowska u Czeslaw Orlowski.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis- Sąd Rejonowy w Koszalinie.
Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Notifika tal-atti — Parti ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Rappreżentant iddomiċiljat fit-territorju nazzjonali — Assenza — Atti proċedurali inklużi fil-fajl — Preżunzjoni ta’ għarfien.
Kawża C‑325/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:824

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Regolament (KE) Nru 1393/2007 — Notifika tal-atti — Parti ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Rappreżentat iddomiċiljat fit-territorju nazzjonali — Assenza — Atti proċedurali inklużi fil-fajl — Preżunzjoni ta’ għarfien”

Fil-Kawża C-325/11,

Li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Koszalinie (Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura

Krystyna Alder,

Ewald Alder

vs

Sabina Orłowska,

Czeslaw Orłowski,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. u E. Alder, minn K. Góralska, adwokat,

għal S. Orłowska u għal C. Orłowski, minn F. Pniewska, konsulent legali,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Czech kif ukoll minn M. Arciszewski u M. Szpunar, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Varone, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Portugiż, minn R. Chambel Margarido u L. Inez Fernandes, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Settembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, p. 79), kif ukoll tal-Artikolu 18 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn K. u E. Alder (iktar ’il quddiem, il-“konjuġi Alder”) minn naħa, u S. Orłowska u C. Orłowski (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Orłowski”), fir-rigward tat-talba, ippreżentata mill-konjuġi Alder, għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura għal ħlas ta’ dejn li kienu ppreżentaw kontra l-konjuġi Orłowski.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessi 6 sa 8 u 12 tar-Regolament Nru 1393/2007:

“(6)

L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jindikaw l-intenzjoni tagħom biex jaħtru biss aġenzija waħda li tittrasmetti jew tirċievi jew aġenzija waħda li twettaq iż-żewġ funzjonijiet għal perijodu ta’ ħames snin. Madankollu din il-ħatra tista’ tiġġedded kull ħames snin.

(7)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta’ kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. Is-sigurtà fit-trasmissjoni teħtieġ li d-dokument li jkun ser jiġi trasmess ikun akkumpanjat minn formola standard li trid timtela’ bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tad-destinazzjoni fejn is-servizz ikun ser jitwettaq, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru konċernat.

(8)

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal servizz ta’ dokument lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċedimenti, indipendentement mill-post ta’ residenza ta’ dik il-parti.

[…]

(12)

L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b’lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tas-servizz. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għas-servizz sussegwenti ladarba d-destinararju jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta. Dawn ir-regoli dwar ir-rifjut għandhom japplikaw ukoll għal servizz minn aġenti diplomatiċi jew konsulari, minn servizzi postali, u servizz dirett. Għandu jkun stabbilit li s-servizz tad-dokument irrifjutat jista’ jkun rrimedjat permezz tas-servizz lid-destinatarju ta’ traduzzjoni tad-dokument.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (“acta iure imperii”).

2.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf.

[…]”

5

L-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament huwa redatt kif ġej:

“Id-dokument li għandu jiġi trasmess għandu jkun akkumpanjat minn talba mfassla bl-użu ta’ formola standard li tinsab fl-Anness I. Il-formola għandha timtela bil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun ser jitwettaq is-servizz, jew b’lingwa oħra li dak l-Istat Membru jkun indika bħala aċċettabbli għalih. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonjiet ta’ l-Unjoni Ewropea minbarra dik tiegħu li huwa jista’ jaċċetta għall-ikkompletar tal-formola.”

6

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1393/2007:

“L-aġenzija li tibgħat għandha tavża lill-applikant li jkun għaddielha d-dokument għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.”

7

L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla ta’ l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.”

8

L-Artikolu 19(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ servizz, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:

a)

id-dokument kien innotifikat permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi interna ta’ l-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew

b)

id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b’mezz ieħor previst minn dan ir-Regolament;

u li, f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.”

Id-dritt Pollakk

9

L-Artikolu 11355 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili jipprovdi:

“1.   Il-parti li r-residenza, il-post ta’ soġġorn abitwali jew is-sede tagħha jkunu f’pajjiż barrani, u li ma ħatritx mandatarju ad litem li jirrisjedi fil-Polonja, għandha tappunta rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika.

2.   Jekk l-ebda rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika ma jiġi appuntat, l-atti ġudizzjarji indirizzati lil din il-parti jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża u jitqiesu li ġew innotifikati. Il-parti għandha tkun informata fl-ewwel notifika. Hija għandha tkun informata wkoll bil-possibbiltà li tirrispondi għall-att promotur u li tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub, kif ukoll bil-persuni li hija tista’ taħtar bħala rappreżentanti.”

10

Skont l-Artikolu 401 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili:

“Il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri jista’ jintalab minħabba raġunijiet ta’ nullità:

1)

jekk persuna mhux awtorizzata tkun għamlet parti mill-formazzjoni ġudikanti jew jekk l-imħallef li ta d-deċiżjoni kien rekużat skont il-liġi, u fejn il-parti ma ngħatatx il-possibbiltà, qabel ma s-sentenza tkun saret res judicata, li titlob ir-rekuża tiegħu;

2)

jekk parti ma kellhiex il-kapaċità li tkun parti fil-proċeduri jew inkella jekk hija ma kinitx debitament irrappreżentata jew iċċaħdet mis-setgħa tagħha tieħu azzjoni minħabba ksur tad-dritt; madankollu, talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri ma tistax issir jekk l-impossibbiltà li tittieħed azzjoni tkun waqfet qabel ma s-sentenza tkun saret res judicata jew jekk in-nuqqas ta’ rappreżentanza jkun ġie invokat fir-rikors jew jekk il-parti tkun ikkonfermat it-twettieq tal-istadji proċedurali.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Fl-20 ta’ Novembru 2008, il-konjuġi Alder, li jirrisjedu l-Ġermanja, ippreżentaw talba għal ħlas ta’ dejn quddiem is-Sąd Rejonowy w Koszalinie kontra l-konjuġi Orłowski, li jirrisjedu fil-Polonja.

12

Is-Sąd Rejonowy w Koszalinie informat lir-rikorrenti dwar l-obbligu tagħhom li jikkomunikaw fit-terminu ta’ xahar l-isem ta’ rappreżentant fil-Polonja awtorizzat li jirċievi notifiki tal-atti ġudizzjarji, u informathom li, jekk ebda rappreżentant ma kellu jinħatar fl-iskadenza tat-terminu, l-atti indirizzati lilhom jiddaħħlu fil-proċess u jitqiesu li jkunu ġew innotifikati.

13

Peress li l-konjuġi Alder ma indikaw ebda rappreżentant awtorizzat li jirċievi n-notifiki fil-Polonja, it-taħrika tagħhom għas-seduta ffissata għall-5 ta’ Ġunju 2009 u t-talbiet b’risposta ppreżentati mill-konjuġi Orłowski ġew inklużi fil-proċess, b’applikazzjoni tar-regola li dawn l-atti jitqiesu li ġew innotifikati lir-rikorrenti skont l-Artikolu 11355 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili. Dawn tal-aħħar ma dehrux fl-imsemmija seduta, li fiha s-Sąd Rejonowy w Koszalinie eżaminat il-produzzjoni ta’ provi u l-konklużjoni tas-sottomissjonijiet orali. Fl-istess ġurnata ingħatat sentenza li tiċħad ir-rikors, li ma ġietx ikkontestata u li għaldaqstant saret res judicata.

14

Fid-29 ta’ Ottubru 2009, ir-rikorrenti indirizzaw talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ ħlas lis-Sąd Rejonowy w Koszalinie u talbu l-annullament tal-imsemmija sentenza kif ukoll l-eżami mill-ġdid tal-kawża. F’dan ir-rigward, huma sostnew b’mod partikolari li kienu ċċaħdu mill-possibbiltà li jieħdu azzjoni fil-proċedura minħabba l-fatt li ma ġewx effettivament imħarrka. Minħabba f’hekk, billi baqgħu lura milli jinnotifikaw l-atti ġudizzjarji fl-indirizz tagħhom fil-Ġeremanja, il-qorti tar-rinviju kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u kisret id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007.

15

Permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Ġunju 2010, is-Sąd Rejonowy w Koszalinie ċaħdet it-talba għal ftuħ mill-ġdid, billi indikat li l-proċedura ċivili Pollakka kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni. Wara l-appell ippreżentat mir-rikorrenti, is-Sąd Okręgowy w Koszalinie annullat l-imsemmija sentenza, billi qieset li l-finzjoni li n-notifika kienet tqiset li saret kienet tmur kontra r-Regolament Nru 1393/2007, u bagħtet il-kawża quddiem is-Sąd Rejonowy w Koszalinie sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid.

16

Madankollu, is-Sąd Rejonowy w Koszalinie kkonstatat li ma kinitx taqbel ma’ din l-analiżi. Fil-fatt, hija qieset, minn naħa, li r-Regolament Nru 1393/2007 ma setax jiġi applikat fil-kawża prinċipali, inkwantu dan jirregola biss l-ipoteżijiet fejn att ġudizzjarju għandu jiġi nnotifikat fi Stat Membru ieħor skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali. Min-naħa l-oħra, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni l-Artikolu 18 TFUE, hija qieset li r-regola li l-atti jitqiesu li ġew innotifikati ma tistax toħloq diskriminazzjoni indiretta, u li, anki li kieku hija kellha tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta, fi kwalunkwe każ hija ġustifikata minħabba l-għan tagħha li tiggarantixxi l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura fid-dawl tad-diffikultajiet u tal-ispejjeż marbuta man-notifiki ta’ atti barra mill-pajjiż, jew saħansitra tan-natura mhux fattibbli tagħhom.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Koszalinie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 1(1) tar-Regolament […] Nru 1393/2007 […] u l-Artikolu 18 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa possibbli li jiġu inklużi fil-proċess tal-kawża, b’tali mod li jitqiesu li ġew innotifikati, dokumenti tal-qorti indirizzati lil parti li d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha jkunu fi Stat Membru ieħor, jekk dik il-parti naqset milli taħtar rappreżentant li huwa awtorizzat li jaċċetta n-notifika u li huwa domiċiljat fl-Istat Membru fejn ikunu qegħdin iseħħu l-proċedimenti tal-qorti?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, is-Sąd Rejonowy w Koszalinie tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 u, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 18 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-atti ġudizzjarji għal parti li r-residenza jew il-post fejn abitwalment tissoġġorna jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor jiġu inklużi fil-proċess, fejn jitqiesu li ġew innotifikati, meta l-imsemmija parti ma tkunx ħatret rappreżentant awtorizzat jirċievi n-notifiki li jkun residenti fl-ewwel Stat, li fih tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja.

19

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi speċifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007, b’tali mod li jiġi vverifikat jekk ikoprix in-notifiki tal-atti ġudizzjarji f’ċirkustanzi ddefiniti minn dan ir-regolament, fosthom, b’mod partikolari, dawk imsemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali, jew effettivament jekk, bħal ma jsostni l-Gvern Pollakk, l-imsemmi regolament japplikax biss meta tali atti għandhom jiġu nnotifikati fi Stat Membru ieħor skont ir-regoli ta’ proċedura fis-seħħ fl-Istat fejn tiżvolġi l-istanza.

20

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-kliem tal-Artikolu 1(1) tal-istess regolament jispeċifika li dan huwa applikabbli, fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, “fejn dokument ġudizzjarju […] jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz hemmhekk”.

21

Issa, għalkemm huwa minnu li, hekk kif isostni l-Gvern Pollakk, it-test innifsu ta’ din id-dispożizzjoni ma jinkludi ebda indikazzjoni espressa fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom tali att “għandu” jiġi nnotifikat minn Stat Membru għal ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li qari flimkien ta’ dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdi preċiżazzjonijiet utli f’dan ir-rigward.

22

B’mod partikolari, minn naħa, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1393/2007 jipprovdi espressament li dan ma japplikax meta l-indirizz tad-destinatarju tal-att ma huwiex magħruf.

23

Min-naħa l-oħra, il-premessa 8 tal-imsemmi regolament tipprovdi li dan ma għandux japplika għan-notifika ta’ att lir-rappreżentant li ngħata mandat minn parti fl-Istat Membru fejn tiżvolġi l-istanza, ikun liema jkun il-post ta’ residenza ta’ din il-parti.

24

B’hekk mill-interpretazzjoni sistematika tar-regolament inkwistjoni jirriżulta li dan jipprovdi biss żewġ ċirkustanzi li fihom in-notifika ta’ att ġudizzjarju bejn l-Istati Membri ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri, minn naħa, meta d-domiċilju jew il-post ta’ soġġorn abitwali tad-destinatarju ma huwiex magħruf u, min-naħa l-oħra, meta dan tal-aħħar ikun innomina rappreżentant b’mandat fl-Istat fejn tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja.

25

Fl-ipoteżijiet tagħhom, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, ġaladarba d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju jirrisjedi barra mill-pajjiż, in-notifika ta’ dan l-att taqa’ neċessarjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007, u għaldaqstant għandha, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, issir b’mezzi stabbiliti mir-Regolament innifsu għal dan il-għan.

26

Peress li tali soluzzjoni tirriżulta direttament mill-kuntest tal-imsemmi regolament, hija twaqqa’ wkoll it-teżi sostnuta mill-Gvern Pollakk, li jgħid li huwa fid-dawl tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tiżvolġi l-istanza li jeħtieġ li jiġu identifikati ċ-ċirkustanzi li fihom att ġudizzjarju “għandu” jiġi nnotifikat fi Stat Membru, b’mod konformi mal-istess regolament.

27

Fil-fatt, jekk il-leġiżlatur nazzjonali jitħalla bil-kompitu li jiddeterima f’liema każijiet tirriżulta tali ħtieġa, tiġi prekluża kull applikazzjoni uniformi tar-Regolament Nru 1393/2007, peress li ma huwiex eskluż li l-Istati Membri jipprovdu soluzzjonijiet diverġenti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler, C-443/03, Ġabra p. I-9611, punt 44).

28

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn in-notifika tal-atti ġudizzjarji f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007, huwa fid-dawl tal-istruttura u tal-għanijiet tiegħu li għandha tiġi vverifikata l-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn hija tistabbilixxi regola li tipprovdi li n-notifika titqies li saret permezz tal-inklużjoni fl-atti tal-proċess meta l-parti li tirrisjedi barra mill-pajjiż ma tkunx ħatret rappreżentant awtorizzat li jirċievi fil-Polonja n-notifiki rilevanti.

29

F’dan ir-rigward, qabel kollox fejn hija kkonċernata l-istruttura tar-Regolament Nru 1393/2007, għandu jitfakkar li dan tal-aħħar, adottat abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi, bħal ma tipprovdi l-premessa 2 tiegħu, mekkaniżmu ta’ notifika intra Komunitarju li għandu bħala għan il-funzjonament it-tajjeb tas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort, C-14/08, Ġabra p. I-5439, punti 53 sa 55).

30

F’dan il-kuntest, sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji f’materji ċivili, l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 6 tiegħu, jipprovdi li t-trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji għandha ssir, bħala prinċipju, bejn l-“aġenziji li jibgħatu” u l-“aġenziji li jirċievu” maħtura mill-Istati Membri.

31

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1393/2007 nnifsu jipprovdi, fit-Taqsima 2 tiegħu, mezzi oħra ta’ trażmissjoni possibbli, mingħajr madankollu ma jistabbilixxi ġerarkija bejniethom (sentenza tad-9 ta’ Frar 2006 Plumex, C-473/04, Ġabra p. I-1417, punti 19 sa 22), bħat-trażmissjoni b’mezzi konsulari jew diplomatiċi, kif ukoll in-notifika minn aġenti diplomatiċi jew konsulari,, permezz tas-servizzi postali jew ulterjorment, fuq talba ta’ kull persuna interessata, direttament permezz tal-uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra tal-Istat li qed jirċievi.

32

Issa, peress li dawn il-mezzi ta’ trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji huma l-uniċi previsti b’mod eżawrjenti fis-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament, għandu jiġi kkonstatat li dan għaldaqstant ma jinkludix u jipprekludi proċedura ta’ notifika fittizja bħal dik fis-seħħ fil-Polonja skont l-Artikolu 11355 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili.

33

Barra minn hekk din il-konstatazzjoni hija kkorroborata bl-għanijiet tar-regolament inkwistjoni.

34

Fil-fatt, għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li dan ir-regolament, hekk kif jirriżulta fil-premessa 2 tiegħu, ċertament għandu bħala għan li t-trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji bejn l-Istati Membri titjieb u ssir b’iżjed ħeffa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2008, Weiss und Partner, C-14/07, Ġabra p. I-3367, punt 46, kif ukoll Roda Golf & Beach Resort, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

35

Madankollu, bħal ma ġie diġà deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn l-għanijiet ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajfu, b’xi mod jew ieħor, id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tagħhom, li jirriżultaw mid-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għas-Salvagwardja tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Weiss und Partner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

36

F’din il-perspettiva, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007 huma espressament intiżi sabiex jikkonċiljaw l-effikaċja u l-ħeffa tat-trażmissjoni tal-atti ġudizzjarji mar-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji, u dan b’mod partikolari permezz tal-garanzija li dawn l-istess atti jiġu realment u effettivament irċevuti.

37

B’mod partikolari, l-Artikoli 4(3) u 5(1) tal-imsemmi regolament, moqrija fid-dawl tal-premessa 12 tiegħu, jipprovdu l-ħtieġa li n-notifika tal-atti ġudizzjarji jsiru permezz ta’ formola standard, u li din tiġi tradotta f’lingwa li tinftiehem mid-destinatarju jew f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jirċievi jew, jekk jeżistu numru ta’ lingwi uffiċjali f’dan l-Istat, f’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir din in-notifika.

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1393/2007 jimponi lil kull Stat Membru li għażel li jipproċedi permezz tas-servizzi postali, li jinnotifika l-atti ġudizzjarji permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma li din tkun waslet.

39

Taħt l-istess perspettiva, l-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament jobbliga lill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini tissospendi l-proċeduri quddiemha, jekk il-konvenut ma jidhirx quddiemha, sakemm ma jiġix stabbilit li l-att promotur ġie nnotifikat fil-ħin skont metodu previst mil-liġi tal-Istat Membru li jirċievi, jew ukoll li dan l-att ġie effettivament ippreżentat lill-konvenut jew mar-residenza tiegħu, skont metodu ieħor previst mill-imsemmi regolament, fil-ħin sabiex l-imsemmi konvenut jista’ jiddefendi ruħu.

40

Issa, f’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li mekkaniżmu ta’ notifika fittizja, bħal dak previst mill-Artikolu 11355 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili, jirriżulta li huwa inkompatibbli mat-twettiq tal-għanijiet ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża msemmija mir-Regolament Nru 1393/2007.

41

Fil-fatt, bħal ma josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 sa 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-mekkaniżmu jċaħħad minn kull effettività d-dritt tad-destinatarju ta’ att ġudizzjarju, li r-residenza tiegħu jew il-post ta’ soġġorn abitwali tiegħu ma jinsabx fl-Istat Membru fejn tiżvolġi l-istanza, milli jibbenefika milli jirċievi dan l-att realment u effettivament, u dan b’mod partikolari minħabba l-fatt li la l-għarfien tal-att ġudizzjarju fil-ħin sabiex jipprepara d-difiża tiegħu u lanqas it-traduzzjoni tal-istess att ma huma żgurati lill-imsemmi destinatarju.

42

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-atti ġudizzjarji intiżi għal parti li r-residenza tagħha jew il-post ta’ soġġorn abitwali tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor jiġu inklużi fil-proċess, billi jitqiesu li ġew innotifikati, meta l-imsemmija parti ma tkunx ħatret rappreżentant awtorizzat li jirċievi n-notifiki u li jirrisjedi fl-ewwel Stat, li fih tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-atti ġudizzjarji intiżi għal parti li r-residenza tagħha jew il-post ta’ soġġorn abitwali tagħha jinsab fi Stat Membru ieħor jiġu inklużi fil-proċess, billi jitqiesu li ġew innotifikati, meta l-imsemmija parti ma tkunx ħatret rappreżentant awtorizzat li jirċievi n-notifiki u li jirrisjedi fl-ewwel Stat, li fih tiżvolġi l-proċedura ġudizzjarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top