This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0320
Judgment of the Court (Sixth Chamber), 22 November 2012.#Digitalnet OOD and Others v Nachalnik na Mitnicheski punkt — Varna Zapad pri Mitnitsa Varna.#Reference for a preliminary ruling from the Administrativen sad – Varna.#Common Customs Tariff – Tariff classification – Combined Nomenclature – Apparatus capable of receiving television signals and incorporating a modem for gaining access to the internet and having a function of interactive information exchange.#Joined Cases C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 and C‑383/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Novembru 2012.
Digitalnet OOD et vs Nachalnik na Mitnicheski punkt — Varna Zapad pri Mitnitsa Varna.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna.
Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Apparat li jista’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni li fih modem għall-aċċess għall-internet u li jiżgura funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni.
Kawżi magħquda C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-22 ta’ Novembru 2012.
Digitalnet OOD et vs Nachalnik na Mitnicheski punkt — Varna Zapad pri Mitnitsa Varna.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Varna.
Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Apparat li jista’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni li fih modem għall-aċċess għall-internet u li jiżgura funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni.
Kawżi magħquda C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:745
** AFFAIRE C-320/11 **
*A9* Administrativen sad - Varna, Opredelenie 10/06/2011 (3210/10.06)
*P1* Administrativen sad Varna, Opredelenie 13/08/2013 (2186)
** AFFAIRE C-330/11 **
*A9* Administrativen sad - Varna, Opredelenie 21/06/2011 (3418/21.06)
*P1* Administrativen sad Varna, Reshenie 13/08/2013 (2185)
** AFFAIRE C-382/11 **
*A9* Administrativen sad - Varna, Opredelenie 27/06/2011 (1636)
*P1* Administrativen sad Varna, Opredelenie 17/06/2013 (1592)
** AFFAIRE C-383/11 **
*A9* Administrativen sad - Varna, Opredelenie 01/07/2011 (3658)
*P1* Administrativen sad Varna, Opredelenie 18/07/2013 (1985)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
22 ta’ Novembru 2012 ( *1 )
“Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Apparat li jista’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni li fih modem għall-aċċess għall-internet u li jiżgura funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni”
Fil-Kawżi magħquda C-320/11, C-330/11, C-382/11 u C-383/11,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad – Varna (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Ġunju, tal-21 ta’ Ġunju, tas-27 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Lulju 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis-27 ta’ Ġunju, fid-29 ta’ Ġunju u fit-18 ta’ Lulju 2011, fil-proċeduri
Digitalnet OOD (C-320/11 u C-383/11),
Tsifrova kompania OOD (C-330/11),
M SAT CABLE AD(C-382/11)
vs
Nachalnik na Mitnicheski punkt – Varna Zapad pri Mitnitsa Varna,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn U. Lõhmus, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Digitalnet OOD, Tsifrova kompania OOD u M SAT CABLE AD, minn M. Ralchev, avukat, |
— |
għan-Nachalnik na Mitnicheski punkt – Varna Zapad pri Mitnitsa Varna, minn D. Yordanov kif ukoll minn S. Valkova, D. Yordanova, N. Yotsova u V. Konova, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Bulgaru, minn Y. Atanasov, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Bouyon u D. Roussanov, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat, rispettivament, bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 286, p. 1); Nru 1031/2008, tad-19 ta’ Settembru 2008 (ĠU L 291, p. 1), u Nru 948/2009, tat-30 ta’ Settembru 2009 (ĠU L 287, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), kif ukoll l-interpretazzjoni tal-Artikolu 78(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn Digitalnet OOD (iktar ’il quddiem “Digitalnet”), Tsifrova kompania OOD (iktar ’il quddiem “Tsifrova”) u M SAT CABLE AD (iktar ’il quddiem “M SAT CABLE”) u n-Nachalnik na Mitnicheski punkt – Varna Zapad pri Minitsa Varna (Direttur tal-Uffiċċju Doganali Varna tal-Punent fi ħdan id-dwana ta’ Varna, iktar ’il quddiem id-“Direttur tad-Dwana ta’ Varna”) dwar il-ħlas ta’ dazji doganali relatati ma set-top boxes li għandhom funzjoni ta’ komunikazzjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ tal-1994 u l-Ftehim dwar il-kummerċ fil-prodotti ta’ teknoloġija tal-informatika
3 |
Il-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ (GATT) tas-sena 1994 u, b’mod partikolari, il-Memorandum ta’ ftehim dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu II:1(b) tal-GATT jagħmlu parti mill-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech, fil-15 ta’ April 1994, u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoin [konklużjoni] f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). |
4 |
Il-Ftehim dwar il-kummerċ fil-prodotti ta’ teknoloġija tal-informatika, li huwa kkostitwit mid-Dikjarazzjoni ministerjali dwar il-kummerċ fil-prodotti tat-teknoloġija tal-informatika adottata fit-13 ta’ Diċembru 1996 matul l-ewwel konferenza tad-WTO f’Singapour kif ukoll mill-annessi u mill-appendiċi tagħha (iktar ’il quddiem l-“FTI”), u l-komunikazzjoni dwar l-implementazzjoni tagħha, ġew approvati, f’isem il-Komunità, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/359/KE, tal-24 ta’ Marzu 1997, li tirrigwarda l-eliminazzjoni ta’ dazji minn fuq prodotti teknoloġiċi tal-informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 26, p. 3). Il-FTI jippreċiża, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-amministrazzjoni kummerċjali ta’ kull parti għandha tevolvi b’mod li żżid l-opportunitajiet ta’ aċċess għas-suq għall-prodotti tat-teknoloġija tal-informatika. |
5 |
Skont il-paragrafu 2 tal-FTI, kull parti għandha tikkonsolida u telimina d-dazji doganali u sisa u piżijiet oħra ta’ kull tip, fis-sens tal-Artikolu II:1(b) tal-GATT 1994, fir-rigward ta’ ċerti prodotti, fosthom is-“‘set-top boxes’ b’funzjoni ta’ komunikazzjoni: apparat b’mezz ibbażat fuq mikroproċessur li fih modem għall-aċċess għall-internet u li jkollu funzjoni ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
6 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2559/2000, tas-16 ta’ Novembru 2000, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 293, p. 1), ġie adottat bl-intenzjoni li jiġi applikat l-FTI, kif jirriżulta mill-premessa 3 ta’ dan ir-regolament. |
Il-Kodiċi Doganali
7 |
L-Artikolu 78(2) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi kif ġej: “L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-post tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta.” |
Il-klassifikazzjoni tariffarja
In-NM
8 |
Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357; iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), il-Kummissjoni Ewropea għandha, kull sena, tadotta regolament li jirripproduċi l-verżjoni sħiħa tan-NM u tar-rati tad-dazju doganali, kif din il-verżjoni tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament huwa applikabbli mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. |
9 |
Il-verżjoni tan-NM applikabbli għall-Kawża C-382/11 hija dik li tirriżulta mir-Regolament Nru 1214/2007, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008. Dik applikabbli għall-Kawżi C-320/11 u C-330/11 tirriżulta mir-Regolament Nru 1031/2008, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2009. Dik applikabbli għall-Kawża C-383/11 tirriżulta mir-Regolament Nru 948/2009, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010. |
10 |
Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jinsabu fit-Titolu A tat-Taqsima I tal-Ewwel Parti tan-NM. Dawn ir-regoli huma identiċi fil-verżjonijiet tan-NM li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 1214/2007, 1031/2008 u 948/2009. Huma jipprovdu li: “Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti [merkanzija] fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.
[...]
[...]
|
11 |
It-Tieni Parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVI. Din it-taqsima tinkludi l-Kapitolu 85, li jikkonċerna l-makkinarju, it-tagħmir u l-materjal elettriku, u l-bċejjeċ tagħhom, l-apparat li jirreġistra jew li jirriproduċi l-ħoss, l-apparat li jirreġistra jew li jirriproduċi stampi u ħsejjes televiżivi kif ukoll il-bċejjeċ u l-aċċessorji ta’ dan l-apparat. |
12 |
Il-formulazzjoni tal-intestaturi 8521 u 8528 hija identika fil-verżjonijiet tan-NM li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 1214/2007, 1031/2008 u 948/2009. Dawn huma fformulati kif ġej:
|
13 |
Meta seħħew il-fatti fil-kawżi prinċipali, ir-rata tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni applikabbli għall-merkanzija kklassifikata fis-subintestatura 8528 71 19 kienet ta’ 14 %, filwaqt li l-apparat li jaqa’ taħt is-subintestatura 8528 71 13 ibbenefika minn eżenzjoni ta’ dazji. |
In-Noti ta’ Spjega għan-NM
14 |
Inkonformità mat-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni tħejji Noti ta’ Spjega għan-NM, li hija tippubblika b’mod regolari f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawk ippubblikati fis-7 ta’ Mejju 2008 (ĠU C 112, p. 8, iktar ’il quddiem in-“Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008”), applikabbli fiż-żmien tal-importazzjonijiet fil-kawżi prinċipali, jippreċiżaw, fl-intestatura 8528:
|
15 |
In-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008 u dawk ippubblikati fis-6 ta’ Mejju 2011 (ĠU C 137, p. 1) tħassru, mill-1 ta’ Lulju 2011, għal dak li jirrigwarda l-intestaturi 8521 90 00, 8528 71 13, 8528 71 19 u 8528 71 90 mill-Avviż tal-Kummissjoni ppubblikat fil-25 ta’ Ġunju 2011 (ĠU C 185, p. 1). |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
Digitalnet (Kawżi C-320/11 u C-383/11), Tsifrova (Kawża C-330/11) u M SAT CABLE (Kawża C-382/11) huma kumpanniji li l-attività prinċipali tagħhom hija li jipprovdu aċċess għat-televiżjoni diġitali u għall-internet. Il-merkanzija inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma identiċi fl-erba’ kawżi. Din hija magħmula minn set-top boxes li għandhom funzjoni ta’ komunikazzjoni (iktar ’il quddiem is-“set-top boxes”). Dawn is-set-top boxes ġew immanifatturati fil-Korea u importati fil-Bulgarija bejn il-21 ta’ Novembru 2008 u t-22 ta’ Marzu 2010 b’ismijiet kummerċjali differenti minn dawn il-kumpanniji. Is-set-top boxes ġew iddikjarati taħt l-intestatura tariffarja 8528 71 13 tan-NM, jiġifieri b’eżenzjoni mid-dazji doganali. |
17 |
Wara informazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF), l-awtoritajiet doganali wettqu kontroll u waslu għall-konklużjoni li s-set-top boxes ma kellhomx modem integrat u li kellhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8528 71 19 tan-NM. Konsegwentement, kellhom jinġabru dazji doganali ta’ 14 %. L-awtoritajiet doganali adottaw atti amministrattivi li permezz tagħhom il-ħlas tad-dazji doganali ġie impost fuq it-tliet kumpanniji. |
18 |
Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kkontestaw il-validità ta’ dawn l-atti amministrattivi quddiem l-Administrativen sad – Varna billi fetħu erba’ proċeduri distinti, tnejn minnhom li jikkonċernaw Digitalnet. |
19 |
Skont il-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet doganali jqisu li s-set-top boxes jikkonsistu f’riċevituri diġitali bil-cable li għandhom mikroproċessur u riċevitur ta’ sinjali vidjofoniċi. Huma għandhom l-interfaces segwenti: outputs għall-awdjo u għall-vidjo [SKART], Ethernet u RS-232. Dan l-apparat ma fihx modems integrati li jippermettu l-aċċess għall-internet. Skont in-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008, minħabba l-assenza ta’ modems integrati, is-set-top boxes ma jistgħux jiġi kklassifikati fl-intestatura 8528 71 13, iżda fl-intestatura 8528 71 19 tan-NM. |
20 |
Ġew ordnati żewġ perizji ġudizzjarji. Mill-ewwel perizja rriżulta li s-set-top boxes ma għandhomx modem. L-aċċess għall-internet isir permezz tal-protokoll TCP/IP. Huwa possibbli li jiġu eżegwiti programmi għall-internet permezz tas-sistema ta’ skambju interattiv ta’ informazzjoni u li jiġu riċevuti sinjali tat-televiżjoni. |
21 |
Min-naħa l-oħra, mit-tieni perizja jirriżulta li s-set-top boxes huma apparat b’mezz ibbażat fuq mikroproċessur li fih softwer ta’ modem integrat, li jiżgura skambju interattiv ta’ informazzjoni u li jista’ jirċievi sinjali tat-televiżjoni. |
22 |
Fil-Kawżi C-382/11 u C-383/11, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu li l-awtoritajiet doganali kklassifikaw is-set-top boxes mingħajr ma vverifikaw fiżikament il-merkanzija inkwistjoni. |
23 |
Huma f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad – Varna ddeċidiet li tissospendi l-erba’ kawżi quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi li huma komuni għal diversi kawżi u oħrajn li huma speċifiċi għal ftit minnhom:
|
24 |
B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2011, il-Kawżi C-320/11, C-330/11, C-382/11 u C-383/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C-320/11, C-330/11, C-382/11 u C-383/11, fuq it-tieni domanda fil-Kawżi C-320/11, C-330/11 u C-382/11, fuq il-ħames domanda fil-Kawżi C-320/11, C-330/11 u C-382/11 kif ukoll fuq it-tielet domanda fil-Kawża C-383/11
25 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif in-NM għandha tiġi interpretata u, iktar preċiżament, liema merkanzija tista’ tiġi kklassifikata fis-subintestatura 8528 71 13 tan-NM. Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar x’jaqa’ taħt il-kunċetti ta’ “mowdem” u ta’ “aċċess għall-Internet”, fis-sens ta’ din is-subintestatura u fis-sens tan-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk it-tip ta’ modem użat huwiex rilevanti għall-klassifikazzjoni tariffarja jew jekk huwiex suffiċjenti li l-modem jippermetti l-aċċess għall-internet. |
26 |
Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM jipprovdu li l-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha l-ewwel tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti dwar taqsima jew dwar kapitolu, fejn il-formulazzjoni tat-titoli tat-taqsimijiet jew tal-kapitoli għandha biss valur indikattiv. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jkun ibbażat, b’mod ġenerali, fuq il-karatteristiċi u fuq il-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti fil-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u fin-noti dwar taqsima jew dwar kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p. I-8947, punt 9; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, Ġabra p. I-8151, punt 47; tad-19 ta’ Frar 2009, Kamino International Logistics, C-376/07, Ġabra p. I-1167, punt 31, kif ukoll tal-14 ta’ April 2011, British Sky Broadcasting Group u Pace, C-288/09 u C-289/09, Ġabra p. -2851, punt 60). |
28 |
Mill-eżami tan-NM jirriżulta li s-subintestatura 8528 71 13 tikkonċerna r-riċevituri tat-televiżjoni, li ma jkunux iddisinjati sabiex jinkorporaw display jew skrin tal-vidjo, li jkollhom mikroproċessur, li jinkorporaw modem għall-aċċess għall-internet, li jwettqu skambju interattiv ta’ informazzjoni u li jkunu jistgħu jirċievu sinjali tat-televiżjoni (sentenza British Sky Broadcasting Group u Pace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67). |
29 |
Għandu jiġi ppreċiżat li t-termini “riċezzjoni ta’ sinjali vidjofoniċi” u “riċezzjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni” ikopru żewġ kunċetti identiċi (sentenza British Sky Broadcasting Group u Pace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). |
30 |
Sabiex jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 13 tan-NM, apparat għandu jkun jista’, minn naħa, jirċievi sinjali tat-televiżjoni u, min-naħa l-oħra, jinkorpora fih modem għall-aċċess għall-internet li jiżgura skambju interattiv ta’ informazzjoni. Kull apparat li ma jkollux waħda jew oħra minn dawn il-karatteristiċi għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 19 tan-NM, skont ir-regola ġenerali 3(c) għall-interpretazzjoni tan-NM. |
31 |
Ma huwiex ikkontestat li l-apparat inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jistgħu jirċievu sinjali tat-televiżjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, minn naħa, u d-Direttur tad-Dwana ta’ Varna, min-naħa l-oħra, ma jaqblux dwar il-kwistjoni jekk dan l-apparat fihx modem għall-aċċess għall-internet li jippermetti skambju interattiv ta’ informazzjoni. |
32 |
In-NM ma tagħtix definizzjoni la tal-kunċett ta’ “mowdem” u lanqas tal-kunċett “għall-aċċess għall-Internet”. In-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008, fis-seħħ fil-mument tal-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jipprovdu madankollu preċiżjonijiet fir-rigward tat-tip ta’ apparat li jista’ jitqies bħala modem, fis-sens tas-subintestatura 8528 71 13, u fir-rigward tal-karatteristiċi li dan l-apparat għandu jkollu sabiex jitqies bħala li jippermetti l-aċċess għall-internet u l-iskambju interattiv ta’ informazzjoni. |
33 |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-Noti ta’ Spjega għan-NM elaborati mill-Kummissjoni jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi, u dan madankollu mingħajr ma għandhom saħħa legali vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1994, Develop Dr. Eisbein, C-35/93, Ġabra p. I-2655, punt 21; tal-11 ta’ Jannar 2007, B.A.S. Trucks, C-400/05, Ġabra p. I-311, punt 28, kif ukoll British Sky Broadcasting Group u Pace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63). |
34 |
Il-kontenut tan-Noti ta’ Spjega għan-NM għandu għalhekk ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax ibiddel il-portata tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Kamino International Logistics, punt 48, kif ukoll British Sky Broadcasting Group u Pace, punt 64). |
35 |
Minn dan isegwi li n-Noti ta’ Spjega għan-NM għandhom jiġu injorati jekk jidher li huma kuntrarji għall-formulazzjoni tal-intestaturi tan-NM u għan-noti dwar taqsima jew dwar kapitolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Sunshine Deutschland Handelgesellschaft, C-229/06, Ġabra p. I-3251, punt 31; Kamino International Logistics, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50 kif ukoll British Sky Broadcasting Group u Pace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65). |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li n-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008 jagħtu interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ “mowdem” fis-sens tal-intestatura 8528 71 13 tan-NM. Hija tippreċiża, b’mod partikolari, li fil-kuntest tal-kwistjonijiet WT/DS375/R, WT/DS376/R u WT/DS377/R bejn l-Unjoni Ewropea u varji Stati Membri, il-grupp speċjali tad-WTO ta definizzjoni tal-kunċett ta’ “mowdem” iktar wiesgħa minn dik li tinsab fin-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008. Din l-instituzzjoni tqis, konsegwentement, li dawn in-noti jmorru kontra l-formulazzjoni tal-intestaturi tan-NM u għalhekk ma għandhomx jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-interpretazzjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju. |
37 |
Sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi stabbilit x’jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “mowdem għall-aċċess għall-Internet”, fis-sens tas-subintestatura 8528 71 13 tan-NM, u għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett mogħtija fin-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008 hijiex restrittiva wisq. |
38 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tat-termini, li ma jingħataw ebda definizzjoni fid-dritt Komunitarju, għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li fl-istess ħin jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li minnha jiffurmaw parti (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C-336/03, Ġabra p. I-1947, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-5 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Franza, C-556/07, punt 50). |
39 |
Skont ġurisprudenza wkoll stabbilita, anki jekk id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bħalma huwa l-FTI ma humiex ta’ natura li joħolqu għall-individwi drittijiet li dawn jistgħu jinvokaw direttament quddiem il-qorti bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, meta fil-qasam ikkonċernat ikun hemm leġiżlazzjoni tal-Unjoni, is-supremazija tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt derivat teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, inkonformità ma’ dawn il-ftehim (sentenza British Sky Broadcasting Group u Pace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Modem, fis-sens attwali ta’ dan it-terminu, jintuża għat-trasferiment, bejn kompjuters, ta’ data diġitali permezz ta’ unità li taħdem b’mod analogu, jiġifieri, b’mod partikolari, linja tat-telefon. Il-modem jimmodula d-data diġitali f’data analoga u, viċi versa, jiddemodula d-data analoga sabiex jikkonvertiha f’data diġitali. |
41 |
Barra minn hekk, mill-punt 7.880 tar-rapport tal-grupp speċjali tad-WTO li sar riferiment għalih fil-punt 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li “is-sens attwali tat-terminu ‘modem’ jista’ jinkludi dispożittivi oħra minbarra dawk li jikkonvertu sinjali diġitali f’sinjali analogi għall-finijiet tat-trasmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ linja tat-telfon”. Fil-punt 7.878 tal-istess rapport, il-grupp speċjali josserva li “it-terminu ‘modem’ intuża sabiex jirreferi għal dispożittivi oħra li jiżguraw il-modulazzjoni u d-demodulazzjoni b’mezzi oħra u wkoll eventwalment mingħajr il-konverżjoni ta’ sinjali diġitali f’sinjali analogi” u li “it-terminu ‘modem’ jintuża wkoll sabiex jirreferi għal ‘cable modems’, li huma teknoloġikament distinti f’diversi aspetti mill-modems permezz ta’ linja tat-telefon, għal dak li jirrigwarda l-mezz ta’ komunikazzjoni użat, il-firxa ta’ frekwenzi u parametri oħra”. |
42 |
Għal dak li jirrigwarda l-kliem “aċċess għall-internet u li jiżguraw skambju interattiv ta’ informazzjoni”, il-grupp speċjali tad-WTO ppreċiża fil-punt 7.884 tar-rapport tiegħu li dawn jiċċaraw in-natura tal-“funzjoni ta’ komunikazzjoni” li tinsab fil-formulazzjoni tas-subintestatura 8528 71 13 tan-NM. Hija għalhekk il-funzjonalità tal-apparat li huwa ċentrali għad-definizzjoni. L-inkorporazzjoni ta’ modem fl-apparat jissodisfa l-għan ta’ aċċess għall-internet. |
43 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-użu intenzjonat tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa kemm dan ikun inerenti għall-prodott imsemmi, fejn din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata fuq il-bażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2000, Holz Geenen, C-309/98, Ġabra p. I-1975, punt 15; tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, Ġabra p. I-1559, punt 36, kif ukoll British Sky Broadcasting Group u Pace, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76). |
44 |
In-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008 jagħtu definizzjoni tal-modem fis-sens tas-subintestatura 8528 71 13 u jipprovdu li “il-mowdems jimmodulaw u jiddemodulaw sinjali tad-dejta, kemm dawk ħerġin kif ukoll dawk deħlin” u li “il-mezzi li jwettqu funzjoni simili għal dik ta’ mowdem iżda li ma jimmodulawx u ma jiddemodulawx sinjali ma jitqisux bħala mowdems. Eżempji ta’ apparat bħal dawn huma mezzi ISDN-, WLAN- jew Ethernet. Indikazzjoni tal-preżenza ta’ mezz bħal dan hija li konnekter RJ 45”. |
45 |
Jidher għalhekk li, billi jeskludu mill-kunċett ta’ “mowdem” id-dispożittivi li jwettqu funzjonijiet simili għal modem minħabba kunsiderazzjonijiet tekniċi filwaqt li biss l-għan tal-kapaċità ta’ aċċess għall-internet huwa rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni, in-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008 dwar is-subintestatura 8528 71 13 illimitaw is-sens ta’ dan l-aħħar kunċett. Għaldaqstant, dawn in-noti jmorru kontra, fuq dan il-punt, in-NM u ma għandhomx jiġu kkunsidrati. |
46 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, fis-sens tas-subintestatura 8528 71 13 tan-NM, “mowdem għall-aċċess għall-Internet” jikkostitwixxi dispożittiv li huwa kapaċi jaċċedi għall-internet u jiżgura interattività jew skambju bidirezzjonali ta’ informazzjoni. Hija biss il-kapaċità ta’ aċċess għall-internet u mhux it-teknika użata għal dan il-għan li hija rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni. |
47 |
Barra minn hekk, sabiex jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 13 tan-NM, l-apparat għandu jkun jista’ jaċċedi biss għall-internet permezz ta’ modem inkorporat fih. L-aċċess għall-internet ma għandux għalhekk jirrikjedi l-intervent ta’ ebda apparat jew mekkaniżmu ieħor. |
48 |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-imsemmija domandi hija li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ merkanzija fis-subintestatura 8528 71 13, modem għall-aċċess għall-internet jikkostitwixxi dispożittiv li waħdu huwa kapaċi, u mingħajr l-intervent ta’ ebda apparat jew mekkaniżmu ieħor, jaċċedi għall-internet u jiżgura interattività jew skambju bidirezzjonali ta’ informazzjoni. Hija biss il-kapaċità ta’ aċċess għall-internet u mhux it-teknika użata għal dan il-għan li hija rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fl-imsemmija subintestatura. |
Fuq it-tielet domanda fil-Kawżi C-320/11, C-330/11 u C-382/11
49 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf x’għandu jinftiehem b’“modulazzjoni” u b’“demodulazzjoni” fis-sens tan-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008 sabiex apparat ikun jista’ jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 13 tan-NM. |
50 |
It-termini “modulazzjoni” u “demodulazzjoni” jinsabu, kif osservat il-qorti tar-rinviju, fin-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008, iżda ma jintużawx fil-formulazzjoni tas-subintestatura 8528 71 13 tan-NM. |
51 |
Fil-punt 45 ta’ din is-sentenza ġie ppreċiżat li n-Noti ta’ Spjega tas-7 ta’ Mejju 2008 ma għandhomx jiġu kkunsidrati għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 8528 71 13 tan-NM. |
52 |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza li hija biss il-kapaċità ta’ aċċess għall-internet u mhux it-teknika użata għal dan il-għan li hija rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fl-imsemmija subintestatura. Id-definizzjoni tal-kliem modulazzjoni u demodulazzjoni ma hijiex għalhekk neċessarja għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tal-apparat inkwistjoni fil-kawżi prinċipali fis-subintestatura 8528 71 13 tan-NM. |
53 |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-imsemmija domanda. |
Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawżi C-320/11, C-330/11 u C-382/11 u fuq it-tieni domanda fil-Kawża C-383/11
54 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li r-riċezzjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni u l-preżenza ta’ modem li jippermetti l-aċċess għall-internet huma żewġ funzjonijiet ekwivalenti li l-apparat inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandu jissodisfa sabiex jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 13 tan-NM jew jekk, fin-nuqqas ta’ waħda jew oħra minn dawn il-funzjonijiet, dan l-apparat għandux jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 19 tan-NM. |
55 |
Għaldaqstant, din il-qorti tixtieq tkun taf liema minn dawn iż-żewġ funzjonijiet issodisfatti mill-imsemmi apparat tista’ titqies bħala l-funzjoni prinċipali. |
56 |
Kif issemma fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 13 tan-NM, apparat għandu jkun jista’, minn naħa, jirċievi sinjali tat-televiżjoni u, min-naħa l-oħra, jinkorpora fih modem għall-aċċess għall-internet li jiżgura skambju interattiv ta’ informazzjoni. Kull apparat li ma jkollux waħda jew oħra minn dawn il-karatteristiċi għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 19 tan-NM, skont ir-regola ġenerali 3(c) għall-interpretazzjoni tan-NM. |
57 |
Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk apparat jistax jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 13 tan-NM, ma hemmx lok li jiġi vverifikat jekk il-funzjoni ta’ riċezzjoni ta’ televiżjoni hijiex il-funzjoni prinċipali u jekk il-funzjoni ta’ aċċess għall-internet hijiex sussidjarja, jew viċi versa, għaliex dawn iż-żewġ funzjonijiet għandhom ikunu preżenti t-tnejn li huma fl-apparat u li, fin-nuqqas ta’ waħda jew oħra minn dawn il-funzjonijiet, l-apparat ma jaqax taħt is-subintestatura 8528 71 13, iżda taħt is-subintestatura 8528 71 19 tan-NM. |
58 |
Dan l-apparat huwa differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza British Sky Broadcasting Group u Pace, iċċitata iktar ’il fuq. F’din il-kawża, l-apparat inkwistjoni seta’ kemm jirċievi sinjali tat-televiżjoni kif ukoll jirrikordja programmi. Din il-funzjonalità doppja kienet tippermetti li dan l-apparat jiġi kklassifikat f’żewġ subintestaturi distinti tan-NM. Il-verifika tal-funzjoni prinċipali jew essenzjali kienet neċessarja skont ir-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-NM. |
59 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-imsemmija domandi hija li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li r-riċezzjoni ta’ sinjali tat-televiżjoni u l-preżenza ta’ modem li jippermetti l-aċċess għall-internet huma żewġ funzjonijiet ekwivalenti li apparat għandu jissodisfa sabiex jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 13 tan-NM. Fin-nuqqas ta’ waħda jew oħra minn dawn il-funzjonijiet, dan l-apparat għandu jiġi kklassifikat fis-subintestatura 8528 71 19 tan-NM. |
Fuq is-sitt domanda fil-Kawżi C-320/11 u C-330/11, fuq is-seba’ domanda fil-Kawża C-382/11 u fuq il-ħames domanda fil-Kawża C-383/11
60 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’liema intestatura tan-NM u b’liema kodiċi għandu jiġi kklassifikat l-apparat fil-kawżi prinċipali. |
61 |
Għandu jiġi mfakkar li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikhom hija stess, u dan peress li hija mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, jidher li l-qorti nazzjonali tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C-260/00 sa C-263/00, Ġabra p. I-10045, punt 26; tas-16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C-500/04, Ġabra p. I-1545, punt 23, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Lecson Elektromobile, C-12/10, Ġabra p. I-14173, punt 15). |
62 |
Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preċedenti, li għandha tikklassifika l-apparat inkwistjoni fil-kawżi prinċipali skont il-karatteristiċi tiegħu u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu. Hekk kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju għandha tinterpreta n-NM, sa fejn ikun possibbli, inkonformità mal-FTI. |
63 |
Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-imsemmija domandi. |
Fuq is-seba’ domanda fil-Kawżi C-320/11 u C-330/11 u fuq it-tmien domanda fil-Kawża C-382/11
64 |
Fid-dawl tar-risposti li ngħataw għad-domandi preċedenti, is-subintestatura 8521 90 00 tan-NM ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-eżitu tal-kawżi prinċipali, b’tali mod li ma hemmx lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi. |
Fuq is-sitt domanda fil-Kawża C-382/11 u fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C-383/11
65 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 78(2) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispezzjoni a posteriori ta’ merkanzija u l-bdil sussegwenti tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha jistgħu jsiru abbażi ta’ dokumenti bil-miktub mingħajr ma l-awtoritajiet doganali jkunu obbligati jagħmlu verifika fiżika tal-imsemmija merkanzija. |
66 |
Skont il-kliem tal-Artikolu 78(2) tal-Kodiċi Doganali, wara li jeħilsu l-merkanzija, l-awtoritajiet doganali jistgħu “jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija [...] jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija” u huma jistgħu jeżaminaw wkoll il-merkanzija. Minn dan jirriżulta li l-ispezzjoni a posteriori tad-dikjarazzjonijiet tista’ ssir mingħajr ma l-awtoritajiet doganali jkunu obbligati jagħmlu verifika fiżika tal-merkanzija. |
67 |
Ir-risposta li għandha tingħata għal dawn id-domandi hija li l-Artikolu 78(2) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispezzjoni a posteriori ta’ merkanzija u l-bdil sussegwenti tal-klassifikazzjoni tariffarja tagħha jistgħu jsiru abbażi ta’ dokumenti bil-miktub mingħajr ma l-awtoritajiet doganali jkunu obbligati jagħmlu verifika fiżika tal-imsemmija merkanzija. |
Fuq l-ispejjeż
68 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.