This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0202
Judgment of the Court (Grand Chamber), 16 April 2013.#Anton Las v PSA Antwerp NV.#Request for a preliminary ruling from the Arbeidsrechtbank te Antwerpen.#Freedom of movement for workers — Article 45 TFEU — Company established in the Dutch-speaking region of the Kingdom of Belgium — Obligation to draft employment contracts in Dutch — Cross-border employment contract — Restriction — Disproportionate.#Case C‑202/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ April 2013.
Anton Las vs PSA Antwerp NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeidsrechtbank te Antwerpen.
Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Kumpannija stabbilita fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju – Obbligu li l-kuntratti ta’ xogħol jiġu redatti bl-Olandiż – Kuntratt ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali – Restrizzjoni – Nuqqas ta’ proporzjonalità.
Kawża C‑202/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-16 ta’ April 2013.
Anton Las vs PSA Antwerp NV.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeidsrechtbank te Antwerpen.
Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Kumpannija stabbilita fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju – Obbligu li l-kuntratti ta’ xogħol jiġu redatti bl-Olandiż – Kuntratt ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali – Restrizzjoni – Nuqqas ta’ proporzjonalità.
Kawża C‑202/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:239
*A9* Arbeidsrechtbank Antwerpen, 3e kamer, vonnis van 18/01/2011 (A.R. 09/8353/A)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
16 ta’ April 2013 ( *1 )
“Moviment liberu tal-ħaddiema — Artikolu 45 TFUE — Kumpannija stabbilita fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju — Obbligu li l-kuntratti ta’ xogħol jiġu redatti bl-Olandiż — Kuntratt ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali — Restrizzjoni — Nuqqas ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C-202/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-arbeidsrechtbank te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ April 2011, fil-proċedura
Anton Las
vs
PSA Antwerp NV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz u J. Malenovský, Presidenti tal-Awla, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ April 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal A. Las, minn C. Delporte, advocaat, |
— |
għal PSA Antwerp NV, minn C. Engels u M. Holvoet, advocaten, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn J. Stuyck, advocaat, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn S. Vodina u G. Karipsiades, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u G. Rozet, bħala aġenti, |
— |
għall-Autorité de surveillance AELE, minn X. Lewis kif ukoll minn M. Moustakali u F. Simonetti, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Lulju 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Las u l-persuna li kienet timpjegah, PSA Antwerp NV (iktar ’il quddiem, “PSA Antwerp”), dwar il-pagament minn din tal-aħħar ta’ diversi ammonti wara t-tkeċċija tiegħu. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Belġjan
3 |
L-Artikolu 4 tal-Kostituzzjoni Belġjana jipprovdi: “Il-Belġju jikkonsisti minn erba’ reġjuni lingwistiċi: ir-reġjun ta’ lingwa Franċiża, ir-reġjun ta’ lingwa Olandiża, ir-reġjun bilingwi ta’ Bruxelles-Capitale u r-reġjun ta’ lingwa Ġermaniża. Kull muniċipalità tar-Renju tagħmel parti minn wieħed minn dawn ir-reġjuni lingwistiċi. […]” |
4 |
Id-digriet tal-Vlaamse Gemeenschap, tad-19 ta’ Lulju 1973, li jirregola l-użu tal-lingwi fir-relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-ħaddiema kif ukoll fl-atti u d-dokumenti ta’ impriżi mitluba mil-liġi u mir-regolamenti (Belgisch Staatsblad, 6 ta’ Settembru 1973, p. 10089, iktar ’il quddiem, id-“digriet dwar l-użu tal-lingwi”), ġie adottat abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 129(1) tal-Kostituzzjoni, li jipprovdi li “[i]l-Parlamenti tal-Komunità Franċiża u tal-Komunità Fjamminga, kull wieħed minnhom għal dak li jikkonċernah, jirregolaw b’digriet, b’esklużjoni tal-leġiżlatur federali, l-użu tal-lingwi għar-[...] relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-persunal tagħhom, kif ukoll l-atti u d-dokumenti tal-impriżi mitluba mil-liġi u mir-regolamenti”. |
5 |
L-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jipprovdi: “Dan id-digriet huwa applikabbli għall-persuni fiżiċi u morali li għandhom sede tal-operat fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża. Huwa jirregola l-użu tal-lingwi fil-qasam ta’ relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-ħaddiema, kif ukoll fil-qasam ta’ atti u ta’ dokumenti ta’ impriża mitluba mil-liġi. [...]” |
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi digriet jispeċifika li “[i]l-lingwa li għandha tintuża fir-relazzjonijiet soċjali bejn min jimpjega u l-ħaddiema, kif ukoll għall-atti u għad-dokumenti tal-impriżi mitluba mil-liġi, hija l-Olandiż”. |
7 |
L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess digriet jipprovdi kif ġej: “Min jimpjega għandu jistabbilixxi fil-lingwa Olandiża l-atti u d-dokumenti kollha, mitluba mil-liġi, u d-dokumenti kollha indirizzati lill-persunal tiegħu. Madankollu, jekk il-kompożizzjoni tal-persunal tiġġustifika dan u fuq talba unanima tad-delegati tal-ħaddiema fil-kunsill tal-impriża jew, fin-nuqqas ta’ kunsill tal-impriża, fuq it-talba unanima tad-delegazzjoni unjonistika jew, fin-nuqqas tat-tnejn li huma, fuq talba ta’ delegat ta’ trade union rappreżentattiva, min jimpjega għandu jżid mal-avviżi, komunikazzjonijiet, atti, ċertifikati u formularji indirizzati lill-persunal, traduzzjoni f’waħda jew f’diversi lingwi. [...]” |
8 |
Skont l-Artikolu 10 tad-digriet dwar l-użu tal-lingwi: “Id-dokumenti jew l-atti li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet huma nulli. In-nullità għandha tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti. [...] Id-deċiżjoni ta’ nullità ma tistax tikkawża dannu lill-ħaddiem u tħalli eżistenti d-drittijiet ta’ terzi. Min jimpjega għandu jwieġeb għad-danni kkawżati mid-dokumenti jew atti nulli tiegħu lill-ħaddiem jew lit-terzi. [...]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 |
Abbażi ta’ “Letter of Employment” bid-data tal-10 ta’ Lulju 2004 u miktuba bl-Ingliż (iktar ’il quddiem, il-“kuntratt ta’ xogħol”), A. Las, ċittadin Olandiż residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, kien ġie ngaġġat bħala “Chief Financial Officer”, għal żmien indeterminat, minn PSA Antwerp, kumpannija rreġistrata f’Anvers (il-Belġju), iżda li tifforma parti minn grupp multinazzjonali li jopera terminals fil-portijiet li għandu s-sede tiegħu f’Singapore. Il-kuntratt ta’ xogħol kien jipprovdi li A. Las kellu jeżerċita prinċipalment l-attivitajiet professjonali tiegħu fil-Belġju, minkejja li ċerti servizzi kellhom jiġu pprovduti mill-Pajjiżi l-Baxxi. |
10 |
B’ittra tas-7 ta’ Settembru 2009, miktuba bl-Ingliż, A. Las kien tkeċċa b’effett immedjat. B’applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-kuntratt ta’ xogħol, PSA Antwerp ħallset lil A. Las kumpens għat-tkeċċija ugwali għal tliet xhur paga kif ukoll kumpens addizzjonali ugwali għal sitt xhur paga. |
11 |
B’ittra tas-26 ta’ Ottubru 2009, l-avukat ta’ A. Las argumenta ma’ PSA Antwerp li peress li l-kuntratt ta’ xogħol u, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu, dwar il-kumpens għal tkeċċija dovut lil A. Las, ma kinux miktuba bil-lingwa Olandiża, huma għandhom jiġu ddikjarati nulli skont is-sanzjoni prevista fl-Artikolu 10 tad-digriet dwar l-użu tal-lingwi, ladarba PSA Antwerp hija impriża li s-sede tal-operat tagħha huwa fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju. Minn dan, l-avukat ta’ A. Las ikkonkluda li l-partijiet ma kinux marbuta bit-termini tal-Artikolu 8 tal-kuntratt ta’ xogħol u li A. Las kellu dritt jitlob kumpens iktar sostanzjali minn dak li kien jimpjegah. |
12 |
Peress li PSA Antwerp u A. Las ma waslux għal qbil dwar dan, fit-23 ta’ Diċembru 2009 dan tal-aħħar fetaħ kawża quddiem l-arbeidsrechtbank te Antwerpen sabiex din il-qorti tistabbilixxi hija nfisha l-ammont tal-kumpens li għandu jitħallas lilu. |
13 |
Insostenn tat-talba tiegħu, A. Las jirrepeti l-argument li l-Artikolu 8 tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu huwa vvizzjat b’nullità assoluta minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-digriet dwar l-użu tal-lingwi. PSA Antwerp issostni li dan id-digriet ma għandux jiġi applikat f’dan il-każ mill-qorti tar-rinviju sa fejn il-kuntratt ta’ xogħol jirrigwarda persuna li teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu tal-ħaddiema. Issa, l-applikazzjoni tal-imsemmi digriet tikkostitwixxi ostakolu għal din il-libertà fundamentali li ma jistax jiġi ġġustifikat b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. PSA Antwerp iżżid li l-kuntratt ta’ xogħol għandu jiġi rrispettat peress li huwa konformi mal-volontà tal-partijiet, espressa f’lingwa li tinftiehem minn kull waħda minnhom, jiġifieri l-Ingliż, peress li d-direttur tal-imsemmija kumpannija li ffirmah huwa ċittadin Singaporjan li ma jifhimx il-lingwa Olandiża. |
14 |
Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-arbeidsrechtbank te Antwerpen għandha dubji rigward il-fatt li raġuni ta’ interess ġenerali titlob li l-kuntratt ta’ xogħol ikun mitkub bil-lingwa Olandiża f’sitwazzjoni transkonfinali fejn il-partijiet – f’dan il-każ impjegat li jitkellem bl-Olandiż u min jimpjega li ma jitkellimx bl-Olandiż – għażlu manifestament, minħabba l-importanza tal-kariga li kellha tiġi okkupata, li jirrediġu kuntratt ta’ xogħol f’lingwa li tinftiehem miż-żewġ partijiet. |
15 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-arbeidsrechtbank te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-[digriet Fjamming dwar l-użu tal-lingwi] jikser l-Artikolu [45 TFUE] dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea, sa fejn jimponi fuq kull impriża li għandha s-sede tagħha stabbilita fir-reġjun ta’ lingwa [Olandiża], taħt piena ta’ nullità, li d-dokumenti kollha relatati mar-relazzjoni ta’ xogħol meta timpjega ħaddiem għal xogħol ta’ natura internazzjonali jinkitbu bl-Olandiż?” |
Fuq id-domanda preliminari
16 |
Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federattiva ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-persuni kollha li jimpjegaw li jkollhom is-sede tal-operat tagħhom fit-territorju ta’ din l-entità sabiex jużaw biss il-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federattiva għar-redazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-kuntratti ikkonstatata ex officio mill-qorti. |
17 |
B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li huwa stabbilit li l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, peress li ġie konkluż bejn ċittadin Olandiż, li jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, u kumpannija stabbilita fit-territorju tar-Renju tal-Belġju. |
18 |
Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tal-Artikolu 45 TFUE jista’ jiġi invokat mhux biss mill-ħaddiema nfushom, iżda wkoll minn dawk li jimpjegawhom. Fil-fatt, sabiex ikun effikaċi u utli, id-dritt tal-ħaddiema li jiġu rreklutati u impjegati mingħajr diskriminazzjoni għandu neċessarjament ikollu bħala korollarju tiegħu d-dritt tal-persuni li jimpjegaw li jirreklutawhom b’osservanza tar-regoli fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C-208/05, Ġabra p. I-181, punt 23, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères, C-379/11, punt 28). |
19 |
Fir-rigward tal-eżistenza ta’ restrizzjoni, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Radziejewski, C-461/11, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
Dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari,, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludu għaldaqstant kull miżura li, anki jekk applikabbli mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, miċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Casteels, C-379/09, Ġabra p. I-1379, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
21 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet fis-seduta jirriżulta li, fir-redazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali konklużi minn persuni li jimpjegaw li għandhom is-sede tal-operat tagħhom fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju, hija biss il-lingwa Olandiża li hija awtentika. |
22 |
Tali leġiżlazzjoni jista’ jkollha effett dissważiv għall-ħaddiema u l-persuni li jimpjegaw li ma jitkellmux bl-Olandiż li ġejjin minn Stati Membri oħra u tikkostitwixxi, għaldaqstant, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema. |
23 |
Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ tali restrizzjoni, hija ġurisprudenza ferm stabbilita li miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jkunu ammessi biss bil-kundizzjoni li jsegwu għan ta’ interess pubbliku, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu li jintlaħaq dan l-għan, u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Communauté française u l-Gvern tal-Wallonien, C-212/06, Ġabra p. I-1683, punt 55). |
24 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Belġjan isostni li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa r-rekwiżit tripplu, qabel kollox, li tippromwovi u tistimula l-użu ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, imbagħad, li tiżgura l-protezzjoni tal-ħaddiema billi tagħtihom l-opportunità li jeżaminaw id-dokumenti ta’ impjieg bil-lingwa tagħhom kif ukoll li jibbenefikaw mill-protezzjoni effettiva tal-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji li jintalbu jirrikonoxxu dawn id-dokumenti u, fl-aħħar nett, li tiżgura l-effikaċja tal-kontrolli u tas-sorveljanza tal-ispezzjoni tax-xogħol. |
25 |
Rigward l-ewwel għan invokat mill-Gvern tal-Belġju, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludux l-adozzjoni ta’ politika intiża għall-protezzjoni u għall-promozzjoni ta’ lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener, C-379/87, Ġabra p. 3967, punt 19, u tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C-391/09, Ġabra p. I-3787, punt 85). |
26 |
Fil-fatt, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, kif ukoll skont l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha. B’mod konformi mal-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta wkoll l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, li minnha tagħmel parti wkoll il-protezzjoni tal-lingwa jew tal-lingwi uffiċjali ta’ dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Runevič-Vardyn u Wardyn, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86). |
27 |
Għaldaqstant, l-għan li jiġi promoss u stimulat l-użu tal-lingwa Olandiża, li hija waħda mil-lingwi uffiċjali tar-Renju tal-Belġju, jikkostitwixxi interess leġittimu tali li jiġġustifika, bħala regola ġenerali, restrizzjoni għall-obbligi imposti permezz tal-Artikolu 45 TFUE. |
28 |
Rigward it-tieni u t-tielet għan invokati mill-Gvern tal-Belġju u bbażati rispettivament fuq il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u l-iffaċilitar tal-kontrolli amministrattivi relatati magħha, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tirrikonoxxi li dawn huma inklużi fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali rikonoxxuti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-490/04, Ġabra p. I-6095, punti 70 u 71, kif ukoll tas-7 ta’ Ottubru 2010, dos Santos Palhota et, C-515/08, Ġabra p. I-9133, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Madankollu, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tkun fi proporzjon mal-imsemmija għanijiet. |
30 |
F’dan il-każ, mill-imsemmija leġiżlazzjoni jirriżulta li l-ksur tal-obbligu li kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn ħaddiem u persuna li timpjega li għandha s-sede tal-operat tagħha fir-reġjun ta’ lingwa Olandiża tar-Renju tal-Belġju jiġi redatt bl-Olandiż huwa ssanzjonat bin-nullità ta’ dan il-kuntratt, li għandha tiġi kkonstatata ex officio mill-qorti sakemm tali konstatazzjoni ma tippreġudikax lill-ħaddiem u d-drittijiet tat-terzi. |
31 |
Issa, il-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali ma jitkellmux neċessarjament il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat. F’tali sitwazzjoni, l-istabbiliment ta’ kunsens liberu u informat bejn il-partijiet jirrekjedi li dawn ikunu jistgħu jistabbilixxu l-kuntratt tagħhom f’lingwa oħra għajr il-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat Membru. |
32 |
Barra minn hekk, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li mhux biss timponi l-użu tal-lingwa uffiċjali ta’ dan l-Istat għall-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali iżda li tippermetti minbarra dan li tiġi stabbilita verżjoni awtentika ta’ tali kuntratti f’lingwa magħrufa mill-partijiet kollha kkonċernati tkun ta’ inqas preġudizzju għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-għanijiet segwiti mill-imsemmija leġiżlazzjoni. |
33 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jitqies li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza u għaldaqstant ma tistax titqies bħala proporzjonata. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federattiva ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-persuni kollha li jimpjegaw li jkollhom is-sede tal-operat tagħhom fit-territorju ta’ din l-entità sabiex jużaw biss il-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federattiva għar-redazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-kuntratti kkonstatata ex officio mill-qorti. |
Fuq l-ispejjeż
35 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ entità federattiva ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lill-persuni kollha li jimpjegaw li jkollhom is-sede tal-operat tagħhom fit-territorju ta’ din l-entità sabiex jużaw biss il-lingwa uffiċjali ta’ din l-entità federattiva għar-redazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ natura transkonfinali, taħt piena ta’ nullità ta’ dawn il-kuntratti kkonstatata ex officio mill-qorti. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.