Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0176

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012.
HIT hoteli, igralnice, turizem dd Nova Gorica u HIT LARIX, prirejanje posebnih iger na srečo in turizem dd vs Bundesminister für Finanzen.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l‑Awstrija).
Artikolu 56 TFUE — Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi r-reklamar għal casinos li jinsabu fi Stati oħra jekk il-livell ta’ protezzjoni legali tal-ġugaturi f’dawn l-Istati ma jkunx ekwivalenti għal dak iggarantit fuq livell nazzjonali — Ġustifikazzjoni — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità.
Kawża C-176/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:454

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Artikolu 56 TFUE — Restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Logħob tal-ażżard — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprojbixxi r-reklamar għal casinos li jinsabu fi Stati oħra jekk il-livell ta’ protezzjoni legali tal-ġugaturi f’dawn l-Istati ma jkunx ekwivalenti għal dak iggarantit fuq livell nazzjonali — Ġustifikazzjoni — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-176/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ April 2011, fil-proċedura

HIT hoteli, igralnice, turizem dd Nova Gorica,

HIT LARIX, prirejanje posebnih iger na srečo in turizem dd

vs

Bundesminister für Finanzen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal HIT hoteli, igralnice, turizem dd Nova Gorica u HIT LARIX, prirejanje posebnih iger na srečo in turizem dd, minn R. Vouk, avukat,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer u J. Bauer, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u M. Jacobs, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck, avukat

għall-Gvern Grieg, minn E.-M. Mamouna, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn A. Barros u A. Silva Coelho u P.I. Valente, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u I. Rogalski, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ kawża bejn HIT hoteli, igralnice, turizem dd Nova Gorica, HIT LARIX, prirejanje posebnih iger na srečo in turizem dd (iktar ’il quddiem, flimkien “HIT u HIT LARIX”) u l-Bundesminister für Finanzen (Ministru Federali tal-Finanzi, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar ċaħda minn dan tal-aħħar ta’ talbiet għal awtorizzazzjoni sabiex isir reklamar fl-Awstrija għal casinos li huma joperaw fis-Slovenja.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

3

L-Artikolu 21 tal-Liġi federali dwar il-logħob tal-ażżard (Glücksspielgesetz), tat-28 ta’ Novembru 1989 (BGBl. I, 620/1989, fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. I, 54/2010, iktar ’il quddiem il-“GSpG”), intitolat “Casinos, konċessjoni”, jagħti l-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni tal-konċessjonijiet għall-operat ta’ casinos fl-Awstrija. Huwa jipprevedi, b’mod partikolari, li l-konċessjonarju għandu jkollu l-forma ġuridika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li jkollha bord ta’ sorveljanza u li tkun stabbilita fl-Awstrija, li jkollha kapital azzjonarju ta’ mhux inqas minn EUR 22 miljun u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, għandu jista’ jiġi preżunt li hija topera bl-aħjar mod il-konċessjoni b’osservanza tar-regoli stabbiliti mill-GSpG fl-oqsma tal-protezzjoni tal-ġugaturi u tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus.

4

L-Artikolu 25 tal-GSpG, intitolat “Klijenti tal-casinos”, jinkludi, sostanzjalment, numru ta’ miżuri intiżi li jipproteġu l-ġugaturi mill-perikli marbuta mal-logħob, bħal ma huwa l-iżvilupp tal-ludopatija jew l-inċitament għal infiq eċċessiv (b’mod partikolari, id-dħul fil-casino rriżervat esklużivament għall-persuni maġġorenni, obbligu għall-amministrazzjoni tal-casino li titlob informazzjoni fuq il-ġugaturi li jidhru li huma dipendenti fuq il-logħob mingħand organu indipendenti li huwa awtorizzat jagħti informazzjoni dwar is-solvenza tal-persuni, intervista mal-ġugaturi, jekk ikun il-każ, sabiex jiġi stabbilit jekk il-parteċipazzjoni tagħhom għal-logħob hijiex tali li tipperikola d-dħul minimu tiegħu għas-sussistenza, projbizzjoni temporanja jew definittiva ta’ dħul).

5

Dan l-artikolu jipprevedi wkoll il-possibbiltà għall-klijenti tal-casinos li jressqu azzjoni ċivili diretta kontra l-amministrazzjoni tal-casino li tkun naqset mill-obbligi tagħha li tipproteġi l-ġugaturi, fi żmien tliet snin li jibdew jiddekorru minn meta jseħħ it-telf li dawn il-klijenti jkunu sofrew. Ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni tal-casino fir-rigward tal-validità tal-kuntratt ta’ logħob jew mat-telf dovut għal-logħob hija rregolata b’mod eżawrjenti minn dan l-artikolu u hija limitata mid-dħul minimu għas-sussistenza.

6

L-Artikolu 56 tal-GSpG, intitolat “Reklamar legali”, jipprevedi:

“(1)   Il-konċessjonarji u d-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet skont din il-liġi għandhom josservaw attitudni responsabbli fir-reklami tagħhom. L-osservanza ta’ din l-attitudni hija suġġetta għal sorveljanza esklużiva tal-Ministru Federali tal-Finanzi u ma tistax tagħti lok għal azzjoni fuq il-bażi tal-Artikoli 1 et seq tal-liġi Federali kontra l-kompetizzjoni żleali. L-obbligu previst fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma jikkostitwixxix regola ta’ protezzjoni fis-sens tal-Artikolu 1311 tal-Kodiċi Ċivili.

(2)   Skont il-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, il-casinos tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jħajru lill-klijenti Awstrijaċi, permezz tar-reklamar, sabiex imorru fl-istabbilimenti barranin li jinsabu fl-Istati Membri tal-Unjoni […] jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea, bil-kundizzjoni li l-operatur tal-casino jkun kiseb f’dan is-sens awtorizzazzjoni tal-[Ministeru]. Awtorizzazzjoni bħal din għandha tingħata meta l-operatur tal-casino jkun ipproduċa l-prova lill-[Ministeru] li:

1.

il-konċessjoni mogħtija għall-operazzjoni tal-casino tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 21 ta’ din il-liġi u hija operata fil-pajjiż li jkun ta’ konċezzjoni, li għandu jkun Stat Membru tal-Unjoni […] jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, u li

2.

id-dispożizzjonijiet legali adottati minn dan l-Istat Membru dwar il-protezzjoni tal-ġugaturi jikkorrispondu tal-inqas mad-dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi.

Jekk il-miżuri ta’ reklamar ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-paragrafu (1), il-[Ministeru] jista’ jipprojbixxi kull reklamar lill-operatur tal-casino barrani.”

Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

HIT u HIT LARIX huma żewġ kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti fis-Slovenja. Huma għandhom konċessjonijiet sabiex jorganizzaw ċertu logħob tal-ażżard fis-Slovenja u jippromwovu effettivament dawn is-servizzi f’diversi stabbilimenti li jinsabu f’dan l-Istat Membru.

8

HIT u HIT LARIX talbu li jiġu awtorizzati, bis-saħħa tal-Artikolu 56 tal-GSpG, li jwettqu reklamar fl-Awstrija għaż-żewġ stabbilimenti ta’ logħob tagħhom li jinsabu fis-Slovenja, b’mod partikolari għall-casinos. B’żewġ deċiżjonijiet adottati fl-14 ta’ Lulju 2009, dawn it-talbiet ġew miċħuda mill-ministeru għar-raġuni li HIT u HIT LARIX ma kinux urew li d-dispożizzjonijiet legali Sloveni fil-qasam tal-logħob tal-ażżard (iktar ’il quddiem il-“leġiżlazzjoni Slovena”) kienet tiggarantixxi livell ta’ protezzjoni tal-ġugaturi komparabbli ma dak previst fl-Awstrija, peress li l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni kienet neċessarja bis-saħħa tal-punt 2 tal-Artikolu 56(2) tal-GSpG sabiex l-awtorizzazzjonijiet ikunu jistgħu jinħarġu.

9

HIT u HIT LARIX ressqu appell kontra dawn id-deċiżjonijiet ta’ rifjut, u bih sostnew, sostanzjalment, li l-imsemmija deċiżjonijiet ġew adottati bi ksur tad-dritt għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, liema dritt dawn iż-żewġ kunpanniji jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni.

10

Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-ministeru sostna li HIT u HIT LARIX ma kinux urew li l-leġiżlazzjoni Slovena tipprevedi, bħala oneru fuq l-amministrazzjoni tal-casinos, obbligu legali ta’ twissija u ta’ esklużjoni jew sistema ta’ sorveljanza komparabbli ma dak li jinsab fl-ordinament ġuridiku Awstrijak. Barra min hekk ma ġiex ipprovat li l-leġiżlazzjoni Slovena għandha regoli ddettaljati fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri fis-swali tal-logħob u lanqas li l-klijenti tal-casinos jistgħu jaġixxu direttament quddiem il-qrati ċivili Sloveni fil-każ ta’ nuqqas min-naħa tal-konċessjonarju li jwettaq l-obbligi tiegħu.

11

Il-ministeru jsostni li l-obbligu li għandha r-Repubblika tal-Awstrija li tipproteġi l-konsumaturi li jinsabu fit-territorju tagħha ma jintemmx meta dawn jitħajru jmorru f’casinos li jinsabu fi Stati Membri oħra li japplikaw regoli ta’ protezzjoni nettament inferjuri għal dawk fis-seħħ fl-Awstrija, għaliex kemm l-imsemmi reklamar kif ukoll il-frekwentazzjoni ta’ dawn l-istabbilimenti mir-residenti Awstrijaċi mħajra minn tali reklamar jistgħu jkollhom konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi kemm għall-individwu kif ukoll għas-soċjetà u għaldaqstant jipperikolaw serjament il-persuni u l-familji li jirrisjedu fl-Awstrija, kif ukoll is-saħħa pubblika. Barra minn hekk, in-neċessità li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ miżuri ta’ protezzjoni komparabbli tirriżulta mill-koerenza imperattiva stabbilita mid-dritt tal-Unjoni.

12

Il-qorti tal-rinviju tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tesponi li, fid-dawl tagħha, l-Artikolu 56(2) tal-GSpG jikkostitwixxi, fil-prinċipju, restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE. Din ir-restrizzjoni tista’ madankollu tiġi ġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bil-kundizzjoni li hija tkun proporzjonata.

13

B’hekk, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hemm l-għanijiet tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-logħob u tal-imħatri intiżi kemm għall-protezzjoni tad-destinatarji tas-servizzi kkonċernati kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, għall-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll għall-protezzjoni tal-ordni soċjali. Hija żżid li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni armonizzata fuq livell Ewropew fil-qasam tal-logħob tal-ażżard, huwa kull Stat Membru li għandu jiddefinixxi l-livell ta’ protezzjoni tal-ġugaturi li jkun irid jiżgura.

14

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li r-raġunijiet wara l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Istati Membri fil-qasam mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

15

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgerichtshof Regeringsrätten iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Regola stabbilita minn Stat Membru, li tipprovdi li reklamar li jippromwovi l-istabbilimenti barranin ta’ każino li jinsabu f’dan l-istess Stat [reklamar li jippromwovi fl-imsemmi Stat stabbilimenti ta’ każinos li jinsabu barra l-imsemmi Stat] huwa awtorizzat biss bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet legali applikabbli f’dawn l-istabbilimenti fil-qasam tal-protezzjoni ta’ min jilgħab ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, hija konċiljabbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

16

L-Artikolu 56 TFUE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-fornituri ta’ servizzi nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor li fih jipprovdi legalment servizzi analogi. Barra minn hekk, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tapplika kemm favur il-fornitur u kif ukoll favur id-destinatarju tas-servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C-403/08 u C-429/08, Ġabra p. I-9083, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Iktar preċiżament, fil-qasam tar-reklamar tal-logħob tal-ażżard, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tipprojbixxi l-promozzjoni fi Stat Membru tal-logħob tal-ażżard organizzat legalment fi Stati Membri oħra tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Sjöberg u Gerdin, C-447/08 u C-448/08, Ġabra p. I-6921, punti 33 u 34).

18

Bl-istess mod, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sa fejn hija tfixkel l-aċċess għall-konsumaturi residenti fl-Awstrija għas-servizz offruti fil-casinos li jinsabu fi Stat Membru ieħor billi tissuġġetta l-promozzjoni ta’ dawn l-attivitajiet fl-Awstrija għal skema ta’ awtorizzazzjoni li teżiġi b’mod partikolari li l-operatur ta’ casino kkonċernat juri li d-dispożizzjonijiet legali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġugaturi adottati fl-Istat Membru li jiġi operat l-imsemmi casino jikkorrispondu mill-inqas għad-dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi f’dan il-qasam (iktar ’il quddiem, il-“kundizzjoni kkontestata”).

19

Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif iggarantita mill-Artikolu 56 TFUE.

Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

20

Għandu jiġi eżaminat sa fejn ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ammessa bis-saħħa tal-miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikoli 51 TFUE u 52 TFUE, applikabbli fil-qasam bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE, jew iġġustifikati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

21

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-restrizzjonijiet għall-attivitajiet ta’ logħob jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u l-prevenzjoni tal-frodi u tal-inkoraġġiment taċ-ċittadini għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group, C-46/08, Ġabra p. I-8149, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Madankollu, ir-restrizzjonijiet imposti mill-Istati Membri għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-proporzjonalità tagħhom, jiġifieri li jkunu jistgħu jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Hemm lok, barra minn hekk, li jitfakkar, f’dan il-kuntest, li leġiżlazzjoni nazzjonali tkun biss adegwata sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan invokat jekk verament tirrifletti l-intenzjoni li dan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku. F’kull każ, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod mhux diskriminatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07 Ġabra p. I-7633, punti 59 sa 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, u, b’mod partikolari, il-kundizzjoni kkontestata, ifittex il-protezzjoni tal-konsumaturi mill-perikli marbuta mal-logħob tal-ażżard, ħaġa li, kif jirriżulta mill-punt 21 ta’ din is-sentenza, tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali tali li tiġġustifika r-restrizzjonijiet tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

24

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-leġiżlazzjoni dwar il-logħob tal-ażżard tagħmel parti mill-oqsma li fihom jeżistu diverġenzi kunsiderevoli ta’ natura morali, reliġjuża u kulturali bejn l-Istati Membri. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni Komunitarja fil-qasam, huwa kull Stat Membru li għandu jevalwa, f’dawn l-oqsma, skont il-firxa ta’ valuri partikolari tiegħu, l-eżiġenzi ta’ protezzjoni tal-interessi kkonċernati (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax ikollu impatt fuq l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati dwar is-suġġett. Dawn għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li dawn ikunu jixtiequ jiżguraw (sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, il-gvern Awstrijak qies li r-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet imfittxija. B’turija ta’ dan, in-numru ta’ casinos fl-Awstrija huwa limitat għal mhux iktar minn ħmistax u l-operaturi tal-casinos huma marbuta li josservaw regoli stretti fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġugaturi, bħalma huwa d-dmir li jikkonservaw l-identità ta’ dawn tal-aħħar għal ħames snin, u dak tal-amministrazzjoni tal-casino li tosserva l-aġir tal-lagħab sabiex tiddetermina jekk il-frekwenza u l-intensità tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-logħob tipperikolax id-dħul minimu tiegħu neċessarju għas-sussistenza.

27

Skont dan l-istess gvern, fil-prattika, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli preventivi wasslu għal limitazzjoni kbira tan-numru ta’ ġugaturi, peress li iktar minn 80000 persuna fl-2011 kienet ġiet suġġetta għal restrizzjonijiet jew għal projbizzjonijiet ta’ dħul fil-casinos Awstrijaċi. Għaldaqstant, fl-assenza tal-imsemmija kundizzjoni kkontestata, il-ġugaturi jitħajru jaqsmu l-fruntiera u jesponu lilhom infushom għal perikli ikbar fil-casinos li jinsabu fi Stati membri oħra li fihom, f’dan il-każ, ma jiġux żgurati l-garanziji regolamentari simili ta’ protezzjoni.

28

F’dan ir-rigward, mill-kundizzjoni kkontestata jirriżulta li l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni sabiex isir ir-reklamar fl-Awstrija għal casinos stabbiliti barra mill-pajjiż jiddependi minn paragun minn qabel tal-livell ta’ protezzjoni tal-ġugaturi li teżisti fil-varji ordinamenti ġuridiċi kkonċernati.

29

Din l-iskema ta’ awtorizzazzjoni, fil-prinċipju, tista’ tissodisfa l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità jekk tissuġġetta biss l-awtorizzazzjoni li jsir ir-reklamar għal stabbilimenti ta’ logħob stabbiliti fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar jagħti garanziji sostanzjalment ekwivalenti għal dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-għan leġittimu ta’ protezzjoni tar-residenti tiegħu mill-perikli marbuta mal-logħob tal-ażżard.

30

Kundizzjoni bħal din ma tidhirx li tikkostitwixxi, għall-operaturi, piż eċċessiv fid-dawl tal-għan, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, ta’ protezzjoni tal-popolazzjoni mill-perikli inerenti tal-logħob tal-ażżard.

31

Peress li l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob tal-ażżard u li jiddefinixxu bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mixtieq (ara s-sentenza Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju għaliex hija sempliċement teżiġi, sabiex tingħata l-awtorizzazzjoni li jsir ir-reklamar, li jintwera li fl-Istat Membru l-ieħor il-leġiżlazzjoni applikabbli tiżgura protezzjoni mill-perikli tal-logħob li sostanzjalment tkun ta’ livell ekwivalenti għal dak li tiggarantixxi hija stess.

32

Tkun madankollu differenti, u allura din il-leġiżlazzjoni jkollha titqies li hija sproporzjonata, jekk hija teżiġi, fl-Istat Membru l-ieħor, li r-regoli jkunu identiċi, jew jekk hija timponi regoli mingħajr ebda relazzjoni diretta mal-protezzjoni mill-perikli tal-logħob.

33

Fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li huwa bbażat fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Stoß et, C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, Ġabra p. I-8069, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-kundizzjoni kkontestata sempliċement tissuġġetta l-awtorizzazzjoni li jsir ir-reklamar għall-istabbilimenti ta’ logħob stabbiliti fi Stat Membru ieħor għall-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar tagħti garanziji sostanzjalment ekwivalenti għal dawk tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-għan leġittimu ta’ protezzjoni tal-individwi mill-perikli marbuta mal-logħob tal-ażżard.

35

Il-qorti tar-rinviju tista’, b’mod partikolari, tistħarreġ il-kwistjoni li jsir magħruf jekk, bir-riferiment li hemm għall-Artikolu 21, kollu kemm hu, il-punt 1 tal-Artikolu 56(2) tal-GSpG jimponix kundizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-protezzjoni tal-konsumaturi.

36

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda preliminari hija li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha r-reklamar f’dan l-Istat li jippromwovi l-istabbilimenti ta’ casino li jinsabu fi Stat Membru ieħor jiġi awtorizzat biss jekk id-dispożizzjonijiet legali adottati f’dan l-Istat Membru fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġugaturi jagħtu garanziji li sostanzjalment ikunu ekwivalenti għal dawk tad-dispożizzjonijiet legali korrispondenti fis-seħħ fl-ewwel Stat Membru.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha r-reklamar f’dan l-Istat li jippromwovi l-istabbilimenti ta’ casino li jinsabu fi Stat Membru ieħor jiġi awtorizzat biss jekk id-dispożizzjonijiet legali adottati f’dan l-Istat Membru fil-qasam tal-protezzjoni tal-ġugaturi jagħtu garanziji li sostanzjalment ikunu ekwivalenti għal dawk tad-dispożizzjonijiet legali korrispondenti fis-seħħ fl-ewwel Stat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top