This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011CJ0133
Judgment of the Court (First Chamber), 25 October 2012.#Folien Fischer AG and Fofitec AG v Ritrama SpA.#Reference for a preliminary ruling from the Bundesgerichtshof.#Area of freedom, security and justice – Jurisdiction in civil and commercial matters – Special jurisdiction in tort, delict or quasi-delict – Action for a negative declaration (‘negative Feststellungsklage’) – Whether a person alleged to have committed a harmful act may bring a person who might be adversely affected before the courts with jurisdiction for the place where the act allegedly occurred or may occur, seeking a declaration that there is no liability in tort or delict.#Case C-133/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2012.
Folien Fischer AG u Fofitec AG vs Ritrama SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt — Azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (‘negative Feststellungsklage’) — Dritt tal-awtur preżunt ta’ fatt dannuż li jfittex lill-vittma potenzjali fil-qorti tal-post fejn allegatament seħħ jew jista’ jitwettaq dan il-fatt sabiex issir il-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ responsabbiltà delittwali.
Kawża C-133/11.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2012.
Folien Fischer AG u Fofitec AG vs Ritrama SpA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof.
Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt — Azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (‘negative Feststellungsklage’) — Dritt tal-awtur preżunt ta’ fatt dannuż li jfittex lill-vittma potenzjali fil-qorti tal-post fejn allegatament seħħ jew jista’ jitwettaq dan il-fatt sabiex issir il-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ responsabbiltà delittwali.
Kawża C-133/11.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:664
*A9* Bundesgerichtshof, Beschluss vom 01/02/2011 (KZR 8/10)
- Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht 2011 p.554-556
- Neue juristische Wochenschrift 2011 p.1632
- Recht der internationalen Wirtschaft 2011 p.564-566
- Wettbewerb in Recht und Praxis 2011 p.605-608
- Wirtschaft und Wettbewerb 2011 p.487-492
- Zeitschrift für Wirtschaftsrecht 2011 p.975-978
- Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, internationaler Teil 2011 p.544-546
- Mankowski, Peter: Entscheidungen zum Wirtschaftsrecht 2011 p.253-254
*P1* Bundesgerichtshof, Beschluss vom 29/01/2013 (KZR 8/10)
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla)
25 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )
“Spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjonijiet speċjali f’materja ta’ delitt jew kważi delitt — Azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (‘negative Feststellungsklage’) — Dritt tal-awtur preżunt ta’ fatt dannuż li jfittex lill-vittma potenzjali fil-qorti tal-post fejn allegatament seħħ jew jista’ jitwettaq dan il-fatt sabiex issir il-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ responsabbiltà delittwali”
Fil-Kawża C-133/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura
Folien Fischer AG,
Fofitec AG
vs
Ritrama SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, J.-J. Kasel, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Folien Fischer AG u Fofitec AG, minn G. Jaekel, avukat, |
— |
għal Ritrama SpA, minn J. Petersen, avukat, |
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u M. Wilderspin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Folien Fischer AG (iktar ’il quddiem “Folien Fischer”) u Fofitec AG (iktar ’il quddiem “Fofitec”), stabbilita fl-Isvizzera, u Ritrama SpA (iktar ’il quddiem “Ritrama”), stabbilita fl-Italja, fir-rigward tat-talba tagħhom għal konstatazzjoni negattiva dwar in-nuqqas ta’ responsabbiltà delittwali fil-qasam tal-kompetizzjoni. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan huwa intiż, fl-interess tal-operat tajjeb tas-suq intern, sabiex jiġu implementati “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”. |
4 |
Il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li: “Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.” |
5 |
Il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament tipprovdi: “B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.” |
6 |
Il-premessa 15 ta’ dan l-istess regolament tistabbilixxi: “Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]” |
7 |
Skont il-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001: “Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn [il-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendat bil-konvenzjonijiet sussegwenti dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell’] u dan ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja […]” |
8 |
Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni jinsabu fil-Kapitolu II tar-Regolament Nru 44/2001, fl-Artikoli 2 sa 31 tiegħu. |
9 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu II, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.” |
10 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jagħmel parti mill-istess sezzjoni, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.” |
11 |
L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 3, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu: “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja: […]
|
12 |
L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 jistabbilixxi: “1. Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata. 2. Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 |
Folien Fischer, stabbilita fl-Isvizzera, tiżviluppa, timmanifattura u tbiegħ prodotti tal-karti laminati u film adeżiv. Hija tikkummerċjalizza, b’mod partikolari fil-Ġermanja, il-bażi għal formoli tal-karti kontinwi. |
14 |
Fofitec, li wkoll għandha s-sede tagħha fl-Isvizzera u tifforma parti mill-grupp ta’ kumpanniji ta’ Folien Fischer, hija proprjetarja ta’ diversi privattivi li jipproteġu ċerti formoli sabiex tintbagħat ittra flimkien ma’, b’mod partikolari, karta ta’ sħubija, kif ukoll il-bażi għal dawn il-formoli tal-karti. |
15 |
Ritrama, stabbilita fl-Italja, tiżviluppa, tipproduċi u tikkummerċjalizza laminati u films b’diversi saffi ta’ diversi tipi. |
16 |
B’ittra mibgħuta fix-xahar ta’ Marzu 2007, Ritrama sostniet li l-politika ta’ distribuzzjoni ta’ Folien Fischer u r-rifjut tagħha li tagħti liċenzji ta’ privattivi marru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni. |
17 |
Wara din l-ittra, Folien Fischer u Fofitec adixxew lill-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja) b’talba għal konstatazzjoni negattiva bil-għan li jiġi kkonstatat li Folien Fischer ma hijiex obbligata li ttemm il-prattika kummerċjali tagħha fir-rigward tal-għoti ta’ skontijiet u tal-formulazzjoni tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni u li Ritrama ma għandhiex id-dritt la li twaqqaf din il-prattika kummerċjali u lanqas li tikseb kumpens minn dan il-lat. Folien Fischer u Fofitec talbu wkoll lil dik il-qorti li tikkonstata li Fofitec ma hijiex obbligata li tagħti liċenzja għal żewġ privattivi li hija proprjetarja tagħhom, li jipproteġu l-manifattura tal-formoli u l-bażi għall-manifattura ta’ dawn. |
18 |
Wara li ġiet ippreżentata din l-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, Ritrama u Ritrama AG, sussidjarja stabbilita fl-Isvizzera, adixxew lit-Tribunale di Milano (l-Italja) b’azzjoni għall-eżekuzzjoni, fejn sostnew li Folien Fischer u Fofitec kienu qed jaġixxu b’mod antikompetittiv u fejn talbu għall-ħlas tad-danni kif ukoll għall-kundanna ta’ Fofitec sabiex din tagħti liċenzji fuq il-privattivi inkwistjoni. Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Ritrama stqarret li din il-proċedura kienet sospiża. |
19 |
L-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva magħmula minn Folien Fischer u Fofitec kienet inċaħdet bħala inammissibbli mil-Landgericht Hamburg. Id-deċiżjoni ta’ din il-qorti ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Oberlandesgericht Hamburg (il-Ġermanja). |
20 |
Fid-deċiżjoni tagħha, din tal-aħħar ma aċċettatx il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi, billi l-ġurisdizzjoni f’materja delittwali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma setgħetx tapplika għal azzjoni ta’ konstatazzjoni negattiva bħal dik ippreżentata minn Folien Fischer u Fofitec, peress li azzjoni bħal din hija intiża preċiżament sabiex tistabbilixxi li ma twettaq l-ebda delitt. |
21 |
Il-Bundesgerichtshof, peress li kienet ġiet adita b’rikors ta’ “Reviżjoni” ippreżentat minn Folien Fischer u Fofitec, tistaqsi jekk il-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hijiex fondata wkoll meta l-awtur ta’ dannu potenzjali jippreżenta azzjoni għal konstatazzjoni negattiva sabiex jiġi kkonstatat li l-vittma potenzjali tad-dannu ma tista’ tinvoka l-ebda dritt ibbażat fuq att delittwali possibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat li jfisser li l-ġurisdizzjoni fl-oqsma marbuta mad-delitti u kważi delitti tapplika wkoll fir-rigward ta’ talba għal konstatazzjoni negattiva [‘negative Feststellungsklage’] fejn l-awtur potenzjali ta’ fatt dannuż isostni li fiċ-ċirkustanzi partikolari l-vittma potenzjali ma għandu ebda dritt fil-qasam delittwali (f’dan il-każ, ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni)?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
22 |
Ritrama SpA tikkontesta r-rilevanza tad-domanda preliminari għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Fl-ittra tagħha tax-xahar ta’ Marzu 2007, li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju, kienet ippreżentata mhux bħala ittra ta’ intimazzjoni formali, iżda bħala sempliċi stedina biex jibdew negozjati sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni. Din l-ittra ma hijiex bażi xierqa f’termini ta’ proċedura u lanqas ma hija raġuni xierqa sabiex tinvolvi lill-konvenuta fil-kawża prinċipali f’proċeduri kontenzjużi. Għalhekk Folien Fischer u Fofitec ma għandhom l-ebda interess ġuridiku. |
23 |
Ritrama tqis ukoll li, fir-rigward tal-fatt li hija ma hijiex qed tikkompeti ma’ Folien Fischer u Fofitec fil-Ġermanja, l-att illegali kkontestat ma jistax iseħħ f’dan l-Istat Membru fis-sens tad-dritt proċedurali. Konsegwentement, il-qrati Ġermaniżi ma jistgħux jibbażaw il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħhom abbażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. |
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat, minn naħa, li Ritrama għandha l-intenzjoni tikkontesta l-aġir ta’ Folien Fischer u ta’ Fofitec fil-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju u tikkontesta r-rilevanza tad-domanda preliminari. Hekk kif ġa kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti tar-rinviju li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tal-kawża li jkollha quddiemha kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 32, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C-165/09 sa C-167/09, Ġabra p. I-4599, punt 47). |
25 |
Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, hija ġurisprudenza stabbilita li hija biss il-qorti nazzjonali, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża quddiemha, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C-439/08, Ġabra p. I-12471, punt 41, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt, C-118/11, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
Ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitlub ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C-41/11, punt 35). |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan ma huwiex il-każ, peress li l-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar il-motivi li għalihom hija għamlet id-domanda preliminari u risposta għal din id-domanda hija neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli. |
Fuq il-mertu
29 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal konstatazzjoni negattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ responsabbiltà delittwali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
Rimarki preliminari
30 |
L-ewwel lok, għandu jitfakkar, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, billi jirreferu għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid-Chemie, C-189/08, Ġabra p. I-6917, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et, C-509/09 u C-161/10, Ġabra p. I-10269, punt 38). |
31 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tapplika wkoll għal dawk tal-imsemmi regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti leġiżlattivi jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti (sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Zuid-Chemie, punt 18, kif ukoll eDate Advertising et, punt 39). |
32 |
Issa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li huma rilevanti għall-kawża preżenti, jiġifieri l-Artikoli 5(3) u 27 ta’ dan ir-regolament, jirriflettu l-istess struttura bħal dik fil-Konvenzjoni ta’ Brussell u jużaw, barra minn hekk, kważi l-istess kliem. Fid-dawl ta’ din l-ekwivalenza, huwa importanti li tiġi żgurata, b’mod konformi mal-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001, il-kontinwità fl-interpretazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atti leġiżlattivi (ara s-sentenza Zuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19). |
33 |
It-tieni lok, għandu jitfakkar li, minn naħa, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, billi jippermetti kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Falco Privatstiftung u Rabitsch, C-533/07, Ġabra p. I-3327, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C-327/10, Ġabra p. I-11543, punt 44). |
34 |
Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 li jipprovdu għal ġurisdizzjoni speċjali għandhom jiġu interpretati, konformement mal-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan li jikkonsisti fil-fatt li tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. |
35 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat. |
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001
36 |
Għandu jiġi kkonstatat li, skont l-ifformular tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali li hija s-suġġett ta’ din id-dispożizzjoni hija prevista, b’mod ġenerali, “f’materja ta’ delitt jew kważi delitt”. Għalhekk, tali fformular ma jippermettix li tiġi eskluża mill-ewwel azzjoni għal konstatazzjoni negattiva tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
37 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li r-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista, b’deroga mill-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż, u li għalhekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zuid-Chemie, punt 24, kif ukoll eDate Advertising et, punt 40). |
38 |
Fil-fatt, f’materja ta’ delitt, l-imħallef tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq huwa normalment l-iktar adatt sabiex jiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ prossimità mal-kawża u sabiex tiffaċilità l-amministrazzjoni tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C-167/00, Ġabra p. I-8111, punt 46, u Zuid-Chemie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24). |
39 |
Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-espressjoni “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq” li tinsab fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 tirrigwarda fl-istess ħin kemm il-post fejn immaterjalizza ruħu d-dannu kif ukoll il-post fejn seħħ l-aġir li kkawża dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mfittex, fuq l-għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (sentenza tad-19 ta’ April 2012, Wintersteiger, C-523/10, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Għalhekk, wieħed minn dawn iż-żewġ punti ta’ rabta għandu jiġi identifikat minn qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddikjara li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi kawża f’materja ta’ delitt jew kważi delitt. |
41 |
Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk, minkejja azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, il-ġurisdizzjoni sabiex tkun tista’ tilqa’ tali talba tista’ tingħata fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. |
42 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-partikolarità ta’ azzjoni għal konstatazzjoni negattiva hija bbażata fuq il-fatt li min jagħmel it-talba jfittex li jistabbilixxi l-assenza tal-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà li tirriżulta minn dritt għal kumpens għall-konvenuta. |
43 |
F’dan il-kuntest, hekk kif ukoll ġie kkonstatat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, azzjoni għal konstatazzjoni negattiva għalhekk timplika inverżjoni fir-rwoli normalment magħrufin f’materja ta’ delitti, billi min jagħmel it-talba huwa d-debitur potenzjali ta’ kreditu bbażat fuq att delittwali, filwaqt li l-konvenut huwa l-allegata vittma ta’ dan l-att. |
44 |
Madankollu, din l-inverżjoni fir-rwoli ma hijiex tali li tipprekludi azzjoni għal konstatazzjoni negattiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. |
45 |
Fil-fatt, l-għanijiet ta’ prevedibbiltà tal-forum u taċ-ċertezza legali, imfittxija minn din id-dispożizzjoni u ripetutament imfakkra mill-ġurisprudenza (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, G, C-292/10, punt 39, u Wintersteiger, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23), ma jirrigwardaw la l-allokazzjoni tar-rwoli rispettivi ta’ rikorrent u konvenut, u lanqas il-protezzjoni ta’ wieħed minn dawn it-tnejn. |
46 |
Partikolarment, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jfittix l-istess għan bħar-regoli ta’ ġurisdizzjoni fis-sezzjonijiet 3 sa 5 tal-Kapitolu II tal-istess regolament, li jfittxu li joffru lill-parti l-iktar dgħajfa protezzjoni iktar qawwija (ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, ČPP Vienna Insurance Group, C-111/09, Ġabra p. I-4545, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Konsegwentement, kif ġustament isostnu Folien Fischer, Fofitec, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Portugiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-allegata vittma tkun introduċiet azzjoni. |
48 |
L-interessi ta’ min jippreżenta azzjoni għal konstatazzjoni negattiva u l-interessi ta’ dawk li ressqu talba sabiex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għal dannu u jiġi kkundannat iħallas danni huma differenti. Madankollu, fiż-żewġ każijiet, l-eżami mwettaq mill-qorti adita jirrigwarda essenzjalment l-istess punti ta’ fatt u ta’ liġi. |
49 |
Barra minn hekk, jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C-406/92, Ġabra p. I-5439), li tirrigwarda l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell iddedikata lil-lis alibi pendens, li sar l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001, talba intiża sabiex jiġi deċiż li l-konvenut huwa responsabbli għad-danni kif ukoll li jiġi kkundannat iħallas għal dan il-għan d-danni u talba tal-istess konvenut sabiex jiġi kkonstatat li ma huwiex responsabbli għal dawn id-danni għandhom l-istess kawżali u l-istess suġġett. |
50 |
Għandu jiġi wkoll ippreċiżat li, fl-istadju tal-verifika tal-ġurisdizzjoni internazzjonali, il-qorti adita ma tikkunsidra la l-ammissibbiltà u lanqas il-mertu tat-talba għal konstatazzjoni negattiva taħt ir-regoli tad-dritt nazzjonali, iżda tidentifika biss il-punti ta’ rabta mal-Istat tal-forum sabiex tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispeċifiċità tal-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, imsemmija fil-punt 42 ta’din is-sentenza, ma għandha l-ebda effett fuq l-eżami li qorti nazzjonali għandha tagħmel sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha f’materji ta’ delitt jew kważi delitt, minħabba li jirrigwarda biss li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ punt ta’ rabta mal-Istat tal-forum. |
52 |
Għaldaqstant, jekk l-elementi involuti fl-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva jistgħu jiġġustifikaw ir-rabta mal-Istat fejn seħħ l-avveniment kawżali jew fejn id-dannu seħħ jew jista’ jseħħ, bis-saħħa tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-qorti ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ postijiet jistgħu validament jassumu ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex jiddeċiedu l-azzjoni, irrispettivament mill-kwistjoni jekk din l-azzjoni ġietx ippreżentata mill-allegata vittma ta’ att delittwali jew mid-debitur potenzjali ta’ kreditu bbażat fuqu. |
53 |
Madankollu, il-qorti li ma tkunx tista’ tidentifika fl-Istat tal-forum wieħed miż-żewġ punti ta’ rabta, imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, ma tistax tassumi ġurisdizzjoni, ħlief bi ksur tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. |
54 |
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni u tal-qrati nazzjonali, li azzjoni għal konstatazzjoni negattiva ma tistax tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. |
55 |
Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula hija li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal konstatazzjoni negattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
56 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu rrimborsati. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal konstatazzjoni negattiva intiża sabiex tistabbilixxi l-assenza ta’ responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.