EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0055

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2012.
Vodafone España SA vs Ayuntamiento de Santa Amalia (C‑55/11) Ayuntamiento de Tudela (C‑57/11) u France Telecom España SA vs Ayuntamiento de Torremayor (C‑58/11).
Talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo.
Direttiva 2002/20/KE — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Awtorizzazzjoni — Artikolu 13 — Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet.
Kawżi magħquda C‑55/11, C‑57/11 u C‑58/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:446

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Lulju 2012 ( *1 )

“Direttiva 2002/20/KE — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Awtorizzazzjoni — Artikolu 13 — Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet”

Fil-Kawżi magħquda C-55/11, C-57/11 u C-58/11,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tat-28 u tad-29 ta’ Ottubru kif ukoll tat-3 ta’ Novembru 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2011, fil-proċeduri

Vodafone España SA

vs

Ayuntamiento de Santa Amalia (C-55/11),

Ayuntamiento de Tudela (C-57/11),

u

France Telecom España SA

vs

Ayuntamiento de Torremayor (C-58/11),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’Jannar 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vodafone España SA, minn M. Muñoz de Juan, E. Gardeta González, J. Viloria Gutiérrez u J. Buendía Sierra, avukati,

għal France Telecom España SA, minn E. Zamarriego Santiago, M. Muñoz de Juan u J. Buendía Sierra, avukati,

għall-Ayuntamiento de Tudela, minn T. Quadra-Salcedo Fernández del Castillo u J. Zornoza Pérez, avukati,

għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29 p. 337).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet kawżi bejn, minn naħa, Vodafone España SA (iktar ’il quddiem “Vodafone España”) kontra Ayuntamientos de Santa Amalia (C-55/11) u Tudela (C-57/11), kif ukoll, min-naħa l-oħra, France Telecom España SA (iktar ’il quddiem “France Telecom España”) kontra Ayuntamiento de Torremayor (C-58/11) fir-rigward ta’ tariffi li għalihom huma suġġetti dawn iż-żewġ kumpanniji għall-użu privat u l-użu speċjali taż-żona taħt l-art u fuq l-art pubblika lokali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 97/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ April 1997, dwar qafas komuni għall-awtorizzazzjonijiet ġenerali u għal-liċenzji individwali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, p. 15), tipprovdi fl-Artikolu 11 tagħha:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull taxxa imposta fuq l-impriżi bħala parti mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun intiża biss biex tkopri l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni marbuta mal-ħruġ, mal-ġestjoni, mal-kontroll u mal-infurzar tal-liċenzji individwali applikabbli. It-taxxi applikabbli għal liċenzja individwali għandhom ikunu proporzjonali mal-volum ta’ xogħol involut u għandhom jiġu ppublikati b’mod xieraq u suffiċjentement dettaljat sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli faċilment.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fil-każ ta’ riżorsi rari, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom biex jimponu tariffi sabiex tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dik ir-riżorsa. Dawn it-tariffi għandhom ikunu nondiskriminatorji u jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

Id-Direttiva 97/13 tħassret mill-Artikolu 26 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva “Kwadru”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”).

5

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva Qafas jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fejn awtorità kompetenti tqis:

applikazzjoni għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika jew privata lill-impriża awtorizzata li tipprovdi networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew

[...]

l-awtorità kompetenti:

taġixxi fuq il-bażi ta’ proċeduri ta’ trasparenza u pubblikament disponibbli, applikati mingħajr diskriminazzjoni u mingħajr dewmien, u

issegwi l-prinċipji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni fil-kondizzjonijiet li hija tehmeż ma’ dawk id-drittijiet.

[…]”

6

L-Artikolu 12 tad-Direttiva Qafas jipprovdi:

“1.   Fejn impriża tipprovdi networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jkollha d-dritt taħt il-leġislazzjoni nazzjonali li tistalla faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika jew privata, jew tista’ tieħu vantaġġ bi proċedura għall-esproprjazzjoni jew użu ta’ proprjetà l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jinkoraġġixxu l-qsim ta’ dawk il-faċilitajiet jew proprjetà.

2.   B’mod partikolari fejn impriżi huma mċaħda minn aċċess għal alternattivi vijabbli minħabba l-ħtieġa ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew biex jitħarsu l-miri ta’ l-ippjanar tal-bliet u rħula, l-Istati Membri jistgħu jimponu l-qsim ta’ faċilitajiet jew proprjetà (inkluża ko-lokazzjoni fiżika) fuq impriża li topera network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni ta’ xogħlijiet pubbliċi biss wara perjodu adattat ta’ konsultazzjoni pubblika li matulu l-partijiet kollha nteressati għandhom jingħataw l-opportunità li jesprimu l-opinj[o]ni tagħhom. Dawk l-arranġamenti ta’ qsim jew koordinazzjoni jistgħu jinkludu regoli għat-tqassim tan-nefqa tal-qsim tal-faċilità jew proprjetà.”

7

Il-premessi 30 sa 32 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” jipprovdu:

“30.

Ħlasijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali fl-amministrazzjoni tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni u fl-għoti ta’ drittijiet ta’ użu. Dawk il-ħlasijiet għandhom ikunu limitati li jkopru in-nefqa amministrattiva attwali għal dawk l-attivitajiet. Għal dan il-għan għandha tinħoloq trasparenza fid-dħul u n-nefqa ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali permezz ta’ rapportar ta’ kull sena dwar is-somma totali ta’ ħlasijiet miġbura u n-nefqiet amministrattivi magħmula. Dan jippermetti li l-impriżi jivverifikaw li n-nefqiet għall-amministrazzjoni u l-ħlasijiet ikunu jibbilanċjaw.

31.

Is-sistemi għall-ħlasijiet amministrattivi m’għandhomx joħolqu tgħawwiġ tal-kompetizzjoni jew joħolqu xkiel għad-dħul fis-suq. B’sistema ġenerali ta’ awtorizzazzjoni m’għandux ikun aktar possibbli li l-ispejjeż amministrattivi u b’hekk il-ħlasijiet jiġu attribwiti lil impriżi individwali ħlief għall-għoti tad-drittijiet ta’ użu tan-numri, frekwenzi tar-radju u għad-drittijiet biex jiġu stallati faċilitajiet. Kull ħlas amministrattiv applikabbli għandu jkun konformi mal-prinċipji ta’ sistema ġenerali ta’ awtorizzazzjoni. Eżempju ta’ alternattiva ġusta, sempliċi u trasparenti għal dawn il-kriterji ta’ attribuzzjoni tal-ħlasijiet tista’ tkun formula ta’ distribuzzjoni relatata mal-qligħ fuq il-bejgħ. Fejn il-ħlasijiet amministrattivi jkun baxxi ħafna, ħlasijiet b’rata fissa, jew ħlasijiet li jikkombinaw bażi ta’ rata fissa ma’ l-element relatat mal-qligħ fuq il-bejgħ tista’ wkoll tkun adatta.

32.

Minbarra l-ħlasijiet amministrattivi, tariffi għall-użu jistgħu jiġu imposti fuq l-użu ta’ frekwenzi tar-radju u numri bħala strument li jiżgura l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawk it-tariffi m’għandhomx ifixklu l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u l-kompetizzjoni fis-suq. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-għan li għalih it-tariffi għad-drittijiet ta’ użu jintużaw. Dawk it-tariffi jistgħu per eżempju jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li ma jistgħux jiġu koperti bil-ħlasijiet amministrattivi. Fejn, fil-każ ta’ proċeduri ta’ għażla kompetittivi jew komparattivi, tariffi għad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-rad[j]u jikkonsistu kollha kemm huma jew parzjalment f’ammont ta’ darba biss, l-arranġamenti tal-ħlas għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi fil-prattika ma jwasslux għal għażla fuq il-bażi ta’ kriterji li m’humiex relatati mal-mira li jiġi żgurat l-aħjar użu tal-frekwenzi tar-radju. Il-Kummissjoni tista’ tippublika fuq bażi regolari studji komparattivi fir-rigward ta’ l-aħjar prattiċi għall-assenjament tal-frekwenzi tar-radju, l-assenjament ta’ numri jew l-għoti ta’ drittijiet ta’ passaġġ.”

8

L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolata “Tariffi għad-drittijiet ta’ użu u drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-awtorità relevanti li timponi tariffi għad-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju jew numri jew drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata li jirriflettu l-ħtieġa li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawn ir-riżorsi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi għandhom ikunu oġġettivament ġustifikati, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati b’relazzjoni ma’ l-iskop maħsub tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-miri f’Artikolu 8 tad-[Direttiva Qafas].”

9

Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), tipprovdi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tagħha:

“L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 8, timponi obbligi fuq operaturi biex jissodisfaw talbiet raġonevoli għall-aċċess għal, u l-użu ta’, elementi speċifiċi ta’ networks u faċilitajiet assoċjati, fost ġwejjeġ [ħwejjeġ] oħra f’sitwazzjonijiet fejn l-awtorità regolatorja nazzjonali tqis li ċ-ċaħda għall-aċċess jew termini u kondizzjonijiet mhux raġonevoli li jkollhom effett simili jfixklu it-tfaċċar ta’ suq kompetittiv sostenibbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jew li ma jkunux fl-interess ta’ l-utent finali.”

Id-dritt Spanjol

10

Il-Liġi Ġenerali Nru 32/2003 dwar it-telekomunikazzjonijiet (Ley 32/2003 General de Telecomunicaciones), tat-3 ta’ Novembru 2003 (BOE Nru 264, tal-4 ta’ Novembru 2003, p. 38890), hekk kif tirriżulta mill-preambolu tagħha ttrasponiet, fid-dritt Spanjol, id-direttivi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet adottati fis-sena 2002, li fosthom tidher id-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”.

11

Skont l-Artikolu 49 tal-imsemmija liġi:

“1.   L-operaturi u l-proprjetarji tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju pubbliċi jew ta’ riżorsi ta’ numri huma marbuta jħallsu l-ħlasijiet stabbiliti fl-ordinament ġuridiku.

2.   Dawn il-ħlasijiet għandhom l-għan li jkopru:

a)

l-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw mix-xogħol regolatorju għall-preparazzjoni u l-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju sussidjarju u tal-atti amministrattivi, b’mod partikolari fil-qasam ta’ interkonnessjoni u ta’ aċċess;

b)

l-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni, il-kontroll u l-applikazzjoni tas-sistema stabbilita fil-liġi preżenti;

c)

l-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni, il-kontroll u l-applikazzjoni tad-drittijiet ta’ okkupar ta’ proprjetà pubblika u tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju pubbliċi u tan-numri;

d)

il-ġestjoni tan-notifiki rregolati mill-Artikolu 6 tal-liġi preżenti;

e)

l-ispejjeż ta’ kooperazzjoni internazzjonali, ta’ armonizzazzjoni u ta’ normalizzazzjoni kif ukoll ta’ analiżi tas-suq.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, it-tariffi imposti għall-użu tal-frekwenzi tar-radju pubbliċi, għan-numri u għall-art pubblika meħtieġa għall-installazzjoni ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jintużaw biex ikopru r-rekwiżit li jiġi żgurat l-aqwa użu ta’ dawk ir-riżorsi, wara li jiġi kkunsidrat il-valur tal-proprjetà fir-rigward ta’ liema dritt ta’ użu huwa mogħti u l-iskarsezza tiegħu. Dawn it-tariffi ma għandhomx ikunu diskriminatorji, ikunu oġġettivament ġustifikati u proporzjonali għall-għan tagħhom. Huma għandhom jiffavorixxu wkoll it-twettiq tal-għanijiet u l-osservanza tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3 b’mod konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni.

4.   Il-ħlasijiet previsti fil-paragrafi preċedenti huma applikati b’mod oġġettiv, trasparenti u proporzjonat sabiex jiġu mminimizzati l-ispejjeż amministrattivi supplementari u l-ħlasijiet konnessi.

5.   Il-Ministerio de Ciencia y Tecnología [Ministeru tax-Xjenzi u tat-Teknoloġija], il-Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones [Kummissjoni tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet] u l-Agencia Estatal de Radiocomunicaciones [Aġenzija tal-Istat għall-komunikazzjonijiet bir-radju], kif ukoll l-amministrazzjonijiet territorjali li jiżguraw il-ġestjoni u l-irkupru tal-ħlasijiet previsti fil-paragrafu 2 tal-artikolu preżenti, għandhom jippublikaw sinteżi annwali tal-ispejjeż amministrattivi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni tagħhom u tal-ammont totali tad-dħul.”

12

Id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/2004, li pprovda test rivedut tal-liġi li tirregola l-finanzi lokali (Real Decreto Legislativo 2/2004, por el que se aprobó el texto refundido de la Ley reguladora de las Haciendas Locales), tal-5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 59, tad-9 ta’ Marzu 2004, p. 10284), jipprovdi, fl-Artikolu 20(1) u (3) tiegħu, id-dritt għall-awtoritajiet lokali li jimponu ħlasijiet għall-użu privat jew l-operat speċjali tal-art pubblika lokali, b’mod partikolari taż-żona taħt, fi u fuq toroq pubbliċi muniċipali.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

13

Mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li, b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Spanjola, numru ta’ muniċipalitajiet tar-Renju ta’ Spanja, fosthom l-Ayuntamientos de Santa Amalia, ta’ Tudela u ta’ Torremayor, adottaw id-digrieti fiskali li jissuġġettaw lill-impriżi għal tariffi għall-użu privat jew għall-użu speċjali tal-art pubblika lokali sabiex tforni provvista ta’ servizzi li jirriżultaw li huma ta’ interess ġenerali, u li dawn l-impriżi, kemm jekk ikunu proprjetarji jew le ta’ installazzjonijiet neċessarji għal din il-provvista ta’ servizzi, u li jokkupaw materjalment dan il-qasam. Il-provvista ta’ servizzi tat-telefonija mobbli tirriżulta fost is-servizzi li huma ntaxxati skont dawn id-digrieti.

14

Vodafone España u France Telecom España huma operaturi tat-telekomunikazzjonijiet li jfornu servizzi tat-telefonija mobbli fit-territorju Spanjol.

15

Vodafone España ppreżentat rikorsi kontra d-digrieti fiskali adottati mill-Ayuntamientos de Tudela u tas-Santa Amalia rispettivament quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Navarra (Qorti Suprema tal-Ġustizzja ta’ Navarra) u t-Tribunal Superior de Justicia de Extremadura (Qorti Suprema tal-Ġustizzja ta’ Extremadura). France Telecom España, fir-rigward tagħha, ippreżentat quddiem din l-aħħar qorti rikors kontra d-digriet fiskali adottat mill-Ayuntamiento de Torremayor. Fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi, dawn l-operaturi kkontestaw il-konformità ta’ dawn id-digrieti mad-dritt tal-Unjoni. L-imsemmija rikorsi ġew miċħuda permezz ta’ sentenzi tat-30 ta’ Diċembru 2008 tat-Tribunal Superior de Justicia de Navarra u tat-12 u d-29 ta’ Ġunju 2009 tat-Tribunal Superior de Justicia de Extremadura.

16

Vodafone España b’hekk ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem it-Tribunal Supremo (Qorti Suprema) kontra s-sentenzi tat-30 ta’ Diċembru 2008 tat-Tribunal Superior de Justicia de Navarra u tat-12 ta’ Ġunju 2009 tat-Tribunal Superior de Justicia de Extremadura. France Telecom España ressqet appell ta’ kassazzjoni kontra s-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2009 tat-Tribunal Superior de Justicia de Extremadura.

17

Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju, it-Tribunal Supremo, billi tipproċedi, fl-ewwel lok b’analiżi tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, kellha dubji dwar il-kompetenza tal-Istati Membri li jimponu tariffa għad-drittijiet ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet mhux biss għall-operatur li huwa proprjetarju tan-netwerk tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi, iżda wkoll għall-operaturi li jillimitaw ruħhom li jirċievu servizzi ta’ interkonessjoni u li, konsegwentement, jillimitaw ruħhom li jkollhom aċċess għall-imsemmi netwerk kif ukoll li jużaw dan.

18

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-tariffi inkwistjoni jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”.

19

Fit-tielet lok, it-Tribunal Supremo tikkunsidra li hemm lok li jiġi vverifikat ukoll jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex ikollha effett dirett. Hija tindika li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-effett dirett tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 tidher li hija favur din is-soluzzjoni.

20

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunal Supremo ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati b’mod identiku fit-tliet Kawżi C-55/11, C-57/11 u C-58/11:

“1)

L-Artikolu 13 tad-[Direttiva ta’ ‘Awtorizzazzjoni’] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ tariffa għad-drittijiet ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet fis-settur pubbliku muniċipali fuq operaturi li, mingħajr ma huma proprjetarji tan-netwerk, jużaw dan in-netwerk sabiex jipprovdu servizzi ta’ telefonija mobbli?

2)

Fil-każ fejn jitqies li din l-impożizzjoni ta’ ħlas hija kompatibbli mal-Artikolu 13 tad-[Direttiva ta’ ‘Awtorizzazzjoni’], il-kundizzjonijiet li fihom tiġi imposta din it-tariffa, abbażi tad-digriet lokali kkontestat, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ oġġettività, ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni meħtieġa minn din id-dispożizzjoni, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi inkwistjoni?

3)

Hemm lok li jiġi [r]rikonoxxut effett dirett lill-imsemmi Artikolu 13 tad-[Direttiva ta’ ‘Awtorizzazzjoni’]?”

21

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Marzu 2011, il-Kawżi C-55/11, C-57/11 u C-58/11 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domanda bil-għan tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

22

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 2012, l-Ayuntamiento de Tudela talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali fejn sostniet li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fit-22 ta’ Marzu 2012, huma bbażati fuq premessi żbaljati.

23

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, b’mod konformi mal-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tqis li ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C-284/06, Ġabra p. I-4571, punt 37 kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C-323/09, Ġabra p. I-8625, punt 22).

24

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha fid-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa biex tirrispondi d-domandi ppreżentati mill-qorti tar-rinviju u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba tal-Ayuntamiento de Tudela bil-għan tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi taxxi għall-użu ta’ art pubblika lokali mhux biss fuq l-operaturi proprjetarji tan-netwerks tat-telefonija użati f’dan il-qasam, iżda wkoll lill-operaturi proprjetarji ta’ drittijiet ta’ użu, ta’ aċċess jew ta’ interkonnessjoni għall-imsemmija networks, taqa’ fil-possibbiltà offerta lill-Istati Membri mill-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” li jissuġġettaw għal tariffa d-“drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata” sabiex tiġi kkunsidrata n-neċessità li jiġi żgurat tqassim ottimiżżat ta’ dawn il-faċilitajiet.

27

B’mod partikolari, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq jekk taxxa bħal din tistax tiġi imposta mhux biss fuq operatur li, b’mod konformi mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva Qafas, huwa proprjetarju tad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet minn fuq, ma’ jew minn taħt proprjetà pubblika jew privata u li, b’mod konformi mal-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-“aċċess”, jista’ jitwassal li jiddividi dawn il-faċilitajiet, iżda wkoll lill-operaturi li jfornu servizzi tat-telefonija mobbli billi jiġu użati l-imsemmija faċilitajiet.

28

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, l-Istati Membri jistgħu jirċievu biss dawk il-ħlasijiet jew tariffi oħra fuq il-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi previsti minn din id-direttiva (ara, b’analoġija, sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, Nuova società di telecomunicazioni, C-339/04, Ġabra p. I-6917, punt 35 u tal-10 ta’ Marzu 2011, Telefónica Móviles España, C-85/10, Ġabra p. I-1575, punt 21).

29

Hekk kif jirriżulta mill-premessi 30 sa 32 kif ukoll mill-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, l-Istati Membri huma b’hekk awtorizzati biss li jimponu kemm ħlasijiet amministrattivi intiżi li jkopru l-ispejjeż amministrattivi globali li jirriżultaw mill-ġestjoni, l-istħarriġ u l-applikazzjoni tas-sistema ġenerali ta’ awtorizzazzjoni, kemm tariffi fuq id-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju jew ta’ numri jew inkella fuq id-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet minn fuq jew minn taħt proprjetà pubblika jew privata.

30

Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-premessa li skont din, il-ħlasijiet inkwistjoni ma jaqgħux la taħt l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva u lanqas taħt il-kunċett ta’ tariffi fuq id-drittijiet ta’ użu tal-frekwenzi tar-radju jew tan-numri fis-sens tal-Artikolu 13 tal-istess direttiva. Id-domanda b’hekk tirrigwarda biss il-fatt dwar jekk il-possibbiltà għall-Istati Membri li jissuġġettaw għat-tariffa d-“drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata” skont l-imsemmi Artikolu 13 jippermetti l-applikazzjoni ta’ tariffi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn japplikaw għall-operaturi li, mingħajr ma jkunu proprjetarji ta’ dawn il-faċilitajiet, jużawhom għall-provvista ta’ servizzi tat-telefonija mobbli u b’hekk jużaw din l-art pubblika.

31

Għalkemm la l-kunċett ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata u lanqas id-debitur tat-tariffa dwar id-drittijiet relatati ma’ din l-installazzjoni ma jkunu definiti, fihom infushom, fid-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, għandu jingħad, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva Qafas li d-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet fuq, ma’ jew taħt proprjetà pubblika jew privata huma mogħtija lil impriża awtorizzata li tforni netwerks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi, jiġifieri li tista’ tinstalla l-faċilitajiet neċessarji fl-art, fiż-żona minn taħt l-art jew minn fuq l-art.

32

Min-naħa l-oħra, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 u 54 tal-konklużjonijiet tagħha, it-termini “faċilitajiet” u “installazzjoni” jirreferu rispettivament għall-infrastrutturi materjali li jippermettu l-provvista ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi u għall-installazzjoni tagħhom ta’ materjal fuq il-proprjetà pubblika jew privata kkonċernata.

33

B’hekk jirriżulta li jista’ jkun biss debitur tat-tariffa għad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet, previst fl-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, il-proprjetarju tal-imsemmija drittijiet, li huwa wkoll proprjetarju ta’ faċilitajiet installati minn fuq jew minn taħt il-proprjetà pubblika jew privata kkonċernata.

34

B’hekk, ma jkunux inklużi bħala “tariffa fuq drittijiet li jiġu stallati faċilitajiet fi, minfuq jew taħt proprjetà pubblika jew privata” fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”, il-ġbir ta’ tariffi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn dawn japplikaw għal operaturi li, mingħajr ma jkunu proprjetarji ta’ dawn il-faċilitajiet, jużawhom għall-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli u b’hekk jużaw din l-art pubblika.

35

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-applikazzjoni ta’ tariffa għad-drittijiet ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet minn fuq jew minn taħt proprjetà pubblika jew privata għall-operaturi li, mingħajr ma jkunu proprjetarji ta’ dawn il-faċilitajiet, jużaw dawn sabiex jipprovdu servizzi ta’ telefonija mobbli.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

36

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, hemm lok li tingħata risposta biss għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li permezz tagħha din tal-aħħar essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” għandux effett dirett, b’mod li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, individwu jista’ jagħmel użu minnu quddiem il-qrati nazzjonali.

37

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun għamel traspożizzjoni skorretta tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 103; tas-17 ta’ Lulju 2008, Arcor et, C-152/07 sa C-154/07, Ġabra p. I-5959, punt 40, u tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C-282/10, punt 33).

38

Fil-każ preżenti, hekk kif l-Avukat Ġenerali sostniet fil-punti 48, 97 u 98 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” tissodisfa dawn il-kriterji. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi, f’termini mingħajr kundizzjonijiet u preċiżi, li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw għal tariffi għal drittijiet fi tliet każijiet speċifiċi, jiġifieri għad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju jew ta’ numri jew għad-drittijiet għall-installazzjoni ta’ faċilitajiet minn fuq jew minn taħt proprjetà pubblika jew privata.

39

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li għandha tingħata risposta għat-tielet domanda li l-Artikolu 13 tad-Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni” għandu effett dirett, b’mod li jagħti lil individwi d-dritt li jiddependu direttament fuqu quddiem qorti nazzjonali sabiex jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-awtorità pubblika inkompatibbli ma’ dan l-artikolu.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”), għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-applikazzjoni ta’ tariffa għad-drittijiet ta’ installazzjoni ta’ faċilitajiet minn fuq jew minn taħt proprjetà pubblika jew privata għall-operaturi li, mingħajr ma jkunu proprjetarji ta’ dawn il-faċilitajiet, jużaw dawn sabiex jipprovdu servizzi ta’ telefonija mobbli.

 

2)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/20/KE għandu effett dirett, b’mod li jagħti lil individwi d-dritt li jiddependu direttament fuqu quddiem qorti nazzjonali sabiex jikkontestaw l-applikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-awtorità pubblika inkompatibbli ma’ dan l-artikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top