Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0501

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fit-18 ta’ April 2013.
Schindler Holding Ltd et vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell — Akkordji — Suq tal-installazzjoni u tal-manteniment tal-liftijiet u tal-eskalejters — Responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ksur tad-dritt tal-akkordji mwettaq mis-sussidjarja tagħha — Kumpannija holding — Programm ta’ konformità fi ħdan l-impriża (‘Compliance-Programme’) — Drittijiet fundamentali — Prinċipji tal-Istat ta’ dritt fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multi imposti — Separazzjoni tal-poteri, prinċipji ta’ legalità, ta’ nuqqas ta’ retroattività, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ responsabbiltà għal aġir illeċitu — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikolu 23(2) — Validità — Legalità tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-1998.
Kawża C‑501/11 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2013:248

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-18 ta’ April 2013 ( 1 )

Kawża C-501/11 P

Schindler Holding et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea et

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 81 KE — Suq tal-installazzjoni u tal-manutenzjoni tal-liftijiet u tal-Eskalejters — Responsabbiltà tal-kumpannija parent għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mis-sussidjarja tagħha — Kumpannija holding — Programm ta’ konformità intern tal-impriża (‘Compliance-Programme’) — Drittijiet fundamentali — Prinċipji tal-istat tad-dritt fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multi imposti — Separazzjoni tal-poteri, prinċipju ta’ legalità, prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u prinċipju tar-responsabbiltà għat-tort — Validità tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Legalità tal-linji gwida tal-Kummissjoni tal-1998”

Werrej

 

I – Introduzzjoni

 

II – Fatti li wasslu għall-kawża

 

III – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

IV – Evalwazzjoni tal-appell

 

A – Dwar il-prinċipji tas-separazzjoni tal-poteri, tal-istat tad-dritt u tan-natura diretta tal-investigazzjoni (l-ewwel u t-tieni aggravji)

 

1. Dwar il-multi imposti mill-Kummissjoni (l-ewwel aggravju)

 

a) Kumment preliminari

 

b) Assenza ta’ oġġezzjoni fil-prinċipju li l-multi jkunu imposti mill-Kummissjoni

 

c) Ċaħda ta’ ċerti argumenti oħra tal-appellanti

 

2. Dwar ir-rekwiżiti fil-materja ta’ ġbir tal-provi mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi (it-tieni aggravju)

 

a) Ammissibbiltà

 

b) Il-mertu

 

3. Konklużjoni intermedja

 

B – Dwar ir-responsabbiltà ta’ impriża għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq fl-isfera ta’ responsabbiltŕ tagħha

 

1. Dwar ir-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija holding (is-seba’ aggravju)

 

a) Dwar il-kritika fil-prinċipju ta’ Schindler kontra l-preżunzjoni 100 % (l-ewwel parti tas-seba’ aggravju)

 

i) Dwar il-prinċipju ta’ separazzjoni tar-responsabbiltajiet fil-liġi dwar il-kumpanniji

 

ii) Dwar l-allegata vjolazzjoni tal-kompetenzi tal-Istati Membri

 

iii) Dwar l-allegat ksur tar-“riżerva ta’ essenzjalitŕ” (“Wesentlichkeitsvorbehalt”)

 

iv) Konklużjoni intermedjarja

 

b) Dwar il-kritika ta’ Schindler fir-rigward tal-applikazzjoni li saret konkretament tal-preżunzjoni 100 % (it-tieni parti tas-seba’ aggravju)

 

i) Dwar is-sinjifikat tal-“compliance programme” tal-grupp Schindler

 

ii) Dwar ir-rekwiżit ta’ “kjarifika tar-relazzjonijiet fi ħdan il-grupp”

 

iii) Dwar il-kunċett ta’ “politika kummerċjali” fil-kuntest tal-preżunzjoni 100 %

 

2. Dwar il-prinċipju ta’ ħtija (is-sitt aggravju u partijiet mis-seba’ aggravju)

 

a) Dwar l-aggravju li l-preżunzjoni 100 % twassal għal responsabbiltŕ mingħajr ħtija

 

b) Dwar l-aggravju li ma huwiex biżżejjed li kwalunkwe impjegat ikun kiser il-projbizzjoni tal-akkordji

 

3. Konklużjoni intermedja

 

C – Dwar xi kwistjonijiet oħra ta’ dritt dwar il-multi imposti għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji u l-kalkolu tagħhom

 

1. Validità tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-prinċipju ta’ legalità (it-tielet aggravju)

 

a) Dwar in-natura indeterminata tal-kunċett ta’ impriża (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

 

b) Dwar l-allegata natura indeterminata tal-kuntest tal-multi (it-tieni parti tat-tielet aggravju)

 

c) Konklużjoni intermedja

 

2. Legalità tal-linji gwida tal-1998 (ir-raba’ u l-ħames aggravji tal-appell)

 

a) Kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-linji gwida (ir-raba’ aggravju)

 

b) Nuqqas ta’ retroattività u protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (il-ħames aggravju)

 

3. L-ammont bażiku tal-multa u l-allegati motivi ta’ tnaqqis tal-multa (l-għaxar, il-ħdax u t-tnax-il aggravji)

 

a) Dwar il-kwalifika tal-ksur bħala “serju ħafna” (l-għaxar aggravju)

 

b) Dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti (il-ħdax-il aggravju)

 

c) Dwar it-tnaqqis tal-multi minħabba kooperazzjoni mal-Kummissjoni

 

i) Dwar il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-2002 (l-ewwel parti tat-tnax-il aggravju)

 

ii) Dwar il-kooperazzjoni barra mill-komunikazzjoni tal-2002 (it-tieni parti tat-tnax-il aggravju)

 

iii) Riassunt

 

4. Il-livell ta’ 10 % tal-ammont tal-multa (it-tmien aggravju)

 

5. Id-dritt ta’ proprjetà (id-disa’ aggravju)

 

a) Kumment preliminari

 

b) Dwar il-ksur tad-dritt ta’ proprjetà bħala dritt fundamentali tal-Unjoni

 

6. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità (it-tlettax-il aggravju tal-appell)

 

D – Riassunt

 

V – Spejjeż

 

VI – Konklużjonijiet

 

1. L-appell huwa miċħud.

 

2. L-appellanti huma kkundannati jħallsu l-ispejjeż in solidum.

I – Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tqajjem serje ta’ kwistjonijiet legali ta’ prinċipju b’konnessjoni mar-repressjoni ta’ ksur tad-dritt dwar l-akkordji. Schindler Holding Ltd u diversi sussidjarji tagħha (iktar ’il quddiem ilkoll flimkien imsejħa “Schindler”) jikkontestaw fundamentalment is-sistema fis-seħħ fi ħdan l-Unjoni Ewropea sabiex timplementa d-dritt dwar l-akkordji, inkluż ir-rwol istituzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea bħala awtorità dwar il-kompetizzjoni.

2.

Schindler tqajjem dubji b’mod partikolari dwar il-legalità tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u tal-linji gwida tal-Kummissjoni tal-1998 ( 2 ) bħala bażi għall-impożizzjoni tal-multi. Barra minn hekk, Schindler tirrifjuta li taċċetta l-prinċipji rikonoxxuti mill-qrati tal-Unjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji parent u sussidjarji fid-dawl tal-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq fl-isfera ta’ responsabbiltà tagħhom.

3.

Dawn il-problemi legali jqumu b’rabta ma’ “akkordju dwar liftijiet” operattiv f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li l-Kummissjoni skopriet ftit snin ilu u li, fil-21 ta’ Frar 2007, kien is-suġġett ta’ deċiżjoni li timponi multi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 3 ). Minbarra erba’ impriżi oħra, il-Kummissjoni imputat lil diversi kumpanniji tal-grupp Schindler, sal-kumpannija holding f’ras il-grupp, b’parteċipazzjoni fl-akkordju tal-liftijiet u imponiet fuqhom multi kkalkolati fuq il-fatturat imwettaq mill-grupp.

4.

Fl-ewwel istanza, billi l-attakki ta’ Schindler kontra d-deċiżjoni kkontestata ma kellhomx suċċess; b’sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem ukoll is-“sentenza appellata” jew is-“sentenza tal-Qorti Ġenerali”), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ( 4 ). Schindler qiegħda issa ssegwi l-azzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u billi tinvoka, inter alia, id-drittijiet fundamentali tagħha u l-prinċipji tal-istat tad-dritt bħalma huma s-separazzjoni tal-poteri, il-prinċipju ta’ legalità, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ responsabbiltà għat-tort.

II – Fatti li wasslu għall-kawża

5.

Schindler huwa wieħed mill-gruppi ewlenin fid-dinja li jipprovdu liftijiet u eskalejters. Il-kumpannija parent tiegħu hija Schindler Holding Ltd (iktar ’il quddiem “Schindler Holding”) stabbilita fl-Isvizzera. Schindler jeżerċita l-attivitajiet tiegħu fil-qasam tal-liftijiet u tal-eskalejters permezz ta’ sussidjarji nazzjonali ( 5 ).

6.

Matul is-sajf tal-2003, intbagħtet informazzjoni lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà tal-eżistenza ta’ akkordju bejn l-erba’ manifatturi Ewropej ewlenin ta’ liftijiet u ta’ eskalejters li jeżerċitaw l-attivitajiet kummerċjali fl-Unjoni, jiġifieri Kone, Otis, Schindler u ThyssenKrupp ( 6 ).

7.

L-investigazzjoni approfondita tal-Kummissjoni kienet finalment wasslet għall-konklużjoni li l-imsemmija manifatturi ta’ liftijiet u ta’ eskalejters “kienu pparteċipaw f’erba’ ksur uniċi, kumplessi u kontinwi tal-Artikolu 81(1) KE f’erba’ Stati Membri, u dan billi qasmu swieq bejniethom permezz ta’ ftehim u qbil bejniethom dwar l-għoti ta’ sejħiet għal offerti u ta’ kuntratti marbuta mal-bejgħ, l-installazzjoni, il-manutenzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ liftijiet u ta’ eskalejters” ( 7 ). Dawn huma speċifikament l-akkordju Belġjan, Ġermaniż, Lussemburgiż u Olandiż tal-liftijiet. It-tul ta’ parteċipazzjoni ta’ Schindler f’dawn l-akkordji kien ivarja skont l-Istati Membri, iżda, fi kwalunkwe każ, din il-parteċipazzjoni kienet damet diversi snin ( 8 ).

8.

Fid-deċiżjoni kkontestata, għal kull wieħed mill-erba’ akkordji, il-Kummissjoni kienet imponiet fuq l-impriżi parteċipanti multi li hija kkalkolat abbażi tal-linji gwida tal-1998.

9.

F’dak li jikkonċerna lil Schindler, f’kull każ, Schindler Holding inżammet responsabbli in solidum mas-sussidjarji nazzjonali tagħha ( 9 ). B’kollox, il-multi hekk imposti fuq Schindler għall-erba’ ksur flimkien jammontaw għal iktar minn EUR 143 miljun.

10.

Diversi mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ppruvaw jiksbu protezzjoni legali permezz ta’ rikors għal annullament magħmul, fl-ewwel istanza, quddiem il-Qorti Ġenerali ( 10 ).

11.

F’dak li jikkonċerna l-grupp Schindler, il-kumpanniji Schindler Holding, Schindler Management AG, Schindler SA (il-Belġju), Schindler Deutschland Holding GmbH (il-Ġermanja), Schindler Sàrl (il-Lussemburgu) u Schindler Liften BV (il-Pajjiżi l-Baxxi) flimkien kienu ressqu kawża fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali b’rikors tal-4 ta’ Mejju 2007.

12.

Fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2011, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx meħtieġ li tiddeċiedi dwar ir-rikors inkwantu dan kien ġie ppreżentat minn Schindler Management AG ( 11 ). Dwar il-kumplament, hija ċaħdet ir-rikors bl-spejjeż.

III – Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.

Schindler Holding u r-rikorrenti kollha ta’ magħha fl-ewwel istanza (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) ilkoll flimkien ippreżentaw dan l-appell b’rikors tas-27 ta’ Settembru 2011. Huma talbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha,

1)

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali,

2)

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2007,

sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multi imposti f’din id-deċiżjoni fuq l-appellanti;

3)

sussidjarjament għall-ewwel u għat-tieni talba, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni konformi mal-punti ta’ liġi deċiżi permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

4)

f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

14.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

1)

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu;

2)

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

15.

Fl-aħħar nett, il-Kunsill, li intervjena fl-ewwel istanza insostenn tal-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

1)

tiċħad l-appell f’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ illegalità tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 u

2)

tiddeċiedi kif jixraq fuq l-ispejjeż.

16.

Il-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja saret bil-miktub kif ukoll saret seduta fis-17 ta’ Jannar 2013. Il-Kunsill illimita ruħu sabiex jesprimi ruħu fuq il-kwistjoni tal-validità tar-Regolament Nru 1/2003, li essenzjalment tqajmet bl-ewwel u bit-tielet aggravji tal-appell ta’ Schindler.

IV – Evalwazzjoni tal-appell

17.

L-appellanti jressqu total ta’ 13-il aggravju li permezz tagħhom huma jqajmu parzjalment kwistjonijiet ta’ dritt fundamentali ħafna fir-rigward tal-multi imposti mill-Kummissjoni Ewropea għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji. Jeħtieġ li dawn l-aggravji jiġu raggruppati b’mod tematiku u għaldaqstant jiġu eżaminati f’ordni kemxejn differenti.

A – Dwar il-prinċipji tas-separazzjoni tal-poteri, tal-istat tad-dritt u tan-natura diretta tal-investigazzjoni (l-ewwel u t-tieni aggravji)

18.

Bl-ewwel u t-tieni aggravji tagħha, Schindler tiddubita fundamentalment dwar il-kompatibbiltà tas-sistema eżistenti fl-Unjoni sabiex jiġi repress il-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mal-prinċipji elementari tal-istat tad-dritt.

19.

Minn naħa, Schindler tqis li l-multi ma jistgħux jiġu imposti mill-Kummissjoni bħala awtorità amministrattiva, iżda għandhom jiġu hekk imposti minn qorti indipendenti (l-ewwel aggravju, dwar dan il-punt ara iktar ’il quddiem Titolu 1). Min-naħa l-oħra, Schindler tikkritika l-mod li bih il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali kkonstataw il-fatti, mod li fil-fehma tagħha jikser il-prinċipju tan-natura diretta tal-investigazzjoni (it-tieni aggravju, iktar ’il quddiem Titolu 2).

1. Dwar il-multi imposti mill-Kummissjoni (l-ewwel aggravju)

20.

Skont Schindler, huwa kuntrarju għall-prinċipji ta’ separazzjoni tal-poteri u tal-istat tad-dritt li fl-Unjoni, il-multi jkunu imposti mill-Kummissjoni bħala awtorità tal-kompetizzjoni u mhux minn qorti indipendenti.

a) Kumment preliminari

21.

Anki jekk Schindler tirreferi b’mod ġenerali għall-prinċipji tas-separazzjoni tal-poteri u tal-istat tad-dritt, l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub u orali fil-kuntest tal-ewwel aggravju juru li dak li qiegħed jiġi ssollevat fis-sustanza huwa ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB ( 12 ), jiġifieri ksur tad-dritt għal smigħ xieraq quddiem tribunal indipendenti u imparzjali, stabbilit mil-liġi.

22.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li – kuntrarjament għal dak li ssostni Schindler – sakemm joħroġ avviż ieħor, l-Artikolu 6 tal-KEDB ma għandux effett dirett fl-Unjoni. Fil-fatt, sa issa l-Unjoni għadha ma aderixxietx għall-KEDB u għad jonqos ukoll li l-Artikolu 6(2) TUE jiġi implementat ( 13 ).

23.

Jibqa’ l-fatt li d-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Artikolu 6 tal-KEDB għandhom, diġà, fil-livell tal-Unjoni, sinjifikat prattiku kunsiderevoli. Minn naħa, huma jesprimu prinċipji ġenerali tad-dritt rikonoxxuti wkoll mid-dritt tal-Unjoni [l-Artikolu 6(3) TUE] ( 14 ); min-naħa l-oħra, jikkostitwixxu l-kriterju ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-istess tifsira [it-tielet paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE moqri flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta] ( 15 ).

24.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 6 tal-KEDB u l-ġurisprudenza dwar dan is-suġġett tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 16 ) għandhom rwol sinjifikattiv sabiex tingħata risposta lill-aggravji mqajma minn Schindler, u huwa għalhekk li jiena sejjer nirreferi speċifikament għalihom iktar ’il quddiem. Minn perspettiva formali, madankollu, ma huwiex l-Artikolu 6 tal-KEDB bħala tali iżda l-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, b’mod partikolari l-paragrafu 2 tiegħu, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 6(3) TUE li jikkostitwixxu l-punt ta’ konnessjoni tal-eżami tal-ksur tal-prinċipji ta’ separazzjoni tal-poteri u tal-istat tad-dritt allegati minn Schindler ( 17 ).

b) Assenza ta’ oġġezzjoni fil-prinċipju li l-multi jkunu imposti mill-Kummissjoni

25.

Huwa ammess li d-dritt tal-kompetizzjoni għandu, ċertament, natura kważi kriminali ( 18 ), iżda li madankollu ma jifformax parti mill-qalba tad-dritt kriminali ( 19 ).

26.

Barra mill-“qalba” tad-dritt kriminali, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-garanziji fil-qasam kriminali stabbiliti bl-Artikolu 6 tal-KEDB ma humiex neċessarjament maħsuba sabiex jiġu applikati fir-rigorożità kollha tagħhom ( 20 ).

27.

Fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, dan ifisser li l-multi ta’ repressjoni tal-ksur tad-dritt dwar l-akkordji ma għandhomx b’mod obbligatorju jkunu imposti minn qorti indipendenti, iżda li għall-kuntrarju, il-kompetenza sabiex isir dan tista’, fil-prinċipju, tiġi ttrasferita wkoll lil awtorità amministrattiva. Dan jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-KEDB sakemm l-impriża kkonċernata tkun tista’ tissottometti kull deċiżjoni li timponi multa għal stħarriġ ulterjuri minn organu ġudizzjarju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ( 21 ).

28.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 22 ), il-qorti msejħa sabiex tistħarreġ id-deċiżjonijiet li jimponu multi għandha jkollha l-poter li “tirriforma” d-deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva fil-punti kollha, ta’ fatt kif ukoll ta’ dritt ( 23 ). Kuntrarjament għall-impressjoni li dan jista’ joħloq mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dan ma jfissirx neċessarjament li l-qorti nnifisha tkun tista’ tipproċedi fil-punti kollha għal emendi dwar il-mertu tad-deċiżjoni li timponi l-multa. Għall-kuntrarju huwa suffiċjenti li l-qorti jkollha l-kompetenza li teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti għat-tilwima li tinsab quddiemha ( 24 ) u li hija tkun tista’ tannulla (bl-Ingliż “to quash”) id-deċiżjoni li tkun ittieħdet fil-punti kollha tagħha ( 25 ).

29.

Is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja, stabbilita fl-Unjoni, li fil-kuntest tagħha d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi f’kawżi ta’ kompetizzjoni jistgħu jiġu kkontestati mill-impriżi kkonċernati, tissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita ta’ din il-Qorti jirriżulta li l-Qrati tal-Unjoni għandhom żewġ tipi ta’ poter fir-rigward ta’ tali deċiżjonijiet ( 26 ):

minn naħa, il-Qorti tal-Unjoni tipproċedi għal stħarriġ ta’ legalità [Artikolu 263(1) TFUE]. Kuntrarjament għall-impressjoni li tista’ tingħata mal-ewwel daqqa ta’ għajn, ma hijiex marbuta fil-kuntest ta’ kwistjonijiet ta’ dritt biss, iżda tista’ wkoll teżamina l-korrettezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom; barra minn hekk, hija mitluba teżamina jekk il-fatturi kollha aċċettati mill-Kummissjoni jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li jkunu nsiltu minnhom u jekk il-Kummissjoni kinitx, f’dan ir-rigward, immotivat suffiċjentement id-deċiżjoni tagħha. F’dan il-kuntest ma jeżistix marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni li ser ikun sottratt minn stħarriġ ġudizzjarju ( 27 ).

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-sanzjonijiet finanzjarji, il-Qorti tal-Unjoni għandha kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (Artikolu 261 TFUE flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003). Din il-kompetenza tagħti s-setgħa lill-Qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta ( 28 ).

30.

Għalhekk, f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet dwar akkordji li jimponu multi, il-qrati tal-Unjoni għandhom kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt hekk kif jirrikjedi l-Artikolu 47(2) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali kif interpretata u applikata fid-dawl tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 29 ).

31.

Ir-replika ta’ Schindler li tgħid li, “skont il-prattika attwali”, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-kawżi ta’ akkordji ma huma ssuġġettati għal ebda stħarriġ ġudizzjarju sħiħ, ma hija xejn iktar minn sempliċi allegazzjoni li assolutament ma hijiex imsaħħa bil-provi fir-rigward ta’ din il-kawża ( 30 ). Fil-verità, il-Qorti Ġenerali ddeliberat fuq il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt imqajma minn Schindler u eżaminathom b’mod eżawrjenti.

32.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-aggravju, ibbażat fuq l-Artikolu 6 tal-KEDB, dwar ksur tas-separazzjoni tal-poteri u tal-istat tad-dritt minħabba l-fatt li l-multi dwar l-akkordji jiġu imposti mill-Kummissjoni huwa infondat.

c) Ċaħda ta’ ċerti argumenti oħra tal-appellanti

33.

L-appellanti jargumentaw li, fid-dawl tal-ammonti drastiċi tal-multi dwar l-akkordji imposti fl-Unjoni, il-Kummissjoni daħlet fil-“qalba” tad-dritt kriminali fejn, skont l-Artikolu 6 tal-KEDB, l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet għandha tkun irriżervata għal qrati indipendenti.

34.

Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Il-kwistjoni jekk materja tifformax parti mill-“qalba” tad-dritt kriminali fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB ma tistax tiġi evalwata biss fid-dawl tal-ammont tas-sanzjonijiet imposti, inqas u inqas meta, jekk isir hekk, jiġu injorati d-daqs u l-kapaċità kontributtiva tal-impriżi kkonċernati u l-argument ikun biss dwar l-ammonti nominali.

35.

Ma hijiex l-evalwazzjoni kwantitattiva biss li hija rilevanti, iżda wkoll, b’mod iktar deċiżiv, evalwazzjoni kwalitattiva tas-sanzjonijiet imposti. Schindler tittraskura wkoll il-fatt li huma dejjem impriżi li huma milquta bis-sanzjonijiet dwar l-akkordji imposti fl-Unjoni, irrispettivament mill-ammonti nominali tagħhom. Ir-Regolament Nru 1/2003 ma jinkludi ebda sanzjoni kriminali jew kważi kriminali kontra persuni fiżiċi u inqas u inqas sanzjonijiet ta’ ħabs. Dan kollu jikkostitwixxi differenza kwalitattiva kunsiderevoli meta pparagunat mal-“qalba” tad-dritt kriminali, kunċett li għalih tidher li tirreferi l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 31 ).

36.

Barra minn hekk, l-appellanti jemmnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jistgħu jiddeduċu li, barra mill-qasam ta’ “reati minuri” u tal-“proċeduri ta’ massa”, it-trasferiment lil awtorità amministrattiva tal-poter ta’ sanzjoni ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-KEDB ( 32 ).

37.

F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li skont l-iktar ġurisprudenza reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-fatt li multa dwar akkordju f’ammont għoli tkun imposta minn awtorità tal-kompetizzjoni ma jikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB ( 33 ). Anki l-avukati ad litem ta’ Schindler kellhom jirrikonoxxu dan waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

38.

Inżid li l-fatt li l-multi għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji jkunu imposti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jikkorrispondi, f’kull każ fl-Ewropa kontinentali, għal tradizzjoni mifruxa ħafna.

39.

Fl-aħħar nett, l-appellanti jqisu li t-Trattat ta’ Lisbona jirrikjedi li terġa’ tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-multi dwar l-akkordji jistgħux jiġu imposti mill-Kummissjoni bħala awtorità tal-kompetizzjoni.

40.

Madankollu, lanqas dan l-argument ma jista’ jiġi aċċettat. Minn naħa, il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni legali li kienet fis-seħħ dak iż-żmien. Min-naħa l-oħra, id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Diċembru 2009, tat-Trattat ta’ Lisbona ma biddilx sostanzjalment il-prinċipji fundamentali applikabbli f’dan il-każ. Ċertament, dan it-Trattat issa għolla l-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali għal-livell ta’ liġi primarja tal-Unjoni b’natura vinkolanti u jipprovdi li l-Karta għandha l-istess valur legali bħat-Trattati [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE]. Madankollu, il-kontenut tad-dritt fundamentali, irrikonoxxut fl-Unjoni, għal rimedju effettiv u għal aċċess quddiem tribunal imparzjali, huwa mmarkat b’mod qawwi bl-Artikolu 6(1) tal-KEDB kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qrati tal-Unjoni fuq dan is-suġġett. Il-kontenut ta’ dan id-dritt fundamentali ma kienx sostanzjalment mibdul bit-Trattat ta’ Lisbona ( 34 ).

41.

Huwa possibbli li, abbażi tat-tieni sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, id-dritt Ewropew jagħti protezzjoni iktar wiesgħa minn dik iggarantita mid-dispożizzjonijiet tal-KEDB. Madankollu, l-awturi tat-trattati ċċaraw li l-kompetenzi u l-kompiti ddefiniti mit-trattati ma nbidlu bl-ebda mod bid-dispożizzjonijiet tal-Karta [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE moqri flimkien mal-Artikolu 51(2) tal-Karta]. F’dawn il-kundizzjonijiet, drittijiet fundamentali tal-Karta, jiġifieri d-dritt għal rimedju effettiv u għal aċċess għal tribunal imparzjali, msemmi fl-Artikolu 47 tal-Karta, ma jistgħux iservu ta’ bażi għal emenda fundamentali fit-tqassim tal-kompetenzi bejn, minn naħa, il-Kummissjoni Ewropea bħala awtorità tal-kompetizzjoni tas-suq intern Ewropew u, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala awtorità ġudizzjarja ta’ stħarriġ.

2. Dwar ir-rekwiżiti fil-materja ta’ ġbir tal-provi mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jimponu multi (it-tieni aggravju)

42.

Ħdejn il-kritika fundamentali tar-rwol istituzzjonali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-multi imposti għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji, l-appellanti jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ natura diretta tal-investigazzjoni. F’dan il-każ, la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti Ġenerali ma kkonstataw il-fatti permezz ta’ “investigazzjoni diretta”. B’mod partikolari, il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq provi bil-miktub u mhux fuq xhieda ta’ persuni fiżiċi. Barra minn hekk, ix-xhieda li bbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza ma xehdux taħt ġurament u fil-preżenza tal-partijiet kollha fil-kawża. Dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 6(1) u (3)(d) tal-KEDB ( 35 ). F’każ bħal dan, il-Qorti Ġenerali kellha l-obbligu li jaqa’ taħt l-istat tad-dritt li twettaq il-konstatazzjoni tagħha stess tal-fatti.

a) Ammissibbiltà

43.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju. Din l-eċċezzjoni għandha tiġi eżaminata qabel kollox.

44.

Billi Schindler tikkritika lill-Kummissjoni li bbażat l-amministrazzjoni tagħha tal-provi fuq id-dikjarazzjonijiet bil-miktub, li ma ġewx ivverifikati ulterjorment, ta’ xhieda li kienu bbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza, l-argumenti tagħha huma inammissibbli. Fil-fatt, kif anki l-Kummissjoni osservat korrettement, dan huwa aggravju ġdid li ma tqajjimx f’din il-forma quddiem il-Qorti Ġenerali. Ċertament, fl-ewwel istanza, Schindler kienet qajmet aspetti legali oħra tal-prova permezz ta’ xhieda li bbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza ( 36 ), iżda mhux dak tal-assenza tal-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta’ dawn ix-xhieda li dwaru issa qiegħda tikkonċentra l-argument tagħha. Schindler qiegħda b’hekk testendi indebitament is-suġġett tat-tilwima meta pparagunat mal-ewwel istanza ( 37 ).

45.

Mhux l-istess jista’ jingħad dwar l-aggravju supplimentari ta’ Schindler li, waqt l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wkoll kisret il-prinċipju ta’ natura diretta tal-investigazzjoni. B’dan l-aggravju, Schindler twettaq kritika kontra s-sentenza appellata li hija tista’ tqajjem biss fl-istadju tal-appell. Għaldaqstant, sa fejn huwa għandu bħala suġġett il-metodu ta’ proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-qasam ta’ provi, it-tieni aggravju huwa ammissibbli.

b) Il-mertu

46.

Madankollu l-argument ta’ Schindler dwar il-mertu ma huwiex konvinċenti.

47.

Il-proċeduri ta’ aċċess dirett quddiem il-Qrati tal-Unjoni huma mmarkati mill-prinċipju dispożittiv u l-prinċipju tal-amministrazzjoni tal-provi mill-partijiet. Konsegwentement huwa meħtieġ minn rikorrent fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, li jidentifika l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u li jipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji serji, intiżi sabiex juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati ( 38 ).

48.

Kif anki l-appellanti kellhom jirrikonoxxu waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ebda mument matul is-smigħ fl-ewwel istanza, Schindler ma kkontestat il-korrettezza tal-fatti investigati mill-Kummissjoni u lanqas ma ppreżentat talbiet għal smigħ ta’ xhieda minkejja li eżistiet b’mod suffiċjenti l-opportunità li jsir dan quddiem il-Qorti Ġenerali. Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet, mhux ikkontestati, tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, Schindler irrikonoxxiet espressament il-fatti kif esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ( 39 ).

49.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, Schindler ma tistax issa, fl-istadju tal-appell, tqajjem l-aggravju li l-Qorti Ġenerali kienet kisret l-obbligi tagħha fir-rigward tal-ġbir tal-provi.

50.

Fi kwalunkwe każ, f’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti Ġenerali biss tista’ tiddeċiedi fuq il-ħtieġa possibbli li tkompli tiġbor il-provi li jkollha quddiemha ( 40 ). Dan jiddependi fuq kollox fuq il-kwistjoni jekk il-Qorti Ġenerali nnifisha tikkunsidrax li huwa neċessarju li jiġu ċċarati ċerti aspetti mill-fatti sabiex tasal għad-deċiżjoni tagħha.

51.

Huwa biss eċċezzjonalment li jista’ jiġi kkunsidrat li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandha l-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa liema provi huma adegwati u neċessarji sabiex tingħata l-prova ta’ fatti determinati, jista’ jinbidel f’obbligu li tiġbor il-provi ex officio, anki jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun talbet dan. Dan jiswa iktar meta, bħal f’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża jkunu impriżi kbar li għandhom ċerta esperjenza fil-kwistjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni u li huma rrappreżentati minn avukati speċjalizzati.

52.

Fi kwalunkwe każ, f’deċiżjoni li timponi multa dwar akkordju, iċ-ċirkustanza waħedha li l-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ xhud li bbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza ma hijiex minnha nnifisha suffiċjenti sabiex tobbliga lill-Qorti Ġenerali sabiex ex officio twettaq investigazzjoni oħra.

53.

Inżid li fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-akkordji ma jistax faċilment jingħata valur probatorju inqas lid-dikjarazzjonijiet bil-miktub tal-impriżi minn dak mogħti lix-xhieda orali ta’ persuni fiżiċi. Pjuttost il-kuntrarju, fid-dawl tal-kumplessità ta’ proċeduri numerużi fil-qasam tal-akkordji, sabiex jiġu investigati u stabbiliti l-fatti, huwa kważi inevitabbli, u fi kwalunkwe każ partikolarment utli, li jkun jista’ jinkiseb aċċess għal dokumenti bil-miktub, inkluż dawk li jkunu ġew liberament prodotti mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fl-akkordju.

54.

Ċertament jeħtieġ li f’kull każ, jiġi vverifikat bir-reqqa jekk id-dikjarazzjonijiet ta’ impriża, a fortiori dawk ta’ impriża li tkun tipparteċipa fl-akkordju li għandha l-istatus ta’ xhud li bbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza, ikunux ikkaratterizzati, jekk ikun il-każ, minn espożizzjoni parzjali, mhux kompleta u mhux eżatta tas-sekwenza tal-fatti jew jekk humiex ikkaratterizzati minn dikjarazzjoni eżaġerata u manifestament bi preġudizzju tal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju. Madankollu, il-veraċità u l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet bil-miktub tax-xhieda li bbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza ma jistgħux jiġu kkontestati en bloc fil-kuntest ta’ proċeduri fil-qasam tal-akkordji jew b’mod ġenerali jingħataw valur probatorju inqas minn dak mogħti lil mezzi ta’ prova oħra.

55.

Dan japplika a fortiori meta, waqt il-proċedura amministrattiva, il-parteċipanti l-oħra fl-akkordju għandhom il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni kif ukoll dik li, jekk meħtieġ, jesponu lill-Kummissjoni l-evalwazzjoni differenti tagħhom tal-fatti [Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003] u hekk, f’każ ta’ bżonn, ikunu jistgħu jikkontestaw il-konstatazzjonijiet ta’ fatt li huma bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda li bbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza jew tal-inqas jagħtuhom perspettiva oħra.

56.

Għall-kuntrarju, meta l-ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura ma tikkontesta l-konstatazzjonijiet ta’ fatt li jitnisslu mid-dikjarazzjonijiet ta’ xhud li bbenefika mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza u meta, barra minn hekk, ma jkunx jeżisti ħjiel dwar il-parzjalità, ineżattezza jew in-natura inkompleta ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma jkollha l-ebda raġuni li tipproċedi għal verifiki supplimentari u ex officio tfittex provi oħra.

57.

F’termini ġenerali ħafna, il-Qorti Ġenerali ma tistax tkun obbligata li twettaq investigazzjoni dwar id-dettalji marġinali kollha tal-fatti investigati mill-Kummissjoni u, sostanzjalment, mhux kontenzjużi, bħal pereżempju d-dettalji invokati minn Schindler fir-replika tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell ( 41 ), meta, bħal f’dan il-każ, dawn ikunu mingħajr importanza, jew fl-aħjar ipoteżi jkollhom biss importanza marġinali, fir-rigward tad-deċiżjoni tal-kwistjoni. Sabiex insemmi eżempju wieħed biss: meta, sabiex tiġi stabbilita l-gravità ta’ ksur, skont id-dritt, ma huwiex rilevanti jekk dan l-akkordju kellux effetti importanti jew biss minimi fuq is-suq, ma huwiex neċessarju li ssir investigazzjoni dwar il-prova ta’ dawn l-effetti ( 42 ).

3. Konklużjoni intermedja

58.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-aggravji bbażati fuq ksur tal-prinċipji elementari tal-istat tad-dritt imqajma minn Schindler huma infondati. Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda.

B – Dwar ir-responsabbiltà ta’ impriża għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq fl-isfera ta’ responsabbiltà tagħha

59.

Is-sitt u s-seba’ aggravji tal-appell jiddiskutu l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, rikonoxxuti minn ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam ta’ responsabbiltà ta’ impriża għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq fl-isfera ta’ responsabbiltà tagħha. Minn naħa, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, b’mod żbaljat, applikat ir-responsabbiltà in solidum kontra Schindler Holding għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mill-erba’ sussidjarji nazzjonali tagħha (is-seba’ aggravju, ara iktar ’il quddiem (1)). Min-naħa l-oħra, huma jargumentaw b’mod ġenerali dwar ksur tal-prinċipju ta’ responsabbiltà għat-tort (is-sitt u, anki parti mis-seba’ aggravji, ara iktar ’il quddiem (2)).

1. Dwar ir-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija holding (is-seba’ aggravju)

60.

Is-seba’ aggravju għandu bħala suġġett il-prinċipju li, fid-dritt tal-Unjoni, kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli tal-ksur tad-dritt dwar l-akkordji tas-sussidjarji miżmuma 100 % minnha. F’dan ir-rigward, it-tema ċentrali hija l-“preżunzjoni 100 %”. Skont din it-tema, f’każ ta’ parteċipazzjoni fi kwota ta’ 100 % (jew qrib 100 %) tal-kumpannija parent fis-sussidjarja tagħha, teżisti preżunzjoni sempliċi li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq l-imġiba fis-suq ta’ dik is-sussidjarja. Dan ikun il-każ ukoll jekk il-kumpannija parent tikkontrolla s-sussidjarja tagħha b’mod indirett, permezz ta’ kumpannija intermedjarja, u dan fejn il-kumpannija parent ikollha 100 % (jew kważi 100 %) mill-kapital tal-kumpannija intermedjarja u fejn din tal-aħħar ikollha hija stess 100 % (jew kważi 100 %) mill-ishma tas-sussidjarja. Skont il-ġurisprudenza, f’dan il-każ, il-parteċipazzjoni fi kwota ta’ 100 %, jew qrib 100 %, hija suffiċjenti sabiex il-kumpannija parent u s-sussidjarja jitqiesu bħala impriża unika, liema ħaġa għandha l-konsegwenza li l-kumpannija parent tista’ tinżamm responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mis-sussidjarja kkonċernata.

61.

Ma huwiex ikkontestat li din il-preżunzjoni 100 % hija kostantement applikata fil-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni – ġurisprudenza msejħa “Akzo Nobel” ( 43 ) – u li, anki fiż-żminijiet l-iktar reċenti, din kienet ikkonfermata darbtejn fis-sentenzi tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 44 ).

62.

Madankollu, l-appellanti jemmnu li billi rreferiet għall-preżunzjoni 100 %, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat ir-responsabbiltà in solidum kontra Schindler Holding, bħala kumpannija parent, għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq, fil-Ġermanja, fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Lussemburgu, fil-kuntest tal-akkordju dwar liftijiet, minn erbgħa mis-sussidjarji nazzjonali tagħha. Minn naħa, l-appellanti jikkontestaw il-legalità tal-preżunzjoni 100 % bħala tali (ara iktar ’il quddiem (a)) u, min-naħa l-oħra, huma jikkritikaw l-applikazzjoni konkreta ta’ din il-preżunzjoni li saret f’dan il-każ mill-Qorti Ġenerali (ara iktar ’il quddiem (b)).

a) Dwar il-kritika fil-prinċipju ta’ Schindler kontra l-preżunzjoni 100 % (l-ewwel parti tas-seba’ aggravju)

63.

Fl-ewwel parti tas-seba’ aggravju, Schindler tikkritika fil-prinċipju l-preżunzjoni 100 % bħala tali. Din il-kritika sostanzjalment tistrieħ fuq tliet aggravji li ser nittratta wieħed wieħed iktar ’il quddiem.

i) Dwar il-prinċipju ta’ separazzjoni tar-responsabbiltajiet fil-liġi dwar il-kumpanniji

64.

Fl-ewwel lok, kif diġà għamlet fl-ewwel istanza, Schindler tallega li l-preżunzjoni 100 % tikser il-prinċipju, dominanti fil-liġi dwar il-kumpanniji, ta’ separazzjoni li jistabbilixxi li l-persuni morali huma fil-prinċipju awtonomi u huma responsabbli separatament filwaqt li ma huwiex ammess rikors kontra l-azzjonisti tagħhom. Huwa biss eċċezzjonalment u taħt kundizzjonijiet stretti ħafna li jkun possibbli li ssir deroga minn dan il-“prinċipju ta’ separazzjoni tar-responsabbiltajiet”, jiġifieri meta kumpannija parent tkun assumiet deliberatament ir-responsabbiltà għad-djun tas-sussidjarja tagħha jew meta hija stess tkun ħatja ta’ kondotta ħażina.

65.

Għandu jiġi rikonoxxut li l-prinċipju ta’ separazzjoni huwa effettivament prinċipju mifrux sew fil-liġi dwar il-kumpanniji tal-Istati Membri u li, b’mod partikolari għall-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili tal-kumpanniji kummerċjali – bħalma huma pereżempju l-kumpanniji b’responsabbiltà limitata jew il-kumpanniji anonimi – għandu importanza prattika kbira.

66.

Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tar-responsabbiltà fir-rigward tad-dritt tal-akkordji ta’ impriża, ma jistax ikun deċiżiv jekk jeżistix “corporate veil” jew le bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja. Għall-kuntrarju, dak li huwa deċiżiv hija r-realtà ekonomika għaliex id-dritt tal-kompetizzjoni ma huwiex marbut mal-formaliżmu, iżda mal-imġiba konkreta tal-impriżi fis-suq ( 45 ). Għall-iskopijiet tal-evalwazzjoni tal-imġiba fis-suq ta’ impriża fid-dawl tal-liġi dwar l-akkordji, ma jimportax liema mekkaniżmu legali jkun intgħażel mill-persuni morali u fiżiċi li jkunu wara l-impriża sabiex jirregolaw ir-rapporti ġuridiċi tagħhom.

67.

Għaldaqstant, ma jistax jiġi apprezzat jekk kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha jippreżentawx ruħhom fis-suq bħala impriża waħda mill-perspettiva ġuridikament formali biss. B’dan il-mod ukoll, ma jistax jiġi evalwat esklużivament fid-dawl tal-kriterji tal-liġi dwar il-kumpanniji jekk sussidjarja tistax tiddeċiedi b’mod awtonomu l-imġiba tagħha fis-suq jew jekk hijiex suġġetta għall-influwenza determinanti tal-kumpannija parent tagħha. Kieku dan kien il-każ, fil-fatt kien ikun faċli għall-kumpannija parent ikkonċernata li taħrab minn kull responsabbiltà għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mis-sussidjarja 100 % tagħha billi tinvoka ċirkustanzi li jaqgħu esklużivament taħt il-liġi dwar il-kumpanniji ( 46 ).

68.

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kienet korrettement ċaħdet l-oġġezzjoni, ibbażata esklużivament fuq il-liġi dwar il-kumpanniji, imqajma minn Schindler kontra l-preżunzjoni 100 % u, b’mod iktar ġenerali, kontra l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji parent għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mis-sussidjarji tagħhom ( 47 ).

ii) Dwar l-allegata vjolazzjoni tal-kompetenzi tal-Istati Membri

69.

Barra minn hekk, Schindler targumenta li l-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni dwar ir-responsabbiltà in solidum tal-kumpanniji parent għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mis-sussidjarji tagħhom jaffettwa l-kompetenzi tal-Istati Membri. Fil-fatt, skont Schindler, hija l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri li jiddeċiedu meta s-separazzjoni fil-prinċipju tar-responsabbiltajiet li teżisti bejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha tista’ titneħħa.

70.

Kif tesponi korrettement il-Kummissjoni, dan l-ilment jikkostitwixxi aggravju ġdid invokat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. Minħabba f’hekk biss, din il-parti tas-seba’ aggravju hija għalhekk inammissibbli ( 48 ).

71.

Dan l-argument ta’ Schindler lanqas ma huwa konvinċenti fil-mertu.

72.

Huwa ovvju li skont il-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi, l-Unjoni għandha taġixxi esklużivament fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri fit-Trattati biex tikseb l-objettivi stabbiliti fihom [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(2), flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) TUE – li qabel kien l-Artikolu 5(1) KE]. Barra minn hekk, kull istituzzjoni tal-Unjoni taġixxi fil-limiti tal-attribuzzjonijiet li ġew mogħtija lilha fit-Trattati [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(2) TUE], u kull kompetenza mhux mogħtija lill-Unjoni fit-Trattati tappartjeni lill-Istati Membri [Artikolu 4(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) TUE].

73.

Madankollu, l-allegazzjoni li l-Unjoni ma għandhiex il-kompetenza sabiex iżżomm lill-kumpanniji parent u s-sussidjarji 100 % tagħhom responsabbli in solidum għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji hija infondata.

74.

Fil-fatt, skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-poter ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni ma huwiex limitat għal miżuri kontra persuni morali speċifiċi – bħalma huma pereżempju l-kumpanniji ta’ grupp implikati f’akkordju –, iżda jawtorizza lill-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriża li tkun wettqet ksur tad-dritt dwar l-akkordji. Dan il-poter ta’ sanzjoni huwa espressament stabbilit fid-dritt primarju fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 83(1) u (2)(a) KE [u llum fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 103(1) u (2)(a) TFUE].

75.

Il-kunċett ta’ impriża huwa nnifsu stabbilit bħala tali mid-dritt primarju tal-Unjoni u għaldaqstant igawdi saħħa kostituzzjonali fi ħdan l-ordni ġuridiku tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 81, 82, 86 u 87 KE li saru l-Artikoli 101, 102, 106 u 107 TFUE). Id-definizzjoni tal-kontenut u l-portata tiegħu hija waħda mill-prerogattivi essenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-kompetenza biex tiżgura l-ħarsien tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati [it-tieni sentenza tal-Artikolu 19(1) TUE].

76.

Bħala element ċentrali tar-regoli fil-qasam ta’ kompetizzjoni neċessarji għall-funzjonament tas-suq komuni, il-kunċett ta’ impriża għandu jiġi interpretat u applikat b’mod uniformi fl-Unjoni kollha u ma għandux jiddependi mill-karatteristiċi tad-dritt nazzjonali dwar il-kumpanniji tal-Istati Membri. Inkella, ma jkunx jista’ jiġi żgurat kuntest ġuridiku uniformi (“level playing field”) għall-impriżi li joperaw fis-suq komuni.

77.

Anki jekk, fl-istat attwali, il-leġiżlazzjoni tad-dritt dwar il-kumpanniji tibqa’ b’mod wiesa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn għandhom, min-naħa tagħhom, fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza ( 49 ) – bħal f’oqsma legali oħra ( 50 ) – jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni applikabbli u l-kompetenzi tal-Unjoni.

78.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-argument tal-appellanti bbażat fuq l-assenza ta’ kompetenza tal-Unjoni għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

iii) Dwar l-allegat ksur tar-“riżerva ta’ essenzjalità” (“Wesentlichkeitsvorbehalt”)

79.

Fl-aħħar nett, Schindler targumenta li l-kompitu sabiex jiġu ffissati l-prinċipji fil-qasam ta’ responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mis-sussidjarja tagħha ma jistax jitħalla għall-prattika tal-Kummissjoni jew tal-Qrati tal-Unjoni, iżda għandu jkun riżervat għal-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan jitnissel mir-“riżerva ta’ essenzjalità” kif tinsab iddikjarata wara t-Trattat ta’ Lisbona fl-Artikolu 290(1) TFUE.

80.

Anki dan l-ilment jikkostitwixxi, b’relazzjoni mal-proċedura fl-ewwel istanza, aggravju ġdid u għaldaqstant huwa inammissibbli għall-istess motiv bħall-aggravju eżaminat preċedentement dwar ksur tal-kompetenzi tal-Istati Membri ( 51 ).

81.

Dwar il-mertu, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 290(1) TFUE bħala tali ma għandu l-ebda rilevanza fir-rigward tal-kwistjoni involuta hawnhekk. Fil-fatt, dan jikkonċerna biss il-każ fejn il-Kummissjoni tilleġiżla b’delega sabiex tikkompleta jew temenda atti leġiżlattivi tal-korpi tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-azzjonijiet fl-Unjoni kontra l-ksur tad-dritt dwar l-akkordji jaqgħu fil-kompetenza oriġinali tal-Kummissjoni bħala awtorità tal-kompetizzjoni, kompetenza li ma ngħatatx lilha mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, iżda li hija għandha, irrispettivament mir-Regolament Nru 1/2003, skont id-dritt primarju (Artikolu 105 TFUE, ex Artikolu 85 KE).

82.

Iżda, anki jekk jiġi ammess li Schindler tirreferi għall-Artikolu 290(1) TFUE biss għaliex dan jesprimi prinċipju kostituzzjonali ġenerali fis-sens li d-dispożizzjonijiet essenzjali f’materja għandhom jiġu adottati mill-poter leġiżlattiv u ma jistgħux jiġu ddelegati lill-poter eżekuttiv, l-argument tagħha huwa irrilevanti.

83.

Kif diġà ssemma, ir-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji tas-sussidjarji tagħha 100 %, jew kważi 100 %, hija marbuta mal-kunċett ta’ impriża tad-dritt tal-kompetizzjoni li huwa distint minn dak ta’ persuna morali. Billi hija l-impriża li tipparteċipa fl-akkordju u huwa fuq l-impriża li tiġi imposta multa, ma huwiex rilevanti jekk din l-impriża hijiex irrappreżentata minn persuna morali waħda jew iktar.

84.

Kuntrarjament għal dak li tippretendi Schindler, in-natura awtonoma tal-kunċett ta’ impriża ma tistrieħx fuq sempliċi prattika tal-Kummissjoni, bħala organu eżekuttiv, jew tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala organu ġudizzjarju, iżda hija stabbilita bit-Trattati nfushom. Għalhekk, id-dritt primarju tal-Unjoni jiddistingwi b’attenzjoni l-kunċett ta’ persuna morali (ara pereżempju l-Artikoli 15(3), 54(2), 75(1), 263(4), u 265(3) TFUE), il-kunċett ta’ kumpannija (ara l-Artikoli 50(2)(g) u 54(2) TFUE) u l-kunċett, li jidher essenzjalment fil-liġi dwar il-kompetizzjoni, ta’ impriża (ara pereżempju l-Artikoli 101, 102, 106 u 107 TFUE).

85.

Fi kliem ieħor, minn dak li l-awturi tat-Trattat iddeċidew fil-bidu jsegwi li ma humiex biss neċessarjament persuna morali jew kumpannija waħda li jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur tad-dritt dwar l-akkordji, iżda tista’ tinżamm responsabbli anki unità ekonomika sui generis, jiġifieri l-impriża li tipparteċipa fl-akkordju.

86.

Isegwi li l-argument ta’ Schindler ibbażat fuq ir-riżerva ta’ essenzjalità ma huwiex konvinċenti.

87.

Din il-konstatazzjoni ma tinbidilx bil-fatt li fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 1/2003 l-leġiżlatur tal-Unjoni kien adotta dispożizzjoni speċifika li biha, f’ċerti ċirkustanzi, l-eżekuzzjoni tal-multi imposti kontra assoċjazzjonijiet ta’ impriżi tista’ tkun mitluba wkoll mingħand il-membri tagħhom. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni xejn ma tirrigwarda r-responsabbiltà ta’ impriżi għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji li jkunu wettqu huma stess, iżda r-responsabbiltà tal-impriżi għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji ta’ unità ikbar li, min-naħa tagħha, ma jkollhiex l-istatus ta’ impriża, iżda li hija komposta biss minn diversi impriżi. L-ebda konklużjoni b’konnessjoni mar-riżerva ta’ essenzjalità ma tista’ tinġibed mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ħlief li dispożizzjoni leġiżlattiva partikolari hija neċessarja biss fil-każ fejn iċ-ċirku tal-persuni responsabbli għal ksur tad-dritt dwar l-akkordji jkun estiż lil hinn mil-limiti tal-kunċett ta’ impriża.

88.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-argument ta’ Schindler dwar ir-riżerva ta’ essenzjalità għandu għalhekk jiġi miċħud bħala inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

iv) Konklużjoni intermedjarja

89.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tas-seba’ aggravju.

b) Dwar il-kritika ta’ Schindler fir-rigward tal-applikazzjoni li saret konkretament tal-preżunzjoni 100 % (it-tieni parti tas-seba’ aggravju)

90.

Fit-tieni parti tas-seba’ aggravju tal-appell, Schindler tikkritika l-applikazzjoni li saret konkretament mill-Qorti Ġenerali tal-preżunzjoni 100 %, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni. L-appellanti jargumentaw li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kienet applikat skorrettement ir-responsabbiltà in solidum ta’ Schindler Holding bħala kumpannija parent ( 52 ) għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mill-erba’ sussidjarji nazzjonali tagħha fil-Ġermanja, fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Lussemburgu.

91.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dan l-aggravju jista’ jidher li qed jikkritika biss l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li għamlet il-Qorti Ġenerali u qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi dik l-evalwazzjoni bl-evalwazzjoni tagħha. Din it-talba tkun inammissibbli fil-kuntest ta’ appell ( 53 ). Fir-realtà, madankollu, il-kwistjoni li tqum hawnhekk hija dwar jekk l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mill-Qorti Ġenerali twettqitx skont il-kriterji u l-prinċipji meħtieġa. Dan huwa punt ta’ liġi li huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 54 ).

92.

B’mod partikolari għandu jiġi kkjarifikat jekk is-sempliċi eżistenza ta’ “compliance programme” (bil-Franċiż imsejjaħ ukoll bħala “programme de mise en conformité” [“programm ta’ konformità”]) ( 55 ) hijiex biżżejjed sabiex teżonera lill-kumpannija parent mir-responsabbiltà in solidum tagħha. Barra minn hekk, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar kemm ir-relazzjonijiet bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarji għandhom jiġu investigati sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni 100 %.

i) Dwar is-sinjifikat tal-“compliance programme” tal-grupp Schindler

93.

Schindler tqis l-ewwel nett li kumpannija parent għandha dejjem tiġi eżonerata mir-responsabbiltà in solidum tagħha għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mis-sussidjarji tagħha 100 % meta hija tkun issodisfat l-obbligi ta’ viġilanza tagħha u, b’mod partikolari, meta hija tkun stabbilixxiet “compliance programme”. Skont Schindler, mingħand kumpannija parent ma jistax jiġi rikjest iktar mill-prova tal-eżistenza ta’ “compliance programme”“operattiv”.

94.

Dan l-argument ma huwiex suffiċjenti. Dan huwa manifestament ibbażat fuq l-idea żbaljata li r-responsabbiltà in solidum ta’ kumpannija parent għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mis-sussidjarji tagħha 100 % hija b’xi mod ibbażata fuq il-ħtija organizzattiva tal-kumpannija parent, jiġifieri fuq il-ksur tal-obbligi ta’ diliġenza partikolari imposti fuq il-kumpannija parent. Madankollu dan ma huwiex il-każ.

95.

L-element ta’ konnessjoni tar-responsabbiltà tal-kumpannija parent ma huwiex in-nuqqas ta’ organizzazzjoni jew ta’ sorveljanza tal-proċessi tax-xogħol fi ħdan il-grupp, iżda għall-kuntrarju huwa esklużivament il-fatt li, fil-mument tal-ksur tad-dritt dwar l-akkordji, il-kumpannija parent kienet teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja tagħha. Din l-influwenza determinanti – u mhux xi nuqqas ta’ organizzazzjoni – għandha tiġi preżunta meta s-sussidjarja kkonċernata tappartjeni 100 % jew qrib 100 % lill-kumpannija parent (preżunzjoni 100 %).

96.

Għaldaqstant sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni 100 % huwa irrilevanti li l-kumpannija parent għandha “compliance programme”. Ċertament, tali programm probabbilment jista’ jistabbilixxi li jeżistu ċerti sforzi fi ħdan l-impriża sabiex jiġi evitat ksur tad-dritt dwar l-akkordji (u b’mod iktar ġenerali ksur tad-dritt) – sforzi li l-utilità tagħhom hija indiskutibbli. Madankollu, l-eżistenza ta’ “compliance programme” bl-ebda mod ma tista’ twassal għall-prova tal-assenza ta’ eżerċizzju mill-kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja, jew twassal għal bidu tal-prova li – kuntrarjament għal dak li jidher mal-ewwel daqqa ta’ għajn – il-kumpannija parent u s-sussidjarja 100 % ma jikkostitwixxux impriża komuni fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni.

97.

Iżda, anki jekk jiġi ammess, kuntrarjament għal dak li ntqal iktar ’il fuq, li r-responsabbiltà in solidum tal-kumpannija parent għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq mis-sussidjarji tagħha 100 % hija bbażata fuq nuqqas ta’ organizzazzjoni, dan il-ksur ma jistax jiġi skartat b’riferiment sommarju għal “programm ta’ konformità operattiv” kif Schindler tipprova tagħmel f’dan il-każ.

98.

Effettivament ma tistax a priori tiġi preżunta l-eżistenza ta’ “programm ta’ konformità operattiv” meta, kif anki ġie kkonstatat fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Schindler fl-akkordju tal-liftijiet fil-Ġermanja, fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Lussemburgu, waħda jew iktar mis-sussidjarji 100 % kienu ħatja, matul perijodu ta’ diversi snin, ta’ ksur anki gravi tar-regoli tas-suq intern fil-qasam tal-kompetizzjoni.

99.

Jista’ jagħti l-każ li “compliance programme” ma jistax raġonevolment iwassal sabiex jiġi evitat kull ksur tad-dritt anki jekk minuri. Iżda, “compliance programme”“operattiv” għandu jkun ta’ natura li jevita b’mod effettiv il-ksur gravi u għal żmien twil tad-dritt dwar l-akkordji kif ukoll, jekk meħtieġ, li jikxef il-ksur tal-liġi li jkun twettaq u jwaqqfu immedjatament. Iżda, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet – sostanzjalment mhux ikkontestati – tal-Qorti Ġenerali dwar it-tul u l-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ Schindler fl-akkordju dwar il-liftijiet, anki abbażi tal-iktar evalwazzjoni indulġenti possibbli, ma jistax jiġi deċiż li dan huwa l-każ hawnhekk. Għalhekk diffiċilment jista’ jiġi assunt li Schindler kienet “għamlet ħilitha” sabiex twaqqaf l-akkordju inkwistjoni u, kuntrarjament għal dak li Schindler tinsisti li tippretendi, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatat hekk fl-ebda parti mis-sentenza appellata ( 56 ).

100.

Għalhekk, l-argument ta’ Schindler ibbażat fuq “programm ta’ konformità operattiv” għandu jiġi miċħud.

ii) Dwar ir-rekwiżit ta’ “kjarifika tar-relazzjonijiet fi ħdan il-grupp”

101.

Barra minn hekk l-appellanti jikkritikaw il-passaġġi tas-sentenza ( 57 ) li fihom il-Qorti Ġenerali tiddeskrivi bħala insuffiċjenti l-argumenti l-oħra mressqa minn Schindler sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni 100 %.

102.

Għall-appellanti, l-ostakolu huwa b’mod partikolari l-punt 90 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali tiddelibera dwar il-kwalità tal-argument ta’ Schindler dwar l-istruttura ta’ ġestjoni tagħha u dwar l-obbligi ta’ rapport (“reportings lines” u “reporting obligations”) ta’ impjegati differenti tas-sussidjarji nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-argument imressaq ma kienx suffiċjenti sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni 100 % għaliex ir-relazzjonijiet soċjali bejn Schindler Holding u s-sussidjarji tagħha attivi fil-pajjiżi kkonċernati ma kinux ġew iċċarati ulterjorment ( 58 ).

103.

Schindler issostni li, għall-finijiet tal-prova tal-assenza ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq is-sussidjarja 100 %, “[f]i kwalunkwe każ, ma jistax jiġi rikjest li jinkixfu r-relazzjonijiet soċjali interni fil-grupp”.

104.

Din il-perċezzjoni hija żbaljata. Ovvjament jista’ jiġi rikjest mingħand kumpannija parent li tixtieq tikkonfuta l-preżunzjoni 100 % li hija tipprovdi informazzjoni eżawrjenti dwar ir-relazzjonijiet tagħha mas-sussidjarji, speċjalment għaliex l-informazzjoni kollha fuq dan il-punt xorta toħroġ barra mill-isfera interna tal-impriża kkostitwita mill-kumpannija parent u mis-sussidjarja.

105.

Riferimenti sporadiċi biss għall-ambitu tal-obbligi ta’ rapportar ta’ impjegati differenti ma jistgħux jagħtu stampa sħiħa u sinjifikattiva ta’ dawn ir-relazzjonijiet interni fil-grupp. Ikun meħtieġ li l-impriża kkonċernata tiċċara l-elementi kollha rilevanti dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali li jgħaqqdu lill-kumpannija parent mas-sussidjarja ( 59 ). B’mod partikolari, dan għandu jinkludi spjegazzjoni, ibbażata fuq evidenza konkreta mill-ħajja ta’ kuljum tal-impriża, jekk, u sa fejn, is-sussidjarja tiddeċidix hija stess il-politika kummerċjali u l-imġiba tagħha fis-suq u għandhiex għalhekk imġiba awtonoma, jiġifieri indipendenti mill-kumpannija parent tagħha. Sempliċi riferiment għall-ambitu tal-obbligi ta’ rapportar ta’ impjegati ovvjament ma jistax jistabbilixxi b’mod konklużiv l-assenza ta’ influwenza determinanti eżerċitata fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji.

106.

Għalhekk, il-kritika ta’ Schindler kontra l-Artikolu 90 tas-sentenza appellata hija infondata.

iii) Dwar il-kunċett ta’ “politika kummerċjali” fil-kuntest tal-preżunzjoni 100 %

107.

Fl-aħħar nett, l-appellanti jargumentaw, speċjalment fir-rigward tal-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-kunċett ta’ “politika kummerċjali” tas-sussidjarji li tippreżumi li din il-politika hija influwenzata mill-kumpannija parent meta din tkun sid is-sussidjarja 100 %.

108.

Dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

109.

Il-kwistjoni jekk, fir-rigward tal-imġiba tagħha fis-suq, sussidjarja tkunx taħt l-influwenza determinanti tal-kumpannija parent tagħha ma tiddependix biss fuq min jiddetermina l-politika kummerċjali tagħha fis-sens ristrett, jiġifieri l-politika tal-prezzijiet, l-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, il-miri tal-bejgħ, il-marġini gross, l-ispejjeż tal-bejgħ, il-“cash flow”, l-inventarji u l-marketing. Fil-fatt, l-imġiba fis-suq ta’ sussidjarja tista’ fl-aħħar mill-aħħar tkun influwenzata mill-elementi rilevanti kollha dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u legali bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja. Hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni 100 %, l-elementi kollha huma rilevanti u li, għaldaqstant, huma prova tal-assenza ta’ influwenza eżerċitata fuq il-politika kummerċjali fis-sens wiesa’ applikabbli ( 60 ). Il-Qorti Ġenerali applikat din il-ġurisprudenza korrettement għal dan il-każ.

110.

Irrispettivament mill-kontroversja dwar il-portata tal-kunċett ta’ politika kummerċjali, għandu jiġi nnotat li l-Qorti Ġenerali ddeliberat b’mod eżawrjenti, fil-punti 84 sa 91 tas-sentenza appellata, dwar l-argumenti kollha ta’ Schindler dwar il-konfutazzjoni tal-preżunzjoni 100 % u kkritikat il-fatt li dawn l-argumenti kienu essenzjalment ibbażati fuq allegazzjonijiet li ma kinux ġew sostanzjati ( 61 ). Il-Qorti Ġenerali, ġustament, ma kinitx qieset li tali sempliċi allegazzjonijiet kienu suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni 100 % ( 62 ).

2. Dwar il-prinċipju ta’ ħtija (is-sitt aggravju u partijiet mis-seba’ aggravju)

111.

Barra minn hekk, bis-sitt aggravju u ċerti partijiet mis-seba’ aggravju, l-appellanti jargumentaw li l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ responsabbiltà ta’ impriża għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq fl-isfera ta’ responsabbiltà tagħha jiksru l-prinċipju ta’ ħtija.

112.

Jekk jiġi studjat iktar mill-qrib, il-ksur tal-prinċipju ta’ ħtija invokat huwa bbażat fuq żewġ aggravji differenti: minn naħa, Schindler tikkritika lill-Qorti Ġenerali li applikat il-preżunzjoni 100 % kontra Schindler Holding b’mod li twassal għal responsabbiltà mingħajr ħtija ( 63 ) (ara iktar ’il quddiem (a)). Min-naħa l-oħra, Schindler tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma “osservatx il-prinċipji elementari fil-qasam ta’ ħtija” għaliex hija kienet lesta li tapplika responsabbiltà skont id-dritt dwar l-akkordji “mill-mument li xi impjegat tas-sussidjarji jkun ġab ruħu b’mod kontra d-dritt dwar l-akkordji” ( 64 ) (ara iktar ’il quddiem (b)).

a) Dwar l-aggravju li l-preżunzjoni 100 % twassal għal responsabbiltà mingħajr ħtija

113.

Il-fatt li l-Qorti Ġenerali rrifjutat li tikkunsidra l-“compliance programme” ta’ Schindler bħala eżonerazzjoni jinkoraġġixxi lill-appellanti sabiex iqajmu l-aggravju li l-preżunzjoni 100 % twassal għal responsabbiltà mingħajr ħtija ta’ Schindler Holding bħala kumpannija parent.

114.

Ma hemm l-ebda dubju li l-prinċipju nulla poena sine culpa (ebda piena mingħajr ħtija), li jista’ jkun marbut mal-prinċipju tal-istat tad-dritt u mal-prinċipju tal-ħtija, huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċeduri fil-qasam tal-akkordji fl-Unjoni. Kif diġà spjegajt xi mkien ieħor reċentement, dan huwa prinċipju li għandu n-natura ta’ dritt fundamentali komuni għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri ( 65 ).

115.

Ċertament, dan il-prinċipju ma jissemmiex espressament fil-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-KEDB, iżda huwa l-kundizzjoni neċessarja tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Għalhekk jista’ jiġi preżunt li l-prinċipju nulla poena sine culpa huwa impliċitu kemm fl-Artikolu 48(1) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB li fir-rigward tagħhom huwa rikonoxxut li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-proċedura fil-qasam ta’ akkordji ( 66 ). Fl-aħħar nett, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-Karta u tal-KEDB jistgħu jitqiesu bħala espressjoni proċedurali tal-prinċipju nulla poena sine culpa ( 67 ).

116.

B’konnessjoni mas-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ dritt dwar l-akkordji, il-prinċipju nulla poena sine culpa huwa rifless fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li jistabbilixxi li l-multi tad-dritt tal-akkordji jistgħu jiġu imposti biss f’każ ta’ ksur imwettaq intenzjonalment jew bi traskuraġni.

117.

F’dan il-każ l-appellanti ġustament jirreferu għall-applikazzjoni tal-prinċipju nulla poena sine culpa li huma jiddeskrivu billi jużaw il-frażi “prinċipju ta’ ħtija”. Hija żbaljata, għall-kuntrarju, il-pożizzjoni tagħhom li tgħid li l-preżunzjoni 100 % twassal għal responsabbiltà mingħajr ħtija tal-kumpannija parent u hija kuntrarja għall-prinċipju nulla poena sine culpa sempliċement għaliex il-kumpannija parent ma tistax teżonera ruħha billi tirreferi għall-“compliance programme” tagħha.

118.

Jidhirli li l-appellanti jifhmu ħażin il-kontenut tal-preżunzjoni 100 %. Din il-preżunzjoni ma tgħid xejn dwar il-kwistjoni jekk l-impriża wettqitx bi ħtija (jiġifieri intenzjonalment jew bi traskuraġni) ksur tad-dritt dwar l-akkordji. Din ma hijiex preżunzjoni ta’ ħtija. Għall-kuntrarju, il-preżunzjoni 100 % tipprovdi biss informazzjoni fuq il-kwistjoni dwar minn liema elementi hija kkostitwita impriża li, kif ġie stabbilit f’dan il-każ, tkun, intenzjonalment jew bi traskuraġni, ipparteċipat f’akkordju. Il-konstatazzjoni tal-mod li bih hija kkostitwita impriża ma tinkludix fiha nnifisha wkoll l-imputazzjoni ta’ ħtija fir-rigward tal-aġir illeċitu ta’ akkordju.

119.

Skont il-preżunzjoni 100 %, jista’ jkun preżunt li, normalment, kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha 100 % jifformaw parti minn impriża waħda. Fil-fatt, l-istruttura ta’ investimenti ta’ dan it-tip turi prima facie li l-kumpannija parent teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha.

120.

Huwa permissibbli li l-kumpannija parent tikkonfuta din il-preżunzjoni billi tressaq provi qawwija li, kuntrarjament għal dak li jidher prima facie, is-sussidjarja kkonċernata tiddetermina b’mod awtonomu l-politika kummerċjali tagħha b’mod li s-sitwazzjoni tagħha tkun distinta minn dik li teżisti normalment f’dak li jikkonċerna sussidjarja 100 % jew qrib 100 %. Kif diġà ġie indikat ( 68 ), tali prova kuntrarja ma tistax issir b’sempliċi riferiment għall-eżistenza ta’ “compliance programme”. Fil-fatt, tali programm ma jistax jipprova l-assenza ta’ influwenza determinanti tal-kumpannija parent fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarja.

121.

Jekk, bħal f’dan il-każ, il-kumpannija parent ma tistax turi li ma teżerċitax influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tas-sussidjarji tagħha, hija waħda mis-suġġetti ta’ dritt li jikkostitwixxu l-impriża li pparteċipat fl-akkordju inkwistjoni. Flimkien mas-sussidjarja jew mas-sussidjarji, hija l-inkarnazzjoni legali tal-impriża responsabbli mill-ksur tad-dritt dwar l-akkordji ( 69 ).

122.

Il-kwistjoni jekk din l-impriża, permezz tal-impjegati tagħha, wettqitx b’mod negliġenti l-ksur tad-dritt dwar l-akkordji inkwistjoni, hija kwistjoni oħra. Hemm qbil li f’każ ta’ dubju, in-negliġenza tal-impriża fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju għandha, skont il-prinċipju nulla poena sine culpa, tiġi stabbilita separatament ( 70 ). Iżda, il-preżunzjoni 100 % ma għandha xejn x’taqsam ma’ din il-kwistjoni tan-negliġenza.

123.

Għalhekk, l-aggravju li l-preżunzjoni 100 % tikser il-prinċipju ta’ ħtija għandu jiġi miċħud.

124.

Jekk l-appellanti kellhom l-intenzjoni li jikkontestaw li l-impriża li jifformaw parti minnha pparteċipat b’negliġenza fl-imġiba dwar l-akkordju tal-liftijiet, kellhom iqajmu l-ilmenti relattivi. F’dan il-każ, l-aggravju li tqajjem kontra l-preżunzjoni 100 % ma jagħtix lok għal dan.

b) Dwar l-aggravju li ma huwiex biżżejjed li kwalunkwe impjegat ikun kiser il-projbizzjoni tal-akkordji

125.

Barra minn hekk, l-appellanti jikkritikaw l-assenza ta’ konstatazzjonijiet konkreti fis-sentenza appellata dwar liema mill-impjegati tagħhom kienu pparteċipaw fil-ksur imwettaq bl-akkordju tal-liftijiet. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali “ma osservatx il-prinċipji elementari fil-qasam ta’ imputazzjoni”.

126.

Kif tenfasizza korrettement il-Kummissjoni, Schindler ma kinitx qajmet ilment paragunabbli fl-ewwel istanza. Għalhekk, dan huwa aggravju ġdid u huwa inammissibbli li dan jitqajjem għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell ( 71 ).

127.

Fil-mertu wkoll, dan l-aggravju xejn ma huwa konvinċenti.

128.

L-appellanti fl-ebda stadju tal-proċedura ma kkontestaw li l-persuni li, min-naħa ta’ Schindler, kienu pparteċipaw fl-imġiba antikompetittiva tal-akkordju tal-liftijiet ma kinux impjegati ta’ Schindler. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda ħtieġa li tingħata spjegazzjoni ddettaljata dwar l-identità preċiża ta’ dawn il-persuni ( 72 ) u dwar il-kwistjoni jekk l-imġiba tagħhom setgħetx tiġi imputata lil Schindler.

129.

Jekk b’dan l-aggravju l-appellanti riedu jagħtu l-idea li hija biss l-imġiba illegali tar-rappreżentanti legali tagħhom jew ta’ impjegati oħra speċjalment awtorizzati rispettivament li tista’ tiġi imputata lil Schindler Holding u lill-erba’ sussidjarji nazzjonali, dan l-argument ukoll ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni ma tippresupponix azzjoni jew anki għarfien tas-soċji jew tad-diretturi prinċipali tal-impriża kkonċernata. Għall-kuntrarju, hija biżżejjed l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata li taġixxi f’isem l-impriża ( 73 ).

130.

Li kieku, fil-kuntest ta’ proċedura fil-qasam tal-akkordji, tista’ tiġi imputata lill-impriżi biss l-imġiba ta’ dawk fost l-impjegati tagħhom li l-imġiba antikompetittiva tagħhom tkun ibbażata b’mod ipprovat fuq istruzzjoni konkreta jew mandat mogħtija mill-amministrazzjoni tal-impriża jew li, għall-inqas, ikunu ġew xjentement ittollerati minnha, il-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni tiġi mċaħħda minn kull effett utli. Ikun faċli għal impriża li taħrab mir-responsabbiltà tagħha minħabba l-ksur tad-dritt dwar l-akkordji għal motivi purament formali.

131.

Fil-verità, impriża għandha normalment tassumi l-konsegwenzi tal-imġiba kollha illegali, inkluż dik li sseħħ mingħajr ma l-amministrazzjoni tal-impriża tkun taf biha jew tkun espressament approvat, speċjalment jekk din l-imġiba tkun seħħet fl-isfera ta’ responsabbiltà tal-impriża. Fil-prinċipju, dan huwa l-każ meta l-azzjonijiet inkwistjoni tal-impjegati tagħha jkunu twettqu fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom f’isem l-impriża.

132.

Is-sempliċi fatt li l-impjegati ta’ impriża jkunu regolarment mitluba fil-kuntest ta’ “compliance programme” sabiex iġibu ruħhom b’mod legali ma jistax ikun biżżejjed sabiex jeħles lil impriża mir-responsabbiltà tagħha skont id-dritt tal-akkordji. Fil-fatt, jekk, minkejja tali programm, kien għad hemm snin ta’ ksur serju tad-dritt dwar l-akkordji, nistgħu nassumu li l-isforzi li saru fi ħdan l-impriża fil-qasam ta’ konformità ma kinux suffiċjenti ( 74 ) u, b’mod partikolari, li l-impjegati tal-impriża ma kinux motivati, b’mod adegwat, sabiex iżommu lura minn imġiba illegali.

3. Konklużjoni intermedja

133.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-argument ta’ Schindler dwar ir-responsabbiltà in solidum ta’ Schindler bħala kumpannija parent u dwar il-prinċipju ta’ ħtija ma jistax jiġi milqugħ. Is-sitt u s-seba’ aggravju tal-appell għandhom konsegwentement jiġu miċħuda.

C – Dwar xi kwistjonijiet oħra ta’ dritt dwar il-multi imposti għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji u l-kalkolu tagħhom

134.

Bl-aggravji l-oħra tagħha, Schindler tqajjem sensiela ta’ kwistjonijiet ta’ dritt dwar il-multi imposti għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji u l-kalkolu tagħhom.

1. Validità tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fir-rigward tal-prinċipju ta’ legalità (it-tielet aggravju)

135.

Fil-kuntest tat-tielet aggravju, Schindler tikkontesta l-validità tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 bħala bażi legali tal-multi imposti mill-Kummissjoni fil-qasam ta’ dritt dwar l-akkordji. Skont Schindler, din id-dispożizzjoni tikser il-prinċipju kriminali ta’ legalità.

136.

Il-prinċipju kriminali ta’ legalità, li l-applikazzjoni tiegħu ġiet rikonoxxuta mill-Qorti tal-Ġustizzja wkoll f’dak li jikkonċerna s-sanzjonijiet tad-dritt dwar l-akkordji ( 75 ), jitnissel mill-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege). Dan jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li huma l-bażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ( 76 ) u għandu, sadanittant, skont l-Artikolu 49 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, il-kwalità ta’ dritt fundamentali tal-Unjoni. Skont il-prinċipju ta’ omoġeneità (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta), waqt l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 tal-Karta, għandu jiġi rrispettat b’mod partikolari l-Artikolu 7 tal-KEDB u l-ġurisprudenza mogħtija dwaru.

137.

Il-prinċipju kriminali ta’ legalità jimplika li l-liġi tiddefinixxi kjarament il-ksur u l-pieni li jikkastigawhom ( 77 ) (nullum crimen, nulla poena sine lege certa).

138.

Schindler issostni li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa redatt b’mod impreċiż iżżejjed kemm, minn naħa, fir-rigward tal-kunċett ta’ impriża li jintuża hemmhekk (ara iktar ’il quddiem (a)) kif ukoll, min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-kuntest tal-multi li hemm previsti fih (ara iktar ’il quddiem (b)).

a) Dwar in-natura indeterminata tal-kunċett ta’ impriża (l-ewwel parti tat-tielet aggravju)

139.

Dwar l-allegata natura indeterminata tal-kunċett ta’ impriża fil-kuntest tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi osservat li Schindler lanqas biss qajmet tali lment fl-ewwel istanza. Għaldaqstant, dan huwa aggravju ġdid li ma jistax jiġi invokat iktar fl-istadju tal-appell għaliex ikun qed jiġi estiż b’mod inammissibbli s-suġġett tat-tilwima ( 78 ).

140.

Dan l-aggravju lanqas ma huwa sostenibbli fil-mertu.

141.

Ċertament, il-kunċett ta’ impriża ma huwiex iddefinit preċiżament la fid-dritt primarju u lanqas fil-liġi sussidjarja. Madankollu, l-użu fid-dispożizzjonijiet legali ta’ kunċetti ġuridiċi indeterminati, inkluż bħala bażi ta’ inkriminazzjoni f’dispożizzjonijiet li jappartjenu lid-dritt kriminali klassiku, xejn ma huwa rari ( 79 ) .

142.

Il-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege certa huwa osservat meta s-suġġett tad-dritt jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u jekk hemm bżonn bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li din tingħata mill-qrati, liema atti u omissjonijiet jistgħu jwasslu għar-responsabbiltà kriminali tiegħu ( 80 ).

143.

Dan huwa l-każ f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ impriża fid-dritt tal-kompetizzjoni kif użat fil-kuntest tal-projbizzjoni tal-akkordji tad-dritt tal-Unjoni (Artikolu 81 KE) u l-liġi li timponi s-sanzjoni relattiva [Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003]. Matul għexur sħaħ ta’ snin, dan il-kunċett dejjem ġie interpretat bl-istess mod mill-qrati tal-Unjoni (“kull entità li twettaq attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u l-mod kif tiġi ffinanzjata”) ( 81 ).

144.

Barra minn hekk, kif diġà ġie nnotat ( 82 ), distinzjoni ċara bejn il-kunċetti ta’ persuna morali, ta’ kumpannija u ta’ impriża hija diġà mwettqa fid-dritt primarju. Għaldaqstant, minn dak li kien ġie ffissat fil-bidu mill-awturi tat-Trattat jirriżulta li ma hijiex neċessarjament persuna morali jew kumpannija kummerċjali biss li tista’ tinżamm responsabbli għal ksur tad-dritt dwar l-akkordji, iżda li anki unità ekonomika sui generis, jiġifieri l-impriża li tipparteċipa fl-akkordju, tista’ tinżamm responsabbli. Id-distinzjoni bejn il-kunċett ta’ persuna morali u dak ta’ impriża titkompla fid-dritt sussidjarju kif juri b’mod partikolari paragun bejn l-Artikoli 7(2) u 23 tar-Regolament Nru 1/2003.

145.

Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza stabbilita tagħhom, il-Qrati tal-Unjoni rrikonoxxew li l-impriża li tipparteċipa f’akkordju tista’ tkun inkorporata f’diversi persuni morali, b’mod partikolari f’kumpannija parent u s-sussidjarji tagħha ( 83 ). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza żviluppat kriterji ċari, b’mod partikolari l-preżunzjoni 100 % ( 84 ), fis-sens li dawn il-kumpanniji jistgħu, jekk meħtieġ, jinżammu responsabbli in solidum.

146.

F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ebda suġġett tad-dritt ma jista’ jsostni b’mod serju li l-kunċett ta’ impriża bħala bażi sabiex jiġu imposti sanzjonijiet taħt id-dritt dwar l-akkordji ma huwiex konkret biżżejjed jew li għandha dejjem tkun esklużivament il-persuna morali li tkun ipparteċipat direttament fl-aġiri ta’ akkordju li għandha titqies bħala l-impriża fis-sens tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

147.

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

b) Dwar l-allegata natura indeterminata tal-kuntest tal-multi (it-tieni parti tat-tielet aggravju)

148.

Barra minn hekk, l-appellanti jilmentaw li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jawtorizza lill-Kummissjoni li timponi multi mingħajr ma tkun iffissat kuntest ġuridiku suffiċjentement determinat għal dan l-għan.

149.

Il-qrati tal-Unjoni diġà ddeliberaw diversi drabi dwar ilmenti simili kontra l-kuntest tad-dritt tal-Unjoni li fih huma imposti l-multi għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji, u dejjem ċaħduhom ( 85 ). Ċertament, il-ġurisprudenza attwali kienet, fil-parti l-kbira, ingħatat dwar l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KEE) Nru 17 ( 86 ), iżda tista’ tiġi trasposta perfettament għad-dispożizzjoni b’kontenut sostanzjalment identiku li ħaditilha postha, stabbilita bl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

150.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali korrettement u b’mod eżawrjenti rriproduċiet u applikat din il-ġurisprudenza ferm stabbilita ( 87 ) u għalhekk mhux ser nerġa’ nesponiha hawnhekk. Wara li eżaminajt l-argumenti mressqa bil-miktub u oralment minn Schindler, ma nara ebda raġuni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tinjora din il-ġurisprudenza.

151.

B’mod partikolari, id-dħul fis-seħħ sadanittant tat-Trattat ta’ Lisbona ma jikkostitwixxix raġuni sabiex din il-problema tiġi sostanzjalment rieżaminata. Fil-fatt, il-kontenut tal-prinċipju kriminali ta’ legalità rikonoxxut fl-Unjoni huwa mmarkat b’mod qawwi ħafna mill-Artikolu 7(1) tal-KEDB kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Qrati tal-Unjoni dwar din il-problema. Il-kontenut ta’ dan id-dritt fundamentali ma ġiex emendat sostanzjalment bit-Trattat ta’ Lisbona ( 88 ). Lanqas ma jidher li jimponi ruħu, b’mod partikolari f’qasam bħalma huwa d-dritt dwar l-akkordji li ma jifformax parti mill-qalba tad-dritt kriminali ( 89 ), b’mod li jmur lil hinn mir-regola ffissata mill-KEDB, skont it-tieni frażi tal-Artikolu 52(3) tal-Karta. Dan jgħodd b’mod speċjali għaliex, anki fid-dritt kriminali klassiku, bħala regola ġenerali, l-iskala tal-pieni ffissati mil-liġi hija mfassla b’mod wiesa’ ferm u tħalli lill-korpi nkarigati mill-proċeduri kriminali marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa rigward id-determinazzjoni tal-importanza konkreta tas-sanzjoni f’kull każ partikolari.

152.

Kuntrarjament għal dak li taħseb Schindler, miċ-ċirkustanza ma jistax jiġi dedott li l-ammont nominali tal-multi imposti mill-Kummissjoni għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji żdied b’mod qawwi matul is-snin li fihom il-kuntest ġuridiku kien indeterminat wisq. Huwa konformi ma’ ġurisprudenza ferm stabbilita li, fil-limiti ffissati mir-Regolament Nru 1/2003 (ex-Regolament Nru 17), il-Kummissjoni għandha l-poter li tgħolli l-ammont tal-multi taħt id-dritt dwar l-akkordji jekk dan ikun neċessarju sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni ( 90 ).

153.

Il-prinċipju nulla poena sine lege certa lanqas ma jeskludi li l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni kriminali eżistenti tkun adattata għat-tibdil fis-sitwazzjoni – b’mod partikolari l-frekwenza, il-gravità u l-kumplessità tal-ksur ( 91 ); dan huwa applikabbli a fortiori f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet kważi-kriminali bħalma huma l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 92 ) li għalihom, kif diġà ġie osservat, il-garanziji tad-drittijiet fundamentali applikabbli għall-qalba tad-dritt kriminali ma humiex neċessarjament applikabbli fir-rigorożità tagħhom kollha ( 93 ).

154.

Il-kritika mressqa minn Schindler kontra l-limitu massimu tal-multa ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża, stabbilit bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 lanqas ma hija wisq solida. Irridu nirrikonoxxu li dan il-limitu massimu huwa varjabbli billi ma huwiex marbut ma’ ammont nominali massimu assolut, iżda ma’ parti mid-dħul mill-bejgħ. Madankollu, dan ma jfissirx li l-leġiżlazzjoni hija nieqsa minn preċiżjoni. Kull impriża taf id-dħul mill-bejgħ tagħha u tista’ għalhekk faċilment tikkalkula x’ser ikun l-ammont massimu ta’ multa possibbli għal ksur tad-dritt dwar l-akkordji. Tali prevedibbiltà tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju nulla poena sine lege certa ( 94 ).

155.

F’kull każ, kif osservajt reċentement xi mkien ieħor ( 95 ), il-kalkolu tal-multi taħt id-dritt dwar l-akkordji ma huwiex proċess mekkaniku li b’xi mod jippermetti li jiġi ddeterminat bi preċiżjoni matematika minn qabel għal kull akkordju x’ser ikun l-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta. Barra minn hekk, tali prevedibbiltà tas-sanzjoni sal-aħħar post deċimali lanqas ma ser tkun opportuna, għaliex tkun tippermetti lill-parteċipanti fl-akkordju li jikkalkolaw minn qabel wisq faċilment il-“prezz” tal-aġir illegali tagħhom u li jikkalkolaw jekk huwiex iktar ta’ profitt għalihom li jiksru l-liġi jew li josservawha. Dan jipperikola serjament waħda mill-funzjonijiet essenzjali tas-sistema ta’ sanzjoni tad-dritt dwar l-akkordji, jiġifieri l-effett dissważiv.

156.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-aggravju tal-appellanti fis-sens li l-kuntest ta’ determinazzjoni tal-multi stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa inkompatibbli mad-dritt ta’ livell ogħla għandu jiġi miċħud.

157.

Fl-aħħar nett, ma jirriżulta xejn iktar mir-“riżerva ta’ essenzjalità” li Schindler tirreferi għaliha sussidjarjament. Kif diġà ġie indikat f’kuntest ieħor ( 96 ), dan il-prinċipju kostituzzjonali jipprovdi li d-dispożizzjonijiet essenzjali ta’ materja għandhom jiġu adottati mill-poter leġiżlattiv u ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ delega lill-poter eżekuttiv. Dawn ir-rekwiżiti huma sodisfatti fil-każ tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, għaliex huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu li ffissa, b’mod suffiċjentement iddeterminat kif ser nuri, il-kuntest li fih huma imposti l-multi għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji.

c) Konklużjoni intermedja

158.

Fl-aħħar nett, għalhekk, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

2. Legalità tal-linji gwida tal-1998 (ir-raba’ u l-ħames aggravji tal-appell)

159.

Barra minn hekk, l-appellanti jikkritikaw il-linji gwida tal-1998 billi jikkontestaw il-legalità tagħhom għall-motivi li l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti sabiex tadottahom (ara iktar ’il quddiem (a)) u li f’dan il-każ, il-linji gwida ġew applikati retroattivament (ara iktar ’il quddiem (b)).

a) Kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta l-linji gwida (ir-raba’ aggravju)

160.

Bir-raba’ aggravju tagħha, Schindler tinvoka lment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ validità tal-linji gwida minħabba l-assenza ta’ kompetenza tal-Kummissjoni biex tilleġiżla.

161.

Għandi dubji serji dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, għaliex xejn ma jippreċiża b’mod konkret kontra liema parti tas-sentenza appellata huwa indirizzat dan l-aggravju ( 97 ).

162.

Anki jekk jitqies li Schindler tikkritika l-punt 133 tas-sentenza appellata, fil-mertu, l-argument tagħha jistrieħ manifestament fuq l-idea żbaljata li l-linji gwida tal-1998 huma att leġiżlattiv, jew għall-inqas norma ġuridika vinkolanti, li tiffissa “l-imputazzjoni” tal-ksur tad-dritt dwar l-akkordji jew is-sanzjonijiet kontra tiegħu.

163.

Madankollu dan ma huwiex il-każ ( 98 ). L-unika bażi legali tal-multi imposti fil-qasam tal-akkordji mill-Kummissjoni hija l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li, kif diġà ġie ddikjarat ( 99 ), jissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti tar-“riżerva ta’ essenzjalità” u tal-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege certa. Għaldaqstant, il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi adottati mill-Kummissjoni, jiġifieri l-linji gwida tal-1998, ma għandhomx il-funzjoni li jimlew xi lakuni fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

164.

B’mod kuntrarju, minn naħa, il-linji gwida tal-1998 jikkontjenu spjegazzjoni tal-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni ( 100 ). Min-naħa l-oħra, permezz ta’ dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tar-responsabbiltà tagħha li żżomm u li tiżviluppa sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta fis-suq komuni Ewropew, tagħti avviż ġenerali fil-qasam ta’ politika tal-kompetizzjoni ( 101 ). Hija għandha dan il-poter skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 85 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 211 KE (li saru d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 105 TFUE u 292, ir-raba’ sentenza).

165.

Għalhekk, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

b) Nuqqas ta’ retroattività u protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (il-ħames aggravju)

166.

Bil-ħames aggravju tagħha, li huwa indirizzat kontra l-punti 117 sa 130 tas-sentenza appellata, Schindler targumenta li l-applikazzjoni tal-linji gwida tal-1998 f’dan il-każ partikolari tikser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività stabbilita bl-Artikolu 7(1) tal-KEDB kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Dan l-aggravju huwa mingħajr dubju dovut għall-fatt li l-attivitajiet tal-akkordju dwar il-liftijiet, li pparteċipat fih Schindler, kienu diġà bdew qabel l-1998.

167.

Kif diġà ġie ddikjarat f’kuntest ieħor ( 102 ), dan l-ilment ma jistax jiġi evalwat direttament fid-dawl tal-KEDB, iżda tal-Karta dwar id-Drittijiet fundamentali – f’dan il-każ l-Artikolu 49 tal-Karta – li għandu dejjem jiġi interpretat u applikat b’mod konformi mal-Artikolu 7(1) tal-KEDB (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta).

168.

Fil-mertu, l-argument ta’ Schindler ma huwiex b’saħħtu.

169.

Il-Qrati tal-Unjoni diġà ddeliberaw diversi drabi dwar aggravji paragunabbli dwar il-prattika tal-Kummissjoni fir-rigward tal-multi imposti għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji u dejjem ċaħduhom. Huma skartaw kemm ksur tan-nuqqas ta’ retroattività kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ( 103 ) meta l-Kummissjoni kienet emendat il-metodu li fuqu hija tibbaża l-kalkolu tal-multi u meta kienet applikatu għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji mwettaq preċedentement.

170.

Il-Qorti Ġenerali korrettement u b’mod eżawrjenti rriproduċiet u applikat din il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza appellata ( 104 ) b’mod li mhux ser nesponiha hawnhekk. Wara eżami tal-argumenti mressqa minn Schindler, ma nara l-ebda raġuni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiskarta din il-ġurisprudenza.

171.

Wara d-dħul fis-seħħ fl-1962 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni hija awtorizzata timponi għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji multi f’ammont li jista’ jilħaq 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriża.

172.

Schindler ma setax kellha aspettattiva li, matul il-perijodu ta’ eżistenza tal-akkordju dwar il-liftijiet, il-metodu applikat oriġinarjament mill-Kummissjoni sabiex tikkalkula l-multi u l-ordni tal-kobor tal-multi imposti mill-Kummissjoni ma kinux ser jinbidlu b’xi mod. Fil-fatt, diġà f’dak iż-żmien, kien suffiċjentement magħruf li, fil-limiti ffissati mir-Regolament Nru 1/2003 (ex Regolament Nru 17), il-Kummissjoni kienet awtorizzata tgħolli l-livell tal-multi abbażi tad-dritt dwar l-akkordji jekk dan kien neċessarju sabiex tiżgura l-implementazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni ( 105 ).

173.

Barra minn hekk, anki fid-dritt kriminali ġenerali, ħadd ma jista’ jkollu aspettattiva li dispożizzjoni kriminali eżistenti tkun applikata dejjem bl-istess mod u fuq kollox li hija ser tkun applikata dejjem bl-istess klemenza jew severità. B’mod partikolari, l-ebda suġġett tad-dritt ma jista’ raġonevolment jitlaq mill-prinċipju li l-prattika tal-korpi responsabbli mill-prosekuzzjoni kriminali f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-kobor tas-sanzjonijiet għal ksur konkret ma hijiex ser tinbidel, fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni eżistenti tagħhom stabbilita mil-liġi. Anzi, għall-kuntrarju, huwa permess l-adattament ta’ din il-prattika għall-bdil fis-sitwazzjoni bħall-frekwenza, il-kumplessità u l-gravità tal-ksur ( 106 ).

174.

Aspettattiva ta’ Schindler li jistħoqqilha protezzjoni iktar ma tistax tiġi rrikonoxxuta f’dan il-każ fejn il-ksur fil-kuntest tal-akkordju dwar il-liftijiet li huma allegati kontra tagħha seħħew fil-parti l-kbira tagħhom wara l-pubblikazzjoni tal-linji gwida tal-1998. Dan ġie korrettement enfasizzat mill-Kummissjoni.

175.

Għalhekk, finalment, il-ħames aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

3. L-ammont bażiku tal-multa u l-allegati motivi ta’ tnaqqis tal-multa (l-għaxar, il-ħdax u t-tnax-il aggravji)

176.

L-għaxar, il-ħdax u t-tnax-il aggravji jirrigwardaw id-dettalji tal-kalkolu tal-multi imposti fuq Schindler.

a) Dwar il-kwalifika tal-ksur bħala “serju ħafna” (l-għaxar aggravju)

177.

Bl-għaxar aggravju tagħha, Schindler tikkritika l-kwalifika tal-ksur tagħha fil-kuntest tal-akkordju dwar il-liftijiet bħala “serju ħafna”. Skont Schindler, l-effetti ta’ dan il-ksur fuq is-suq kienu minimi ħafna u l-Qorti Ġenerali ma ħadithomx inkunsiderazzjoni suffiċjentement fir-rigward tal-ammonti bażi tal-multi.

178.

F’dan ir-rigward, biżżejjed jitfakkar li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, l-effetti ta’ prattika antikompetittiva ma jikkostitwixxux kriterju deċiżiv sabiex jiġi evalwat l-ammont xieraq tal-multa. Elementi li jirrigwardaw l-aspett intenzjonali jista’ jkollhom iktar importanza minn dawk li jirrigwardaw l-effetti msemmija, speċjalment meta dan ikun ksur intrinsikament gravi bħat-tqassim tas-swieq, u dawn l-elementi kienu jeżistu f’dan il-każ ( 107 ).

179.

Is-suġġett tal-akkordju dwar il-liftijiet jirrigwarda preċiżament tali ksur flagranti intiżi biex jillimitaw il-kompetizzjoni. Il-parteċipanti fl-akkordju kienu jfittxu li jaqsmu bejniethom l-ordnijiet u s-swieq fl-erba’ Stati Membri kkonċernati. Huwa korrett fil-kuntest tal-fissazzjoni tal-ammonti bażi tal-multi li tali ksur jiġu kkwalifikati bħala serji ħafna jkunu x’ikunu l-effetti konkreti tagħhom fuq il-funzjonament tas-suq.

180.

Għaldaqstant, l-għaxar aggravju ma jistax jirnexxi.

181.

Sa fejn, fil-kuntest tal-għaxar aggravju, Schindler tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma wettqitx l-investigazzjoni tagħha stess, japplika dak li ġie ddikjarat fuq is-suġġett tat-tieni aggravju ( 108 ). F’kull każ, il-Qorti Ġenerali ma hijiex, bħala regola ġenerali, obbligata li tistħarreġ ex officio l-evalwazzjoni tal-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa ( 109 ).

b) Dwar iċ-ċirkustanzi attenwanti (il-ħdax-il aggravju)

182.

Bil-ħdax-il aggravju tagħhom, l-appellanti jargumentaw li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala fatturi għat-tnaqqis tal-multi, minn naħa, il-waqfien volontarju tal-ksur fl-2000 fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza tal-“compliance programme” li kien estiż għall-grupp kollu.

183.

Issa, tali dritt għal tnaqqis tal-multa ma jista’ jiġi aċċettat fir-rigward ta’ ebda wieħed miż-żewġ elementi mressqa minn Schindler.

184.

Qabel kollox, f’dak li jikkonċerna l-“waqfien volontarju tal-ksur fil-Ġermanja”, il-Qorti Ġenerali kienet korretta li ma tatx tnaqqis tal-multa għal din ir-raġuni. Il-waqfien volontarju ta’ ksur ma jistax iwassal awtomatikament għal tnaqqis tal-multa għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji għaliex, b’mod kuntrarju, dak li huwa importanti huma ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, inter alia, “li Schindler kienet, skont il-proċess, abbandunat l-akkordju biss minħabba nuqqas ta’ ftehim mal-parteċipanti l-oħra” ( 110 ). F’tali ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkunsidra l-fatt li ma kien hemm l-ebda “ritorn lejn il-legalità”, invokat minn Schindler, li għalih l-impriża setgħet possibbilment timmerita tnaqqis tal-multa.

185.

Sussegwentement, fir-rigward tal-eventwali “compliance programmes” tal-impriżi, diġà ddikjarajt li dawn jistħoqqilhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċeduri fil-qasam tal-akkordji biss jekk kienu kapaċi li jevitaw b’mod effettiv il-ksur serju u għal żmien twil tad-dritt dwar l-akkordji kif ukoll, jekk meħtieġ, li jikxfu l-ksur tal-liġi li jkun twettaq u jwaqqfuh immedjatament ( 111 ). F’dan il-każ, il-“compliance programme” ta’ Schindler kjarament ma kellux dan l-effett pożittiv, iżda kien, għall-kuntrarju, skont Schindler innifisha, saħansitra għamel iktar diffiċli l-kxif tal-ksur ( 112 ). Ikun assurd li impriża tiġi ppremjata bl-applikazzjoni ta’ multa inqas ħarxa għal tali “compliance programme” manifestament inadegwat.

186.

Għaldaqstant, il-ħdax-il aggravju għandu wkoll jiġi miċħud.

c) Dwar it-tnaqqis tal-multi minħabba kooperazzjoni mal-Kummissjoni

187.

It-tnax-il aggravju għandu bħala suġġett it-tnaqqis tal-multi imposti fuq Schindler għall-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fil-Belġju, fil-Ġermanja u fil-Lussemburgu minħabba l-kooperazzjoni tal-impriża mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Schindler tqis li l-Qorti Ġenerali ma tatx piż biżżejjed lill-kontribuzzjonijiet tagħha abbażi tal-kooperazzjoni f’dan il-każ.

i) Dwar il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-2002 (l-ewwel parti tat-tnax-il aggravju)

188.

Bl-ewwel parti tat-tnax-il aggravju, Schindler targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet b’mod żbaljat irrikonoxxiet lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fil-kuntest tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (imsejħa “komunikazzjoni dwar il-klemenza”) ( 113 ) u li hija stess illimitat ruħha sabiex tistħarreġ dwar l-iżbalji ovvji biss.

189.

Tabilħaqq, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Kummissjoni tgawdi minn “marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa” meta teżamina jekk il-provi pprovduti minn impriża fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-2002 “jirrapreżentaw valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-paragrafu 21 tal-imsemmija komunikazzjoni” u li “eċċess manifest biss ta’ dan il-marġni jista’ jkun ikkundannat mill-Qorti Ġenerali” ( 114 ).

190.

Din il-pożizzjoni ġuridika tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata. L-evalwazzjoni tal-valur tal-provi li tippreżenta impriża fil-proċedura amministrattiva fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-2002 sabiex tikkoopera mal-Kummissjoni sseħħ b’rabta mal-kalkolu tal-ammont tal-multa. Għalhekk, din tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali (Artikolu 261 TFUE flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003) li tawtorizza lill-Qorti Ġenerali, lil hinn minn sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni ( 115 ). Għalhekk, meta rreferiet għal “marġni wiesgħa ta’ evalwazzjoni” tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali esponiet il-firxa tal-poteri tagħha stess b’mod żbaljat.

191.

Madankollu, tali żball ta’ liġi ma jwassalx neċessarjament għal annullament tas-sentenza appellata ( 116 ). Dak li jgħodd huwa l-kriterju li applikat il-Qorti Ġenerali biex teżamina b’mod konkret il-valur miżjud miksub bil-kooperazzjoni tal-impriża kkonċernata mal-Kummissjoni.

192.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma naqset milli twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess f’dan ir-rigward, iżda ddeliberat b’mod approfondit fuq l-argumenti mressqa minn Schindler dwar il-valur miżjud tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva ( 117 ). Għaldaqstant, minkejja l-kummenti introduttivi tagħha żbaljati fil-liġi, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-Qorti Ġenerali ssodisfat ir-rekwiżiti ġuridiċi.

193.

B’mod partikolari f’dan il-kuntest għandu jiġi miċħud l-argument li jgħid li l-provi prodotti fil-proċedura amministrattiva mill-parteċipanti fl-akkordju għandhom dejjem valur miżjud fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-provi mill-Kummissjoni u għandhom iwasslu għal tnaqqis tal-multa. Il-valur tal-provi ma jiġix evalwat fid-dawl tan-numru tagħhom (iudex non calculat) u lanqas fid-dawl “tan-numru ta’ riferimenti [li jsiru] fid-deċiżjoni kkontestata” għal dawn il-provi ( 118 ).

194.

Barra minn hekk, ma għandhiex tkun il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-valur miżjud tad-dikjarazzjonijiet ta’ Schindler għal dawk tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali ( 119 ). Għaldaqstant, f’dan l-istadju huwa inutli li jiġi eżaminat mill-ġdid jekk id-dikjarazzjonijiet li saru minn Schindler lill-Kummissjoni kellhomx l-istess valur bħal dak ta’ ThyssenKrup, Otis u Kone, jew jekk tawx valur miżjud sinjifikattiv għall-amministrazzjoni tal-prova mill-Kummissjoni.

ii) Dwar il-kooperazzjoni barra mill-komunikazzjoni tal-2002 (it-tieni parti tat-tnax-il aggravju)

195.

Fit-tieni parti tat-tnax-il aggravju, Schindler tikkritika l-punti 350 sa 361 tas-sentenza appellata u tilmenta li għall-kooperazzjoni tagħha barra mill-komunikazzjoni tal-2002 ingħatat tnaqqis żgħir wisq tal-multa, jiġifieri 1 % biss, talli ma kkontestatx il-fatti. Filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida tal-1998, Schindler tqis li għandha dritt għal tnaqqis ikbar tal-multa tagħha.

196.

Dan l-argument huwa invalidu.

197.

Kif iddikjarat korrettement il-Kummissjoni, is-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida tal-1998 ma huwiex intiż sabiex “jippremja minkejja kollox talbiet għal klemenza […] insuffiċjenti”. Kooperazzjoni bħal dik ta’ Schindler, li, ċertament, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-“komunikazzjoni dwar il-klemenza” (jiġifieri l-komunikazzjoni tal-2002), iżda li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha, b’mod partikolari dik ta’ “valur miżjud sinjifikattiv”, ma tagħtix dritt għal tnaqqis tal-multa, u b’mod partikolari mhux permezz tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida tal-1998.

iii) Riassunt

198.

Għalhekk, it-tnax-il aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

4. Il-livell ta’ 10 % tal-ammont tal-multa (it-tmien aggravju)

199.

Bit-tmien aggravju tagħha, Schindler targumenta li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ 10 % tal-ammont tal-multi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, huma rilevanti biss id-dħul mill-bejgħ rispettivi tas-sussidjarji nazzjonali ta’ Schindler, u mhux id-dħul mill-bejgħ tal-grupp ta’ Schindler Holding.

200.

Dan l-argument huwa assurd. Fl-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE), minn naħa, u fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ impriża huwa dejjem l-istess. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod konsistenti. F’dak li jikkonċerna l-limitu massimu ta’ 10 %, għandu għalhekk isir riferiment għad-dħul mill-bejgħ tal-impriża li fil-każ ta’ entitajiet ġuridiċi komuni hija l-kumpannija parent, f’dan il-każ Schindler Holding, u s-sussidjarji 100 %, f’dan il-każ is-sussidjarji nazzjonali fil-Ġermanja, fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Lussemburgu.

201.

It-tmien aggravju jista’ jirnexxi biss kieku, kuntrarjament għal dak muri iktar ’il fuq ( 120 ), l-aggravju mqajjem minn Schindler fir-rigward tal-applikazzjoni li saret f’dan il-każ tal-preżunzjoni 100 % kien rilevanti. Billi dan ma huwiex il-każ hawnhekk, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

5. Id-dritt ta’ proprjetà (id-disa’ aggravju)

202.

Id-disa’ aggravju għandu bħala suġġett id-dritt ta’ proprjetà. Schindler tqis li l-multi imposti fuq Schindler Holding kif ukoll fuq is-sussidjarji tagħha fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Lussemburgu ( 121 ), “minħabba n-natura eżorbitanti tagħhom”, jiksru “l-garanziji elementari ankrati fid-dritt internazzjonali li huma l-protezzjoni tal-investiment u tal-proprjetà li l-Unjoni Ewropea hija obbligata tosserva fil-konfront ta’ Schindler bħala impriża Svizzera”. F’dan ir-rigward, Schindler tikkritika b’mod partikolari lill-Qorti Ġenerali talli ma osservatx il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt ta’ proprjetà.

a) Kumment preliminari

203.

Id-dritt ta’ proprjetà huwa dritt fundamentali li, fl-Unjoni, igawdi minn protezzjoni skont l-Artikolu 17 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fil-kuntest tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 122 ) (l-Artikolu 6(3) TUE). Il-persuni fiżiċi li ma humiex ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni jistgħu jipprevalixxu ruħhom minnhom ukoll ( 123 ).

204.

Billi l-Unjoni għad ma hijiex parti għall-KEDB, kuntrarjament għal dak li taħseb Schindler, ma huwiex possibbli li hija tipprevalixxi ruħha direttament mill-Artikolu 1 tal-ewwel Protokoll addizzjonali għall-KEDB ( 124 ) bħala bażi tad-dritt ta’ proprjetà ( 125 ). Madankollu din id-dispożizzjoni, flimkien mal-ġurisprudenza relattiva tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandha importanza bħala kriterju ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 17 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta) ( 126 ).

205.

Barra minn hekk, billi Schindler tirreferi wkoll fl-aggravju tagħha għal garanziji ankrati fid-dritt internazzjonali li ma humiex speċifikati biżżejjed, l-argumentazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ dan l-appell ma huwiex konkretizzat suffiċjentement sabiex ikun jista’ jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u huwa għalhekk inammissibbli ( 127 ).

b) Dwar il-ksur tad-dritt ta’ proprjetà bħala dritt fundamentali tal-Unjoni

206.

F’dak li jikkonċerna l-ksur ta’ dritt fundamentali mqajjem minn Schindler, għandu jiġi osservat li fil-verità ma jidhirx li l-multi imposti għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji għandhom b’mod obbligatorju jkunu kkunsidrati bħala ksur tad-dritt ta’ proprjetà. Fil-fatt, l-organi tal-Unjoni ma jċaħħdux lill-impriża kkonċernata minn titolu konkret ta’ proprjetà, iżda biss jimponu fuqha b’mod ġenerali l-obbligu li tħallas somma ta’ flus li tittieħed mill-patrimonju tagħha. Il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll f’dan is-sens li d-deċiżjoni kkontestata “ma taffettwax l-istruttura ta’ proprjetà fi ħdan Schindler” ( 128 ).

207.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 1 tal-ewwel Protokoll addizzjonali għall-KEDB, il-multi għandhom madankollu jiġu kkunsidrati bħala ksur tad-dritt ta’ proprjetà għaliex huma jċaħħdu lill-interessat minn parti tal-proprjetà tiegħu, jiġifieri s-somma ta’ flus li għandu jħallas ( 129 ). Il-prinċipju ta’ omoġeneità jirrikjedi li l-Artikolu 17 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali jiġi interpretat fis-sens li, fl-Unjoni, id-dritt ta’ proprjetà għandu jkollu l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk mogħtija lilu fil-KEDB (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta).

208.

Madankollu, id-dritt ta’ proprjetà ma huwiex, skont il-ġurisprudenza stabbilita, iggarantit b’mod assolut u illimitat, iżda għandu jiġi kkunsidrat b’relazzjoni mal-funzjoni tiegħu fil-kumpannija ( 130 ).

209.

Barra minn hekk, l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fiha, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor ( 131 ).

210.

Skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-multi imposti taħt id-dritt dwar l-akkordji jistrieħu fuq bażi legali ( 132 ). Huma jgħinu fit-tfittxija ta’ għan ta’ interess pubbliku: tali multi huma intiżi sabiex iżommu kompetizzjoni effettiva fis-suq intern Ewropew ( 133 ), b’mod partikolari għaliex huma jiddiswadu t-twettiq tal-ksur tad-dritt dwar l-akkordji u jsaħħu l-fiduċja tal-atturi fis-suq fl-effettività tar-regoli ta’ kompetizzjoni tas-suq intern Ewropew ( 134 ).

211.

Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) tal-ewwel Protokoll addizzjonali għall-KEDB ukoll jirrikonoxxi espressament li fil-prinċipju, huwa legali li jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji. Il-KEDB ma taffettwax id-dritt tal-Istat kontraent li japplika l-liġijiet li huwa jqis neċessarji, inter alia, sabiex jiggarantixxi l-pagament tas-sanzjonijiet pekunjarji, billi l-Istat kontraent igawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 135 ).

212.

Fl-aħħar nett, il-multi jistgħu jekwivalu għal ksur tad-dritt ta’ proprjetà biss meta huma jimponu fuq il-persuna inkwistjoni piż eċċessiv jew jikkontjenu ksur fundamentali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha; fi kliem ieħor, il-multi ma għandhomx ikunu sproporzjonati ( 136 ). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ikun hemm assenza ta’ proporzjonalità tal-multi meta dawn ikunu f’ammonti għoljin iżżejjed li jwasslu għal piż tant eżorbitanti li minnhom tkun tirriżulta konfiska de facto tal-proprjetà ( 137 ).

213.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ssodisfat b’mod sħiħ dan il-kriterju meta eżaminat jekk il-multi imposti kinux jikkostitwixxu intervent żmiżurat u intollerabbli li jwassal għal ksur sostanzjali tad-dritt fundamentali tar-rispett tal-proprjetà ( 138 ).

214.

Ma huwiex biss fid-dawl tal-ammont nominali tagħha li jista’ jitqies jekk multa twassalx għal tali piż sproporzjonat, iżda dan jiddependi b’mod determinanti fuq il-kapaċità kontributtiva tad-destinatarju. Il-fatt li, fil-każ ta’ persuna fiżika, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li multi li jammontaw għal qrib EUR 8 miljun għal diversi reati doganali kienu jikkostitwixxu ksur tad-dritt ta’ proprjetà tagħha ( 139 ), fih innifsu ma jwassalx sabiex jinġibdu xi konklużjonijiet f’dak li jikkonċerna dan il-każ fejn hemm ksur serju u għal żmien twil tad-dritt dwar l-akkordji, imwettqa minn impriża kbira li teżerċita l-attivitajiet tagħha fuq livell internazzjonali u li għandha sussidjarji f’diversi Stati Membri.

215.

Il-multi imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 jistgħu inkontestabbilment ikunu ibsin, inkluż għal impriżi kbar bħal Schindler. Madankollu, dan jikkorrispondi għall-funzjoni tagħhom u xejn ma huwa inġust, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji fl-istess waqt gravi u għal tul ta’ żmien bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, bħala regola ġenerali, fid-dawl tal-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tas-sena preċedenti, dan ma jistax iwassal għal piż sproporzjonat għall-impriżi li jikkostitwixxi konfiska de facto tal-proprjetà ( 140 ).

216.

L-aggravju dwar l-esproprjazzjoni mqajjem mill-appellanti fl-appell huwa fil-fatt inqas ibbażat fuq piż fuq Schindler bħala impriża jew Schindler Holding bħala persuna morali milli fuq it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod individwali tal-piżijiet li l-multi imposti allegatament ser jimponu fuq it-tliet sussidjarji nazzjonali ta’ Schindler fil-Belġju, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-Lussemburgu. Issa, tali teħid inkunsiderazzjoni b’mod individwali tas-sitwazzjoni tal-persuni morali differenti hija immedjatament ipprojbita meta jkun il-każ ta’ multi imposti fuq impriża li tikkostitwixxi unità ekonomika u li hija komposta minn diversi persuni morali formalment biss ( 141 ).

217.

F’dan il-kuntest, it-tidjif tal-investimenti li saru fit-tliet sussidjarji nazzjonali tagħha li minnu tilmenta Schindler lanqas ma jikkostitwixxi argument konvinċenti. Fir-relazzjonijiet interni, għandha tkun Schindler Holding li tiddeċiedi jekk il-multi imposti fuq l-impriża għandhomx jitħallsu mill-patrimonju tas-sussidjarji rispettivi jew jekk għandhiex l-intenzjoni li tagħmel użu mill-patrimonju tagħha stess bħala kumpannija parent. Kif iddikjarat korrettement il-Qorti Ġenerali, huma l-kumpanniji li jiffurmaw parti mill-istess grupp, li nżammew responsabbli in solidum għall-ħlas tal-istess multa, li għandhom jiddeterminaw il-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom ( 142 ).

218.

Fl-aħħar nett, infakkar li l-kumpannija parent ta’ grupp li teżerċita influwenza determinanti fuq is-sussidjarji tagħha, u li għalhekk tiġbed il-kordi fi ħdan dan il-grupp, ma tistax teħles mir-responsabbiltà personali tagħha għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji anki jekk minn barra jidher li huma biss is-sussidjarji li effettivament ipparteċipaw fl-akkordju ( 143 ). Huwa għalhekk li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kapaċità kontributtiva finanzjarja tal-kumpannija parent sabiex jiġu kkalkolati l-multi u sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ pagament tal-impriża.

219.

L-effettività tal-multi imposti fuq impriżi għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji tiddgħajjef kunsiderevolment jekk ikun hemm tħassib dwar l-organizzazzjoni interna tal-gruppi waqt il-kalkolu tagħhom u jekk kumpannija parent finanzjarjament f’saħħitha tkun tista’ tilmenta, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija holding, dwar it-tidjif tal-investimenti tagħha, iżda “taħsel idejha b’mod innoċenti” u tipprova titfa’ r-responsabbiltà tagħha għall-ksur eventwali tad-dritt dwar l-akkordji fuq is-sussidjarji tagħha finanzjarjament inqas f’saħħithom, anki jekk hija teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali tagħhom.

220.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, fil-kuntest tal-eżami tad-dritt ta’ proprjetà, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-kriterji ġuridiċi korretti u, fuq din il-bażi, korrettement ħafna, skartat l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt ta’ proprjetà ta’ Schindler ( 144 ). Għaldaqstant, id-disa’ aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

6. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità (it-tlettax-il aggravju tal-appell)

221.

Fl-aħħar nett, Schindler tiddedika t-tlettax-il aggravju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità. Skont Schindler, fil-punti 365 sa 372 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tatx l-importanza meħtieġa lil dan il-prinċipju.

222.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi osservat meta jiġu imposti multi għall-ksur tad-dritt dwar l-akkordji ( 145 ). Skont l-Artikolu 49(3) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali, dan il-prinċipju, li jipprovdi li s-severità tal-piena ma għandhiex tkun sproporzjonata mal-ksur, illum kiseb l-istatus ta’ dritt fundamentali.

223.

Madankollu, fl-istadju tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tissostitwixxix l-evalwazzjoni tagħha, għal motivi ta’ ekwità, għal dik tal-Qorti Ġenerali fuq il-kwistjoni tan-natura proporzjonata ta’ multa, iżda tillimita ruħha sabiex tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji manifesti fl-eżerċizzju tal-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, pereżempju għaliex ma tkunx ħadet inkunsiderazzjoni l-aspetti rilevanti kollha ( 146 ). Fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali minħabba l-ammont mhux xieraq ta’ multa jista’ jinsab biss eċċezzjonalment, jiġifieri meta “l-livell tas-sanzjoni mhux biss ma huwiex xieraq, iżda wkoll eċċessiv, sal-punt li jkun sproporzjonat” ( 147 ).

224.

Tali żball ta’ liġi ma jidhirx f’dan il-każ.

225.

L-ewwel nett, l-aggravju ta’ Schindler li l-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha, mingħajr ma eżaminat kull każ, sabiex sempliċement tikkonstata li l-limitu massimu ta’ multa ta’ 10 % msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 ma kienx inqabeż huwa għal kollox infondat. Fil-verità, il-Qorti Ġenerali ddeliberat b’mod approfondit ħafna dwar il-proporzjonalità tal-multi imposti mill-Kummissjoni fuq Schindler u għamlet hekk billi eżaminat, inter alia, elementi bħalma huma l-gravità partikolari tal-ksur, l-effett dissważiv neċessarju tas-sanzjonijiet kif ukoll il-kobor u s-saħħa ekonomika ta’ Schindler bħala unità ekonomika li taġixxi fil-kwalità ta’ impriża ( 148 ).

226.

It-tieni argument ta’ Schindler li jgħid li ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni Schindler Holding fil-kuntest tal-eżami tal-kobor u tas-saħħa finanzjarja tal-impriża wkoll ma huwiex konvinċenti. Anzi, għall-kuntrarju, kif diġà ġie ddikjarat ( 149 ), ġuridikament għandu jittieħed kont tal-kapaċità kontributtiva tal-impriża Schindler kollha, inkluża Schindler Holding bħala kumpannija parent.

227.

Fejn fl-aħħar nett Schindler tipprova tpoġġi f’dubju n-natura proporzjonata tal-multi fid-dawl tal-ammont nominali tagħhom u tagħmel hekk billi tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 150 ), l-argument tagħha għandu jiġi miċħud għall-istess motivi diġà esposti b’rabta mad-dritt ta’ proprjetà ( 151 ).

228.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, it-tlettax-il aggravju tal-appell ukoll għandu jiġi miċħud.

D – Riassunt

229.

Peress li ma rnexxa ebda wieħed mill-aggravji mqajma mill-appellanti, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

V – Spejjeż

230.

Meta, kif qed nipproponi li jsir f’din il-kawża, l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, b’mod konformi ma’ dak li huwa speċifikat fl-Artikoli 137 sa 146 flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura ( 152 ).

231.

Skont l-Artikolu 138(1) u (2) moqri flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż; jekk diversi partijiet jitilfu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Peress li l-Kummissjoni talbet li l-appellanti jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż u peress li dawn tilfu l-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jħallsu l-ispejjeż. Billi ppreżentaw l-appell flimkien, għandhom iħallsu l-ispejjeż in solidum ( 153 ).

232.

Ċertament huwa possibbli, b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-Kunsill jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż tiegħu stess, bħala parti intervenjenti insostenn tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza li pparteċipa wkoll fil-proċedura ta’ appell ( 154 ). Madankollu, dan ma huwiex imperattiv, hekk kif jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni (“jista’”). Fil-fehma tiegħi, f’dan il-każ ma jeżisti l-ebda motiv serju sabiex il-Kunsill jiġi kkundannat iħallas l-ispejjeż tiegħu stess. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-Kunsill għandu interess istituzzjonali importanti sabiex jiddefendi l-validità tar-Regolament Nru 1/2003, għandu madankollu jiġi nnotat li bl-attakki tagħhom kontra dan ir-regolament, l-appellanti ma qajmux kwistjonijiet ta’ liġi verament ġodda u li ma ġewx solvuti ( 155 ). Anzi għall-kuntrarju, l-appellanti llimitaw ruħhom f’dan ir-rigward sabiex jipprovaw jikkonvinċu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex temenda l-ġurisprudenza eżistenti tagħha. Huwa ġust li dawn iġorru r-riskju finanzjarju. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkundannahom sabiex iħallsu, barra l-ispejjeż tagħhom, dawk tal-Kunsill, bl-istess mod li, f’każijiet oħra, hija tikkundanna lir-rikorrent li jitlef għall-ispejjeż tal-parti intervenjenti opposta meta din, bħal f’dan il-każ il-Kunsill, tkun rebħet bil-kawża ( 156 ).

VI – Konklużjonijiet

233.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara u tiddeċiedi li:

1.

L-appell huwa miċħud.

2.

L-appellanti huma kkundannati jħallsu l-ispejjeż in solidum.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171): iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-1998”.

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2007 dwar provvediment skond l-Artikolu 81 tat-Trattat li Jistabilixxi l-Komunità Ewropea (Każ COMP/E/-1/38.23 –Liftijiet u Eskalejters) notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 512 finali, korretta b’deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2007 u riassunta fil-ĠU 2008, C 75, p. 19.

( 4 ) Sentenza tat-3 ta’ Lulju 2011, Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (T-138/07, Ġabra p. II-4819).

( 5 ) Ara l-premessi 27 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 3 tas-sentenza appellata.

( 6 ) Ara l-premessi 3 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-punt 4 tas-sentenza appellata.

( 7 ) Ara l-premessi 3 sa 91 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-punt 22 tas-sentenza appellata.

( 8 ) Ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 31 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Ara l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u l-punt 31 tas-sentenza appellata.

( 10 ) Ara, barra s-sentenza appellata, tliet sentenzi oħra tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2001 fil-kawżi General Technic-Otis et vs Il-Kummissjoni (T-141/07, T-142/07, T-145/07 u T-146/07, Ġabra p. I-4977, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni (T-144/07, T-147/07 sa T-150/07 u T-154/07, Ġabra p. II-5129) u Kone et vs Il-Kummissjoni (T-151/07, Ġabra p. II-5313). Is-sentenza ThyssenKrupp Liften Ascenseurs vs Il-Kummissjoni saret res judicata wara li sitta mid-diversi kumpanniji tal-grupp Thyssen-Krupp ċedew l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawżi C-503/11P, C-504/11, C-505/11P, C-506/11P, C-516/11P u C-519/11P). Appell kontra s-sentenza Kone et vs Il-Kummissjoni għadu attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C-510/11P, Kone et vs Il-Kummissjoni). Żewġ appelli oħra kontra s-sentenza General Technic-Otis et vs Il-Kummissjoni kienu ġew miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja b’digriet tal-15 ta’ Ġunju 2012, United Technologies vs Il-Kummissjoni (C-493/11P) u Otis Luxembourg (ex-General Technic-Otis) vs Il-Kummissjoni (C-494/11P).

( 11 ) Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għaliex, fl-4 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni kienet ikkoreġiet id-deċiżjoni tagħha fis-sens li Schindler Management AG ma kinitx għadha waħda mid-destinatarji tagħha (ara l-punti 40 sa 44 tas-sentenza appellata).

( 12 ) Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali (iktar ’il quddiem “KEDB”, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950).

( 13 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C-617/10, punt 44).

( 14 ) Is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 21); tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 39) u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37).

( 15 ) Ara f’dan l-istess sens, is-sentenza Åkerberg Fransson (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, l-ewwel sentenza tal-punt 44).

( 16 ) Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

( 17 ) Ara f’dan l-istess sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punti 30 sa 33); tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni (C-386/10P, Ġabra p. I-13085, punt 51); tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C-199/11, punt 47) u s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu (C-396/11, punt 32).

( 18 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-3 ta’ Lulju 2007 fil-Kawża ETI et (C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 71) u tat-8 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża Toshiba Corporation et (C-17/10, punt 48) u l-ġurisprudenza ċċitata. Min-naħa tagħha, fis-sentenza tagħha Menarini Diagnostic vs L-Italja, tas-27 ta’ Settembru 2011 (Nru 43509/08, §§ 38 sa 45), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem irrikonoxxiet in-natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ta’ multa imposta mill-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni. Il-Qorti AELE pproċediet bl-istess mod fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ April 2012, Posten Norge vs Autoritè de surveillance de l’AELE (iktar ’il quddiem “Posten Norge”, E-15/10, punti 87 u 88) f’dak li jikkonċerna multa imposta mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-AELE.

( 19 ) QEDB, is-sentenza Jussila vs Il-Finlandja tat-23 ta’ Novembru 2006, Nru 73053/01, Recueil des arretês et des décisions 2006-XIV, §43).

( 20 ) QEDB, is-sentenza Jussila vs Il-Finlandja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, § 43); ara f’dan l-istess sens, QEDB, is-sentenza Menarini Diagnostics vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, § 62); ara wkoll il-Qorti AELE, is-sentenza Posten Norge (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 89).

( 21 ) QEDB, is-sentenza Menarini Diagnostics vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, § 59).

( 22 ) Ibid.

( 23 ) “Il-poter li tirriforma fil-punti kollha, ta’ fatt kif ukoll ta’ dritt, id-deċiżjoni meħuda, mogħtija mill-organu inferjuri” (QEDB, is-sentenza Menarini Diagnostics vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, § 59).

( 24 ) “kompetenza sabiex tiddelibera fuq il-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kollha rilevanti għat-tilwima” (QEDB, is-sentenza Menarini Diagnostics vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, § 59); bl-Ingliż “jurisdiction to examine all questions of fact and law relevant to the dispute” (QEDB, deċiżjoni Valico vs L-Italja tal-21 ta’ Marzu 2006, Nru 70074/01, Recueil des arretês et décisions 2006-III, p. 20, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Bl-Ingliż “the power to quash in all respects, on questions of fact and law, the challenged decision” (QEDB, is-sentenza Janosevic vs L-Isvezja tat-23 ta’ Lulju 2002, Nru 34619/97, Recueil des arretês et décisions 2002-VII, § 81, u d-deċiżjoni Valico vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, p. 20).

( 26 ) Ara s-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 53) kif ukoll is-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il-Kummissjoni (C-272/09P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 93) u KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C-389/10P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 120).

( 27 ) Sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03P, Ġabra p. I-987, punt 39); Chalkor vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 54, 61 u 62) u Otis et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punti 59 sa 61).

( 28 ) Sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, Chalkor vs Il-Kummissjoni (punt 63) u Otis et (punt 62).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, Chalkor vs Il-Kummissjoni (punt 67) u Otis et (punt 63).

( 30 ) L-ilment ta’ Schindler li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx il-konstatazzjoni tagħha stess tal-fatti jingħaqad mat-tieni aggravju u ser jiġi ttrattat fil-kuntest ta’ dan tal-aħħar (ara iktar ’il quddiem, il-punti 42 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 31 ) QEDB, is-sentenza Jussila vs Il-Finlandja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, § 43); f’dan l-istess sens, QEDB, is-sentenza Menarini Diagnostics vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, § 62).

( 32 ) L-appellanti jirreferu għas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Öztürk vs Il-Ġermanja, tal-21 ta’ Frar 1984 (Nru 8544/79, Série A, Nru 73, § 56) u Bendenoun vs Franza, tal-24 ta’ Frar 1994 (Nru 12547/86, Série A, Nru 284, § 46).

( 33 ) QEDB, is-sentenza Menarini Diagnostics vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18); din il-kawża tirrigwarda multa ta’ EUR 6 miljun imposta mill-awtorità Taljana tal-kompetizzjoni minħabba akkordju (Ara §§ 41 u 42 tal-imsemmija sentenza).

( 34 ) Ir-relazzjoni mill-qrib bejn, minn naħa, l-Artikolu 47 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB hija espressa ċarament fl-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li rrikonoxxiet id-dritt għal rimedju effettiv bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, hija bbażata b’mod speċjali fuq iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-KEDB (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14).

( 35 ) Sa fejn ilmenti simili kienu diġà ġew eżaminati fil-kuntest tal-ewwel motiv, huma sejrin jiġu ttrattati hawnhekk.

( 36 ) Fl-ewwel istanza, Schindler kienet invokat biss l-inkompatibbiltà tal-prova b’xhieda li bbenefikaw mill-Komunikazzjoni dwar il-klemenza mal-prinċipji nemo tenetur se ipsum accusare, nemo tenetur se ipsum prodere u in dubio pro reo, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-limiti tal-poter ta’ evalwazzjoni mogħti lill-Kummissjoni (ara r-raba’ motiv imqajjem fl-ewwel istanza, punti 68 sa 89 tar-rikors).

( 37 ) Sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 59), tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (C-97/08 P, Ġabra p. I-8237, punt 38) u tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “AOI”, C-628/10 P u C-14/11 P, punt 111).

( 38 ) Is-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, Chalkor vs Il-Kummissjoni (punti 64 u 65) u Otis et (l-ewwel sentenza tal-punt 61)

( 39 ) Is-sentenza appellata, fl-aħħar tal-punt 57.

( 40 ) Is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri (C-315/99 P, Ġabra p. I-528, punt 19); tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-385/07 P, Ġabra p. I-6155, punt 163) u tat-22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (C-89/11 P, punt 115).

( 41 ) Ara l-punt 17 tar-replika ta’ Schindler fil-proċedura tal-appell.

( 42 ) Ara wkoll l-ispjegazzjonijiet tiegħi fuq l-għaxar aggravju (iktar ’il quddiem, il-punti 177 sa 180 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 43 ) Sentenza Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 58 sa 61); ara, sussidjarjament, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni (C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punt 29); tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C-90/09 P, Ġabra p. I-1, punti 39 u 40 kif ukoll 85 sa 90) u tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (C-521/09 P, Ġabra p. I-8947, punti 54 sa 60).

( 44 ) Sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Arcelor Mittal Luxembourg et (C-201/09 P u C-216/09 P, Ġabra p. I-2239, punti 96 sa 98) u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 46 u 47).

( 45 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tad-29 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża Il-Kummissjoni vs Stichting Administratiekantoor Portielje (iktar ’il quddiem “Portielje”, C-440/11P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).

( 46 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Portielje (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 71).

( 47 ) Ara s-sentenza appellata, punti 81 sa 83.

( 48 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.

( 49 ) Fuq il-kompetenzi tal-Unjoni f’dan il-qasam, ara b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(g) TFUE.

( 50 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 21, f’dak li jikkonċerna t-taxxi diretti); tat-23 ta’ Ottubru 2007, Morgan u Bucher (C-11/06 u C-12/06, Ġabra p. I-9161, punt 24, dwar l-iżvilupp tas-sistema edukattiva u l-iffissar tal-kontenut tas-sistema edukattiva) u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07, Ġabra p. I-1721, punt 29, dwar l-iżvilupp tas-sistema ta’ sigurtà soċjali).

( 51 ) Ara l-punt 70 iktar ’il fuq u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.

( 52 ) Il-kumpannija parent hija indikata minn Schindler ukoll bħala l-“kumpannija parent tal-grupp”. Għal finijiet ta’ simplifikazzjoni, hawn taħt sejjer nuża t-tifsira ta’ “kumpannija parent” fis-sens tal-ġurisprudenza Akzo Nobel.

( 53 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni (C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, punt 137); ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 29); tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni (C-352/09 P, Ġabra p. I-2359, punt 180) u Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 68).

( 54 ) Is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, Ġabra p. I-10329, punt 51) u Solvay vs Il-Kummissjoni (C-110/10 P,Ġabra p. I-10429, punt 46).

( 55 ) Fil-kunċett ta’ “compliance” hemm miġbura l-isforzi kollha li jsiru fi ħdan l-impriża li jservu sabiex jiggarantixxu, fil-kuntest tat-tmexxija ta’ kuljum tal-impriża, l-osservanza tar-regoli. Kif diġà għamlu fil-kuntest tal-ewwel istanza, fl-iskritturi tagħhom fil-kuntest tal-appell, l-appellanti jirreferu għall-kodiċi ta’ kondotta (“code of conduct”) kif ukoll għal-linji gwida relatati magħhom (“Guidelines”) fis-seħħ fi ħdan il-grupp Schindler li jobbligaw lill-impjegati, inter alia, li josservaw id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u r-regolamenti kollha applikabbli (“comply with all applicable laws and regulations”) u li jirraportaw il-ksur kollu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Huma jenfasizzaw l-informazzjoni u l-formazzjoni regolari tal-persunal u jsostnu li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli interni tal-impriża huma s-suġġett ta’ sorveljanza kontinwa u li l-ksur tagħhom jiġi repress. L-appellanti jemmnu li l-compliance programme ta’ Schindler huwa “xempju tal-ġeneru”.

( 56 ) Fil-punt 88 tas-sentenza li tirreferi għaliha Schindler diversi drabi, il-Qorti Ġenerali mkien ma wettqet konstatazzjoni tal-fatti, iżda biss ikkunsidrat l-ipoteżi “li Schindler Holding kienet għamlet dak kollu possibbli”, mingħajr ovvjament ma l-Qorti Ġenerali għamlet tagħha din id-dikjarazzjoni.

( 57 ) Punti 84 sa 90 tas-sentenza appellata.

( 58 ) Is-sentenza appellata, fl-aħħar tal-punt 90.

( 59 ) Sentenzi Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 65 u 74) u General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 54) u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 43).

( 60 ) Ibid.

( 61 ) Punti 86, 87 u 90 tas-sentenza appellata.

( 62 ) Sentenza Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punti 57 u 61) u d-digriet tat-13 ta’ Settembru 2012, Total et vs Il-Kummissjoni (C-495/11 P, punt 57).

( 63 ) Dan l-ilment jitressaq b’mod partikolari fil-kuntest tat-tieni parti tas-seba’ aggravju.

( 64 ) Dan l-ilment huwa s-suġġett tas-sitt aggravju tal-appell.

( 65 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-28 ta’ Frar 2013 fil-kawża Schenker et (C-681/11, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punti 40 u 41).

( 66 ) Sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni (C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punti 149 u 150 f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 6(2) tal-KEDB) u E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punti 72 u 73 fir-rigward tal-Artikolu 48(1) tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali); ara f’dan l-istess sens diġà, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal (27/76, Ġabra p. 207, punt 265).

( 67 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schenker et (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 65, punt 41).

( 68 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 93 sa 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 69 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-23 ta’ April 2009 fil-kawża Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 98).

( 70 ) Pereżempju fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schenker et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 65, ara b’mod partikolari l-punti 38 sa 48) jiena kont iddikjarajt li tista’ tiġi imposta multa fuq impriża għal ksur tal-projbizzjoni tal-akkordji fid-dritt tal-Unjoni mwettaq minnha meta l-impriża tkun wettqet żball dwar il-legalità tal-aġir tagħha (żball dwar il-projbizzjoni) u meta dan l-iżball ma jkunx tort tagħha.

( 71 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.

( 72 ) Il-Kummissjoni tenfasizza korrettement li d-deċiżjoni kkontestata tikkontjeni l-indikazzjonijiet kollha neċessarji fuq dan il-punt (ara l-punti 157, 224, 311, 347 u 387 ta’ din id-deċiżjoni).

( 73 ) Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 182, punt 97) u tas-7 ta’ Frar 2013, Slovenská sporiteľňa (C-68/12, punt 25).

( 74 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 97 sa 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 75 ) Sentenzi tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punti 215 sa 223); tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (C-266/06 P, Ġabra p. I-8, punti 38 sa 40) u tas-17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il-Kummissjoni (C-413/08 P, Ġabra p. I-536, punti 94 u 95).

( 76 ) Sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 49) u tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C-308/06, Ġabra p. I-4057, punt 70).

( 77 ) Sentenzi Advocaten voor de Wereld (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punt 50), Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punt 39), Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punt 71) u Lafarge vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punt 94); ara f’dan l-istess sens ukoll, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, X (C-74/95 u C-129/95, Ġabra p. I-6609, punt 25) u ThyssenKrup Nirosta vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 80).

( 78 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37.

( 79 ) Dan huwa l-każ pereżempju fil-Kodiċi Kriminali Ġermaniż (Strafgesetzbuch, iktar ’il quddiem “StGB”) bil-kunċetti ta’ “joħloq u jġiegħel li jippersisti żball” fil-kuntest tal-frodi (l-Artikolu 263 StGB), ta’ “relazzjonijiet ta’ kunfidenza” fil-kuntest tal-misapproprjazzjoni (it-tieni alternattiva tal-Artikolu 266 StGB), ta’ “abbuż tal-kapaċità mentali dgħajfa ħafna ta’ ħaddieħor” u ta’ “żbilanċ ovvju bejn il-prestazzjoni u l-kontroprestazzjoni” fil-kuntest tal-użura (l-Artikolu 291 StGB) jew ukoll mal-inkriminazzjoni ta’ “trażżin” (l-Artikolu 240 StGB).

( 80 ) Sentenzi Advocaten voor de Wereld (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punt 50), Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punt 40), Intertanko (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punt 71) u Lafarge vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punt 94). Ara f’dan is-sens dwar l-Artikolu 7 tal-KEDB, QEDB, is-sentenzi G vs Franza tas-27 ta’ Settembru 1995 (Nru 15312/89, Série A Nru 325-B, §t 25) u Coëme et vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000 (Nru 32492/96 et, Recueil des arretès et decisions 2000-VII, § 145).

( 81 ) Sentenzi tat-23 ta’ April 1991, Höfner u Elser (C-41/90, Ġabra p. I-1979, punt 21), Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 54), General Química et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 34), ArcelorMittal Luxembourg et vs Il-Kummissjoni et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 95) u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 42); ara, f’sens diġà simili, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Hydrotherm Gerätebau (170/83, Ġabra p. 2999, punt 11).

( 82 ) Ara iktar ’il fuq il-punti 84 u 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 83 ) Sentenzi Hydrotherm Gerätebau (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 11), Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 55) u AOI (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 42).

( 84 ) Ara iktar ’il fuq il-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 85 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75 Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (punti 36 sa 63) u Lafarge vs Il-Kummissjoni (punti 94 u 95); sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2010, Wieland-Werke et vs Il-Kummissjoni (T-11/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 58 sa 73) u tat-28 ta’ April 2010, Amann & Söhne u Cousin Filterie vs Il-Kummissjoni (T-446/05, Ġabra p. II-1255, punti 123 sa 152).

( 86 ) Regolament Nru 17 L-Ewwel Regolament ta’ Applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, Nru 13, p. 204).

( 87 ) Ara b’mod partikolari l-punti 97 sa 109 tas-sentenza appellata.

( 88 ) Ir-relazzjoni mill-qrib bejn, minn naħa, l-Artikolu 49 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7(1) tal-KEDB hija espressa kjarament fl-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C-303, p. 17). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (iċċitata iktar ’il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 75 u 76), li rrikonoxxiet il-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, hija bbażata b’mod partikolari fuq l-Artikolu 7(1) tal-KEDB.

( 89 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 90 ) Sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73, punt 109), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punt 169) u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C-280/08 P, Ġabra p. I-9555, punt 294).

( 91 ) QEDB, sentenza SW vs Ir-Renju Unit tat-22 ta’ Novembru 1995 (Nru 20166/92, Série A Nru 335-B, § 36) dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB f’dak li jikkonċerna piena, mhux espressament iffissata mil-liġi, għal stupru bejn miżżewġin.

( 92 ) Ara f’dan l-istess sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, AC Treuhand vs Il-Kummissjoni (T-99/04, Ġabra p. II-150, punt 113).

( 93 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 94 ) Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fil-punt 75 Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (punti 44 u 50) u Lafarge vs Il-Kummissjoni (punt 95); dwar in-neċessità tal-prevedibbiltà tal-konsegwenzi kriminali ta’ mġiba partikolari fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) tal-KEDB, ara QEDB, sentenza M vs Il-Ġermanja, tas-17 ta’ Diċembru 2009 (Nru 19359/04, § 90).

( 95 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-13 ta’ Diċembru 2012 fil-kawża Ziegler vs Il-Kummissjoni (C-439/11P, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 120).

( 96 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 97 ) Sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, ISD Polska et vs Il-Kummissjoni (C-369/09 P, Ġabra p. I-2011, punt 66); ara wkoll id-digriet tal-14 ta’ Diċembru 1995, Hogan vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (C-173/95P, Ġabra p. I-4905, punt 20) u s-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 113).

( 98 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-6 ta’ Settembru 2012 fil-kawża Expedia (C-226/11, punti 26 u 30); ara f’dan l-istess sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punti 209 u 210), tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C-360/09, Ġabra p. I-5161, punti 21 u 23) u tad-29 ta’ Settembru 2011, Arkema vs Il-Kummissjoni (C-520/09P, Ġabra p. I-8901, punt 88).

( 99 ) Ara iktar ’il fuq l-iżviluppi tiegħi dwar it-tielet aggravju tal-appell, b’mod partikolari l-punti 148 sa 157 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 100 ) Sentenza Arkema vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 98, punt 88); ara wkoll is-sentenza Chalkor vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 60).

( 101 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Expedia (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 98, punt 29). Dwar ir-rwol tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea, ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods (C-344/98, Ġabra p. I-11369, l-ewwel sentenza tal-punt 46).

( 102 ) Ara iktar ’il quddiem, b’mod partikolari l-punti 22 sa 24 u 136 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 103 ) Sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punti 217, 218 u 227 sa 231) u tat-8 ta’ Frar 2007, Grupp Danone vs Il-Kummissjoni (C-3/06, Ġabra p. I-1331, punti 87 sa 94).

( 104 ) Ara b’mod partikolari l-punti 118 sa 128 tas-sentenza appellata.

( 105 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 90.

( 106 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 153 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 107 ) Sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C-194/99P, Ġabra p. I-10821, punt 118), tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni (C-534/07P, Ġabra p. I-7415, punt 96) u tat-12 ta’ Novembru 2009, Carbonne-Lorraine (C-554/08P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 84).

( 108 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 47 sa 50 u 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 109 ) Sentenza KME et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 56).

( 110 ) Ara l-punt 276 tas-sentenza appellata.

( 111 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 99 u 132 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 112 ) Fl-appell, hemm iddikjarat “li wieħed mill-effetti sekondarji tas-sistema ta’ konformità ta’ Schindler huwa dak li jirrendi iktar diffiċli l-kxif intern ta’ ksur imwettaq minkejja kollox għaliex il-kollaboraturi kontravenjenti huma mhedda b’sanzjonijiet severi” (sic!).

( 113 ) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u tnaqqis f’multi fil-każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155), iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2002”.

( 114 ) Ara l-punti 295 sa 300 tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punti 298 u 300.

( 115 ) Sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, Chalkor vs Il-Kummissjoni (punt 63) u Otis et (punt 62).

( 116 ) Sentenzi KME et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 109), KME Germany et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 136) u Chalkor vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 82).

( 117 ) Ara l-punti 301 sa 349 tas-sentenza appellata.

( 118 ) Kif innotat korrettement il-Qorti Ġenerali fil-punt 346 tas-sentenza appellata.

( 119 ) Is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni (C-125/07P, C-133/07P, C-135/07P u C-137/07P, Ġabra p. I-8681, punt 256) u KME et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 79).

( 120 ) Ara l-iżviluppi tiegħi dwar is-seba’ aggravju tal-appell.

( 121 ) Il-multa imposta fuq is-sussidjarja Ġermaniża ta’ Schindler ma hijiex suġġetta għal dan l-appell.

( 122 ) Ara, fost ħafna sentenzi oħra, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, Ġabra p. 491, punt 14), tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra p. 3727, punt 17) u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakkaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “is-sentenza Kadi”, C-402/05P u C-415/05P, Ġabra p. I-6351, punt 355).

( 123 ) Hekk, fis-sentenza tagħha Kadi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 122, punti 354 sa 371) pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja awtorizzat lil persuni fiżiċi provenjenti minn Stati terzi li jibbenefikaw mid-dritt tal-proprjetà protett fid-dritt tal-Unjoni bħala dritt fundamentali.

( 124 ) Protokoll tal-20 ta’ Marzu 1952 għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (STE Nru 9).

( 125 ) Ara iktar ’il fuq, punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 126 ) Ir-rabta mill-qrib bejn, minn naħa, l-Artikolu 17 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll addizzjonali għall-KEDB hija espressa kjarament fl-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C-303, p. 17). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li rrikonoxxiet id-dritt ta’ proprjetà bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, hija bbażata b’mod speċjali fuq l-imsemmi Protokoll addizzjonali (ara pereżempju s-sentenza Kadi, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 122, punt 356).

( 127 ) Sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni (C-51/92 P, Ġabra p. I-4235, punt 113) u tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 83).

( 128 ) Ara l-punt 192 tas-sentenza appellata.

( 129 ) QEDB, is-sentenza Mamidakis vs Il-Greċja tal-11 ta’ Jannar 2007 (Nru 35533/04, § 44); ara f’dan l-istess sens, b’rabta mat-taxxi, QEDB, is-sentenza Buffalo vs L-Italja tat-3 ta’ Lulju 2003 (Nru 38746/97, § 32).

( 130 ) Ara fil-ġurisprudenza l-iktar riċenti, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor (C-544/10, punt 54); tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C-416/10, punt 113) u tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C-12/11, punt 60).

( 131 ) Ara s-sentenza McDonagh (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 130, punt 61).

( 132 ) Il-fatt li anki regolament għandu jiġi kkunsidrat bħala bażi legali kien ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Schecke u Eifert (C-92/09 u C-93/09, Ġabra p. I-11063, punt 66).

( 133 ) Dwar l-istabbiliment ta’ dan l-għan fid-dritt primarju fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ara l-Artikolu 3(1)(g) KE. L-istess ħaġa tista’ tiġi dedotta llum mill-Protokoll Nru 27 dwar is-suq komuni u l-kompetizzjoni anness għat-Trattati (ĠU 2008, C-115, p. 309; ĠU 2010, C-83, p. 309) kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat b’relazzjoni mal-Artikolu 102 TFUE (sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige, C-52/09, Ġabra p. I-527, punti 20 sa 22). Ara wkoll l-Artikolu 119(1) TFUE (ex Artikolu 4 KE) li skontu l-Istati Membri u l-Unjoni huma marbuta bil-prinċipju ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ fejn il-kompetizzjoni hija libera.

( 134 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schenker et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 65, punt 114).

( 135 ) QEDB, is-sentenza Mamidakis vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 129, § 48).

( 136 ) QEDB, is-sentenza Mamidakis vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 129, fl-aħħar ta’ §§ 44, 45 u 47); ara wkoll is-sentenza Philipps vs Ir-Renju Unit tal-5 ta’ Lulju 2001 (Nru 41087/98, Recueil des arretès et decisions 2001-VII, § 51) u d-deċiżjoni Orion Břeclav vs Ir-Repubblika Ċeka tat-13 ta’ Jannar 2004 (Nru 43783/98).

( 137 ) QEDB, is-sentenzi Mamidakis vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 129, §§ 47 u 48) u Buffalo vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 129, § 32) kif ukoll id-deċiżjoni Orion Břeclav vs Ir-Repubblika Ċeka (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 136).

( 138 ) Ara b’mod partikolari l-punti 190 u 191 tas-sentenza appellata.

( 139 ) QEDB, is-sentenza Mamikadis vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 129, §§ 47 u 48).

( 140 ) Jista’ jkun mod ieħor meta, fid-data ta’ meta tkun imposta l-multa, il-kapaċità kontributtiva finanzjarja tkun affettwata b’mod qawwi minn ċirkustanzi straordinarji. Madankollu, xejn ma juri hekk f’dan il-każ u Schindler ma talbitx l-applikazzjoni ta’ tali ċirkustanzi straordinarji.

( 141 ) Ara l-iżviluppi tiegħi dwar is-sitt u s-seba’ aggravji tal-appell (iktar ’il fuq, punti 60 sa 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 142 ) Punt 194 tas-sentenza appellata.

( 143 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Akzo Nobel et vs Il-Kummissjoni (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punt 99).

( 144 ) Il-punti 185 sa 196 tas-sentenza appellata.

( 145 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punt 319) u tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C 2 C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 365).

( 146 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 145, punt 365), Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punti 244 u 303) 319) u Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 128).

( 147 ) Sentenza E.ON Energie vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 125 u 126).

( 148 ) Ara l-punti 367 sa 370 tas-sentenza appellata.

( 149 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 199 sa 201 u 218 sa 219 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 150 ) Schindler tiċċita l-QEDB, is-sentenza Mamidakis vs Il-Greċja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 129, §§ 44 et seq).

( 151 ) Ara iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punti 214 sa 219 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 152 ) Skont il-prinċipju ġenerali li jgħid li r-regoli ta’ proċedura l-ġodda huma applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom (ġurisprudenza stabbilita, ara, fost ħafna sentenzi oħra, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9), id-deċiżjoni fuq l-ispejjeż hija bbażata f’dan il-każ fuq ir-Regoli tal-Proċedura ġodda tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2012 li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C-441/11 P, punti 83 sa 85). Madankollu, fil-mertu ma teżisti l-ebda differenza mill-Artikolu 69(2) flimkien mal-Artikoli 118 u 122(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991.

( 153 ) Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C-550/07 P, Ġabra p. I-8301, punt 123); ara f’dan l-istess sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2001, D u l-Isvezja vs Il-Kunsill (C-122/99 P u C-125/99 P, Ġabra p. I-4319, punt 65), kawża li fiha D u r-Renju tal-Isvezja kienu ppreżentaw żewġ appelli separati u minkejja kollox kienu ġew ikkundannati in solidum sabiex iħallsu l-ispejjeż.

( 154 ) Dan kien ir-riżultat tas-sentenza Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75, punt 3 tad-dispożittiv).

( 155 ) Dak li jiddistingwi fundamentalment din il-kawża mill-kawża Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75) li fiha l-validità tar-Regolament Nru 17 kienet għadha tista’ titqies bħala kwistjoni ta’ liġi ġdida u ta’ prinċipju. Fil-kawża Inuit Tairiit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-583/11 P) ukoll, għandha tiġi deċiża kwistjoni ta’ dritt mhux solvuta ta’ importanza fundamentali, raġuni li għaliha jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tuża t-tieni sentenza tal-Artikolu 184(4) tar-Regoli ta’ Proċedura u tikkundanna lill-Kummissjoni, bħala parti intervenjenti fl-ewwel istanza, li tbati l-ispejjeż tagħha (ara l-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ Jannar 2013 f’din il-kawża, punti 151 u 152).

( 156 ) Ara f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group (C-337/09 P, punt 112); f’din il-kawża, bħala appellant li tilef, il-Kunsill kien ġie kkundannat li inter alia jħallas l-ispejjeż ta’ Audace bħala parti intervenjenti fl-ewwel istanza li, min-naħa tagħha, kienet rebħet il-kawża fil-proċedura ta’ appell.

Top