Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0463

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Wathelet - 19 ta' Diċembru 2012.
L vs M.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg - il-Ġermanja.
Direttiva 2001/42/KE - Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent - Artikolu 3(4) u (5) - Determinazzjoni tat-tipi ta’ pjanijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent - Pjanijiet ‘ta’ żvilupp intern’ eżentati mill-evalwazzjoni ambjentali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali - Evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni kwalitattiva tal-‘iżvilupp intern’ - Nuqqas ta’ effett fuq il-validità tal-pjan ta’ żvilupp - Ħsara għall-effettività tad-direttiva.
Kawża C-463/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:830

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2012 ( 1 )

Kawża C-463/11

L

vs

M

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja)]

“Direttiva 2001/42/KE — Stima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Determinazzjoni tat-tipi ta’ pjanijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent — Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42 — Pjan ‘ta’ żvilupp intern’ ippreparat fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali mingħajr stima ambjentali abbażi tad-Direttiva 2001/42 — Żamma fis-seħħ ta’ pjan ta’ żvilupp li, wara żball ta’ evalwazzjoni, ġie kkwalifikat bħala ‘ta’ żvilupp intern’ — Effettività tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42”

1. 

Il-“komun M” adotta pjan ta’ żvilupp li qies li kien konformi mal-kundizzjonijiet previsti mid-dritt Ġermaniż għall-applikazzjoni tal-hekk imsejħa proċedura “imħaffa”, li skont id-dritt tal-Unjoni, teżenta lill-awtur tal-pjan mill-obbligu li jagħmel stima ambjentali. Peress li l-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Ġermanja), li ġiet adita minn “L”, tista’ tikkonstata li dik il-proċedura ntużat illegalment, id-Direttiva 2001/42/KE ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva SSIA”, SSIA għal stima strateġika tal-impatti fuq l-ambjent) ma tiċċaħħadx mill-effettività tagħha minn dispożizzjoni oħra tad-dritt Ġermaniż li tistipula li “[i]l-ksur ta’ dispożizzjonijiet formali u proċedurali previsti minn dan il-[kodiċi ta’ urbaniżmu ( 3 )] ma għandu ebda effett fuq il-validità tal-pjan [ta’ żvilupp]”?

2. 

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk qiegħda tiġi mistoqsija permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva SSIA. Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, L, jitlob fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ astratt tar-regoli, l-annullament ta’ “pjan ta’ żvilupp intern” ( 4 ) tal-konvenut fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-komun M.

I – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva SSIA, li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi:

“1.   L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

a)

li huma ppreparati għall-agrikoltura, [...] pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE [tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248)], jew

b)

li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stimaA-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

3.   Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentaliAs meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.

[...]”

4.

L-Anness II tad-Direttiva SSIA jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata probabbli tal-effetti kkunsidrati fl-Artikolu 3(5) ta’ din id-direttiva.

B – Id-dritt Ġermaniż

5.

L-Artikolu 1(6), tal-BauGB jipprovdi li, meta jitfasslu l-pjanijiet gwida għall-urbaniżmu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:

“[...]

7.   l-interessi tal-protezzjoni tal-ambjent, inklużi l-protezzjoni tan-natura u l-konservazzjoni tal-pajżaġġi, b’mod partikolari

[...]

b) l-għanijiet ta’ konservazzjoni u l-għan ta’ protezzjoni taż-żoni Natura 2000 fis-sens tal-liġi federali dwar il-protezzjoni tan-natura (Bundesnaturschutzgesetz),

[...]

d) l-effetti ta’ oriġini ambjentali fuq il-patrimonju kulturali u beni materjali oħrajn,

[...]”

6.

L-Artikolu 1(7) tal-BauGB jipprovdi li, “[m]eta jiġu ppreparati l-pjanijiet gwida għall-urbaniżmu, l-interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu bbilanċjati b’mod ġust, kemm ma’ xulxin kif ukoll fi ħdanhom stess”.

7.

Il-pjanijiet gwida għall-urbaniżmu huma mfassla, ikkompletati jew immodifikati skont “proċedura standard” (Artikoli 2 et seq tal-BauGB), ħlief jekk ikun possibbli li wieħed jirrikorri għal “proċedura ssemplifikata” (Artikolu 13 tal-BauGB) jew, f’każ ta’ pjanijiet ta’ żvilupp intern, għal “proċedura mħaffa” (Artikolu 13 A tal-BauGB).

8.

Id-Direttiva SSIA ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-“liġi dwar l-adattament mad-dritt Ewropew tal-leġiżlazzjoni dwar l-urbaniżmu” ( 5 ). Permezz ta’ dik il-liġi, l-istima ambjentali ġiet integrata fil-proċedura standard ta’ preparazzjonijiet ta’ pjanijiet gwida għall-urbaniżmu.

9.

F’dak li jirrigwarda din il-proċedura standard, l-Artikolu 2 tal-BauGB, bit-titolu “Tfassil ta’ pjanijiet gwida għall-urbaniżmu”, jipprovdi:

“[...]

(3) Meta jiġu ppreparati pjanijiet gwida għall-urbaniżmu, għandhom jiġu mfittxija u stmati l-interessi li jippreżentaw importanza għall-finijiet tal-ibbilanċjar [b’mod partikolari tal-interessi pubbliċi u privati ( 6 )].

(4) Stima ambjentali ssir fl-interessi tal-ambjent imsemmija fl-Artikolu 1(6)(7) u fl-Artikolu 1a; dan ifisser li jiġu mfittxija l-effetti ambjentali sinjifikattivi probabbli, u sussegwentement li jiġu deskritti u jiġu stmati f’rapport dwar l-ambjent […]. Il-komun jistabbilixxi, għal kull pjan gwida dwar l-urbaniżmu, il-portata u l-grad ta’ preċiżjoni li għandu jkollha t-tfittxija tal-interessi neċessarji għall-finijiet tal-ibbilanċjar. L-istima ambjentali tiddependi fuq dak li jista’ raġonevolment jintalab meta jitqiesu l-istat tal-għarfien u tal-metodi ta’ stima ġeneralment rikonoxxuti, kif ukoll il-kontenut u l-grad ta’ preċiżjoni tal-pjan gwida dwar l-urbaniżmu. Ir-riżultat tal-istima ambjentali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar. [...]”

10.

F’dak li jirrigwarda l-proċedura ssimplifikata, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(3) tal-BauGB tipprovdi li “[din] għandha ssir mingħajr stima ambjentali skont l-Artikolu 2(4), mingħajr rapport dwar l-ambjent skont l-Artikolu 2a, mingħajr indikazzjoni tat-tipi ta’ informazzjoni disponibbli fil-qasam tal-ambjent skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) u mingħajr dikjarazzjoni rikapitulattiva skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 6(5) u tal-Artikolu 10(4). L-Artikolu 4c ma huwiex applikabbli”.

11.

L-Artikolu 13a tal-BauGB, bit-titolu “Pjanijiet ta’ żvilupp intern”, jipprovdi:

“(1)   Pjan ta’ żvilupp maħsub biex l-artijiet jinġiebu fi stat li jistgħu jintużaw, għaż-żieda fil-popolazzjoni jew miżuri oħrajn ta’ żvilupp intern (“Bebauungsplan der Innenentwicklung” – pjan ta’ żvilupp intern) jista’ jiġi fformulat skont proċedura mħaffa. Il-pjan ta’ żvilupp jista’ jiġi fformulat biss skont proċedura mħaffa jekk dan ikun jirrigwarda art li tista’ tinbena fis-sens tal-Artikolu 19(2) tar-regolament dwar l-urbaniżmu [(Baunutzungsverordnung)], jew medda ta’ art li tista’ tinbena b’total ta’:

1.

inqas minn 20000 m2 [...], jew

2.

bejn 20000 m2 u 70000 m2 meta stima approssimattiva li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti fl-Anness 2 ta’ din il-liġi tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-pjan ta’ żvilupp ma jistax ikollu effetti ambjentali sinjifikattivi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ibbilanċjar meħtieġ skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 2(4) (eżami minn qabel jew każ b’każ) [...]

[...]

(2)   Fil-kuntest tal-proċedura mħaffa

1.

Id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-proċedura ssemplifikata previsti fl-Artikolu 13(2) u (3), l-ewwel sentenza, huma applikabbli b’analoġija;

[...]”

12.

Bħala riassunt, l-Artikolu 13a tal-BauGB b’hekk jipprovdi: l-ewwel nett, kundizzjoni kwantitattiva (jiġifieri medda massima ta’ art) u, it-tieni nett, kundizzjoni kwalitattiva (jiġifieri li l-pjan ikun ta’ “żvilupp intern”) ( 7 ).

13.

L-Artikolu 214 tal-BauGB, li jagħmel parti mit-taqsima bit-titolu “Żamma fis-seħħ tal-pjanijiet”, jipprovdi:

“(1)   Il-ksur tad-dispożizzjonijiet formali u proċedurali previsti minn dan il-kodiċi ma għandux effett fuq il-validità ta’ pjan għall-użu tal-artijiet u fuq ir-regoli muniċipali meħuda b’applikazzjoni ta’ dan l-istess kodiċi ħlief meta:

1.

Bi ksur tal-Artikolu 2(3), aspetti essenzjali tal-interessi milquta mill-ippjanar, li l-komun kien jaf bihom jew kien imissu jkun jaf bihom, ma ġewx imfittxija jew stmati korrettament, li dan id-difett huwa evidenti u li kellu effett fuq l-eżitu tal-proċedura;

[...]

(2a)   Għall-pjanijiet ta’ żvilupp li ġew stabbiliti skont proċedura mħaffa skont l-Artikolu 13a, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom jiżdiedu ma’ dawk tal-paragrafi 1 u 2 hawn isfel:

1.

Il-ksur ta’ dispożizzjonijiet formali u proċedurali u ta’ dispożizzjonijiet relatati mar-rapport li jqabbel il-pjan ta’ żvilupp mal-pjan ta’ użu tal-artijiet huwa mingħajr effett fuq il-validità tal-pjan ta’ żvilupp, inkluż fil-każijiet fejn dan joriġina mill-fatt li l-kundizzjoni msemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 13a(1) tkun ġiet evalwata b’mod żbaljat [(enfasi tiegħi)].

[...]”

II – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14.

L huwa l-proprjetarju ta’ artijiet u ta’ medda agrikola li jinsabu f’żona kkonċernata mill-pjan ta’ żvilupp ikkontestat fil-kawża prinċipali.

15.

Fl-14 ta’ Settembru 2005, il-kunsill muniċipali ta’ M ddeċieda li jifformula pjan ta’ żvilupp skont il-proċedura standard għal żona iktar estiża miż-żona kkonċernata mill-pjan li huwa s-suġġett tal-kawża, iżda li jinkludiha, bil-għan li ssir pjanifikazzjoni abbażi taż-żona mibnija eżistenti u li din tiġi estiża b’żoni residenzjali ġodda fil-periferija.

16.

Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fis-16 ta’ Settembru 2005. Fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-pubbliku li saret wara, L u persuni oħrajn qajmu oġġezzjonijiet, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent. Il-Landratsamt talab li ssir stima tal-effetti fuq il-ħabitats naturali għall-artijiet li jinsabu ’l isfel minn ċerta mogħdija “S”.

17.

Fil-25 ta’ April 2007, il-kunsill muniċipali ta’ M ddeċieda li jibda proċedura distinta għall-artijiet li jinsabu ’l isfel mill-mogħdija “S”.

18.

Fit-23 ta’ April 2008, dan il-kunsill muniċipali approva proġett li jirrigwarda żona iżgħar, u ddeċieda li jifformula pjan ta’ żvilupp relatat skont il-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 13a tal-BauGB.

19.

Mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ M jirriżulta li l-pjan ma jistax jipproduċi effetti negattivi sostenibbli fuq l-ambjent u li dan jikkonċerna medda totali ta’ art li tista’ tinbena ta’ madwar 11800 m2, li hija inqas mil-limitu ffissat mill-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB.

20.

Fis-26 ta’ April 2008, il-komun ta’ M ppreżenta l-pjan ta’ żvilupp għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għal xahar, bil-possibbiltà li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet. Matul it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, L u persuni oħrajn tennew l-oġġezzjonijiet tagħhom u insistew li jsir rapport dwar l-ambjent.

21.

Il-Landratsamt irrileva li, għalkemm l-ippjanar inkwistjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala “żvilupp intern” fis-sens tal-Artikolu 13a tal-BauGB, l-inklużjoni ta’ żoni mhux mibnija li jinsabu fil-periferija tal-agglomerazzjoni ma kinitx neċessarja b’mod imperattiv. Huwa jiddikjara wkoll li kellu riżervi dwar il-konklużjoni li l-pjan ma setax ikollu effetti negattivi sostenibbli fuq l-ambjent.

22.

Fit-23 ta’ Lulju 2008, il-kunsill muniċipali ta’ M approva l-pjan ta’ żvilupp fil-forma ta’ regolament muniċipali. Id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fit-2 ta’ Awwissu 2008.

23.

Fil-31 ta’ Lulju 2009, L ppreżenta applikazzjoni għal “stħarriġ astratt tar-regoli” (“Normenkontrollantrag”) quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa argumenta li l-pjan ta’ żvilupp inkwistjoni kien ivvizzjat b’irregolaritajiet formali u sostantivi. Huwa sostna b’mod partikolari li l-komun ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li kien ser ibiddel żoni esterni għall-agglomerazzjoni f’żoni urbani. Bħala konsegwenza, l-interessi tal-ambjent ġew imfittxija u stmati b’mod żbaljat.

24.

Il-komun M kkontesta l-allegazzjonijiet ta’ L u sostna li r-rikors għal proċedura mħaffa stabbilita bl-Artikolu 13a tal-BauGB kien leċitu.

25.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-pjan ta’ żvilupp inkwistjoni ma huwiex pjan “ta’ żvilupp intern” fis-sens tal-Artikolu 13a tal-BauGB u li b’hekk ma setax jiġi adottat permezz ta’ proċedura mħaffa mingħajr stima ambjentali, minħabba l-fatt li parti mill-art inkluża fil-pjan kienet tmur lil hinn miż-żona diġà mibnija, inkluża telgħa qawwija li tinsab barra mil-lokalità.

26.

Hija b’hekk tal-fehma li dan il-pjan kien suġġett għal stima żbaljata tal-kundizzjoni msejħa “kwalitattiva” tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB (jiġifieri li jrid jikkonsisti fi pjan ta’ żvilupp intern), u li din l-istima madankollu hija mingħajr effett fuq il-validità tal-imsemmi pjan, skont l-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB.

27.

F’dan il-kuntest, il-Verwaltungsgericht Baden-Württemberg filwaqt li tistaqsi jekk il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA jagħti lill-Istati Membri jinqabżux meta Stat Membru jistabbilixxi dispożizzjonijiet nazzjonali li jkollhom l-effett li jżommu fis-seħħ pjanijiet adottati skont proċedura mħaffa mingħajr ma jiġu osservati l-kundizzjonijiet kollha, tiddeċiedi li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Stat Membru jeċċedi l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu taħt l-Artikolu 3(4) u (5) tad-Direttiva [SSIA] jekk, fir-rigward tal-pjanijiet tal-iżvilupp ta’ muniċipalità [komuni] li jiddeterminaw l-użu ta’ żoni żgħar f’livell lokali u jistabbilixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni tal-iżvilupp fil-futur ta’ proġetti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [SSIA], jiddetermina – filwaqt li jikkunsidra l-kriterji rilevanti tal-Anness II tad-Direttiva [SSIA] – billi jispeċifika tip partikolari ta’ pjan ta’ żvilupp ikkaratterizzat minn limitu bbażat fuq id-daqs taż-żona u minn kundizzjoni kwalitattiva, li fir-redazzjoni ta’ tali pjan ta’ żvilupp għandha ssir deroga mid-dispożizzjonijiet proċedurali dwar l-evalwazzjoni [stima] ambjentali altrimenti applikabbli għall-pjanijiet tal-iżvilupp u jipprovdi wkoll li ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet proċedurali li joriġina mill-fatt li l-muniċipalità [komun] evalwat b’mod żbaljat il-kundizzjoni kwalitattiva hija irrilevanti għall-validità legali ta’ pjan ta’ żvilupp ta’ dan it-tip partikolari?”

III – L-analiżi

A – Fuq ir-rilvanza tad-domanda preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali

28.

Mingħajr ma jqajjem espressament eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Gvern Ġermaniż isostni li “huwa ftit li xejn probabbli” li d-domanda preliminari hija rilevanti sabiex issolvi l-kawża prinċipali. Il-komun M jikkunsidra, fl-istess spirtu, li r-rilevanza tad-domanda preliminari għall-eżitu tal-kawża toħloq problema.

29.

Jiena tal-fehma li d-domanda hija b’mod ċar rilevanti.

30.

Fil-fatt, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward ( 8 ) li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom hija tkun ġiet adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha. Ir-rifjut li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tagħti risposti utli għad-domandi li jkunu sarulha.

31.

Madankollu, ma jirriżultax b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

32.

Għall-kuntrarju, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-risposta għad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija determinanti għas-sentenza tal-qorti a quo . Fil-fatt, jekk il-leġiżlatur Ġermaniż eċċeda l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija mid-Direttiva SSIA, permezz tal-effetti konġunti, minn naħa waħda, tad-deċiżjoni li jirrinunzja għal stima ambjentali fil-kuntest ta’ pjanijiet ta’ żvilupp ( 9 ) u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB, li jżomm fis-seħħ pjanijiet ta’ żvilupp li għalihom il-proċedura mħaffa u l-eżenzjoni mill-istima ambjentali ġew applikati b’mod żbaljat, il-qorti tar-rinviju għandha tkun tista’ tiddeċiedi dwar it-talba għal stħarriġ tar-regoli billi ma tapplikax xi waħda jew oħra mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. F’dak il-każ, jidħol l-obbligu previst mid-dritt nazzjonali li jiġu ppreżentati pjanijiet ta’ żvilupp għal stima ambjentali fil-kuntest tal-proċedura standard.

B – Fuq il-mertu

33.

Essenzjalment, L u l-Kummissjoni Ewropea jikkunsidraw li, – billi għaqqad il-proċedura mħaffa (Artikolu 13a tal-BauGB) maż-żamma fis-seħħ ta’ pjan li, wara evalwazzjoni żbaljata, irriżulta li ma huwiex pjan ta’ żvilupp intern [Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB], – l-Istat Membru kkonċernat eċċeda l-limiti ta’ marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilu mill-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA. Min-naħa l-oħra, il-komun M u l-Gvern Ġermaniż huma tal-fehma li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali huma kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva. Għalkemm il-Gvern Grieg jidher li huwa lest li jaċċetta l-pożizzjoni tal-Gvern Ġermaniż, xorta waħda jara riskju li l-għan ta’ din id-direttiva ma jintlaħaqx.

34.

Wara l-analiżi tal-punt (1) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) (taqsima 1) u tal-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB, kif ukoll l-akkumulazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (taqsima 2.), ser nindirizza r-regoli u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu miksura f’din il-kawża, jiġifieri l-effettività tad-Direttiva SSIA u l-prinċipji ta’ effettività, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (taqsima 3.). Fil-kuntest tal-osservazzjonijiet finali tiegħi, ser nirrifjuta l-argumenti tal-komun M kif ukoll dawk tal-Gvern Ġermaniż (taqsima 4).

1. Il-punt (1) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB (dwar l-użu ta’ proċedura “mħaffa” sabiex jiġu fformulati pjanijiet ta’ żvilupp intern)

35.

Id-domanda preliminari, għalkemm ma hijiex konċiża (is-sentenza fiha xejn inqas minn 17-il linja), hija fir-realtà ferm preċiża, jiġifieri Stat Membru jeċċedi l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilu mid-Direttiva SSIA ( 10 ) meta, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-pjanijiet ta’ żvilupp ifformulati mill-komuni ( 11 ), huwa jiddetermina, waqt li jikkunsidra l-kriterji rilevanti tal-Anness II ta’ dik id-direttiva, tip partikolari ta’ pjan ta’ żvilupp ( 12 ), billi jipprovdi l-ewwel nett li l-formolazzjoni ta’ dak il-pjan ma hijiex suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-proċeduri dwar l-istima ambjentali normalment applikabbli għall-pjanijiet ta’ żvilupp u, it-tieni nett, li ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-proċedura ( 13 ) ma għandux effett fuq il-validità ta’ dan il-pjan ta’ żvilupp ta’ tip partikolari?

36.

Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li l-għan essenzjali tad-Direttiva SSIA, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, jikkonsisti fil-preżentazzjoni għal stima ambjentali tal-pjanijiet u programmi li jistgħu jkollhom effetti ambjentali sinjifikattivi, u dan waqt it-tfassil tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom ( 14 ).

37.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, f’dak li jirrigwarda l-pjanijiet ta’ żvilupp, il-leġiżlatur Ġermaniż, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA, stabbilixxa li t-tfassil jew il-modifika ta’ dawk il-pjanijiet, inkluż għall-finijiet li jiġu kkompletati, kienu fil-prinċipju sottomessi għal obbligu ta’ stima ambjentali, fil-kuntest tal-hekk imsejħa proċedura standard ( 15 ).

38.

Min-naħa l-oħra, huwa jeżenta minn dak l-obbligu, inter alia, il-pjanijiet ta’ żvilupp li jissodisfaw il-kundizzjoni kwalitattiva ta’ “żvilupp intern” ( 16 ) u li jibqgħu fi ħdan il-limitu tal-medda tal-art iffissat fil-punt (1) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB, ħlief jekk ikun hemm raġuni ta’ esklużjoni skont ir-raba’ u l-ħames sentenzi tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB.

39.

Id-deċiżjoni tar-rinviju tikkunsidra li, b’dan il-mod, il-leġiżlatur Ġermaniż uża l-awtorizzazzjoni tat-tieni possibbiltà tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA, u stabbilixxa dik l-eċċezzjoni billi ddetermina “tip” partikolari ta’ pjan, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni – kif timponi t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA – kriterji rilevanti ffissati fl-Anness II ta’ dik l-istess direttiva. Għandu jingħad ukoll li l-Gvern Ġermaniż ikkonferma wkoll fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub li l-imsemmija dispożizzjoni tal-Artikolu 13a tal-BauGB ġiet adottata bil-għan li tiġi trasposta d-Direttiva SSIA, b’mod partikolari t-tieni varjant tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(5) tagħha.

40.

Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-għażla li saret mil-leġiżlatur Ġermaniż li jikkunsidra li dan it-tip ta’ pjan ma setax, fil-prinċipju, ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, tinsab fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA jagħti lill-Istati Membri.

41.

F’dan ir-rigward, nirrileva li mis-sentenza Valčiukienė et ( 17 ) – li ngħatat ftit qabel ir-rinviju f’din il-kawża – jirriżulta li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA biex jiistabbilixxu t-tipi ta’ pjanijiet li jista’ jkollhom jew ma jkollhomx effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent “hija limitata bl-obbligu msemmi fl-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, meta moqri flimkien mal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, li l-pjanijiet li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, partikolarment minħabba l-karatteristiċi tagħhom, jiġu ssuġġettati għal stima ambjentali tal-effetti tagħhom u taż-żoni li x’aktarx jintlaqtu” (punt 46).

42.

Bħala konsegwenza, dejjem skont dik is-sentenza (punt 47), Stat Membru li jistabbilixxi kriterju li, fil-prattika, għandu l-konsegwenza li l-kategorija kollha ta’ proġetti tkun eżentata bil-quddiem mill-obbligu li ssir stima ambjentali, jaqbeż il-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu bis-saħħa tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA, ħlief jekk il-pjanijiet kollha esklużi setgħu jitqiesu, fuq il-bażi ta’ kriterji rilevanti bħal ma huma, b’mod partikolari, l-għan tagħhom, il-firxa tat-territorju li huma jkopru jew is-sensittività tal-ambjenti naturali kkonċernati, bħala li ma jistgħux ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

43.

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, ma ninsabx konvint li, fil-kuntest tal-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB, il-leġiżlatur Ġermaniż tabilħaqq aġixxa fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA jagħti lill-Istati Membri fil-każ tal-pjanijiet u tal-programmi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) u (4) tal-imsemmija direttiva.

44.

Effettivament, bħall-Kummissjoni nosserva li f’din il-kawża tqum il-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlatur Ġermaniż ħax inkunsiderazzjoni b’mod leċitu l-kriterji rilevanti kollha abbażi tal-Anness II tad-Direttiva SSIA – b’mod partikolari, dak li ġie ċċitat espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Valčiukienė et, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri s-sensittività tal-ispazji naturali kkonċernati (imsemmija fis-sitt inċiż tal-punt 2 tal-Anness II tad-Direttiva SSIA ( 18 )). Is-sunt tar-raġunijiet li għalih jagħmel riferiment il-Gvern Ġermaniż barra minn hekk ma jindirizzax b’mod assolut dan il-kriterju dwar il-mertu.

45.

Hu x’inhu l-każ, għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet u sabiex tingħata risposta utli lill-qorti a quo dwar id-domanda preliminari rrinvjata, jeħtieġ l-ewwel nett li tittieħed inkunsiderazzjoni l-konstatazzjoni ta’ din il-qorti dwar il-konformità tal-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB mad-Direttiva SSIA – li dik il-qorti għandha teżamina bi kwalunkwe mod b’mod iddettaljat fil-proċedura prinċipali – u, it-tieni nett, li jsir enfasi fuq il-fatt li minn dak li jidher il-problema mqajma mill-qorti tar-rinviju hija dwar l-applikazzjoni kumulattiva taż-żewġ dispożizzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri l-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikoli 13a(1), u 214(2a)(1) tal-BauGB.

2. L-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB (dwar iż-żamma fis-seħħ tal-pjanijiet)

46.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-ewwel kundizzjoni kwalitattiva tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB ma hijiex osservata, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, inkwantu l-pjan inkwistjoni jinkludi miżuri ta’ żvilupp estern u mhux biss intern. Hija din l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li tagħti rilevanza lid-domanda preliminari.

47.

Barra minn hekk, jekk ikun tabilħaqq pjan ta’ żvilupp intern, huwa rakkomandabbli li tintuża l-proċedura mħaffa u fil-prinċipju ma jkun hemm ebda problema.

48.

Jekk barra minn hekk naċċettaw il-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 13a(1) tal-BauGB huwa konformi mad-Direttiva SSIA, il-problema allura tinsab fil-livell tal-effettività ta’ dik id-direttiva f’każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB u ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni msemmija fil-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB.

49.

Effettivament jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB dwar iż-żamma fis-seħħ tal-pjanijiet, għandu l-effett li l-pjanijiet, li għall-preparazzjoni tagħhom kellha ssir stima ambjentali, jibqgħu validi, minkejja li ġew ippreparati mingħajr stima ambjentali.

50.

Għandu jiġi kkonstatat li s-sistema Ġermaniża b’hekk tneħħi kull effettività mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva SSIA, li jimponi li dawn il-pjanijiet għandhom ikunu sottomessi għal stima ambjentali.

51.

Fil-fatt, sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva SSIA jkollhom effettività, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu, inter alia, li studju ta’ impatt konformi mal-ambjent ikun sar għall-pjanijiet kollha u l-programmi li għalihom ma jistax jiġi eskluż li għandhom effett fuq l-ambjent. Jiena tal-fehma li tali riskju jeżisti fil-kawża prinċipali u, kif nispjega f’dawn il-konklużjonijiet, li d-dritt Ġermaniż ma jagħtix din il-garanzija.

52.

Effettivament, pjan li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13a tal-BauGB ma huwiex pjan li, għall-finijiet tad-Direttiva SSIA, ma jistax ikollu effetti fuq l-ambjent. Għal tali pjan, skont l-imsemmija direttiva, b’hekk għandu jsir studju tal-impatt fuq l-ambjent. Issa, skont id-dritt Ġermaniż, u ġustament minħabba l-impossibbiltà ta’ sanzjoni ġuridika għall-istess irregolarità prevista fl-Artikolu 214(2A)(1) tal-BauGB, dan ma huwiex il-każ.

53.

Minħabba dan il-fatt, l-applikazzjoni minn komun tal-Artikolu 13a tal-BauGB ma tistax tiġi mistħarrġa mill-qorti.

54.

Fil-proċedura prinċipali, il-qorti fil-fatt ma għandha ebda possibbiltà li tissospendi l-kawża (pereżempju sabiex issir stima ambjentali) jew li tagħmel mod li jiġi rrimedjat il-ksur tal-obbligu li jsir studju tal-impatt fuq l-ambjent. Huwa għalhekk li kellha ssir id-domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju.

55.

Fl-assenza ta’ tali possibbiltà ta’ stħarriġ ġuridiku, xejn ma jiggarantixxi li l-komun, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu, josserva fi kwalunkwe każ il-kriterji tal-Anness II tad-Direttiva SSIA li l-leġiżlatur Ġermaniż kellu preċiżament l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni meta daħħal il-kunċett ta’ żvilupp intern.

56.

Għaldaqstant għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tal-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB tmur kontra l-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA billi tagħmel impossibbli kull sanzjoni għall-qbiż mill-awtoritajiet nazzjonali tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom minn din id-direttiva.

3. Fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ effettività, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

57.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari s-sentenza reċenti Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne ( 19 ), li ngħatat wara d-data tad-deċiżjoni tar-rinviju, issaħħaħ il-konklużjoni li wasalt għaliha fil-punti 50 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

58.

Effettivament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 44 tal-imsemmija sentenza), jirriżulta li “meta ‘pjan’ jew ‘programm’’ kellu qabel l-adozzjoni tiegħu jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva [SSIA], l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari sabiex jipprovdu rimedju għan-nuqqas ta’ tali evalwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Wells[ ( 20 )], iċċitata iktar ’il fuq, punt 68)” (enfasi miżjuda minni).

59.

Is-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq, iżżid, fil-punt 45 tagħha, li “obbligu bħal dan huwa impost ukoll fuq il-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra tali att nazzjonali u, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-modalitajiet proċedurali applikabbli għal tali rikors jistgħu jiġu ppreżentati kontra tali “pjanijiet” jew “programmi” li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata)” (enfasi miżjuda minni).

60.

Għaldaqstant, skont il-punt 46 tas-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq, “il-qrati aditi f’dan ir-rigward għandhom jadottaw, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, il-miżuri intiżi għas-sospensjoni jew għall-annullament tal-“pjan” jew tal-“programm” adottat bi ksur tal-obbligu li ssir l-evalwazzjoni [stima] ambjentali (ara, b’analoġija, is-sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65)” (enfasi miżjuda minni).

61.

Fl-aħħar nett, fil-punt 47 tas-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[f]il-fatt, ikun hemm ksur tal-għan fundamentali tad-Direttiva 2001/42 jekk, aditi f’dan ir-rigward, il-qrati nazzjonali ma jadottawx, fil-kuntest ta’ tali rikors u fil-limiti tal-awtonomija proċedurali, il-miżuri, previsti bid-dritt nazzjonali tagħhom, xierqa biex jimpedixxu lil tali pjan jew programm, inkluż il-proġetti li għandhom jiġu implementati fil-kuntest ta’ dan il-programm, ikun jista’ jiġi implementat mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni [stima] ambjentali” (enfasi miżjuda minni).

62.

B’hekk huwa ċar li, meta d-Direttiva SSIA timponi l-istima tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent u meta dik l-istima ma tkunx saret – kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali – għandu jkun ġuridikament possibbli li tiġi prekluża l-implementazzjoni tal-pjan ikkonċernat.

63.

Barra minn hekk, fis-sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punt 66 tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Istat Membru kien obbligat li jirrimedja kull dannu kkawżat mill-ommissjoni irregolari ta’ stima tal-impatt fuq l-ambjent ( 21 ).

64.

Għandu jingħad ukoll, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Alassini et ( 22 ), li “[i]r-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jesprimu l-obbligu ġenerali tal-Istati Membri li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni”.

65.

Meta l-effettività tad-Direttiva SSIA tiġi ppreġudikata minn dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk fil-kawża prinċipali, dwar iż-żamma fis-seħħ ta’ pjanijiet ivvizzjati b’irregolaritajiet, il-prinċipju ta’ effettività jinkiser kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punti 57 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

66.

Fil-fatt, kif rajna iktar ’il fuq, jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB jagħmel impossibbli, fil-prattika, l-eżerċitar tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

67.

Mingħajr ma ninsew li, skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq mill-Unjoni Ewropea tal-missjoni tagħha u li jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha l-obbligu bħala organu ta’ Stat Membru, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali ddikjarat minn dak l-artikolu, li tapplika bis-sħiħ id-dritt tal-Unjoni applikabbli direttament u li tipproteġi d-drittijiet li jagħti lill-individwi, waqt li ma tapplikax kull dispożizzjoni li tista’ tkun kuntrarja għad-dritt nazzjonali, kemm jekk tkun iddaħħlet qabel jew wara r-regola tad-dritt tal-Unjoni ( 23 ).

68.

F’din il-kawża, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija inkompatibbli mar-rekwiżiti inerenti għan-natura stess tad-dritt tal-Unjoni kull dispożizzjoni ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali jew kull prassi leġiżlattiva, amministrattiva jew ġudizzjarja, li għandha l-effett li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li tirrifjuta lill-qorti kompetenti sabiex tapplika dan id-dritt, is-setgħa li tagħmel, fil-mument stess ta’ din l-applikazzjoni, dak kollu li huwa neċessarju sabiex twarrab id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li eventwalment jifformaw ostakolu, anki jekk temporanju, għall-effettività sħiħa tar-regoli tal-Unjoni ( 24 ).

69.

Fil-kuntest ta’ rikors li jakkuża l-irregolarità jew l-ommissjoni ta’ stimi ambjentali, il-qrati nazzjonali b’hekk għandhom ikunu jistgħu jadottaw, fil-limiti tal-awtonomija proċedurali, il-miżuri xierqa sabiex jiġi evitat li proġett jiġi implementat fl-assenza ta’ stima ambjentali meħtieġa mid-Direttiva SSIA ( 25 ). Bl-istess mod, fil-kuntest ta’ proċess ta’ awtorizzazzjoni li fil-prinċipju ma jipprovdix għal stima ambjentali, għandha ssir a posteriori kull stima li tkun tħalliet barra fil-proċeduri preċedenti meta tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni għall-proġett globali ( 26 ).

70.

L-aħħar element, iżda mhux l-inqas, jiġifieri l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 27 ), li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri u li ġie kkristallizzat fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( 28 ). Dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni llum il-ġurnata huwa ddikjarat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 29 ).

71.

B’mod ċar, dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk fil-kawża prinċipali ma josservawx dan il-prinċipju ġenerali.

4. Osservazzjonijiet finali

72.

Bħala osservazzjonijiet finali, ser nerġa’ mmur lura għall-argumenti tal-komun M u tal-Gvern Ġermaniż.

73.

Fl-ewwel lok, l-osservazzjonijiet tal-komun M ma jidhirlix, essenzjalment, li jimminimizzaw il-każijiet possibbli ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 214 tal-BauGB f’każ ta’ stima żbaljata tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13a(1) tal-BauGB.

74.

Essenzjalment, il-komun M jipprova juri li l-Artikolu 214 tal-BauGB ma japplikax, ħlief jekk l-iżball fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ żvilupp intern fl-Artikolu 13a(1) tal-BauGB huwa oġġettivament inkonċepibbli jew jekk ikun sar b’għarfien sħiħ tal-kawża jew inkella jekk ma tkun saret ebda evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-proċedura mħaffa.

75.

Skont M, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, għaliex ma kienx hemm rieda li jitwettaq żball, jew li ma kienx jaf li kien qed iwettaq żball, jew inkella dan l-iżball kien purament marġinali u insinjifikattiv. Dan l-argument jista’ jinsab ukoll, f’xi forma jew oħra, fl-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż.

76.

Fil-fatt, il-Gvern Ġermaniż jallega li l-applikazzjoni tal-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB hija rari, b’mod partikolari għaliex il-komuni Ġermaniżi huma marbuta bil-liġi kif ukoll minħabba l-fatt li hemm dispożizzjonijiet programmatiċi ġenerali oħrajn fid-dritt Ġermaniż dwar l-urbaniżmu li jillimitaw l-użu tal-proċedura mħaffa.

77.

Biżżejjed jiġi rrilevat li dan l-argument ma huwiex validu f’din il-kawża ( 30 ). Barra minn hekk, jekk huwa possibbli, kif jargumenta l-Gvern Ġermaniż, li jiġu limitati s-sitwazzjonijiet li fihom l-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB jippermetti li jinżamm fis-seħħ pjan ta’ żvilupp intern, madankollu b’ebda mod ma huwa biżżejjed biex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tiegħu mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva SSIA.

78.

Il-Gvern Ġermaniż jiddikjara wkoll li l-iżball dwar l-eżistenza tal-kundizzjoni kwalitattiva, prevista fl-Artikolu 13a(1) tal-BauGB, għandu jkun “manifest u serju”, li ma jkunx hemm “preġudizzju sinjifikattiv” għall-interessi ambjentali jew evitar tal-kundizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 13a ( 31 ), “li għandu jaġixxi bħala kontrapiż għall-vulnerabbiltà tal-pjanijiet gwida għall-urbaniżmu għar-riskju ta’ żball” ( 32 ). Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li l-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauBG ma jkoprix il-ksur kollu. B’hekk, dan ma japplikax: (a) f’każ ta’ assenza totali ta’ sitwazzjoni konkreta ta’ żvilupp intern ( 33 ); (b) jekk ma jkunx hemm ta’ mill-inqas evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali fil-perspettiva ta’ żvilupp intern ( 34 ); (c) jekk ma jingħelbux l-inċertezzi u d-dubji raġonevoli ( 35 ); (d) jekk iż-żona interna tinqabeż b’mod li dan ma jkunx insinjifikattiv f’termini ta’ medda ta’ artijiet ( 36 ); jew (e) jekk ikunu artijiet li ma jinsabux fil-limitu bejn is-settur estern u s-settur intern ( 37 ).

79.

Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-argument kollu, l-imsemmi gvern jipprova juri li, ħlief jekk ikun hemm nuqqas evidenti, żball fl-għarfien tal-kawża, jew allokazzjoni ta’ elementi essenzjali, l-Artikolu 214(2a)(1) tal-BauGB ma japplikax.

80.

Dik l-interpretazzjoni tal-Artikolu 214 tal-BauGB ma tirriżultax mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda taħt dik tal-qorti tar-rinviju li, dan premess, ma tagħti ebda indikazzjoni li tagħti x’tifhem li hija taqbel. Kif inhuma l-affarijiet, anki kieku l-interpretazzjoni tal-komun M u tal-Gvern Ġermaniż kienet eżatta, l-argument tagħhom ikun invalidu f’dan il-kuntest peress illi d-domanda preliminari tirrigwarda t-tipi ta’ żbalji kollha li jistgħu jkunu koperti mill-Artikolu 214 tal-BauGB.

81.

Huwa ċar, fi kwalunkwe każ, li l-Artikolu 214 tal-BauGB huwa applikabbli meta l-kundizzjoni kwalitattiva tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1)(1) tal-BauGB tkun ġiet evalwata b’mod żbaljat. Skont il-qorti tar-rinviju, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-pjan jinkludi miżuri ta’ żvilupp estern, li jpoġġi inkwistjoni l-eżistenza stess ta’ pjan ta’ żvilupp intern, li jippermetti l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa.

82.

Il-Gvern Ġermaniż isostni, barra minn hekk ( 38 ), li l-pjan ta’ żvilupp intern huwa pjan li jiddetermina “l-użu ta’ żoni żgħar f’livell lokali”. B’hekk, dan jissodisfa simultanjament il-kundizzjoni ċentrali tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva SSIA. Huwa jsostni li, minħabba r-raġunijiet ta’ esklużjoni tar-raba’ u l-ħames sentenzi tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB, dan ma jistax, mid-definizzjoni tiegħu stess, jikkonsisti fi pjanijiet fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva SSIA, li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li kienu fil-prinċipju sottomessi għal stima ambjentali. Għalkemm din l-osservazzjoni hija eżatta, ma tneħħi xejn mill-konklużjonijiet li wasalt għalihom fir-rigward tal-Artikolu 214 tal-BauGB. L-istess jgħodd għall-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, fil-paragrafi 74 sa 81 tan-noti ta’ osservazzjonijiet tiegħu, għaliex il-problema – ta’ mill-inqas f’din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 39 ) – ma hijiex il-konformità tal-Artikolu 13A tal-BauGB mad-Direttiva SSIA, iżda l-kompatibbiltà tal-akkumulazzjoni tal-Artikoli 13A u 214 tal-BauGB mal-imsemmija direttiva.

83.

Huwa wkoll minnu li ( 40 ) kull ksur tal-kundizzjoni kwalitattiva tal-Artikolu 13a tal-BauGB ma joħloqx sistematikament effetti ambjentali sinjifikattivi, iżda ma jwassalx biex dan fil-fatt ma jibqax pjan ta’ żvilupp intern.

84.

Huwa minnu wkoll li, kif isostni l-Gvern Ġermaniż ( 41 ), l-Artikolu 214 tal-BauGB ma jfissirx li żbalji ta’ stima li jikkonċernaw id-daqs tal-medda ta’ artijiet huma inqas invalidi, għalkemm għandu jiġi kkonstatat, mill-ġdid, li din ma hijiex il-problema ( 42 ), iżda l-fatt li l-ineżistenza tal-kundizzjoni kwalitattiva bażika ma għandiex effett fuq l-invalidità, liema assenza ta’ effetti ġuridiċi ġiet indikata mill-Gvern Ġermaniż innifsu fil-paragrafu 88 tal-osservazzjonijiet tiegħu.

85.

L-imsemmi gvern isostni, finalment, li “id-dritt tal-Unjoni ma jeħtiġx li vizzju proċedurali jkun issanzjonat b’mod imperattiv min-nullità tal-att ġuridiku korrispondenti iżda li jirrikonoxxi, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt, in-natura definittiva tal-atti amministrattivi u l-preokkupazzjoni taċ-ċertezza ġuridika sottostanti” ( 43 ).

86.

Waqt li huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni ma jeżiġi ebda tip partikolari ta’ sanzjoni ġuridika, ma jistax jiġi jaċċettat li direttiva tiċċaħħad mill-effettività tagħha. Għalkemm l-effett ġuridiku tal-fatt li Stat Membru jkun eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lilu mid-direttiva mhux bilfors irid tkun in-nullità tal-att ġuridiku li jikkonkretizza dak l-eċċess, għandu ta’ mill-inqas jimplika li dak l-eċċess ma jistax jiġi eżegwit jew implementat (pereżempju permezz ta’ sospensjoni jew kundizzjoni sospensiva għall-eżekuzzjoni ta’ pjan jew ukoll fil-każ preżenti ta’ proċedura fejn l-istima ambjentali tkun għadha tista’ ssir matul il-proċedura ġudizzjarja).

87.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li esklużjoni totali tal-protezzjoni u tal-kontroll ġuridiku f’każ ta’ assenza irregolari ta’ stima tal-impatt fuq l-ambjent – bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali – iċċaħħad lid-Direttiva SSIA mill-effettività ( 44 ), ma tosservax il-prinċipju tal-effettività tal-proċeduri nazzjonali li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tmur kontra l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali li jgħid li l-Istati Membri huma obbligati li jeliminaw il-konsegwenzi illeċiti ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 45 ).

IV – Konklużjoni

88.

Għaldaqstant, għandha tingħata r-risposta għad-domanda li saret mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg kif ġej:

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll il-prinċipji ta’ effettività, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru – bħal dik fil-kawża prinċipali – li tistabbilixxi li l-ksur ta’ kundizzjoni imposta mir-regola ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva biex teżenta l-adozzjoni ta’ pjan ta’ żvilupp ta’ tip partikolari għal stima ambjentali preliminari ma jista’ jagħti lok għal ebda rikors ġudizzjarju sa fejn din il-leġiżlazzjoni tneħħi kull effett ta’ dak il-ksur fuq il-validità tal-imsemmi pjan ta’ żvilupp.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

( 3 ) Il-kodiċi tal-urbaniżmu (Baugesetsbuch), fil-verżjoni tiegħu ippubblikata fit-23 ta’ Settembru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 2414), kif emendat bil-liġi tat-22 ta’ Lulju 2011 (BGBl. 2011 I, p. 1509, iktar ’il quddiem il-“BauGB”).

( 4 ) Fil-lingwa Ġermaniża “Bebauungsplan der Innenentwicklung”. Dawn it-termini jirreferu għall-kunċett tad-dritt Ġermaniż tal-urbaniżmu ta’ “Innenbereich” (settur intern) li jispeċifika l-partijiet tal-lokalità li diġà jifformaw agglomerazzjoni (Artikolu 34 tal- BauGB).

( 5 ) Europarechtsanpassungsgesetz Bau, liġi tal-24 ta’ Ġunju 2004 (BGBl. 2004 I p. 1359).

( 6 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Rispettivament, il-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(2) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB.

( 8 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Gielen (C-440/08, Ġabra p. I-2323, punti 27 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Fis-sens tal-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB (dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13a(2)(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(3) tal-BauGB) li skont il-qorti tar-rinviju ma ġietx applikata b’mod korrett.

( 10 ) Skont l-Artikolu 3(4) u (5) tiegħu.

( 11 ) Li jiddeterminaw l-użu ta’ żoni żgħar fuq livell lokali, jiddefinixxu l-kuntest li fih tista’ tiġi awtorizzata l-implementazzjoni tal-proġetti fil-futur u li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva SSIA.

( 12 ) Karatterizzata kemm minn kundizzjoni kwantitattiva (jiġifieri limitu massimu ta’ erja ta’ art) u kundizzjoni kwalitattiva (jiġifieri li jkun “żvilupp intern”). Ara l-punti 11 u 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li l-komun evalwa b’mod żbaljat il-kundizzjoni kwalitattiva.

( 14 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C-105/09 u C-110/09, Ġabra p. I-5611, punt 32); tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C-295/10, Ġabra p. I-8819, punt 37), kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C-41/11, punt 40).

( 15 ) Artikolu 2(4) tal-BauGB.

( 16 ) L-ewwel sentenza tal-Artikolu 13a(1) tal-BauGB. Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza dwar l-illegalità tal-limiti ta’ daqs bħala l-uniku kriterju – fil-kuntest tad-dispożizzjoni analoga tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 – b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C-72/95, Ġabra p. I-5403); tat-22 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-301/95, Ġabra p. I-6135); tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-392/96, Ġabra p. I-5901), u tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-427/07, Ġabra p. I-6277).

( 17 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punti 46 u 47). Ara, ukoll, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-332/04, punti 77 sa 81).

( 18 ) Jiġifieri, “il-valur u l-vulnerabilità taż-żona li x’aktarx tkun milquta”.

( 19 ) Iċċitata iktar ’il fuq (punti 44 sa 47). Dan huwa rifless fid-duttrina: H. De Waele, Jurisprudentie bestuursrecht 2012 Nru 99, F. Gazin “Directive”, Europe 2012 avril comm. Nru 4 p.14; I. Koufaki: “Stratigiki ektimisi epiptoseon schedion kai programmaton sto perivallon”, Nomiko Vima 2012 p. 461 u 462; u M. Aubert et, “Chronique de jurisprudence de la CJUE. Maintien provisoire d’une norme nationale incompatible avec le droit de l’Union”, L’actualité juridique ; droit administratif 2012 p.995 u 996.

( 20 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004 (C-201/02, Ġabra p. I-723).

( 21 ) Ara l-punt 66 ta’ din is-sentenza. Ara wkoll il-kawża Leth (C-420/11), pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-assenza pura u sempliċi ta’ stima ambjentali tistax toħloq drittijiet ta’ kumpens mill-Istat. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fl-imsemmija kawża.

( 22 ) Sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010 (C-317/08 sa C-320/08, Ġabra p. I-2213, punt 49).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, Ġabra p. 629, punti 16 u 21), u tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 19).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Simmenthal (punti 22 u 23) u Factortame et (punt 20).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll il-punt 39 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża attwalment Leth, iċċitata iktar ’il fuq.

( 26 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C-275/09, Ġabra p. I-1753, punt 37), kif ukoll il-punt 39 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Leth, iċċitata iktar ’il fuq.

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punt 18), tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, Ġabra p. 4097, punt 14), u tal-11 ta’ Jannar 2001, Siples (C-226/99, Ġabra p. I-277, punt 17).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, s-sentenzi Heylens et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14), u tat-3 ta’ Diċembru 1992, Oleificio Borelli vs Il-Kummissjoni (C-97/91, Ġabra p. I-6313, punt 14).

( 29 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB (C-279/09, Ġabra p. I-13849, punti 30 u 31); id-digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry (C-457/09, Ġabra p. I-819, punt 25), kif ukoll is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf (C-69/10, Ġabra p. I-7151, punt 49). Ara, ukoll, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012 Otis et (C-199/11, punti 46 et seq).

( 30 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Santex (C-327/00, Ġabra p. I-1877, punti 57 et seq).

( 31 ) Ara l-punt 31 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż.

( 32 ) Ibidem (punt 43).

( 33 ) Ibidem (punt 45).

( 34 ) Ibidem (punt 48).

( 35 ) Ibidem (punt 49).

( 36 ) Idem.

( 37 ) Ibidem (punt 50).

( 38 ) Ibidem (punt 73).

( 39 ) Ara l-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Ara l-punt 83 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż.

( 41 ) Kif jingħad fil-punt 87 tal-osservazzjonijiet tiegħu.

( 42 ) Ara l-istess argument fil-punt 90 tal-osservazzjonijiet tiegħu.

( 43 ) Ibidem (punt 100). Il-Gvern Ġermaniż jirreferi għall-ġurisprudenza segwenti, jiġifieri s-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, Ġabra p. I-837, punt 24), u tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C-2/06, Ġabra p. I-411, punt 37).

( 44 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq (punt 64).

Top