EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CC0332

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 6 ta' Settembru 2012.
ProRail BV vs Xpedys NV et..
Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
Regolament (KE) Nru 1206/2001 - Kooperazzjoni fil-qasam tal-kisba tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali - Eżekuzzjoni diretta tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda - Ħatra ta’ espert - Inkarigu mwettaq parzjalment fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju u parzjalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.
Kawża C-332/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:551

Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

I – Introduzzjoni

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (Qorti ta’ Kassazzjoni Belġjana) titlob interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (2) .

2. Il-kwistjoni tirrigwarda dwar jekk miżura ta’ perizja ordnata f’dan il-qasam minn qorti ta’ Stat Membru (3) li trid titwettaq parzjalment fit-territorju tiegħu u parzjalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhiex, fir-rigward tal-eżekuzzjoni diretta ta’ din l-aħħar parti tal-inkarigu fdat lil espert nazzjonali, bilfors tiġi implimentata b’mod konformi mal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja previst mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001.

3. Din id-domanda qiegħda ssir fil-kuntest ta’ kawża bejn kumpanniji rregolati mid-dritt Belġjan, Ġermaniż u Olandiż wara inċident li seħħ qrib Amsterdam li kien jinvolvi ferrovija li kienet sejra mill-Belġju sal-Pajjiżi l-Baxxi, liema kawża ġiet quddiem qorti Belġjana. Din tal-aħħar, fi proċedura għal miżuri provviżorji, innominat skont ir-regoli proċedurali nazzjonali espert Belġjan li ġie inkarigat biex imexxi investigazzjoni mhux biss fil-Belġju, iżda wkoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ġiet ikkontestata minn waħda mill-kumpanniji Olandiżi kkonċernati.

4. Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk trid tiddeċiedi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1206/2001 kif ukoll dwar in-natura obbligatorja tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari meta qorti tkun trid tmexxi kumpilazzjoni ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor b’mod dirett u mhux bl-intervent ta’ qorti rikjesta f’dak l-Istat.

5. Madankollu, id-domanda preliminari tagħmel ukoll riferiment għall-prinċipju ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri l-oħrajn, li huwa stabbilit fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (4), prinċipju li fid-dawl tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tasal biex tinterpreta l-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament Nru 1206/2001

6. Il-preambolu tar-Regolament Nru 1206/2001 jipprovdi:

“(2) Sabiex is-suq intern jaħdem kif suppost, kooperazzjoni bejn qrati fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha titjieb u b’mod partikolari tkun issimplifikata u mgħaġġla.

[…]

(7) Billi huwa ħafna drabi essenzjali f’materja ċivili jew kummerċjali pendenti quddiem qorti fi Stat Membru li tiġi kumpilata x-xhieda fi Stat Membru ieħor […] Huwa għalhekk meħtieġ li jitkompla t-titjib ta’ kooperazzjoni bejn qrati ta' Stati Membri fil-qasam tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

(8) L-effiċjenza ta’ proċeduri ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali teħtieġ li t-trasmissjoni u l-eżekuzzjoni ta’ rikjesti għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda jsiru direttament u bl-aktar mezz mgħaġġel possibbli bejn qrati ta’ l-Istati Membri.

[…]

(15) Sabiex tiġi faċilitata l-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandu jkun possibbli għall-qorti fi Stat Membru, bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha, li tieħu x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor, jekk ikun aċċettat minn dan ta’ l-aħħar, u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-korp ċentrali jew awtorità kompetent ta’ l-Istat Membru mitlub.

[…]

(17) Dan ir-Regolament għandu jipprevala fuq id-disposizzjonijiet li japplikaw għall-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu, li jinsabu f’konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jadottaw xi ftehim li jiffaċilitaw aktar kooperazzjoni fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda.”

7. L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1206/2001, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1. Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili jew kummerċjali fejn il-qorti ta’ Stat Membru, bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-liġi ta’ dak l-Istat, titlob:

(a) lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tiġbor x-xhieda; jew

(b) li tiġbor x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor.

2. M’għandhiex issir talba biex tinkiseb xhieda li m’hijiex maħsuba għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, li jkunu bdew jew li hemm il-ħsieb li jinbdew.”

8. L-Artikoli 10 sa 16, li jinsabu fit-Taqsima 3 tal-istess regolament, jistabbilixxu l-metodi ta’ eżekuzzjoni ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda minn qorti rikjesta ta’ Stat Membru ieħor (metodu ta’ kooperazzjoni msejjaħ “indirett”).

9. L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1206/2001 jippreċiża li “[i]l-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha”.

10. L-Artikolu 17 tal-imsemmi Regolament, li jirregola l-eżekuzzjoni diretta tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti rikjedenti (metodu ta’ kooperazzjoni msejjaħ “dirett”), jipprovdi:

“1. Fejn qorti titlob kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor, [din] għandha tissottometti talba lill-korp ċentrali jew lill-awtorità kompetenti […] f’dak l-Istat […].

2. Kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda tista’ sseħħ biss jekk tkun eżegwita fuq bażi volontarja mingħajr il-ħtieġa għal miżuri ta’ bilfors [ta’ infurzar].

Fejn il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda timplika li persuna għandha tinstama’, l-qorti rikjedenti għandha tgħarraf lil dik il-persuna li l-eżekuzzjoni għandha sseħħ fuq bażi volontarja.

3. Il-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha tkun eżegwita minn membru tal-personal ġudizzjarju jew minn xi persuna oħra bħal ma hu espert, li se jiġi nominat, bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

[…]

5. Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda biss jekk:

(a) it-talba ma tidħolx fl-iskop ta’ dan ir-Regolament kif dikjarat fl-Artikolu 1; jew

(b) it-talba ma tikkontjenix it-tagħrif kollu meħtieġ skond l-Artikolu 4; jew

(ċ) il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda mitluba hija kontra l-prinċipji fondamentali ta’ liġi fl-Istat Membru tagħha.

6. Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet preskritti bi qbil mal-paragrafu 4, il-qorti rikjedenti għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha.”

B – Ir-Regolament Nru 44/2001

11. L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li “[t]ista’ ssir applikazzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi [kawtelatorji], skond kif jista’ jkun disponibbli permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat, permezz ta’ dan ir-Regolament, li qrati ta’ Stat Membru ieħor li jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja”.

12. L-Artikolu 32 tal-istess regolament, li jinsab fil-bidu tal-Kapitolu III, bit-titolu “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, jindika li “[g]ħall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti”.

13. Skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001, “[s]entenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali”.

III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14. Fit-22 ta’ Novembru 2008, ferrovija tal-merkanzija li kienet qiegħda tivvjaġġa mill-Belġju sa Beverwijk (il-Pajjiżi l-Baxxi) inqalbet minn fuq il-binarji qrib Amsterdam.

15. Wara dan l-inċident, infetħu proċeduri ġudizzjarji kemm quddiem il-qrati Belġjani kif ukoll quddiem il-qrati Olandiżi.

16. Il-kawża prinċipali, li hija proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-qrati Belġjani, hija bejn ProRail NV (iktar ’il quddiem “ProRail”) u erba’ kumpanniji oħrajn li għandhom konnessjoni mal-inċident imsemmi hawn fuq, jiġifieri Xpedys NV (iktar ’il quddiem “Xpedys”), FAG Kugelfischer GmbH (iktar ’il quddiem “FAG”), DB Schenker Rail Nederland NV (iktar ’il quddiem “DB Schenker”) u Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen NV (il-kumpannija nazzjonali tal-linji tal-ferroviji Belġjani, iktar ’il quddiem l-“SNCB”) u.

17. ProRail hija kumpannija b’sede f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi) li tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-linji tal-ferroviji prinċipali fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, fuq din il-bażi, tidħol f’kuntratti ta’ aċċess ma’ impriżi tat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari mal-kumpannija DB Schenker.

18. DB Schenker, li wkoll għandha s-sede tagħha f’Utrecht, hija kumpannija tat-trasport privata li l-flotta ta’ ferroviji tagħha tikkonsisti f’vaguni inizjalment mikrija mingħand SNCB, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt pubbliku b’sede fi Brussell (il-Belġju).

19. Skont DB Schenker u l-SNCB, Xpedys, li s-sede tagħha tinsab f’muniċipalità ta’ Brussell jiġifieri Anderlecht (il-Belġju), assumiet il-kwalità ta’ kerrejja tal-vaguni miżmuma minn DB Schenker sa mill-1 ta’ Mejju 2008.

20. FAG, li għandha s-sede tagħha fi Schweinfurt (il-Ġermanja), tispeċjalizza fil-kostruzzjoni ta’ partijiet ta’ vaguni.

21. Fil-11 ta’ Frar 2009, il-kumpannija tat-trasport, DB Schenker, ressqet proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-president tar-rechtbank van koophandel te Brussel (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Brussell), kontra Xpedys u l-SNCB fil-kwalità tagħhom ta’ kerrejja ta’ parti tal-vaguni involuti fl-inċident imsemmi hawn fuq, bil-għan li jinħatar espert. ProRail u FAG intervjenew fil-proċedura. Fil-kuntest ta’ dan l-intervent, ProRail talbet lill-imsemmija qorti biex tiddikjara t-talba għall-ħatra ta’ espert bħala infondata jew, f’każ fejn jinħatar espert, li l-inkarigu tiegħu jiġi llimitat għall-konstatazzjoni tad-dannu mġarrab mill-vaguni, li ma tiġix ordnata investigazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju Olandiż u li jiġi odnat li jwettaq l-inkarigu tiegħu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1206/2001.

22. Fis-26 ta’ Marzu 2009, ProRail ressqet quddiem qorti Olandiża, jiġifieri l-r-Rechtbank Utrecht, proċedura dwar il-mertu kontra DB Schenker u Xpedys, bil-għan li tikseb dikjarazzjoni li din il-kumpannija tat-trasport u l-kumpannija li hija l-proprjetarja u l-kerrejja tal-vaguni involuti fl-inċident huma responsabbli għall-ħsara mġarrba min-netwerk ferrovjarju tagħha u biex jikkumpensawha fuq din il-bażi.

23. B’digriet tal-5 ta’ Mejju 2009, il-president tar-rechtbank van koophandel te Brussel iddikjara t-talba ta’ DB Schenker fondata u ħatar espert waqt li ddefinixxa l-portata tal-inkarigu tiegħu, li kellu jitwettaq fil-biċċa l-kbira fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-kuntest ta’ dak l-inkarigu, wara li jkun stieden lill-partijiet biex jassistu għall-ħidma tiegħu, l-espert kellu jagħmel aċċess fuq il-post tal-inċident fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll f’kull post fejn seta’ jagħmel konstatazzjonijiet utli. Barra minn hekk, huwa ġie msejjaħ, minn naħa waħda, biex jiddetermina l-manifattur u l-istat ta’ ċerti elementi tekniċi tal-vaguni. Huwa ntalab ukoll jagħti l-parir tiegħu fuq il-ħsarat imġarrba mill-vaguni u dwar il-kobor tad-dannu. Finalment, l-espert kellu jeżamina n-netwerk u l-infrastruttura ferrovjarji amministrati minn ProRail u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar jekk u sa liema grad din l-infrastruttura setgħet ukoll kienet il-kaġun ta’ dak l-inċident.

24. ProRail ressqet appell kontra dan id-digriet, quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) fejn talbet, fuq bażi prinċipali, li l-ħatra ta’ espert tiġi ddikjarata bħala infondata jew, sussidjarjament, li l-inkarigu tal-espert Belġjan jiġi llimitata għall-konstatazzjoni tal-ħsara sa fejn din setgħet issir fil-Belġju, u li ta’ mill-inqas jiġi ordnat li l-espert iwettaq id-dmirijiet tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi biss fil-kuntest tal-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1206/2001.

25. Fl-20 ta’ Jannar 2010, il-hof van beroep te Brussel ċaħdet dan ir-rikors, fuq il-bażi li r-Regolament Nru 1206/2001 ma kienx applikabbli peress li, minn naħa, ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 1 ma kien preżenti f’dan il-każ, u min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni ta’ ProRail li ma setax jiġi inkarigat espert biex iwettaq investigazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ħlief skont l-imsemmi regolament kienet infondata.

26. ProRail ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju minn din id-deċiżjoni tal-hof van beroep te Brussel, fejn invokat ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 kif ukoll tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001.

27. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-Artikoli 1 u 17 tar-Regolam ent Nru 1206/2001 jirriżulta li meta qorti ta’ Stat Membru tkun tixtieq tipproċedi għal kumpilazzjoni ta’ xhieda, bħal investigazzjoni mmexxija minn espert, direttament fi Stat Membru ieħor, għandha tintalab awtorizzazzjoni minn qabel mingħand dan l-Istat. Hija ssemmi li l-motivi tal-kassazzjoni ppreżentati minn ProRail huma bbażati wkoll fuq qari a contrario tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, li minnu jirriżulta li tali kumpilazzjoni ta’ xhieda ma jistax ikollha effett extra-territorjali fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni mingħand l-Istat fejn ikollha ssir. Finalment, il-qorti tar-riniju tistaqsi dwar l-effett, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001 li jistabbilixxi li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru huma rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura.

28. F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni ppreżentata fit-30 ta’ Ġunju 2011, il-Hof van Cassatie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikoli 1 u 17 tarRegolament [Nru 1206/2001] għandhom, fid-dawl b’mod partikolari tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f'materji ċivili u kummerċjali kif ukoll tal-prinċipju li jgħid li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru huma rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr forma oħra ta’ proċedura, prinċipju stabbilit fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament [Nru 44/2001], jiġu interpretati fis-sens li l-qorti li tordna inkjesta ġudizzjarja fdata lil espert li l-missjoni tiegħu għandha tiġi eżegwita parzjalment fuq it-territorju tal-Istat Membru fejn tinsab il-qorti, iżda wkoll parzjalment fi Stat Membru ieħor għandu, għall-eżekuzzjoni diretta ta’ din l-aħħar parti, unikament u għalhekk esklużivament juża l-proċedura stabbilita mir-regolament iċċitat iktar ’il fuq u msemmija fl-Artikolu 17 jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-espert maħtur minn dan l-Istat jista’ jkun ukoll, barra mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1206/2001], responsabbli għall-inkjesta li għandha ssir parzjalment fi Stat Membru ieħor fl-Unjoni Ewropea?”

29. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn ProRail, Xpedys, DB Schenker u l-SNCB konġuntament (iktar ’il quddiem “Xpedys et ”), mill-Gvernijiet tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja u tal-Portugall, mill-Konfederazzjoni Żvizzera, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta.

IV – Analiżi

A – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

30. Xpedys et jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jargumentaw li din hija ta’ natura purament ipotetika u hija irrelevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li r-Regolament Nru 1206/2001 ma huwiex applikabbli f’din il-kawża.

31. Insostenn tal-kontestazzjoni tagħhom, Xpedys et jinvokaw erba’ lmenti. L-ewwel wieħed fosthom huwa bbażat fuq il-fatt li l-inizjattiva tal-perizja transkonfinali ttieħdet minn waħda mill-partijiet fl-kawża, u mhux mill-qorti, waqt li t-test tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 jimponi li din l-inizjattiva tiġi minn “qorti” tal-Istat Membru rikjedenti. It-tieni wieħed jallega li quddiem il-qorti adita bi proċedura għal miżuri provviżorji ntalbet biss il-ħatra ta’ espert, waqt li dawk l-artikoli u l-premessa 7 tal-imsemmi regolament jeżiġu li l-kumpilazzjoni ta’ xhieda tkun meħtieġa sabiex il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-mertu. It-tielet ilment huwa bbażat fuq l-idea li ma hemmx lok li jiġi applikat dan ir-regolament meta, bħal f’din il-kawża, ma jkunx hemm kwistjoni dwar l-eżerċitar ta’ setgħa pubblika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, waqt li l-awtorizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma hijiex meħtieġa biex titwettaq il-perizja. Ir-raba’ ilment huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 fil-kuntest tal-kawża prinċipali estendiet it-tul tal-proċedura, li hija l-oppost tal-objettivi ddikjarati fil-premessa 2 tal-istess Regolament, jiġifieri s-simplifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-kisba tal-provi.

32. Jidhirli li dawn l-aħħar żewġ ilmenti jirreferu għal kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kwistjoni ta’ eventwali ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u huma pjuttost relatati mal-mertu ta’ din il-kawża.

33. Fir-rigward tal-ewwel żewġ ilmenti fformulati minn Xpedys et , infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita (5) li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti nazzjonali tinsab fl-aħjar pożizzjoni, fir-rigward tad-dettalji partikolari tal-kawża, biex tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti sentenza kif ukoll ir-relevanza tad-domanda li tkun trid tagħmel. Meta din tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tiddeċiedi, ħlief jekk jidhrilha b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-kwistjoni ssollevata tkun ta’ natura purament ipotetika.

34. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Effettivament, it-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi b’mod suffiċjenti kif l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 tista’ tkun utli sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali inkwantu s-sentenza li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkjarifika għall-qorti tar-rinviju l-punt dwar jekk il-parti tal-perizja mwettqa fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-oriġini tal-inċident ferrovjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-kobor tad-dannu li rriżulta, għandhiex issir skont ir-regoli proċedurali Belġjani jew skont ir-Regolament Nru 1206/2001. 

35. Ma’ dan inżid li jidhirli li l-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 b’ebda mod ma jimponu li d-deċiżjoni li ssir kumpilazzjoni ta’ xhieda direttament fi Stat Membru ieħor tkun ittieħdet ex ufficio mill-qorti tal-Istat rikjedenti li tordnaha. Huma ma jeskludux li tali att oriġinarjament ikun intalab minn din il-qorti mill-partijiet fil-kawża, li ġeneralment huwa l-każ fil-prattika, peress li waħda minnhom ikollha interess li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fatti li jkunu kkontestati mill-oħra għall-finijiet li turi l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tagħha.

36. Barra minn hekk, jidhirli li huwa irrelevanti li l-kumpilazzjoni ta’ xhieda ma tkunx ġiet deċiża matul proċedura dwar il-mertu, iżda fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji li l-uniku skop tagħha jkun il-ħatra ta’ espert. L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1206/2001 jeżiġi biss li l-mezzi ta’ prova mfittxija għandhom ikunu “maħsuba għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, li jkunu bdew jew li hemm il-ħsieb li jinbdew”. Kif indikat ġustament il-Kummissjoni fil-Gwida għall-Prattika tagħha, dan l-aħħar terminu jippermetti li jiġu inklużi l-atti ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda li jseħħu qabel il-ftuħ eventwali tal-proċedura dwar il-mertu, li matulha l-provi miġbura effettivament jintużaw, b’mod partikolari f’każijiet fejn ikun neċessarju li jinkisbu provi li sussegwentement jistgħu jkunu inaċċessibbli (6) . Peress li miżura ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda transkonfinali in futurum bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali (7) ċertament taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001, it-talba għal deċiżjoni preliminari b’hekk ma hijiex inammissibbli fuq din il-bażi.

B – Fuq il-mertu

1. Fuq in-nuqqas ta’ effett tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001

37. Skont id-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001. Madankollu, hija tirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 u b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ effett legali sħiħ tad-deċiżjonijiet mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali mill-qrati tad-diversi Stati Membri, li huwa stabbilit fl-Artikou 33(1) ta’ dan l-aħħar regolament (8) . Hija b’hekk tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk dawn l-ewwel żewġ artikoli għandhomx jiġu interpretati waqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni “b’mod partikolari” id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 u ta’ dak il-prinċipju.

38. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konnessjoni bejn ir-Regolament Nru 1206/2001 u r-Regolament Nru 44/2001 inbdiet minn ProRail, li l-appell tagħha, skont il-Hof van Cassatie, jinvoka l-ksur mhux biss tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001, iżda wkoll tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdi li miżuri provviżorji jew kawtelatorji jistgħu jintalbu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru anki jekk il-qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha kompetenza biex tiddeċiedi dwar il-mertu. Jidher li ProRail riedet tiddeduċi minn dan l-aħħar artikolu li s-setgħa li tiġi ordnata perizja hija kompetenza esklużiva tal-qrati tal-post fejn ikollha tiġi eżegwita u, a contrario , li tali miżura ma għandhiex effett extraterritorjali fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni mill-Istat Membru fejn ikollha ssir il-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

39. Il-Konfederazzjoni Żvizzera, li għandha interess fl-interpretazzjoni li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001 minħabba s-similarità li hemm bejn id-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-konvenzjoni imsejjħa ta’ Lugano (9), ħadet pożizzjoni biss f’dan ir-rigward. Hija ssostni li l-miżura li permezz tagħha qorti tinkariga lil espert biex jeżegwixxi investigazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor la hija miżura provviżorja u lanqas kawtelatorja fis-sens tal-Artikolu 31 du Regolament Nru 44/2001, għar-raġuni li tali miżura ma tistax tipproduċi effetti extraterritorjali, u lanqas deċiżjoni li tista’ tiġi rrikonoxxuta jew eżegwita fis-sens tal-Artikolu 32 ta’ dan l-istess Regolament (10) .

40. Madankollu, peress li l-ebda wieħed minn dawn l-artikoli ma ssemma espressament mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari li hija għamlet u fil-motivi li hija ressqet insostenn ta’ dik id-domanda, jidhirli li ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni fuq dawn il-punti, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita (11) .

41. Fir-rigward tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li hija l-unika dispożizzjoni ċċitata fid-domanda preliminari, jidhirli, bl-istess mod bħall-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Gvernijiet tal-Istati Membri li pprovdew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, li dan it-test ma jistax jipprovdi elementi adegwati għal interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 f’din il-kawża.

42. Effettivament, il-problema ssollevata f’din il-kawża tirrigwarda biss il-kamp u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 u mhux tar-Regolament Nru 44/2001. Peress li l-ewwel minn dawn l-instrumenti jikkostitwixxi lex posterior (12) fil-konfront tat-tieni wieħed kif ukoll lex specialis , f’dak li jirrigwarda l-assistenza ġudizzjarja fil-qasam speċifiku tal-kisba tal-provi, fil-fehma tiegħi ma huwiex rilevanti li r-Regolament Nru 1206/2001 jiġi interpretat fid-dawl tar-Regolament Nru 44/2001 (13) .

2. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001

43. Nirrileva fl-ewwel lok li huwa inkontestabbli li kumpilazzjoni ta’ xhieda bħal perizja ġudizzjarja taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1206/2001, anki jekk il-kunċett ta’ prova li tista’ tinkiseb skont l-dan ir-regolament (14) ma huwiex iddefinit minnu (15) . Dan jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi li kumpilazzjoni ta’ xhieda tista’ tiġi eżegwita direttament fi Stat Membru ieħor mill-qorti rikjedenti li tista’ tiġi rappreżentata minn kwalunkwe persuna, “bħal ma hu espert” (16), maħtur b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ din il-qorti.

44. Il-kwistjoni li tqum f’din il-kawża hija dwar jekk jirriżultax minn qari flimkien tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 li meta qorti ta’ Stat Membru tkun beħsiebha tipproċedi għal kumpilazzjoni ta’ xhieda bħal inkarigu ta’ investigazzjoni fdat lil espert direttament fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, hija għandha neċessarjament titlob awtorizzazzjoni minn qabel mingħand dan l-aħħar Stat b’mod konformi ma’ dak l-Artikolu 17 jew jekk hija tista’ tagħżel li tordna tali perizja fuq il-bażi tar-regoli proċedurali nazzjonali tal- forum (17) .

45. L-opinjonijiet tal-osservaturi li ħadu pożizzjoni fuq dan il-punt huma diverġenti. Waqt li ProRail u l-Gvernijiet ta-Istati Membri li intervjenew fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li għandu jiġi applikat biss l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001, Xpedys et u l-Kummissjoni jsostnu li modalitajiet oħrajn ta’ eżekuzzjoni diretta ta’ tali kumpilazzjoni ta’ xhieda għandhom jibqgħu possibbli f’ċerti każijiet.

46. Nenfasizza li teżisti prossimità iżda mhux identiċità bejn din il-problema u dik sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Lippens (18), li għadha pendenti, fejn ippreżentajt ukoll konklużjonijiet. Għalkemm dik il-kawża tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1206/2001, u b’mod partikolari n-natura obbligatorja jew le tal-applikazzjoni taż-żewġ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni – wieħed dirett u l-ieħor indirett – li huma previsti minnu, il-kwistjonijiet huma kemmxejn differenti. Effettivament, fl-imsemmija kawża Lippens et , il-kawża prinċipali kienet tirrigwarda s-smigħ ordnat minn qorti ta’ Stat Membru ta’ xhieda residenti fi Stat Membru ieħor li ġew imsejħa biex jidhru quddiemha. Għall-kuntrarju, miżura ta’ perizja li, bħal f’din il-kawża, għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor, tista’ tkun teħtieġ intrużjoni kunsiderevoli f’dan it-territorju. Madankollu, jidhirli li r-raġunament li għandu jiġi segwit fir-rigward tal-applikabbiltà sistematika jew le tar-Regolament Nru 1206/2001 għandu jkun l-istess, irrispettivament mit-tip ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda inkwistjoni.

47. Il-prinċipju sottostanti f’dan il-qasam huwa dak tas-sovranità territorjali tal-Istati Membri, kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq Lippens et (19) . Tradizzjonalment, l-eżerċitar tas-setgħa pubblika huwa ta’ natura territorjali. Fil-prinċipju ma huwiex possibbli li din tintuża barra mill-Istat Membru tal-qorti jew tal-awtorità nazzjonali, ħlief bil-kunsens tas-“sovran” lokali, jiġifieri bil-kunsens tal-awtoritjiet tal-Istat Membru l-ieħor li fit-territorju tiegħu jkollha tintuża din is-setgħa.

48. Ir-Regolament Nru 1206/2001 jikkumbatti l-kompartimentalizzazjoni tas-setgħat fi ħdan l-Unjoni, billi jiffaċilita l-moviment tal-persuni li għandhom jieħdu sehem f’kumpilazzjoni ta’ xhieda u, b’dan il-mod, it-trażmissjoni ta’ provi minn Stat Membru lejn ieħor, fuq il-bażi ta’ fiduċja reċiproka. B’mod partikolari, deher li t-twettiq ta’ perizja fi Stat Membru ieħor lil hinn minn dan il-qafas seta’ jmur kontra l-fatt li ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali jillimitaw il-parteċipazzjoni attiva ta’ membru jew ta’ rappreżentant tal-qorti rikjedenti (20) .

49. Fid-dawl taż-żewġ objettivi prinċipali ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri, fl-ewwel lok, is-simplifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, fit-tieni lok, l-aċċelerazzjoni tal-kisba tal-provi (21), inqis li meta ma jkunx konkretament neċessarju li tintuża s-setgħa ġudizzjarja fi Stat Membru ieħor sabiex jinġabar mezz ta’ prova, ma huwiex obbligatorju għal qorti li tordna kumpilazzjoni ta’ xhieda biex timplimenta wieħed miż-żewġ mekkaniżmi ta’ assistenza ġudizzjarja ssimplifikata li huma previsti minn dan ir-regolament (22) .

50. Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni attwali taż-żewġ artikoli tar-Regolament Nru 1206/2001 li l-interpretazjoni tagħhom hija mitluba mil-qorti tar-rinviju ma tikkontradixxix din il-fehma. L-Artikolu 1(1)(b) tal-imsemmi regolament jindika li huwa biss “ fejn il-qorti ta’ Stat Membru […] titlob […] li tiġbor x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor” (23) li għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dawk tal-Artikolu 17 (24) . Dan jipprovdi li l-eżekuzzjoni diretta ta’ tali atti mill-qorti rikjedenti li tintervjeni f’dan il-kuntest għandha tkun ippreċeduta b’talba quddiem il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikollhom jinġabru l-provi (25) . Għall-kuntrarju, jekk qorti ma jkunx beħsiebha tirrikorri għal dan il-metodu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, għaliex tqis li l-għajnuna tal-awtoritajiet lokali ma hijiex indispensabbli sabiex issir sew il-kumpilazzjoni ta’ xhieda ordnata minnha, hija ma hijiex obbligata li tirrispetta l-formalitajiet previsti mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001.

51. Jirriżulta mill-ħidmiet preparatorji tar-Regolament Nru 1206/2001 li inizjalment kien previst, fil-proposta ta’ test abbozzata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (26), li l-miżuri ta’ perizja li għandhom jiġu eżegwiti direttament fi Stat Membru ieħor ikunu suġġetti għal trattament partikolari. Effettivament, l-Artikolu 1(3) tal-imsemmija proposta kien jipprovdi li perizja tista’ ssir fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni jew tingħata informazzjoni minn qabel mingħand dak l-Istat mill-qorti li tkun iddeċidiet li tordna din il-kumpilazzjoni ta’ xhieda (27) . Minkejja rapport konformi tal-Parlament (28), kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (29) u l-opinjoni ulterjuri tal-Parlament (30) li wkoll kienu konformi, din id-dispożizzjoni tneħħiet mill-verżjoni finali adottata fit-28 ta’ Mejju 2001 mill-Kunsill (31) .

52. Għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw ċerti osservaturi, peress li dawk l-elementi jikkonċernaw il-ġenesi tar-Regolament Nru 1206/2001, dawn ma jpoġġux f’dubju l-analiżi li nipproponi li għandha tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm finalment ma huwiex l-approċċ inizjali li adotta l-leġiżlatur tal-Unjoni, ma huwiex inkonċepibbli li ċerti miżuri ta’ perizja li għandhom jitwettqu fi Stat Membru ieħor jistgħu madankollu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001, jiġifieri dawk li għalihom l-esperti ġew maħtura għall-fini li jwettqu inkarigu li ma jeħtiġx li jintalab il-kunsens tal-awtoritajiet ġudizzjarji lokali biex ikun jista’ jitwettaq bis-sħiħ.

53. Il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tikkontradixxi l-analiżi tiegħi. Nosserva li s-sentenza St. Paul Dairy (32) hija invokata minn ProRail, li hija tal-fehma li din is-sentenza tistabbilixxi obbligu li jiġi applikat ir-Regolament Nru 1206/2001 “sabiex tinġabar prova (permezz ta’ smigħ ta’ xhud u aċċess fuq il-post, f’dan il-każ)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, fil-fehma tiegħi tali qari ta’ din is-sentenza huwa żbaljat, kif diġà wrejt fil-konklużjonijiet ippreżentati fis-senenza Lippens et (33) .

54. Huwa minnu li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni diretta prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 tista’ tiġi implimentata biss fuq bażi volontarja (34), għall-kuntrarju tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni indiretta, fejn huma possibbli miżuri ta’ infurzar, skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-persuni kkonċernati minn perizja jistgħu jaċċettaw li jissottomettu ruħhom spontanjament għal din il-miżura u li jikkooperaw mal-espert, anki jekk dan ma jidhirx li kien il-każ fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ ProRail.

55. Il-kriterju li huwa determinanti biex jiġi stabbilit f’liema każijiet ir-Regolament Nru 1206/2001 għandu neċessarjament jiġi applikat minn qorti ta’ Stat Membru huwa, fil-fehma tiegħi, dak relatat mal-ħtieġa tiegħu li jikseb il-kollaborazzjoni, mhux tal-partijiet fil-kawża, iżda tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru l-ieħor fejn ikollha ssir il-perizja.

56. Għaldaqstant, jien inqis li għandha ssir distinzjoni skont jekk l-espert maħtur minn qorti ta’ Stat Membru għandux juża jew le l-prerogattivi tal-awtorità pubblika ta’ Stat Membru ieħor, skont l-evalwazzjoni in concreto li ssir minn din il-qorti.

57. Jekk espert isib ruħu f’sitwazzjoni fejn ikun inkarigat li jwettaq kompiti ta’ spezzjoni u li jiġbed konklużjonijiet tekniċi f’kundizzjonijiet li jkunu permessi għal kullħadd għaliex ikunu jirrigwardaw affarijiet, informazzjoni jew postijiet aċċessibbli għall-pubbliku, jidhirli li ma huwiex meħtieġ li tali atti ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda jsiru skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001. Effettivament, l-atti li ma jaffettwawx is-sovranità tal-Istat Membru fejn ikollhom jinġabru l-provi u li b’hekk ma jeħtiġux l-għajnuna tal-awtoritajiet ġudizzjarji lokali jistgħu ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001. Fil-fehma tiegħi, f’tali każ, ikun hemm sempliċi fakultà li jiġi implimentat il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit mill-imsemmi Artikolu 17. Jekk il-qorti li tordna din il-perizja jidhrilha li huwa iktar opportun li tirrikorri għar-regoli proċedurali nazzjonali, hija tista’ tuża dan il-mekkaniżmu, iżda ma hijiex obbligata u tista’ tagħżel li ma tużahx jekk hija ma jkollhiex bżonn il-kooperazzjoni u s-setgħa eżekuttiva tal-Istat Membru tal-post fejn ikollu jitwettaq l-inkarigu assenjat.

58. Fl-osservazzjonijiet li ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni wkoll kienet tal-fehma li r-Regolament Nru 1206/2001 ma għandux l-objettiv li jeskludi jew li jimponi a priori ċerti forom jew modalitajiet ta’ kisba tal-provi. Hija ġustament iddeduċiet li qorti ta’ Stat Membru għandha tkun libera li tordna li ssir perizja fi Stat Membru ieħor mingħajr ma ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, jiġifieri mingħajr ma tintalab l-għajnuna tal-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ieħor, “kemm-il darba” t-twettiq ta’ din il-parti tal-perizja ma tkunx teħtieġ il-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikollha ssir.

59. Min-naħa l-oħra, jekk sabiex iwettaq l-inkarigu tiegħu, l-espert ikollu bżonn aċċess għal oġġetti, informazzjoni jew postijiet mhux pubbliċi, ikun meħtieġ li jikseb l-għajnuna tal-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ieħor. F’din l-ipoteżi, fejn tiġi eżerċitata setgħa ġudizzjarja b’effett estern, jiġifieri fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni diretta (35) prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 trid tiġi applikata bilfors sabiex tinkiseb il-kooperazzjoni tal-Istat Membru rikjest u sabiex jinkiseb il-benefiċċju tal-karatteristiċi tas-setgħa kollha li jirriżultaw (36) .

60. Jidhirli li dan huwa l-każ f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali. Effettivament, l-aċċess għall-installazzjonijiet tan-netwerk ferrovjarju, li huwa ċertament ristrett minn liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ traffiku u b’mod speċjali ta’ sigurtà, jeħtieġ l-użu ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Għalkemm ProRail għandha l-użu ta’ dan in-netwerk bħala ġestjonarja tal-infrastruttura kkonernata, il-kunsens ta’ din il-kumpannija rregolata mid-dritt privat (37) ma huwiex biżżejjed, fid-dawl tan-natura pubblika tal-atti meħtieġa għat-twettiq ta’ dik il-missjoni. Peress li, fil-fehma tiegħi, il-qrati Belġjani jeħtieġu għaldaqstant il-kunsens tal-awtoritajiet ġudizzjarji Olandiżi sabiex l-inkarigu mogħti lill-espert ikun jista’ jiġi eżegwit direttament fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, inqis li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 kellu jiġi implementat f’dan il-każ (38) .

61. Ma jkunx hemm riskju li jintilef l-effett utli tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 jekk l-interpretazzjoni li nipproponi tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ninnota li ProRail issostni li l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament ma kienx ikollha skop kieku l-Istati Membri ma kinux marbuta bih. Madankollu, jidhirli li, meta titpoġġa b’dawk it-termini, il-problema tiġi żnaturata. Ir-Regolament Nru 1206/2001 tabilħaqq għandu effett obbligatorju, iżda biss fil-qasam li jikkorrispondi għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri fil-fehma tiegħi huwa applikabbli biss f’każijiet fejn il-kollaborazzjoni ta’ Stat Membru ieħor tkun konkretament neċessarja biex tippermetti jew ittejjeb il-kisba tal-provi, u b’hekk tintalab minn qorti ta’ Stat Membru.

62. Fil-fehma tiegħi jkun żbaljat, u jwassal ukoll għas-sens oppost, jekk jitqies, kif targumenta ProRail, li minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1206/2001 ma għadux possibbli li jinħatru esperti inkarigati li jwettqu investigazzjonijiet f’pajjiżi barranin mingħajr ma jiġu applikati sistematikament il-mekkaniżmi previsti minn dan ir-regolament. Effettivament, l-għan tar-Regolament Nru 1206/2001 ma huwiex li jirrestrinġi l-possibiltajiet ta’ azzjoni tal-qrati nazzjonali fil-qasam tal-kisba tal-provi, billi jeskludi l-metodi l-oħrajn ta’ inkjesta, iżda għall-kuntrarju li jsaħħaħ dawk il-possibbiltajiet, billi joħloq alternattiva li tiffavorixxi l-kooperazzjoni bejn dawk il-qrati meta jkun meħtieġ, jiġifieri meta l-qorti adita jidhrilha li l-mezzi pprovduti minn dan ir-regolament huma l-aktar effikaċi.

63. Tali għażla tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li skont l-Artiolu 21(2) tar-Regolament Nru 1206/2001 (39), il-konvenzjonijiet internazzjonali jibqgħu applikabbli bejn l-Istati Membri jekk dawn jippermettu eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda li tkun “aktar” effikaċi mill-mekkaniżmi previsti minnu, kemm-il darba jkunu kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, kif diġà rrilevajt fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Lippens et. iċċitata iktar ’il fuq.

64. Għandu jingħad ukoll li dan l-approċċ funzjonali tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 huwa konformi mal-kunċett adottat f’test ulterjuri, jiġifieri, ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (40), li l-Artikolu 9 tiegħu jipprovdi li l-qorti adita għandha tiddetermina l-mezzi għall-ġbir ta’ provi u l-portata ta’ provi indispensabbli għad-deċiżjoni tagħha fil-kuntest tar-regoli applikabbli għall-ammissibbiltà tal-provi u li fuq din il-bażi, hija għandha tagħżel il-mekkaniżmu ta’ kisba tal-provi l-iktar sempliċi u l-inqas restrittiv. Fil-fehma tiegħi l-istess għandu japplika għall-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001.

V – Konklużjoni

65. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari magħmula mill-Hof van Cassatie:

“L-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta qorti ta’ Stat Membru tordna kumpilazzjoni ta’ xhieda li tiġi fdata lil espert, li l-inkarigu tiegħu jkollu jitwettaq parzjalment fit-territorju tal-Istat Membru ta’ din il-qorti u parzjalment fi Stat Membru ieħor, din il-qorti tista’ tagħżel li taħtar l-espert sabiex jipproċedi direttament għal din l-aħħar parti tal-inkarigu tiegħu, jew billi tuża l-proċedura ta’ eżkuzzjoni diretta mill-qorti rikjedenti li hija prevista fl-istess Artikolu 17, jew mingħajr ma tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, kemm-il darba t-twettiq ta’ din il-parti tal-perizja ma jkunx jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikollha ssir.”

(1) .

(2) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121.

(3) – F’dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ “Stat Membru” jirreferi għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1206/2001.

(4) – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

(5)  – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz (C-65/09 u C-87/09, Ġabra p. I-5257, punti 35 et seq .), kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et (C-84/11, punti 16 u 17).

(6)  – Punt 10 tal-Gwida għall-Prattika għall-applikazzjoni tar-regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, li kienet ġiet ifformulata mis-servizzi tal-Kummissjoni b’konsultazzjoni man-netwerk ġudizzjarju Ewropew dwar materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“Gwida għall-prattika”, dokument aċċessibbli fuq l-Internet fuq dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/civiljustice/evidence/evidence_ec_guide_mt.pdf).

(7)  – Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha quddiemha rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dan it-tip ta’ miżuri. Fir-rigward tal-Artikolu 24 tal-konvenzjoni ffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Brussell”), ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2005, St. Paul Dairy (C-104/03, Ġabra p. I-3481, punt 13), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’din il-kawża (speċjlment il-punt 32, li jikkonċerna l-objettivi possibbli ta’ dawk il-miżuri fid-dawl tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri). Fir-rigward tar-Regolament Nru 1206/2001, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li wasslet għad-digriet ta’ tħassir tas-27 ta’ Settembru 2007, Tedesco (C-175/06, Ġabra p. I-7929, punti 76 et seq .).

(8)  – Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi li “[i]l-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim”.

(9)  – Konvenzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988 (ĠU 1988, L 319, p. 9), kif riveduta bil-konvenzjoni ffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 [ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/712/KE, tal-15 ta’ Ottubru 2007, dwar l-iffirmar ta’ din tal-aħħar, f’isem il-Komunità Ewropea (ĠU L 339, p. 1)], li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2011, u torbot lill-Komunità, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera.

(10)  – F’dan ir-rigwad, hija tibbaża, b’analoġija, fuq ir-rapport imfassal minn P. Schlosser dwar il-konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni ta’ Brussell imsemmija hawn fuq, kif ukoll mal-protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71, ara speċjalment il-punt 187), fejn l-Artikolu 25 ta’ din il-konvenzjoni huwa ekwivalenti għall-imsemmi Artikolu 32.

(11) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-17 ta’ Lulju 1997, Affish (C-183/95, Ġabra p. I-4315, punt 24), u tal-14 ta’ Diċembru 2000, AMID (C-141/99, Ġabra p. I-11619, punt 18).

(12)  – Fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża St. Paul Dairy, iċċitati iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer isemmi li “f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regolament il-ġdid [Nru 1206/2001] jipprevali […] fuq dan tal-aħħar, b’mod konformi mal-prinċipju tas-suċċessjoni tar-regoli ġuridiċi ( lex posterior derogat priori )” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

(13)  – Ara b’analoġija, l-istudju li sar fuq talba tal-Parlament Ewropew bl-isem “Interpretazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku kif prevista mill-istrumenti tad-dritt internazzjonali privat u mid-dritt proċedurali tal-Unjoni Ewropea”, Brussell, 2011, li jgħid li “hemm tendenza manifesta ta’ kontroreferenza bejn id-diversi strumenti f’dak li jirrigwada l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku. […] Madankollu, kull trasferiment jeħtieġ ċirkustanzi fattwali u ġuridiċi sottostanti simili” [traduzzjoni libera], li jidher li ma huwiex il-każ fir-rigward tar-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1206/2001 (disponibbli fuq l-Internet fuq l-indirizz li ġej: http://www.europarl.europa.eu/studies, dokument 453.189, p. 14 u 137).

(14)  – Fil-Gwida għall-prattika tagħha msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat li dan il-kunċett “jinkludi pereżempju smigħ ta’ xhieda ta’ fatti, ta’ partijiet, ta’ esperti, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti, verifiki, stabbiliment ta’ fatti […]” (punt 8, kif ukoll fir-rigward tal-perizji, il-punti 17, 37 u 55).

(15)  – Dan in-nuqqas ta’ definizzjoni joħloq problemi fil-prattika, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ perizja, skont ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 [COM(2007) 769 finali, punt 2.9].

(16)  – Ara wkoll, fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni indiretta tal-kumpliazzjoni ta’ xhieda, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1206/2001.

(17)  – Infakkar li fil-kawża prinċipali, il-perizja li kellha ssir prinċipalment fit-territorju Olandiż ġiet ordnata minn qorti Belġjana fuq il-bażi tal-Artikolu 962 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, li jipprovdi li “il-qorti tista’, fid-dawl tas-soluzzjoni ta’ kawża mressqa quddiemha jew f’każ ta’ theddida objettiva u attwali ta’ kawża, tinkariga esperti biex jipproċedu għal konstatazzjonijiet jew biex jagħtu parir ta’ natura teknika”.

(18) – Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012 (C-170/11).

(19)  – Ara l-punt 54 kif ukoll is-sorsi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 tal-imsemmija konklużjonijiet.

(20)  – B’hekk, fl-Italja, fil-Lussembrugu u fl-Isvezja, din il-parteċipazzjoni attiva hija rrifjutata, skont in-nota tal-Kunsill tat-28 ta’ Lulju 2000 li tiġbor fil-qosor ir-risposti mogħtija mid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju dwar il-possibbiltà ta’ strument tal-Unjoni intiż sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġbir tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali (10651/00 JUSTCIV 85, p. 10, punt 9).

(21)  – Kif ifakkar ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq [COM(2007) 769 finali]. Ara wkoll il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1206/2001.

(22)  – Għal spjegazzjoni taż-żewġ metodi ta’ assistenza ġudizzjarja, ara, b’mod partikolari, il-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lippens et , iċċitati iktar ’il fuq

(23) – Kliem enfasizzat minni.

(24)  – Dawn id-dispożizzjonijiet huma mħabbra fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 1206/2001.

(25)  – Fuq il-karatteristiċi rispettivi tal-imsemmija korp ċentrali u awtorità kompetenti, ara l-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 1206/2001.

(26)  – Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-għan li jiġi adottat Regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġbir ta’ provi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2000, C 314, p. 1).

(27)  – “Bħala regola ġenerali, il-kumpilazzjoni ta’ xhieda ma tistax tintalab jekk il-qorti ta’ Stat Membru tkun tixtieq li espert imexxi investigazzjonijiet fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, l-espert jista’ jinħatar direttament mill-qorti ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma jkun meħtieġ li tintalab awtorizzazzjoni jew tingħata informazzjoni minn qabel lill-Istat Membru l-ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

(28)  – Din id-dispożizzjoni, għall-kuntrarju tal-oħrajn, ma kinitx is-suġġett ta’ proposta ta’ emenda mill-Parlament fir-rapport tiegħu tas-27 ta’ Frar 2001 dwar l-imsemmija proposta Ġermaniża, li l-espożizzjoni tal-motivi tagħha jgħid biss li dak l-“Artikolu 1(3) jipprovdi li r-regolament ma huwiex applikabbi jekk il-qorti ta’ Stat Membru tkun tixtieq li espert imexxi investigazzjonijiet fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, l-espert jista’ jinħatar direttament mill-qorti, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda awtorizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (dokument tas-seduta finali 298.394, A5-0073/2001, p. 10, punt 1.3.1).

(29)  – Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.ppubblikata fil-11 ta’ Mejju 2001 (ĠU C 139, p. 10).

(30)  – Opinjoni tal-Parlament f’qari wieħed, mogħtija fl-14 ta’ Marzu 2001 (A5-0073/2001, ĠU C 343, p. 184).

(31)  – Il-Kunsill kien diġà ppreveda din l-emenda fil-verżjoni rriveduta tal-abbozz tar-regolament li ġiet ippubblikata fis-16 ta’ Marzu 2001, mingħajr spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għat-tneħħija inkwistjoni (6850/01 JUSTCIV 28, p. 7).

(32) – Iċċitata iktar ’il fuq.

(33) – Ara l-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħi ċċitati iktar ’il fuq.

(34)  – Skont l-Artikolu 17(2).

(35)  – Il-qorti rikjedenti tista’ alternattivament tirrikorri għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni indiretta prevista fl-Artikoli 10 et sequitur tar-Regolament Nru 1206/2001 jekk assolutament ma tkunx trid tipproċedi hija stess għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

(36)  – Skont l-istudju dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 li sar fl-2007 fuq talba tal-Kummissjoni (aċċessibbli fuq l-Internet bl-Ingliż fuq l-indirizz: http://ec.europa.eu/civiljustice/publications/docs/final_report_ec_1206_2001_a_09032007.pdf), għalkemm l-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament jippermetti li jinħatar espert biex jirrappreżenta lill-qorti rikjedenti, “when it comes to determining who can take evidence it should be borne in mind that in those cases where the presence of a judge is required, if the judge of the requesting State does not agree to travel to the other Member State, he will need to ask for the foreign court’s help” (p. 88, punt 4.1.10.2).

(37)  – Il-kunsens tagħha jista’ jingħata mill-persuna kkonċernata taħt il-pressjoni tal-possibbiltà li qorti Belġjana li quddiemha tkun tinsab il-kawża dwar il-mertu sussegwentement tidderiva konsegwenzi negattivi min-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ din il-parti. Ara, b’analoġija, il-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lippens et, iċċitati iktar ’il fuq.

(38)  – B’mod speċjali meta jkun hemm riskju ta’ sovrapożizzjoni bejn l-inkjesti mwettqa minn espert fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, bħal f’din il-kawża, u dawk li jsiru minn korp speċjali li jkunu previsti għal inċidenti serji jew potenzjalment serji fl-Artikoli 19 sa 24 – b’mod speċjali fl-Artikolu 20(2)(a) – u fl-Anness V tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227).

(39)  – Ara wkoll il premessa 17 ta’ dak l-istess regolament.

(40) – Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 199, p. 1). Il-premessa 20 ta’ dan ir-regolament tipprovdi wkoll li “[i]l-qorti jew it-tribunal għandhom jużaw mezzi ta’ teħid ta’ provi li jkunu l-aktar sempliċi u li jiswew l-inqas”.

Top

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2012 ( 1 )

Kawża C-332/11

ProRail NV

vs

Xpedys NV,

FAG Kugelfischer GmbH,

DB Schenker Rail Nederland NV,

Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju)]

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali — Kisba tal-provi — Regolament (KE) Nru 1206/2001 — Artikolu 1 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Artikolu 17 — Eżekuzzjoni diretta ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti rikjedenti — Ħatra ta’ espert u assenjazzjoni ta’ inkarigu lilu, minn qorti ta’ Stat Membru, li għandu jitwettaq parzjalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor — Applikazzjoni obbligatorja jew le tal-mekkaniżmu ta’ assistenza ġudizzjarja previst fl-Artikolu 17 tal-imsemmi Regolament”

I – Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (Qorti ta’ Kassazzjoni Belġjana) titlob interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali ( 2 ).

2.

Il-kwistjoni tirrigwarda dwar jekk miżura ta’ perizja ordnata f’dan il-qasam minn qorti ta’ Stat Membru ( 3 ) li trid titwettaq parzjalment fit-territorju tiegħu u parzjalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhiex, fir-rigward tal-eżekuzzjoni diretta ta’ din l-aħħar parti tal-inkarigu fdat lil espert nazzjonali, bilfors tiġi implimentata b’mod konformi mal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja previst mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001.

3.

Din id-domanda qiegħda ssir fil-kuntest ta’ kawża bejn kumpanniji rregolati mid-dritt Belġjan, Ġermaniż u Olandiż wara inċident li seħħ qrib Amsterdam li kien jinvolvi ferrovija li kienet sejra mill-Belġju sal-Pajjiżi l-Baxxi, liema kawża ġiet quddiem qorti Belġjana. Din tal-aħħar, fi proċedura għal miżuri provviżorji, innominat skont ir-regoli proċedurali nazzjonali espert Belġjan li ġie inkarigat biex imexxi investigazzjoni mhux biss fil-Belġju, iżda wkoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, li ġiet ikkontestata minn waħda mill-kumpanniji Olandiżi kkonċernati.

4.

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk trid tiddeċiedi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1206/2001 kif ukoll dwar in-natura obbligatorja tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, b’mod partikolari meta qorti tkun trid tmexxi kumpilazzjoni ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor b’mod dirett u mhux bl-intervent ta’ qorti rikjesta f’dak l-Istat.

5.

Madankollu, id-domanda preliminari tagħmel ukoll riferiment għall-prinċipju ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri l-oħrajn, li huwa stabbilit fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali ( 4 ), prinċipju li fid-dawl tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tasal biex tinterpreta l-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Ir-Regolament Nru 1206/2001

6.

Il-preambolu tar-Regolament Nru 1206/2001 jipprovdi:

“(2)

Sabiex is-suq intern jaħdem kif suppost, kooperazzjoni bejn qrati fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha titjieb u b’mod partikolari tkun issimplifikata u mgħaġġla.

[…]

(7)

Billi huwa ħafna drabi essenzjali f’materja ċivili jew kummerċjali pendenti quddiem qorti fi Stat Membru li tiġi kumpilata x-xhieda fi Stat Membru ieħor […] Huwa għalhekk meħtieġ li jitkompla t-titjib ta’ kooperazzjoni bejn qrati ta’ Stati Membri fil-qasam tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

(8)

L-effiċjenza ta’ proċeduri ġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali teħtieġ li t-trasmissjoni u l-eżekuzzjoni ta’ rikjesti għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda jsiru direttament u bl-aktar mezz mgħaġġel possibbli bejn qrati ta’ l-Istati Membri.

[…]

(15)

Sabiex tiġi faċilitata l-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandu jkun possibbli għall-qorti fi Stat Membru, bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha, li tieħu x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor, jekk ikun aċċettat minn dan ta’ l-aħħar, u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-korp ċentrali jew awtorità kompetent ta’ l-Istat Membru mitlub.

[…]

(17)

Dan ir-Regolament għandu jipprevala fuq id-disposizzjonijiet li japplikaw għall-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu, li jinsabu f’konvenzjonijiet internazzjonali konklużi mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jadottaw xi ftehim li jiffaċilitaw aktar kooperazzjoni fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda.”

7.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1206/2001, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika f’materji ċivili jew kummerċjali fejn il-qorti ta’ Stat Membru, bi qbil mad-disposizzjonijiet tal-liġi ta’ dak l-Istat, titlob:

(a)

lill-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tiġbor x-xhieda; jew

(b)

li tiġbor x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor.

2.   M’għandhiex issir talba biex tinkiseb xhieda li m’hijiex maħsuba għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, li jkunu bdew jew li hemm il-ħsieb li jinbdew.”

8.

L-Artikoli 10 sa 16, li jinsabu fit-Taqsima 3 tal-istess regolament, jistabbilixxu l-metodi ta’ eżekuzzjoni ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda minn qorti rikjesta ta’ Stat Membru ieħor (metodu ta’ kooperazzjoni msejjaħ “indirett”).

9.

L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1206/2001 jippreċiża li “[i]l-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha”.

10.

L-Artikolu 17 tal-imsemmi Regolament, li jirregola l-eżekuzzjoni diretta tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-qorti rikjedenti (metodu ta’ kooperazzjoni msejjaħ “dirett”), jipprovdi:

“1.   Fejn qorti titlob kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda fi Stat Membru ieħor, [din] għandha tissottometti talba lill-korp ċentrali jew lill-awtorità kompetenti […] f’dak l-Istat […].

2.   Kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda tista’ sseħħ biss jekk tkun eżegwita fuq bażi volontarja mingħajr il-ħtieġa għal miżuri ta’ bilfors [ta’ infurzar].

Fejn il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda timplika li persuna għandha tinstama’, l-qorti rikjedenti għandha tgħarraf lil dik il-persuna li l-eżekuzzjoni għandha sseħħ fuq bażi volontarja.

3.   Il-kumpilazzjoni ta’ xhieda għandha tkun eżegwita minn membru tal-personal ġudizzjarju jew minn xi persuna oħra bħal ma hu espert, li se jiġi nominat, bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

[…]

5.   Il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda biss jekk:

(a)

it-talba ma tidħolx fl-iskop ta’ dan ir-Regolament kif dikjarat fl-Artikolu 1; jew

(b)

it-talba ma tikkontjenix it-tagħrif kollu meħtieġ skond l-Artikolu 4; jew

(ċ)

il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda mitluba hija kontra l-prinċipji fondamentali ta’ liġi fl-Istat Membru tagħha.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet preskritti bi qbil mal-paragrafu 4, il-qorti rikjedenti għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha.”

B – Ir-Regolament Nru 44/2001

11.

L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi li “[t]ista’ ssir applikazzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi [kawtelatorji], skond kif jista’ jkun disponibbli permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat, permezz ta’ dan ir-Regolament, li qrati ta’ Stat Membru ieħor li jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja”.

12.

L-Artikolu 32 tal-istess regolament, li jinsab fil-bidu tal-Kapitolu III, bit-titolu “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, jindika li “[g]ħall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘sentenza’ tfisser xi sentenza mogħtija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru, independentament minn kif tista’ tissejjaħ dik is-sentenza, inkluża dikjarazzjoni, ordni, deċiżjoni jew mandat ta’ eżekuzzjoni, kif ukoll dwar id-determinazzjoni tan-nefqa u l-ispejjeż minn uffiċjal tal-qorti”.

13.

Skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001, “[s]entenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali”.

III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

Fit-22 ta’ Novembru 2008, ferrovija tal-merkanzija li kienet qiegħda tivvjaġġa mill-Belġju sa Beverwijk (il-Pajjiżi l-Baxxi) inqalbet minn fuq il-binarji qrib Amsterdam.

15.

Wara dan l-inċident, infetħu proċeduri ġudizzjarji kemm quddiem il-qrati Belġjani kif ukoll quddiem il-qrati Olandiżi.

16.

Il-kawża prinċipali, li hija proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-qrati Belġjani, hija bejn ProRail NV (iktar ’il quddiem “ProRail”) u erba’ kumpanniji oħrajn li għandhom konnessjoni mal-inċident imsemmi hawn fuq, jiġifieri Xpedys NV (iktar ’il quddiem “Xpedys”), FAG Kugelfischer GmbH (iktar ’il quddiem “FAG”), DB Schenker Rail Nederland NV (iktar ’il quddiem “DB Schenker”) u Nationale Maatschappij der Belgische Spoorwegen NV (il-kumpannija nazzjonali tal-linji tal-ferroviji Belġjani, iktar ’il quddiem l-“SNCB”) u.

17.

ProRail hija kumpannija b’sede f’Utrecht (il-Pajjiżi l-Baxxi) li tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-linji tal-ferroviji prinċipali fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, fuq din il-bażi, tidħol f’kuntratti ta’ aċċess ma’ impriżi tat-trasport ferrovjarju, b’mod partikolari mal-kumpannija DB Schenker.

18.

DB Schenker, li wkoll għandha s-sede tagħha f’Utrecht, hija kumpannija tat-trasport privata li l-flotta ta’ ferroviji tagħha tikkonsisti f’vaguni inizjalment mikrija mingħand SNCB, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt pubbliku b’sede fi Brussell (il-Belġju).

19.

Skont DB Schenker u l-SNCB, Xpedys, li s-sede tagħha tinsab f’muniċipalità ta’ Brussell jiġifieri Anderlecht (il-Belġju), assumiet il-kwalità ta’ kerrejja tal-vaguni miżmuma minn DB Schenker sa mill-1 ta’ Mejju 2008.

20.

FAG, li għandha s-sede tagħha fi Schweinfurt (il-Ġermanja), tispeċjalizza fil-kostruzzjoni ta’ partijiet ta’ vaguni.

21.

Fil-11 ta’ Frar 2009, il-kumpannija tat-trasport, DB Schenker, ressqet proċedura għal miżuri provviżorji quddiem il-president tar-rechtbank van koophandel te Brussel (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Brussell), kontra Xpedys u l-SNCB fil-kwalità tagħhom ta’ kerrejja ta’ parti tal-vaguni involuti fl-inċident imsemmi hawn fuq, bil-għan li jinħatar espert. ProRail u FAG intervjenew fil-proċedura. Fil-kuntest ta’ dan l-intervent, ProRail talbet lill-imsemmija qorti biex tiddikjara t-talba għall-ħatra ta’ espert bħala infondata jew, f’każ fejn jinħatar espert, li l-inkarigu tiegħu jiġi llimitat għall-konstatazzjoni tad-dannu mġarrab mill-vaguni, li ma tiġix ordnata investigazzjoni dwar in-netwerk ferrovjarju Olandiż u li jiġi odnat li jwettaq l-inkarigu tiegħu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1206/2001.

22.

Fis-26 ta’ Marzu 2009, ProRail ressqet quddiem qorti Olandiża, jiġifieri l-r-Rechtbank Utrecht, proċedura dwar il-mertu kontra DB Schenker u Xpedys, bil-għan li tikseb dikjarazzjoni li din il-kumpannija tat-trasport u l-kumpannija li hija l-proprjetarja u l-kerrejja tal-vaguni involuti fl-inċident huma responsabbli għall-ħsara mġarrba min-netwerk ferrovjarju tagħha u biex jikkumpensawha fuq din il-bażi.

23.

B’digriet tal-5 ta’ Mejju 2009, il-president tar-rechtbank van koophandel te Brussel iddikjara t-talba ta’ DB Schenker fondata u ħatar espert waqt li ddefinixxa l-portata tal-inkarigu tiegħu, li kellu jitwettaq fil-biċċa l-kbira fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-kuntest ta’ dak l-inkarigu, wara li jkun stieden lill-partijiet biex jassistu għall-ħidma tiegħu, l-espert kellu jagħmel aċċess fuq il-post tal-inċident fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll f’kull post fejn seta’ jagħmel konstatazzjonijiet utli. Barra minn hekk, huwa ġie msejjaħ, minn naħa waħda, biex jiddetermina l-manifattur u l-istat ta’ ċerti elementi tekniċi tal-vaguni. Huwa ntalab ukoll jagħti l-parir tiegħu fuq il-ħsarat imġarrba mill-vaguni u dwar il-kobor tad-dannu. Finalment, l-espert kellu jeżamina n-netwerk u l-infrastruttura ferrovjarji amministrati minn ProRail u jagħti l-opinjoni tiegħu dwar jekk u sa liema grad din l-infrastruttura setgħet ukoll kienet il-kaġun ta’ dak l-inċident.

24.

ProRail ressqet appell kontra dan id-digriet, quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) fejn talbet, fuq bażi prinċipali, li l-ħatra ta’ espert tiġi ddikjarata bħala infondata jew, sussidjarjament, li l-inkarigu tal-espert Belġjan jiġi llimitata għall-konstatazzjoni tal-ħsara sa fejn din setgħet issir fil-Belġju, u li ta’ mill-inqas jiġi ordnat li l-espert iwettaq id-dmirijiet tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi biss fil-kuntest tal-proċedura prevista mir-Regolament Nru 1206/2001.

25.

Fl-20 ta’ Jannar 2010, il-hof van beroep te Brussel ċaħdet dan ir-rikors, fuq il-bażi li r-Regolament Nru 1206/2001 ma kienx applikabbli peress li, minn naħa, ebda wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikolu 1 ma kien preżenti f’dan il-każ, u min-naħa l-oħra, l-affermazzjoni ta’ ProRail li ma setax jiġi inkarigat espert biex iwettaq investigazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi ħlief skont l-imsemmi regolament kienet infondata.

26.

ProRail ressqet appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju minn din id-deċiżjoni tal-hof van beroep te Brussel, fejn invokat ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 kif ukoll tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001.

27.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 jirriżulta li meta qorti ta’ Stat Membru tkun tixtieq tipproċedi għal kumpilazzjoni ta’ xhieda, bħal investigazzjoni mmexxija minn espert, direttament fi Stat Membru ieħor, għandha tintalab awtorizzazzjoni minn qabel mingħand dan l-Istat. Hija ssemmi li l-motivi tal-kassazzjoni ppreżentati minn ProRail huma bbażati wkoll fuq qari a contrario tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, li minnu jirriżulta li tali kumpilazzjoni ta’ xhieda ma jistax ikollha effett extra-territorjali fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni mingħand l-Istat fejn ikollha ssir. Finalment, il-qorti tar-riniju tistaqsi dwar l-effett, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001 li jistabbilixxi li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru huma rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura.

28.

F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni ppreżentata fit-30 ta’ Ġunju 2011, il-Hof van Cassatie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikoli 1 u 17 tarRegolament [Nru 1206/2001] għandhom, fid-dawl b’mod partikolari tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali kif ukoll tal-prinċipju li jgħid li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru huma rikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr forma oħra ta’ proċedura, prinċipju stabbilit fl-Artikolu 33(1) tar-Regolament [Nru 44/2001], jiġu interpretati fis-sens li l-qorti li tordna inkjesta ġudizzjarja fdata lil espert li l-missjoni tiegħu għandha tiġi eżegwita parzjalment fuq it-territorju tal-Istat Membru fejn tinsab il-qorti, iżda wkoll parzjalment fi Stat Membru ieħor għandu, għall-eżekuzzjoni diretta ta’ din l-aħħar parti, unikament u għalhekk esklużivament juża l-proċedura stabbilita mir-regolament iċċitat iktar ’il fuq u msemmija fl-Artikolu 17 jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-espert maħtur minn dan l-Istat jista’ jkun ukoll, barra mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 1206/2001], responsabbli għall-inkjesta li għandha ssir parzjalment fi Stat Membru ieħor fl-Unjoni Ewropea?”

29.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn ProRail, Xpedys, DB Schenker u l-SNCB konġuntament (iktar ’il quddiem “Xpedys et”), mill-Gvernijiet tal-Belġju, tar-Repubblika Ċeka, tal-Ġermanja u tal-Portugall, mill-Konfederazzjoni Żvizzera, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta.

IV – Analiżi

A – Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

30.

Xpedys et jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari billi jargumentaw li din hija ta’ natura purament ipotetika u hija irrelevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li r-Regolament Nru 1206/2001 ma huwiex applikabbli f’din il-kawża.

31.

Insostenn tal-kontestazzjoni tagħhom, Xpedys et jinvokaw erba’ lmenti. L-ewwel wieħed fosthom huwa bbażat fuq il-fatt li l-inizjattiva tal-perizja transkonfinali ttieħdet minn waħda mill-partijiet fl-kawża, u mhux mill-qorti, waqt li t-test tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 jimponi li din l-inizjattiva tiġi minn “qorti” tal-Istat Membru rikjedenti. It-tieni wieħed jallega li quddiem il-qorti adita bi proċedura għal miżuri provviżorji ntalbet biss il-ħatra ta’ espert, waqt li dawk l-artikoli u l-premessa 7 tal-imsemmi regolament jeżiġu li l-kumpilazzjoni ta’ xhieda tkun meħtieġa sabiex il-qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-mertu. It-tielet ilment huwa bbażat fuq l-idea li ma hemmx lok li jiġi applikat dan ir-regolament meta, bħal f’din il-kawża, ma jkunx hemm kwistjoni dwar l-eżerċitar ta’ setgħa pubblika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, waqt li l-awtorizzazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma hijiex meħtieġa biex titwettaq il-perizja. Ir-raba’ ilment huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 fil-kuntest tal-kawża prinċipali estendiet it-tul tal-proċedura, li hija l-oppost tal-objettivi ddikjarati fil-premessa 2 tal-istess Regolament, jiġifieri s-simplifikazzjoni u l-aċċelerazzjoni tal-kisba tal-provi.

32.

Jidhirli li dawn l-aħħar żewġ ilmenti jirreferu għal kunsiderazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kwistjoni ta’ eventwali ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u huma pjuttost relatati mal-mertu ta’ din il-kawża.

33.

Fir-rigward tal-ewwel żewġ ilmenti fformulati minn Xpedys et, infakkar li hija ġurisprudenza stabbilita ( 5 ) li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti nazzjonali tinsab fl-aħjar pożizzjoni, fir-rigward tad-dettalji partikolari tal-kawża, biex tevalwa kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti sentenza kif ukoll ir-relevanza tad-domanda li tkun trid tagħmel. Meta din tkun tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tiddeċiedi, ħlief jekk jidhrilha b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew meta l-kwistjoni ssollevata tkun ta’ natura purament ipotetika.

34.

Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Effettivament, it-talba għal deċiżjoni preliminari tesponi b’mod suffiċjenti kif l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 tista’ tkun utli sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali inkwantu s-sentenza li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkjarifika għall-qorti tar-rinviju l-punt dwar jekk il-parti tal-perizja mwettqa fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-oriġini tal-inċident ferrovjarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-kobor tad-dannu li rriżulta, għandhiex issir skont ir-regoli proċedurali Belġjani jew skont ir-Regolament Nru 1206/2001.

35.

Ma’ dan inżid li jidhirli li l-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 b’ebda mod ma jimponu li d-deċiżjoni li ssir kumpilazzjoni ta’ xhieda direttament fi Stat Membru ieħor tkun ittieħdet ex ufficio mill-qorti tal-Istat rikjedenti li tordnaha. Huma ma jeskludux li tali att oriġinarjament ikun intalab minn din il-qorti mill-partijiet fil-kawża, li ġeneralment huwa l-każ fil-prattika, peress li waħda minnhom ikollha interess li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fatti li jkunu kkontestati mill-oħra għall-finijiet li turi l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tagħha.

36.

Barra minn hekk, jidhirli li huwa irrelevanti li l-kumpilazzjoni ta’ xhieda ma tkunx ġiet deċiża matul proċedura dwar il-mertu, iżda fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji li l-uniku skop tagħha jkun il-ħatra ta’ espert. L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1206/2001 jeżiġi biss li l-mezzi ta’ prova mfittxija għandhom ikunu “maħsuba għall-użu fi proċedimenti ġudizzjarji, li jkunu bdew jew li hemm il-ħsieb li jinbdew”. Kif indikat ġustament il-Kummissjoni fil-Gwida għall-Prattika tagħha, dan l-aħħar terminu jippermetti li jiġu inklużi l-atti ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda li jseħħu qabel il-ftuħ eventwali tal-proċedura dwar il-mertu, li matulha l-provi miġbura effettivament jintużaw, b’mod partikolari f’każijiet fejn ikun neċessarju li jinkisbu provi li sussegwentement jistgħu jkunu inaċċessibbli ( 6 ). Peress li miżura ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda transkonfinali in futurum bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 7 ) ċertament taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001, it-talba għal deċiżjoni preliminari b’hekk ma hijiex inammissibbli fuq din il-bażi.

B – Fuq il-mertu

1. Fuq in-nuqqas ta’ effett tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001

37.

Skont id-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001. Madankollu, hija tirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 u b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u ta’ effett legali sħiħ tad-deċiżjonijiet mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali mill-qrati tad-diversi Stati Membri, li huwa stabbilit fl-Artikou 33(1) ta’ dan l-aħħar regolament ( 8 ). Hija b’hekk tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk dawn l-ewwel żewġ artikoli għandhomx jiġu interpretati waqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni “b’mod partikolari” id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 u ta’ dak il-prinċipju.

38.

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-konnessjoni bejn ir-Regolament Nru 1206/2001 u r-Regolament Nru 44/2001 inbdiet minn ProRail, li l-appell tagħha, skont il-Hof van Cassatie, jinvoka l-ksur mhux biss tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001, iżda wkoll tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, li jipprovdi li miżuri provviżorji jew kawtelatorji jistgħu jintalbu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru anki jekk il-qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha kompetenza biex tiddeċiedi dwar il-mertu. Jidher li ProRail riedet tiddeduċi minn dan l-aħħar artikolu li s-setgħa li tiġi ordnata perizja hija kompetenza esklużiva tal-qrati tal-post fejn ikollha tiġi eżegwita u, a contrario, li tali miżura ma għandhiex effett extraterritorjali fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni mill-Istat Membru fejn ikollha ssir il-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

39.

Il-Konfederazzjoni Żvizzera, li għandha interess fl-interpretazzjoni li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-Regolament Nru 44/2001 minħabba s-similarità li hemm bejn id-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-konvenzjoni imsejjħa ta’ Lugano ( 9 ), ħadet pożizzjoni biss f’dan ir-rigward. Hija ssostni li l-miżura li permezz tagħha qorti tinkariga lil espert biex jeżegwixxi investigazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor la hija miżura provviżorja u lanqas kawtelatorja fis-sens tal-Artikolu 31 du Regolament Nru 44/2001, għar-raġuni li tali miżura ma tistax tipproduċi effetti extraterritorjali, u lanqas deċiżjoni li tista’ tiġi rrikonoxxuta jew eżegwita fis-sens tal-Artikolu 32 ta’ dan l-istess Regolament ( 10 ).

40.

Madankollu, peress li l-ebda wieħed minn dawn l-artikoli ma ssemma espressament mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari li hija għamlet u fil-motivi li hija ressqet insostenn ta’ dik id-domanda, jidhirli li ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni fuq dawn il-punti, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita ( 11 ).

41.

Fir-rigward tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li hija l-unika dispożizzjoni ċċitata fid-domanda preliminari, jidhirli, bl-istess mod bħall-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Gvernijiet tal-Istati Membri li pprovdew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, li dan it-test ma jistax jipprovdi elementi adegwati għal interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 f’din il-kawża.

42.

Effettivament, il-problema ssollevata f’din il-kawża tirrigwarda biss il-kamp u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 u mhux tar-Regolament Nru 44/2001. Peress li l-ewwel minn dawn l-instrumenti jikkostitwixxi lex posterior ( 12 ) fil-konfront tat-tieni wieħed kif ukoll lex specialis, f’dak li jirrigwarda l-assistenza ġudizzjarja fil-qasam speċifiku tal-kisba tal-provi, fil-fehma tiegħi ma huwiex rilevanti li r-Regolament Nru 1206/2001 jiġi interpretat fid-dawl tar-Regolament Nru 44/2001 ( 13 ).

2. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001

43.

Nirrileva fl-ewwel lok li huwa inkontestabbli li kumpilazzjoni ta’ xhieda bħal perizja ġudizzjarja taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1206/2001, anki jekk il-kunċett ta’ prova li tista’ tinkiseb skont l-dan ir-regolament ( 14 ) ma huwiex iddefinit minnu ( 15 ). Dan jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi li kumpilazzjoni ta’ xhieda tista’ tiġi eżegwita direttament fi Stat Membru ieħor mill-qorti rikjedenti li tista’ tiġi rappreżentata minn kwalunkwe persuna, “bħal ma hu espert” ( 16 ), maħtur b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ din il-qorti.

44.

Il-kwistjoni li tqum f’din il-kawża hija dwar jekk jirriżultax minn qari flimkien tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 li meta qorti ta’ Stat Membru tkun beħsiebha tipproċedi għal kumpilazzjoni ta’ xhieda bħal inkarigu ta’ investigazzjoni fdat lil espert direttament fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, hija għandha neċessarjament titlob awtorizzazzjoni minn qabel mingħand dan l-aħħar Stat b’mod konformi ma’ dak l-Artikolu 17 jew jekk hija tista’ tagħżel li tordna tali perizja fuq il-bażi tar-regoli proċedurali nazzjonali tal-forum  ( 17 ).

45.

L-opinjonijiet tal-osservaturi li ħadu pożizzjoni fuq dan il-punt huma diverġenti. Waqt li ProRail u l-Gvernijiet ta-Istati Membri li intervjenew fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu li għandu jiġi applikat biss l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001, Xpedys et u l-Kummissjoni jsostnu li modalitajiet oħrajn ta’ eżekuzzjoni diretta ta’ tali kumpilazzjoni ta’ xhieda għandhom jibqgħu possibbli f’ċerti każijiet.

46.

Nenfasizza li teżisti prossimità iżda mhux identiċità bejn din il-problema u dik sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Lippens ( 18 ), li għadha pendenti, fejn ippreżentajt ukoll konklużjonijiet. Għalkemm dik il-kawża tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1206/2001, u b’mod partikolari n-natura obbligatorja jew le tal-applikazzjoni taż-żewġ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni – wieħed dirett u l-ieħor indirett – li huma previsti minnu, il-kwistjonijiet huma kemmxejn differenti. Effettivament, fl-imsemmija kawża Lippens et, il-kawża prinċipali kienet tirrigwarda s-smigħ ordnat minn qorti ta’ Stat Membru ta’ xhieda residenti fi Stat Membru ieħor li ġew imsejħa biex jidhru quddiemha. Għall-kuntrarju, miżura ta’ perizja li, bħal f’din il-kawża, għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor, tista’ tkun teħtieġ intrużjoni kunsiderevoli f’dan it-territorju. Madankollu, jidhirli li r-raġunament li għandu jiġi segwit fir-rigward tal-applikabbiltà sistematika jew le tar-Regolament Nru 1206/2001 għandu jkun l-istess, irrispettivament mit-tip ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda inkwistjoni.

47.

Il-prinċipju sottostanti f’dan il-qasam huwa dak tas-sovranità territorjali tal-Istati Membri, kif diġà indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq Lippens et ( 19 ). Tradizzjonalment, l-eżerċitar tas-setgħa pubblika huwa ta’ natura territorjali. Fil-prinċipju ma huwiex possibbli li din tintuża barra mill-Istat Membru tal-qorti jew tal-awtorità nazzjonali, ħlief bil-kunsens tas-“sovran” lokali, jiġifieri bil-kunsens tal-awtoritjiet tal-Istat Membru l-ieħor li fit-territorju tiegħu jkollha tintuża din is-setgħa.

48.

Ir-Regolament Nru 1206/2001 jikkumbatti l-kompartimentalizzazjoni tas-setgħat fi ħdan l-Unjoni, billi jiffaċilita l-moviment tal-persuni li għandhom jieħdu sehem f’kumpilazzjoni ta’ xhieda u, b’dan il-mod, it-trażmissjoni ta’ provi minn Stat Membru lejn ieħor, fuq il-bażi ta’ fiduċja reċiproka. B’mod partikolari, deher li t-twettiq ta’ perizja fi Stat Membru ieħor lil hinn minn dan il-qafas seta’ jmur kontra l-fatt li ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali jillimitaw il-parteċipazzjoni attiva ta’ membru jew ta’ rappreżentant tal-qorti rikjedenti ( 20 ).

49.

Fid-dawl taż-żewġ objettivi prinċipali ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri, fl-ewwel lok, is-simplifikazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, fit-tieni lok, l-aċċelerazzjoni tal-kisba tal-provi ( 21 ), inqis li meta ma jkunx konkretament neċessarju li tintuża s-setgħa ġudizzjarja fi Stat Membru ieħor sabiex jinġabar mezz ta’ prova, ma huwiex obbligatorju għal qorti li tordna kumpilazzjoni ta’ xhieda biex timplimenta wieħed miż-żewġ mekkaniżmi ta’ assistenza ġudizzjarja ssimplifikata li huma previsti minn dan ir-regolament ( 22 ).

50.

Fil-fehma tiegħi, il-formulazzjoni attwali taż-żewġ artikoli tar-Regolament Nru 1206/2001 li l-interpretazjoni tagħhom hija mitluba mil-qorti tar-rinviju ma tikkontradixxix din il-fehma. L-Artikolu 1(1)(b) tal-imsemmi regolament jindika li huwa biss “fejn il-qorti ta’ Stat Membru […] titlob […] li tiġbor x-xhieda direttament fi Stat Membru ieħor” ( 23 ) li għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dawk tal-Artikolu 17 ( 24 ). Dan jipprovdi li l-eżekuzzjoni diretta ta’ tali atti mill-qorti rikjedenti li tintervjeni f’dan il-kuntest għandha tkun ippreċeduta b’talba quddiem il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikollhom jinġabru l-provi ( 25 ). Għall-kuntrarju, jekk qorti ma jkunx beħsiebha tirrikorri għal dan il-metodu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, għaliex tqis li l-għajnuna tal-awtoritajiet lokali ma hijiex indispensabbli sabiex issir sew il-kumpilazzjoni ta’ xhieda ordnata minnha, hija ma hijiex obbligata li tirrispetta l-formalitajiet previsti mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001.

51.

Jirriżulta mill-ħidmiet preparatorji tar-Regolament Nru 1206/2001 li inizjalment kien previst, fil-proposta ta’ test abbozzata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ( 26 ), li l-miżuri ta’ perizja li għandhom jiġu eżegwiti direttament fi Stat Membru ieħor ikunu suġġetti għal trattament partikolari. Effettivament, l-Artikolu 1(3) tal-imsemmija proposta kien jipprovdi li perizja tista’ ssir fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr ma tinkiseb awtorizzazzjoni jew tingħata informazzjoni minn qabel mingħand dak l-Istat mill-qorti li tkun iddeċidiet li tordna din il-kumpilazzjoni ta’ xhieda ( 27 ). Minkejja rapport konformi tal-Parlament ( 28 ), kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ( 29 ) u l-opinjoni ulterjuri tal-Parlament ( 30 ) li wkoll kienu konformi, din id-dispożizzjoni tneħħiet mill-verżjoni finali adottata fit-28 ta’ Mejju 2001 mill-Kunsill ( 31 ).

52.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jaffermaw ċerti osservaturi, peress li dawk l-elementi jikkonċernaw il-ġenesi tar-Regolament Nru 1206/2001, dawn ma jpoġġux f’dubju l-analiżi li nipproponi li għandha tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm finalment ma huwiex l-approċċ inizjali li adotta l-leġiżlatur tal-Unjoni, ma huwiex inkonċepibbli li ċerti miżuri ta’ perizja li għandhom jitwettqu fi Stat Membru ieħor jistgħu madankollu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001, jiġifieri dawk li għalihom l-esperti ġew maħtura għall-fini li jwettqu inkarigu li ma jeħtiġx li jintalab il-kunsens tal-awtoritajiet ġudizzjarji lokali biex ikun jista’ jitwettaq bis-sħiħ.

53.

Il-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma tikkontradixxi l-analiżi tiegħi. Nosserva li s-sentenza St. Paul Dairy ( 32 ) hija invokata minn ProRail, li hija tal-fehma li din is-sentenza tistabbilixxi obbligu li jiġi applikat ir-Regolament Nru 1206/2001 “sabiex tinġabar prova (permezz ta’ smigħ ta’ xhud u aċċess fuq il-post, f’dan il-każ)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, fil-fehma tiegħi tali qari ta’ din is-sentenza huwa żbaljat, kif diġà wrejt fil-konklużjonijiet ippreżentati fis-senenza Lippens et  ( 33 ).

54.

Huwa minnu li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni diretta prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 tista’ tiġi implimentata biss fuq bażi volontarja ( 34 ), għall-kuntrarju tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni indiretta, fejn huma possibbli miżuri ta’ infurzar, skont l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, il-persuni kkonċernati minn perizja jistgħu jaċċettaw li jissottomettu ruħhom spontanjament għal din il-miżura u li jikkooperaw mal-espert, anki jekk dan ma jidhirx li kien il-każ fil-kawża prinċipali fir-rigward ta’ ProRail.

55.

Il-kriterju li huwa determinanti biex jiġi stabbilit f’liema każijiet ir-Regolament Nru 1206/2001 għandu neċessarjament jiġi applikat minn qorti ta’ Stat Membru huwa, fil-fehma tiegħi, dak relatat mal-ħtieġa tiegħu li jikseb il-kollaborazzjoni, mhux tal-partijiet fil-kawża, iżda tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru l-ieħor fejn ikollha ssir il-perizja.

56.

Għaldaqstant, jien inqis li għandha ssir distinzjoni skont jekk l-espert maħtur minn qorti ta’ Stat Membru għandux juża jew le l-prerogattivi tal-awtorità pubblika ta’ Stat Membru ieħor, skont l-evalwazzjoni in concreto li ssir minn din il-qorti.

57.

Jekk espert isib ruħu f’sitwazzjoni fejn ikun inkarigat li jwettaq kompiti ta’ spezzjoni u li jiġbed konklużjonijiet tekniċi f’kundizzjonijiet li jkunu permessi għal kullħadd għaliex ikunu jirrigwardaw affarijiet, informazzjoni jew postijiet aċċessibbli għall-pubbliku, jidhirli li ma huwiex meħtieġ li tali atti ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda jsiru skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001. Effettivament, l-atti li ma jaffettwawx is-sovranità tal-Istat Membru fejn ikollhom jinġabru l-provi u li b’hekk ma jeħtiġux l-għajnuna tal-awtoritajiet ġudizzjarji lokali jistgħu ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001. Fil-fehma tiegħi, f’tali każ, ikun hemm sempliċi fakultà li jiġi implimentat il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit mill-imsemmi Artikolu 17. Jekk il-qorti li tordna din il-perizja jidhrilha li huwa iktar opportun li tirrikorri għar-regoli proċedurali nazzjonali, hija tista’ tuża dan il-mekkaniżmu, iżda ma hijiex obbligata u tista’ tagħżel li ma tużahx jekk hija ma jkollhiex bżonn il-kooperazzjoni u s-setgħa eżekuttiva tal-Istat Membru tal-post fejn ikollu jitwettaq l-inkarigu assenjat.

58.

Fl-osservazzjonijiet li ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni wkoll kienet tal-fehma li r-Regolament Nru 1206/2001 ma għandux l-objettiv li jeskludi jew li jimponi a priori ċerti forom jew modalitajiet ta’ kisba tal-provi. Hija ġustament iddeduċiet li qorti ta’ Stat Membru għandha tkun libera li tordna li ssir perizja fi Stat Membru ieħor mingħajr ma ssegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 17 tal-imsemmi regolament, jiġifieri mingħajr ma tintalab l-għajnuna tal-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ieħor, “kemm-il darba” t-twettiq ta’ din il-parti tal-perizja ma tkunx teħtieġ il-kollaborazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikollha ssir.

59.

Min-naħa l-oħra, jekk sabiex iwettaq l-inkarigu tiegħu, l-espert ikollu bżonn aċċess għal oġġetti, informazzjoni jew postijiet mhux pubbliċi, ikun meħtieġ li jikseb l-għajnuna tal-awtoritajiet tal-Istat Membru l-ieħor. F’din l-ipoteżi, fejn tiġi eżerċitata setgħa ġudizzjarja b’effett estern, jiġifieri fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, il-proċedura ta’ eżekuzzjoni diretta ( 35 ) prevista fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 trid tiġi applikata bilfors sabiex tinkiseb il-kooperazzjoni tal-Istat Membru rikjest u sabiex jinkiseb il-benefiċċju tal-karatteristiċi tas-setgħa kollha li jirriżultaw ( 36 ).

60.

Jidhirli li dan huwa l-każ f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali. Effettivament, l-aċċess għall-installazzjonijiet tan-netwerk ferrovjarju, li huwa ċertament ristrett minn liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ traffiku u b’mod speċjali ta’ sigurtà, jeħtieġ l-użu ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika. Għalkemm ProRail għandha l-użu ta’ dan in-netwerk bħala ġestjonarja tal-infrastruttura kkonernata, il-kunsens ta’ din il-kumpannija rregolata mid-dritt privat ( 37 ) ma huwiex biżżejjed, fid-dawl tan-natura pubblika tal-atti meħtieġa għat-twettiq ta’ dik il-missjoni. Peress li, fil-fehma tiegħi, il-qrati Belġjani jeħtieġu għaldaqstant il-kunsens tal-awtoritajiet ġudizzjarji Olandiżi sabiex l-inkarigu mogħti lill-espert ikun jista’ jiġi eżegwit direttament fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, inqis li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 kellu jiġi implementat f’dan il-każ ( 38 ).

61.

Ma jkunx hemm riskju li jintilef l-effett utli tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 jekk l-interpretazzjoni li nipproponi tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ninnota li ProRail issostni li l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament ma kienx ikollha skop kieku l-Istati Membri ma kinux marbuta bih. Madankollu, jidhirli li, meta titpoġġa b’dawk it-termini, il-problema tiġi żnaturata. Ir-Regolament Nru 1206/2001 tabilħaqq għandu effett obbligatorju, iżda biss fil-qasam li jikkorrispondi għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġifieri fil-fehma tiegħi huwa applikabbli biss f’każijiet fejn il-kollaborazzjoni ta’ Stat Membru ieħor tkun konkretament neċessarja biex tippermetti jew ittejjeb il-kisba tal-provi, u b’hekk tintalab minn qorti ta’ Stat Membru.

62.

Fil-fehma tiegħi jkun żbaljat, u jwassal ukoll għas-sens oppost, jekk jitqies, kif targumenta ProRail, li minħabba d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1206/2001 ma għadux possibbli li jinħatru esperti inkarigati li jwettqu investigazzjonijiet f’pajjiżi barranin mingħajr ma jiġu applikati sistematikament il-mekkaniżmi previsti minn dan ir-regolament. Effettivament, l-għan tar-Regolament Nru 1206/2001 ma huwiex li jirrestrinġi l-possibiltajiet ta’ azzjoni tal-qrati nazzjonali fil-qasam tal-kisba tal-provi, billi jeskludi l-metodi l-oħrajn ta’ inkjesta, iżda għall-kuntrarju li jsaħħaħ dawk il-possibbiltajiet, billi joħloq alternattiva li tiffavorixxi l-kooperazzjoni bejn dawk il-qrati meta jkun meħtieġ, jiġifieri meta l-qorti adita jidhrilha li l-mezzi pprovduti minn dan ir-regolament huma l-aktar effikaċi.

63.

Tali għażla tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li skont l-Artiolu 21(2) tar-Regolament Nru 1206/2001 ( 39 ), il-konvenzjonijiet internazzjonali jibqgħu applikabbli bejn l-Istati Membri jekk dawn jippermettu eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni ta’ xhieda li tkun “aktar” effikaċi mill-mekkaniżmi previsti minnu, kemm-il darba jkunu kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, kif diġà rrilevajt fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Lippens et. iċċitata iktar ’il fuq.

64.

Għandu jingħad ukoll li dan l-approċċ funzjonali tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 huwa konformi mal-kunċett adottat f’test ulterjuri, jiġifieri, ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar ( 40 ), li l-Artikolu 9 tiegħu jipprovdi li l-qorti adita għandha tiddetermina l-mezzi għall-ġbir ta’ provi u l-portata ta’ provi indispensabbli għad-deċiżjoni tagħha fil-kuntest tar-regoli applikabbli għall-ammissibbiltà tal-provi u li fuq din il-bażi, hija għandha tagħżel il-mekkaniżmu ta’ kisba tal-provi l-iktar sempliċi u l-inqas restrittiv. Fil-fehma tiegħi l-istess għandu japplika għall-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001.

V – Konklużjoni

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari magħmula mill-Hof van Cassatie:

“L-Artikoli 1 u 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta qorti ta’ Stat Membru tordna kumpilazzjoni ta’ xhieda li tiġi fdata lil espert, li l-inkarigu tiegħu jkollu jitwettaq parzjalment fit-territorju tal-Istat Membru ta’ din il-qorti u parzjalment fi Stat Membru ieħor, din il-qorti tista’ tagħżel li taħtar l-espert sabiex jipproċedi direttament għal din l-aħħar parti tal-inkarigu tiegħu, jew billi tuża l-proċedura ta’ eżkuzzjoni diretta mill-qorti rikjedenti li hija prevista fl-istess Artikolu 17, jew mingħajr ma tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, kemm-il darba t-twettiq ta’ din il-parti tal-perizja ma jkunx jeħtieġ il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikollha ssir.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121.

( 3 ) F’dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ “Stat Membru” jirreferi għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 1206/2001.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42.

( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2011, Gebr. Weber u Putz (C-65/09 u C-87/09, Ġabra p. I-5257, punti 35 et seq.), kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2012, Susisalo et (C-84/11, punti 16 u 17).

( 6 ) Punt 10 tal-Gwida għall-Prattika għall-applikazzjoni tar-regolament dwar il-kumpilazzjoni ta’ xhieda, li kienet ġiet ifformulata mis-servizzi tal-Kummissjoni b’konsultazzjoni man-netwerk ġudizzjarju Ewropew dwar materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“Gwida għall-prattika”, dokument aċċessibbli fuq l-Internet fuq dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/civiljustice/evidence/evidence_ec_guide_mt.pdf).

( 7 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha quddiemha rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dan it-tip ta’ miżuri. Fir-rigward tal-Artikolu 24 tal-konvenzjoni ffirmata fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Brussell”), ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2005, St. Paul Dairy (C-104/03, Ġabra p. I-3481, punt 13), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer f’din il-kawża (speċjlment il-punt 32, li jikkonċerna l-objettivi possibbli ta’ dawk il-miżuri fid-dawl tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri). Fir-rigward tar-Regolament Nru 1206/2001, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li wasslet għad-digriet ta’ tħassir tas-27 ta’ Settembru 2007, Tedesco (C-175/06, Ġabra p. I-7929, punti 76 et seq.).

( 8 ) Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi li “[i]l-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim”.

( 9 ) Konvenzjoni dwar il-kompetenza ġudizzjarja u l-eżekuzjoni tad-deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988 (ĠU 1988, L 319, p. 9), kif riveduta bil-konvenzjoni ffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 [ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/712/KE, tal-15 ta’ Ottubru 2007, dwar l-iffirmar ta’ din tal-aħħar, f’isem il-Komunità Ewropea (ĠU L 339, p. 1)], li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2011, u torbot lill-Komunità, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Islanda, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera.

( 10 ) F’dan ir-rigwad, hija tibbaża, b’analoġija, fuq ir-rapport imfassal minn P. Schlosser dwar il-konvenzjoni tad-9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta’ Fuq mal-Konvenzjoni ta’ Brussell imsemmija hawn fuq, kif ukoll mal-protokoll dwar l-interpretazzjoni tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71, ara speċjalment il-punt 187), fejn l-Artikolu 25 ta’ din il-konvenzjoni huwa ekwivalenti għall-imsemmi Artikolu 32.

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-17 ta’ Lulju 1997, Affish (C-183/95, Ġabra p. I-4315, punt 24), u tal-14 ta’ Diċembru 2000, AMID (C-141/99, Ġabra p. I-11619, punt 18).

( 12 ) Fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża St. Paul Dairy, iċċitati iktar ’il fuq, l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer isemmi li “f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà tal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001, ir-regolament il-ġdid [Nru 1206/2001] jipprevali […] fuq dan tal-aħħar, b’mod konformi mal-prinċipju tas-suċċessjoni tar-regoli ġuridiċi (lex posterior derogat priori)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 13 ) Ara b’analoġija, l-istudju li sar fuq talba tal-Parlament Ewropew bl-isem “Interpretazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku kif prevista mill-istrumenti tad-dritt internazzjonali privat u mid-dritt proċedurali tal-Unjoni Ewropea”, Brussell, 2011, li jgħid li “hemm tendenza manifesta ta’ kontroreferenza bejn id-diversi strumenti f’dak li jirrigwada l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ordni pubbliku. […] Madankollu, kull trasferiment jeħtieġ ċirkustanzi fattwali u ġuridiċi sottostanti simili” [traduzzjoni libera], li jidher li ma huwiex il-każ fir-rigward tar-Regolamenti Nru 44/2001 u Nru 1206/2001 (disponibbli fuq l-Internet fuq l-indirizz li ġej: http://www.europarl.europa.eu/studies, dokument 453.189, p. 14 u 137).

( 14 ) Fil-Gwida għall-prattika tagħha msemmija iktar ’il fuq, il-Kummissjoni indikat li dan il-kunċett “jinkludi pereżempju smigħ ta’ xhieda ta’ fatti, ta’ partijiet, ta’ esperti, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti, verifiki, stabbiliment ta’ fatti […]” (punt 8, kif ukoll fir-rigward tal-perizji, il-punti 17, 37 u 55).

( 15 ) Dan in-nuqqas ta’ definizzjoni joħloq problemi fil-prattika, b’mod partikolari fir-rigward tal-miżuri ta’ perizja, skont ir-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 [COM(2007) 769 finali, punt 2.9].

( 16 ) Ara wkoll, fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni indiretta tal-kumpliazzjoni ta’ xhieda, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1206/2001.

( 17 ) Infakkar li fil-kawża prinċipali, il-perizja li kellha ssir prinċipalment fit-territorju Olandiż ġiet ordnata minn qorti Belġjana fuq il-bażi tal-Artikolu 962 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, li jipprovdi li “il-qorti tista’, fid-dawl tas-soluzzjoni ta’ kawża mressqa quddiemha jew f’każ ta’ theddida objettiva u attwali ta’ kawża, tinkariga esperti biex jipproċedu għal konstatazzjonijiet jew biex jagħtu parir ta’ natura teknika”.

( 18 ) Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012 (C-170/11).

( 19 ) Ara l-punt 54 kif ukoll is-sorsi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 tal-imsemmija konklużjonijiet.

( 20 ) B’hekk, fl-Italja, fil-Lussembrugu u fl-Isvezja, din il-parteċipazzjoni attiva hija rrifjutata, skont in-nota tal-Kunsill tat-28 ta’ Lulju 2000 li tiġbor fil-qosor ir-risposti mogħtija mid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri għall-kwestjonarju dwar il-possibbiltà ta’ strument tal-Unjoni intiż sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġbir tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali (10651/00 JUSTCIV 85, p. 10, punt 9).

( 21 ) Kif ifakkar ir-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq [COM(2007) 769 finali]. Ara wkoll il-premessa 2 tar-Regolament Nru 1206/2001.

( 22 ) Għal spjegazzjoni taż-żewġ metodi ta’ assistenza ġudizzjarja, ara, b’mod partikolari, il-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lippens et, iċċitati iktar ’il fuq

( 23 ) Kliem enfasizzat minni.

( 24 ) Dawn id-dispożizzjonijiet huma mħabbra fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 1206/2001.

( 25 ) Fuq il-karatteristiċi rispettivi tal-imsemmija korp ċentrali u awtorità kompetenti, ara l-Artikolu 3(1) u (3) tar-Regolament Nru 1206/2001.

( 26 ) Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bil-għan li jiġi adottat Regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġbir ta’ provi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2000, C 314, p. 1).

( 27 ) “Bħala regola ġenerali, il-kumpilazzjoni ta’ xhieda ma tistax tintalab jekk il-qorti ta’ Stat Membru tkun tixtieq li espert imexxi investigazzjonijiet fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, l-espert jista’ jinħatar direttament mill-qorti ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr ma jkun meħtieġ li tintalab awtorizzazzjoni jew tingħata informazzjoni minn qabel lill-Istat Membru l-ieħor” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 28 ) Din id-dispożizzjoni, għall-kuntrarju tal-oħrajn, ma kinitx is-suġġett ta’ proposta ta’ emenda mill-Parlament fir-rapport tiegħu tas-27 ta’ Frar 2001 dwar l-imsemmija proposta Ġermaniża, li l-espożizzjoni tal-motivi tagħha jgħid biss li dak l-“Artikolu 1(3) jipprovdi li r-regolament ma huwiex applikabbi jekk il-qorti ta’ Stat Membru tkun tixtieq li espert imexxi investigazzjonijiet fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, l-espert jista’ jinħatar direttament mill-qorti, mingħajr ma tkun meħtieġa ebda awtorizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (dokument tas-seduta finali 298.394, A5-0073/2001, p. 10, punt 1.3.1).

( 29 ) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali.ppubblikata fil-11 ta’ Mejju 2001 (ĠU C 139, p. 10).

( 30 ) Opinjoni tal-Parlament f’qari wieħed, mogħtija fl-14 ta’ Marzu 2001 (A5-0073/2001, ĠU C 343, p. 184).

( 31 ) Il-Kunsill kien diġà ppreveda din l-emenda fil-verżjoni rriveduta tal-abbozz tar-regolament li ġiet ippubblikata fis-16 ta’ Marzu 2001, mingħajr spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet għat-tneħħija inkwistjoni (6850/01 JUSTCIV 28, p. 7).

( 32 ) Iċċitata iktar ’il fuq.

( 33 ) Ara l-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħi ċċitati iktar ’il fuq.

( 34 ) Skont l-Artikolu 17(2).

( 35 ) Il-qorti rikjedenti tista’ alternattivament tirrikorri għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni indiretta prevista fl-Artikoli 10 et sequitur tar-Regolament Nru 1206/2001 jekk assolutament ma tkunx trid tipproċedi hija stess għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

( 36 ) Skont l-istudju dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 li sar fl-2007 fuq talba tal-Kummissjoni (aċċessibbli fuq l-Internet bl-Ingliż fuq l-indirizz: http://ec.europa.eu/civiljustice/publications/docs/final_report_ec_1206_2001_a_09032007.pdf), għalkemm l-Artikolu 17(3) tal-imsemmi regolament jippermetti li jinħatar espert biex jirrappreżenta lill-qorti rikjedenti, “when it comes to determining who can take evidence it should be borne in mind that in those cases where the presence of a judge is required, if the judge of the requesting State does not agree to travel to the other Member State, he will need to ask for the foreign court’s help” (p. 88, punt 4.1.10.2).

( 37 ) Il-kunsens tagħha jista’ jingħata mill-persuna kkonċernata taħt il-pressjoni tal-possibbiltà li qorti Belġjana li quddiemha tkun tinsab il-kawża dwar il-mertu sussegwentement tidderiva konsegwenzi negattivi min-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ din il-parti. Ara, b’analoġija, il-punt 64 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Lippens et,iċċitati iktar ’il fuq.

( 38 ) B’mod speċjali meta jkun hemm riskju ta’ sovrapożizzjoni bejn l-inkjesti mwettqa minn espert fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, bħal f’din il-kawża, u dawk li jsiru minn korp speċjali li jkunu previsti għal inċidenti serji jew potenzjalment serji fl-Artikoli 19 sa 24 – b’mod speċjali fl-Artikolu 20(2)(a) – u fl-Anness V tad-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà Tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227).

( 39 ) Ara wkoll il premessa 17 ta’ dak l-istess regolament.

( 40 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 199, p. 1). Il-premessa 20 ta’ dan ir-regolament tipprovdi wkoll li “[i]l-qorti jew it-tribunal għandhom jużaw mezzi ta’ teħid ta’ provi li jkunu l-aktar sempliċi u li jiswew l-inqas”.

Top